Brussell, 13.2.2017

COM(2017) 69 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport ta' evalwazzjoni ex post fuq il-programm ta' Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza (2007-2013)


WERREJ

1    INTRODUZZJONI    

1.1    L-GĦAN TAR-RAPPORT    

1.2    IL-METODOLOĠIJA U S-SORS TA’ INFORMAZZJONI    

1.3    DESKRIZZJONI TAL-PROGRAMM    

2    RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONI    

2.1    IR-RILEVANZA TAL-PROGRAMM    

2.2    KOERENZA U KUMPLIMENTARJETÀ    

2.3    L-EFFIKAĊJA    

2.4    SOSTENIBBILTÀ U TRASFERIBBILTÀ    

2.5    L-EFFIĊJENZA U LOK GĦAL SIMPLIFIKAZZJONI    

2.6    VALUR MIŻJUD EWROPEW    

3    KONKLUŻJONIJIET    


1INTRODUZZJONI

1.1L-GĦAN TAR-RAPPORT

1 2 Id-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Programm drittijiet fundamentali u ċittadinanza (FRC, Fundamental Rights and Citizenship) titlob li l-Kummissjoni tippreżenta evalwazzjoni “ex post” għall-perjodu 2007 sal-2013. Din l-evalwazzjoni “ex post twettqet minn evalwatur estern indipendenti assistit mill-persunal tal-Kummissjoni.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq dik l-evalwazzjoni. Ir-rapport huwa strutturat skont il-kriterji ewlenin għall-evalwazzjoni u l-mistoqsijiet korrispondenti. Dawn jinkludu r-rilevanza, il-koerenza u l-kumplimentarjetà, l-effikaċja, l-impatt u s-sostenibbiltà, l-effiċjenza u l-lok għal simplifikazzjoni, u l-valur miżjud Ewropew.

1.2IL-METODOLOĠIJA U S-SORS TA’ INFORMAZZJONI

Din l-evalwazzjoni finali hija bbażata fuq dawn li ġejjin:

eżami estensiv tad-dokumentazzjoni disponibbli għal 135 għotja għal azzjoni u 34 għotja operattiva ffinanzjati mill-programm FRC tal-2007-2013.

eżami tad-dokumentazzjoni tal-programm, bħad-deċiżjoni fundatriċi, il-programmi ta’ ħidma annwali u s-sejħiet għal proposti kemm għall-għotjiet kif ukoll għall-kuntratti tal-akkwist pubbliku;

eżami ta’ informazzjoni oħra disponibbli onlajn— pereż. dokumenti ta’ politika tal-UE, siti elettroniċi, deċiżjonijiet ta’ stabbiliment dwar programmi relatati tal-UE eċċ.;

analiżi kwantitattiva tal-169 proġett tal-JPEN (għotjiet għal azzjoni u operattivi);

analiżi ta’ 71 tweġiba għall-istħarriġ onlajn minn benefiċjarji ta’ għotjiet tal-programm FRC;

il-kitbiet ta’ 17-il intervista ta’ segwitu mal-koordinaturi ta’ proġetti / organizzazzjonijiet li rċevew għotjiet mill-FRC 2007-2013;

erba’ intervisti esplorattivi ma’ uffiċjali tal-Kummissjoni.

1.3DESKRIZZJONI TAL-PROGRAMM

Il-programm FRC kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/252/ĠAI tad-19 ta’ April 2007 (“id-deċiżjoni fundatriċi”) għall-perjodu 2007-2013 bħala parti mill-programm “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”.

L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni fundatriċi jiddeskrivi l-erba’ objettivi ġenerali:

il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' soċjetà Ewropea bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxut fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inklużi d-drittijiet derivati miċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-inkoraġġiment ta’ djalogu miftuħ, trasparenti u regolari magħha fir-rigward tad-drittijiet fundamentali;

il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-Semitiżmu u l-promozzjoni ta’ intendiment aħjar u tolleranza akbar bejn ir-reliġjonijiet u l-kulturi mal-Unjoni Ewropea kollha;

li jtejjeb il-kuntatti, l-iskambju ta' informazzjoni u n-netwerking bejn awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi u l-professjonijiet legali, anke bl-għoti ta’ appoġġ ta’ taħriġ ġudizzjarju sabiex jiġi żgurat għarfien reċiproku aħjar fost tali awtoritajiet u professjonisti.

L-objettivi ġenerali tal-programm jikkomplimentaw l-objettivi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 168/2007, jiġifieri, li jkun hemm kontribut għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ linji politiċi Komunitarji f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali.

Il-programm FRC, bħal fil-każ ta’ programmi oħra li jiffurmaw parti mill-programm tad-drittijiet fundamentali u tal-ġustizzja, jiffinanzja azzjonijiet permezz tal-mekkaniżmi li ġejjin 3 :

għotjiet ta’ azzjoni fil-forma ta’ ko-finanzjament (sa 80 % tal-ispejjeż totali) għal proġetti transnazzjonali speċifiċi ta’ interess Komunitarju ppreżentati minn awtorità jew minn kwalunkwe korp ieħor ta’ Stat Membru, organizzazzjoni internazzjonali jew mhux governattiva, li jista’ jibqa’ għaddej għal massimu ta’ sentejn;

għotjiet operattivi li jipprovdu appoġġ finanzjarju (sa 80 %) għall-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew entitajiet oħra li għandhom għan ta’ interess Ewropew ġenerali;

għotjiet operattivi li jikkofinanzjaw nefqa assoċjata mal-programm ta’ ħidma permanenti ta’ organizzazzjonijiet speċifiċi msemmija fil-bażijiet ġuridiċi (il-Konferenza tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli ta’ Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi tal-Istat u Supremi tal-Unjoni Ewropea); u

kuntratti / akkwist pubbliku miksuba b’sejħa għal offerti għat-twettiq ta’ azzjonijiet speċifiċi mnedija mill-Kummissjoni bħal: studji u riċerka; stħarriġiet tal-opinjoni u stħarriġiet; formulazzjoni ta’ indikaturi u ta’ metodoloġiji komuni; ġbir, żvilupp u disseminazzjoni ta' data u statistika; seminars, konferenzi u laqgħat ta’ esperti; organizzazzjoni ta' kampanji u avvenimenti pubbliċi; żvilupp u manutenzjoni ta’ siti web; tħejjija u tixrid ta’ materjal ta’ informazzjoni; appoġġ għal netwerks ta’ esperti nazzjonali u ġestjoni tagħhom; u attivitajiet ta’ analiżi, ta’ sorveljanza u ta’ evalwazzjoni, eċċ.

Il-baġit totali allokat għall-programm FRC għall-perjodu ta’ implimentazzjoni tiegħu (Jannar 2007 – Diċembru 2013) kien jammonta għal EUR 94,8 miljun (ara t- Tabella 1 1 ).

Tabella 11 Tqassim baġitarju ppjanat għall-programm FRC (2007-2013)

Sena

Il-Baġit Disponibbli għall-Għotjiet u l-Kuntratti

Proġetti (għotjiet għal azzjoni)

Għotjiet operattivi

Inizjattivi tal-Kummissjoni

Baġit annwali totali

Valur (EUR)

%

Valur (EUR)

%

Valur (EUR)

%

Valur (EUR m)

%

2007

5 505 000

51,9 %

2 100 000

19,8 %

2 995 000

28,3 %

10,60

100 %

2008

5 800 000

50,0 %

2 100 000

18,1 %

3 700 000

31,9 %

11,60

100 %

2009

9 200 000

64,8 %

1 300 000

9,2 %

3 700 000

26,1 %

14,20

100 %

2010

10 195 000

73,9 %

1 400 000

10,1 %

2 205 000

16,0 %

13,80

100 %

2011

9 290 000

67,3 %

1 000 000

7,2 %

3 510 000

25,4 %

13,80

100 %

2012

12 235 000

80,0 %

1 000 000

6,5 %

2 065 000

13,5 %

15,30

100 %

2013

10 900 000

70,3 %

1 000 000

6,5 %

3 600 000

23,2 %

15,50

100 %

63 125 000

66,6%

9 900 000

10,4 %

21 775 000

23 %

94,80 m

FRC — Programmi ta’ Ħidma Annwali (2007-2013)

Fil-perjodu 2007-2013, il-Kummissjoni ppubblikat:

ħames sejħiet għal proposti għal għotjiet għal azzjoni: FRC/AG 2007, 2008, 2009-2010, 2011-2012, 2013;

sitt sejħiet għal proposti għal għotjiet operattivi: FRC/OG 2007 sena finanzjarja 2008, FRC/OG 2008 sena finanzjarja 2009, FRC/OG 2009 sena finanzjarja 2010, FRC/OG 2010 sena finanzjarja 2011, FRC/OG 2012 sena finanzjarja 2012, u FRC/OG 2013 sena finanzjarja 2013.

Il-Kummissjoni ffinanzjat ukoll 111-il inizjattiva tal-Kummissjoni permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku.

It- Tabella 1 2 tiġbor fil-qosor in-numru ta’ azzjonijiet differenti ffinanzjati kull sena tal-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-programm.

Tabella 12 In-numru ta’ azzjonijiet iffinanzjati kull sena

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

TOTAL

Għotjiet għal azzjoni

18

26

49 

42

N/S 4

135

Għotjiet operattivi

3

7

4

6

0

10

4

34

Akkwist pubbliku 

7

19

14

27

13

16

15

111

Il-biċċa l-kbira tal-għotjiet (46 %) marru għand NGOs nazzjonali, inklużi pjattaformi u netwerks ta’ NGOs. L-akbar numru ta’ proġetti li kien imiss (19 %) kienu mmexxija minn netwerk / pjattaforma/forum Ewropej, segwit b’awtoritajiet nazzjonali (pereż. ministeri) (6 %), istituti tar-riċerka (6 %) u universitajiet (6 %). Barra minn hekk, 5 % tal-proġetti kienu mmexxija minn awtoritajiet lokali, 4 % kienu mmexxija minn istituti tal-edukazzjoni/tat-taħriġ oħra, 3 % minn awtoritajiet reġjonali, u 5 % minn tipi oħra ta’ organizzazzjonijiet. Finalment, 0,6 % kienu mmexxija minn qrati, servizzi pubbliċi u servizzi tal-prosekuzzjoni.

Għal għotjiet għal azzjoni mill-FRC, is-sensibilizzazzjoni, l-informazzjoni u d-disseminazzjoni jirrappreżentaw 24 % tal-attivitajiet, segwiti b’tagħlim reċiproku, skambju ta’ prattiki tajbin, kooperazzjoni (22 %), attivitajiet analitiċi (20 %), appoġġ lil atturi ewlenin (15 %) u attivitajiet ta’ taħriġ (13 %).

Għal għotjiet operattivi tal-FRC, is-sensibilizzazzjoni, l-informazzjoni u d-disseminazzjoni huma t-tipi ewlenin ta’ attività b’25 %, segwit mill-qrib minn appoġġ lill-atturi ewlenin (24 %), tagħlim reċiproku, skambju ta’ prattiki tajbin, kooperazzjoni (23 %), attivitajiet analitiċi (16 %) u attivitajiet ta’ taħriġ (10 %) 5 .

2RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONI

2.1IR-RILEVANZA TAL-PROGRAMM

Ir-rilevanza ta’ programm tiġi vvalutata f’termini ta’ kemm l-azzjonijiet tiegħu jindirizzaw b’mod loġiku l-objettivi tiegħu, il-ħtiġijiet ta’ politika usa' tal-UE u l-ħtiġijiet tal-udjenzi fil-mira.

2.1.1Ir-rilevanza tal-azzjonijiet tal-programm għall-objettivi tiegħu

Biex tiżgura li l-programm jikseb riżultati konsistenti mal-objettivi, il-Kummissjoni stabbilixxiet oqsma ta’ ħidma ta’ prijorità f’kull programm ta’ ħidma annwali. L-oqsma ta’ prijorità ddeterminaw l-enfasi tal-attivitajiet iffinanzjati permezz ta’ għotjiet għal azzjoni, billi l-applikanti kienu mitluba jressqu attivitajiet li jaqgħu taħt wieħed, jew aktar, mill-oqsma ta’ prijorità. Kull sena, il-prijoritajiet setgħu jinbidlu skont l-aġenda tal-politika tal-UE u skont il-ħtiġijiet prattiċi fis-setturi differenti.

L-ewwel programm ta’ ħidma annwali fl-2007 introduċa l-prijorità li tiffoka fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal wara l-adozzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal". L-għan kien li jkunu promossi u rrispettati aħjar id-drittijiet tat-tfal kif inhuma elenkati fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, permezz ta’ attivitajiet bħal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u l-analiżi ta’ ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal. Dan il-qasam ta’ prijorità joqgħod taħt l-objettiv usa’ ta’ promozzjoni tad-drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, il-prijoritizzazzjoni konsistenti ta’ dan il-qasam tul is-snin hija rilevanti 6 .

Il-programm ta' ħidma annwali tal-2007 ta wkoll prijorità lill-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-Semitiżmu. Din hija konformi mal-objettiv ġenerali tal-programm FRC fuq din il-kwistjoni. L-idea kienet li jiġu promossi azzjonijiet immirati lejn il-ġlieda kontra sterjotipi u attitudnijiet razzisti, taħdit u vjolenza permezz ta’ inizjattivi li għandhom l-għan li jrawmu l-fehim reċiproku u li jiżviluppaw approċċi transkomunitarji. Fl-2008 żdiedet prijorità oħra — il-ġlieda kontra l-omofobija — bl-għan li jiġu identifikati u miġġielda aħjar l-attitudnijiet u l-isterjotipi omofobiċi. Dawn iż-żewġ prijoritajiet inżammu sa tmiem il-programm fl-2013 7 .

Id-deċiżjoni fundatriċi ma ssemmix il-kwistjoni tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data u għall-privatezza, iżda l-Kummissjoni diġà kienet għamlitha qasam ta’ prijorità fil-programm ta’ ħidma annwali 2007. Bħal fil-każ tad-drittijiet tat-tfal, dan il-qasam ta’ prijorità jaqbel mal-objettiv usa’ tal-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, u għaldaqstant huwa rilevanti għall-objettivi tal-programm FRC. Fl-2011 kienet stabbilita prijorità addizzjonali biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data. Matul il-perjodu tal-programm ma sar l-ebda tibdil ieħor fil-prijoritajiet ta’ dan il-qasam. 8 .

Id-deċiżjoni fundatriċi ssemmi, bħala objettiv speċifiku, “sabiex jinforma lill-persuni kollha dwar id-drittijiet tagħhom inklużi dawk li ġejjin miċ-ċittadinanza tal-Unjoni sabiex jinkoraġġixxi ċ-ċittadini tal-Unjoni jipparteċipaw attivament fil-ħajja demokratika tal-Unjoni”. Dan huwa għalhekk qasam rilevanti ħafna, u kien ingħata prijorità tul il-perjodu tal-programm kollu.

Il-programm ta’ ħidma annwali 2008 introduċa prijorità li tiffoka fuq taħriġ dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, bil-għan li jittejbu l-għarfien u l-intendiment min-naħa tal-awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi u mill-professjonisti legali tal-prinċipji minquxa fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Din il-prijorità nżammet sal-programm ta’ ħidma annwali 2012, fejn ingħatat prijorità wkoll lill-edukazzjoni tal-pubbliku ġenerali, b’enfasi speċifiku fuq proġetti mmirati biex individwi li jemmnu li d-drittijiet fundamentali tagħhom kienu ġew miksura jintbagħtu għand l-awtoritajiet adatti 9 .

2.1.2Il-prijoritajiet stabbiliti fis-sejħiet għal proposti u fl-azzjonijiet magħżulin, u r-rilevanza tagħhom għall-politika

Il-prijoritajiet stabbiliti tal-programm FRC u stipulati fis-sejħiet għal proposti kienu b’mod ġenerali konsistenti mal-iżviluppi fil-politika tal-UE matul il-programm, u jidhru li indirizzaw b’mod adegwat dawn l-iżviluppi fil-politika 10 . Il-prijoritajiet tal-programm intgħażlu prinċipalment mill-unità ta’ politika u skont l-aġenda ta’ politika u l-ħtiġijiet prattiċi identifikati f’kull settur. Il-katina ġerarkika kollha kemm hi kienet involuta u DĠ differenti setgħu jiġu kkonsultati. Dan il-proċess inħoloq biex ikun żgurat li l-prijoritajiet ikunu konsistenti mal-iżvilupp fil-politika tal-UE.

Pereżempju, mill-2010 enfasi waħda tal-aġenda ta’ politika tal-UE fir-rigward taċ-ċittadinanza kienet fuq il-promozzjoni tal-bilanċ bejn is-sessi fil-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Is-sena ta’ wara, din il-kwistjoni ġiet riflessa bħala waħda mill-prijoritajiet tal-programm ta' ħidma annwali tal-FRC 11 .

2.1.3Ir-rilevanza tal-programm għall-ħtiġijiet tal-gruppi fil-mira

L-FRC kien programm popolari b’numru kemxejn għoli ta’ applikazzjonijiet riċevuti meta mqabbla mal-finanzjament disponibbli. In-numru totali ta’ applikazzjonijiet fil-fatt varja minn minimu ta’ 66 fl-2007 għal massimu ta’ 257 fl-2011-2012 għall-għotjiet għal azzjoni. Għall-għotjiet operattivi l-anqas numru ta’ applikazzjonijiet kien ta’ 11 fl-2007 u l-akbar numru ta’ applikazzjonijiet kien ta’ 52 fl-2010 12 .

Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ onlajn kienu rċevew aktar minn għotja waħda taħt il-programm FRC, u kienu jqisu l-prijoritajiet identifikati mill-Kummissjoni fis-sejħiet bħala rilevanti kemm għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-grupp taħt mira (80 %) kif ukoll għall-ħtiġijiet tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (86 %) 13 . Barra minn hekk, ħafna mill-persuni intervistati (10 minn 17-il intervista) kienu sodisfatti bil-prijoritajiet kif stabbiliti fis-sejħiet għal proposti, filwaqt li tnejn biss mis-17-il persuna intervistati ma kinux sodisfatti bis-sejħiet 14 .

Madankollu, jekk il-ħtiġijiet tal-grupp fil-mira jistgħux jiġu ssodisfati mill-attivitajiet, mill-eżiti u mir-riżultati tal-proġett u jekk fil-fatt ġewx issodisfati, ma setax jiġi vverifikat. Il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet mhumiex rekwiżit obbligatorju għall-benefiċjarji tal-għotjiet. Madankollu, li kieku l-applikanti għal għotjiet għamlu dan, dan kien jagħti indikazzjoni ferm aktar ċara tar-rilevanza tal-proġett tagħhom, iżid il-kwalità tal-istudju tagħhom u jipprovdi linja bażi għall-valutazzjoni tas-suċċess tal-proġett aktar tard. Proġetti li mhumiex ibbażati fuq il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet jistgħu jkunu għadhom rilevanti għall-ħtiġijiet tal-gruppi fil-mira, iżda n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet joħloq riskju li setgħu ġew żviluppati metodi jew mezzi aktar rilevanti li jagħtu appoġġ għall-gruppi fil-mira.

2.2KOERENZA U KUMPLIMENTARJETÀ

L-enfasi tal-FRC fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali in ġenerali jinkludi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Il-programm Daphne huwa mmirat lejn it-tfal fost il-gruppi vulnerabbli li jimmira li jipproteġi mill-vjolenza. Il-programm ta’ Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità (ISEC) jirreferi wkoll għall-protezzjoni tat-tfal fost l-objettivi ġenerali tiegħu, u b’mod partikolari li t-tfal ikunu protetti milli jsiru vittmi ta’ kriminalità. Fil-fowkus tagħhom fuq ir-refuġjati u l-persuni spustati, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni wkoll jinkludu l-protezzjoni tat-tfal fost l-għanijiet tagħhom, għalkemm dawk it-tfal li huma fost il-gruppi taħt mira tagħhom biss.

L-objettivi tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu u l-omofobija, li huma parti mill-ambitu tal-FRC dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali in ġenerali, huma kondiviżi mill-programm PROGRESS u mis-Seba' Programm Kwadru, fost l-oħrajn. PROGRESS, li jimmira lejn il-protezzjoni tal-persuni mid-diskriminazzjoni, għandu enfasi iktar stretta billi huwa ffukat fuq li jikkontribwixxi għall-objettivi ekonomiċi u soċjali stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020. L-enfasi tad-Daphne li jiżgura protezzjoni mill-vjolenza kontra ċerti gruppi vulnerabbli ukoll għandu kumplimentarjetajiet f’dan il-qasam.

L-akbar lok għal kumplimentarjetà u potenzjal għal trikkib kien identifikat għall-objettiv ta’ taħriġ u ta’ tiswir ta’ netwerks bejn il-professjonijiet legali u l-prattikanti legali. L-objettiv tal-programm FRC f’dan il-qasam huwa ġenerali ħafna, jiġifieri li jtejjeb il-kuntatti, l-iskambji ta’ informazzjoni u t-tiswir ta’ netwerks bejn awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi u l-professjonijiet legali. Dan inkluda appoġġ għat-taħriġ ġudizzjarju, bl-għan li jkompli jitjieb il-fehim reċiproku, għad li huwa ffokat fuq it-taħriġ relatat mad-drittijiet fundamentali b’mod ġenerali. Il-kamp ta' applikazzjoni għal kumplimentarjetà u trikkib huwa usa’ mad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja, il-Programm Ġustizzja Kriminali (JPEN) u l-Programm Ġustizzja Ċivili (JCIV). Il-programmi JPEN, JCIV u l-FRC jimmiraw li jtejbu t-taħriġ għall-membri tal-ġudikaturi nazzjonali. Il-fondi tal-JPEN, madankollu, jistgħu jiġu allokati biss għal attivitajiet fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, filwaqt li l-fondi tal-JCIV jistgħu jiġu allokati biss għal attivitajiet fil-qasam tal-ġustizzja ċivili. Għaldaqstant l-JPEN u l-JCIV huma aktar iffukati mill-FRC.

Bħala konklużjoni, kien identifikat li l-aktar li hemm kamp ta' applikazzjoni għal kumplimentarjetà mal-programmi JPEN u PROGRESS. Kumplimentarjetajiet potenzjali kienu wkoll identifikati mal-programmi Daphne u ISEC. L-analiżi ma identifikat l-ebda trikkib mas-CIPS (Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà), l-RF (Fond Ewropew għar-Ritorn) jew id-DPIP (Programm għall-Prevenzjoni mid-Drogi u Informazzjoni dwarha) 15 .

2.2.1Natura tal-proġetti

L-FRC kopra biss proġetti li kienu ta’ natura transnazzjonali; l-attivitajiet nazzjonali kienu koperti biss billi kienu parti minn azzjoni transnazzjonali akbar. L-FRC kien implimentat permezz ta’ ġestjoni diretta, flimkien mal-programmi ta’ finanzjament l-oħra li jeżistu b’appoġġ għall-politiki tal-UE dwar il-ġustizzja, id-drittijiet u l-ugwaljanza għall-2007-2013. Bil-ġestjoni diretta, il-ħidma kollha operattiva u ta’ pprogrammar issir mill-Kummissjoni, li għandha responsabbiltà sħiħa.

2.2.2Azzjonijiet iffinanzjati

Il-proċess li jiġu żviluppati prijoritajiet annwali fil-programm ta’ ħidma annwali tal-FRC huwa mekkaniżmu wieħed biex tkun żgurata koerenza bejn l-FRC u programmi u politiki oħra tal-UE. Dawn il-programmi, u b’mod partikolari l-prijoritajiet annwali, huma żviluppati bl-appoġġ ta’ diversi atturi, fil-Kummissjoni u lil hinn minnha. F’dan ir-rigward il-programm jirrifletti firxa ta’ prijoritajiet ta’ politika fl-iżvilupp tal-prijoritajiet annwali.

Analiżi tal-prijoritajiet stabbiliti għall-oqsma tematiċi ċentrali identifikat l-eżempji li ġejjin fejn kienu stabbiliti prijoritajiet bil-ħsieb li jinkisbu koerenza u kumplimentarjetà u tkun evitata trikkib 16 :

Protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal: is-sejħiet tal-2008 u tal-2009-2010 għal proposti ta’ għotja għal azzjoni semmew l-appoġġ għal proġetti dwar it-tfal li huma vittmi ta’ reati kriminali, li huwa kumplimentari għall-programm Daphne.

Il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu u l-omofobija: is-sejħiet tal-2008 u tal-2009-2010 għal proposti ta’ għotja għal azzjoni semmew ukoll l-appoġġ għal azzjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-isterjotipi li l-persistenza jew id-diffużjoni tagħhom huma fil-qalba ta’ aċċidenti vjolenti, li huwa parzjalment kumplimentari għall-programm Daphne.

 

Taħt il-prijorità “Il-Ġlieda kontra l-Omofobija” is-sejħa tal-2008 eskludiet azzjonijiet li jiddupplikaw attivitajiet dwar in-nondiskriminazzjoni fl-impjieg. Is-sejħa tal-2009-2010 kellha esklużjoni simili. Dawn huma t-tnejn immirati li tiġi evitata trikkib ma’ PROGRESS.

Ċittadinanza u parteċipazzjoni attiva fil-ħajja demokratika tal-Unjoni: il-prijoritajiet stabbiliti fid-diversi sejħiet għal proposti jvarjaw minn sensibilizzazzjoni dwar parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-UE minn ċittadini tal-UE residenti fi Stat Membru ieħor sal-iskambju tal-aħjar prattika dwar l-akkwist u t-telfien taċ-ċittadinanza tal-UE. Mal-firxa tad-diversi sejħiet għal proposti dan il-qasam ta’ prijorità jidher li ma joffrix bosta opportunitajiet għal kumplimentarjetà.

Taħriġ dwar il-Karta tal-UE u n-netwerking bejn il-professjonijiet legali u l-prattikanti legali: is-sejħa tal-2011-2012 eskludiet proġetti mmirati prinċipalment lejn il-ħolqien ta’ siti web ġodda, sabiex tiġi evitata trikkib ma’ proġetti li kienu diġà qed jitwettqu, preżubbilment permezz ta’ akkwist pubbliku. Is-sejħa tal-2013 speċifikament tipprijoritizza proġetti biex l-awtoritajiet jiġu mħeġġa jittrattaw l-ilmenti dwar drittijiet fundamentali biex jitfasslu listi ta’ kontroll tal-ammissibbiltà, u teħtieġ li l-proposti għal proġetti jiddikjaraw il-kumplimentarjetà u l-valur miżjud tagħhom fir-rigward ta’ ħidma mwettqa mill-FRA.

Protezzjoni tad-data u drittijiet tal-privatezza: taħt dan il-qasam ta’ prijorità, is-sejħa tal-2011-2012 tirreferi għat-“tisħiħ tal-privatezza tat-tfal fl-ambjent onlajn”, li jifforma kumplimentarjetà interna mal-qasam ta’ prijorità “protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal”.

2.2.1Sinerġiji maħluqa bejn proġetti

L-istħarriġ onlajn żvela li kienu ġew stabbiliti diversi sinerġiji ma’ proġetti oħra ffinanzjati minn programmi tal-UE u nazzjonali oħra 17 .

Minn 29 persuna li wieġbu, 14 semmew li kienu stabbilixxew sinerġiji ma’ proġetti tal-FRC oħra. Barra minn hekk, 21 irrapportaw li kienu stabbilixxew sinerġiji ma’ proġetti ffinanzjati minn programmi tal-UE oħra u 23 irrapportaw li kienu ġew maħluqa sinerġiji ma’ programmi nazzjonali / reġjonali oħra b’objettivi simili. Sebgħa minn fost dawk li wieġbu ddikjaraw li nħolqu sinerġiji ma’ proġetti ffinanzjati minn programmi oħrajn ta’ donaturi internazzjonali.

Eżempji tat-tipi ta’ sinerġiji stabbiliti pprovduti minn dawk li wieġbu għall-istħarriġ onlajn inkludew dawn li ġejjin:

Il-mexxej tal-proġett għal “Assistenza u reintegrazzjoni ta’ tfal vittmi ta’ traffikar: il-promozzjoni u l-evalwazzjoni tal-aħjar prattiki fil-pajjiżi tal-oriġini u f’dawk tad-destinazzjoni (ARECHIVIC)” qal li l-proġett kien kapaċi jagħmel rabta mill-qrib ma’ proġetti ffinanzjati taħt programmi tal-UE oħra u ma’ proġetti ffinanzjati minn donaturi internazzjonali (pereż. il-proġett GRETA tal-Kunsill tal-Ewropa). Il-proġett stabbilixxa wkoll sinerġiji ma’ proġetti fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari ma’ attivitajiet tal-kummissjoni nazzjonali Slovakka. Dan kien meqjus ta’ benefiċċju fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmi addizzjonali għal kooperazzjoni transfruntiera f’dan il-qasam. Il-mexxej tal-istess proġett irrefera wkoll għal sinerġiji ma’ proġetti ffinanzjati permezz tal-programm ISEC u permezz tal-Fond tan-Norveġja.

Il-mexxej tal-proġett għall-“ICUD (“L-Internet: Niżvelaw id-Diskriminazzjoni B’Mod Kreattiv)” (“Internet:
Creatively Unveiling Discrimination”) qal li waqt il-fażi tal-implimentazzjoni tal-proġett ikkooperaw mill-qrib mal-mexxejja ta’ proġetti oħra b’objettivi simili ffinanzjati mill-FRC u minn DAPHNE III. Il-mexxejja tal-proġett skambjaw l-esperjenza u informazzjoni dwar l-eżitu tal-proġetti, li għen biex it-timijiet tal-proġetti jitgħallmu minn xulxin u jsiru aktar effettivi fil-ġlieda kontra din il-forma ta’ diskriminazzjoni. Il-mexxej qal li membri tat-tim tal-ġestjoni ppreżentaw il-proġett u r-riżultati tiegħu f’konferenzi/seminars/laqgħat organizzati taħt proġetti oħra, u setgħu jxerrdu l-metodoloġija u s-sejbiet tagħhom ma’ udjenza usa’.

2.3L-EFFIKAĊJA

L-effettività ta’ programm tirreferi għal kemm il-programm irnexxielu jilħaq l-objettivi tiegħu, u kemm il-proġetti tal-FRC irnexxielhom jilħqu l-objettivi tal-proġett proprji tagħhom.

2.3.1Kisbiet tal-programm u tal-proġett

Ħafna mill-outputs prodotti taħt Id-Drittijiet tat-Tfal (102 minn 143) kienu relatati ma’ attivitajiet analitiċi u ta’ sensibilizzazzjoni u kienu konsistenti mal-għan tal-prijorità (pereż. Avvenimenti, kotba jew materjal ippubblikat ieħor u studji jew linji gwida dwar il-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal) 18 . Pereżempju, proġett wieħed bit-titlu “Vuċijiet tat-tfal: l-esplorazzjoni tal-vjolenza interetnika u d-drittijiet tat-tfal fl-ambjent tal-iskola” pproduċa rapporti tal-aqwa kwalità li pprovdew għarfien f’kuntest ġenerali dwar kwistjonijiet ta’ etniċità u vjolenza interetnika f’ħames Stati Membri. Anki l-istħarriġ ta’ riċerka kwantitattiva u l-istħarriġ fuq il-post ta’ riċerka kwalitattiva pprovdew informazzjoni u intendiment fis-suġġett tal-vjolenza interetnika fl-ambjent tal-iskola, f’forom ta’ vjolenza u l-firxa tal-fenomenu.

Il-proġett “Dritt għal Ġustizzja: Assistenza Legali ta’ Kwalità għal Tfal Mhux Akkumpanjati” pproduċa rapport approfondit fuq dan is-suġġett, li ma kienx ġie rriċerkat qabel. Kienet żviluppata wkoll għodda ta’ “prinċipji ta’ gwida” 19 .

Kienu stabbiliti l-prijoritajiet b’enfasi fuq ir-Razziżmu, l-Omofobija u l-Anti-Semitiżmu sabiex jiġu promossi proġetti li jiġġieldu l-isterjotipi, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza kif ukoll inizjattivi li jrawmu l-intendiment reċiproku u jiżviluppaw approċċi trans-komunitarji.

Numru ta’ għotjiet għal azzjoni żviluppaw rapporti, taħriġ u materjali edukattivi relatati mal-ġlieda kontra r-razziżmu, l-omofobija u l-anti-Semitiżmu 20 . Eżempju ta’ dan it-tip ta’ proġett kien il-proġett ta’ għotja għal azzjoni tal-2009-2010 mill-Fondazzjoni Awtonomija Ġermaniża bit-titlu “Ewropa Waħda! Netwerk Transnazzjonali ta’ Azzjonijiet taċ-Ċittadini li jippromwovi l-Intendiment Interkulturali u r-Rispett Reċiproku”. Dan il-proġett involva attivitajiet f’aktar minn 20 lokalità fil-pajjiżi parteċipanti (id-Danimarka, il-Bulgarija, l-Ungerija u l-Ġermanja) u kellu l-għan li jwassal messaġġ ta’ tolleranza liż-żgħażagħ lokali u lit-timijiet sportivi tagħhom. Barra minn hekk, il-proġetti bit-titlu “Il-Futbol għall-Ugwaljanza — Nisfidaw l-isterjotipi razzisti u omofobiċi fil-futbol u permezz tiegħu” u “Il-Futbol għall-Ugwaljanza — Nindirizzaw l-Omofobija u r-Razziżmu b’Attenzjoni fuq l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant” ipproduċew outputs li jqajmu kuxjenza dwar il-kwistjoni tal-omofobija fil-futbol. Dawn inkludew stikers “love football — hate sexism” (“inħobb il-futbol — nobgħod is-sessiżmu”); flokkijiet bil-logo - “football for equality” (“futbol għall-ugwaljanza”); avveniment kontra r-razziżmu fi Praga; tliet avvenimenti informattivi f’Hamburg; kummiedja mill-grupp No Mantinels li tindirizza l-omofobija fil-futbol; turnament annwali kontra r-razziżmu u l-intolleranza; konferenza kontra l-omofobija matul il-Eurogames, f’Budapest; u jiem ta’ azzjoni ta’ sensibilizzazzjoni fl-Ambaxxati tas-Sostenituri matul l-EURO.

L-għan inizjali tal-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-prijorità Protezzjoni tad-Data kien li jkunu promossi attivitajiet li jinfurmaw lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data. Matul is-snin dan il-qasam ta’ prijorità ffoka fuq it-tisħiħ tal-privatezza tat-tfal u fuq ir-riskji li l-mezzi elettroniċi joħolqu għall-privatezza kif ukoll fuq it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data. Skont l-analiżi kwantitattiva tal-169 azzjoni mwettqa taħt il-programm FRC, l-attivitajiet implimentati mill-proġetti taħt dan il-qasam kienu prinċipalment attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni (pereż. materjal ippubblikat, materjal promozzjonali u avvenimenti) u attivitajiet ta’ riċerka bħal ġbir ta’ data u stħarriġ. Outputs oħra relatati ma’ attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku, bħal żjarat ta’ studju u workshops. Il-proġett bit-titlu “Données personelles des droits? Sensibiliser et informer les jeunes citoyens européens” produċa output ta’ kwalità tajba — komik f’erba’ lingwi — sabiex titqassam informazzjoni liż-żgħażagħ dwar id-drittijiet tagħhom għal privatezza u protezzjoni ta’ data onlajn. L-eżiti tal-proġett huma wkoll ikkunsidrati prezzjużi 21 .

Barra minn hekk, il-proġett bit-titlu “It-Tfal Jipproteġu d-Data Personali u l-Privatezza” ħoloq kartuns “Sheeplive”, għodda pedagoġika onlajn għall-għalliema tal-iskejjel primarji biex jedukaw lit-tfal dwar id-drittijiet tagħhom ta’ protezzjoni tad-data u ta’ privatezza. Fis-Slovakkja dawn huma rikonoxxuti nazzjonalment bħala l-aktar kartuns magħrufa, ġew tradotti fil-lingwi kollha tal-UE u tqassmu fir-Russja u fiċ-Ċina 22 .

Il-qasam ta’ prijorità taċ-Ċittadinanza jinkludi sett ta’ prijoritajiet li jiffukaw fuq il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni miċ-ċittadini kollha, inklużi ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-Istati Membri fejn jgħixu. Matul is-snin ġew miżjuda prijoritajiet aktar speċifiċi, pereż. prijorità li tindirizza l-iżbilanċ bejn is-sessi fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Dan huwa qasam ta’ prijorità kkaratterizzat minn enfasi fuq kwistjonijiet speċifiċi ħafna u xi kultant tekniċi (pereż. Għarfien tar-regoli fid-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini) li jistgħu jirrikjedu għarfien speċifiku u pjuttost tekniku. Dan il-fattur jista’ jispjega n-numru pjuttost baxx ta’ proġetti mwettqa (21) u l-evidenza baxxa tar-riżultati 23 .

L-attivitajiet imwettqa f’dan il-qasam ta’ prijorità fil-biċċa l-kbira kienu bbażati fuq sensibilizzazzjoni, informazzjoni u disseminazzjoni. Pereżempju, il-proġett bit-titlu “Ir-Regolamentazzjoni tal-Assistenza Konsulari liċ-Ċittadini fl-Ewropa” pproduċa outputs ta’ kwalità tajba inkluż studju komparattiv dwar il-liġijiet u l-prattiki ta’ protezzjoni konsulari fl-Istati Membri u bażi ta’ data li fiha materjal legali nazzjonali, Ewropew u internazzjonali rilevanti 24 .

Matul is-snin, l-għan tal-prijorità Drittijiet Fundamentali kien li jittejbu l-għarfien u l-intendiment tal-awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi u tal-professjonisti legali u tal-pubbliku ġenerali dwar il-prinċipji minquxa fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. L-attivitajiet tal-proġetti f’dan il-qasam kienu primarjament ibbażati fuq taħriġ u fuq tagħlim reċiproku, skambji ta’ prattika tajba u kooperazzjoni, bil-għan li jinkiseb intendiment reċiproku aħjar fost l-awtoritajiet u l-professjonisti 25 .

2.3.2Il-kontribuzzjonijiet tal-proġetti għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki u leġiżlazzjoni tal-UE u nazzjonali

Numru ta’ azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm FRC ikkontribwixxew għall-iżvilupp ta’ politika u ta’ leġiżlazzjoni 26 . Ċerti proġetti kienu mmirati b’mod speċifiku sabiex jilħqu lil dawk li jfasslu l-politiki f’livell nazzjonali u tal-UE, b’metodi differenti. Pereżempju, billi jiġu organizzati laqgħat biex jiġu involuti dawk li jfasslu l-politika, billi jiġu mistiedna għal sessjonijiet ta’ ħidma u/jew avvenimenti ta’ disseminazzjoni oħra jew billi jiġu mistiedna għal laqgħat ta’ informazzjoni/konferenzi, u — skont is-sħab tal-proġett — dawk li jfasslu l-politika kienu milħuqa. Fil-fatt, maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ (60 minn 65) irrapportaw li dawk li jfasslu l-politika wieġbu għall-informazzjoni pprovduta mill-proġett/l-attivitajiet. Minn dawn, 60 % irrapportaw li dawk li jfasslu l-politika kienu wrew xi interess fil-proġett filwaqt li fi 32 % tal-każijiet kienu wrew ħafna interess.

Risponsi pożittivi minn dawk li jfasslu l-politika ħadu firxa ta’ forom. Dawk li wieġbu għall-istħarriġ irrapportaw b’mod unanimu li dawk li jfasslu l-politika kienu ħadu sehem f’avvenimenti relatati ma’ proġett. Involviment ieħor minn dawk li jfasslu l-politika inkluda d-distribuzzjoni ta’ materjali ta’ komunikazzjoni (irrapportat minn 59 % ta’ dawk li wieġbu) u l-forniment ta’ finanzjament addizzjonali b’appoġġ għall-kontinwazzjoni ta’ (xi wħud) mill-attivitajiet tal-proġetti (irrapportat minn 30 % ta’ dawk li wieġbu). Proporzjon iżgħar imma xorta waħda sinifikanti minn dawk li wieġbu (18 %) qalu li r-riżultati tal-proġetti tagħhom kienu ggwidaw lil dawk li jfasslu l-politika biex jagħtu forma lil żviluppi ġodda fil-politika jew biex jagħmlu aġġustamenti fil-politiki eżistenti. F’dawn il-każijiet il-proġetti setgħu jiġu ċertament ikkunsidrati bħala li taw kontribut effettiv għall-iżvilupp ta’ politika u ta’ leġiżlazzjoni 27 .

Ta’ min jinnota wkoll li 51 % (minn 70) ta’ dawk li wieġbu rrapportaw li kienu rċevew attenzjoni pożittiva minn dawk li jfasslu l-politika li kien aktar milli kienu qed jistennew. Din l-attenzjoni addizzjonali tindika li ċerti proġetti kellhom impatt akbar minn dak previst oriġinarjament, sal-punt li setgħu jiġu meqjusa effettivi 28 .

2.3.1Effettività tal-proġetti fil-kisba tal-objettivi proprji tagħhom

Skont l-evidenza kwantitattiva miġbura matul l-immappjar tar-rapporti finali, aktar minn nofs l-għotjiet għal azzjoni u l-għotjiet operattivi kollha ffinalizati (70 minn 115-il għotja li għalihom tqiegħdu rapporti finali għad-dispożizzjoni, billi ċerti proġetti mogħtija fl-2012 u fl-2013 kienu għadhom ma pproduċewx rapport finali sakemm ħarġet din l-evalwazzjoni) implimentaw l-attivitajiet kollha tagħhom kif ippjanat. F’xi każijiet, biex jinkiseb dan kellu jsir tibdil fil-persunal, jew kellu jinbidel membru fis-sħubija jew kellu jinstab finanzjament addizzjonali. Minkejja dan, dawn il-varjazzjonijiet kellhom impatt minuri fuq l-iżvilupp tal-azzjonijiet iffinanzjati (fil-fatt, 63 % tal-71 persuna li wieġbu għall-istħarriġ onlajn indikaw li dan it-tibdil ma kellu ebda impatt fuq l-eżiti tal-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li f’ħames każijiet biss ġie rrapportat impatt kbir) 29 .

Pereżempju, fil-proġett ta’ għotja għal azzjoni 2007 “ARIES — Kontra r-Razziżmu fl-Ewropa permezz tal-Isport”, għalkemm wieħed mis-sħab oriġinali kellu jiġi sostitwit minn organizzazzjoni oħra u għalkemm sar xi tibdil fil-persunal tal-proġett, l-objettivi kollha tal-proġett intlaħqu.

Riżultat ta’ proġett ieħor involva t-taħriġ tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Il-maniġer tal-proġett għall-proġett ta’ għotja għal azzjoni 2010 bit-titlu “Drittijiet Fundamentali Edukazzjoni fl-Ewropa — F.R.E.E.” (“Fundamental Rights Education in Europe”), f’intervista ta’ segwitu, iddikjarat li l-proġett tagħha kien għamel differenza fl-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-uffiċjali tal-pulizija, il-gwardji tal-ħabs u l-awtoritajiet ġudizzjarji. Fl-opinjoni tagħha l-impatt ta’ taħriġ tali kien rilevanti speċjalment fuq l-uffiċjali tal-pulizija fil-Greċja, l-Italja u r-Rumanija, fejn — skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — każijiet ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi huma rikorrenti. Minkejja dan f’dawn il-pajjiżi, l-uffiċjali tal-pulizija ma kienu qatt ingħataw taħriġ dwar kwistjonijiet bħal dawn qabel 30 .

2.4SOSTENIBBILTÀ U TRASFERIBBILTÀ

F’termini ta’ sostenibbiltà, ġie analizzat jekk ir-riżultati u l-impatti li nkisbu mill-proġetti kinux sostenibbli lil hinn mill-perjodu ta’ finanzjament tal-proġett. Fl-evalwazzjoni ġew identifikati tliet livelli ta’ sostenibbiltà:

1) is-sostenibbiltà fil-perjodu qasir, li tinkiseb primarjament permezz tat-tixrid tar-riżultati tal-proġetti;

2) is-sostenibbiltà fuq perjodu medju, li timplika l-kontinwazzjoni tar-riżultati tal-proġetti u/ jew sħubijiet;

3) is-sostenibbiltà aktar fit-tul, li tinkiseb primarjament bit-trasferiment ta’ riżultati tal-proġetti għal kuntesti, għal organizzazzjonijiet u għal Stati Membri oħrajn bi ftit finanzjament jew mingħajr finanzjament addizzjonali 31 .

2.4.1Sostenibbiltà fil-perjodu qasir: disseminazzjoni tar-riżultati tal-proġetti

Kif innotat qabel, it-tipi prinċipali ta’ attività koperti kemm mill-proġetti appoġġati minn għotja għal azzjoni kif ukoll dawk appoġġati minn għotja operattiva huma relatati ma’ sensibilizzazzjoni, informazzjoni u disseminazzjoni. Mat-346 mit-total ta’ 806 outputs ikkunsidrati matul l-eżerċizzju ta’ mmappjar tal-proġett — l-akbar sehem ta’ outputs tal-proġett — kienu marbuta ma’ sensibilizzazzjoni u disseminazzjoni. L-outputs inkludew kotba, films u materjali ppubblikati oħra, kif ukoll avvenimenti bħal konferenzi, seminars, u konferenzi stampa u servizzi ta’ appoġġ u konsulenza pereż. sit web ta’ informazzjoni u konsulenza u helplines 32 .

Rigward id-disseminazzjoni tal-outputs u tar-riżultati mill-benefiċjarji, il-maġġoranza (89 %) ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ onlajn irrapportaw li għandhom pjan ċar għad-disseminazzjoni tal-outputs u tar-riżultati tal-proġett / l-attivitajiet tagħhom. Il-pjanijiet ta’ disseminazzjoni kienu jgħidu li l-outputs u r-riżultati se jkunu mxerrda f’aktar minn lingwa waħda (93 % ta’ dawk li wieġbu) u f’aktar minn pajjiż wieħed (100 % ta’ dawk li wieġbu) 33 .

Is-sħab tal-proġetti rrapportaw li ddisseminaw l-outputs u r-riżultati tal-proġetti u żiedu l-viżibilità tagħhom b’firxa ta’ mezzi, inklużi: seminars, konferenzi u avvenimenti oħra, fuljetti informattivi, siti web u għodod elettroniċi (pereż. filmati u applikazzjonijiet għat-telefown ċellulari), il-pubblikazzjoni ta’ rapporti u pubblikazzjonijiet tematiċi li jirriflettu l-konklużjonijiet milħuqa fl-attivitajiet u rakkomandazzjonijiet għal politiki.

Saret reviżjoni tal-applikazzjonijiet magħżulin sabiex tiġi vvalutata l-kwalità ta’ dawn l-istrateġiji ta’ disseminazzjoni. Imbagħad dawn tqabblu ma’ dak li qalu l-benefiċjarji tal-għotjiet rigward id-disseminazzjoni tar-riżultati tal-proġetti fir-rapporti finali tagħhom. Id-deskrizzjonijiet fl-applikazzjonijiet għal għotjiet għal azzjoni varjaw minn deskrizzjoni ftit li xejn informattiva ta’ dak li kisbet l-organizzazzjoni fl-imgħoddi f’termini ta’ kopertura medjatika, sa waħda li saħqet li wieħed mill-flussi tax-xogħol tagħha kien iddedikat għall-appoġġ għal kawżi partikolari u għad-disseminazzjoni u ddeskriviet kif kienet ser titwettaq id-disseminazzjoni matul id-durata tal-proġett. L-ebda applikazzjoni rriveduta ma pprovdiet dettalji dwar kif dawn ser jadattaw id-disseminazzjoni għall-grupp fil-mira u ħafna mir-rapporti finali korrispondenti kienu vagi dwar jekk intlaħaqx il-pubbliku destinatarju.

B’mod ġenerali, l-isforzi tal-Kummissjoni biex ixxerred ir-riżultati tal-proġetti kienu limitati. In-nuqqas ta’ mezzi effettivi biex il-Kummissjoni tikkondividi informazzjoni dwar il-programm FRC diġà ssemma fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, u din l-evalwazzjoni sabet li ma nħolqu l-ebda riżorsi u miżuri ta’ komunikazzjoni addizzjonali. B’mod partikolari, il-programm FRC jonqos mod partikolari biex jikkondividi r-riżultati ta’ proġett wieħed ma’ benefiċjarji oħra, sabiex hekk jinxterrdu l-aħjar prattiki 34 . Il-Kummissjoni fil-parti l-kbira qagħdet fuq il-benefiċjarji tagħha sabiex jiddisseminaw l-outputs direttament lill-pubbliku destinatarju tagħhom. Barra minn hekk, ir-riżorsi umani tal-Kummissjoni kienu fil-parti l-kbira riżervati għall-ġestjoni finanzjarja tal-proġetti.

In-nuqqas ta’ mekkaniżmu / pjan adatti għall-komunikazzjoni u t-tixrid tar-riżultati ta’ proġetti ffinanzjati permezz tal-programm FRC kien ikkonfermat mill-uffiċjali tal-Kummissjoni 35 . Huma ġibdu l-attenzjoni għal żewġ gruppi differenti li jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta’ disseminazzjoni tali:

Partijiet ikkonċernati involuti f’attivitajiet relatati mal-objettivi tal-programm FRC, inklużi applikanti għal finanzjament jew benefiċjarji tal-programm; u

Dawk li jfasslu l-politika tal-UE u partikolarment il-persunal tal-Kummissjoni, inklużi dawk li jiġġestixxu l-programm FRC.

Kull wieħed minn dawn il-gruppi għandu ħtieġa differenti:

Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jibbenefikaw milli jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar l-attivitajiet u s-suċċessi ta’ proġetti oħra, sabiex ikun jistgħu jikkunsidraw kif għandhom jibnu fuq l-aħjar prattiki tal-oħrajn. Dan jista’ jirrikjedi disseminazzjoni aktar strutturata tar-riżultati tal-proġett.

Dawk li jfasslu l-politiki fil-livell tal-UE, inkluż il-persunal tal-Kummissjoni, jistgħu jsibu siewja r-riżultati analitiċi, it-tagħlim reċiproku u aspetti oħrajn mill-proġetti fil-missjoni tagħhom li jfasslu politiki aħjar, inkluż għall-implimentazzjoni tal-programm FRC. Għalihom jista’ jkun utli li jiksbu informazzjoni li tenfasizza r-riżultati ġenerali tal-programm, u r-riżultati tal-proġetti ewlenin.

2.4.2Sostenibbiltà fil-perjodu medju: kontinwazzjoni tar-riżultati

L-immappjar tal-proġetti wera li ftit inqas minn nofs (81 minn 169 għotja) irrapportaw li kienu żviluppaw outputs sostenibbli li ntużaw wara li kien intemm il-finanzjament mill-programm, u seba’ rapporti qalu li s-sħubiji stabbiliti komplew wara l-proġett. Numru ta’ proġetti produċew ukoll outputs li għadhom jintużaw għal attivitajiet preżenti u futuri 36 . Pereżempju, il-proġett “Niskambjaw prattiki tajbin ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini għall-promozzjoni ta’ ċittadinanza attiva fl-Unjoni Ewropea (ESPACE)” żviluppa diversi outputs inklużi materjali u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni f’erba’ lingwi, inizjattivi ta’ tagħlim reċiproku u netwerks nazzjonali li komplew jintużaw wara li tlesta l-proġett. Barra minn hekk, il-proġett “Meta l-innoċenti jiġu kkastigati — Tfal ta’ ġenituri l-ħabs, grupp vulnerabbli” żviluppa bosta outputs sostenibbli inklużi l-pubblikazzjoni ta’ rapport u ġabra fil-qosor bit-titlu “Eurochips” li tqassmet f’erba’ lingwi lil mill-inqas 10 Stati Membri u li għadha tintuża biex jiġu promossi d-drittijiet tat-tfal li għandhom il-ġenituri l-ħabs.

L-istħarriġ ikkonferma li riżultati sostenibbli kienu miksuba għal porzjon tajjeb tal-proġetti. Minn 72 persuna li wieġbu, 44 (61 %) irrapportaw li l-proġetti tagħhom għamlu differenza sinifikattiva fil-qasam tematiku li qed jaħdmu fih. Huma rrapportaw ukoll rispons għoli minn dawk li jfasslu l-politika għall-proġetti ffinanzjati. Huma osservaw rata ta’ 100 % ta’ parteċipazzjoni minn dawk li jfasslu l-politika f’avvenimenti relatati mal-proġetti, bħal seminars, konferenzi, workshops, eċċ. F’59 % (33) tal-proġetti mistħarrġa, dawk li jfasslu l-politika kienu rreaġixxew billi qassmu materjal ta’ komunikazzjoni (pereż. browxers, fuljetti, flajers, eċċ.); 30 % (17) ta’ dawk li jfasslu l-politika involuti kienu pprovdew finanzjament addizzjonali biex jappoġġaw il-kontinwazzjoni ta’ (xi wħud mill-) attivitajiet tal-proġetti; u 23 % (13) ta’ dawk li jfasslu l-politika involuti kienu stabbilixxew / appoġġaw proġetti oħra li użaw elementi tal-proġett (approċċ / metodu, attività waħda jew bosta, eċċ.). Finalment, 18 % (10) ta’ dawk li jfasslu l-politika taw forma lil żvilupp / pjan ta’ azzjoni / leġiżlazzjoni ta’ politika ġdid(a) jew aġġustaw dawk eżistenti fejn bħala bażi użaw l-outputs u r-riżultati tal-proġett 37 .

2.4.3Il-kontinwazzjoni tas-sħubijiet wara t-tlestija tal-proġett

Filwaqt li l-immappjar sab evidenza diretta ta’ biss sebgħa minn 168 proġett li komplew bis-sħubiji stabbiliti, ir-riżultati tal-istħarriġ kienu ferm aktar pożittivi. Dawn issuġġerew li ħafna mill-proġetti għamluha possibbli li jiġu stabbiliti sħubiji jew netwerks li komplew wara t-tlestija tal-proġetti. Mill-71 persuna li wieġbu għall-istħarriġ, 48 (68 %) irrapportaw li s-sħubiji tagħhom komplew jew se jkomplu wara t-tlestija tal-proġett 38 .

Il-partijiet ikkonċernati intervistati rrapportaw li l-kooperazzjoni mibnija bejn is-sħab permezz tal-proġett għenet biex jiġi stabbilit netwerk li għadu jaħdem flimkien fuq proġetti ġodda. Pereżempju, il-proġett “Vuċijiet tat-Tfal: L-esplorazzjoni ta’ vjolenza interetnika u tad-drittijiet tat-tfal fl-ambjent tal-iskola għenet sabiex jiġi stabbilit netwerk internazzjonali ġdid ta’ riċerkaturi li jindirizza kwistjoniiet tal-etniċità u tal-vjolenza interetnika. L-għan tiegħu huwa li jżid l-għarfien fost l-edukaturi, it-tfal u l-pubbliku ġenerali. Is-sħab involuti fil-proġett “Données personnelles des droits? Sensibiliser et informer les jeunes citoyens européens” ukoll irrapportaw li kienu qed jippjanaw li jkomplu jużaw in-netwerk stabbilit mill-proġett 39 .

2.4.4Sostenibbiltà fil-perjodu fit-tul: trasferibbiltà tar-riżultati tal-proġetti

Sabiex tidentifika u tevalwa jekk l-outputs u r-riżultati tal-proġetti kinux trasferibbli u, tabilħaqq, ġewx ittrasferiti lil Stat Membru ieħor, din l-evalwazzjoni ma bbażatx biss fuq id-data mill-istħarriġ onlajn u mill-intervisti ta’ segwitu. Din id-data kienet awtorapportata u mhijiex evidenza oġġettiva għalkollox. Id-data turi li numru kbir ta’ outputs prodotti jistgħu jiġu ttrasferiti għal Stati Membri tal-UE oħra, b’mod partikolari materjali li, ladarba tradotti, jistgħu jitqassmu u jintużaw f’pajjiżi oħra għal proġetti oħra b’objettivi simili. Il-metodi ta’ approċċ jistgħu wkoll jiġu ttrasferiti biex iservu lil gruppi taħt mira u benefiċjarji oħra, b’mod partikolari kwalunkwe “aspett tal-aħjar prattika” tal-output, li jista’ jintuża f’kuntesti u proġetti oħra. F’numru ta’ każijiet, kienu rrapportati kundizzjonijiet minuri li kienu jaffettwaw it-trasferibbiltà tal-outputs tal-proġetti. Dawn għandhom x’jaqsmu fil-biċċa l-kbira mal-ħtieġa li l-outputs jiġu tradotti f’lingwi oħra, jew li l-metodi jew l-outputs tal-proġett jiġu adattati għall-kuntest speċifiku ta’ pajjiż jew għall-kuntest lokali billi jiġu kkonsultati l-partijiet ikkonċernati lokali. 40

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu kkonfermaw t-trasferibbiltà tal-outputs tal-proġetti tagħhom għal pajjiżi tal-UE oħra. Pereżempju, il-korsijiet ta’ taħriġ imħejjija fil-kuntest tal-proġett “Drittijiet Fundamentali Edukazzjoni fl-Ewropa — F.R.E.E” jistgħu jintużaw fl-Istati Membri kollha billi huma disponibbli onlajn u huma ħielsa minn drittijiet tal-awtur. Dan huwa disponibbli fil-lingwa tal-pajjiż li qed jieħu sehem fis-sħubija transnazzjonali stabbilita għall-proġett. Madankollu, ikun hemm bżonn jiġu tradotti f’lingwi oħra biex ikun żgurat l-użu usa’ tal-korsijiet. 41

Proġett ieħor bit-titlu “Il-Futbol għall-Ugwaljanza — Nisfidaw l-isterjotipi razzisti u omofobiċi fil-futbol u permezz tiegħu” organizza wirjiet u workshops dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni fis-settur tal-futbol. 42  Is-sħab tal-proġett minn Stati Membri differenti kkoordinaw mal-partijiet ikkonċernati fin-netwerks / il-gruppi tal-futbol nazzjonali u lokali attivi f’dan is-settur biex joħolqu l-avvenimenti. Fl-intervista ta’ segwitu, il-maniġer tal-proġett qal li l-outputs tal-proġetti setgħu faċilment jiġu ttrasferiti għal Stati Membri oħra permezz ta’ koordinazzjoni mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali u lokali biex l-avvenimenti jitfasslu aħjar għall-kuntest speċifiku tal-pajjiż.

2.5L-EFFIĊJENZA U LOK GĦAL SIMPLIFIKAZZJONI

2.5.1Il-flus li ntefqu meta mqabblin mal-impatti miksuba

Il-programm FRC kellu baġit inizjali ta’ EUR 94,8 miljun tul il-perjodu 2007-2013, imqassam f’dispożizzjoni annwali ta’ bejn EUR 10,6 miljun u EUR 15,50 miljun. Tqassim iddettaljat għall-baġit ippjanat inizjalment għal kull sena ta’ implimentazzjoni u għodda ta’ finanzjament għall-perjodu 2007-2013 huwa pprovdut hawn taħt fit- Tabella 1 1 (Analiżi baġitarja ppjanata għall-programm FRC (2007-2013) ).

Matul il-programm, l-ammonti totali ta’ finanzjament annwali allokat żdiedu b’mod gradwali. Dan kien jirrifletti l-prattika ġenerali tal-Kummissjoni. L-allokazzjoni annwali tal-fondi hija ddeterminata fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ seba’ snin, fil-kuntest tal-baġit tal-UE. Imbagħad kull sena jsiru aġġustamenti żgħar, bl-allokazzjonijiet li jogħlew lejn l-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni, ladarba l-programm ikun qabad sew.

L-akbar sehem tal-baġit tqassam permezz ta’ għotjiet għal azzjoni b’medja ta’ 66,3 % tal-fondi allokati b’dan il-mod ta’ kull sena, li jikkorrispondi għal EUR 62,6 miljun. Il-bqija tal-baġit ġiet allokata għal għotjiet operattivi (10 % jew EUR 9,5 miljun) u għal inizjattivi tal-Kummissjoni (21 % jew EUR 20 miljun) 43 .

L-analiżi kwantitattiva tal-169 proġett ta’ għotja inklużi tul il-perjodu ta’ implimentazzjoni (li ma jinkludux il-proġetti li ngħataw għotjiet għal azzjoni tal-2013) sabet li l-baġit totali impenjat għal dawn kien ta’ EUR 46 460 022, jew xi 90 % tal-finanzjament totali ta’ EUR 51 675 000 li kien ġie allokat għal għotjiet għal azzjoni għall-perjodu mill-2007 sal-2012 44 .

Filwaqt li l-ammonti impenjati għal għotjiet għal azzjoni huma qrib l-allokazzjonijiet oriġinali, is-sitwazzjoni hija differenti għal għotjiet operattivi, li rċevew ferm anqas finanzjament minn dak li kien inizjalment previst. Il-baġit fil-fatt impenjat għal għotjiet operattivi kien ta’ EUR 3 459 900 jew xi 39 % mill-finanzjament totali ta’ EUR 8 900 000 li kien ġie allokat għal għotjiet operattivi għall-perjodu bejn l-2007 u l-2012 45 . Il-livelli baxxi ta’ finanzjament tal-OGs iqajjem dubji fuq l-effiċjenza tal-OGs bħala għodda ta’ finanzjament għall-kisba tal-objettivi tal-programm.

Il-baġits allokati, impenjati u mħallsin sal-lum huma kemxejn allinjati mill-qrib għall-għotjiet għal azzjoni fid-diversi sejħiet għal proposti matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Il-fondi mħallsin, meta mqabbla ma’ dawk impenjati, fis-sejħiet tal-2007, tal-2008 u tal-2009-2010 għal għotjiet għal azzjoni juru rata ta’ assorbiment ta’ madwar 87,5 %.

Kif diġà ntqal aktar ’il fuq, 39 % biss mill-finanzjament allokat għal għotjiet operattivi matul il-perjodu ta’ programmazzjoni ġew impenjati. Iżda ħarsa aktar mill-qrib lejn l-impenji meħudin matul is-sejħiet tal-2007, tal-2008, tal-2009, tal-2010, tal-2012 u tal-2013 għal għotjiet operattivi, imqabbla mal-fondi fil-fatt imħallsin, turi rata ta’ assorbiment simili ta’ 88 % 46 .

L-għodda ta’ finanzjament l-oħra li kienet disponibbli taħt il-programm kienet l-akkwist pubbliku. Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni fil-fatt ġew implimentati EUR 12 595 652, għal total ta’ 111-il kuntratt ta' akkwist pubbliku mogħtija matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Dan jammonta għal 56,4 % mill-baġit totali allokati ta’ EUR 22 325 000. Aktar minn 10 % ta’ dan il-baġit kienu impenjati għal servizzi ta’ IT u b’mod aktar speċifiku għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sit web dwar il-protezzjoni konsulari 47 u s-sit web dwar id-drittijiet tat-tfal 48 .

2.5.2Kemm kienet effiċjenti l-allokazzjoni tal-fondi bejn l-għodod differenti

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-finanzjament ta’ għotjiet għal azzjoni jidher li ġie allokat b’mod effiċjenti, speċjalment fid-dawl ta’ kemm kien ġdid il-programm, tal-eżiti u tar-riżultati miksubin u tas-sejbiet tal-analiżi tal-input / output ta’ hawn fuq. L-għotjiet operattivi rċevew ferm anqas minn dak li kien allokat inizjalment (EUR 3,5 miljun minflok EUR 9,9 miljun), iżda l-assorbiment tal-baġit ta’ għotjiet operattivi kien aċċettabbli b’mod ġenerali. Rigward għotjiet għal azzjoni u għotjiet operattivi, jidher li l-allokazzjonijiet ta’ finanzjament kienu effiċjenti 49 .

Filwaqt li kull waħda minn dawn l-għodod ta’ finanzajment kellha enfasi ċar, l-akkwist seta’, sa ċertu punt, jirkeb fuq l-attivitajiet imwettqa minn dawn l-għotjiet. Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni impenjat EUR 12,6 miljun fuq total ta’ 111-il kuntratt ta’ akkwist (jew 56,4 % tal-baġit inizjalment allokat ta’ EUR 22,3 miljun). Madwar 55,6 % tan-nefqa fuq l-akkwist kienet impenjata għall-istudji; 34,2 % fuq avvenimenti u 10,2 % fuq kuntratti relatati mal-informatika. Filwaqt li s-sehem ta’ finanzjament allokat impenjat huwa ogħla minn dak miksub għall-għodda ta’ finanzjament ta’ għotjiet operattivi, għadu sottoutilizzat ħafna, u dan seta’ ħalla effett negattiv fuq l-interessi tal-Kummissjoni, pereżempju, fil-monitoraġġ u fid-disseminazzjoni mill-programmi tar-riżultati tal-programmi fil-livell tal-UE 50 .

Wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, l-ineffiċjenzi fir-rigward tal-impenjar ta’ dawn il-fondi prinċipalment kienu relatati ma’ riżorsi u kapaċità insuffiċjenti fil-Kummissjoni biex tippjana sew l-akkwist pubbliku, issegwi l-implimentazzjoni tal-proġetti u tuża r-riżultati tagħhom. Matul din l-evalwazzjoni, ma ġiet irrapportata ebda evidenza ta’ eżekuzzjoni batuta tal-kuntratti 51 .

2.5.3Lok għal simplifikazzjoni

B'mod ġenerali, il-ġestjoni tal-fażi ta’ applikazzjoni u ta’ implimentazzjoni tal-proġetti mill-Kummissjoni tqieset bħala waħda pożittiva. L-introduzzjoni tal-laqgħat ta’ bidu, l-involviment tat-tim tal-politika fid-diskussjonijiet dwar l-outputs tal-proġetti u l-għoti ta’ gwida aħjar dwar il-ġestjoni tal-għotjiet tqiesu bħala żviluppi pożittivi. Minkejja dan, 20 % minn fost dawk li wieġbu ma kinux jafu jew ma esprimewx l-opinjoni tagħhom. Dan jista’ jissuġġerixxi li numru ta’ applikanti ma kinux jafu bil-possibbiltà li jirċievu appoġġ mingħand il-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ applikazzjoni. Diversi persuni intervistati xeħtu dawl fuq oqsma li jistgħu jittejbu u jiġu ssimplifikati fil-futur. L-aktar prominenti fost dawn l-oqsma kienet il-perċezzjoni li r-rekwiżiti finanzjarji kienu kkumplikati wisq u kellhom bżonn jiġu ssimplifikati.

B’rabta ma’ dan kien hemm it-tħassib li qajmu wħud minn dawk li wieġbu li l-Kummissjoni stess mhux dejjem kienet tirrispetta l-iskeda ta’ żmien tal-proġett, li kultant kellu effetti konsegwenti fuq il-proġett ikkonċernat, li wassal għal diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-proġett. Tqies kritiku għall-Kummissjoni li żżomm ukoll mal-iskeda ta’ żmien mogħtija għall-proġett sabiex kollox jaħdem b’effiċjenza. Fir-rigward tas-suġġeriment ta’ qabel, dawk li wieġbu esprimew frustrazzjoni wkoll bit-tul ta’ żmien bejn is-sottomissjoni ta’ proposta bħala tweġiba għal sejħa u r-riċevuta ta’ notifika ta’ għotja ta’ għajnuna finanzjarja. Talbu lill-Kummissjoni toħloq mod aktar effiċjenti u veloċi għan-nies sabiex jikkuntattjawhom qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar is-sejħa, forsi permezz ta’ titjib fis-sistema informatika attwali.

Il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ onlajn tipperċepixxi l-informazzjoni pprovduta lill-applikanti matul is-sejħa għal proposti u l-proċess ta’ applikazzjoni bħala ċara u faċli biex tinftiehem, u dritt għall-punt. Minn fost 71 minn dawk li wieġbu għal din il-mistoqsija, ħafna mir-riċevituri tal-għotjiet (50 %) qablu ħafna mad-dikjarazzjoni “l-informazzjoni fis-sejħiet għal proposti kienet ċara u faċli biex tifhimha”, filwaqt li 44 % qablu b’mod parzjali. Barra minn hekk, il-linji gwida ddettaljati għall-applikanti għal għotjiet tal-FRC kienu disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ għall-Ġustizzja.

Minkejja dan, 18 % minn fost is-70 li wieġbu għall-istħarriġ onlajn irrapportaw li talbu l-għajnuna mingħand persuni b’kompetenzi u għarfien speċifiċi dwar il-proċeduri sabiex iwieġbu għas-sejħa, għad li 37 % ma għamlux dan. Kwart minn fost dawk li wieġbu kkonfermaw li kienu jafu b’organizzazzjonijiet/proġetti/prattikanti li ma weġbux għas-sejħa għal proposti minħabba r-rekwiżiti kumplessi / diffiċli tas-sejħa.

Fid-dawl li l-UE qiegħda tipprovdi fondi għal dawn l-għotjiet, il-benefiċjarji tal-għotjiet qiesu li kien raġonevoli li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-attivitajiet li kienu wettqu bil-fondi pprovduti. Aktar minn nofs ta' dawk li wieġbu għall-istħarriġ qiesu li l-arranġamenti dwar ir-rapportar kienu xierqa. B’mod partikolari, 39 % minn fost il-71 li wieġbu qiesu li l-arranġamenti dwar ir-rapportar rigward il-progress u l-kisbiet tal-proġett/tal-attivitajiet kienu xierqa, filwaqt li 35 % qablu b’mod parzjali, għal total ta’ 74 % tat-tweġibiet li kienu pożittivi. Madankollu, ħafna lmentaw dwar l-obbligi ta’ rapportar kumplessi.

Fl-istess ħin, ġie rikonoxxut li dokumentazzjoni aktar stretta tat-tibdiliet baġitarji tgħin fir-rapportar finanzjarju. Tqies importanti wkoll li jkun hemm involviment akbar mis-sħab f’dan il-qasam, pereż. billi tiġi pprovduta lilhom informazzjoni minn kmieni dwar id-dettalji finanzjarji li jkun hemm bżonn li jiġu rrapportati.

Rigward l-arranġamenti ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni, dawn tqiesu parzjalment tajbin u siewja matul l-implimentazzjoni tal-proġett / tal-attivitajiet minn 39 % ta’ dawk li wieġbu minn fost it-72 persuna li wieġbu. Minkejja dan, 14 % minn fost dawk li wieġbu ma qablux b’mod parzjali jew saħansitra ma qablux assolutament mad-dikjarazzjoni “l-arranġamenti ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni huma tajbin u kienu siewja” u 5 % ma qablux assolutament. Dawk li wieġbu qiesu li kien partikolarment importanti li jinkiseb feedback puntwali mingħand il-Kummissjoni dwar il-progress tal-proġett/ir-rapporti interim, sabiex jekk ikun hemm bżonn ikunu jistgħu jsiru korrezzjonijiet.

2.6VALUR MIŻJUD EWROPEW

Il-valur miżjud tal-UE jirreferi għal kemm in-natura Ewropea tal-programm iġġib valur għall-partijiet ikkonċernati tiegħu u kemm l-UE għandha vantaġġ komparattiv fuq l-atturi nazzjonali u internazzjonali li jaħdmu f’dan il-qasam. L-ewwel, se tiġi diskussa n-natura Ewropea tal-programm u l-kopertura ġeografika tiegħu. Dan huwa l-punt tat-tluq għall-identifikazzjoni ta’ valur miżjud tal-UE. Imbagħad, il-valur miżjud tal-UE jiġi analizzat f’termini tal-outputs li żiedu l-valur għall-UE u għall-benefiċjarji. Madankollu, għadu ma kienx possibbli li jiġi identifikat u li jitkejjel il-valur miżjud tal-UE f’termini tal-impatti.

B’mod ġenerali, il-finanzjament fil-programm FRC huwa disponibbli biss għal attivitajiet b’“valur miżjud” Ewropew ċar. Il-programm inħoloq biex jippromwovi l-iżvilupp ta' soċjetà Ewropea bbażata fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u drittijiet li jiġu minn ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea. Għanijiet tali għandhom implikazzjonijiet li l-Istati Membri ma jistgħux effettivament jindirizzaw waħedhom. Għaldaqstant, il-programm kien imfassal biex jirrikjedi rispons internazzjonali li jkun jinkludi approċċ ikkoordinat u multidixxiplinarju, fejn ikun inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE u tkun żgurata disseminazzjoni wiesgħa ta’ prattiki tajbin mal-UE kollha. Il-kooperazzjoni bejn pajjiżi differenti hija għalhekk kruċjali għall-implimentazzjoni tal-programm.

In-natura tal-UE tal-programm hija riflessa fil-bażi legali tiegħu li tiddeskrivi l-objettivi tal-programm, kif ukoll fil-kriterji biex jittieħed finanzjament stabbiliti fis-sejħiet għal proposti. Id-deċiżjoni fundatriċi tiddikjara li wieħed mill-objettivi ġenerali tal-programm huwa li jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ “linji politiċi Komunitarji b’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali”. Id-dimensjoni tal-UE hija ulterjorment promossa permezz tal-kriterji biex jittieħed il-finanzjament u t-tema tal-proġetti 52 , kif imniżżel fid-deċiżjoni fundatriċi, il-programmi ta’ ħidma annwali u s-sejħiet għal proposti.

2.6.1Il-kopertura ġeografika tal-proġetti ffinanzjati

In-numru ta’ organizzazzjonijiet gwida, u għalhekk in-numru ta’ proġetti implimentati, huwa ferm differenti fost l-Istati Membri. Pereżempju, il- Figura 2 1 turi li ħafna mill-proġetti ta’ għotjiet għal azzjoni tal-FRC kienu mmexxija minn organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Italja, segwita mill-Belġju, Franza, Spanja u r-Renju Unit, filwaqt li numri baxxi nstabu f’pereż. Ċipru, ir-Rumanija u l-Lussemburgu. Isegwi li l-proġetti tal-FRC kellhom tendenza jkunu mmexxija minn grupp magħżul ta’ Stati Membri, filwaqt li Stati Membri oħra kienu involuti biss sa punt limitat.

L-organizzazzjonijiet gwida kienu partikolarment miġbura f’żewġ Stati Membri: l-Italja u l-Belġju. B’kollox, 33 % (57) tal-proġetti kollha kienu mmexxija minn dawn iż-żewġ Stati Membri. Xi Stati Membri ma mexxew l-ebda proġett tal-FRC, bħall-Estonja. Madankollu, meta jiġu osservati l-organizzazzjonijiet sħab, il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri hija mifruxa b’mod aktar ugwali; mill-Istati Membri kollha, Malta u l-Lussemburgu biss ħadu sehem b’inqas minn ħames organizzazzjonijiet sħab 53 .

Figura 21 Numru totali ta’ organizzazzjonijiet li ħadu sehem fi proġetti tal-FRC, inklużi organizzazzjonijiet gwida (xellug) u organizzazzjonijiet sħab (lemin)

Ħafna mill-finanzjament tal-programm FRC kien impenjat għal proġetti fejn organizzazzjoni Taljana kienet l-organizzazzjoni gwida (25 %), segwiti bil-Belġju (13 %) u Franza (10 %). Din id-distribuzzjoni tal-finanzjament issegwi mill-qrib id-distribuzzjoni tan-numru ta’ proġetti mmexxija minn Stati Membri. Id-distribuzzjoni tal-finanzjament skont l-Istat Membru tal-organizzazzjoni gwida hija ppreżentata fil- Figura 2 2 (xellug). Madankollu, il-figura ma turix il-firxa ta’ finanzjament impenjat fost is-sħab tal-proġett, iżda minflok tassumi li l-finanzjament impenjat kollu kien allokat lill-pajjiż tal-organizzazzjoni gwida. Ġaladarba dan ma kienx il-każ fil-verità (il-proġetti kienu transnazzjonali u s-sħab tal-proġetti rċevew ukoll parti mill-finanzjament), il-figura għandha tiġi interpretata b’kawtela. 54

Il-finanzjament impenjat għal kull Stat Membru ta’ organizzazzjoni gwida kien ulterjorment maqsum skont il-popolazzjoni, biex jittieħed kont tad-differenzi fid-daqs tal-Istati Membri (ara l-Figura fuq il-lemin). Jekk wieħed jassumi li l-finanzjament impenjat lil organizzazzjonijiet gwida ma kienx kondiviż ma’ sħab barra l-Istat Membru tal-organizzazzjoni gwida, mela bejn EUR 0,50 – 0,60 per capita kienu impenjati fil-Belġju u s-Slovenja. Stat Membru wieħed irċieva inqas minn EUR 0,30 per capita 55 .

Figura 22 Allokazzjoni ta’ finanzjament impenjat tal-FRC mill-organizzazzjoni gwida (xellug) u mill-organizzazzjoni gwida per capita (lemin)

2.6.2Struttura tas-sħubiji

Il-Figura tenfasizza ulterjorment l-istruttura ta’ sħubija tal-aqwa tliet Stati Membri bl-ogħla numru ta’ organizzazzjonijiet gwida li jinsabu fl-Italja, fil-Belġju u fi Franza. Iċ-ċifri juru li kien aktar probabbli li l-organizzazzjonijiet gwida Taljani jissieħbu ma’ sħab Taljani (21 proġett) segwiti minn sħab Spanjoli (14-il proġett) u minn sħab Rumeni (13-il proġett). Dan jista’ jirrifletti preferenza għall-formazzjoni ta’ timijiet ma’ sħab f’pajjiżi b’lingwi simili. Madankollu, b’kollox, l-Italja ssieħbet ma’ 22 Stat Membru differenti.

L-organizzazzjonijiet gwida tal-Belġju normalment issieħbu ma’ organizzazzjonijiet mir-Renju Unit (tmien proġetti), minn Spanja (seba' proġetti), mill-Belġju (sitt proġetti), mill-Greċja (sitt proġetti) u mir-Rumanija (ħames proġetti). B’kollox, il-Belġju ssieħeb ma’ 24 Stat Membru differenti.

Franza normalment issieħbet mal-Italja (erba' proġetti), mal-Belġju (erba' proġetti) u ma' Franza (erba' proġetti). B’kollox Franza ssieħbet ma’ 14-il Stat Membru differenti.

Figura 2 3 Struttura tas-sħubija għall-Aqwa 3 Stati Membri ta’ organizzazzjonijiet gwida

2.6.3Analiżi tal-kopertura ġeografika tal-programm

Il-programm FRC ma kopriex lill-Istati Membri kollha bl-istess mod. Il-kopertura tal-Istati Membri fil-biċċa l-kbira tirrifletti n-numru ta’ applikazzjonijiet riċevuti minn Stati Membri differenti. B’kollox 804 applikazzjonijiet ġew riċevuti għal finanzjament ta’ proġetti permezz tal-programm FRC. L-ogħla numru ta’ applikazzjonijiet ġie ppreżentat minn organizzazzjonijiet Taljani (174) segwiti minn organizzazzjonijiet mill-Belġju (77) u minn Franza (69). Dawn l-aqwa tliet Stati Membri applikanti ppreżentaw 39 % tal-applikazzjonijiet kollha għal finanzjament mill-programm (ara l-Figura) 56 .

Figura 24 Numru totali ta’ applikazzjonijiet fi proġetti FRC (lemin) u r-rata ta’ suċċess mill-SM (xellug)

Ir-rata ta’ suċċess tal-applikazzjonijiet ippreżentati kienet l-ogħla fid-Danimarka u l-Irlanda, segwiti mill-Finlandja, l-Awstrija, il-Belġju u l-Ġermanja. L-Estonja u Malta applikaw iżda ma rnexxilhomx jiksbu l-finanzjament mill-programm FRC. Ta’ min itenni li dawn ir-rati ta’ suċċess ġew ikkalkolati biss abbażi tal-applikanti li għalihom setgħu jiġu identifikati l-Istati Membri.

2.6.4Il-valur miżjud għall-UE u għall-benefiċjarji tal-għotjiet

Għall-benefiċjarji tal-għotjiet li wieġbu għall-istħarriġ onlajn u għall-intervisti ta’ segwitu, is-sħubijiet transnazzjonali ġabu magħhom benefiċċji speċifiċi għall-organizzazzjoni tagħhom, li ebda sors ta’ finanzjament ieħor ma seta’ jippermetti fuq l-istess skala. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ (88 %) qalu li l-proġett/l-attivitajiet ma kinux jiġu implimentati mingħajr finanzjament mill-UE 57 . Barra minn hekk, sehem sinifikanti mill-attivitajiet żviluppati skont l-FRC ma kienx ikun żviluppat li kieku ma kienx jeżisti l-programm, billi l-programm stess ħoloq domanda għal attivitajiet ġodda.

L-approċċ ta’ sħubija rriżulta f’bażi ta’ għarfien akbar tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kif muri mir-riżultati tal-istħarriġ. Minn 59 persuna li wieġbu, il-maġġoranza kkonfermaw li s-sħubiji rriżultaw f’aktar għarfien / ħila esperta fil-qasam tas-suġġett, għamluha possibbli li n-netwerking ikun jikkonsisti minn (aktar) sħab internazzjonali, u wasslu għal aktar għarfien dwar il-politika u l-prattika f’pajjiżi oħra. Is-sħubija kkontribwiet ukoll, għalkemm inqas, għal aktar għarfien dwar il-linji politiċi u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE 58 .

3KONKLUŻJONIJIET

Ir-rilevanza tal-programm 59

In ġenerali, il-prijoritajiet tas-sejħiet u l-azzjonijiet li ġew iffinanzjati jistgħu jiġu kkunsidrati rilevanti għall-objettivi tal-programm u għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-linji politiċi u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

B’mod ġenerali, is-sejħiet ta’ għotjiet għal azzjoni u ta’ għotjiet operattivi ssodisfaw il-ħtiġijiet u l-interessi tal-grupp taħt mira ewlieni. Madankollu, uħud minn dawk li ġew intervistati semmew il-bżonn li tiżdied iċ-ċarezza tas-sejħiet.

Il-prijoritajiet relatati mat-taħriġ tal-pubbliku ġenerali jew l-awtoritajiet ġudizzjarji, legali u amministrattivi jew professjonijiet legali dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ma kinux stabbiliti b’mod konsistenti tul is-snin.

Ir-robustezza tal-metodu użat għall-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet imwettqa mill-proġetti ma setgħetx tiġi vvalutata minn din l-evalwazzjoni. Il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet mhumiex rekwiżit obbligatorju għall-benefiċjarji tal-għotjiet. Fin-nuqqas ta’ valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet, diffiċli ssir il-valutazzjoni ta’ jekk ċerti prijoritajiet għandhomx jitneħħew jew liema kwistjonijiet għandhom jiġu prijoritizzati fil-futur.

Il-koerenza u l-kumplimentarjetà

Il-programm FRC huwa konsistenti mal-inizjattivi oħrajn ta’ politika Ewropea. Barra minn hekk, huwa kumplimentari ma’ programmi ta’ finanzjament tal-UE oħra pereż. Daphne III, PROGRESS u JPEN, f’termini ta’ objettivi u oqsma tematiċi u gruppi fil-mira. Madankollu, din il-kumplimentarjetà ġġorr ukoll ir-riskju ta’ trikkib potenzjali ma’ dawk il-programmi.

Xi proġetti ffinanzjati taħt il-programm FRC kienu kumplimentari għall-objettivi u l-benefiċjarji mmirati minn programmi ta’ finanzjament tal-UE oħra. Punt b’saħħtu tal-programm FRC huwa li jippermetti l-finanzjament ta’ proġetti li jistgħu ma jaqgħux fil-fowkus idjaq ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE oħra.

Fil-livell tal-proġett, kienu stabbiliti sinerġiji ma’ programmi oħra ta’ donaturi internazzjonali b’objettivi simili fil-livell tal-UE u dak nazzjonali kif ukoll ma’ proġetti ffinanzjati mill-programm FRC innifsu.

L-effikaċja

L-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm FRC taw kontribut notevoli għall-objettivi li ried jikseb. B’mod partikolari, il-programm FRC ikkontribwixxa għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

Madankollu, id-data pprovduta fir-rapporti finali u l-intervisti ma kinitx suffiċjenti biex tippermetti valutazzjoni tal-livell speċifiku ta’ effettività ta’ dawn l-attivitajiet biex jinkisbu l-objettivi tal-programm. Pereżempju, la l-mudell tar-rapport finali u lanqas il-linji gwida li jipprovdu struzzjonijiet biex jimtela l-mudell ma taw spjegazzjoni ċara tad-differenza bejn l-outputs, ir-riżultati u l-eżiti. Għaldaqstant, ir-rapporti finali analizzati kellhom it-tendenza li ma jagħmlux differenza bejn l-outputs, ir-riżultati u l-eżiti tal-proġetti.

Il-maġġoranza tal-proġetti kienu kapaċi jiksbu r-riżultati ppjanati fil-ħin u jilħqu lill-grupp taħt mira mistenni. Ma kien identifikat ebda ostakolu li influwenza serjament l-implimentazzjoni tar-riżultati jew l-objettivi tal-proġett.

Il-mekkaniżmi fis-seħħ għall-monitoraġġ tal-proġetti waqt li jkunu għaddejjin ma jiżgurawx l-għoti ta’ feedback lill-benefiċjarji tal-għoti fil-każijiet kollha u jew li jiġu identifikati l-lezzjonijiet meħuda, prattiki tajbin, fatturi ta’ suċċess, eċċ.

Is-sostenibbiltà

Id-disseminazzjoni tar-riżultati ta’ proġett mill-benefiċjarji tal-għotjiet ġeneralment kienet effettiva b’xi limitazzjonijiet. Madankollu, jekk is-sħab ta’ proġett ma jkomplux bil-monitoraġġ ladarba jintemm il-proġett, huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-impatt fil-perjodu fit-tul tal-isforzi ta’ disseminazzjoni tagħhom. Madankollu, l-isforzi tal-Kummissjoni biex ixxerred ir-riżultati tal-proġetti kienu limitati. In-nuqqas ta’ mezzi effettivi biex il-Kummissjoni tikkondividi informazzjoni dwar il-programm FRC diġà ssemma fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, u din l-evalwazzjoni sabet li ma nħolqu l-ebda riżorsi u miżuri ta’ komunikazzjoni addizzjonali.

Il-programm FRC jippreżenta lakuni fil-komunikazzjoni u fid-disseminazzjoni tal-outputs u tar-riżultati tal-proġetti lil dawk li jfasslu l-politika tal-UE u lil maniġers ta’ proġetti oħra li jistgħu jibbenefikaw minn dawk ir-riżultati. Xi drabi l-materjal u l-għodda tal-proġetti kellhom bżonn xi tibdil minuri, bħal traduzzjoni u adattament tal-metodu tal-proġett għall-kuntest lokali, sabiex ikunu utli għal organizzazzjonijiet oħra li jkunu qed jindirizzaw kwistjonijiet simili.

Ħafna mill-outputs u r-riżultati tal-proġetti kienu meqjusa trasferibbli għal gruppi jew pajjiżi taħt mira oħra. F’aktar minn nofs il-proġetti l-outputs diġà ġew implimentati b’suċċess f’pajjiż ieħor.

In ġenerali, il-proġetti tal-programm FRC iġġeneraw riżultati sostenibbli f’termini tal-kontinwazzjoni tal-attivitajiet u tal-bini tas-sħubija. L-evidenza li s-sħubiji fi proġett komplew wara li l-proġett spiċċa kienet b'saħħitha. Madankollu, jekk l-attivitajiet ta’ proġett komplewx kien jiddependi fuq it-tip ta’ attività u fuq jekk il-kontinwazzjoni kellhiex bżonn finanzjament ulterjuri.

L-effiċjenza

B’mod ġenerali, il-finanzjament ipprovdut għall-għotjiet għal azzjoni u għall-għotjiet operattivi jidher li kien biżżejjed. Mill-fondi totali allokati għal għotjiet għal azzjoni għall-perjodu bejn l-2007 u l-2012, xi 90 % kienu impenjati u minn dawk, 88 % fil-fatt intefqu, li jindika rata ta’ assorbiment aċċettabbli għal dawn l-għotjiet. Għal għotjiet operattivi, 39 % biss mill-finanzjament totali allokat kien fil-fatt impenjat, għalkemm minn dawk l-ammonti, l-istess perċentwal bħal dak t’hawn fuq (88 %) kien fil-fatt minfuq, li għal darb’oħra jindika rata aċċettabbli ta’ assorbiment.

L-effiċjenza tal-allokazzjoni ta’ fondi fost l-għodda ta’ finanzjament differenti in ġenerali kienet adatta. L-ammonti disponibbli għal kull proġett kienu meqjusa bħala suffiċjenti għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet u għall-kisba tal-objettivi tal-proġett.

Rigward il-kamp ta' applikazzjoni għal simplifikazzjoni, b’mod ġenerali, il-ġestjoni tal-programm FRC kienet effiċjenti f’termini tar-rekwiżiti imposti fuq l-applikanti u l-benefiċjarji u l-appoġġ riċevut. Madankollu, xi organizzazzjonijiet kellhom diffikultajiet bil-proċess ta’ applikazzjoni u implimentazzjoni. Ir-rekwiżiti ta’ rapportar xi kultant kienu meqjusa ta’ piż kbir, b’mod partikolari fir-rigward tar-rapportar finanzjarju. In ġenerali, l-arranġamenti ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni kienu meqjusa utli; Madankollu xi wħud minn dawk li wieġbu esperjenzaw diffikultajiet.

Il-valur miżjud tal-UE

Il-programm FRC ipprovda valur miżjud Ewropew. Huwa kkontribwixxa għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja u wieġeb b’mod partikolari għall-ħtieġa li jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali u li tiġi promossa ċ-ċittadinanza tal-UE. Madankollu, għadu ma kienx possibbli li jiġi identifikat u li jitkejjel il-valur miżjud tal-UE f’termini tal-impatti.

Il-proġetti koprew tema ta’ rilevanza għall-UE u kienu implimentati minn sħubiji transnazzjonali bejn l-Istati Membri. Is-sħubiji transnazzjonali rriżultaw f’benefiċċji speċifiċi, pereż. bażi tal-għarfien tal-organizzazzjonijiet parteċipanti akbar u disseminazzjoni usa’ ta’ prattiki tajbin.

Il-kopertura ġeografika tal-proġetti u s-sħab tal-proġetti li jirċievu finanzjament ta’ għotjiet għal azzjoni u ta’ għotjiet operattivi mhix ibbilanċjata, fejn ftit Stati Membri huma sovrarappreżentati u oħrajn huma pjuttost sottorappreżentati.

Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin

Definizzjoni aħjar tal-prijoritajiet: il-Kummissjoni għandha tinvesti aktar żmien u riżorsi umani fil-proċess tal-iffissar tal-prijoritajiet sabiex tiżgura li l-prijoritajiet ikunu jistgħu jintlaħqu adegwatament f'baġit allokat.

Valutazzjonijiet realistiċi tar-riskji tal-proġetti u strateġiji aħjar għall-mitigazzjoni tar-riskji: il-Kummissjoni għandha tissorvelja aħjar ir-riskji matul id-durata tal-proġett, pereżempju billi titlob rapporti fil-qosor dwar il-progress li jidentifikaw kwalunkwe riskju hekk kif jinħoloq matul l-implimentazzjoni tal-proġett.

Żieda tal-enfasi fuq il-valutazzjoni tal-impatti fil-livelli kollha u mhux fuq l-outputs biss, fir-rigward tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni. Din tmur id f’id mal-bżonn li tinġabar, tiġi analizzata u tintuża evidenza oġġettiva u indipendenti sabiex jitwettqu evalwazzjonijiet tal-proġetti u tal-programmi. Żieda tal-enfasi fuq il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet li kull programm għandu l-għan li jindirizza.

Esplorazzjoni ta’ modi ta’ kif jista’ jittejjeb l-użu tal-outputs, tar-riżultati u tal-aħjar prattiki tal-proġetti minn organizzazzjonijiet oħra, inkluż fi Stati Membri oħrajn, inklużi aktar riżorsi għat-traduzzjonijiet, għall-komunikazzjoni u għat-tixrid.

Irfinar tal-loġika dwar l-interventi tal-programm; rigward il-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm u l-prijoritajiet u l-objettivi ġenerali u speċifiċi, it-tipi ta’ azzjoni u t-tipi ta’ intervent u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni ser tipprova tirfina l-loġika dwar l-interventi 60 , u tagħmel ir-relazzjonijiet bejn il-ħsieb, l-objettivi, il-kontributi, l-outputs, il-benefiċjarji, l-eżiti mistennijin u l-impatti aktar artikolati, preċiżi u konkreti fi kwalunkwe kontinwazzjoni fil-ġejjieni tal-programm.

(1)

L-Artikolu 15(3)d, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/252/ĠAI tad-19 ta’ April 2007 li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-programm speċifiku “Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza” bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”.

(2)

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni “ex post” mill-evalwatur estern huwa ppubblikat hawnhekk: http://ec.europa.eu/justice/grants1/files/expost_evaluations_2007_2013/frc_programme_evaluation_final_report.pdf , Annessi: http://ec.europa.eu/justice/grants1/files/expost_evaluations_2007_2013/frc_annex_1,_2_and_3.pdf , http://ec.europa.eu/justice/grants1/files/expost_evaluations_2007_2013/frc_annex_4_quantitative_analysis.pdf  

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Kummissjoni huwa ppubblikat hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0249:FIN:MT:PDF

(3)

L-Artikoli 4 u 8, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/252/ĠAI tad-19 ta’ April 2007 li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-programm speċifiku “Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza” bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”.

(4)

Mhux ikkunsidrati fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-evalwazzjoni, għaliex ir-rapporti finali ma kinux sottomessi matul dan il-proċess ta’ evalwazzjoni.

(5)

 Ex post evaluation of five programmes implemented under the 2007-2013 financial perspective. Specific programme evaluation: Fundamental Rights and Citizenship Programme (FRC), ICF, 28 ta’ Lulju 2015, pp. 4-5 http://ec.europa.eu/justice/grants1/files/expost_evaluations_2007_2013/frc_programme_evaluation_final_report.pdf

(6)

 Ibid., p. 7

(7)

 Ibid.

(8)

 Ibid.

(9)

 Ibid., p. 8

(10)

 Ibid., p. 11

(11)

 Ibid.

(12)

 Ibid., p. 13

(13)

 Ibid.

(14)

 Ibid.

(15)

 Ibid., p. 15

(16)

 Ibid., pp. 16-17

(17)

Ibid., p. 18

(18)

 Ibid., p. 19

(19)

 Ibid.

(20)

 Ibid., p. 20

(21)

 Ibid., p. 21

(22)

 Ibid.

(23)

 Ibid.

(24)

 Ibid.

(25)

 Ibid., p. 22

(26)

 Ibid., p. 23

(27)

 Ibid.

(28)

 Ibid.

(29)

 Ibid., p. 26

(30)

 Ibid.

(31)

 Ibid., p. 28

(32)

 Ibid., p. 29

(33)

 Ibid.

(34)

 Ibid.

(35)

 Ibid.

(36)

 Ibid., p. 30

(37)

 Ibid.

(38)

 Ibid., p. 31

(39)

 Ibid.

(40)

 Ibid., p. 32

(41)

 Ibid.

(42)

 Ibid.

(43)

 Ibid., p. 35

(44)

Id-data għall-2013 ma kinitx disponibbli fi żmien l-evalwazzjoni. Ibid.

(45)

 Ibid.

(46)

 Ibid.

(47)

Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/consularprotection/index.action , Ibid.

(48)

Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/0-18/ , Ibid.

(49)

 Ibid., p. 40

(50)

 Ibid.

(51)

 Ibid.

(52)

L-Artikoli 4 u 9, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/252/ĠAI tad-19 ta’ April 2007 li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-programm speċifiku “Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza” bħala parti mill-Programm Ġenerali “Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja”.

(53)

 Ex post evaluation of five programmes implemented under the 2007-2013 financial perspective. Specific programme evaluation: Fundamental Rights and Citizenship Programme (FRC), ICF, 28 ta’ Lulju 2015, p. 45

http://ec.europa.eu/justice/grants1/files/expost_evaluations_2007_2013/frc_programme_evaluation_final_report.pdf

(54)

 Ibid., p. 46

(55)

 Ibid.

(56)

 Ibid., pp.47-48

(57)

 Ibid., p. 48

(58)

 Ibid.

(59)

 Ibid., pp. 50-51

(60)

Ara pereżempju l-Ex post evaluation of five programmes implemented under the 2007-2013 financial perspective. Specific programme evaluation: Fundamental Rights and Citizenship Programme (FRC), ICF, 28 ta’ Lulju 2015, pp. 1-2

http://ec.europa.eu/justice/grants1/files/expost_evaluations_2007_2013/frc_programme_evaluation_final_report.pdf