Brussell, 13.3.2017

COM(2017) 58 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar it-tikkettar obbligatorju tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tax-xorb alkoħoliku


WERREJ

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar it-tikkettar obbligatorju tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni tax-xorb alkoħoliku

1.Introduzzjoni

2.Il-kuntest storiku

3.Il-qafas ġuridiku tal-UE dwar it-tikkettar tax-xorb alkoħoliku

3.1.Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011

3.2.Dispożizzjonijiet oħra tal-UE dwar it-tikkettar tax-xorb alkoħoliku

4.Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, is-sitwazzjoni fil-livell internazzjonali u fil-pajjiżi terzi

4.1.L-Istati Membri

4.2.L-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi

5.L-għarfien u l-interess tal-konsumatur

6.Il-partijiet konċernati

7.Sejħiet għal azzjoni

7.1.L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

7.2.Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

7.3.Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni mal-esperti tal-Istati Membri

8.Konklużjonijiet

1.Introduzzjoni

Dan ir-rapport iwieġeb għall-obbligu tal-Kummissjoni stabbilit bl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 1 dwar l-għoti tal-informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (ir-Regolament). Din id-dispożizzjoni teżenta x-xorb alkoħoliku b’aktar minn 1,2% bħala volum ta’ alkoħol mil-lista obbligatorja tal-ingredjenti u mid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, u tiddikjara li l-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport li jindirizza jekk ix-xorb alkoħoliku jenħtieġx li jiġi kopert fil-futur, b’mod partikolari, bir-rekwiżit li tingħata informazzjoni dwar il-valur enerġetiku, u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżenzjonijiet eventwali, filwaqt li jitqies il-bżonn li tkun żgurata l-koerenza ma’ prattiki rilevanti oħra tal-Unjoni u li f’dan il-kuntest jitqies il-bżonn li tiġi proposta definizzjoni ta’ “alcopops”.

Ir-Regolament jistabbilixxi l-bażi għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi b’rabta mal-informazzjoni dwar l-ikel, filwaqt li jiżgura li l-konsumaturi ma jiġux żgwidati mit-tikketti tal-ikel u jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati. Il-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni huma fost l-aktar dettalji importanti biex ikunu jistgħu jsiru dawn l-għażliet infurmati.

Filwaqt li t-tikkettar dwar in-nutrizzjoni jista’ jkollu ċertu rwol fil-promozzjoni ta’ konsum tal-alkoħol aktar moderat, il-kwistjoni tat-tikkettar tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għax-xorb alkoħoliku hija eżaminata f’dan ir-rapport skont il-perspettiva tal-informazzjoni tal-konsumaturi dwar l-identità u l-proprjetajiet tal-ikel.

Dan ir-rapport jibni fuq il-fehmiet ta’ partijiet interessati differenti b’rabta mat-tikkettar tax-xorb alkoħoliku, li esprimew qabel u wara l-adozzjoni tar-Regolament.



2.Il-kuntest storiku

Ir-reġim speċifiku għax-xorb alkoħoliku ma joriġinax mir-Regolament.

Fir-rigward tal-lista tal-ingredjenti, il-kwistjoni tmur lura għall-ewwel leġiżlazzjoni 2 dwar it-tikkettar ġenerali adottata fil-livell tal-UE, li tistipula li “f’każ ta’ xarbiet b’aktar minn 1,2% b’volum ta’ alkoħol, il-kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, qabel it-22 ta’ Diċembru 1982 għandu jiddetermina r-regoli għat-tikkettar tal-ingredjenti”.

Fl-1982 3 u fl-1992 4 , il-Kummissjoni ppreżentat proposti biex tindirizza din it-talba iżda l-Kunsill ma seta’ jiftiehem fuq l-ebda waħda minn dawn il-proposti. Imbagħad il-Kummissjoni ppreżentat proposta ġdida fi Frar 1997 5 , li finalment tqiegħdet fuq l-aġenda ta’ Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill f’Diċembru 2002. F’din il-laqgħa, il-maġġoranza tal-Istati Membri qablu li t-tikkettar tal-ingredjenti tax-xorb alkoħoliku jenħtieġ li jkun aktar konformi mar-regoli dwar it-tikkettar ġenerali riveduti.

Wara dawn id-diskussjonijiet, għalkemm ir-rekwiżiti speċifiċi tal-UE 6 għat-tikkettar tal-ingredjenti, li jistgħu jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi, kienu jkopru wkoll ix-xorb alkoħoliku, ma ddaħħlet l-ebda regola għat-tikkettar tal-ingredjenti ġenerali tax-xorb alkoħoliku.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament dwar l-informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, ix-xorb alkoħoliku, inkluż l-“alcopops” (ix-xarbiet alkoħoliċi mħallta, bħat-taħlita tax-xarbiet bil-gass mal-ispirti), kienu koperti bir-rekwiżit obbligatorju li jagħmlu tikketta b’lista tal-ingredjenti u dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, minbarra l-birra, l-inbid u l-ispirti 7 . Bl-inizjattiva tal-Parlament Ewropew, din l-eżenzjoni ġiet estiża għax-xorb alkoħoliku kollu, u r-Regolament adottat eżiġa li l-Kummissjoni tipprovdi dan ir-rapport.

3.Il-qafas ġuridiku tal-UE dwar it-tikkettar tax-xorb alkoħoliku

3.1.Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011

Ir-Regolament iżomm il-lista obbligatorja tal-ingredjenti 8 u jdaħħal dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni (il-valur enerġetiku u l-ammonti tax-xaħam, is-saturati, il-karboidrati, iz-zokkrijiet, il-proteini u l-melħ) mis-16 ta’ Diċembru 2016 9 . Ix-xorb alkoħoliku mhux kopert minn dawn id-dispożizzjonijiet.

Rigward il-lista tal-ingredjenti, b’mod simili għal-leġiżlazzjoni preċedenti, l-Artikolu 21 dwar it-tikkettar ta’ ċerti sustanzi jew prodotti li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi japplika għax-xorb alkoħoliku. Għaldaqstant il-konsumaturi huma infurmati meta sustanza jew prodott, fost dawk imniżżla fl-Anness II tar-Regolament bħala l-aktar allerġeni komuni, ikun preżenti fix-xorb alkoħoliku, bħas-sulfiti miżjuda mal-inbid. Iżda l-ingredjenti l-oħra tal-ikel li ma qisux il-koleġiżlaturi biex jitniżżlu fil-lista tas-sustanzi u li jistgħu joħolqu reazzjonijiet allerġiċi f’ċerti gruppi ta’ konsumaturi, mhumiex inklużi fl-Anness II tar-Regolament u għalhekk ma jkunux preżenti fuq it-tikketti tax-xorb alkoħoliku minħabba n-nuqqas ta’ lista tal-ingredjenti. Għalkemm m’hemm l-ebda rekwiżit biex ix-xorb alkoħoliku jkollu l-ingredjenti tiegħu elenkati, l-operaturi tan-negozji tal-ikel jistgħu jipprovdu din l-informazzjoni lill-konsumaturi b’mod volontarju. Skont l-Artikolu 36 tar-Regolament, l-informazzjoni ta’ dan it-tip għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-elenkar obbligatorju tal-ingredjenti.

L-Artikolu 41 tar-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jżommu l-miżuri nazzjonali dwar l-elenkar tal-ingredjenti tax-xorb alkoħoliku sakemm issir l-adozzjoni tar-regoli armonizzati tal-UE.

Rigward it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni, il-premessa 42 tar-Regolament tinkoraġġixxi lill-operaturi tan-negozju tal-ikel biex b’mod volontarju jipprovdu l-informazzjoni inkluża fid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għal ikel bħax-xorb alkoħoliku li għalih jenħtieġ tingħata l-possibbiltà li jiġu ddikjarati biss elementi limitati tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni. Għal dan il-għan, ir-Regolament jippermetti li d-dikjarazzjoni volontarja dwar in-nutrizzjoni fuq ix-xorb alkoħoliku tiġi limitata għall-valur enerġetiku.

L-Anness XIV tar-Regolament jipprovdi fatturi ta’ konverżjoni għall-kalkolu tal-enerġija. Il-valur enerġetiku tal-alkoħol għandu jiġi kkalkulat bl-użu tal-fattur ta’ konverżjoni ta’ 29 kJ/g, li jikkorrispondi għal 7 kcal/g.

Il-punt (k) tal-Artikolu 9 tar-Regolament jeżiġi li tiġi ttikkettata l-qawwa alkoħolika proprja skont il-volum, għax-xorb b’aktar minn 1,2% skont il-volum tal-alkoħol, dettall obbligatorju li anki l-leġiżlazzjoni preċedenti kienet teżiġi 10 .

3.2.Dispożizzjonijiet oħra tal-UE dwar it-tikkettar tax-xorb alkoħoliku

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1308/2013 11 jipprovdi sett eżawrjenti ta’ standards tekniċi li jkopru għalkollox il-prattiki enoloġiċi kollha, il-metodi tal-manifattura u l-mod tal-preżentazzjoni u t-tikkettar tal-inbejjed. Dan ir-Regolament jiddeskrivi s-sustanzi li aktarx jintużaw fil-proċess tal-produzzjoni, flimkien mal-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom permezz ta’ lista pożittiva ta’ prattiki u trattamenti enoloġiċi.

Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ispirti 12 , meta t-tikkettar tax-xorb spirituż isemmi l-materja prima li ntużat fil-produzzjoni tal-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, kull alkoħol agrikolu użat għandu jissemma f’ordni dekrexxenti skont il-kwantitajiet użati. Din il-leġiżlazzjoni tirregola wkoll it-tikkettar tal-perjodu tal-maturazzjoni, it-terminu “taħlita”, u l-indikazzjonijiet ġeografiċi.

L-inbid aromatizzat, ix-xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat u l-cocktails bi prodotti tal-inbid aromatizzat 13 għandhom jikkonformaw mal-istandards tal-ipproċessar u tal-kompożizzjoni, kif ukoll ma’ rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar fuq id-denominazzjoni għall-bejgħ u fuq in-natura tal-alkoħol, jiġifieri l-materja prima użata għall-produzzjoni tal-alkoħol.

Ix-xorb alkoħoliku hu pprojbit milli juri l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa u l-uniċi indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni permessi huma dawk li jirreferu għal livelli baxxi ta’ alkoħol u għat-tnaqqis tal-alkoħol jew il-kontenut enerġetiku 14 . Meta jsiru indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni ta’ dan it-tip, ikun hemm bżonn li ssir id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni.

4.Il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, is-sitwazzjoni fil-livell internazzjonali u fil-pajjiżi terzi

4.1.L-Istati Membri

Hawnhekk qed jiġu rrappurtati biss l-inizjattivi leġiżlattivi tal-Istati Membri dwar il-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni.

Xi Stati Membri (l-Awstrija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugall, il-Litwanja u r-Rumanija) żammew jew adottaw miżuri nazzjonali li jimponu rekwiżiti tat-tikkettar addizzjonali fuq l-ingredjenti jew ċerti ingredjenti tax-xorb alkoħoliku jew ta’ ċertu xorb alkoħoliku.

Fir-rigward tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, l-Awstrija teżiġi t-tikkettar tal-ammont taz-zokkor għal ċerti prodotti tal-inbid. Għalkemm għad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 ma jipprovdix l-istess flessibbiltà b’rabta mal-miżuri nazzjonali meta mqabbel mal-lista tal-ingredjenti, ir-Rumanija 15 u l-Irlanda 16 nnotifikaw, fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta’ notifika stabbilita bid-Direttiva (UE) Nru 2015/1535 17 , abbozz ta’ leġiżlazzjoni li jeżiġi dettalji tat-tikkettar dwar in-nutrizzjoni għax-xorb alkoħoliku.

4.2.L-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi

Fuq livell internazzjonali, l-Istandard tal-Codex Alimentarius dwar it-tikkettar tal-ikel imballat minn qabel 18 ma jeżentax ix-xorb alkoħoliku mid-dispożizzjoni tal-lista tal-ingredjenti obbligatorja.

Wara l-Linji Gwida tal-Codex dwar it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni 19 , id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni jenħtieġ tkun obbligatorja ħlief meta ċ-ċirkostanzi nazzjonali ma jappoġġawx din id-dikjarazzjoni. Ċertu ikel jista’ jiġi eżentat, pereżempju abbażi ta’ ftit importanza nutrizzjonali jew djetetika jew imballaġġ żgħir.

F’għadd ta’ pajjiżi terzi bħal-Istati Uniti, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja, il-Messiku, in-New Zealand, ir-Russja, u l-Iżvizzera, hu obbligatorju li tingħata l-lista tal-ingredjenti għal ċertu xorb alkoħoliku.

5.L-għarfien u l-interess tal-konsumatur

Bħala parti mill-istudju awtorizzat mill-Kummissjoni dwar l-impatt tal-informazzjoni dwar l-ikel fuq id-deċiżjonijiet li jieħu l-konsumaturi 20 , ġiet mistħarrġa l-imġiba tal-konsumaturi fil-konfront tal-informazzjoni dwar ix-xorb alkoħoliku. Wara li ġew infurmati dwar il-kontenut enerġetiku tax-xorb alkoħoliku bħall-birra, l-inbid u l-ispirti, 2031 parteċipant minn tmien (8) Stati Membri ġew mistoqsija dwar l-informazzjoni ideali li għandha tingħata ix-xorb alkoħoliku fil-futur; kważi nofs (49%) il-parteċipanti riedu informazzjoni dwar il-valur enerġetiku tax-xorb alkoħoliku, u 16% iddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jnaqqsu l-konsum tal-alkoħol tagħhom abbażi ta’ din l-informazzjoni.

Skont studju 21 li sar fl-2014 u li kkummissjonat assoċjazzjoni tal-birreriji, l-għarfien tal-konsumaturi dwar il-valur nutrizzjonali u l-informazzjoni dwar l-ingredjenti tax-xorb alkoħoliku huwa limitat. L-istudju kellu l-għan li jipprovdi ħarsa ġenerali rappreżentattiva bl-għajnuna ta’ 5400 parteċipant f’sitt Stati Membri. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju juru li l-konsumaturi għandhom nuqqas ta’ għarfien dwar il-kontenut tal-karboidrati, il-kaloriji u ix-xaħam tat-tipi differenti ta’ xorb alkoħoliku studjati (il-birra, l-inbid u l-ispirti) u tal-ingredjenti differenti li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni tagħhom. Kif turi l-Grafika 1, l-istudju juri wkoll li hemm interess kbir li wieħed jingħata l-istess informazzjoni dwar l-ingredjenti u l-valuri nutrizzjonali għax-xorb alkoħoliku kif bħalissa jingħata għal prodotti oħra tal-ikel u x-xorb.

Il-Grafika 1: l-interess fl-istess informazzjoni dwar in-nutrizzjoni u l-ingredjenti għall-prodotti kollha tal-ikel u tax-xorb, irrispettivament jekk għandhomx alkoħol jew le

Sors: GfK Belgium (2014)

L-istess studju ta wkoll informazzjoni dwar l-aċċess u l-użu ta’ din l-informazzjoni li ma tkunx fuq it-tikketta. Jidher li bejn 34% u 51% tal-parteċipanti jikkonsultaw din l-informazzjoni b’mod okkażjonali, spiss jew dejjem (il-Grafika 2).

Il-Grafika 2: l-użu ta’ sorsi tal-informazzjoni li ma tkunx fuq it-tikketta biex tinkiseb informazzjoni dwar il-valuri nutrizzjonali u
l-ingredjenti tax-xorb alkoħoliku

Sors: GfK Belgium (2014)

6.Il-partijiet konċernati

Bħala xenarju bażi, il-pożizzjoni tal-atturi differenti fuq it-tikkettar tal-alkoħol tinsab f’rapport ta’ stħarriġ 22 li sar meta l-Kummissjoni ressqet il-proposta għal Regolament dwar l-informazzjoni dwar l-ikel għall-konsumaturi. Dan jipprovdi l-fehmiet ta’ produtturi, ta’ bejjiegħa bl-imnut, ta’ awtoritajiet pubbliċi, u ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Il-Grafika 3: reazzjonijiet għad-dikjarazzjoni “It-tikketti tal-alkoħol jenħtieġ isemmu lista tal-ingredjenti u d-dettalji nutrizzjonali tax-xarba”

Sors: CRIOC (2007)

Minn mindu saret din l-investigazzjoni, uħud minn dawn il-pożizzjonijiet evolvew.

Ir-rappreżentati tal-konsumatur isostnu 23 li l-inkonsistenza fit-tikkettar bejn ix-xorb alkoħoliku u ikel ieħor hija inaċċettabbli u li l-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni jenħtieġ tkun obbligatorja għax-xorb alkoħoliku kollu biex tgħin lill-konsumaturi jagħmlu deċiżjonijiet infurmati dwar x’jixorbu u kemm jixorbu.

Organizzazzjoni Ewropea tal-konsumaturi tal-birra wkoll għamlet sejħa għal-lista obbligatorja tal-ingredjenti tax-xorb alkoħoliku 24 .

L-assoċjazzjonijiet pubbliċi tas-saħħa jappoġġaw it-tikkettar obbligatorju tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni bħala parti minn strateġija komprensiva biex tingħata l-informazzjoni u biex il-konsumaturi ikunu mgħarrfa dwar l-alkoħol, għax skont grupp ta’ organizzazzjonijiet tas-saħħa mhux governattivi u pubbliċi li jipproponu l-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-ħsara relatata mal-alkoħol fl-Ewropa 25 , il-konsumaturi għandhom dritt ikunu jafu l-ingredjenti li jkun fih ix-xorb alkoħoliku li jixorbu. Aktar importanti minn hekk, jenħtieġ li tingħata informazzjoni dwar in-nutrizzjoni bħall-kontenut enerġetiku biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jsegwu aħjar id-dieti tagħhom u jsibuha eħfef biex ikollhom stil ta’ ħajja sana.

Dan l-aħħar, il-pożizzjoni tal-industrija fuq din il-kwistjoni evolviet ġmielu. Filwaqt li fil-passat operaturi tan-negozju tal-ikel opponew kull ħtieġa ta’ tikkettar addizzjonali, illum il-maġġoranza tas-setturi jagħrfu li l-konsumaturi għandhom id-dritt ikunu jafu dwar il-kontenut tax-xorb tagħhom, u l-atturi tas-setturi differenti qed jiżviluppaw u jimplimentaw għadd ta’ inizjattivi volontarji miftiehma jew indipendenti biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali lill-konsumaturi.

Skont assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-birreriji Ewropej, il-konsumaturi għandhom id-dritt ikunu jafu x’qed jikkunsmaw. Ġiet organizzata inizjattiva volontarja minn dawk il-birreriji madwar l-Ewropa, l-Impenn tal-Birra Ewropea 26 , li l-membri tagħha ntrabtu li jieħdu azzjonijiet miftiehma u li jistgħu jitkejlu biex itejbu l-informazzjoni lill-konsumaturi billi fost l-oħrajn jipprovdu l-informazzjoni nutrizzjonali dwar il-birer. Dawn jidhrilhom li l-operaturi jenħtieġ tingħatalhom l-għażla li jipprovdu din l-informazzjoni fuq it-tikketta jew fuq pjattaformi oħra bħal siti web jew applikazzjonijiet ta’ tweġiba malajr li jaħdmu b’kodiċi (quick response (QR)-code-driven applications) 27 , f’liema każ jenħtieġ tingħata link ċara għall-informazzjoni fuq it-tikketta tal-birra. B’mod volontarju, xi membri tal-organizzazzjoni diġà jinkludu informazzjoni fuq it-tikketta jew mhux it-tikketta bil-lista tal-ingredjenti, il-kaloriji jew id-dikjarazzjoni sħiħa dwar in-nutrizzjoni (l-enerġija, ix-xaħam, is-saturati, il-karboidrati, iz-zokkrijiet, il-proteini u l-melħ) 28 .

Is-settur tal-ispirti jidhirlu li l-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minn informazzjoni aktar ċara u aktar sinifikanti dwar x’hemm fix-xarba tagħhom u jenħtieġ li jirċievu informazzjoni konsistenti dwar il-konsum responsabbli tal-ispirti ħalli jkunu jistgħu jagħmlu għażliet aħjar għal stil ta’ ħajja sana. Is-settur jappoġġa l-għoti ta’ informazzjoni mfassla apposta għall-konsumaturi dwar il-kontenut tal-kaloriji. Din l-informazzjoni tista’ tingħata b’mezzi oħra li mhumiex indikazzjoni fuq it-tikketta. Din tista’ tagħti aċċess sħiħ għal din l-informazzjoni b’mezzi oħra aktar favorevoli għall-konsumaturi. Filwaqt li ċerti produtturi huma impenjati biex jipprovdu din l-informazzjoni fuq it-tikketta, bosta produtturi tal-ispirti diġà qed jipprovdu l-valur enerġetiku fuq is-sit web tagħhom kif ukoll permezz tal-midja soċjali u pjattaformi oħra 29 u xi wħud minnhom impenjaw ruħhom li jestendu l-kontenut ta’ din l-informazzjoni ħalli jipprovdu d-dikjarazzjoni kollha dwar in-nutrizzjoni 30 .

Is-settur tal-inbid jidhirlu li dieta bilanċjata hija element ewlieni għal stil ta’ ħajja sana u li l-konsumaturi jenħtieġ jagħżlu bir-reqqa x’jixorbu u x’jieklu. Is-settur huwa impenjat li b’mod volontarju joffri lill-konsumaturi l-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq il-kaloriji b’mod xieraq, u għajnuniet oħra li ma jkunux fuq it-tikketta huma tassew privileġġati 31 . Is-settur nieda azzjoni miftiehma u fuq sit web komuni jipprovdi informazzjoni fuq il-kaloriji għal kull porzjon u għal kull kategorija tal-inbid 32 .

Kumpanija multinazzjonali li tipproduċi l-ispirti, l-inbid u l-birra għamlet impenji biex tipprovdi lill-konsumaturi bid-dikjarazzjoni kollha dwar in-nutrizzjoni għal kull porzjon u għal kull 100 ml fuq it-tikketta u biex tapplikaha għax-xorb alkoħoliku kollu tal-portafoll tagħha. It-tikketta l-ġdida fuq il-pakkett diġà ġiet żviluppata abbażi ta’ stħarriġ li sar madwar id-dinja biex jinstab x’informazzjoni għandha titniżżel u kif l-aħjar isir dan. Il-bidliet se jiġu implimentanti b’mod progressiv fuq l-imballaġġ bil-għan li l-ewwel prodotti bit-tikkettar il-ġdid jiġu kkummerċjalizzati fil-bidu tal-2017 33 .

Uħud minn dawn l-impenji 34 , 35 ttieħdu wkoll fil-kuntest tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa, pjattaforma fejn korpi attivi fuq livell Ewropew jistgħu jiddiskutu, iqabblu l-approċċi u jaġixxu biex jittrattaw il-ħsara relatata mal-alkoħol.

Għadu kmieni wisq biex issir valutazzjoni tal-impatt ta’ dawn l-inizjattivi volontarji li ttieħdu dan l-aħħar. Iżda jista’ jkun mistenni li dawn jaf iżidu l-interess tal-konsumaturi għal għoti aktar sistematiku tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni.

B’mod ġenerali, il-produtturi tax-xorb alkoħoliku jidhrilhom li kull rekwiżit ġdid fir-rigward tat-tikkettar jenħtieġ japplika l-istess għal kull tip ta’ xorb alkoħoliku 36 , 37 .

7.Sejħiet għal azzjoni

7.1.L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

Wara l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex jonqos l-użu dannuż tal-alkoħol 2012-2020 38 , l-“ingredjenti li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa, inkluż il-kontenut ta’ kaloriji” jenħtieġ li jiġu ttikkettati u, b’mod ġenerali, it-tikkettar tax-xorb alkoħoliku jenħtieġ li jkun l-istess bħal dak ta’ ikel ieħor ħalli jkun żgurat li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni sħiħa dwar il-kontenut u l-kompożizzjoni tal-prodott biex jitħarsu saħħithom u l-interessi tagħhom. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni kien approvawh 53 pajjiż fosthom l-Istati Membri tal-UE fil-Kumitat Reġjonali għall-Ewropa f’Settembru 2011.

Barra minn hekk, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jidhrilha li l-valur enerġetiku hu l-aktar valur nutrizzjonali importanti li għandu jitniżżel fuq it-tikketta.

7.2.Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill

Fil-kuntest ta’ Riżoluzzjoni 39 adottata fid-29 ta’ April 2015, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni biex fost l-oħrajn tippreżenta proposta leġiżlattiva li teżiġi l-kontenut tal-kaloriji fuq it-tikketti tax-xorb alkoħoliku sal-2016. Skont ir-Riżoluzzjoni, billi r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 eskluda x-xorb alkoħoliku mid-dispożizzjoni obbligatorja tat-tikkettar tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, informazzjoni komprensiva dwar ix-xorb alkoħoliku hija meħtieġa, minħabba n-natura tar-riskji relatati mal-alkoħol.

Lill-Kummissjoni waslulha wkoll bosta mistoqsijiet bil-miktub dwar it-tikkettar tax-xorb alkoħoliku, li jitolbu dan ir-rapport, li jenfasizzaw in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-eżenzjonijiet attwali għat-tikkettar tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, u li jitolbu inizjattivi leġiżlattivi li jsaħħu t-tikkettar tax-xorb alkoħoliku.

Fil-konklużjonijiet tiegħu 40 adottati fis-7 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-possibbiltà li ddaħħal it-tikkettar obbligatorju tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni, b’mod partikolari l-valur enerġetiku tax-xorb alkoħoliku.

7.3.Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni mal-esperti tal-Istati Membri

Waqt it-tħejjija ta’ dan ir-rapport, fit-28 ta’ Ottubru 2013 ġiet organizzata laqgħa ta’ grupp ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 biex il-kwistjonijiet koperti bir-rapport jiġu diskussi mal-esperti tal-Istati Membri mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; din id-diskussjoni indirizzat ukoll id-definizzjoni tal-“alcopops”, li ħafna drabi jkunu prodotti alkoħoliċi/mhux alkoħoliċi mħallta minn qabel. Bosta esperti tal-Istati Membri jidhrilhom li mhux ġustifikat u li hu inkonsistenti li fuq it-tikketta tax-xorb bil-gass, l-ingredjenti li jitħalltu mal-alkoħol ma għandhomx għalfejn jiġu dikjarati filwaqt li jitniżżlu l-ingredjenti ta’ xarba bil-gass mingħajr alkoħol. B’mod simili, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni għalfejn xarba bil-gass jenħtieġ tipprovdi dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni meta l-istess xarba bil-gass imħallta ma’ spirtu hija eżentata minn din id-dikjarazzjoni.

Barra minn hekk, mid-diskussjoni ħareġ li l-kunċett ta’ “alcopops” mhux dejjem kien pertinenti fuq livell nazzjonali u kien ukoll vag wisq biex jippermetti definizzjoni kostruttiva. Minbarra dan, kien ikkunsidrat li, a priori u mingħajr ma tiġi ppreġudikata kull eżenzjoni ġġustifikata, ix-xorb alkoħoliku kollu inkluż l-“alcopops” jenħtieġ jiġi ttrattat l-istess fejn jidħlu d-dettalji tat-tikkettar li qed jitqiesu.

8.Konklużjonijiet

Bir-regoli attwali, kuntrarjament għal ikel ieħor, l-indikazzjoni tal-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni mhumiex obbligatorji għax-xorb alkoħoliku. Billi d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni saret obbligatorja mit-13 ta’ Diċembru 2016 għall-maġġoranza l-kbira tal-ikel ippakkjat minn qabel, is-sitwazzjoni partikolari tax-xorb alkoħoliku issa hija ferm aktar importanti. Għaldaqstant, il-konsumaturi Ewropej naqqsu l-aċċess għad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni u għal-lista tal-ingredjenti, ħlief għall-ingredjenti li jista’ jkollhom effett allerġeniku.

Issa l-Parlament Ewropew flimkien mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, organizzazzjonijiet tas-saħħa tal-konsumatur u pubbliċi qed jitolbu li jiddaħħlu regoli ġodda dwar it-tikkettar tax-xorb alkoħoliku, l-aktar b’rabta mat-tikkettar tal-valur enerġetiku. L-esperti tal-Istati Membri indikaw xi aspettattivi, l-aktar b’rabta mad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, u b’mod aktar partikolari għat-tikkettar obbligatorju tal-valur enerġetiku.

Fil-passat, is-setturi ekonomiċi kkonċernati esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal reġim dwar it-tikkettar obbligatorju. Illum is-settur jagħraf id-dritt li l-konsumaturi jkunu jafu x’qed jixorbu. Abbażi ta’ dan, inbeda għadd dejjem aktar ta’ inizjattivi volontarji li jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni dwar l-ingredjenti, il-valur enerġetiku jew id-dikjarazzjoni kollha dwar in-nutrizzjoni għax-xorb alkoħoliku u li jindirizzaw l-aspettattivi tal-konsumaturi għal aktar informazzjoni dwar ix-xorb li jikkunsmaw. Oriġinarjament, din l-informazzjoni volontarja kienet aċċessibbli l-aktar bit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ġodda. Iżda skont informazzjoni mis-settur, issa jenħtieġ tkun disponibbli dejjem aktar fuq it-tikketti stess.

Minbarra n-nuqqas ta’ azzjoni legali f’dan il-qasam, ċerti Stati Membri adottaw regoli nazzjonali li jeżiġu indikazzjoni parzjali tal-ingredjenti għal ċerti xarbiet alkoħoliċi. Anke jekk id-dispożizzjonijiet għad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni huma armonizzati għalkollox, xi Stati Membri qed jinnotifikaw ukoll miżuri nazzjonali li jindirizzaw id-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għax-xorb alkoħoliku. Dawn l-inizjattivi nazzjonali jikkontribwixxu għal aktar riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq.

Il-lista tal-ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni huma dettalji ewlenin tal-informazzjoni li jgħinu lill-konsumaturi biex jagħmlu deċiżjonijiet aktar infurmati u aktar sani. L-eżenzjonijiet mil-lista tal-ingredjenti u mid-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni għal ċertu ikel ikopru qabelxejn il-prodotti b’ingredjent wieħed, li isimhom huwa biżżejjed biex jinforma lill-konsumaturi dwar il-kontenut tagħhom, bħall-melħ, il-frott u l-ħaxix. Iżda fil-każ tax-xorb alkoħoliku, wieħed ma jistax jassumi li l-konsumaturi huma bilfors konxji mill-ingredjenti ġeneralment varji li jintużaw fil-proċess tal-produzzjoni u mill-valur nutrizzjonali tagħhom.

Abbażi tal-informazzjoni riveduta, il-Kummissjoni għadha ma identifikatx raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-ingredjenti u informazzjoni nutrizzjonali dwar xorb alkoħoliku jew trattament differenzjat għal xi xorb alkoħoliku, bħall-“alcopops”. Għaldaqstant, f’dan l-istadju l-Kummissjoni ma tara l-ebda bżonn jew valur miżjud ċar għal definizzjoni speċifika tal-“alcopops” għal skopijiet ta’ tikkettar.

Dan ir-rapport juri li dan is-settur huwa dejjem aktar imħejji biex jirreaġixxi skont l-aspettattivi tal-konsumaturi ħalli jkunu jafu x’qed jixorbu. Dan joħroġ fid-dieher bit-twessigħ tal-inizjattivi volontarji miftiehma jew indipendenti li ġew żviluppati u implimentati mis-settur biex jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni dwar il-lista tal-ingredjenti, il-valur enerġetiku u/jew id-dikjarazzjoni kollha dwar in-nutrizzjoni fuq it-tikketta jew mhux fuq it-tikketta. Għandu jiġi nnotat b’mod partikolari li kulma jmur qed jiżdied dejjem aktar l-għadd ta’ xorb alkoħoliku fis-suq tal-UE li diġà għandu d-dikjarazzjoni kollha dwar in-nutrizzjoni.

Minħabba dawn l-iżviluppi riċenti, il-Kummissjoni jidhrilha li bħala l-ewwel pass, l-inizjattivi volontarji attwali jenħtieġ jitħallew jiżviluppaw aktar biex tingħata lista tal-ingredjenti u dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni. Għaldaqstant qed tistieden lill-industrija biex tilqa’ l-aspettattivi tal-konsumaturi u fi żmien sena mill-adozzjoni ta’ dan ir-rapport tippreżenta proposta awtoregolatorja li tkun tkopri s-settur kollu tax-xorb alkoħoliku. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-proposta tal-industrija.

Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-approċċ awtoregolatorju propost mill-industrija ma jkunx sodisfaċenti, din tniedi valutazzjoni tal-impatt biex tirrevedi l-alternattivi ulterjuri possibbli: b’konformità mal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar 41 din il-valutazzjoni tal-impatt tikkunsidra alternattivi regolatorji u mhux regolatorji, b’mod partikolari, fir-rigward tal-għoti tal-informazzjoni dwar il-valur enerġetiku tax-xorb alkoħoliku; din il-valutazzjoni jenħtieġ tqis bir-reqqa l-impatt tal-alternattivi differenti fuq is-suq intern, fuq is-setturi ekonomiċi kkonċernati, fuq il-bżonnijiet tal-konsumaturi u l-użu proprja ta’ din l-informazzjoni, kif ukoll fuq il-kummerċ internazzjonali.

(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004, ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
(2)   Id-Direttiva tal-Kunsill 79/112/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti tal-ikel għall-bejgħ lill-konsumatur aħħari [verżjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 33, 08.02.1979, p. 1-14.)
(3)  Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 79/112/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti tal-ikel għall-bejgħ lill-konsumatur aħħari [verżjoni mhux uffiċjali], COM(82)626 final.
(4)  Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 79/112/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti tal-ikel [verżjoni mhux uffiċjali], COM(91)536 final.
(5)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 79/112/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti tal-ikel [verżjoni mhux uffiċjali], COM(97)20 finali.
(6)   Id-Direttiva 2003/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2003 li temenda d-Direttiva 2000/13/KE f’dak li jirrigwarda l-indikazzjoni tal-ingredjenti preżenti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 308, 25.11.2003,
p. 15-18.)
(7)   Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti tal-informazzjoni fuq l-ikel lill-konsumaturi, COM(2008)0040 final.
(8)  L-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jelenka ċertu ikel li ma jeħtieġx lista tal-ingredjenti, bħall-frott u l-ħaxix frisk mhux maqtugħ, l-ilma karbonizzat, li d-deskrizzjoni tiegħu tindika li ġie karbonizzat, u l-ħall iffermentat u dderivat biss minn prodott bażiku wieħed, diment li ma jkun żdied l-ebda ingredjent ieħor.
(9)  L-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jipprovdi lista tal-ikel eżentat mir-rekwiżit obbligatorju tad-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni. Dan jinkludi l-prodotti li l-konsumaturi jkunu jafu l-valur nutrizzjonali tagħhom, bħall-melħ u l-ikel mhux ipproċessat bħall-frott u l-ħaxix. Dan jinkludi wkoll il-prodotti kkunsmati bi kwantitajiet żgħar u/jew mingħajr impatt nutrizzjonali sinifikanti, bħall-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar, il-kafejiet u t-tejiet. Kategorija tal-ikel oħra li hija eżentata tinkludi l-ikel, inkluż l-ikel artiġjanali, li manifattur ta’ kwantitajiet żgħar ta’ prodotti jforni direttament lill-konsumaturi finali jew lill-istabbiliment lokali tal-bejgħ bl-imnut li jfornu direttament lill-konsumatur aħħari. Din il-kategorija tista’ tinkludi x-xorb alkoħoliku li jitqiegħed fis-suq b’dawn il-kundizzjonijiet.
(10)   Id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE dwar l-indikazzjoni tal-qawwa alkoħolika skont il-volum fit-tikkettar tax-xorb alkoħoliku għall-bejgħ lill-konsumatur tal-aħħar nett (ĠU L 113, 30.4.1987, p. 57.)
(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 672.)
(12)   Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.)
(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14-34.)
(14)   Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar
indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9-25.)
(15)  Ir-referenza tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi (TRIS): 2014/611/RO.
(16)  Ir-referenza tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi (TRIS): 2016/42/IRL.
(17)  Id-Direttiva (UE) Nru 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1.)
(18)   Standard Ġenerali għat-tikkettar tal-ikel imballat minn qabel CODEX STAN 1-1985, rivedut l-aħħar fl-2010 .
(19)   Il-Linji Gwida tal-Codex dwar it-tikkettar dwar in-nutrizzjoni CAC/GL 2-1985, riveduti l-aħħar fl-2013 .
(20)   It-TNS European Behaviour Studies Consortium, Studju dwar l-impatt tal-informazzjoni dwar l-ikel fuq id-deċiżjonijiet li jieħdu l-konsumaturi (2014) .
(21)   Perċezzjonijiet tal-konsumatur - għarfien fuq l-informazzjoni dwar l-ingredjenti u n-nutrizzjoni li ma tkunx fuq it-tikketta u l-użu tagħha - Rapport ta’ GfK Belgium (2014) .
(22)   It-tikkettar tal-alkoħol u t-twissijiet tas-saħħa - Stħarriġ tas-Centre de Recherche et d’Information des Organisations de Consommateurs(CRIOC) (2007) .
(23)   Deċiżjonijiet infurmati dwar l-ikel għal konsumaturi aktar b’saħħithom – Il-pożizzjoni tal-Uffiċċju Ewropew tal-Għaqdiet tal-Konsumaturi (il-BEUC) dwar in-nutrizzjoni (2015) .
(24)   Manifest tal-Għaqda Ewropea tal-Konsumaturi tal-Birra 2009-2014 .
(25)   Riflessjonijiet tal-Eurocare dwar it-tikkettar tal-alkoħol (2014) ..
(26)   Rapport tat-tieni sena - Novembru 2014 Impenn tal-Birra Ewropea - Pakkett ta’ inizjattivi ta’ responsabbiltà mill-Birreriji tal-Ewropa .
(27)  Il-kodiċi ta’ tweġiba malajr huwa tip ta’ barcode 2D li jintuża biex jipprovdi aċċess faċli għall-informazzjoni, eżempju fuq l-ismartphones.
(28)  Informazzjoni mingħand Brewers of Europe fl-14 ta’ Ottubru 2016.
(29)   http://spirits.eu/page.php?id=28&parent_id=5 miżjur fis-7 ta’ April 2016.
(30)  Informazzjoni mingħand Spirits Europe fit-13 ta’ Ottubru 2016.
(31)  Informazzjoni mingħand Comité européen des vins fit-3 ta’ Ġunju 2016.
(32)   http://www.wineinmoderation.eu/en/content/Wine-Diet.82/ miżjur fl-14 ta’ Ottubru 2016.
(33)   http://www.diageo.com/en-row/newsmedia/pages/resource.aspx?resourceid=2929 miżjur fit-13 ta’ Ottubru 2016
(34)   Impenn tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa 1447949468140-1722, L-għoti tal-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni u l-ingredjenti lill-konsumaturi fuq it-tikketta għall-birer kollha tal-Heineken fl-Ewropa , Heineken International.
(35)   Impenn tal-Forum Ewropew dwar l-Alkoħol u s-Saħħa 1446732318481-1721, Ninfurmaw lill-konsumaturi dwar l-ingredjenti tal-birra u l-valuri nutrizzjonali, Brewers of Europe .
(36)  Il-pożizzjoni tas-settur tal-ispirti fuq http://spirits.eu/page.php?id=28&parent_id=5 miżjur fis-7 ta’ April 2016.
(37)  Il-pożizzjoni tas-settur tal-birra fuq http://www.brewersofeurope.org/site/media-centre/post.php?doc_id=865 miżjur fis-7 ta’ April 2016.
(38)   Pjan ta’ Azzjoni Ewropew biex jonqos l-użu dannuż tal-alkoħol 2012-2020, WHO Europe .
(39)   Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2015 dwar Strateġija dwar l-Alkoħol [2015/2543(RSP) ].
(40)   Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija tal-UE dwar it-tnaqqis ta’ ħsara relatata mal-alkoħol (2015) (ĠU C418, 16.12.2015, p. 6-8.)
(41)   http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/toc_guide_en.htm