IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.2.2017
COM(2017) 57 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport ta' Progress dwar l-Enerġija Rinnovabbli
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.2.2017
COM(2017) 57 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport ta' Progress dwar l-Enerġija Rinnovabbli
INTRODUZZJONI
L-Enerġija Rinnovabbli hija fil-qalba tal-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 1 kienet u se tkompli tkun element ċentrali tal-politika tal-Unjoni tal-Enerġija u motivatur ewlieni għall-forniment ta’ enerġija nadifa għall-Ewropej kollha, bl-għan li l-UE tkun fuq quddiem nett f’dak li jirrigwarda s-sorsi rinnovabbli waqt li tikkontribwixxi għall-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija.
L-ewwel nett, is-sorsi rinnovabbli kellhom rwol importanti fis-sigurtà tal-enerġija. Il-kontribut tagħhom fl-iffrankar tal-importazzjoni ta’ karburanti fossili fl-2015 huwa stmat li kien EUR 16-il biljun u huwa mbassar li fl-2030 se jkun EUR 58 biljun 2 . It-tieni, minħabba li l-ispejjeż dejjem qegħdin jonqsu aktar malajr bis-saħħa tal-avvanz teknoloġiku, b’mod speċjali fis-settur tal-enerġija, is-sorsi rinnovabbli jistgħu jkomplu jiddaħħlu aktar fis-suq bil-mod il-mod. Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sorsi Rinnovabbli għall-perjodu ta’ wara l-2020 flimkien mal-proposti għad-Disinn tas-Suq 3 bħala parti mill-pakkett ta’ Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha se tkompli żżid il-parteċipazzjoni tas-sorsi rinnovabbli fuq l-istess livell ta’ sorsi oħrajn tal-enerġija. It-tielet, is-sorsi rinnovabbli jimxu id f’id mal-effiċjenza fl-enerġija. Fis-settur tal-elettriku, il-qlib tal-karburanti minn karburanti fossili kombustibbli għal sorsi rinnovabbli mhux kombustibbli jista’ jnaqqas il-konsum tal-enerġija primarja 4 . Fis-settur tal-bini, is-soluzzjonijiet rinnovabbli jistgħu jtejbu l-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini b’mod kosteffiċjenti. Ir-raba’, is-sorsi rinnovabbli huma wkoll motivatur kruċjali għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni. Fl-2015, is-sorsi rinnovabbli kkontribwew għall-evitar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (GHG) bl-ammont gross ekwivalenti għall-emissjonijiet tal-Italja 5 . Fl-aħħar u mhux l-anqas, is-sorsi rinnovabbli għandhom rwol importanti biex jagħmlu mill-UE gwida globali fejn tidħol l-innovazzjoni. Bi 30% tal-privattivi globali fis-sorsi rinnovabbli, l-UE kienet pijuniera f’dan il-qasam, u hija impenjata li tagħti prijorità lir-riċerka u lill-innovazzjoni sabiex tkompli tħeġġeġ it-tranżizzjoni tal-enerġija 6 .
Barra minn hekk, hemm ferm aktar benefiċċji tal-enerġiji rinnovabbli minn dak li ssemma hawn fuq. L-enerġiji rinnovabbli huma sors ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi għall-Ewropej 7 . Jikkontribwixxu wkoll biex jonqos it-tniġġis tal-arja u biex jgħinu lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp b’aċċess għal enerġija affordabbli u nadifa.
Fl-2014, l-UE u l-parti l-kbira tal-Istati Membri kienu laħqu l-miri vinkolanti tagħhom għall-2020. L-aktar progress mgħaġġel kien fis-settur tal-elettriku, filwaqt li l-ogħla kontribut assolut għadu dak ipprovdut mis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ. S’issa l-inqas progress li qed isir huwa fis-settur tat-trasport. L-eżistenza ta’ potenzjal kbir mhux sfruttat fis-setturi tat-tisħin u tat-tkessiħ u tat-trasport teħtieġ aktar azzjoni kif stipulat fil-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli għall-perjodu ta’ wara l-2020, bħala parti mill-pakkett ta’ Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha ppreżentat f’Novembru 2016. Dan il-pakkett jikkonferma l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tagħmel mill-Unjoni Ewropea n-numru wieħed fid-dinja fl-enerġija rinnovabbli u tipprovdi arranġament ġust lill-konsumaturi tal-enerġija.
Skont ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, dan ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-użu ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE. Jinkludi wkoll valutazzjoni tal-ostakoli amministrattivi, kif ukoll tas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dejta mill-2004 sal-2014 hija bbażata fuq l-Ishma tal-Eurostat u d-dejta tal-2015 ġejja minn stimi bikrin
8
. Il-progress ġenerali huwa vvalutat f’konfront mat-trajettorji stipulati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, filwaqt li l-valutazzjonijiet speċifiċi għas-settur u għat-teknoloġija saru f’konfront mat-trajettorji mill-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (National Renewable Energy Action Plans - NREAPs) tal-Istati Membri
9
. Il-projezzjonijiet tal-2020 huma bbażati fuq ix-xenarju tal-PRIMES Ref2016
10
.
1. PROGRESS FL-UŻU TA’ ENERĠIJA RINNOVABBLI
a.Il-progress tal-UE28 fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli
Fl-2014, is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (is-sehem RES - share of renewable energy) laħaq is-16% tal-konsum tal-enerġija finali gross. Is-sehem RES medju tal-UE-28 fl-2013/2014 kien jammonta għal 15.5%, sostanzjalment ogħla mit-trajettorja indikattiva (2013/2014) għall-UE-28 ta’ 12.1% 11 . Fl-2015, l-ishma RES huma stmati li huma madwar 16.4% tal-konsum tal-enerġija finali gross, filwaqt li t-trajettorja indikattiva għall-2015/2016 hija 13.8%. Madankollu, minħabba li t-trajettorji ser jogħlew fis-snin li ġejjin, l-isforzi biex inlaħħqu mal-miri jkollhom jintensifikaw, kif muri fil-Grafika 1 Figure 1 .
Grafika 1: Ishma ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE f’konfront mad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED) u t-trajettorji tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Enerġija Rinnovabbli (NREAP) (ibbażati fuq EUROSTAT, Öko-Institut )
Kif muri f' Figure 2 , it-tisħin u t-tkessiħ jibqa’ l-akbar settur f’termini ta’ użu ta’ enerġija rinnovabbli assoluta. L-ogħla sehem RES u l-akbar tkabbir, madankollu, huma fis-settur tal-elettriku, fejn is-sehem RES kiber b’1.4 punti perċentwali fis-sena bejn l-2004 u l-2014. Is-sehem RES fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ kiber b’0.8 punti perċentwali fis-sena fl-istess perjodu ta’ żmien, filwaqt li s-settur tat-trasport wera l-inqas tkabbir, b’medja ta’ 0.5 punti perċentwali fis-sena.
Grafika 2: konsum finali tal-enerġija fl-UE28 fl-2015 (sors: Öko-Institut)
I.Tisħin u tkessiħ
Grafika 3: Il-produzzjoni ta’ tisħin u tkessiħ rinnovabbli fl-UE-28 skont is-sors (sors: EUROSTAT, Öko-Institut)
B’sehem rinnovabbli stmat ta’ 18.1% fl-2015, l-UE inġenerali tinsab ogħla mit-trajettorju NREAP aggregat tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mat-tisħin u t-tkessiħ 12 . Kif muri fil-Grafika 3 Figure 3 , il-bijomassa solida bla dubju għadha l-akbar kontributur (82%) tal-produzzjoni tas-sħana rinnovabbli (72 Mtoe).
Il-produzzjoni mill-pompi tas-sħana żdiedet b’mod stabbli minn 1.8 Mtoe fl-2004 għal 9.7 Mtoe fl-2015, u qabżet it-trajettorja indikattiva tal-NREAPs (7.3 Mtoe). L-Italja hija l-pajjiż li jużaha l-aktar, għalkemm il-parti l-kbira tal-pompi tas-sħana jintużaw l-aktar għat-tkessiħ. Għalkemm is-suq tal-UE tal-pompi tas-sħana beda jmajna mill-2013, jista’ jiżdied fis-snin li ġejjin 13 .
L-użu tal-iskart rinnovabbli 14 ammonta għal 3.4 Mtoe fl-2015. Għalkemm is-sehem tal-bijogass fit-tisħin u t-tkessiħ kien negliġibbli fl-2004 (0.7 Mtoe), fl-2015 qabeż il-valuri proġettati bi 3.2 Mtoe.
Il-produzzjoni tas-sħana termali solari, bi 2.0 Mtoe fl-2015, naqset milli tlaħħaq mal-projezzjonijiet inklużi fl-NREAPs (3 Mtoe). Il-kapaċità annwali installata fl-2015 kienet aktar baxxa minn dik installata fl-2006, minħabba xtiewi sħan, prezzijiet baxxi tal-fossili, imma wkoll il-kompetizzjoni ta’ teknoloġiji rinnovabbli oħrajn bħall-pompi tas-sħana jew il-fotovoltajċi solari.
Bi produzzjoni qrib iż-0.7 Mtoe fl-2015, l-użu ġeotermali huwa taħt it-trajettorja antiċipata tal-NREAPs. Minħabba l-potenzjal naturali għoli tagħhom, tliet pajjiżi (l-Italja, Franza u l-Ungerija) qegħdin imexxu l-produzzjoni ġeotermali Ewropea. L-użu bil-mod ta’ din it-teknoloġija huwa dovut l-aktar għall-infiq kapitali kbir ħafna.
II.Elettriku
Grafika 4: Il-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli tal-UE-28 skont is-sors (sors: EUROSTAT, Öko-Institut)
B’RES-E stmat ta’ 28.3% fl-2015, l-UE hija ferm qabel it-trajettorja tal-NREAP aggregata tagħha għall-ishma rinnovabbli fl-elettriku.
L-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali jvarjaw fl-Unjoni u nbidlu diversi drabi 15 . Il-proposta għal riformulazzjoni ta’ din id-Direttiva fiha diversi dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-konfidenza tal-investitur permezz ta’ approċċ aktar Ewropew u bbażat fuq is-suq u bil-prevenzjoni ta’ bidliet retroattivi li jikkompromettu l-ekonomiji tal-proġetti appoġġjati.
L-idroelettriku għadu jiġġenera l-akbar sehem ta’ elettriku rinnovabbli, filwaqt li s-sehem tiegħu niżel minn 74 % fl-2004 għal 38% fl-2015. Fl-2015, l-UE-28 kienet qiegħda tlaħħaq mat-trajettorja NREAPs aggregata ppjanata tagħha. L-Iżvezja, Franza, l-Italja, l-Awstrija u Spanja għandhom madwar 70 % tal-idroenerġija fl-UE-28.
L-użu tal-enerġija mir-riħ kiber aktar minn erba’ darbiet fil-perjodu bejn l-2004 u l-2015, u attwalment tammonta għal madwar terz tal-elettriku rinnovabbli. L-użu tar-riħ fuq l-art huwa pjuttost qrib it-trajettorja antiċipata matul is-snin. L-akbar kontribuzzjonijiet ġew mill-Ġermanja u minn Spanja. Rigward ir-riħ fuq il-baħar, erba’ pajjiżi (l-Iżvezja, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u d-Danimarka) huma wkoll stmati li qabżu t-trajettorja antiċipata tagħhom għall-2015. Madankollu, fil-livell tal-UE, l-enerġija mir-riħ fuq il-baħar uriet progress aktar kajman milli mistenni, b’devjazzjoni ta’ -12% mit-trajettorja NREAP fl-2015, dovuta għal spejjeż inizjali għoljin (li issa qegħdin jonqsu sostanzjalment) u kwistjonijiet ta’ konnessjonijiet ta’ grilji. Madankollu l-iżvilupp aċċellera b’mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin.
L-enerġija solari fotovoltajka (solari-PV) żdiedet b’mod rapidu u fl-2015 kienet tammonta għal 12% tal-elettriku rinnovabbli kollu. Fl-2013 għall-ewwel darba l-użu tagħha kien qabeż dak tal-bijomassa solida. Fl-2015, 38 % tal-elettriku solari-PV fl-UE-28 kien prodott fil-Ġermanja, fl-Italja u fi Spanja. It-tkabbir konsiderevoli fl-elettriku solari-PV kien motivat minn progress teknoloġiku mgħaġġel, tnaqqis fl-ispejjeż u żminijiet relattivament qosra għall-iżvilupp ta’ proġetti. Dan mhux biss ippermetta użu rapidu u kosteffettiv, iżda wkoll ikkontribwixxa biex iqiegħed lill-konsumatur fiċ-ċentru tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Din l-ambizzjoni li biha l-konsumatur jingħata s-setgħa, ġiet ikkonfermata mill-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u l-proposti dwar id-Disinn tas-Suq. Rigward il-kooperazzjoni reġjonali, f’Lulju 2016, id-Danimarka u l-Ġermanja ffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni dwar il-ftuħ reċiproku ta’ rkantijiet għall-installazzjonijiet solari-PV. Dan il-ftehim imur lejn il-ftuħ ta’ skemi ta’ appoġġ lill-parteċipazzjoni transkonfinali li tipproponi r-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.
L-iġġenerar tal-elettriku mill-bijomassa fil-livell tal-UE-28 żdied minn madwar 9 Mtoe fl-2010 għal 13-il Mtoe fl-2015. Madankollu, din it-teknoloġija ma laħqitx il-livell ippjanat għal dik is-sena. L-użu tal-bijogass u tal-bijolikwidi kkombinat, it-tnejn f’livelli negliġibbli fl-2004, laħaq is-7% tal-elettriku rinnovabbli fl-2015. F’dak li jirrigwarda l-bijogass, l-użu tiegħu kiber malajr aktar minn kemm kien mistenni, b’mod speċjali fil-Ġermanja u fl-Italja.
III.Trasport
Grafika 5: Enerġija rinnovabbli fil-qasam tat-trasport fl-UE-28, skont is-sors (sors: EUROSTAT, Öko-Institut)
It-trasport huwa l-uniku settur li bħalissa jinsab taħt it-trajettorji aggregati NREAP fil-livell tal-UE, b’sehem ta’ 6 % tal-enerġija rinnovabbli fl-2015 16 . Dan jikkonferma progress pjuttost kajman lejn il-mira obbligatorja ta’ 10% fit-trasport, minħabba diversi diffikultajiet fosthom spejjeż ta’ mitigazzjoni ta’ GHG relattivament għoljin u inċertezza regolatorja 17 . L-enerġija rinnovabbli f'dan is-settur ġejja l-aktar mill-bijokarburanti (88%), filwaqt li l-elettriku għandu rwol aktar limitat f'dan l-istadju.
Il-bijodiżil huwa l-bijokarburant ewlieni użat għat-trasport fl-UE, fejn jirrappreżenta 79% tal-użu totali ta’ bijokarburanti fl-2015. Minkejja din il-pożizzjoni ewlenija, il-bijodiżil ma laħaqx l-użu mistenni antiċipat mit-trajettorja NREAPs għall-2015 (10.9 Mtoe minflok 14.4 Mtoe). L-akbar konsumaturi tal-bijodiżil huma Franza, il-Ġermanja u l-Italja.
Il-bijoetanol huwa t-tieni l-akbar kontributur ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għas-settur tat-trasport u jirrappreżenta 20% tal-bijokarburanti. Madankollu, l-użu tiegħu baqa’ lura ferm mil-livell mistenni fl-NREAPs fl-2015 (2.6 Mtoe minflok 4.9 Mtoe). Il-konsumaturi ewlenin fl-2015 kienu l-Ġermanja, ir-Renju Unit u Franza, segwiti minn Spanja, l-Iżvezja, il-Polonja u n-Netherlands.
L-elettriku rinnovabbli kkontribwixxa 1.7 Mtoe għall-konsum ta’ enerġija finali gross fit-trasport fl-2015 18 , li huwa 13% inqas mit-trajettorja NREAP aggregata mistennija.
Sorsi ta’ enerġija rinnovabbli oħrajn (fosthom il-bijogass) ma jaqdux rwol prominenti fis-settur tat-trasport fil-livell tal-UE-28, iżda jintużaw f’ċerti Stati Membri (eż. fl-Iżvezja u fil-Finlandja).
Is-sehem tal-bijokarburanti prodotti mill-iskart, mir-residwi, mill-materjal linjoċellulożiku u materjal ċellulożiku mhux tal-ikel 19 fit-taħlita ta’ bijokarburanti fl-UE 20 żdied minn 1% fl-2009 għal 23% fl-2015 21 , xprunat l-aktar mill-Iżvezja, mir-Renju Unit u mill-Ġermanja. Fil-livell tal-UE, dawn il-bijokarburanti qabżu bi tliet darbiet it-trajettorja ppjanata, b’madwar 3 Mtoe fl-2015, l-aktar minħabba l-użu ta’ żejt tat-tisjir użat.
b.Valutazzjoni ddettaljata skont kull Stat Membru u projezzjonijiet
L-Istati Membri kollha ħlief wieħed (in-Netherlands 22 ) urew ishma RES medji għall-2013/2014 li kienu daqs it-trajettorja indikattiva RED korrispondenti tagħhom jew ogħla. Skont l-estimi tal-2015, 25 Stat Membru diġà qabżu t-trajettorji indikattivi RED tagħhom tal-2015/2016 fl-2015. Tliet Stati Membri (in-Netherlands, Franza u l-Lussemburgu) kellhom ishma RES għall-2015 stmati taħt it-trajettorja indikattiva RED għall-2015/2016 tagħhom (ara l-Grafika 6 Figure 6 ).
Grafika 6: Il-progress attwali tal-Istati Membri lejn il-miri indikattivi RED tagħhom għall-2013/2014 u l-2015/2016. (sors: Öko-Institut, EUROSTAT)
Ix-Xenarju ta’ Referenza PRIMES 2016 jassumi li l-UE inġenerali u l-parti l-kbira tal-Istati Membri se jieħdu azzjoni suffiċjenti sal-2020 biex jilħqu l-miri tagħhom. L-Istati Membri li bħalissa huwa mbassar li mhumiex ser jilħqu l-miri vinkolanti RES nazzjonali tagħhom sal-2020 23 ser ikollhom il-possibbiltà li jużaw mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni. It-tabella 1 Table 1 tiġbor fil-qosor l-użu fil-passat, fil-preżent u dak imbassar fil-livell tal-Istati Membri, inkluża t-trajettorja attwali fis-settur tat-trasport imqabbla mal-mira speċifika ta’ 10%.
Tabella 1: Ħarsa ġenerali lejn il-progress tal-Istati Membri lejn il-miri tal-2020 fl-enerġija rinnovabbli (sors: Öko-Institut, EUROSTAT)
2. ĦARSA ĠENERALI LEJN IL-PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI
L-ostakoli amministrattivi joħolqu spejjeż addizzjonali ta’ żvilupp li jirriżultaw mill-inċertezza, li taffettwa b’mod speċjali lill-proġetti rinnovabbli bi spejjeż kapitali ogħla minn dawk ta’ proġetti ta’ enerġija konvenzjonali. Dawn l-ostakoli jistgħu jwasslu għal dewmien fl-użu jew saħansitra jwaqqfu proġetti milli jitwettqu. Bl-ispejjeż teknoloġiċi li qed jonqsu b’rata mgħaġġla, il-proċeduri amministrattivi qegħdin proporzjonalment jiksbu aktar piż fl-ispiża globali ta’ proġetti rinnovabbli 24 . Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli teżiġi li l-proċeduri tal-Istati Membri li jippermettu proġetti ta’ enerġija rinnovabbli jkunu proporzjonati u neċessarji. Tinkludi wkoll l-obbligu għall-Istati Membri li fl-ewwel rapport tagħhom dwar il-progress, jispjegaw jekk għandhomx l-intenzjoni li (i) jistabbilixxu korp amministrattiv uniku għall-applikazzjonijiet ta’ impjanti ta’ enerġija rinnovabbli; (ii) jipprovdu għall-approvazzjoni awtomatika tal-applikazzjonijiet għall-permess meta l-korp ta’ awtorizzazzjoni ma jkunx wieġeb fl-iskadenzi stabbiliti; u (iii) jindikaw żoni ġeografiċi adatti għall-isfruttar tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.
L-Istati Membri għamlu progress fit-tnaqqis tal-piż amministrattiv mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Il-parti l-kbira minnhom stabbilew skadenzi massimi għall-proċeduri ta’ permess kif ukoll iffaċilitaw il-proċeduri għall-proġetti fuq skala żgħira, u ħafna minnhom jidentifikaw żoni ġeografiċi għal proġetti rinnovabbli. Barra minn hekk, numru dejjem akbar ta’ Stati Membri qegħdin joffru lill-iżviluppaturi ta’ proġetti l-possibbiltà li jissottomettu applikazzjonijiet onlajn. Madankollu, kif muri fil-Grafika 7 Figure 7 , għad fadal xi ostakoli, bħal pereżempju għall-punti uniċi ta’ servizz jew għall-għoti ta’ permess awtomatiku wara l-iskadenza.
Meta mqabbla mal-2012, fl-2014 is-sitwazzjoni ftit li xejn inbidlet f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ punt uniku ta’ servizz. Ftit pajjiżi biss, bħal Franza, il-Belġju u l-Lussemburgu, adottaw din il-miżura. Kien hemm titjib żgħir rigward l-applikazzjonijiet onlajn, li bdew jiġu implimentati mill-Awstrija u mill-Bulgarija. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ skadenzi massimi nfirxet ma’ kważi l-Istati Membri kollha. Madankollu, in-numru ta’ Stati Membri li japplikaw proċeduri ffaċilitati għall-proġetti fuq skala żgħira naqas. It-Tabella 2 toffri ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-proċeduri ffaċilitati fil-livell tal-Istati Membri.
Grafika 7: L-ostakoli amministrattivi fl-UE fl-2014 (numru ta’ Stati Membri kkonċernati) (sors: Öko-Institut)
Tabella2: Is-sitwazzjoni attwali tad-disponibbiltà ta’ proċeduri amministrattivi faċilitati fl-Istati Membri tal-UE fl-2014 (sors: Öko-Institut)
3. VALUTAZZJONI TAS-SOSTENIBBILTÀ TAL-BIJOKARBURANTI FL-UE
a.Ir-rendiment tal-emissjonijiet ta’ GHG
L-Istati Membri rrapportaw iffrankar nett ta’ madwar 35 Mt ekwivalenti CO2 fl-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra minħabba l-użu ta’ enerġija rinnovabbli fit-trasport fl-2014.Ħafna minnhom irrapportaw li l-iffrankar kien ġej mill-użu ta’ bijokarburanti, bi rwol żgħir iżda li qed jikber ta’ elettriku rinnovabbli. Dan l-iffrankar ikopri biss emissjonijiet diretti u ma jinkludix emissjonijiet mit-Tibdil Indirett fl-Użu tal-Art (ILUC).
L-emissjonijiet tal-ILUC assoċjati mal-bijokarburanti kkonsmati fl-UE huma stmati li huma 23 Mt ekwivalenti ta' CO2, li jħallu ffrankar nett ta’ 12 Mt ekwivalenti CO2 25 . Bl-applikazzjoni tal-medda ta’ sensittività assoċjata kif stipulat fl-Anness VIII tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, l-emissjonijiet tal-ILUC ivarjaw bejn 14 u 28 Mt ekwivalenti ta’ CO2u l-iffrankar nett korrispondenti bejn 7 u 21 Mt ekwivalenti ta’ CO2.
Ħidma riċenti ta’ mmudellar 26 tal-impatti tal-ILUC ta’ materja prima bijokarburanti individwali tikkonferma li l-emissjonijiet mill-ILUC jistgħu jkunu ferm ogħla għall-bijokarburanti prodotti miż-żjut veġetali milli għall-bijokarburanti prodotti mil-lamtu jew miz-zokkor. Bijokarburanti avvanzati minn uċuħ mhux tal-ikel ġeneralment għandhom emissjonijiet tal-ILUC baxxi ħafna jew ineżistenti.
b.Il-kummerċ u l-pajjiżi fornituri ewlenin
Fl-2014, madwar 10% tal-bijoetanol u madwar 26% tal-bijodiżil fl-UE ġew importati. Il-pajjiżi esportaturi ewlenin kienu l-Malasja għall-bijodiżil u l-Gwatemala, il-Bolivja, il-Pakistan, ir-Russja u l-Peru għall-bijoetanol 27 . Tlieta minnhom 28 jieħdu sehem fl-Arranġament ta’ Inċentiv Speċjali tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba ("GSP+"). L-ewwel Rapport dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi għall-perjodu 2014-2015 29 jipprovdi analiżi tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien ambjentali u l-governanza tajba f'dawn il-pajjiżi. Fl-2015, l-importazzjonijiet tal-bijoetanol u tal-bijodiżil naqsu bl-akbar tnaqqis ta’ importazzjonijiet ta’ etanol ikunu mill-pajjiżi tal-GSP+.
Id-dejta rigward id-diżaggregazzjoni skont il-materja prima għall-produzzjoni tal-bijoetanol u l-bijodiżil ikkonsmati fl-UE tvarja skont is-sors ta’ informazzjoni 30 . Is-sorsi kollha disponibbli madankollu jikkonfermaw li l-etanol tal-UE huwa prodott l-aktar mill-qamħ, mill-qamħirrum u mill-pitravi, u li fl-2014, aktar minn 50% tal-bijodiżil ikkonsmat fl-UE kien prodott miż-żejt tal-lift waqt li l-użu ta’ żjut u xaħmijiet użati iżda wkoll taż-żejt tal-palm żdied b’mod sinifikanti mill-2010 31 . Skont id-dejta tal-industrija, aktar minn 60% tal-bijodiżil u aktar minn 90% tal-bijoetanol ikkonsmat fl-UE kien prodott minn materja prima Ewropea 32 .
Materja prima għall-bijoetanol li ma tiġix mill-UE hija importata mill-Ukraina (qamħirrum, qamħ), mill-Kanada (qamħ), mir-Russja u mill-Moldova (xgħir, ray), u mis-Serbja (pitravi) 33 . L-akbar esportaturi tal-materja prima għall-bijodiżil lejn l-UE kienu l-Indoneżja u l-Malasja (żejt tal-palm), il-Brażil u l-Istati Uniti (sojja) 34 . Il-parti l-kbira taż-żejt tal-lift ġejja mill-UE 35 . Il-potenzjal tal-materja prima għall-karburanti rinnovabbli avvanzati huwa kbir ħafna, iżda l-impjanti ta’ produzzjoni fuq skala kummerċjali għadhom limitati.
Tabella 3: Il-bażi ta’ materja prima tal-produzzjoni ta’ bijoetanol u bijodiżil fl-UE-28 fl-2014 (sors: USDA FAS 2016)
c.L-użu tal-art u t-tibdil fl-użu tal-art
Waqt li ż-żoni forestali, iż-żoni naturali u ż-żoni artifiċjali żdiedu fl-UE bejn l-2000 u l-2016, il-mergħat naqsu. Fl-2015, il-proporzjon ta’ mergħat ma’ art agrikola niżel bi 2.01% meta mqabbel mal-proporzjon ta’ referenza kkalkulat fuq il-bażi tad-dejta tal-2005 36 . It-telf ta’ mergħat permanenti bejn l-2006 u l-2016 kien jammonta għal 3 Mha (-4.9%) 37 . Filwaqt li fl-Unjoni ma nstabitx relazzjoni kawżali diretta bejn it-telf tal-mergħat u ż-żieda fl-art għall-uċuħ użati għall-produzzjoni ta’ bijokarburanti, din ġiet irraportata minn Stat Membru wieħed 38 .
L-aktar mudellar riċenti tal-ILUC 39 jindika li, sal-2020, il-politika dwar il-bijokarburanti tal-UE tista’ twassal għal espansjoni ta’ 1.8 Mha ta’ art ikkultivata fl-UE u għal 0.6 Mha fil-bqija tad-dinja, b’0.1 Mha għad-detriment tal-foresta. L-espansjoni tal-art ikkultivata fil-livell globali sseħħ għad-detriment tal-mergħat (-1.1 Mha), tal-art abbandunata (-0.9 Mha) u veġetazzjoni naturali oħra (-0.4 Mha).
d.L-ambjent, kwistjonijiet ekonomiċi u ta’ żvilupp
Ma nstab ebda effett negattiv sinifikanti mill-produzzjoni ta’ bijokarburanti u bijolikwidi fuq il-bijodiversità, ir-riżorsi tal-ilma, il-kwalità tal-ilma u tal-ħamrija fl-UE 40 . Madankollu, it-tibdil indirett fl-użu tal-art jista’ jikkawża telfien tal-bijodiversità jekk issir espansjoni addizzjonali tal-art f’żoni sensittivi, bħal foresti u bwar b’bijodiversità għolja.
Rigward il-kwalità tal-ħamrija, fl-UE dawn ir-riskji huma indirizzati mill-Politika Agrikola Komuni u l-leġiżlazzjoni ambjentali Ewropea u nazzjonali. Rigward pajjiżi terzi, id-degradazzjoni tal-ħamrija tista’ sseħħ meta l-espansjoni tal-bijokarburanti sseħħ fuq art li ma tkunx adattata għall-użu agrikolu. Ir-riċerka turi li numru ta’ msieħba kummerċjali tal-UE fil-materja prima tal-bijokarburanti (eż. ir-Russja, l-Ukraina, il-Kanada, il-Peru u l-Brażil) għandhom żoni ta’ art agrikola kkaratterizzati b’adattabbiltà baxxa għall-uċuħ (irrispettivament mill-użu finali tal-uċuħ), u għaldaqstant iwasslu għal impatti fuq il-ħamrija 41 .
Ma ġie rappurtat ebda impatt tal-produzzjoni ta’ bijokarburanti fuq id-disponibbiltà tal-ilma fl-UE. Rigward il-kwalità tal-ilma, il-Ġermanja rrapportat impatti negattivi minħabba n-nitrati f’żoni b’intensità għolja ta’ bhejjem u b’aktar minn 50% tar-raba’ użata għall-produzzjoni tal-qamħirrum għall-bijogass, li madankollu jintuża l-aktar għall-iġġenerar tal-elettriku. F’pajjiżi terzi, ma ġiet identifikata l-ebda evidenza ta’ rabtiet diretti bejn il-produzzjoni ta’ bijokarburanti u l-istress fuq l-ilma fis-sħab esportaturi ta’ bijokarburanti lejn l-UE.
Rigward il-prezzijiet tal-ikel, għandu jkun innotat li bejn l-2012 u l-2015, il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi agrikoli naqsu. Fl-2015, il-prezz taż-żjut veġetali laħaq l-inqas livell tiegħu mill-2005 (f’USD) 42 , filwaqt li l-prezzijiet għad-dqiq u l-pasti taż-żrieragħ żejtnin żdiedu. Id-domanda aktar baxxa għall-bijokarburanti għaż-żjut veġetali kienet fost il-fatturi li kkontribwew għall-waqgħa fil-prezzijiet taż-żjut/xaħmijiet 43 . Fatturi oħrajn jinkludu: il-provvista u stokkijiet kbar ta’ żrieragħ, is-sostituzzjoni tad-dqiq b’ċereali, u prezzijiet baxxi taż-żejt mhux maħdum.
Il-konsum tal-etanol fl-UE kellu impatt negliġibbli fuq il-prezzijiet taċ-ċereali minħabba li s-sehem tal-UE fis-suq globali tal-etanol ma qabiżx is-7%, u s-suq taċ-ċereali globali huwa xprunat l-aktar mid-domanda għall-għalf. Fil-futur, l-aktar tkabbir b’saħħtu fil-konsum ta’ bijokarburanti huwa mistenni fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li d-domanda akbar għall-ikel u l-għalf għal popolazzjoni aktar għanja hija mbassra li ser tkun issodisfata l-aktar minn qligħ tal-produttività, bit-titjib fir-rendiment mistenni li jammonta għal madwar 80% taż-żieda fir-rendiment tal-uċuħ 44 .
Rigward id-dritt tal-użu tal-art, l-aħħar rapporti dwar ftehimiet dwar art fuq skala kbira jikkonfermaw is-sejba tar-rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli tal-2015 tal-Kummissjoni li sehem żgħir ħafna biss mill-proġetti tal-bijokarburanti barra l-UE ġew żviluppati bis-suq tal-UE bħala skop. U bosta proġetti ta’ xiri tal-art imnedija fil-bidu tas-snin 2000 fallew u ma żviluppawx fi proġetti reali ta’ produzzjoni ta’ bijokarburanti. L-interess tal-investituri kien baxx fl-2014 – 2015, bi ftit aktar minn nofs (51%) l-art mixtrija mħollija mitluqa (67% fl-Afrika sub-Saħarjana) 45 . Attribuzzjoni ċara ta’ ftehimiet għall-bijokarburanti hija diffiċli peress li l-uċuħ agrikoli jistgħu jispiċċaw fil-katina tal-ikel skont il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi fi żmien il-ħsad jew fatturi oħrajn 46 . Għandu jkun innotat ukoll li, sabiex tindirizza t-tħassib relatat mal-impatti fuq il-komunitajiet lokali u d-drittijiet tal-użu tal-art fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) adottat fl-2012 il-Linji Gwida dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art u fl-2014 il-Linji Gwida għall-Investimenti Responsabbli fl-Agrikoltura. Fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-UE bil-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet ineressati (ż. ISCC, RSPO RED, RSB EU RED) ikopru wkoll aspetti ta’ sostenibbiltà soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jmorru lil hinn mill-kriterji obbligatorji ta’ sostenibbiltà tal-UE.
4. KONKLUŻJONIJIET
Il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli hija parti essenzjali mill-politika tal-enerġija tal-UE, kif rikonoxxut fl-Artikolu 194 TFUE, u tikkontribwixxi ħafna għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Qafas tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-qafas regolatorju l-ġdid għal wara l-2020 propost mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” f’Novembru 2016 jibni fuq l-esperjenza miġbura taħt id-Direttiva eżistenti dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Dan għandu l-għan li jkompli jagħti karattru aktar Ewropew lill-politika dwar l-enerġija rinnovabbli u jagħmel l-aħjar użu minnha fis-setturi tal-bini, tat-trasport u tal-industrija. Il-Kummissjoni pproponiet dispożizzjonijiet imsaħħa biex toffri l-kundizzjonijiet tajbin għall-investimenti, fosthom il-ftuħ transkonfinali progressiv tal-appoġġ, il-prinċipju tan-nonretroattività u proċeduri amministrattivi aċċellerati, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi. Is-setturi tal-elettriku, tat-trasport u tat-tisħin u t-tkessiħ huma kollha fil-mira ta’ għadd ta’ miżuri konkreti, filwaqt li qed ikun propost li l-miri nazzjonali tal-2020 jintużaw bħala linja bażi għal aktar progress mill-Istati Membri wara l-2020. F’dak li jirrigwarda l-bijoenerġija, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ il-qafas ta’ sostenibbiltà tal-UE għall-bijoenerġija billi testendih biex ikopri l-bijomassa u l-bijogass użati għat-tisħin u għall-elettriku f’impjanti kbar tal-enerġija.
B’sehem ta’ 16% fil-konsum finali tal-enerġija fl-2014, l-UE u l-parti l-kbira tal-Istati Membri 47 jinsabu fit-triq it-tajba f’dak li jirrigwarda l-enerġija rinnovabbli 48 . Madankollu, l-estimi tal-2015 juru li l-Istati Membri se jkollhom ikomplu l-isforzi tagħhom sabiex jilħqu l-miri vinkolanti tagħhom tal-2020, hekk kif it-trajettorja ssir aktar diffiċli. Dan japplika b’mod speċjali għal Franza, għal-Lussemburgu u għan-Netherlands, li fl-2016 se jkollhom iżidu l-ishma tagħhom b’mod sostanzjali sabiex jibqgħu fuq l-istess linja mat-trajettorji rispettivi tagħhom. Minn perspettiva li tħares aktar ’il quddiem, il-projezzjonijiet juru li l-UE inġenerali se tilħaq il-mira tagħha ta’ 20% sal-2020. Madankollu, ċerti Stati Membri bħall-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Netherlands u r-Renju Unit jistgħu jkunu meħtieġa jsaħħu l-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħrajn billi jużaw il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bħal trasferimenti ta’ statistika biex jilħqu fil-waqt il-miri vinkolanti nazzjonali tagħhom.
It-tisħin u t-tkessiħ, li jirrappreżenta madwar nofs 49 il-konsum tal-enerġija finali fil-livell tal-UE, jibqa’ l-akbar settur f’termini ta’ konsum ta’ enerġija 50 . Huwa wkoll l-akbar kontributur għall-mira tal-enerġija rinnovabbli, b’nofs il-konsum tal-enerġija rinnovabbli 51 , anki jekk ir-rata ta’ tkabbir tiegħu kienet aktar kajmana milli fis-settur tal-elettriku. Fl-2015, madwar 18.1% tat-tisħin u t-tkessiħ tal-UE kien rinnovabbli, bil-bijomassa tirrappreżenta, b’marġni wiesa’, l-akbar kontribuzzjoni.
Is-settur tal-elettriku ra l-aktar tkabbir mgħaġġel fis-sehem rinnovabbli, li attwalment jilħaq it-28.3% tal-produzzjoni totali tal-elettriku. Fl-2015, l-akbar kontributur għall-elettriku rinnovabbli baqa’ l-idroelettriku. L-aktar prestatur b’saħħtu f'termini ta’ tkabbir huwa r-riħ fuq l-art. L-iżvilupp solari fotovoltajku kien irregolari, bi tkabbir massimu fl-2011 u fl-2012, iżda b’rati aktar baxxi ta’ tkabbir kull sena minn dak iż-żmien ’l hawn. Flimkien, id-diversi sorsi rinnovabbli 52 jirrappreżentaw 12% tal-ġenerazzjoni gross tal-elettriku fl-UE.
It-trasport huwa s-settur li qed ikompli juri l-aktar tkabbir kajman ta’ sorsi rinnovabbli, b’medja ta’ 0.5 punti perċentwali fis-sena mill-2005 sal-2014 u tnaqqis sinifikanti wara l-2011 53 . Is-sehem tal-enerġija rinnovabbli tiegħu kien 5.9 % fl-2014 (u stmat għal 6.0 % biss fl-2015) minn mira speċifika għas-settur ta’ 10 % għall-2020. Dan il-progress kajman huwa dovut għal diversi diffikultajiet, fosthom l-inċertezza regolatorja u użu tardiv ta’ bijokarburanti avvanzati
L-Istati Membri għamlu progress fit-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi, iżda dan il-progress ma kienx uniformi madwar l-Unjoni u għad fadal ħafna xi jsir, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-għoti awtomatiku ta’ permess wara l-iskadenza tal-proċedura amministrattiva u fl-istabbiliment ta’ punti uniċi ta’ servizz.
Rigward is-sostenibbiltà tal-bijokarburanti, il-parti l-kbira tal-bijokarburanti kkonsmati fl-UE huma prodotti fl-Unjoni minn materja prima domestika. Ma ġie identifikat ebda effett ħażin dirett sinifikanti fl-UE fuq il-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma, is-sigurtà tal-ikel u fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Madankollu, ir-riskji tal-impatti tat-tibdil indirett fl-użu tal-art jibqgħu ta’ tħassib. L-analiżi tal-mudelli sabet riskji ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ILUC) li jirriżulta mill-bijokarburanti li ġejjin mill-ikel. Huwa għalhekk li, bl-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-ILUC, l-UE llimitat il-kontribuzzjoni ta’ dawn il-bijokarburanti għall-mira ta’ 10% fis-sorsi rinnovabbli għat-trasport. Barra minn hekk, dan l-aħħar il-Kummissjoni għamlet proposti sabiex tnaqqas bil-mod is-sehem ta’ bijokarburanti li ġejjin mill-ikel wara l-2020, waqt li inkoraġġiet is-sostituzzjoni progressiva tagħhom permezz ta’ bijokarburanti avvanzati u elettriku rinnovabbli.
Bħala konklużjoni, il-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli flimkien ma’ proposti oħrajn tal-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”, li issa qed tiġi eżaminata kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill, għandha l-għan li tindirizza l-ostakoli li semmejna aktar ’il fuq u li qegħdin irażżnu t-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli, u b’hekk tikkonferma d-determinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tqiegħed lill-Unjoni Ewropea fl-ewwel post f’dak li jirrigwarda l-enerġija rinnovabbli.