Brussell, 1.2.2017

COM(2017) 48 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju


Werrej

1.    INTRODUZZJONI    

2.    INFRASTRUTTURA TAL-EU ETS    

2.1.    Kopertura ta’ attivitajiet, ta’ installazzjonijiet u ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru    

2.2.    Reġistru tal-Unjoni    

3.    FUNZJONAMENT TAS-SUQ TAL-KARBONJU FL-2015    

3.1.    Provvista: kwoti mqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni    

3.1.1.    Limitu massimu    

3.1.2.    Kwoti maħruġa    

3.1.2.1.    Allokazzjoni bla ħlas    

3.1.2.2.    Il-programm NER 300    

3.1.2.3.    Irkant ta’ kwoti    

3.1.2.4.    Deroga mill-irkantar sħiħ għas-settur tal-enerġija    

3.1.3.    Krediti internazzjonali    

3.2.    Domanda: kwoti meħuda barra miċ-ċirkolazzjoni    

3.3.    Ibbilanċjar tal-provvista u tad-domanda    

4.    AVJAZZJONI    

5.    SORVELJANZA TAS-SUQ    

5.1.    In-natura legali tal-kwoti tal-emissjonijiet u t-trattament fiskali    

6.    MONITORAĠĠ, RAPPORTAR U VERIFIKA TAL-EMISSJONIJIET    

7.    ĦARSA ĠENERALI TA’ ARRANĠAMENTI AMMINISTRATIVI FL-ISTATI MEMBRI    

8.    KONFORMITÀ U INFURZAR    

9.    KONKLUŻJONIJIET U PERSPETTIVA    


1.INTRODUZZJONI

Mill-2005 ’l hawn, l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) kienet ċentrali għall-istrateġija tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass serra mill-industrija u mis-settur tal-enerġija b’mod kosteffikaċi. Is-sistema tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kisba tal-mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għall-2020 - l-UE tinsab fi triqitha sabiex tilħaq u saħansitra taqbeż il-mira tagħha. Madankollu, sabiex tikseb il-mira li tnaqqas l-emissjonijiet b’tal-anqas 40% sal-2030 – hekk kif qablu l-mexxejja tal-UE f’Ottubru tal-2014 bħala parti mill-qafas ta’ politika tal-UE għall-klima u l-enerġija għall-2030 – irid jiġi żgurat li jitkompla jsir progress. Din il-mira domestika se titwassal kollettivament mill-UE b’mod kosteffikaċi, bi tnaqqisiet fis-setturi tal-ETS u mhux tal-ETS. EU ETS li tiffunzjona tajjeb u riformata se tikkostitwixxi l-mekkaniżmu ewlieni biex tinkiseb din il-mira, li tammonta għal tnaqqis ta’ 43 % mill-emissjonijiet meta mqabbel mal-2005 fis-setturi koperti mill-EU ETS.

F’Lulju tal-2015 il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva 1 għar-reviżjoni tal-EU ETS għad-deċennju li jmiss. Ir-riformar u r-reviżjoni tal-EU ETS jikkostitwixxu parti integrali mill-ħidma fuq il-kisba ta’ Unjoni tal-Enerġija reżiljenti li hija qasam ta’ politika prinċipali fil-Kummissjoni attwali.

L-aspetti ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2015 dwar ir-reviżjoni tal-EU ETS għall-fażi 4 (2021-2030):

o    l-aġġornar tal-valuri referenzjarji sabiex jirriflettu l-progress teknoloġiku

o    gruppi ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju aktar immirati

o    ammont ta’ allokazzjoni bla ħlas allinjat aħjar mal-livelli ta’ produzzjoni

Kwoti bla ħlas se jkomplu jkunu disponibbli biex jimmodernizzaw is-settur tal-enerġija f’dawn l-Istati Membri bi dħul aktar baxx.

In-numru totali ta’ kwoti se jonqos b’rata annwali ta’ 2,2% mill-2021 ’il quddiem meta mqabbel mar-rata attwali ta’ 1,74%

Allokazzjoni mmirata aħjar tal-kwoti bla ħlas, inklużi:

Diversi mekkaniżmi ta’ appoġġ jgħinu lill-industrija u lis-settur tal-enerġija jissodisfaw l-isfidi ta’ innovazzjoni u ta’ investiment tat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

oŻewġ fondi ġodda:

Fond ta’ Innovazzjoni – sabiex jestendi l-appoġġ eżistenti għad-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għal innovazzjoni rivoluzzjonarja fl-industrija

Fond ta’ Modernizzazzjoni – sabiex jiffaċilita l-investimenti fil-modernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u fis-sistemi usa’ tal-enerġija u jagħti spinta lill-effiċjenza enerġetika f’10 Stati Membri bi dħul aktar baxx.

F’Lulju tal-2016, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ miżuri biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn emissjonijiet baxxi tal-karbonju fis-setturi kollha tal-ekonomija fl-Ewropa 2 . Waħda mill-proposti leġiżlattivi 3 tistabbilixxi miri annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gass serra għall-Istati Membri għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030 għas-setturi mhux regolati skont l-EU ETS. B’mod ġenerali, il-qafas il-ġdid huwa msejjes fuq il-prinċipji ewlenin tal-ġustizzja, tas-solidarjetà, tal-kosteffettività u tal-integrità ambjentali.

Suq tal-karbonju Ewropew aktar b’saħħtu u li jiffunzjona aħjar għandu l-potenzjal li jagħmel kontribuzzjoni kbira għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u aktar sigura fl-enerġija fl-Ewropa. Bħala l-ewwel suq tal-karbonju maġġuri fid-dinja u l-akbar wieħed, l-EU ETS għandha rwol importanti wkoll fil-kontribuzzjoni għall-isforzi globali li ntlaħaq qbil dwarhom f'Diċembru li għadda f’Pariġi bħala parti mill-ewwel ftehim universali dinji dwar it-tibdil fil-klima.

L-ewwel rapport dwar l-istat tas-suq Ewropew tal-karbonju 4 ġie ppubblikat f’Novembru 2012 (Rapport tas-Suq tal-Karbonju tal-2012). L-għan tiegħu kien li janalizza l-funzjonament tas-suq tal-karbonju u li jikkunsidra jekk kienx hemm bżonn azzjoni regolatorja fid-dawl ta’ eċċess dejjem jikber fil-kwoti. Fil-kuntest tal-ewwel rapport tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, f’Novembru tal-2015 5 il-Kummissjoni Ewropea adottat it-tieni rapport dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju (Rapport tas-Suq tal-Karbonju 2015) bħala parti mir-Rapport dwar il-progress fl-azzjoni klimatika. Dan ir-rapport kopra s-snin 2013 u 2014 filwaqt li ppreżenta wkoll ċerti inizjattivi adottati fl-2015.

Dan ir-Rapport dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju rikjest skont l-Artikolu 10(5) u l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2003/87/KE 6 (id-Direttiva tal-EU ETS) ikopri s-sena 2015 iżda jippreżenta wkoll ċerti inizjattivi proposti jew maqbulin fl-2016. Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, id-dejta użata għal dan ir-rapport kienet dik disponibbli pubblikament u għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni sa Ġunju 2016.

Informazzjoni ġenerali dwar aspetti differenti tal-EU ETS li diġà ġiet ipprovduta fir-rapporti preċedenti tas-suq tal-karbonju hija indikata f’kaxex tul ir-rapport.



2.INFRASTRUTTURA TAL-EU ETS

2.1.Kopertura ta’ attivitajiet, ta’ installazzjonijiet u ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru

L-EU ETS topera fi 28 Stat Membru tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja. Tkopri madwar 11 000 impjant tal-enerġija u installazzjoni tal-manifattura kif ukoll l-emissjonijiet minn madwar 520 linja tal-ajru li jivvjaġġaw bejn ajruporti Ewropej. Madwar 45% tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-UE huma koperti mis-sistema.

Mill-fażi 3 (2013-2020), is-setturi b’installazzjonijiet stazzjonarji koperti mill-EU ETS huma industriji intensivi fl-enerġija, inklużi impjanti tal-enerġija u impjanti oħra ta’ kombustjoni, b’input nominali termali ta’ >20MW (ħlief installazzjonijiet ta’ skart perikoluż jew muniċipali), raffineriji taż-żejt, fran tal-kokk, ħadid u azzar, gagazza tas-siment, ħġieġ, ġir, brikks, ċeramika, polpa, karta u bord, aluminju, petrokimiċi, ammonijaka, produzzjoni ta’ aċidu nitriku, adipiku, gliossali u gliossiliku, qbid ta’ CO2, trasport f’pipelines u ħżin ġeoloġiku ta’ CO2. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-avjazzjoni tal-EU ETS huwa limitat għal titjiriet fi ħdan iż-ŻEE sa tmiem l-2016.

L-EU ETS tkopri emissjonijiet ta’ diossidu tal-karbonju (CO2), emissjonijiet ta’ ossidu nitruż (N2O) minn kull produzzjoni ta’ aċidu nitriku, adipiku, gliossali u gliossiliku u emissjonijiet ta’ perfluworokarburi (PFC) mill-produzzjoni tal-aluminju.

L-Istati Membri jistgħu jżidu aktar setturi u emissjonijiet ta’ gassijiet serra mal-EU ETS (proċedura ta’ inklużjoni fakultattiva).

Skont ir-rapporti tal-Artikolu 21 sottomessi fl-2016 għas-sena ta’ rapportar tal-2015, issa b’kollox hemm ftit anqas minn 10 950 installazzjoni awtorizzata meta mqabbla mal-11 200 tas-sena preċedenti u madwar 11 400 tas-sena ta’ qabilha.

Fl-2015 il-karburanti maħruqin fl-attivitajiet tal-EU ETS kienu għadhom fil-maġġor parti assoluta fossili. Madankollu, 27 Stat Membru 7 rrapportaw ukoll l-użu tal-bijomassa b’rabta ma’ kważi 2000 installazzjoni (1966, 18% tal-installazzjonijiet kollha). 4 Stati Membri biss ma rrapportawx użu tal-bijomassa (FR, LI, LT, MT). L-indikazzjoni tal-emissjonijiet relatati mal-bijomassa ma ġietx ipprovduta fir-rapporti tal-Artikolu 21 tal-Istati Membri kollha (DK, IE, LV, PT, RO), iżda fuq il-bażi tad-dejta effettivament ipprovduta, l-emissjonijiet mill-bijomassa użata ammontaw għal madwar 125 miljun tunnellata ta’ CO2 (madwar 7% meta mqabbla mal-emissjonijiet irrapportati tal-EU ETS). Żewġ Stati Membri biss (DE u SE) irrapportaw użu baxx ta’ bijokarburant li b’kollox involva erba’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru 8 .

Fi ħdan il-kategoriji bbażati fuq l-emissjonijiet annwali 9 , id-dejta għall-2015 turi li bħal fl-2014, 72% tal-installazzjonijiet għadhom tal-kategorija A, 21% tal-kategorija B u 7% biss tal-kategorija C. Fl-2015, aktar minn 5700 installazzjoni (eskluża IT) ġew irrapportati bħala “installazzjonijiet b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet” (57% tat-total eskluża IT) 10 . Il-perċentwal għoli ta’ installazzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet u tal-kategorija A jikkonferma r-rilevanza tal-arkitettura bbażata fuq gradi u ta’ simplifikazzjonijiet oħrajn tas-sistema ta’monitoraġġ, ta’ rapportar u ta’ verifika mfassla fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

Għad li l-qasma tal-installazzjonijiet bejn installazzjonijiet tal-kategoriji A, B u C, u installazzjonijiet b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet, fi ħdan l-Istati Membri ġeneralment issegwi l-istess tendenza kumplessiva, hemm differenzi akbar fis-setturi industrijali jew fl-attivitajiet koperti. L-installazzjonijiet tal-EU ETS li jinvolvu attivitajiet ta’ kombustjoni jinsabu fl-Istati Membri kollha. Attivitajiet oħra rrapportati mill-maġġoranza tal-Istati Membri huma raffinar taż-żejt, produzzjoni tal-azzar, siment, ġir, ħġieġ, ċeramika u polpa u l-produzzjoni tal-karta. Żewġ pajjiżi biss (FR u NO) jirrapportaw attivitajiet ta’ ġbir u ħżin tas-CO2 li nħarġulhom permessi. Rigward l-attivitajiet tal-EU ETS elenkati b’mod addizzjonali għal emissjonijiet ta’ gass serra mhux CO2, hemm rapporti ta’ permessi maħruġin għall-aluminju primarju u għall-PFCs fi 13-il pajjiż (DE, ES, FR, GR, IS, IT, NL, NO, RO, SE, SI, SK, UK), u għall-produzzjoni ta’ aċidu nitriku u N2O f’20 pajjiż (bl-eċċezzjonijiet li huma CY, DK, EE, IE, IS, LI, LU, LV, MT, PT, SI). Is-setturi l-oħrajn ta’ N2O huma rrapportati biss fi tliet Stati Membri oħrajn, li involvew il-produzzjoni ta’ aċidu adipiku (DE, FR, IT) u l-produzzjoni ta’ aċidu gliossali u gliossiliku (DE, FR).

Kif ġie rrapportat fl-2015, għadd żgħir ħafna ta’ Stati Membri biss użaw il-possibbiltà li jeskludu emittenti żgħar mill-EU ETS f’konformità mal-Artikolu 27 tad-Direttiva tal-EU ETS. Din il-possibbiltà hija offruta mid-Direttiva sabiex ikomplu jitnaqqsu aktar l-ispejjeż amministrattivi għall-emittenti żgħar u hija permessa meta jkunu fis-seħħ miżuri ekwivalenti għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ GHG. Skont ir-rapporti sottomessi fl-2016, tmien pajjiżi (DE, ES, FR, HR, IS, IT, SI, UK) qegħdin jużaw din il-possibbiltà, speċjalment għal installazzjonijiet li jinvolvu attività ta’ kombustjoni u l-produzzjoni taċ-ċeramika. L-ammont kumplessiv ta’ emissjonijiet esklużi għall-2015 kien ta’ madwar 4 miljun tunnellata ta' CO2 (madwar 0,22% tal-emissjonijiet totali vverifikati), meta mqabbel mat-3,9 miljun tunnellata fl-2014 u mal-4,7 miljun tunnellata ta' CO2 fl-2013.

Ta’ min jgħid li skont is-sottomissjonijiet tal-Artikolu 21 tal-Istati Membri fl-2016, numru żgħir ħafna biss ta’ Stati Membri sfruttaw id-dispożizzjoni offruta mill-Artikolu 13 tar-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar 11 (MRR) li tippermettilhom jawtorizzaw l-użu ta’ pjanijiet ta’ monitoraġġ issimplifikati f’każijiet ta’ riskju baxx. BE (il-Fjandri), FR, HR, HU, LI u LT biss jirrapportaw l-użu fil-każ ta’ installazzjonijiet, u FI, IS u PL biss fil-każ tal-avjazzjoni.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-kopertura tal-operaturi ta’ inġenji tal-ajru, in-numru ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru rrapportati bil-pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-EU ETS issa huwa anqas minn 530 għall-2015, meta mqabbel ma’ aktar minn 610 irrapportati għall-2014.

2.2.Reġistru tal-Unjoni

Ir-Reġistru tal-Unjoni jintraċċa s-sjieda tal-kwoti u t-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw kwoti simili ma’ bank, filwaqt li jirreġistra l-ammonti miżmuma fil-kontijiet tiegħu u t-tranżazzjonijiet bejn il-kontijiet. Dan ir-reġistru uniku huwa mħaddem u miżmum mill-Kummissjoni, filwaqt li amministraturi tar-reġistru nazzjonali fil-31 pajjiż kollha li jipparteċipaw fl-EU ETS jibqgħu jkunu l-punt ta’ kuntatt għar-rappreżentanti ta’ aktar minn 20 000 kont (il-kumpaniji jew il-persuni fiżiċi).

Ir-reġistru uniku joffri lill-emittenti, lin-negozjanti u lill-31 awtorità nazzjonali Ewropej il-mezzi sabiex iwettqu x-xogħol tagħhom relatat mal-EU ETS: eż. jallokaw kwoti bla ħlas lill-operaturi stazzjonarji u tal-avjazzjoni, jirreġistraw l-emissjonijiet tal-emittenti (installazzjonijiet stazzjonarji u avjazzjoni), jawtorizzaw lill-emittenti, lin-negozjanti professjonali kif ukoll lil persuni fiżiċi biex jeżegwixxu negozju lest billi jittrasferixxu kwoti bejn il-kontijiet, jippermettu lill-emittenti jikkumpensaw għall-emissjonijiet tagħhom billi jċedu kwoti. Barra minn hekk, ir-reġistru jintuża sabiex jimplimenta d-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi* u għall-irkant ta’ kwoti.

Fl-istess ħin, ir-Reġistru tal-Unjoni jippermetti lill-pajjiżi parteċipanti sabiex jikkonformaw mar-regoli tal-Protokoll ta’ Kjoto tan-Nazzjonijiet Uniti: eż. l-irtirar jew it-tħassir tal-unitajiet tal-Protokoll ta’ Kjoto.

*Id-Deċiżjoni Nru 406/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 136. 

Fl-2016, ir-Reġistru tal-Unjoni se jqabbad lil Malta u lil Ċipru mar-Reġistru Internazzjonali tat-Tranżazzjonijiet (ITL) tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll se jimplimenta, f’koordinazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti l-funzjonalitajiet neċessarji għat-twettiq tal-proċessi definiti fid-Deċiżjoni 3/CMP.11 tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Protokoll ta’ Kjoto 12 .

Bħala l-amministratur ċentrali tar-Reġistru tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-amministraturi tar-reġistri nazzjonali, il-Kummissjoni l-ħin kollu tfittex li tkompli ttejjeb il-funzjonalitajiet u s-sigurtà tar-reġistru u tipprova tagħmlu aktar faċli għall-utenti.

Fil-Manwal tal-ETS tista’ tinkiseb aktar informazzjoni ddettaljata dwar l-EU ETS 13 . 

3.FUNZJONAMENT TAS-SUQ TAL-KARBONJU FL-2015 

Dan il-kapitolu jipprovdi informazzjoni dwar in-naħa tal-provvista u tad-domanda tal-EU ETS li tkopri l-limitu massimu, l-allokazzjoni bla ħlas, il-programm NER300, l-irkantar, id-deroga mill-irkantar sħiħ għas-settur tal-enerġija f’ċerti Stati Membri u l-użu ta’ krediti internazzjonali.

Min-naħa tad-domanda, huwa jipprovdi informazzjoni dwar l-emissjonijiet ivverifikati u dwar l-ibbilanċjar tal-provvista u d-domanda.

3.1.Provvista: kwoti mqiegħda fiċ-ċirkolazzjoni

3.1.1.Limitu massimu

L-EU ETS taħdem fuq il-prinċipju ta’ “cap and trade”. Il-limitu huwa l-kwantità assoluta ta’ gassijiet serra li jistgħu jiġu emessi fis-sistema biex jiżguraw li tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet u jikkorrispondi għan-numru ta’ kwoti mqiegħda f’ċirkolazzjoni tul fażi ta’ kummerċ.

Sa mill-fażi 3, limitu massimu fl-UE kollha huwa ddeterminat mid-Direttiva tal-EU ETS. Il-limitu massimu jonqos kull sena b’fattur lineari ta’ tnaqqis ta’ 1,74% tal-kwantità totali medja ta’ kwoti maħruġa annwalment fl-2008-2012.

It-Tabella 1 turi ċ-ċifri għal-limitu massimu għal kull sena matul il-perjodu 2013-2020 (fażi 3).

Tabella 1: Limitu tal-UE ETS 2013-2020



Sena



Limitu massimu annwali (minbarra l-avjazzjoni)



2013



2 084 301 856



2014



2 046 037 610



2015



2 007 773 364



2016



1 969 509 118



2017



1 931 244 873



2018



1 892 980 627



2019



1 854 716 381



2020



1 816 452 135

3.1.2.Kwoti maħruġa

3.1.2.1.Allokazzjoni bla ħlas

Għad li fil-fażi 3 l-irkantar huwa l-metodu prestabbilit għall-allokazzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet lil kumpaniji li jieħdu sehem fl-EU ETS, ċerti kwoti se jibqgħu jiġu allokati bla ħlas sal-2020 u aktar tard. Japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

L-allokazzjoni bla ħlas hija pprovduta lil installazzjonijiet industrijali sabiex jindirizzaw ir-riskju potenzjali ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju (kumpaniji li jittrasferixxu l-produzzjoni għal raġunijiet ta’ kostijiet relatati mal-politiki dwar il-klima lil pajjiżi terzi b’anqas restrizzjonijiet fuq l-emissjonijiet ta’ gass serra li potenzjalment iwasslu għal żieda fl-emissjonijiet totali tagħhom).

Is-setturi u s-subsetturi meqjusin bħala esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju huma mqiegħda f’lista uffiċjali li bħalissa tkopri l-perjodu 2014-2019.

il-ġenerazzjoni tal-elettriku ma għadhiex tirċievi kwoti bla ħlas (ara t-taqsima 3.1.2.4.)

il-kwoti huma distribwiti bla ħlas skont ir-regoli armonizzati madwar l-UE kollha

allokazzjoni bla ħlas hija bbażata fuq parametri referenzjarji tal-prestazzjoni għat-tisħiħ tal-inċentivi għat-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għall-ippremjar tal-installazzjonijiet l-aktar effiċjenti

riżerva għal min jidħol ġdid (NER) madwar l-UE kollha hija prevista bħala ekwivalenti għal 5% tal-ammont totali tal-kwoti għall-fażi 3 (monetizzazzjoni ta’ 300 miljun kwota minn din ir-riżerva ffinanzjaw il-programm NER300, ara t-taqsima 3.1.2.2.)

Tul il-fażi 3, 39% tal-kwantità totali ta’ kwoti disponibbli se tiġi allokata bla ħlas lil installazzjonijiet industrijali u li jiġġeneraw l-elettriku għas-sħana li jipproduċu. Dan is-sehem ta’ allokazzjoni bla ħlas se jkompli jiżdied minħabba l-allokazzjonijiet lil min jidħol ġdid sal-2020. Bħalissa, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit kemm mir-riżerva għal min jidħol ġdid se jintuża fis-snin li ġejjin. Madankollu, f’konformità max-xejriet, huwa mistenni li xejn aktar minn 2% tal-limitu massimu jistgħu jiġu allokati b’mod addizzjonali bla ħlas mill-NER. Għaldaqstant, tul il-fażi 3, l-allokazzjoni bla ħlas hi mistennija li tammonta għal madwar 41% tal-ammont totali. Barra minn hekk, jintuża madwar 2% tal-limitu massimu totali għall-iffinanzjar tal-programm NER300 (ara t-taqsima 3.1.2.2.). Għaldaqstant, is-sehem tal-irkant fil-fażi 3 jammonta għal 57%.

Fil-fażi 3 installazzjonijiet ġodda koperti mill-EU ETS u installazzjonijiet li jżidu l-kapaċità huma eliġibbli għal allokazzjoni bla ħlas addizzjonali mill-NER. L-NER inizjali, wara li tnaqqsu 300 miljun kwota għall-programm NER300, żammet 480,2 miljun kwota. Sa Lulju 2016, 109,2 miljun kwota ġew riżervati għal 492 installazzjoni għall-fażi 3 kollha. L-NER li jifdal li tammonta għal 371,0 miljun kwota tista’ titqassam fil-ġejjieni għal installazzjonijiet ġodda oħrajn jew għal installazzjonijiet eżistenti li jżidu l-kapaċità tagħhom. Madankollu, huwa mistenni li għadd sinifikanti ta’ dawn il-kwoti se jibqa’ mhux allokat.

Sa Lulju 2016, l-allokazzjoni tnaqqset b’madwar 231.4 miljun kwota minħabba installazzjonijiet li għalqu jew li naqqsu l-produzzjoni jew il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħhom meta mqabbla ma’ dik inizjalment użata għall-kalkolu tal-allokazzjoni tal-fażi 3.

Tabella 2: In-numru ta’ kwoti (f’miljuni) allokati għall-industrija bla ħlas fl-2013, fl-2014, fl-2015 u fl-2016 14

2013

2014

2015

2016

Allokazzjoni bla ħlas 15  
(UE28+Stati taż-ŻEE)

903.0

874.8

847.6

821.4

Allokazzjoni mir-riżerva għal min jidħol ġdid (investimenti f’żona ġdida u żidiet fil-kapaċità)

11.0

14.2

14.9

14.5

Kwoti bla ħlas li jifdal mhux allokati minħabba għeluq jew bidliet fil-produzzjoni jew il-kapaċità tal-produzzjoni

40.7

58.4

68.6

63.7

Peress li d-domanda għal allokazzjoni bla ħlas qabżet l-ammont disponibbli, l-allokazzjoni għall-installazzjonijiet kollha skont l-ETS tnaqqset bl-istess perċentwal bl-applikazzjoni ta’ “koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali” (skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-ETS). Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni jirrappreżenta tnaqqis fl-allokazzjoni bla ħlas ta’ madwar 6% fl-2013 li qiegħda tiżdied kull sena sakemm tilħaq madwar 18% fl-2020. Wara numru ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-qrati nazzjonali, f’April tal-2016, fis-sentenza tagħha 16 , il-Qorti tal-Ġustizzja invalidat mill-1 ta’ Marzu 2017 il-valuri tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali li japplikaw bħalissa. Il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni transettorjali se jkollu jerġa’ jiġi kkalkolat billi jiġi osservat l-approċċ indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-kamp ta’ applikazzjoni estiż tal-EU ETS (inklużi attivitajiet ġodda u gassijiet mill-2013). Il-valuri riveduti se japplikaw għal allokazzjonijiet bla ħlas fis-snin 2018 sal-2020 u se jnaqqsu l-allokazzjoni bla ħlas lill-industrija, filwaqt li jżidu l-volumi tal-irkant għal dawk is-snin.



3.1.2.2.Il-programm NER 300

Il-programm NER 300 huwa wieħed mill-akbar programmi ta’ finanzjament fid-dinja għal proġetti innovattivi ta’ dimostrazzjoni ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju. Huwa ffinanzjat mill-monetizzazzjoni ta’ 300 miljun kwota ta’ emissjoni mill-NER stabbiliti għat-tielet fażi tal-EU ETS. Il-programm huwa mmirat għall-wiri ta’ ġbir u rkupru tal-karbonju (CCS) sikuri għall-ambjent u teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli (RES) fuq skala kummerċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Il-fondi mill-monetizzazzjoni ngħataw lill-proġetti magħżula permezz ta’ żewġ sensiliet ta’ sejħiet għal proposti f’Diċembru tal-2012 u f’Lulju tal-2014. B’kollox ingħataw EUR 2,1 biljun lil proġett wieħed ta’ CCS u lil 37 proġett tal-enerġija rinnovabbli f'19-il Stat Membru tal-UE. Huma mistennijin jingranaw EUR 2,7 biljun f’investimenti privati. Tliet proġetti tal-NER300 huma operazzjonali bħalissa: il-proġett tal-bijoenerġija BEST fl-Italja, il-proġett tal-bijoenerġija Verbiostraw fil-Ġermanja u Windpark Blaiken fl-Iżvezja (ara r-Rapport dwar is-Suq tal-Karbonju 2015 għal aktar dettalji).

Tabella 3: Il-proġetti tal-NER300 li ntgħażlu fl-ewwel sejħa għal proposti 17

Proġetti pendenti

16

Proġetti operazzjonali

3

Proġetti rtirati

1

Total

20



3.1.2.3.Irkant ta’ kwoti

L-irkantar huwa metodu tal-allokazzjoni trasparenti li jippermetti lill-parteċipanti fis-suq jiksbu kwoti bil-prezz tas-suq. Mill-bidu tal-fażi 3 tal-EU ETS, l-irkantar permezz tas-suq primarju sar il-mod predefinit għall-allokazzjoni ta’ kwoti; dan ifisser li aktar minn nofs il-kwoti jridu jiġu rkantati, b’dan is-sehem li jibqa’ jiżdied matul il-perjodu ta’ negozjar kollu. L-irkanti huma rregolati mir-Regolament dwar l-Irkantar* li jispeċifika t-twaqqit, l-amministrazzjoni u aspetti oħrajn ta’ kif għandhom isiru l-irkanti sabiex jiġi żgurat proċess miftuħ, trasparenti, armonizzat u nondiskriminatorju.

* Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, ĠU L 302, 18.11.2010, p.1.

L-irkanti saru tul il-perjodu ta’ rapportar permezz tal-pjattaformi tal-irkant li ġejjin:

European Energy Exchange AG (“EEX”), f’irkant bħala l-pjattaforma tal-irkant komuni għall-25 Stat Membru li ħadu sehem fi proċedura ta’ akkwist konġunt u għall-Polonja li għażlet li ma tiħux sehem fil-proċedura ta’ akkwist konġunt iżda li għadha ma għażlitx il-pjattaforma tal-irkant tagħha stess; mill-5 ta’ Settembru 2016, EEX bdiet tmexxi l-irkanti bħala t-tieni pjattaforma tal-irkant komuni magħżula fit-13 ta’ Lulju 2016.

EEX, f’irkant għall-Ġermanja bħala pjattaforma tal-irkant ta’ “nonparteċipazzjoni”;

ICE Future Europe (“ICE”), f’irkant għar-Renju Unit bħala pjattaforma tal-irkant ta’ “nonparteċipazzjoni”.

L-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja għadhom ma bdewx l-irkantar tal-kwoti tagħhom.

EEX, f’irkant f’isem 27 Stat Membru (25 Stat Membru li jikkooperaw fuq pjattaforma tal-irkant komuni, il-Ġermanja u l-Polonja) rkantat 88% tal-ammont totali rkantat, filwaqt li ICE irkantat 12% tal-volum totali f’isem ir-Renju Unit.

Sat-30 ta’ Ġunju 2016, saru aktar minn 820 irkant għall-fażi 3. It-tabella ta’ hawn taħt tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-volumi tal-kwoti tal-fażi 3 rkantati minn EEX u minn ICE fl-2012 (l-hekk imsejħa rkantijiet bikrin 18 ), fl-2013, fl-2014, fl-2015 u fl-2016. Il-volumi ta’ kwoti ġenerali ġew stabbiliti fid-dawl tad-deċiżjoni li jiġu posposti għall-2019 u għall-2020 900 miljun kwota mill-2014, mill-2015 u mill-2016, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 176/2014, u l-volumi tal-kwoti tal-avjazzjoni ġew stabbiliti fid-dawl tad-derogi temporanji għas-settur tal-avjazzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE u fir-Regolament (UE) Nru 421/2014.

Tabella 4: Volumi ta’ kwoti tal-fażi 3 rkantati minn EEX u ICE

Sena



Ammont ta’ kwoti ġenerali rkantati



Ammont ta’ kwoti tal-avjazzjoni rkantati

2012

89 701 500

2 500 000

2013

808 146 500

0

2014

528 399 500

9 278 000

2015

632 725 500

16 390 500

2016

380 585 000

3 028 000

L-irkanti ġeneralment twettqu mingħajr tfixkil u l-prezzijiet tal-bejgħ fl-irkant kienu ġeneralment konformi mal-prezzijiet tas-suq sekondarju, mingħajr ma jkun hemm problemi jew inċidenti sinifikanti. Irkant minnhom imwettaq minn EEX għall-Polonja tħassar fil-perjodu ta’ rapportar. Din il-kanċellazzjoni ġiet biss wara tliet kanċellazzjonijiet li seħħew fl-2013, ftit wara l-bidu tal-irkanti tal-fażi 3. Ħarsa ġenerali lejn il-prezzijiet ta’ kklerjar tal-irkanti għall-irkanti kollha tal-kwoti ġenerali mill-2013 sat-30 ta’ Ġunju 2016, inkluż in-numru ta’ parteċipanti u l-proporzjon ta’ kopertura, hija pprovduta fl-Appendiċi 2 tal-Anness.

Il pjattaformi tal-irkant jippubblikaw ir-riżultati ddettaljati ta’ kull irkant fis-siti web apposta. Barra minn hekk, il-Ġermanja, il-Polonja u r-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni f’isem l-Istati Memrbi li jużaw il-pjattaforma tal-irkant komuni, jippubblikaw rapporti ta’ kull xahar fuq l-irkanti 19 fejn tista’ tinkiseb aktar informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-irkanti, inkluż fuq il-parteċipazzjoni, il-proporzjon ta’ kopertura u l-prezzijiet.

Id-dħul kollu ġġenerat mill-irkanti bejn l-2012 u Ġunju tal-2016 qabeż l-EUR 14-il biljun. Id-Direttiva EU ETS tipprovdi li tal-anqas 50% tad-dħul mill-irkant, inkluż id-dħul kollu ġġenerat minn kwoti mqassma għall-finijiet tas-solidarjetà u tat-tkabbir, għandu jintuża mill-Istati Membri għal finijiet relatati mal-klima u mal-enerġija. Fl-2015, l-irkantar tal-kwoti tal-ETS iġġenera EUR 4,9 biljun fi dħul għall-Istati Membri. Bħala medja, fl-2015, skont l-informazzjoni sottomessa lill-Kummissjoni, l-Istati Membri nefqu jew ippjanaw li jonfqu 77% ta’ dan id-dħul għal skopijiet speċifikati relatati mal-klima jew mal-enerġija 20 .  Aktar informazzjoni dwar l-użu tad-dħul mill-irkant se tkun disponibbli fir-rapport tal-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija tal-2016.

F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-funzjonament tar-Regolament dwar l-Irkantar 21 . Ħlief għal ftit aspetti fejn jista’ jiġi kkontemplat xi titjib tekniku possibbli, ir-riżultati tal-irkanti u r-risponsi għall-konsultazzjoni pubblika jikkonfermaw li l-arkitettura attwali tar-Regolament dwar l-Irkantar ġeneralment tipprovdi eżekuzzjoni mingħajr intoppi, effiċjenti u effettiva tal-irkanti u tal-allokazzjoni tal-kwoti, inkluża s-sistema ta’ nonparteċipazzjoni limitata.

3.1.2.4.Deroga mill-irkantar sħiħ għas-settur tal-enerġija

Deroga mir-regola ġenerali tal-irkantar ġiet stabbilita fl-Artikolu 10c tad-Direttiva EU ETS biex tippermetti investimenti fil-modernizzazzjoni tas-settur tal-elettriku f’ċerti Stati Membri. Tmienja minn għaxar Stati Membri eliġibbli* jużaw din id-deroga u jallokaw lill-ġeneraturi tal-elettriku numru ta’ kwoti bla ħlas sakemm isiru investimenti korrispondenti. Il-kwoti bla ħlas skont l-Artikolu 10c jitnaqqsu mill-kwantità li l-Istat Membru rispettiv kieku kien jirkanta. Skont ir-regoli nazzjonali għall-implimentazzjoni tad-deroga, il-ġeneraturi tal-elettriku jistgħu jirċievu kwoti bla ħlas ta’ valur ekwivalenti għall-investimenti li jwettqu jew li wettqu minn investimenti elenkati fuq il-Pjan Nazzjonali ta’ Investiment, jew għall-pagamenti magħmula f’fond nazzjonali li permezz tiegħu jistgħu jiġu ffinanzjati dawn l-investimenti.

*Il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja u r-Rumanija huma eliġibbli għad-deroga. Malta u l-Latvja ddeċidew li ma jużawhiex.

In-numru ta’ dawn il-kwoti allokati bla ħlas lill-ġeneraturi tal-elettriku fl-2015 huwa indikat fit-Tabella 5. In-numru massimu ta’ kwoti fis-sena huwa indikat fl-Appendiċi 1 tal-Anness. Jekk in-numru ta’ kwoti allokati huwa inqas mill-massimu permess, dawn il-kwoti “mhux użati” jistgħu jiġu allokati mingħajr ħlas fis-sena/snin ta’ wara, skont ir-regoli nazzjonali rilevanti tal-Istat Membru. Fl-aħħar nett, il-kwoti mhux allokati bla ħlas skont id-deroga se jiġu rkantati. Fl-ewwel sena, l-investimenti li kienu twettqu minn Ġunju 2009 ’il quddiem mill-pjan nazzjonali jistgħu jiġu rrapportati. Għall-2013 u l-2014, ġew irrapportati l-ispejjeż għal 500 investiment, li minnhom 135 kienu tlestew u 22 ġew irrapportati li huma kkanċellati u l-bqija għadhom għaddejjin iżda mhumiex lesti.

Il-valur totali tal-appoġġ tal-investiment irrapportat matul is-snin 2009 sal-2015 huwa ta’ madwar EUR 9,49 biljun. Madwar 80% ta’ dan kien iddedikat għal titjib u modifikazzjoni fl-infrastruttura, filwaqt li l-bqija tal-investimenti kienu relatati mat-teknoloġiji nodfa jew id-diversifikazzjoni tal-provvista. Eżempji ta’ investimenti jinkludu turbina ġdida ta’ koġenerazzjoni u kondensazzjoni ta’ fwar fl-Estonja (titjib tal-infrastruttura), riabilitazzjoni tan-netwerks tat-tisħin distrettwali fil-Bulgarija (immodernizzar tal-infrastruttura), sostituzzjoni tal-faħam minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli permezz tal-utilizzazzjoni tal-iskart fir-Repubblika Ċeka (teknoloġiji nodfa) u l-bini ta’ interkonnettur għall-gass naturali fl-Ungerija (diversifikazzjoni tal-provvista).

Tabella 5: Numru ta’ kwoti bla ħlas maħruġa skont l-Artikolu 10c

Numru ta’ kwoti bla ħlas mitluba mill-Istat Membru

SM

2013

2014

2015

BG

11 009 416

9 779 243

8 259 680

CY

2 519 077

2 195 195

1 907 302

CZ

25 285 353

22 383 398

20 623 005

EE

5 135 166

4 401 568

3 667 975

HU

7 047 255

0

-

LT

322 449

297 113

269 475

PL

65 992 703

52 920 889

43 594 320

RO

15 748 011

8 591 461

9 210 797

Total

133 059 430

100 568 867

87 532 554

Figura 1: Kwoti bla ħlas maħruġa skont l-Artikolu 10c

Id-Direttiva tal-EU ETS teħtieġ li l-Istati Membri jużaw id-deroga biex jippubblikaw rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ investimenti mill-pjanijiet nazzjonali tagħhom. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati wkoll. L-esperjenza turi li r-rapporti eżistenti li ġew ippubblikati għandhom format u kontenut differenti. F’xi każijiet l-Istati Membri jillimitaw jew jiġbru flimkien l-informazzjoni pprovduta dwar l-ispejjeż ta’ investiment b’referenza għall-kunfidenzjalità tal-kummerċ.   Ġeneralment, ir-rapporti huma ppubblikati fuq is-sit web tal-ministeru responsabbli eż. il-Ministeru għall-Enerġija (il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Litwanja) jew il-Ministeru għall-Ambjent (ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Estonja, l-Ungerija, il-Polonja).

Kwalunkwe kwota li ma tingħatax bla ħlas tiġi rkantata. Il-figuri ta’ hawn taħt juru d-distribuzzjoni attwali tal-kwoti għall-2013, għall-2014 u għall-2015. Pereżempju l-Polonja għandha madwar 50 miljun kwota mhux użati li tnaqqsu mis-sehem tagħha ta’ kwoti rkantati fl-2013 u fl-2014, iżda li għadhom ma ngħatawx b’xejn.

Figura 2: Id-distribuzzjoni tal-kwoti (allokati, irkantati, mhux użati li fadal)

Kwoti allokati

Kwoti rkantati

Kwoti li fadal mhux użati



3.1.3.Krediti internazzjonali

L-EU ETS tippermetti lill-parteċipanti jużaw krediti mill-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) u l-Implimentazzjoni Konġunta (JI) – żewġ programmi ta’ akkreditazzjoni fil-livell tan-NU – lejn it-twettiq tal-obbligi tagħhom tal-EU ETS*. Dan huwa previst sal-2020. Fil-fażi 3, il-krediti ma jibqgħux jiġu ċeduti direttament bħal fil-fażi 2, iżda minflok jistgħu jiġu skambjati fi kwalunkwe ħin matul is-sena kalendarja għal kwoti.

Japplikaw diversi regoli għall-użu ta’ krediti mill-parteċipanti tal-EU ETS, eż. standards ta’ kwalità, ebda proġetti nukleari u ta’ tisġir u ta’ riforestazzjoni, l-ebda kreditu minn proġetti ġodda rreġistrati wara l-2013 f’pajjiżi li mhumiex pajjiżi l-anqas żviluppati. Hemm ukoll regoli kwantitattivi fuq il-livelli massimi ta’ krediti li jistgħu jintużaw mill-operaturi u mill-operaturi ta’ inġenji tal-ajru**.

* Proġetti CDM kif ukoll JI jiġġeneraw krediti tal-karbonju ta’ Kjoto: Tnaqqis Iċċertifikat ta' Emissjonijiet (CERs) u Unitajiet ta’ Tnaqqis ta’ Emissjonijiet (ERUs) rispettivament, kull waħda ekwivalenti għal tunnellata waħda ta’ CO2.
**Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1123/2013 tat-8 ta’ Novembru 2013 dwar id-determinazzjoni tad-drittijiet ta’ kreditu internazzjonali skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 299, 9.11.2013, p. 32

Għalkemm l-ammont eżatt ta’ intitolamenti ta’ kreditu matul il-fażi 2 u 3 se jiddependi parzjalment fuq l-ammont ta’ emissjonijiet ivverifikati futuri, l-analisti tas-suq jistmaw li dan se jammonta għal madwar 1,6 biljun kreditu. Mit-30 ta’ April 2016, in-numru totali ta’ krediti internazzjonali użati jew skambjati jammonta għal 1,468 biljuni, jiġifieri aktar minn 90 % tal-massimu awtorizzat.

Wara l-2020, il-Kunsill Ewropew iddeċieda fuq mira ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi li tfisser li mhuwiex previst l-użu ta’ krediti internazzjonali fil-perjodu ta’ negozjar li jmiss tal-EU ETS.

Il-grafiki ta’ hawn taħt juru l-iskambju ta’ krediti internazzjonali. Għall-ħarsa ġenerali sħiħa, ara l-Appendiċi 3 tal-Anness.

Figura 3: Sommarju ta’ skambju ta’ krediti internazzjonali sal-31 ta’ Ottubru 2016

3.2.Domanda: kwoti meħuda barra miċ-ċirkolazzjoni

Fl-2015 ġie stmat li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-installazzjonijiet li qed jieħdu sehem fl-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (EU ETS) naqsu bi ftit anqas minn 0,4%, skont it-tagħrif li hemm fir-Reġistru tal-Unjoni. Dan jikkonferma t-tendenza ta’ tnaqqis miżmuma tul l-aħħar ħames snin operazzjonali tas-sistema.

Tabella 6: Emissjonijiet ivverifikati



Sena



2011



2012



2013



2014



2015



Emissjonijiet ivverifikati (f’miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2)



1886



1867



1895



1812



1800



Bidla għas-sena x-1



-1,8%



-2 %



-3 %



-4,5 %



-0,4 %



Rata ta' tkabbir reali tal-PDG UE28



1,7 %



-0,5 %



0,2 %



1,5 %



2,2 %

Sors: Sit web pubbliku tar-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTL) (http://ec.europa.eu/environment/ets/)

Dejta tal-PDG kif irrapportata fuq: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&init=1&plugin=1&language=en&pcode=tec00115  

(aċċessat f’Settembru 2016). L-emissjonijiet ivverifikati tal-avjazzjoni huma rrapportati b’mod separat fit-taqsima 4.

In-numru ta’ kwoti kkanċellati (mhux użati għal konformità) fuq bażi volontarja jammonta għal 69 627 kwota fl-2015. B’kollox, s’issa ġew irreġistrati l-kanċellazzjonijiet ta’ 130 124 kwota.

3.3.Ibbilanċjar tal-provvista u tad-domanda

Fil-bidu tal-fażi 3, l-EU ETS kienet ikkaratterizzata minn żbilanċ kbir bejn il-provvista u d-domanda tal-kwoti, li jirriżulta f’eċċess ta’ madwar 2,1 biljun fl-2013. Fl-2014, tnaqqas ftit għal madwar 2,07 biljuni u fl-2015 naqas b’mod sinifikanti għal 1,78 biljun kwota.

It-tnaqqis fl-eċċess jirrifletti t-tnaqqis fil-volumi ta’ rkantar minħabba l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ posponiment lejn tmiem il-perjodu 22 , li pposponiet l-irkantar ta’ 400 miljun kwota fl-2014, 300 miljun fl-2015 u 200 miljun fl-2016. Finalment, dawn il-kwoti se jiġu ttrasferiti fir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq. Fin-nuqqas ta’ posponiment lejn tmiem il-perjodu, l-eċċess fl-2015 kien ikun aktar minn 40% ogħla. L-emissjonijiet naqsu b’perċentwal żgħir biss fl-2015, u dan wassal għal tnaqqis nett sinifikanti fid-differenza bejn il-provvista u d-domanda.

Sabiex jiġi indirizzat l-iżbilanċ strutturali bejn il-provvista u d-domanda għall-kwoti, ġiet introdotta proposta leġiżlattiva biex tistabbilixxi Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq u sabiex tagħmel il-provvista ta’ rkant tal-kwoti ta’ emissjonijiet aktar flessibbli. Ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq ġiet maqbula fl-2015 23 u se tiġi implimentata mill-2019.

Kunċett ewlieni għat-tħaddim tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq huwa n-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni (TNAC). Il-kwoti se jiżdiedu mar-riżerva, jekk it-TNAC ikun ikbar mill-ogħla limitu definit minn qabel (833 miljun kwota) u l-kwoti se jiġu rilaxxati mir-riżerva, jekk in-numru jkun inqas minn limitu iktar baxx definit minn qabel (taħt l-400 miljun kwota jew meta jkunu adottati miżuri skont l-Artikolu 29a tad-Direttiva EU ETS). Għalhekk ir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq tassorbi jew tirrilaxxa kwoti jekk it-TNAC ikun barra minn firxa definita minn qabel. Kwoti posposti lejn tmiem il-perjodu u dawk imsejħin mhux allokati* se jiġu assorbiti mir-riżerva wkoll.

Il-provvista ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tikkonsisti fil-kwoti akkumulati mill-fażi 2 (2008-2012), kwoti rkantati, kwoti allokati bla ħlas u l-kwoti fl-NER; filwaqt li d-domanda hija ddeterminata mill-emissjonijiet tal-installazzjonijiet u l-kwoti ta’ emissjonijiet kkanċellati. Għal aktar dettalji, ara t-Tabella 1 fl-Appendiċi 4 tal-Anness.

Il-punt tat-tluq għad-determinazzjoni tan-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni huwa n-numru totali ta’ kwoti li jifdal wara l-fażi 2 tal-EU ETS li ma kinux ċeduti jew ikkanċellati.** Għalhekk, dan “it-total bankarju” ta’ 1 749 540 826 kwota (dan in-numru ma jinkludix irkanti bikrija ta’ kwoti tal-fażi 3 li seħħew fl-2012 iżda jirrifletti l-użu ta’ krediti internazzjonali qabel il-bidu tal-fażi 3. L-ammont totali ta’ krediti internazzjonali użati mill-2008 huwa elenkat fit-taqsima 3.1.3.) jirrappreżenta n-numru eżatt tal-kwoti tal-ETS fiċ-ċirkolazzjoni fil-bidu tat-tielet perjodu ta’ negozjar tal-EU ETS.

In-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni rilevanti għad-determinazzjoni tal-għalf u tar-rilaxxi fir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq huwa kkalkolat bil-formula li ġejja:

TNAC = Provvista – (Domanda*** + kwoti fl-MSR)

 *Kwoti mhux allokati huma kwoti mhux allokati skont l-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva tal-EU ETS, jiġifieri kwoti li jifdal fir-riżerva għal min jidħol ġdid, u li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10a(19) u (20), jiġifieri kwoti previsti għal allokazzjoni bla ħlas lill-installazzjonijiet iżda li jibqgħu mhux allokati minħabba waqfien (parzjali) ta’ operazzjonijiet jew tnaqqis sinifikanti tal-kapaċità.

** Dawn il-kwoti ġew sostitwiti minn kwoti tal-fażi 3 fl-aħħar tat-tieni perjodu ta’ negozjar. Ebda kwoti oħra ta’ qabel it-tielet fażi tal-kummerċ ma jikkontribwixxu għan-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni. Għall-ispjegazzjoni bankarja tal-kwoti ta’ emissjonijiet ara: http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/registry/faq_en.htm

*** Dan jinkludi wkoll kwoti kkanċellati.

Ir-rapport annwali tas-suq tal-karbonju jippermetti l-konsolidazzjoni taċ-ċifri għall-provvista u d-domanda li huma ppubblikati skont l-ordni kronoliġika tal-obbligi ta’ rapportar li jirriżultaw mid-Direttiva tal-EU ETS u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha. Dan l-ordni kronoloġiku, id-dejta rilevanti u l-kamp ta’ applikazzjoni huma deskritti fit-Tabella 2 fl-Appendiċi 4 tal-Anness.

Billi r-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq tibda topera fl-2019, minn nofs Mejju tal-2017 il-Kummissjoni se tippubblika regolarment in-numru totali ta’ kwoti fiċ-ċirkolazzjoni għas-sena preċedenti.

Il-Figura 4 24 tippreżenta ċ-ċifri kumulattivi ta’ provvista u ta’ domanda għall-ETS sal-aħħar tal-2014, rispettivament. Il-provvista totali fl-2013 kienet ta’ madwar 2,18-il biljun kwota, u d-domanda totali kienet ta’ madwar 1,96 biljun kwota. Fl-2014, kemm il-provvista kif ukoll id-domanda totali naqsu għal madwar 1,87 biljun kwota. Fl-2015, il-provvista naqset għal 1,58 biljun kwota, filwaqt li d-domanda naqset b’mod marġinali għal 1,85 biljun kwota. Minħabba dan, l-eċċess kiber fl-2013 b’madwar 220 miljun kwota għal aktar minn 2 biljun kwota, baqa’ stabbli fl-2014 u mbagħad naqas fl-2015 għal madwar 1,78 biljun kwota. Għalhekk, l-eċċess jinsab fl-inqas livell mill-bidu tal-perjodu ta’ negozjar attwali. Il-provvista mnaqqsa fl-2014 u fl-2015 irriflettiet il-volum anqas tal-irkant minħabba l-implimentazzjoni tal-posponiment lejn tmiem il-perjodu. Il-Figura 5 turi l-iżvilupp tal-provvista u tad-domanda bejn l-2013 u l-2015.



Figura 4: Bilanċ bejn il-provvista u d-domanda kumulattivi sal-aħħar tal-2015

Provvista (kumulattiva, miljuni)     Domanda (kumulattiva, miljuni)

 

Allokazzjoni bla ħlas

 

 

Kanċellazzjonijiet

 

Krediti internazzjonali skambjati

 

 

Emissjonijiet ivverifikati

 

Allokazzjoni bla ħlas (NER)

 

 

 

 

Allokazzjoni bla ħlas (10c)

 

 

 

 

Monetizzazzjoni NER 300 mill-BEI

 

 

 

 

Irkantar

 

 

 

 

Irkantar bikri

 

 

 

 

Ibbankjar

 

 

 



Figura 5: L-iżvilupp tal-provvista u tad-domanda fl-2013-2015

domanda

provvista

total bankarju mill-fażi 2

eċċess

4.AVJAZZJONI

Mill-bidu tal-2012, l-emissjonijiet mit-titjiriet kollha fi ħdan l-ajruporti fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), mit-titjiriet li jitilqu minn ajruporti fiż-ŻEE għal pajjiżi terzi u, jekk ma jkunux eżentati permezz ta’ leġiżlazzjoni delegata, minn titjiriet li deħlin f’ajruporti fiż-ŻEE minn pajjiżi terzi huma inklużi fl-EU ETS. Madankollu, bħala tweġiba għall-ftehim tal-Assemblea tal-ICAO għall-iżvilupp sal-2016 ta’ mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq (MBM) li jiġi implimentat mill-2020 sabiex jindirizza l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS tnaqqas b’mod temporanju għal emissjonijiet minn titjiriet fi ħdan iż-ŻEE bejn l-2013 u l-2016.

 

Skont ir-rapporti tal-Artikolu 21 ippreżentati fl-2016, issa hemm 524 operatur ta’ inġenji tal-ajru li għandhom pjan ta’ monitoraġġ (meta mqabbla ma’ 611 irrapportati għas-sena ta’ qabel). Minn dawn, 56% (296) kienu Operaturi ta’ Inġenji tal-Ajru Kummerċjali u l-44% (228) l-oħra kienu Operaturi ta’ Inġenji tal-Ajru Mhux Kummerċjali. Total ta’ 274 (52% tat-total) ikkwalifikaw bħala emittenti żgħar (meta mqabbla ma’ 329, 54%, is-sena ta’ qabel).

L-emissjonijiet ivverifikati minn titjiriet bejn l-ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE ammontaw għal 56,9 miljun tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju fl-2015, żieda ta’ 3,6 % meta mqabbla mal-54,9 miljun tunnellata fl-2014.

L-allokazzjoni inizjali tal-operaturi ta’ inġenji tal-ajru ġiet aġġustata wkoll għat-tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni fiż-ŻEE. L-allokazzjoni bla ħlas aġġustata ammontat 25 għal 32,3 miljun kwota fl-2015.

L-ammonti ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati għall-2015 ġew iddeterminati fuq il-bażi ta’ ammont annwali mistenni ta’ 5,7 miljuni, wara l-aġġustamenti magħmula għall-volumi tal-irkant skont ir-Regolament (UE) Nru 421/2014. Dawn il-kwoti ġew irkantati bejn Mejju u Diċembru tal-2015.

Dawn iċ-ċifri juru madwar 19-il miljun tunnellata ta’ domanda netta għal kwoti maħluqa mill-avjazzjoni fl-2015.



5.SORVELJANZA TAS-SUQ

Sehem sinifikanti mit-tranżazzjonijiet ta’ kuljum fil-kwoti tal-emissjonijiet huwa fil-forma ta’ derivattivi (futuri, forwards, opzjonijiet, swaps), li diġà huma soġġetti għar-Regolament tal-UE dwar is-swieq finanzjarji. Dan qiegħed jiġi sostitwit bil-pakkett MiFID2, li se jkun applikabbli minn Jannar 2018. Dan il-pakkett jeħtieġ l-adozzjoni ta’ diversi miżuri ta’ implimentazzjoni.

Skont il-MiFID2 il-kwoti ta’ emissjonijiet ukoll se jiġu kklassifikati bħala strumenti finanzjarji. Dan ifisser li regoli tal-MiFID2 applikabbli għal swieq finanzjarji tradizzjonali (dawk li jinkludu n-negozju ta’ derivattivi tal-karbonju fuq pjattaformi ewlenin) se japplikaw ukoll għas-segment spot tas-suq tal-karbonju sekondarju (tranżazzjonijiet fi kwoti tal-emissjonijiet għall-konsenja immedjata fis-suq sekondarju, bħalissa mhux regolati fil-livell tal-UE), li jqegħduh fuq l-istess livell mas-suq tad-derivattivi f’termini ta’ trasparenza, ta’ protezzjoni u ta’ integrità tal-investitur.* 

Barra minn hekk, bis-saħħa ta’ kontroreferenzi għal definizzjonijiet tal-MiFID2 ta’ strumenti finanzjarji, se japplikaw biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni tas-suq finanzjarju. Dan huwa partikolarment il-każ tar-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq (MAR), li se jkopri t-tranżazzjonijiet u l-kondotta li jinvolvu kwoti tal-emissjonijiet, kemm fis-swieq sekondarji kif ukoll fl-irkanti tal-EU ETS fis-suq primarju. B’mod simili, kontroreferenza għall-MiFID2 fid-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus se tagħti lok għal applikazzjoni obbligatorja ta’ kontrolli ta’ diliġenza dovuta tal-klijenti minn negozjanti tal-karbonju liċenzjati mill-MiFID lill-klijenti tagħhom fis-suq spot sekondarju tal-kwoti tal-emissjonijiet.**

* Is-sorveljanza fis-suq primarju se tkompli tkun koperta mir-Regolament dwar l-Irkantar, minbarra kwistjonijiet relatati ma’ abbuż tas-suq, fejn ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq se japplika direttament.
** Kontrolli tad-diliġenza dovuta huma diġà obbligatorji fis-suq primarju u fis-suq sekondarju fid-derivattivi tal-kwoti tal-emissjonijiet.

L-MiFID2 u l-MAR, it-tnejn adottati fl-2014, jipprevedu ċerti adattamenti tar-reġim ġenerali għall-ispeċifiċitajiet tas-suq tal-karbonju (ara r-Rapport tal-2015 dwar is-Suq tal-Karbonju).

Diversi miżuri tal-livell 2 li jkopru dettalji tad-dispożizzjonijiet skont l-MiFID2 u l-MAR ġew adottati fl-2015 u fl-2016.

Barra minn hekk, bħala segwitu għal rakkomandazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri 26 , il-Kummissjoni żiedet il-frekwenza tal-kuntatti bejn is-servizzi fi ħdan il-Kummissjoni involuti fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni b’impatt fuq is-swieq Ewropej tal-karbonju.

5.1.In-natura legali tal-kwoti tal-emissjonijiet u t-trattament fiskali

In-natura legali tal-kwoti tal-emissjonijiet u t-trattament fiskali tagħhom mhumiex definiti fil-livell tal-UE. Madankollu, minkejja n-nuqqas ta' armonizzazzjoni, żviluppa suq matur u likwidu ħafna matul l-aħħar għaxar snin. Il-qafas regolatorju attwali jipprovdi l-irfid legali meħtieġ għal suq tal-karbonju trasparenti u likwidu, filwaqt li jiżgura l-istabbiltà u l-integrità tas-suq.

Pajjiż wieħed biss (IS) ma rrapportax xi ħaġa rigward in-natura legali ta’ kwota tal-emissjonijiet fi ħdan l-ordinament ġuridiku tiegħu. Il-kwoti ta’ emissjonijiet huma deskritti b’mod differenti bħala strumenti finanzjarji, assi intanġibbli, drittijiet ta’ proprjetà u komoditajiet. Tal-anqas tliet pajjiżi (LU, NO, DE) jipprevedu leġiżlazzjoni riveduta fil-futur qarib.

Rigward it-trattament fiskali tal-kwoti, skont ir-rapporti tal-Artikolu 21 ippreżentati fl-2016, numru baxx biss ta’ Stati Membri (DK, PT, UK) jirrapportaw li t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) 27 tapplika għall-ħruġ ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Għall-kuntrarju, il-VAT hija dovuta fuq it-tranżazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet fis-suq sekondarju f’ħafna mill-Istati Membri (kollha ħlief CY, EE, IS, LI). Il-maġġoranza tal-Istati Membri rrapportaw li huma japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge 28 fuq tranżazzjonijiet li jinvolvu kwoti tal-emissjonijiet. Kwoti tal-emissjonijiet għall-korporazzjonijiet jistgħu jiġu ntaxxati wkoll. Sittax-il Stat Membru rrapportaw li ma kienx hemm taxxa bħal din.

Skont ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, f’Settembru tal-2016 il-Kummissjoni nediet studju dwar in-natura legali tal-kwoti tal-EU ETS. Fost l-oħrajn, dan l-istudju se jispjega l-karatteristiċi legali tal-kwoti fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE, il-ġurisprudenza u r-reġim nazzjonali tal-Istati Membri kif irrapportati fir-Rapport tal-Artikolu 21 skont id-Direttiva ETS.

6.MONITORAĠĠ, RAPPORTAR U VERIFIKA TAL-EMISSJONIJIET

Il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika (MRV) tal-emissjonijiet ta’ gass serra jridu jkunu robusti, trasparenti, konsistenti u preċiżi sabiex l-EU ETS topera b’mod effettiv. Dawn huma ssupplimentati minn sistema ta’ akkreditazzjoni soda għall-iżgurar ta’ kwalità adegwata ta’ verifikaturi terzi. Ir-rekwiżiti tal-MRV huma armonizzati fir-Regolament dwar il-Monitoraġġ u r-Rapportar (MRR) u fir-Regolament dwar l-Akkreditazzjoni u l-Verifika (AVR).

Is-sistema ta’ monitoraġġ fl-EU ETS hija mfassla bħala sistema ta’ elementi importanti li tippermetti grad għoli ta’ flessibbiltà għall-operaturi biex jiżguraw kosteffiċjenza, filwaqt li fl-istess ħin tintlaħaq affidabbiltà kbira tad-dejta tal-emissjonijiet immonitorjata. Għal dan il-għan, diversi metodi ta’ monitoraġġ (“ibbażati fuq il-kalkolu" jew “ibbażati fuq il-kejl”, kif ukoll bħala eċċezzjoni “approċċi ta’ riżerva”) huma permessi. Il-metodi jistgħu jingħaqdu għal partijiet individwali ta’ installazzjoni. Ir-rekwiżit li l-installazzjonijiet u l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru jkollhom pjan ta’ monitoraġġ approvat mill-awtorità kompetenti fuq il-bażi tal-MRR jipprevjeni għażla arbitrarja tal-metodi ta’ monitoraġġ u varjazzjonijiet temporali.

Permezz tar-Regolament dwar l-Akkreditazzjoni u l-Verifikazzjoni għall-fażi 3 u lil hinn, ġie introdott approċċ armonizzat madwar l-UE lejn l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi. Il-verifikaturi li huma persuna ġuridika jew entità legali jridu jkunu akkreditati minn Korp ta’ Akkreditazzjoni Nazzjonali (NAB) sabiex iwettqu verifiki skont l-AVR. Huwa biss fil-każ ta’ persuna fiżika li Stat Membru jista’ jawtorizza ċ-ċertifikazzjoni bħala alternattiva għall-akkreditazzjoni. Is-sistema l-ġdida ta’ akkreditazzjoni uniformi għandha l-vantaġġ li tippermetti lill-verifikaturi joperaw b’rikonoxximent reċiproku fl-Istati Membri kollha, u għalhekk jieħdu vantaġġ sħiħ tas-suq intern u jgħinu biex tiġi żgurata disponibbiltà suffiċjenti ġenerali.

6.1.Żviluppi Ġenerali

Il-Kummissjoni tkompli tfittex titjib kontinwu fil-gwida u fil-mudelli li tqiegħed għad-dispożizzjoni sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti tal-MRR u tal-AVR 29 mill-Istati Membri. Inizjattiva ġdida minnhom tikkonċerna l-iżvilupp ta’ “Gwidi Veloċi” li jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jifhmu u jidentifikaw l-aktar kunsiderazzjonijiet importanti tal-EU ETS aktar malajr u fil-qosor. Kull Gwida Veloċi hija twila madwar 10 paġni b’links ipprovduti għal gwida u mudelli aktar iddettaljati, fejn rilevanti. Qegħdin jiġu prodotti Gwidi Veloċi separati għall-operaturi ta’ installazzjonijiet, għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru, għall-awtoritajiet kompetenti, għall-verifikaturi u għall-NABs.

Inizjattiva ġdida oħra tikkonċerna l-abbozzar tal-gwida dwar l-ispezzjoni tal-EU ETS. Din hija maħsuba sabiex tgħin fil-koordinazzjoni tar-rispons tal-Istati Membri għal rakkomandazzjoni mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabiex dawn jimplimentaw oqfsa ta’ kontroll tal-implimentazzjoni tal-EU ETS aktar koerenti u effettivi li jinkludu spezzjonijiet.

Il-Kummissjoni tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tal-MRVA madwar l-Istati Membri kollha. L-Evalwazzjoni taċ-Ċiklu tal-Konformità tal-2014, ir-rapporti tal-Artikolu 21 ippreżentati għall-2013 u għall-2014 u l-informazzjoni ppreżentata bħala tweġiba għat-talbiet għal aktar informazzjoni lkoll ġew evalwati aktar sabiex jinħareġ Pjan ta’ Azzjoni ppersonalizzat għal kull pajjiż li jagħtihom pariri fuq fejn hemm lok għal titjib potenzjali li jista’ jsir fl-implimentazzjoni tagħhom tal-MRVA tal-EU ETS. Fejn rilevanti, ġiet iċċarata l-gwida u ġew organizzati avvenimenti ta’ taħriġ sabiex jiġu indirizzati wħud mill-kwistjonijiet aktar spissi f’ħafna mill-Pjanijiet ta’ Azzjoni. Azzjonijiet ta’ segwitu oħrajn ħadu l-forma ta’ organizzazzjoni ta’ evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-MRVA mill-Istati Membri, bini ta’ kapaċità reġjonali u laqgħat bilaterali.

Huwa rikonoxxut li l-effiċjenza tas-sistema ta’ konformità ttejbet ukoll peress li l-MRR jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu r-rapportar elettroniku obbligatorju. Ħafna mill-Istati Membri jirrapportaw l-użu ta’ mudelli jew ta’ sistemi bbażati fuq ir-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni. Fl-2016 tlettax-il Stat Membru rrapportaw li jużaw xi forma ta’ sistema informatika awtomatizzata għar-rapportar tal-EU ETS (meta mqabbla ma’ 10 fl-2015).

Sabiex tassisti lill-Istati Membri aktar rigward id-disponibbiltà ta’ sistema awtomatizzata, il-Kummissjoni nediet DECLARE ETS MRVA (f’Mejju tal-2016). Din is-sistema bbażata fuq il-web hija mfassla sabiex tippromwovi l-effiċjenza amministrattiva u approċċ aktar armonizzat. Hija żviluppata sabiex tappoġġja l-obbligi relatati mal-pjanijiet ta’ monitoraġġ tal-EU ETS, mar-rapporti annwali tal-emissjonijiet, mar-rapporti ta’ verifika u mar-rapporti ta’ titjib fi ħdan l-Istati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat u tospita l-pjattaforma, iżda l-aċċess huwa ristrett għar-responsabbiltajiet attribwiti skont l-MRR u l-AVR, jiġifieri għall-awtoritajiet kompetenti, għall-operaturi u, fejn rilevanti, għall-verifikatur magħżul mill-operaturi. Is-sistema tippermetti wkoll lill-Istati Membri parteċipanti jisiltu dejta fir-rapporti ġenerali.

6.2.Monitoraġġ applikat

Skont ir-rapporti tal-Artikolu 21 imressqa mill-Istati Membri lill-Kummissjoni li jkopru l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-ETS fl-2015, ħafna mill-installazzjonijiet jużaw il-metodoloġija bbażata fuq il-kalkolu. 151 installazzjoni (fi 22 Stat Membru) biss ġew irrapportati li jużaw sistemi ta’ kejl ta' emissjonijiet kontinwu, bl-akbar frekwenza fil-Ġermanja (CO2 28, N2O 10, it-tnejn 1) u fir-Repubblika Ċeka (CO2 14, N2O 4).

13-il Stat Membru biss irrapportaw l-użu tal-approċċ ta’ riżerva minn total ta’ 40 installazzjoni u li jkopru madwar 6,6 miljun tunnellata ta’ 2e (meta mqabbla ma’ 6,1 miljun tunnellata ta’ 2e fis-sena ta’ qabel). Aktar minn nofs minn din l-emissjoni kumplessiva hija dovuta għal 12-il installazzjoni fin-Netherlands.

Il-flessibbiltà fl-għażla tal-metodoloġiji ta’ monitoraġġ awtorizzati tippermetti l-kosteffettività fil-qafas tal-MRV. Element ieħor importanti maħsub għal dan il-għan huwa l-approċċ ibbażat fuq is-saffi. Għall-parametri kollha meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dejta dwar l-emissjonijiet, l-hekk imsejħa “saffi” huma definiti biex jagħmlu l-isforzi jew rekwiżiti tal-livell ta’ inċertezza proporzjonali għad-daqs tal-installazzjoni. L-MRR jeħtieġ li l-operaturi kollha jilħqu ċerti saffi minimi, fejn sorsi akbar ta’ emissjonijiet huma meħtieġa biex jintlaħqu saffi ogħla (jiġifieri li jinvolvu kwalità tad-dejta aktar affidabbli), filwaqt li għal raġunijiet ta’ kosteffiċjenza japplikaw rekwiżiti anqas stretti għal sorsi iżgħar.  30  

Il-valuri minimi predefiniti tas-saffi tal-MRR huma ssodisfati mill-maġġoranza assoluta tal-installazzjonijiet. 113-il installazzjoni tal-kategorija C biss (meta mqabbla ma’ 118 fis-sena ta’ qabel), 14 % (l-istess bħas-sena ta’ qabel), ġew irrapportati li jiddevjaw għal tal-anqas parametru wieħed mir-rekwiżit li japplikaw l-ogħla saffi għall-flussi minn sorsi maġġuri (għall-2013, kien hemm 137 installazzjoni, 16 % tat-total). Dawn id-devjazzjonijiet huma permessi biss meta l-operatur juri li l-ogħla saff mhuwiex teknikament vijabbli jew jimplika spejjeż mhux raġonevoli. Jekk jinstab li dawk il-kundizzjonijiet ma japplikawx aktar, l-operaturi se jkollhom itejbu s-sistemi ta’ monitoraġġ tagħhom. B’mod simili, l-Istati Membri rrapportaw in-numru ta’ installazzjonijiet tal-kategorija B li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għall-ogħla saff għal flussi ewlenin mis-sors jew sorsi ta’ emissjoni. Ġew riċevuti rapporti relatati ma’ dan mingħand 22 Stat Membru (l-istess bħas-sena ta’ qabel), li jindikaw li, b’mod ġenerali, 26% tal-installazzjonijiet tal-kategorija B għandhom permess għal xi forma ta’ devjazzjoni mir-rekwiżiti predefiniti tal-MRR (imqabbla ma’ 28% fis-sena ta’ qabel).

Dan ta’ hawn fuq jikkonferma li d-dispożizzjonijiet tal-MRR għal dawn id-devjazzjonijiet (filwaqt li jitfakkar li għandhom jiġu debitament iġġustifikati mill-operatur u approvati mill-awtorità kompetenti) huma applikabbli fil-prattika, u l-konformità mill-operaturi b’mod ġenerali hija tajba.

Għal operaturi ta’ inġenji tal-ajru, hemm inqas għażliet applikabbli għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet. Approċċi bbażati fuq il-kalkolu biss huma fattibbli, fejn il-konsum tal-fjuwil huwa l-parametru ċentrali li għandu jiġi ddeterminat għat-titjiriet koperti mill-EU ETS.

6.3.Verifikazzjoni akkreditata

Skont ir-rapporti tal-Artikolu 21 tal-Istati Membri ppreżentati fl-2016, in-numru ta’ verifikaturi akkreditati għal kull kamp ta’ applikazzjoni tal-akkreditazzjoni laħaq total ta’ 1077 verifikatur akkreditati fl-ambiti kollha. Aktar iva milli le, il-verifikaturi individwali huma akkreditati għal aktar minn ambitu wieħed u, għalhekk, din iċ-ċifra ma tfissirx in-numru totali ta’ verifikaturi. In-numru kumplessiv ta’ verifikaturi mhuwiex irrapportat fir-rapporti tal-Artikolu 21 tal-Istati Membri, iżda stima raġonevoli bbażata fuq in-numru akkreditat għall-kombustjoni (l-ambitu primarju tal-akkreditazzjoni) hija li kien hemm tal-anqas 130 verifikatur differenti akkreditati b’mod ġenerali rigward il-verifiki tal-2015. Ir-rapporti tal-Artikolu 21 tal-Istati Membri ppreżentati fl-2016 jindikaw li kien hemm 51 verifikatur individwali akkreditati għall-verifiki tal-2015 rigward l-avjazzjoni. L-AVR jeħtieġ li kull NAB jżomm bażi ta’ dejta li jkun fiha informazzjoni aġġornata dwar il-verifikaturi li akkreditaw, inklużi l-ambiti tal-akkreditazzjoni. Il-kooperazzjoni Ewropea għall-Akkreditazzjoni (EA) tipprovdi link ċentrali għall-NABs rilevanti u għal-listi tagħhom ta’ verifikaturi akkreditati tal-EU ETS 31 .

Ir-rikonoxximent reċiproku tal-verifikaturi fost l-Istati Membri qiegħed jaħdem b’suċċess: ħafna mill-Istati Membri (28, kollha ħlief FR, LV u SI) irrapportaw li mill-inqas verifikatur barrani wieħed huwa attiv fit-territorju tagħhom. Id-disponibbiltà tal-verifikaturi ma kinitx tikkostitwixxi ostaklu fis-sistema f’xi waħda mill-ewwel tliet snin ta’ implimentazzjoni tal-AVR.

Il-konformità tal-verifikaturi mal-AVR instabet li hija għolja, kif inhu evidenti mill-miżuri amministrattivi mhux frekwenti rrapportati mill-Istati Membri. L-ebda Stat Membru ma rrapporta sospensjonijiet jew irtirar tal-akkreditazzjoni (meta mqabbla ma’ sospensjoni waħda u rtirar wieħed matul is-sena ta’ qabel). Erba’ Stati Membri biss (imqabbla ma’ tlieta matul is-sena ta’ qabel) irrapportaw tnaqqis li sar fl-ambitu tal-akkreditazzjoni ta’ verifikatur, rigward ħames verifikaturi biss (imqabbla ma’ 6 matul is-sena ta’ qabel). Għad li numru akbar ta’ Stati Membri rrapportaw ilmenti riċevuti dwar il-verifikaturi din is-sena (disgħa mqabbla ma’ sebgħa), in-numru ta’ lmenti huwa 20% anqas u 96% tal-ilmenti riċevuti huma rrapportati bħala solvuti wkoll (imqabbla ma’ 99% matul is-sena ta’ qabel). Ħdax-il Stat Membru rrapportaw li identifikaw nuqqasijiet ta’ konformità tal-verifikaturi bħala parti mill-proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-NABs u l-awtoritajiet kompetenti (imqabbla ma’ tmienja s-sena ta’ qabel).

7.ĦARSA ĠENERALI TA’ ARRANĠAMENTI AMMINISTRATIVI FL-ISTATI MEMBRI

L-Istati Membri jużaw approċċi differenti rigward l-awtoritajiet kompetenti inkarigati mill-implimentazzjoni tal-EU ETS. F’ċerti Stati Membri diversi awtoritajiet lokali huma involuti, filwaqt li f’oħrajn l-approċċ huwa ferm aktar iċċentralizzat. Ir-rapporti tal-Artikolu 21 jagħtu ħarsa ġenerali ta’ livell għoli lejn l-istruttura organizzazzjonali ta’ kull Stat Membru.

Skont ir-rapporti tal-Artikolu 21 tal-Istati Membri ppreżentati fl-2016, hemm medja ta’ erba’ awtoritajiet kompetenti differenti involuti fl-implimentazzjoni tal-EU ETS f’kull Stat Membru. Madankollu, ta’ min jgħid li f’xi każijiet, l-Istati Membri jistgħu jkunu qed jirrapportaw diversi awtoritajiet reġjonali/lokali bħala awtorità kompetenti waħda.

Il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti hija waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi u korretta tar-rekwiżiti legali f’kull Stat Membru u din hija promossa mid-dispożizzjonijiet xierqa tal-MRR. Għal koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri rrapportaw li huma jużaw għodod differenti fejn ikun rilevanti.

Għall-2015, 12-il Stat Membru rrapportaw li għandhom strumenti leġiżlattivi fis-seħħ għall-ġestjoni ċentrali ta’ pjanijiet ta’ monitoraġġ jew ta’ rapporti ta’ emissjonijiet (imqabbla ma’ 10 qabel). F'10 każijiet hemm korp ċentrali li jipprovdi struzzjonijiet vinkolanti u gwida (imqabbla ma’ 8 rrapportati s-sena ta’ qabel). Erbatax-il Stat Membru rrapportaw li awtorità kompetenti ċentrali tirrevedi u tipprovdi pariri dwar il-pjanijiet ta’ monitoraġġ, in-notifiki u r-rapporti dwar l-emissjonijiet fuq bażi volontarja (imqabbla ma’ 11 is-sena ta’ qabel). Erbatax-il Stat Membru rrapportaw ukoll li jorganizzaw gruppi ta’ ħidma regolari jew laqgħat għall-awtoritajiet (imqabbla ma’ 12 qabel) u 9 irrapportaw l-organizzazzjoni ta’ taħriġ kondiviż (imqabbla ma’ 8 qabel). L-użu ta’ pjattaforma tal-IT konġunta ġie rrapportat minn 10 Stati Membri bħala mezz ieħor ta’ żgurar tal-koordinazzjoni (imqabbla ma’ 9 s-sena ta’ qabel). Seba’ Stati Membri biss (CY, EE, HU, IT, LI, LU, MT) indikaw li ma għandhomx dawn ta’ hawn fuq fis-seħħ; uħud ma jinvolvux strutturi ta’ awtoritajiet kompetenti multipli jew kumplessi.

Fir-rigward tat-tariffi amministrattivi imposti mill-Istati Membri (b’rabta mal-permessi u mal-pjanijiet ta’ monitoraġġ approvati), 16-il pajjiż irrapportaw li ma jimponu l-ebda tariffa fuq l-operaturi tal-installazzjonijiet (CY, DE, EE, FR, GR, IE, IT, LI, LT, LU, LV, MT, NL, SE, SK). L-operaturi ta’ inġenji tal-ajru ma jħallsux tariffi f’16-il pajjiż (BE, CY, CZ, DE, EE, ES, GR, IT, LI, LT, LU, LV, MT, NL, SE, SK). Fejn isiru bidliet, dawn ivarjaw skont l-Istat Membru u għas-servizz partikolari involut. Pereżempju, it-tariffi assoċjati mal-permess u mal-approvazzjoni tal-pjan ta’ monitoraġġ għall-installazzjonijiet ivarjaw minn EUR 10 sa EUR 7690, u għall-aġġornar tal-permess minn EUR 10 sa EUR 2481. Jidhru varjazzjonijiet simili rigward l-avjazzjoni, bit-tariffi għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ li jvarjaw minn EUR 10 sa EUR 2400 u għall-aġġornar ta’ pjan ta’ monitoraġġ minn EUR 10 sa EUR 827.

B’mod ġenerali huwa konkluż li s-sistemi tal-Istati Membri huma effettivi ħafna meta jiġu allinjati mal-organizzazzjoni amministrattiva tal-pajjiż. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi applikat. Il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri u l-qsim tal-aħjar prattiki bejn l-Awtoritajiet Kompetenti, inkluż permezz tal-attivitajiet tal-Forum ta’ Konformità tal-EU ETS, għandha tkompli tissaħħaħ u titħeġġeġ.

8.KONFORMITÀ U INFURZAR

L-EU ETS għandha rata għolja ħafna ta’ konformità: kull sena madwar 99 % tal-emissjonijiet huma effettivament koperti bin-numru meħtieġ ta’ kwoti. Fil-perjodu ta' rapportar, il-livell ta’ konformità mar-regoli tal-EU ETS reġa’ kien għoli. Sad-data tal-iskadenza, jiġifieri sat-30 ta’ April 2016, anqas minn 1% tal-installazzjonijiet li rrapportaw li kellhom emissjonijiet fl-2015 ma ċedewx kwoti li jkopru l-emissjonijiet kollha tagħhom. Dawn l-installazzjonijiet (tipikament żgħar) jirrappreżentaw madwar 0,5% tal-emissjonijiet koperti mill-EU ETS.  Fis-settur tal-avjazzjoni, il-livell ta’ konformità kien għoli ħafna wkoll: l-operaturi tal-inġenji tal-ajru responsabbli għal aktar minn 99 % tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni koperti mill-EU ETS ikkonformaw ma’ dan. Dan jinkludi wkoll aktar minn 100 kumpanija ta’ inġenji tal-ajru kummerċjali bbażati barra l-UE, li kienu jħaddmu titjiriet fi ħdan iż-ŻEE.

Id-Direttiva tal-EU ETS tipprovdi għal penali monetarja fil-forma ta’ “penali għal emissjonijiet żejda” ta’ EUR 100 (indiċjati) għal kull tunnellata ta’ CO2 mormija li għalihom ma ġiet ċeduta l-ebda kwota fiż-żmien dovut. Penali oħrajn applikabbli għal ksur fl-implimentazzjoni tal-EU ETS huma konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat.

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jibqgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għal-livell għoli ta’ konformità tal-operaturi, billi jwettqu kontrolli differenti ta’ konformità fuq ir-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet. Skont l-informazzjoni fir-rapporti tal-Artikolu 21 ippreżentati fl-2016, l-Istati Membri kollha (ħlief SE u IT) vverifikaw 100% (ħlief FR, 90%) tar-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet għall-kompletezza u għall-konsistenza interna. Barra minn hekk, hemm indikazzjonijiet li, bħala medja, l-Istati Membri qegħdin jikkontrollaw aktar minn 80% tar-rapporti għall-konsistenza mal-pjanijiet ta’ monitoraġġ u 70% għad-dejta dwar l-allokazzjoni. Erbgħa u għoxrin Stat Membru rrapportaw li huma jwettqu wkoll kontrolli reċiproċi ma’ dejta/dettalji oħra wkoll.

Fuq il-bażi tar-rapporti tal-Artikolu 21 ippreżentati mill-Istati Membri fl-2016, l-awtoritajiet kompetenti f’16-il Stat Membru (AT, BG, DK, ES, FI, FR, HR, LV, NL, NO, PL, PT, RO, SE, SK, UK) kienu meħtieġa jagħmlu stimi konservattivi fil-każ ta’ 45 installazzjoni biss (anqas minn 0,5%) b’mod ġenerali. Dan huwa mqabbel ma’ 37 installazzjoni (0,3%) fis-sena ta’ qabel, iżda l-emissjonijiet assoċjati ta’ 8,3 miljun tunnellata ta’ CO2 biss meta mqabbla ma’ 9,1 miljun tunnellata s-sena ta’ qabel (anqas minn 0,5% tal-emissjonijiet totali fiż-żewġ każijiet). L-aktar raġunijiet komuni mogħtija għat-tali stimi kienu n-nuqqas ta’ rapport dwar l-emissjonijiet sal-31 ta’ Marzu jew rapporti dwar l-emissjonijiet li ma kinux kompletament konformi mar-rekwiżiti tal-MRR/AVR.

L-istimi konservattivi għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru kienu ogħla, 103 (PT 47; FR 21; RO 16; UK 10; IT 6; AT, ES, u IE wieħed kull wieħed), kollha ħlief wieħed dovuti għan-nuqqas ta’ rapport dwar l-emissjonijiet sal-31 ta’ Marzu. Dan huwa kważi 20% tal-operaturi ta’ inġenji tal-ajru kollha, iżda fil-każijiet kollha kienu involuti emittenti żgħar (fil-maġġoranza tal-każijiet emittenti żgħar ħafna) li jaffettwaw ammont żgħir ħafna ta’ emissjonijiet kumplessivi.

Il-kontrolli tal-awtoritajiet kompetenti għadhom importanti biex jissupplimentaw ix-xogħol tal-verifikatur u biex jiżguraw il-livell ta’ kwalità għolja tas-sistema tal-MRV. Għall-2015, l-Istati Membri kollha (ħlief GR, LU, MT, SE, IT) ikkonfermaw li jwettqu kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post ulterjuri sabiex jivverifikaw l-implimentazzjoni u l-konformità tal-installazzjonijiet mal-pjanijiet ta’ monitoraġġ, mal-MRR u mal-AVR. Tlettax-il Stat Membru (AT, BE, BG, DK, FI, HR, IE, LV, NL, PL, RO, SI, SK) indikaw li t-tali kontrolli huma estiżi għall-operaturi ta’ inġenji tal-ajru wkoll.

Għall-2015, l-applikazzjoni tal-“penali għal emissjonijiet żejda” ġiet irrapportata fil-każ ta’ numru baxx ħafna ta’ installazzjonijiet (12 biss) minn 6 Stati Membri (DE, NL, PL, PT, RO, UK). Għall-avjazzjoni, il-penali għal emissjonijiet eċċessivi ġew irrapportati għal total ta’ 9 operaturi ta’ inġenji tal-ajru minn ES, IS, SE, UK, 47 operatur ta’ inġenji tal-ajru ġew irrapportati minn Stat Membru wieħed (PT) li jidhru li jikkoinċidu mal-istess numru ta’ stimi konservattivi rrapportati, li jissuġġerixxi rabta ma’ emittenti żgħar ħafna.

Penali oħra possibbli fl-Istati Membri jvarjaw ħafna rigward it-tip ta’ ksur kopert u l-livell tal-penali. Xi Stati Membri rrapportaw li l-penali jiġu stabbiliti mill-qorti fuq il-bażi tal-każ rilevanti. Ħafna Stati Membri rrapportaw limitu inferjuri u/jew superjuri għall-penali (kif applikabbli), bl-ammont minimu li jvarja minn għexieren ta’ Euro sa saħansitra EUR 50 000, u bl-ammont massimu li jvarja minn EUR 100 sa EUR 16-il miljun. Disa’ Stati Membri (BE, CY, DK, EE, FR, IE, LU, NO, SE) irrapportaw ukoll penali possibbli fil-forma ta’ priġunerija li tvarja minn 3 xhur sa għaxar snin.

Ħdax-il Stat Membru kkonfermaw li ħarġu din l-aħħar kategorija ta’ penali matul il-perjodu ta’ rapportar tal-2015. Ma ġiet irrapportata ebda priġunerija, iżda ngħataw multi li jikkonċernaw lil 35 installazzjoni u lil ħames operaturi ta’ inġenji tal-ajru għal total ta’ EUR 13 356 036, għad li EUR 12 327 070 ġew attribwiti għal installazzjoni waħda biss (f’IT) talli kienet qed taħdem mingħajr permess. L-aktar ksur komuni ġie rrapportat bħala nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ rapporti annwali vverifikati dwar l-emissjonijiet sal-iskadenza dovuta (11-il każ), segwit minn nuqqas ta’ konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ approvat/MRR (6 każijiet), nuqqas ta’ rapportar ta’ tibdil fil-kapaċità (5 każijiet) u nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tal-permess (4 każijiet). Każijiet oħrajn involvew nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ rapport ta’ titjib, nuqqas ta’ notifika tat-tibdil fil-pjan ta' monitoraġġ, nuqqas ta’ ċediment ta’ numru suffiċjenti ta’ kwoti sat-30 ta’ April u nuqqas ta’ pjan ta' monitoraġġ.

Il-Forum ta’ Konformità tal-EU ETS ikompli jipprovdi mekkaniżmu effettiv għall-qsim tal-informazzjoni MRV bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti u jidentifika l-aħjar prattika għal implimentazzjoni effiċjenti. L-aħħar Konferenza annwali dwar il-Konformità saret f’Novembru tal-2016. Din tgħin sabiex tiġi żgurata l-iktar sensibilizzazzjoni wiesgħa dwar l-attivitajiet tal-Forum ta’ Konformità, b’mod partikolari dwar il-ħames Task Forces tiegħu rigward il-Monitoraġġ u r-Rapportar, l-Akkreditazzjoni u l-Verifika, l-Avjazzjoni, ir-Rapportar Elettroniku u l-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju. Sadanittant, dettalji dwar il-laqgħat u x-xogħol li għadu għaddej tat-Task Forces jinsabu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kollha tal-EU ETS permezz ta’ sit web kondiviż.

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Amministraturi tar-Reġistru huwa forum ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni bħala l-amministratur ċentrali dwar kwistjonijiet u proċeduri marbuta mal-operat tar-Reġistru tal-Unjoni u l-implimentazzjoni tar-Regolament tar-Reġistru.



9.KONKLUŻJONIJIET U PERSPETTIVA

Fl-2015, l-EU ETS ġabet tnaqqisiet ulterjuri fl-emissjonijiet fl-UE, u baqgħet l-għodda ewlenija tal-UE għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u strument effettiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b’mod kosteffikaċi. It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn installazzjonijiet li jieħdu sehem fis-sistema b’madwar 0,4 % jikkonferma t-tendenza ta’ tnaqqis tul l-aħħar ħames snin.

Barra minn hekk, l-2015 hija l-ewwel sena li fiha l-eċċess ta’ kwoti li akkumula fis-sistema mill-2009 - dovut l-aktar għar-reċessjoni ekonomika qawwija u sostnuta li naqqset l-emissjonijiet f’livell akbar minn dak antiċipat – wera għall-ewwel darba tnaqqis materjali. Dan huwa r-riżultat tal-implimentazzjoni tal-miżura għal terminu qasir għall-indirizzar tal-iżbilanċ dejjem akbar bejn il-provvista u d-domanda, l-hekk imsejjaħ posponiment lejn tmiem il-perjodu li ppospona l-irkantar ta’ 300 miljun kwota mill-2015 għall-2019-2020, flimkien ma’ emissjonijiet stabbli. L-effett tagħha se jkun ikkomplimentat mir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq li se tibda topera minn Jannar tal-2019.

Barra minn hekk, it-tielet sena tal-fażi 3 indikat ukoll li l-arkitettura tal-EU ETS hija robusta. Mill-2005, hija pprovdiet sinjal tal-prezz għall-impjanti tal-enerġija u għal installazzjonijiet oħra, sabiex tippromwovi r-riċerka, l-iżvilupp u l-investiment f’teknoloġiji nodfa, b’livell baxx ta’ karbonju.

Skont ir-regoli riveduti li huma proposti sabiex jibdew japplikaw mill-fażi 4 (2021-2030, l-EU ETS se tkompli tkun xprun kosteffikaċi għal investimenti b’livell baxx ta’ karbonju għas-snin li ġejjin. Suq tal-karbonju Ewropew aktar b’saħħtu u li jiffunzjona aħjar għandu l-potenzjal li jagħmel kontribuzzjoni kbira għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u aktar sigura fl-enerġija fl-Ewropa. Se jikkontribwixxi wkoll għat-tranżizzjoni globali lejn livell baxx ta’ karbonju li diġà qabdet it-triq u qed tkompli tissaħħaħ, wara l-adozzjoni tal-ewwel ftehim universali dwar it-tibdil fil-klima f’Diċembru li għadda f’Pariġi. 

Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja s-suq tal-karbonju u se tipprovdi r-rapport li jmiss fl-aħħar tal-2017.

 

(1)

COM (2015) 337, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52015PC0337

(2)

  http://ec.europa.eu/clima/news/articles/news_2016072001_mt.htm

(3)

COM(2016) 482 final, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52016PC0482

(4)

COM(2012) 652 final, http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/reform/docs/com_2012_652_en.pdf

(5)

COM(2015) 576 -  ANNESS 1, http://ec.europa.eu/clima/policies/strategies/progress/docs/com_2015_576_annex_1_cover_en.pdf

(6)

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE, ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(7)

 Għal referenza għar-rapporti tal-Artikolu 21, “Stati Membri” jinkludu t-28 Stat Membru tal-UE kif ukoll pajjiżi taż-ŻEE (l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein).

(8)

L-emissjonijiet irrapportati skont l-Artikolu 21 rigward l-użu tal-bijokarburant huma ekwivalenti għal 0,001% tal-emissjonijiet totali tal-operatur ta’ inġenju tal-ajru involut.

(9)

Ara r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 181, 12.7.2012, p. 30, fejn l-installazzjonijiet tal-kategorija Ċ jeħilsu aktar minn 500 000 tunnellata ta’ CO2e fis-sena, l-installazzjonijiet tal-kategorija B jeħilsu bejn 500000 u 50000 tunnellata ta’ CO2e fis-sena, u l-installazzjonijiet tal-kategorija A jeħilsu anqas minn 50000 tunnellata ta’ CO2e fis-sena. Barra minn hekk, “installazzjonijiet b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet” huma subsett tal-installazzjonijiet tal-kategorija A li jemettu anqas minn 25000 tunnellata ta’ CO2e fis-sena.

(10)

L-Italja għadha qiegħda tħalli barra dejta dwar in-numru ta’ installazzjonijiet li huma installazzjonijiet b’emissjonijiet baxxi.

(11)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(12)

  http://unfccc.int/resource/docs/2015/cmp11/eng/08a01.pdf

(13)

  http://ec.europa.eu/clima/publications/docs/ets_handbook_en.pdf

(14)

Iċ-ċifri jinkludu notifiki rċevuti sa Lulju 2016 u jistgħu jkunu soġġetti għal bidliet kbar minħabba notifiki aktar tard mill-Istati Membri.

(15)

Ammont inizjali, qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis imsemmi hawn taħt fit-tabella.

(16)

Kawżi Magħquda C-191/14, C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14.

(17)

B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE (Deċiżjoni dwar NER300), dawk il-proġetti magħżulin fl-ewwel sejħa fl-2012 iridu jieħdu deċiżjoni finali ta’ investiment sa tmiem l-2016, filwaqt li għal proġetti magħżulin fit-tieni sejħa, dan huwa previst sa tmiem Ġunju 2018.

(18)

 Fl-2012 saru rkanti bikrija ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-fażi 3 fid-dawl tal-prattika kummerċjali mifruxa fis-settur tal-elettriku ta’ bejgħ ta’ enerġija fuq bażi bil-quddiem u xiri tal-inputs meħtieġa (inklużi kwoti ta’ emissjonijiet) meta jbigħu l-produzzjoni tagħhom.

(19)

Dawn ir-rapporti huma disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni apposta fejn informazzjoni oħra dwar l-irkantar tista’ wkoll tinstab fuq http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/auctioning/documentation_mt.htm

(20)

Jekk jogħġbok ara l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva EU ETS.

(21)

  http://ec.europa.eu/clima/consultations/articles/0028_mt.htm  

(22)

Id-Deċiżjoni Nru 1359/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fejn tiċċara d-dispożizzjonijiet dwar l-għażla taż-żmien tal-irkant tal-kwoti tal-gassijiet serra, ĠU L 343, 19.12.2013, p. 1

(23)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE, ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1.

(24)

Dawn il-figuri relatati mal-2013-2015 huma bbażati fuq l-aktar dejta riċenti relatata ma’ dawn is-snin, kif jista’ jiġi derivat mir-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (EUTL). Dan ifisser li dawn jistgħu jinkludu dejta riċenti relatata mal-2013, mal-2014 u mal-2015.

(25)

Id-dejta minn Settembru 2015.

(26)

Rapport Speċjali dwar l-integrità u l-implimentazzjoni tal-EU ETS, http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR15_06/SR15_06_MT.pdf .

(27)

Il-kwoti tal-emissjonijiet huma soġġetti għall-VAT minħabba li dawn huma provvista ta’ servizzi taxxabbli.

(28)

Ir-reverse charge tittrasferixxi r-responsabbiltà għall-ħlas tat-tranżazzjoni tal-VAT mill-bejjiegħ għax-xerrej ta’ oġġett jew servizz u tikkostitwixxi salvagwardja effettiva kontra l-frodi tal-VAT.

(29)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 tal-21 ta’ Ġunju 2012 dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 181, 12.7.2012, p. 1.

(30)

L-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012.

(31)

Lista tal-EA ta’ punti ta’ aċċess għall-NABs li jakkreditaw verifikaturi għall-EU ETS: http://www.european-accreditation.org/information/national-accreditation-bodies-having-been-successfully-peer-evaluated-by-ea  


Brussell, 1.2.2017

COM(2017) 48 final

ANNESS

tar-

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju


ANNESS 

Appendiċi 1

Tabella: Numru massimu ta’ kwoti bla ħlas fis-sena skont id-deroga mill-irkantar sħiħ għas-settur tal-enerġija

Numru massimu ta’ kwoti fis-sena

2013

2014

2015

2016

2017

2018

2019

Total

13 542 000

11 607 428

9 672 857

7 738 286

5 803 714

3 869 143

1 934 571

54 167 999

2 519 077

2 195 195

1 907 302

1 583 420

1 259 538

935 657

575 789

10 975 978

26 916 667

23 071 429

19 226 191

15 380 953

11 535 714

7 690 476

3 845 238

107 666 668

5 288 827

4 533 280

3 777 733

3 022 187

2 266 640

1 511 093

755 547

21 155 307

7 047 255

0

0

0

0

0

0

7 047 255

582 373

536 615

486 698

428 460

361 903

287 027

170 552

2 853 628

77 816 756

72 258 416

66 700 076

60 030 069

52 248 393

43 355 049

32 238 370

404 647 129

17 852 479

15 302 125

12 751 771

10 201 417

7 651 063

5 100 708

2 550 354

71 409 917

151 565 434

129 504 488

114 522 628

98 384 792

81 126 965

62 749 153

42 070 421

679 923 881

Appendiċi 2

Figura: Ħarsa ġenerali lejn l-irkanti tal-kwoti ġenerali mill-2013 sat-30 ta’ Ġunju 2016

Appendiċi 3

Tabella: Sommarju ta’ skambju ta’ krediti internazzjonali sat-30 ta’ April 2016

Krediti internazzjonali skambjati sat-30 ta' April 2016

miljuni

perċentwali

CERs

218,09

53,15 %

Iċ-Ċina

164,30

75,33 %

L-Indja

13,13

6,02 %

L-Użbekistan

8,04

3,68 %

Il-Brażil

4,59

2,10 %

Iċ-Ċilì

3,11

1,42 %

Il-Korea

2,92

1,33 %

Il-Messiku

2,75

1,26 %

Oħrajn

19,25

8,82 %

Trajettorja 1

Trajettorja 2

ERUs

192,53

49,56 %

miljuni

perċentwali tal-ERUs

miljuni

perċentwali tal-ERUs

L-Ukrajna

147,82

76,78 %

146,08

75,87 %

1,74

0,90 %

Ir-Russja

32,09

16,67 %

32,09

16,67 %

0,00

0,00 %

Il-Polonja

3,02

1,57 %

3,02

1,57 %

0,00

0,00 %

Il-Ġermanja

1,66

0,86 %

1,66

0,86 %

0,00

0,00 %

Franza

1,24

0,64 %

1,24

0,64 %

0,00

0,00 %

Il-Bulgarija

0,49

0,25 %

0,49

0,25 %

0,00

0,00 %

Oħrajn

6,21

3,23 %

1,78

0,92 %

4,43

2,30 %

Total

410,62

100,00 %

186,36

96,80 %

6,17

3,20 %

Appendiċi 4

Tabella 1: Elementi ta’ provvista u domanda tal-ETS

Element

Provvista jew domanda?

Pubblikazzjoni

Aġġornament u inċertezzi

Total bankarju tal-fażi 2

Provvista

Rapport tas-suq tal-karbonju

Mhuwa previst ebda aġġornament peress li l-fażi 2 spiċċat. Ċifra finali.

Irkanti tal-fażi 3 bikrija

Provvista

Sit web tad-DĠ Klima, siti web tal-EEX u ICE

Mhix parti mit-total bankarju tal-fażi 2. Ċifri finali.

Kwoti għal NER 300

Provvista

Sit web tal-BEI

300 miljun kwota ġew monetizzati fl-2012-2014. Ċifri finali.

Irkanti tal-avjazzjoni

Provvista

Sit web tad-DĠ Klima, siti web tal-EEX u ICE

Le – l-aġġustamenti huma riflessi fil-volumi għas-sena ta’ wara.

L-irkanti tal-2013 u l-2014 saru fl-2015.

Irkanti tal-Fażi 3

Provvista

Sit web tad-DĠ Klima, siti web tal-EEX u ICE

Le - iċ-ċifra mhijiex soġġetta għal reviżjoni. Madankollu, il-kwoti (eż. minħabba dewmien biex jibda l-irkantar għal ċerti Stati Membri, pereżempju dawk għaż-ŻEE-EFTA) miżmuma mill-irkantijiet jistgħu jiġu rkantati fis-snin sussegwenti.

Allokazzjoni bla ħlas (NIMs)

Provvista

EUTL, tabelli

Dawn iċ-ċifri huma aġġornati matul is-sena kollha.

- Stat Membru jista’ jipprovdi sottomissjonijiet tard għas-snin preċedenti jew allokazzjoni attwali tista’ tkun inqas mill-ammont inizjalment previst.

L-EUTL jipprovdi stat tal-ħidma preċiż tal-allokazzjoni attwali.

Allokazzjoni bla ħlas (NER)

Provvista

EUTL, tabelli

Allokazzjoni bla ħlas

(avjazzjoni)

Provvista

EUTL, Pubblikazzjoni minn SM ta’ tabelli ta’ allokazzjoni

Allokazzjoni bla ħlas

(Artikolu 10c)

Provvista

EUTL, tabella tal-istatus

Emissjonijiet (installazzjonijiet stazzjonarji)

Domanda

EUTL, dejta ta’ konformità

Dejta ta’ konformità disponibbli għall-pubbliku fl-1 ta’ Mejju turi emissjonijiet u kwoti ċeduti għall-installazzjonijiet li huma konformi (jiġifieri dawk l-installazzjonijiet li jirrapportaw għas-snin kollha kkonċernati).

Emissjonijiet (avjazzjoni)

Domanda

Il-konformità għall-operaturi tal-avjazzjoni kemm għall-2013 kif ukoll għall-2014 seħħet fl-2015.

Kwoti kkanċellati

Domanda

Rapport tas-suq tal-karbonju


Tabella 2: Ordni kronoloġiku għall-pubblikazzjoni tad-dejta

Żmien

Dejta

Ambitu

L-1 ta’ Jannar – it-30 ta’ April tas-sena x

Aġġornamenti għall-allokazzjoni bla ħlas għall-enerġija (l-Artikolu 10c)

Is-sena x-1

L-1 ta’ April tas-sena x

Emissjonijiet ivverifikati

Allokazzjoni bla ħlas (l-Artikolu 10a(5) – NIMs)

Is-sena x-1

L-1 ta’ Mejju tas-sena x

Skadenza ta’ konformità: emissjonijiet ivverifikati u kwoti ċeduti

Is-sena x-1

Mejju/Ottubru tas-sena x

Krediti internazzjonali skambjati

L-aħħar trimestru tas-sena x

Rapport tas-Suq tal-Karbonju

Is-sena x-1

Jannar/Lulju tas-sena x

Status tar-riżerva għal min jidħol ġdid - tabella NER

Mhux ippubblikata fil-livell tal-UE

Allokazzjoni bla ħlas għall-avjazzjoni ppubblikata fil-livell tal-Istati Membri