Brussell, 1.2.2017

COM(2017) 49 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil użati għat-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea
(Snin tar-rapportar 2014 u 2015)


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil użati għat-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea
(Snin tar-rapportar 2014 u 2015)

1.    Introduzzjoni

Il-konformità kontinwa mar-rekwiżiti ta’ kwalità tal-UE tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil użati għat-trasport bit-triq hija ta’ importanza kbira sabiex jinkisbu benefiċċji sostanzjali għas-saħħa u l-ambjent.

Dan ir-rapport huwa bbażat fuq ir-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 98/70/KE 1 (l-hekk imsejħa Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti), dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil użati għat-trasport bit-triq fl-UE għas-sena 2014.

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) wettqet proċess ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tad-dejta ppreżentata mill-Istati Membri li wassal għat-titjib tad-dejta. Il-ġbir u l-analiżi tad-dejta rrapportata mill-Istati Membri hija ppreżentata fir-rapport Tekniku tal-EEA Nru 26/2015 dwar “EU Fuel quality monitoring – 2014” u r-Rapport Tekniku Nru 36/2016 dwar “EU Fuel quality monitoring – 2015” 2 .

2.    Ħarsa ġenerali lejn id-dejta dwar il-kwalità tal-karburant fl-UE tal-2014

Il-monitoraġġ tal-kwalità tal-karburanti fl-2014 u fl-2015 kompla juri li kien hemm biss ftit devjazzjonijiet mill-ispeċifikazzjonijiet għall-petrol u d-diżil stipulati fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti. Barra minn hekk, juru li l-Istati Membri kollha japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-karburanti li jeħtieġu li l-karburanti tat-triq ikun fihom anqas minn 10 ppm ta’ kubrit.

Wieħed mill-punti ewlenin għall-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità tal-karburanti huwa l-kampjunar tal-karburanti. Wara s-sejbiet tar-rapport dwar id-dejta tal-2013 3 u l-kuntatti bilaterali sussegwenti bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, id-dejta rrapportata mill-Istati Membri turi li fl-2014 kien hemm titjib fil-mod li bih l-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tar-rapportar u tal-monitoraġġ permezz ta’ sistemi mtejba għall-monitoraġġ tal-kwalità tal-fjuwil li wasslu għal kampjunar tal-karburanti li huwa aktar komplet u robust.

Fl-2014, l-Istati Membri kollha pprovdew l-informazzjoni minima meħtieġa relatata mal-konformità tal-karburanti. Għaldaqstant, ma kienx hemm bżonn li l-Kummissjoni tniedi investigazzjoni ġdida f’dan il-qasam.

Fl-2015, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri pprovdew l-informazzjoni minima meħtieġa relatata mal-konformità tal-karburanti. Il-Kummissjoni talbet għal aktar informazzjoni mingħand dawk l-Istati Membri li ma rrapportawx l-informazzjoni meħtieġa relatata mal-konformità tal-karburanti.

In-nuqqas ta’ konformità tal-karburant li ġie introdott fis-suq f’dawn is-sentejn huwa rrappurtat li kien rari. Ġeneralment meta dan iseħħ l-Istati Membri jindikaw li jieħdu azzjoni sabiex dak il-karburant li ma jkunx konformi jitneħħa mill-bejgħ. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda evidenza ta’ xi riperkussjonijiet negattivi fuq l-emissjonijiet tal-vetturi jew il-funzjonament tal-magni minħabba dawn il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

(1)

   ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(2)

      http://www.eea.europa.eu/publications/eu-fuel-quality-monitoring-2014 u

http://www.eea.europa.eu/publications/eu-fuel-quality-monitoring-2015  

(3)

      http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/fuel/docs/com_2015_70_en.pdf