IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 1.2.2017
COM(2017) 56 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Valutazzjoni tal-2016 dwar il-progress li sar fl-Istati Membri fl-2014 lejn il-miri nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE kif meħtieġ skont l-Artikolu 24 (3) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija 2012/27/UE
Werrej
1.
Introduzzjoni
2.
Progress lejn l-ilħiq tal-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE għall-2020
3.
Miri nazzjonali
4.
Xejriet tal-konsum tal-enerġija u valutazzjoni ta’ miżuri nazzjonali skont is-settur
4.1.
L-industrija
4.2.
Is-settur residenzjali
4.3.
Is-settur tas-servizzi
4.4.
Is-settur pubbliku
4.5.
Is-settur tat-trasport
4.6.
Is-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana
4.7.
L-istatus tat-traspożizzjoni tal-EED
5.
Konklużjoni
1.Introduzzjoni
Iż-żieda fl-effiċjenza fl-enerġija hija importanti ħafna sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, it-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija u l-prinċipju “l-effiċjenza fl-enerġija tiġi l-ewwel” huma wieħed mill-ħames għanijiet ewlenin tal-Unjoni tal-Enerġija. Fl-2015, l-Istati Membri kkonfermaw il-ħtieġa imperattiva li sal-2020 jilħqu l-objettiv ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % . Il-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija jwasslu għal iffrankar tal-ispejjeż għall-konsumaturi, minbarra l-benefiċċji fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, is-sigurtà tal-provvista, il-kompetittività, is-sostenibbiltà tal-ekonomija Ewropea u l-ħolqien tal-impjiegi. F’Novembru 2016, il-Kummissjoni għalhekk ipproponiet li ssaħħaħ dan il-qasam kruċjali tal-politika lil hinn mill-2020, billi timmira għal objettiv vinkolanti rigward l-effiċjenza fl-enerġija tal-UE ta’ 30 % għall-2030.
Dan ir-rapport tal-2016 jipprovdi valutazzjoni tal-progress li sar sal-2014 lejn l-ilħiq tal-objettiv tal-effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % għall-2020 u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (EED). Jinkludi wkoll bosta rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri. Huwa bbażat primarjament fuq ir-Rapporti Annwali tal-Istati Membri tal-2016 u l-iktar data riċenti għall-2014 mill-Eurostat, u msejjes fuq ir-Rapport ta’ Progress dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2015.
Ir-riżultati ewlenin tar-rapport huma dawn:
L-UE għamlet progress konsiderevoli matul l-aħħar snin. Fl-2014, il-konsum tal-enerġija primarja tagħha kien biss 1.6 % ogħla mill-objettiv għall-konsum tal-enerġija primarja tagħha tal-2020. Il-konsum finali tal-enerġija kien saħansitra 2.2 % iktar baxx mill-objettiv tal-2020. Madankollu, il-konsum tal-enerġija primarja żdied b’madwar 1.5 % u l-konsum finali tal-enerġija żdied b’madwar 2 % fl-2015 meta mqabbel mal-livelli tal-2014. (Dan seħħ minħabba li l-2014 kienet sena eċċezzjonalment sħuna. Iċ-ċifri tal-2015 huma riverżjoni għat-tendenza.)
L-Istati Membri huma impenjati jimplimentaw politiki ambizzjużi ta’ effiċjenza fl-enerġija u żiedu b’mod konsiderevoli l-isforzi tagħhom fis-snin riċenti fl-oqsma kollha.
L-analiżi tad-dekompożizzjoni mwettqa għall-UE-28 turi li t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja mill-2005 sal-2014 kien primarjament dovut għal titjib fl-intensità tal-enerġija. It-tnaqqis fl-ekonomija, il-bidliet fit-taħlita tal-fjuwil u l-bidliet strutturali kellhom rwol komparattivament minuri.
Huma meħtieġa sfozi kontinwi biex jiġi renovat il-bini eżistenti sabiex tiġi ffrankata l-enerġija u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija tal-konsumaturi. Għal din ir-raġuni, hemm bżonn li l-kundizzjonjiet ta’ finanzjament għall-investimenti tal-effiċjenza fl-enerġija fl-Istati Membri jitjiebu ulterjorment. It-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) jista’ jkollhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward billi jipprovdu lill-konsumaturi b’sett ta’ għodod sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tagħhom u biex il-konsum tal-enerġija jiġi ġestit b’mod intelliġenti.
Il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom jagħmlu titjib ulterjuri fl-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tat-trasport sabiex jiġu sfruttati l-potenzjali tal-iffrankar tal-enerġija li jifdal.
Il-Kummissjoni hija ottimista li l-mira tal-konsum tal-enerġija primarja ta’ 20 % se tintlaħaq jekk l-Istati Membri jżommu mal-impenji tagħhom u jkomplu jimplimentaw il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-programmi ta’ suċċess relatati mal-effiċjenza fl-enerġija.
2.Progress lejn l-ilħiq tal-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE għall-2020
Il-konsum finali tal-enerġija fl-UE naqas bi 11 % minn 1191 Mtoe fl-2005 għal 1062 Mtoe fl-2014, inqas mill-mira ta’ konsum finali tal-enerġija ta’ 1086 Mtoe għall-2020. Mill-2005 ’l hawn il-konsum finali assolut tal-enerġija naqas fl-Istati Membri kollha ħlief fil-Litwanja, Malta u l-Polonja.
Fl-2014, it-trasport kien responsabbli għall-akbar porzjon (33 %) ta’ konsum finali totali tal-enerġija, segwit mill-industrija (26 %), is-settur residenzjali (25 %), is-settur tas-servizzi (13 %) u setturi oħrajn (3 %).
Il-konsum tal-enerġija primarja fl-UE naqas bi 12 % minn 1712 Mtoe fl-2005 għal 1507 Mtoe fl-2014. Il-livell tal-konsum xorta waħda għadu ftit ogħla mill-mira tal-konsum tal-enerġija primarja għall-2020 ta’ 1483 Mtoe.
Mill-2005 ’l hawn il-konsum assolut tal-enerġija primarja naqas fl-Istati Membri kollha ħlief fl-Estonja, il-Finlandja u l-Polonja. L-Estonja esperjenzat l-ikbar żieda annwali (2.6 %) filwaqt li l-konsum tal-enerġija primarja tal-Finlandja baqa’ ġeneralment stabbli fil-perjodu bejn l-2005 u l-2014. It-tnaqqis annwali fil-Greċja, il-Litwanja u r-Renju Unit kien sostanzjali.
3.Miri nazzjonali
Fl-2013, l-Istati Membri stabbilixxew il-miri indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020. Fl-2014, il-konsum finali tal-enerġija ta’ 17-il Stat Membru diġà kien taħt il-mira indikattiva tal-enerġija finali tagħhom għall-2020. Bl-istess mod, fl-2014 19-il Stat Membru kisbu livell ta’ konsum tal-enerġija primarja inqas mill-mira indikattiva tal-enerġija primarja tagħhom għall-2020.
L-Istati Membri l-oħrajn għadhom xi ftit il-bogħod milli jilħqu l-miri indikattivi nazzjonali tagħhom espressi f’konsum tal-enerġija finali u/jew primarja għall-2020.
4.Xejriet tal-konsum tal-enerġija u valutazzjoni ta’ miżuri nazzjonali skont is-settur
Il-maġġoranza tal-Istati Membri naqqsu l-konsum tal-enerġija primarja u l-konsum finali tagħhom bejn l-2005 u l-2014 b’rata li, jekk tinżamm kostanti, tkun suffiċjenti għalihom sabiex sal-2020 jilħqu l-miri tal-konsum tal-enerġija primarja u tal-konsum finali tal-enerġija. Fil-konsum tal-enerġija primarja, l-eċċezzjonijiet għal dan huma l-Estonja, Malta u l-Iżvezja. Fil-konsum finali tal-enerġija, l-eċċezzjonijiet huma l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Litwanja, Malta u s-Slovakkja.
L-ikbar tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja mill-2013 sal-2014 kien fil-Belġju (8 %), id-Danimarka (7 %) u r-Renju Unit (7 %). In-Netherlands kellu l-ikbar tnaqqis (8 %) fil-konsum finali tal-enerġija, segwiti minn Franza (7 %) u l-Belġju (6 %). Fin-Netherlands u l-Lussemburgu biss il-konsum finali tal-enerġija naqas fis-setturi kollha. L-ikbar żieda fil-konsum finali tal-enerġija ġiet osservata f’Malta (3 %), il-Bulgarija (3 %) u l-Litwanja (2 %).
L-ewwel analiżi tad-dekompożizzjoni saret biex jiġi eżaminat l-impatt tal-ixprunaturi differenti fuq ix-xejriet storiċi fil-konsum tal-enerġija primarja fil-livell tal-UE matul l-aħħar deċennju (2005-2014), abbażi tad-data tal-EUROSTAT. L-analiżi vvalutat il-kontribuzzjoni relattiva tal-attività ekonomika, l-istruttura, it-taħlita enerġetika u l-intensità tal-enerġija għat-tnaqqis ġenerali fil-konsum tal-enerġija primarja matul dan il-perjodu (206 Mtoe). B’mod partikolari, l-effett tal-attività wassal għal żieda ta’ 123 Mtoe fil-konsum tal-enerġija. Madankollu, dan kien ikkumpensat bi tnaqqis ta’ kważi tliet darbiet (-353 Mtoe) minħabba titjib sinifikanti fl-intensità tal-enerġija.
Min-naħa l-oħra, l-impatt tal-bidliet strutturali u fit-taħlita enerġetika għall-UE-28 huwa negliġibbli. L-effett strutturali ammonta għal +25 Mtoe. Dan jista’ jiġi attribwit għat-tkabbir relattiv ta’ ekonomiji nazzjonali aktar intensivi fl-enerġija meta mqabbla ma’ dawk li huma inqas intensivi fl-enerġija. Kien hemm effett negattiv żgħir ħafna tat-taħlita enerġetika (-0.5 Mtoe) li jissuġġerixxi bidla żgħira lejn il-fjuwils aktar nodfa. Dan jissuġġerixxi li fl-aħħar deċennju sar titjib sinifikanti fl-effiċjenza fl-enerġija.
Figura 1: Id-dekompożizzjoni tal-bidliet fil-bidla tal-konsum tal-enerġija primarja tal-UE 28 għall-2005-2014 bl-użu tal-approċċ ta’ Logarithmic Mean Divisia Index addittiv (LMDI)
Sors: Analiżi tal-JRC
L-ewwel analiżi tad-dekompożizzjoni tal-konsum finali tal-enerġija saret fil-livell tal-Istati Membri għall-perjodu bejn l-2005 u l-2014 għas-setturi produttivi tal-ekonomija. Ir-riżultati preliminari juru effetti negattivi tal-attività fil-Greċja, il-Kroazja, l-Italja u l-Portugall. Dan wassal għal konsum finali tal-enerġija aktar baxx, li jirrifletti t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’dawn il-pajjiżi. L-effett strutturali kien negattiv fil-maġġoranza tal-Istati Membri, li jindika attività miżjuda f’setturi inqas intensivi fl-enerġija. L-Estonja, il-Polonja, l-Ungerija u l-Awstrija biss esperjenzaw bidla żgħira lejn setturi aktar intensivi fl-enerġija. Dan wassal għal konsum tal-enerġija ogħla f’dan il-perjodu milli kien ikun il-każ f’sitwazzjoni oħra.
Effetti negattivi tal-intensità fl-enerġija li jirriflettu titjib fl-intensità tal-enerġija ġew irreġistrati fl-Istati Membri kollha ħlief fil-Latvja u Ċipru. Titjib sinifikanti fl-intensità tal-enerġija, li rriżulta fi tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, sar fil-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u s-Slovakkja. Il-Kummissjoni tqis li l-politika pubblika kienet xprunatur ewlieni għat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija. Dan l-aħħar din is-sejba ġiet ikkonfermata mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u mill-analiżi tad-dekompożizzjoni ta’ Odyssee-Mure.
4.1.L-industrija
Il-konsum finali tal-enerġija tal-industrija naqas f’termini assoluti minn 328 Mtoe fl-2005 sa 275 Mtoe fl-2014 (16 %).
Fl-2014, tlettax-il Stat Membru rreġistraw tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija industrijali meta mqabbla mal-livelli tal-2013. Il-pajjiżi bl-ikbar tkabbir fil-konsum tal-enerġija industrijali kienu Ċipru (19 %), il-Greċja (9 %) u l-Ungerija (6 %). Ir-raġunijiet ewlenin li taw xi Stati Membri għat-tkabbir bejn l-2013 u l-2014 kienu ż-żieda fil-valur miżjud industrijali u l-konsum miżjud tal-fabbriki tas-siment u l-fabbriki li jipproduċu l-laqx tal-injam.
F’termini ta’ intensità tal-enerġija finali tal-industrija, hemm differenza sinifikanti bejn l-iktar Stat Membru intensiv fl-enerġija, il-Bulgarija, u l-inqas intensivi fl-enerġija, id-Danimarka u l-Irlanda. Filwaqt li din hija influwenzata mis-sehem tal-industriji intensivi fl-enerġija, l-intensità tal-enerġija fl-industrija naqset fil-maġġoranza tal-Istati Membri fl-2014 meta mqabbla mal-2005, bl-eċċezzjonijiet ta’ Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija u l-Latvja. Ma kien hemm kważi ebda titjib ulterjuri fl-intensità tal-enerġija fl-Awstrija u fil-Finlandja.
4.2.Is-settur residenzjali
Il-konsum finali assolut tal-enerġija tas-settur residenzjali naqas bi 15 % minn 309 Mtoe fl-2005 għal 263 Mtoe fl-2014 minħabba bosta raġunijiet li jinkludu l-effiċjenza akbar fl-enerġija tal-apparat u t-titjib fil-prestazzjoni tal-enerġija tal-istokk tal-bini wara l-implimentazzjoni gradwali tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u tal-istandards minimi tal-ekodisinn. Barra minn hekk, l-informazzjoni li ngħatat lill-konsumaturi permezz ta’ ċertifikati ta’ prestazzjoni tal-enerġija u l-kejl tal-konsum tal-enerġija ikkontribwixxiet għal din ix-xejra pożittiva billi din tat sett ta’ għodod siewja lill-konsumaturi biex itejbu l-għarfien tagħhom dwar il-konsum tal-enerġija.
Ebda mill-Istati Membri ma rrapportaw żieda fil-konsum finali tal-enerġija tas-settur residenzjali bejn l-2013 u l-2014. Tnaqqis sinifikanti ta’ 20 % ġie nnutat fin-Netherlands, segwit mill-Belġju bi 18 %.
B’differenza mis-soltu, l-2014 kienet sena sħuna li wasslet għal domanda iktar baxxa għat-tisħin. Madankollu, minkejja li l-2014 kienet sena aktar sħuna mis-sena 2013, id-data dwar il-konsum tal-enerġija residenzjali korretta għall-klima tiżvela xejriet ta’ konsum li qed jogħla fl-2014, meta mqabbel mal-2013, fi 17-il Stat Membru. Waħda mir-raġunijiet għal dan tista’ tkun li l-korrezzjonijiet tal-klima ma jqisux il-jiem tal-grad tat-tkessiħ. Għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati fl-analiżi tal-futur, b’mod partikolari t-tkessiħ li se jkollu rwol dejjem akbar fil-ħtiġijiet tal-enerġija fil-pajjiżi tan-Nofsinhar.
Il-konsum finali tal-enerġija per capita korrett għall-klima wkoll naqas fuq medja annwali ta’ 0.7 % bejn l-2015 u l-2014. L-ikbar titjib sar fil-Belġju, l-Irlanda u r-Renju Unit f’dan il-perjodu. Il-konsum tal-enerġija għal kull metru kwadru wkoll tjieb fl-Istati Membri kollha bejn l-2005 u l-2014. L-ikbar tnaqqis ġie osservat f’Ċipru, il-Latvja u l-Portugall.
4.3.Is-settur tas-servizzi
Fis-settur tas-servizzi, il-konsum finali tal-enerġija naqas bi 2 % minn 144 Mtoe fl-2005 għal 141 Mtoe fl-2014. Dan it-tnaqqis notevoli ta’ 6 % fl-2014, meta mqabbel mal-2013, jista’ jiġi parzjalment spjegat mix-xitwa moderata tal-2014 peress li t-tisħin fis-settur tas-servizzi huwa stmat li ammonta għal 62 % tal-konsum finali tal-enerġija.
Il-pajjiżi kollha esperjenzaw konsum tal-enerġija assolut imnaqqas jew stabbli fis-settur tas-servizzi tagħhom fl-2014, meta mqabbel mal-2013, ħlief l-Estonja, il-Latvja, Malta, il-Portugall u l-Iżvezja. Ix-xejriet li jindikaw żieda jew stabbilità ġew spjegati minn Ċipru u Malta minħabba żieda kbira fit-turiżmu u l-varjazzjonijiet klimatiċi b’konsum tal-enerġija ogħla għat-tisħin, il-ventilazzjoni u l-arja kundizzjonata. Il-Latvja rabtet iż-żieda fil-konsum maż-żieda fil-valur miżjud gross tas-servizzi, filwaqt li l-Portugall semma ż-żieda fis-sigħat tax-xogħol tas-settur pubbliku bħala raġuni possibbli.
L-intensità finali tal-enerġija fis-settur tas-servizzi tjiebet fuq bażi annwali b’medja ta’ 1 % fil-perjodu bejn l-2005 u l-2014. L-ikbar titjib sar fl-Ungerija, fl-Irlanda u fis-Slovakkja matul dan il-perjodu. Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja u l-Italja kollha rreġistraw intensità tal-enerġija finali stabbli jew tiżdied f’dan il-perjodu. Dawn l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq is-settur tas-servizzi sabiex iżidu l-effiċjenza fl-enerġija. Dan għandu jgħin fit-titjib tal-kompetittività ta’ dan is-settur, li mistennija tikber fil-futur.
4.4.Is-settur pubbliku
L-Artikolu 5 tal-EED jirrikjedi li l-Istati Membri jirrinnovaw 3% tal-erja totali tas-superfiċje ta’ bini msaħħan u mkessaħ li l-gvern ċentrali jkollu sjieda tiegħu u li jkun jokkupah hu li ma jissodisfax ir-rekwiżiti minimi għall-prestazzjoni tal-enerġija tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. L-alternattiva hija li jintużaw miżuri oħrajn biex jinkiseb iffrankar ekwivalenti. Sabiex jiġu implimentati r-rekwiżiti tal-Artikolu 5, 18-il Stat Membru se jadottaw miżuri alternattivi, jiġifieri miżuri li joħolqu inċentivi sabiex l-okkupanti jbiddlu l-imġiba tagħhom. L-Istati Membri l-oħrajn għażlu l-approċċ standard li jirrinnovaw 3 % mill-erja totali tas-superfiċje.
Abbażi tar-Rapporti Annwali tal-2016, l-Istati Membri li ddeċidew li jimplimentaw l-approċċ standard irrapportaw li fl-2014 ġew rinnovati madwar 1 245 000 m² tal-istokk tal-bini eliġibbli u fl-2015 ġew rinnovati 995 000 m². L-Istati Membri li adottaw dan l-approċċ alternattiv ikkomunikaw lill-Kummissjoni l-iffrankar enerġetiku għas-snin 2014 u 2015, madankollu, hemm xi inċertezzi fir-rigward tar-rapportar (pereżempju, l-unitajiet magħżula jew id-data nieqsa). L-investigazzjonijiet preliminari jappoġġjaw il-konklużjoni li l-approċċ alternattiv adottat fl-Awstrija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Irlanda, in-Netherlands, il-Polonja, l-Iżvezja u r-Renju Unit iġġeneraw l-iffrankar enerġetiku annwali meħtieġ għall-perjodu bejn l-2014 u l-2015. Il-Kroazja, il-Finlandja u l-Iżvezja rrapportaw kisbiet ogħla milli mistenni. Fil-każ tal-approċċ standard, l-Istati Membri li jiddikjaraw li ssodisfaw r-rekwiżiti ta’ rinovazzjoni fl-2014 u l-2015 huma l-Estonja, Spanja, l-Ungerija, l-Italja u l-Latvja. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
4.5.Is-settur tat-trasport
Il-konsum finali assolut tal-enerġija fit-trasport tal-UE-28 naqas b’4 % minn 369 Mtoe fl-2005 għal 353 Mtoe fl-2014. Fl-2014, 13-il Stat Membru żiedu l-konsum tal-enerġija tagħhom f’dan is-settur meta mqabbel mal-livelli tal-2015. Il-konsum żied b’mod konsiderevoli (b’aktar minn 20 % mill-2005) fil-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovenja. B’kuntrast, fl-2014 il-konsum naqas b’21 % fil-Greċja u b’20 % fi Spanja meta mqabbel mal-livelli tal-2005.
Il-konsum finali tal-enerġija fit-trasport tal-UE-28 żdied b’1 % mill-2013 għall-2014, b’20 Stat Membru jirrapportaw żieda meta mqabbel mal-2013. Dan jirrappreżenta bidla sinifikanti mis-sena preċedenti, meta xejra ta’ titjib ġiet osservata biss fi 11-il Stat Membru. Il-pajjiżi bl-ikbar żieda jinkludu l-Bulgarija (11 %), l-Ungerija (12 %) u l-Litwanja (11 %). It-tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija ġie kkwotat bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għaż-żieda fil-konsum tal-enerġija fit-trasport. Raġunijiet oħrajn jinkludu ż-żieda fin-numru ta’ vetturi u fit-traffiku tal-merkanzija jew tal-passiġġieri. F’Malta, iż-żieda sinifikanti fil-wasliet tat-turisti kienet assoċjata mal-konsum miżjud tal-enerġija fit-trasport tal-avjazzjoni u tal-karozzi.
Fl-2014 is-sehem tat-trasport kollettiv tal-passiġġieri kien fuq medda ta’ 11 % fil-Portugall sa 35 % fl-Ungerija. Fil-livell tal-UE, is-sehem kollettiv tat-trasport tal-passiġġieri baqa’ stabbli, madwar 18 % fl-2014 meta mqabbel mal-2005. L-ikbar żieda fl-2014 meta mqabbel mal-2005 ġiet irrappurtata fil-Belġju u fir-Repubblika Ċeka. F’termini ta’ trasport tal-merkanzija, is-sehem modali tat-trasport bit-triq naqas bi ftit minn 76 % għal 75 % tat-trasport tal-merkanzija intern totali bejn l-2005 u l-2014. Fil-livell nazzjonali, is-sehem tal-ferroviji u tat-trasport tal-merkanzija b’navigazzjoni interna kien fuq medda ta’ bejn 0 % f’Ċipru u f’Malta għal 81 % fil-Latvja fl-2014. Ir-Rumanija u l-Bulgarija rrappurtaw l-ikbar żieda tal-ishma tagħhom fl-2014 meta mqabbel mal-2005.
4.6.Is-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana
Flimkien mal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet, il-politiki mmirati dwar l-effiċjenza fl-enerġija jistgħu jżidu l-effiċjenza fis-settur tal-enerġija, pereżempju billi jippromwovu t-tisħin u l-elettriku prodotti mill-ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku (CHP) b’effiċjenza għolja, it-tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti kif ukoll l-enerġiji rinovabbli u l-iskjerar ulterjuri tal-għodod tal-ICT u softwer dedikat sabiex jiġu integrati aħjar is-sorsi tal-enerġija varjabbli. Is-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandu rwol kruċjali f’dan ir-rigward.
It-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja matul dawn l-aħħar snin kien dovut għal tnaqqis fil-konsum finali tal-enerġija u bidla strutturali fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. B’mod partikolari, il-bidliet strutturali mill-ġenerazzjoni tal-enerġija termali lejn aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli saru fis-snin riċenti. B’sehem ta’ 16 % fil-konsum finali gross tal-enerġija fl-2014, l-UE u l-maġġoranza tal-Istati Membri jinsabu fit-triq it-tajba u anke ’l fuq mit-trajettorji indikattivi tagħhom f’termini ta’ użu tal-enerġija rinnovabbli. Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinovabbli (RES-E) tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija primarja.
Il-ġenerazzjoni tas-sħana mill-impjanti CHP naqset fi kważi l-Istati Membri kollha fl-2014 meta mqabbel mal-2013. Din ix-xejra negattiva għat-tisħin iġġenerat mill-impjanti tas-CHP tista’ wkoll tiġi osservata f’14-il Stat Membru fil-perjodu bejn l-2005 u l-2014.
Il-proporzjon ta’ output/input tal-ġenerazzjoni tal-enerġija termali naqas fi 17-il Stat Membru fl-2014 meta mqabbel mal-2013. L-istess japplika għal 13-il Stat Membru li naqqsu l-proporzjon tagħhom ta’ output/input fl-2014 meta mqabbel mal-2005. Jista’ jkun hemm bosta raġunijiet għal dan, pereżempju, il-bidla lejn tipi oħra ta’ fjuwils.
Skema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet li tiffunzjona sew, b’Riżerva tal-Istabbilità tas-Suq kif ukoll politiki mmirati dwar l-effiċjenza fl-enerġija jistgħu jipprovdu inċentiv addizzjonali biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija fis-settur tal-enerġija. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom isegwu mill-qrib l-implimentazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-potenzjali tal-effiċjenza fil-ġenerazzjoni u n-netwerks ta’ trażmissjoni/distribuzzjoni skont l-Artikolu 15 tal-EED u l-valutazzjonijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji għal CHP effiċjenti u t-tisħin u t-tkessiħ distrettwali meħtieġa skont l-Artikolu 14 tal-EED.
4.7.L-istatus tat-traspożizzjoni tal-EED
L-EED għadha ma ġietx trasposta bis-sħiħ f’xi Stati Membri. B’riżultat ta’ dan, dawn il-pajjiżi ma jistgħux jiksbu bis-sħiħ il-benefiċċji ta’ din id-Direttiva. Il-kontribuzzjoni tal-EED għall-ilħuq tal-miri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-2030, l-iżvilupp xieraq tas-swieq tal-effiċjenza fl-enerġija u l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u l-atturi tas-suq jistgħu jinkisbu biss ladarba d-Direttiva tkun ġiet trasposta bis-sħiħ u b’mod effettiv.
Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tkompli timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-EED. Hija għalqet 22 minn 27 proċediment ta’ ksur li inizjalment infetħu minħabba notifika nieqsa jew parzjali mill-Istati Membri tal-leġiżlazzjoni nazzjonali meħtieġa biex jiġu trasposti kull wieħed mir-rekwiżiti tal-EED. Il-Kummissjoni għadha f’kuntatt ma’ xi Stati Membri dwar l-implimentazzjoni korretta tal-Artikolu 7 tal-EED. Fl-2017, se tniedi djalogu mal-Istati Membri kollha biex jivverifikaw il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mad-Direttiva, fi kliem ieħor li l-obbligi u r-rekwiżiti kollha tal-EED jiġu riflessi b’mod korrett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
L-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 turi li l-Istati Membri għamlu progress tajjeb lejn l-ilħuq tal-objettiv ta’ ffrankar kumulattiv għall-2020. Fil-fatt, inkiseb iffrankar enerġetiku ta’ 12 Mtoe mill-UE-28 fl-2014, li jammonta għal 5 % tas-somma tar-rekwiżiti tal-iffrankar totali rrapportat mill-Istati Membri. Barra minn hekk, l-iffrankar irrapportat minn tmien Stati Membri – Franza, l-Ungerija, l-Italja, Malta, in-Netherlands, ir-Rumanija, is-Slovakkja u r-Renju Unit – laħaq jew qabeż l-iffrankar annwali mistenni għall-2014
.
Skont l-Artikolu 7, fl-2014, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall, u s-Slovenja rrapportaw li kisbu tal-inqas 50 % mill-iffrankar annwali tagħhom mistenni għal dik is-sena. Il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Lussemburgu u l-Iżvezja kisbu inqas minn 50 % tal-iffrankar tagħhom mistenni għall-2014. Fis-snin li ġejjin se jkunu meħtieġa sforzi addizzjonali f’dawn l-Istati Membri biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kumulattivi ġenerali tal-iffrankar sal-2020.
Il-Latvja u l-Lussemburgu ma rrappurtaw ebda ffrankar taħt l-Iskema tal-Obbligu tal-Effiċjenza Enerġetika (EEOS) fl-2014 peress li ma kien għad hemm ebda skema fis-seħħ. Inizjalment, il-Greċja rrapportat biss miżuri alternattivi, iżda issa beħsiebha tistabbilixxi EEOS sa mill-1 ta’ Jannar 2017
. Il-Litwanja u l-Estonja ħabbru riċentament
li m’għadhomx bl-intenzjoni jistabbilixxu EEOS. B’mod ġenerali, tmien Stati Membri
rrapportaw aġġornamenti għall-miżuri tagħhom fir-Rapporti Annwali tagħhom għall-2016. Ir-Repubblika Ċeka aġġornat ir-rekwiżit tal-iffrankar tagħha.
5.Konklużjoni
Kif enfasizzat fil-Komunikazzjoni dwar Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha, l-effiċjenza fl-enerġija għandha tkun l-ewwel sors ta’ enerġija billi din ikollha rwol ewlieni fit-tħaffif għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u t-tisħiħ tat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, u tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-UE. L-effiċjenza fl-enerġija tiffranka l-flus u saret mudell kummerċjali sostenibbli. Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrikonoxxew il-benefiċċji multipli tal-effiċjenza fl-enerġija u impenjaw ruħhom mhux biss biex jilħqu objettivi ambizzjużi fl-effiċjenza fl-enerġija għall-2020, iżda poġġew fis-seħħ ukoll ħafna programmi u miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija.
Dawn l-isforzi kellhom impatti profondi: analiżi tad-dekompożizzjoni mill-JRC uriet li l-konsum tal-enerġija primarja tal-UE-28 naqset b’206 Mtoe bejn l-2005 u l-2014 primarjament minħabba titjib fl-intensità enerġetika. Fi kliem ieħor, il-konsum tal-enerġija primarja kien ikun 23 % ogħla fl-2014 mingħajr it-titjib fl-intensità enerġetika li sar mill-2005 ’l hawn. Dan il-livell tal-iffrankar enerġetiku naqqas il-kontijiet tal-enerġija tal-konsumatur u huwa stmat li fl-2014 naqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’madwar 800 miljun tunnellata ta’ CO2.
Sabiex jiġu sfruttati ulterjorment l-investimenti privati u pubbliċi fl-effiċjenza fl-enerġija, fl-2016 il-Kummissjoni ppreżentat l-inizjattiva tagħha Aċċellerazzjoni tal-enerġija nadifa fil-bini. Din tiffoka fuq l-isfidi u l-opportunitajiet li jirrappreżentaw l-investimenti fil-bini b’enerġija sostenibbli għas-settur tal-kostruzzjoni u tinkludi wkoll l-inizjattiva Smart finance for smart buildings (Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti). Din l-aħħar inizjattiva għandha tappoġġja l-użu aktar effettiv tal-finanzi pubbliċi, l-iżvilupp ta’ pipelines għall-proġetti li jkunu bankabbli u bbażati fuq l-aggregazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ assistenza, u t-tneħħija tar-riskji tal-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija għall-promoturi, il-finanzjaturi u l-investituri tal-proġetti. Flimkien ma’ dawn l-inizjattivi, il-Kummissjoni adottat ukoll strateġija ddedikata għall-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni fl-enerġija nadifa. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija komprensiva għat-tliet ingranaġġi politiċi ewlenin li l-UE tista’ tuża sabiex issaħħaħ l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa u tiffoka l-finanzjament tal-Orizzont2020 tagħha fuq id-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE bħala waħda mill-erba’ prijoritajiet. Il-Kummissjoni immedjatament se ddaħħal l-inizjattivi kollha fis-seħħ. L-impatt dirett ta’ dawn l-inizjattivi għandu jgħin sabiex tingħalaq id-diskrepanza fil-konfront tal-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija fi żmien qasir.
L-UE diġà kisbet tnaqqis konsiderevoli fil-konsum tal-enerġija u naqqset il-konsum finali tal-enerġija tagħha għal valur iżgħar minn dak tal-mira tal-2020. Anke biż-żieda żgħira fil-konsum tal-enerġija primarja fl-2015, meta mqabbel mal-2014, il-Kummissjoni hija ottimista li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-mira tagħha. Dan minħabba li l-konsum tal-enerġija primarja fl-2014 kien biss ta’ 1.6 % ogħla mill-mira tal-konsum assolut tal-enerġija primarja għall-2020.
Bħal fir-Rapport dwar il-Progress tal-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2015, l-indikaturi tal-prestazzjoni f’dan ir-rapport juru varjazzjonijiet bejn l-Istati Membri fil-perjodu bejn l-2005 u l-2014. Madankollu, il-maġġoranza tal-indikaturi fil-livell tal-UE tjiebu.
Il-maġġoranza tal-Istati Membri tejbu l-intensità finali tal-enerġija tagħhom fl-industrija u fis-settur tas-servizzi, u dan huwa inkoraġġanti.
Kif turi l-analiżi, il-maġġoranza tal-Istati Membri naqqsu, bħala medja, il-konsum tal-enerġija għal kull metru kwadru fis-settur residenzjali fil-perjodu bejn l-2005 u l-2014. Madankollu, il-konsum finali tal-enerġija korrett għall-klima per capita żdied għal ħafna Stati Membri. Kif enfasizzat fil-pakkett Enerġija Nadifa Għall-Ewropej Kollha, l-Istati Membri għandhom ikomplu jiffukaw fuq ir-renovazzjoni tal-bini eżistenti. Dan jgħin lill-unitajiet domestiċi biex jiksbu l-istess livelli jew livelli aħjar ta’ kumdità b’inqas flus. L-ICT se jkollhom rwol kruċjali f’dan ir-rigward billi jagħtu lill-konsumaturi għodod siewja biex itejbu l-għarfien tagħhom dwar il-konsum tal-enerġija, u dan jippermettilhom il-ġestjoni intelliġenti fil-ħin reali tal-apparati li jikkonsmaw l-enerġija filwaqt li jevitaw il-konsum tal-enerġija mhux meħtieġ. Barra minn hekk, huma meħtieġa miżuri aktar iffukati biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku b’mod effettiv.
Is-settur tat-trasport kien l-uniku wieħed li ra żieda fil-konsum finali tal-enerġija fl-2014 meta mqabbel mal-2013, b’20 Stat Membru li rrapportaw żieda fil-paragun mal-2013 u 13-il Stat Membru esperjenzaw żieda meta mqabbel mal-2005. L-Istati Membri kollha għandhom jibbażaw fuq l-eżempji pożittivi minn Stati Membri oħrajn sabiex ireġġgħu lura x-xejra ta’ titjib. L-ivvjaġġar attiv (l-użu tar-roti u l-mixi), l-użu akbar tat-trasport kollettiv tal-passiġġieri u modi aktar sostenibbli għat-trasport tal-merkanzija (jiġifieri l-ferroviji u l-passaġġi fuq l-ilma interni) għandhom jiġu inkoraġġiti, kif ukoll l-użu ta’ enerġija alternattiva b’emissjonijiet baxxi għat-trasport, vetturi/bastimenti effiċjenti u l-iskjerar tal-infrastruttura relatata, pereżempju bl-installazzjoni ta’ punti ta’ ċċarġjar għall-vetturi elettriċi kif propost mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib il-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħiq tal-miri nazzjonali indikattivi tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u l-implimentazzjoni tal-EED. Għandha taġġorna wkoll il-valutazzjoni tagħha bħala parti mill-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar din il-valutazzjoni.
It-tabella 1: Indikaturi tal-ħarsa ġenerali
Sors: Eurostat, DĠ ECFIN, Odyssee-Mure
* Is-simbolu “+” jintuża jekk l-Istati Membri naqqsu l-konsum primarju u finali tal-enerġija tagħhom bejn l-2005 u l-2014 b’rata li hija ogħla mir-rata ta’ tnaqqis li tkun meħtieġa fil-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2020 biex jilħqu l-miri ta’ konsum primarju u finali tal-enerġija tagħhom sal-2020. Is-simbolu “-” intuża fil-każijiet li jifdal.
It-tabella 2: Indikaturi tal-ħarsa ġenerali
Sors: Eurostat