IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.1.2017
COM(2017) 44 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Dwar il-progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika
{SWD(2017) 25 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.1.2017
COM(2017) 44 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Dwar il-progress fir-Rumanija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika
{SWD(2017) 25 final}
1. INTRODUZZJONI
Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV) twaqqaf meta r-Rumanija daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2007 1 biex jindirizza nuqqasijiet fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-frodi. Minn dak iż-żmien 'l hawn, ir-rapporti tal-MKV ippruvaw jgħinu biex jiffukaw l-isforzi tal-awtoritajiet Rumeni permezz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi u segwew il-progress li sar. Billi l-MKV laħaq l-għaxar anniversarju tiegħu din is-sena, il-Kummissjoni qed tivvalutah b’ħarsa ġenerali lejn il-kisbiet, l-isfidi pendenti u l-passi li fadal meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-MKV.
Kif iċċarat ripetutament mill-Kunsill, 2 il-MKV se jintemm meta l-erba’ parametri referenzjarji li japplikaw għar-Rumanija jinkisbu b’mod sodisfaċenti. Il-parametri referenzjarji kienu definiti fi żmien l-adeżjoni u jkopru kwistjonijiet essenzjali għall-operat tal-Istati Membri - l-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura, l-integrità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Biex ikunu ssodisfati, dawn jirrikjedu kumbinament ta’ passi leġiżlattivi u istituzzjonali. Barra minn hekk, dawn il-miżuri jistgħu jkunu vvalutati kompletament biss billi wieħed iħares lejn jekk l-effett maħsub tagħhom jinħassx fil-prattika, u jekk dawn jistgħux jitqiesu bħala integrati fil-qafas ġuridiku u istituzzjonali tar-Rumanija u li jkunu rreversibbli. Dan jippermetti li ċ-ċittadini jkollhom fiduċja li d-deċiżjonijiet u l-prattiki fir-Rumanija jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt u jipprovdi l-bażi għal fiduċja reċiproka li hija meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE.
Ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni kienu kwistjonijiet ewlenin għas-soċjetà Rumena fl-aħħar 10 snin. 3 Il-MKV għandu rwol importanti fir-Rumanija bħala mutur għar-riforma, kif ukoll bħala għodda biex jiġi segwit il-progress. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u l-metodoloġija tal-MKV irċevew b'mod konsistenti mill-appoġġ qawwi tal-Kunsill, u bbenefikaw mill-kooperazzjoni u l-input ta' ħafna Stati Membri. Il-kooperazzjoni ssaħħet ukoll permezz ta’ appoġġ immirat lir-Rumanija permezz tal-Fondi tal-UE.
Barra milli jsegwu l-progress tul dawn l-aħħar 10 snin, ir-rapporti tal-MKV mill-2014 'l hawn setgħu jissottolinjaw kif il-konsistenza tal-progress bdiet tipponta lejn is-sostenibbiltà. Passi leġiżlattivi u istituzzjonali taw il-frott fir-rigward tar-rekord stabbiliti, permezz tal-impenn muri minn bosta mħallfin u prosekuturi, il-ħidma ta’ implimentazzjoni tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-kooperazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet Rumeni u l-Kummissjoni. L-involviment b’saħħtu tas-soċjetà ċivili ukoll kien element ewlieni biex jinkoraġġixxi r-riforma tas-sistema tal-ġustizzja u biex jittieħdu passi konkreti fil-livelli kollha biex tkun indirizzata l-korruzzjoni. Fl-istess żmien, ir-rapporti tal-MKV komplew jenfasizzaw li kien għad hemm oqsma fejn riforma ulterjuri kienet diffiċli — u li xi drabi kienet tiffaċċa reżistenza. Kwistjonijiet sottostanti bħal tħassib dwar l-indipendenza ġudizzjarja u l-awtorità tad-deċiżjonijiet tal-qorti, u xi drabi attentati speċifiċi biex jittreġġgħu lura r-riformi, inevitabbilment rażżnu r-ritmu tal-progress lejn l-objettivi tal-MKV.
Dan ir-rapport iħares lura lejn l-iżviluppi fir-Rumanija mill-2007. Bħal fis-snin preċedenti, dan ir-rapport huwa r-riżultat ta’ proċess bir-reqqa ta’ analiżi mill-Kummissjoni, li jieħu mill-kooperazjjoni mill-qrib mal-Istituzzjonijiet Rumeni, kif ukoll l-input tas-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati l-oħra, inklużi l-Istati Membri l-oħra.
F’dan ir-rigward huwa importanti li nkunu ċari dwar l-ambitu tal-MKV. Id-Deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-MKV jistabbilixxu l-parametri tal-ambitu tal-MKV dwar ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Azzjonijiet f'dawn il-parametri se jiddeterminaw meta jintlaħqu l-parametri referenzjarji. Madankollu, ir-ritmu u l-profondità tar-riforma neċessarjament kienu kkundizzjonati mill-ambjent soċjali, legali u politiku usa’ fir-Rumanija li fih jistgħu jipprogressaw il-kwistjonijiet speċifiċi koperti mill-MKV. Pereżempju, f’dawn l-aħħar snin, fir-Rumanija l-isforzi biex tinbena l-kapaċità amministrattiva għadhom għaddejjin, biex b’hekk ikollhom konsegwenzi għall-proċess ta’ riforma. Il-prattiċi leġiżlattivi jippermettu għall-introduzzjoni f’daqqa ta’ bidliet permezz tal-Parlament, li tinqabeż ir-regolamentazzjoni aħjar u l-konsultazzjoni, u jagħmluha aktar diffiċli biex tintwera s-sostenibbiltà tal-qafas legali f’oqsma bħall-korruzzjoni. L-adeżjoni mal-prinċipji tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet u l-prinċipju tar-rispett għall-indipendenza ġudizzjarja għadhom iridu jissaħħu, b’attakki kontra l-imħallfin u l-prosekuturi fuq l-midja Rumena u l-ħtieġa għal mekkaniżmi ta’ rimedju aktar b’saħħithom. Waqt li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu lil hinn mill-kompetenza tal-MKV, huwa għandhom impatt dirett fuq l-abilità li ssir ir-riforma u b’mod partikolari, għamluha aktar diffiċli għar-Rumanija li turi li r-riforma qabdet fuq bażi permanenti.
Qasam fejn dan l-ambjent usa’ evolva f’direzzjoni pożittiva huwa t-trasparenza. F’bosta oqsma tal-ħidma tal-MKV, kien hemm xejra notevoli - anki matul l-aħħar sena - lejn kwalità aħjar tal-informazzjoni dwar is-sistema ġudizzjarja u dwar il-korruzzjoni, u aktar possibbiltà li dan isir aċċessibbli. Passi ulterjuri f’din id-direzzjoni minn firxa usa’ ta’ istituzzjonijiet Rumeni jissodaw bidla fil-prattika li tgħin biex turi progress. Għaldaqstant, dan ir-rapport jagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għal aktar intensiva ta’ rapportar u trasparenza fil-qasam tal-ħidma tal-MKV. Fuq medda qasira ta’ żmien, dan jgħin lill-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet finali; ladarba jintemm il-MKV, dan għandu jipprovdi wkoll appoġġ għas-sostenibbiltà ta’ riforma billi jgħin l-obbligu ta' rendikont.
Finalment, jinħtieġ li jkun sottolinjat ukoll li n-natura distinta tal-ambitu tal-MKV taħdem kontra li jsiru rabtiet ma’ oqsma politiċi oħra. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li huwa xieraq li l-MKV ikunu marbut ma deċiżjonijiet f’oqsma oħra, bħall-eliġibilità għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jew l-aċċess għaż-Żona ta' Schengen.
Dan ir-rapport juża perspettiva aktar fit-tul biex jidentifika l-passi ewlenin li fadal biex jintlaħqu l-għanijiet tal-MKV. Il-momentum miksub sa issa jippermetti li l-iffukar jiċċaqlaq lejn il-passi li baqa’ li għandhom jittieħdu. Meta jittieħdu l-passi stabbiliti fil-parametri referenzjarji f’dan ir-rapport, il-parametru referenzjarju rispettiv se jkun ikkunsidrat proviżorjament lest. Meta dan japplika għall-parametri referenzjarji kollha, il-MKV jingħalaq. Ir-rakkomandazzjonijiet stipulati jistgħu għalhekk jitqiesu bħala suffiċjenti sabiex jintlaħaq dan l-għan - ħlief jekk l-iżviluppi jreġġgħu lura b’mod ċar il-progress. Il-Kummissjoni temmen li din jinħtieġ ukoll li twassal għall-aċċelerazzjoni tal-proċess mill-awtoritajiet Rumeni u mill-l-UE kumplessivament. Fil-parametri referenzjarji fejn huwa meqjus li sar progress sostanzjali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li implimentazzjoni b’determinazzjoni u li żżomm kemm ir-ritmu u wkoll id-direzzjoni konsistenti tar-riforma għandha tippermetti li dawk il-parametri referenzjarji jingħalqu malajr - għal parametri referenzjarji oħra, dan se jkun aktar diffiċli. Għalhekk il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tressaq 'il quddiem ir-rapport li jmiss sa tmiem l-2017, u tinsab lesta li tipprovdi assistenza ulterjuri biex tgħin biex issaħħaħ l-irreversibbiltà tal-progress u, għalhekk, twassal il-mekkaniżmu għal konklużjoni.
2. VALUTAZZJONI TAL-PROGRESS DWAR L-ISSODISFAR TAL-PARAMETRI REFERENZJARJI MILL-BIDU TAL-MKV
Barra milli jħarsu lejn il-progress dwar ir-rakkomandazzonjiet li saru fir-rapport tal-MKV tal-2016, din it-taqsima tagħmel valutazzjoni kumplessiva ta’ 10 snin ta’ riformi. L-iktar żviluppi u riżultati rilevanti huma stipulati f’dettall tekniku fir-rapport tekniku li jakkumpanja dan ir-rapport 4 . Għalkemm dawn il-punti referenzjarji huma awtonomi, hemm ukoll interkonnessjonijiet importanti li għandhom impatt fuq it-twettiq tagħhom. Il-valutazzjoni tal-progress involviet ħarsa lejn il-kundizzjonijiet strutturali (bħal-liġijiet, l-istituzzjonijiet, u r-riżorsi); lejn ir-riżultati u r-rekords; u jekk il-progress ikunx jista’ jitqies irriversibbli. Jinħtieġ li jkun innutat ukoll li sa minn meta ġew miftiehma l-parametri referenzjarji tal-MKV, kien hemm żviluppi kbar fil-każistika tal-ECHR, fl-istandards internazzjonali u fl-aħjar prattiki, u fl-informazzjoni komparattiva dwar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali fl-UE, li ggwidaw lill-awtoritajiet Rumeni fir-riformi tagħhom u għenu wkoll biex jagħtu oġġettiv u kejl komparabbli tal-iżvilupp tas-sistema ġudizzjarja Rumena u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-mandat tal-erba’ parametri referenzjarji.
2.1 Il-proċess ġudizzjarju
L-ewwel parametru referenzjarju kien jikkonċerna s-sistema ġudizzjarja, billi jiffoka fuq il-konsistenza tal-proċess ġudizzjarju, u billi jtejjeb it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont. F’dan il-qasam, il-progress istituzzjonali u leġiżlattiv kien sostanzjali. Mill-2012, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (KSM) stabbilixxa lilu nnifsu bħala maniġer tas-sistema ġudizzjarja u wera rieda dejjem tikber li jwettaq bis-sħiħ ir-rwol kostituzzjonali tiegħu, notevolment fir-rigward tad-difiża tal-indipendenza tal-ġudikatura, rwol ewlieni li issa se jgħaddi għand il-Kunsill Superjuri l-ġdid, li ġie elett riċentament. Fl-2016, stħarriġ kompla juri perċezzjoni qawwija min-naħa tal-pubbliku ta’ indipendenza tal-ġudikatura u fiduċja fil-ġudikatura 5 . Iżda kif urew ukoll rapporti preċedenti dwar il-MKV, kien hemm ukoll reazzjoni għal din ix-xejra: b’attakki medjatiċi u politiċi fuq il-maġistrati u l-istituzzjonijiet ġudizzjarji. L-attakki kontra d-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni kienu partikolarment qawwija fl-2016.
Il-progress fir-riformi strutturali f’ċerti oqsma relatati mal-effiċjenza, ir-riżorsi u l-volum ta’ xogħol damu aktar biex juru bidliet sinifikanti - minkejja li l-kwalità tal-informazzjoni li l-Ministeru għall-Ġustizzja seta’ jipprovdi lill-Kummissjoni f’dawn l-aħħar snin uriet li l-iżvilupp ta’ informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja li issa tinsab disponibbli għall-Ministeru u għall-KSM. Fl-aħħar tliet snin il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-KSM, u l-ġudikatura wrew ir-rieda tagħhom u l-kapaċità tagħhom biex jaħdmu flimkien u jsibu soluzzjonijiet biex imexxu r-riforma 'l quddiem. Dan kien appoġġat mir-riżorsi dejjem jikbru allokati lill-ġudikatura, notevolment miż-żewġ gvernijiet aħħara. Madankollu, il-progress għaddej bil-mod fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet bħall-bilanċ tal-ammont tax-xogħol bejn il-qrati u fihom, bħal, pereżempju, kif se jkunu indirizzati d-diskrepanzi fl-ammont tax-xogħol bejn il-qrati kbar u żgħar u t-tqassim tal-kompiti bejn l-imħallfin u s-segretarji tal-qorti. Leġiżlazzjoni biex tindirizza dawk il-problemi ma avvanzatx fl-2016, u l-azzjoni maniġerjali waħedha ma setgħetx tipprovdi soluzzjoni. Il-progress prinċipali huwa li issa l-għodod kollha huma fis-seħħ biex jimmonitorjaw il-funzjonament tal-qrati u tas-sitwazzjoni tar-riżorsi umani, hu hemm Strateġija komprensiva għall-Iżvilupp tal-Ġudikatura 2015-2020.
Ir-reqqa tal-proċeduri ta’ dħul f’din il-maġistratura, appoġġati minn taħriġ obbligatorju mill-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura, ukoll jidher li kellu rwol importanti biex jikkonsolida l-professjonaliżmu, kif ukoll l-idipendenza, tal-maġistratura. Dwar il-ħatra ta’ mħallfin anzjani u prosekuturi, l-aħħar rapport tal-MKV identifika l-2016 bħala s-sena ta’ prova għall-ħatriet. Dan kien notevolment il-każ għall-ħatra tal-mexxejja tal-prosekuzzjoni, u tad-deputati tagħhom. F’termini ta’ riżultati, l-ebda mill-kandidati maħtura ma qajmu kwistjonijiet ta’ integrità u professjonaliżmu jew kontroversji fil-maġistratura jew fis-soċjetà ċivili, u wħud diġà kellhom esperjenza solida. Madankollu, il-proċess użat ma ppermettiex li tidħol fis-seħħ proċedura ċara, miftuħa u trasparenti għall-għażla tal-kandidati kollha, u li tali proċedura tkun konsolidata f’sistema stabbli u permanenti 6 .
Il-KSM huwa wkoll responsabbli li jissanzjona l-imġiba professjonali ħażina u l-offiżi dixxiplinari tal-maġistrati. L-investigazzjoni ta’ tali każijiet hija f’idejn l-Ispezzjoni tal-Ġudikatura. Fl-2012, riforma ewlenija tal-Ispezzjoni tal-Ġudikatura kkonsolidata bħala istituzzjoni indipendenti u professjonali. Dan għamel l-Ispezzjoni aktar effiċjenti u awtoritattiva, kif reġa’ kien ikkonfermat permezz tar-rekord stabbilit tagħha fl-2016. Id-deċiżjonijiet dixxiplinari tal-KSM jistgħu jkunu appellati quddiem il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja u r-rapport tal-MKV tal-2106 innota li l-katina tad-deċiżjonijiet tidher li saret aktar prevedibbli u konsistenti.
Ir-Rumanija adottat u implimentat Kodiċi Ċivili u Kriminali ġodda bil-għan li timmodernizza d-dritt sostantiv u ttejjeb l-effiċjenza u l-konsistenza tal-proċess ġudizzjarju. Il-Kodiċi Ċivili l-ġdid daħal fis-seħħ fl-2011, il-Kodiċi għall-Proċedura Ċivili fl-2013 u l-Kodiċi Kriminali l-ġdid fl-2014. It-tranżazzjoni għall-Kodiċi Ċivili l-ġdid kienet gradwali u issa tapplika kważi għall-każijiet kollha. Għall-Kodiċi Kriminali, id-dispożizzjonijiet kollha kienu japplikaw mill-ewwel ġurnata, sabiex l-2014, 2015 u l-2016 kienu ddedikati biex jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti fil-qrati u l-uffiċċji tal-prosekuzzjoni kollha u għall-istabbiliment tad-dispożizzjonijiet legali tiegħu Bl-adattament għal din ir-riforma ewlenija, is-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi wriet il-professjonalità tagħha. Hemm evidenza li r-riżultat kien ammont ta’ aċċellerazzjoni fit-tul tal-proċeduri tal-qorti; rispett isaħħaħ għall-proċess ġust u kif ukoll aktar konsistenza fid-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Dawn ir-riformi ewlenin huma kważi finalizzati. Madankollu, il-finalizzazzjoni tar-riformi importanti tal-kodiċi, kif irrakkomandat fir-rapport tal-MKV tal-2016, irriżultat diffiċli u tipponta lejn nuqqasijiet li għadhom jeżistu. Fil-każ tal-Kodiċi Ċivili, dispożizzjonijiet li jeħtieġu infrastruttura ġdida kellhom ikunu posposti suċċessivament, li jissuġġerixxi nuqqasijiet fl-ippjanar. Fil-każ tal-Kodiċi Kriminali, proċess inevitabbli ta’ raffinament permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali kien ikkumplikat ulterjorment minn approċċ leġiżlattiv imprevedibbli fil-Parlament. Emendi importanti fil-Kodiċi Kriminali ppreżentati mill-Gvern biex jallinja d-dispożizzjonijiet ma’ deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali kienu għadhom pendenti fi tmiem il-leġizlaturi f’Diċembru 2016; filwaqt li ngħatat attenzjoni għall-emendi fil-Parlament li qajmu kontroversja minħabba d-dgħufija tal-qafas legali dwar il-korruzzjoni, anki jekk dawn għadhom ma għaddewx. Fit-18 ta’ Jannar 2017, il-Gvern ippreżenta żewġ abbozzi ta’ ordinanzi għall-emerġenza għall-konsultazzjoni, waħda fuq il-grazzja u waħda fuq l-emenda tal-Kodiċi Kriminali u l-kodiċi tal-Proċeduri Kriminali 7 .
Il-Qorti Kostituzzjonali kellha rwol importanti fl-iżvilupp ulterjuri tal-istat tad-dritt u fil-konsolidazzjoni tas-sistema ġudizzjarja. Mit-taqlib kostituzzjonali tal-2012, bosta deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali kkontribwew biex tkun difiża l-indipendenza tal-ġustizzja u fittxew li jipprovdu soluzzjonijiet marbutin mal-bilanċ tas-setgħat u mar-rispett għad-drittijiet fundamentali li ma setgħux jiġu solvuti permezz tas-sistema ġudizzjarja biss. Il-maġġoranza tat-12-il deċiżjoni mill-Qorti Kostituzzjonali fl-2016 li annullaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid u l-Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali kienu meħuda fuq il-bażi ta’ rispett tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Fil-mument tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, waħda mid-dgħufijiet identifikati kienet in-nuqqas persistenti ta’ koerenza fid-deċiżjonijiet tal-qrati. Ir-riformi leġiżlattivi ewlenin, kollha fittxew li jsaħħu l-mekkaniżmi għall-konsistenza. Wara d-dħul fis-seħħ tal-Kodiċijiet il-ġodda, ir-rapporti tal-MKV innotaw żieda fl-użu u fl-effettività tal-mekkaniżmi ta’ konsistenza legali implimentati mill-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja (QGħKĠ). F’dawn l-aħħar snin il-mekkaniżmi legali ġew ikkumplimentati minn sforzi maniġerjali sabiex jippromwovu l-konsistenza u d-disponibbiltà online tad-deċiżjonijiet kollha tal-qorti. Ir-rapport tal-MKV tal-2016 innota wkoll sinjali ta’ ċaqliq kulturali favur il-konsistenza fil-ġudikatura.
Marbutin ma’ kemm l-indipendenza u l-konsistenza hemm ir-rispett u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti. Deċiżjoni tal-qorti li ma tiġix implimentata ċċaħħad id-deċiżjoni tal-qorti minn kull effett utli, kif ukoll li jkollu impatt dirett fuq l-ammont ta’ xogħol tal-qrati permezz ta’ kawżi ta’ segwitu jew appelli fuq deċiżjonijiet ripetittivi 8 . Problemi rigward ir-rispett u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti minn istituzzjonijiet tal-Istat u tal-amministrazzjoni pubblika kienu tema rikorrenti: il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjonijiet suċċessivi dwar dan fl-2014, fl-2015 u fl-2016, filwaqt li ġie rikonoxxut ukoll bħala nuqqas strutturali mill-QEDB 9 . Żvilupp importanti fl-2016 fiż-żona ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti dwar il-konfiska tal-assi kriminali kien il-ftehim li titwaqqaf l-Aġenzija Nazzjonali l-ġdida għall-Ġestjoni ta’ Assi Maqbuda, li issa qed tibda l-ħidma tagħha: parti mir-responsabbiltà tagħha se tkun li tapplika proċeduri biex jistimulaw lill-korpi pubbliċi sabiex iwettqu l-irkupru tal-assi u jindirizzaw telf fuq il-finanzi pubbliċi.
B’mod ġenerali, ir-Rumanija għamlet progress sostanzjali dwar ħafna mill-Parametru Referenzjarju Wieħed, iżda dan ma kienx wieħed faċli, u għadhom meħtieġa sforzi biex jintwera rekord tajjeb f’oqsma li jinkludu r-rispett għall-indipendenza ġudizzjarja fil-ħajja pubblika Rumena, l-iffinalizzar tar-riformi tal-kodiċi kriminali u ċivili u l-iżgurar tal-effiċjenza fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati minn kulħadd.
2.2 L-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità
It-tieni parametru referenzjarju jirrigwarda l-istabbiliment ta’ aġenzija tal-integrità b’responsabbiltajiet għall-verifika ta’ assi, ta’ inkompatibilitajiet u konflitti potenzjali ta’ interess, u għall-ħruġ ta’ deċiżjonijiet mandatarji fuq il-bażi li għandhom jittieħdu sanzjonijiet dissważivi. L-istorja ta’ dan il-parametru referenzjarju turi għaliex huwa essenzjali li wieħed ikun attent għal irriversibbiltà. Filwaqt li l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità ġiet stabbilita fl-2007, il-leġittimità tagħha kien spiss iddubitata fl-ewwel snin tagħha. Fl-2010, wara deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, il-liġi bażi tal-Aġenzija ġiet annullata u mingħajr pressjoni esterna, ma kienx ċar li qafas legali ġdid kien se jkun stabbilit, kif ġara sitt xhur wara.
Illum ir-Rumanija għandha qafas komprensiv għall-integrità għall-uffiċjali pubbliċi, u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Integrità stabbilixxiet ruħha bħala istituzzjoni indipendenti li tgħin fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli. Meta kkontestati, id-deċiżjonijiet tagħha u s-sanzjonijiet li hija tista’ tapplika ġew konsistentement endorsjati mill-qrati. Ir-rekord tal-Aġenzija fl-investigazzjoni ta’ ġid mhux ġustifikat, inkompatibilitajiet u kunflitt ta’ interess amministrattiv żdied b’mod gradwali, b’xejra konsistenti ta’ riżultati sinifikanti mill-2013, ikkonfermata mill-ġdid fl-2016. Fuq kollox, ir-rekord tajjeb tal-ANI nżamm minkejja t-taqlib fil-ġestjoni minħabba r-riżenja tal-President tal-Aġenzija. 10 L-ANI se jkollha għodda oħra mas-sistema PREVENT ta’ verifiki ex ante dwar l-akkwist pubbliku, il-leġiżlazzjoni li dwarha ntlaħaq qbil fil-Parlament fil-ħarifa tal-2016 u li jinħtieġ li tinkludi l-konflitti ta’ interess kollha kif definit fil-liġijiet il-ġodda dwar l-Akkwist Pubbliku.
F’konformità mar-rakkomandazzjoni fl-aħħar rapport tal-MKV, l-ANI ħadmet mill-qrib ukoll mal-Awtorità Elettorali Permanenti fl-2016 biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet dwar l-integrità jkunu riflessi fl-eliġibbiltà tal-kandidati. Dan kien effettiv, b’kandidati eletti fl-elezzjonijiet lokali, minkejja deċiżjoni ta’ integrità, sussegwentement imneħħija jew li rriżenjaw mill-kariga, u bil-persuni u l-awtoritajiet elettorali li jużaw l-informazzjoni ANI sabiex ikunu evitati kandidati ineliġibbli li jippreżentaw lilhom infushom għall-elezzjonijiet parlamentari: jidher li hemm biss każ wieħed pendenti hawnhekk.
Madankollu, il-qafas legali għall-integrità, is-sett ta’ liġijiet li jiddefinixxu sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess u l-inkompatibbiltajiet għall-impjegati tas-servizz pubbliku u għall-uffiċjali eletti jew maħtura, reġa’ infetaħ regolarment fil-Parlament. Għadu ma kienx possibbli li jiġu stabbiliti b’mod ċar, qafas legali konsolidat bħala l-pedament għal sostenibbiltà, minkejja li l-2015 u l-2016 raw żieda fl-isforzi tal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja biex tippromwovi applikazzjoni konsistenti tal-liġijiet tal-integrità. Kien hemm ukoll problema rikorrenti li tikkonċerna r-reżistenza għall-implimentazzjoni tar-rapporti tal-Aġenzija, anki meta dawn jiġu konfermati permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti, u nuqqas ta’ ħeġġa mill-istituzzjonijiet u mill-awtoritajiet responsabbli biex japplikaw s-sanzjonijiet meħtieġa (li jikkonsistu normalment jew fit-tneħħija ta’ funzjoni pubblika jew f’multi amministrattivi). F’dawn l-aħħar sentejn, is-sitwazzjoni ġenerali tjiebet b’mod sinifikanti, iżda xi deċiżjonijiet mill-Parlament għadhom jidhru li jiddubitaw jew jittardjaw l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet finali mill-qorti li jikkonfermaw r-rapporti tal-Aġenzija.
Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha f’Lulju 2013, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-Ministri kienu ta’ eżempju fir-rispett tar-regoli ta’ integrità u li l-istess jinħtieġ li jkun mistenni fir-rigward ta’ akkużi ta’ korruzzjoni. Dan jibqa’ ta’ importanza kbira għall-kredibbiltà pubblika tal-Gvern u tal-Parlament 11 .
Kumplessivament, ir-Rumanija għamlet progress sostanzjali dwar il-Parametru Referenzjarju Tnejn u l-Aġenzija Nazzjonali dwar l-Integrità tista’ titqies li stabbilixxiet ruħha bħala istituzzjoni rispettata. Dan kien muri wkoll mill-fatt li hija kienet ġiet inkarigata fl-2016 bl-iżvilupp tas-sistema PREVENT, sistema għall-verifiki ex ante tal-kunflitti ta’ interess fl-akkwist pubbliku, li l-ħidma tagħha se jinħtieġ li tintwera fl-2017. Hi għandha rwol importanti wkoll fl-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni 2016–2020 għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni.
2.3 L-indirizzar tal-korruzzjoni f'livell għoli
Il-parametru referenzjarju Tlieta jikkonċerna investigazzjonijiet professjonali u mhux partiġjani f’allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Il-korruzzjoni hija problema soċjali profonda b’konsegwenzi kemm għall-governanza u wkoll għall-ekonomija. Hija ġeneralment rikonoxxuta bħala kwistjoni prinċipali fir-Rumanija, kif jintwera regolarment fi stħarriġ tal-perċezzjonijiet 12 u aktar riċenti f’Ewrobarometru dwar il-MKV. 13 Ir-rapporti tal-MKV setgħu jirrapportaw rekord dejjem jikber f’termini ta’ riżultati fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u d-deċiżjonijiet meħuda dwar kawżi ta’ korruzzjoni f’livell għoli matul is-snin, b’aċċelerazzjoni ċara wara l-2011. Mill-2013 'l hawn, ir-rekord tal-istituzzjonijiet involuti fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u d-deċiżjonijiet meħuda dwar il-korruzzjoni ta’ livell għoli kien b’saħħtu, b’akkużi u konklużjonijiet ta’ kawżi li jikkonċernaw politiċi fil-livelli kollha u mill-partiti kollha, kif ukoll ħaddiema taċ-ċivil, maġistrati u negozjanti. Id-Direttorat Nazzjonali għal Kontra l-Korruzzjoni jinvestiga għadd kbir ta’ każijiet u joħloq mijiet ta’ każijiet għal proċess quddiem il-qorti għal korruzzjoni ta’ livell għoli u medju kull sena; U l-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja u l-Qrati tal-Appell jgħaddu sentenzi finali fuq għadd li għadu kbir ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli u ta’ livell medju. Kien hemm ukoll tendenza qawwija lejn il-konfiska tal-assi biex ikun irkuprat id-dannu kkawżat minn reati ta’ korruzzjoni. Ir-rekord - miżmum b’mod konsistenti fl-2016 - hija sinjal tal-indipendenza u l-professjonaliżmu tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji; madankollu, ir-repetizzjoni ta’ reati simili tissuġġerixxi wkoll li ma kienx effettiv għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni.
Bid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali l-ġdid fl-2014, ir-Rumanija issa għandha qafas legali komprensiv għall-ġlieda kontra r-reati ta’ korruzzjoni. Kif intqal qabel, sa mill-ġranet bikrija, l-istabbiltà tal-qafas legali kienet waħda mis-suġġetti ta’ tħassib rikorrenti, b’tentattivi regolari biex jimmodifikaw il-liġijiet kontra l-korruzzjoni, sikwit mingħajr konsultazzjoni ta’ istituzzjonijiet statali u ġudizzjarji ewlenin f’dan il-qasam 14 .
Rapporti tal-MKV innutaw ukoll rabta ċara bejn l-effettività ta’ dan ix-xogħol u r-reazzjoni politika mifruxa fil-mezzi tax-xandir u, f’dak li jirrigwarda l-kritika pubblika ta’ maġistrati individwali u s-sistema ġudizzjarja b’mod ġenerali. Huma nnutaw ukoll in-nuqqas ta’ approċċ sistematiku biex jiġi spjegat ir-rifjut li jneħħi l-immunitajiet parlamentari biex tkun tista’ ssir investigazzjoni jew jittieħdu miżuri preventivi. Iżda b’mod ġenerali, il-kisbiet tar-Rumanija f’dan il-qasam ġustament attiraw rikonoxximent wiesa’ u sar progress sostanzjali fit-tielet parametru referenzjarju.
2.4 L-indirizzar tal-korruzzjoni fil-livelli kollha
Ir-raba’ parametru referenzjarju jikkonċerna aktar miżuri sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-korruzzjoni, b’mod partikolari fil-gvern lokali. Il-korruzzjoni ta’ livell baxx u medju hija meqjusa b’mod ġenerali li hi problema fir-Rumanija, b’konsegwenzi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-Rumanija. L-akkwist pubbliku, pereżempju, huwa qasam fejn il-prevalenza tal-korruzzjoni ma tippermettix li jiġu katalizzati l-impatt tal-investiment. Il-kura tas-saħħa hija qasam ieħor fejn il-korruzzjoni għandha konsegwenzi serji. Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u approċċ proattiv mill-amministrazzjoni pubblika biex jingħalqu l-opportunitajiet għall-korruzzjoni huma kumplement indispensabbli għall-ħidma tal-prosekuzzjoni dwar is-segwiment ta’ trasgressjonijiet wara li dawn ikunu saru. Il-progress dwar l-irkupru tal-assi se jiżdied bl-istabbiliment tal-aġenzija nazzjonali l-ġdida għall-ġestjoni tal-assi konfiskati (ANABI), li bdiet taħdem f’Jannar 2017. Il-prosekuzzjoni ta’ korruzzjoni ta’ livell aktar baxx saret parti aktar standard mill-ħidma tal-prosekuzzjoni, u tibqa’ prijorità tal-prosekuzzjoni. Iżda passi addizzjonali jinħtieġ li jittieħdu biex jindirizzaw b’mod effettiv problema tant wiesgħa.
L-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni hija l-istrument ewlieni ta’ prevenzjoni tal-korruzzjoni mill-amministrazzjoni pubblika fil-livell nazzjonali u dak lokali. L-istrateġiji kontra l-korruzzjoni sal-2011 ma tantx ipproduċiet riżultati. L-istrateġija Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni 2012–2015 kienet aktar ta’ suċċess biex tilħaq ħafna istituzzjonijiet, inkluż fil-livell lokali, billi l-metodoloġija tagħha ta’ diskussjonijiet fil-pjattaformi settorjali u l-involviment attiv ta’ kull istituzzjoni, kif ukoll evalwazzjonijiet bejn il-pari ma’ NGOs. Madankollu, l-evalwazzjoni fl-2015 uriet li l-progress kien bil-mod u li l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni ma kienitx effettiva, b’rieda politika insuffiċjenti mill-qċaċet tal-istituzzjonijiet biex jiġu implimentati l-miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Il-Gvern adotta strateġija ġdida kontra l-korruzzjoni għall-2016–2020 f’Awwissu 2016, li notevolment tfittex li timmira d-dgħufijiet identifikati b’miżuri speċifiċi. L-isfida ewlenija se tkun li jkunu implimentati b’mod effettiv il-miżuri, inkluż fil-livell lokali, fejn ħafna mill-osservaturi jaraw li r-riskji ta’ korruzzjoni huma partikolarment għoljin.
Ma hemm l-ebda dubju li l-miżuri kienu introdotti minn gvernijiet suċċessivi biex jindirizzaw il-korruzzjoni, bi sforz serju biex jiżviluppaw strateġiji kontra l-korruzzjoni u xi miżuri preventivi innovattivi. Madankollu, minkejja li sar xi progress lejn l-issodisfar tar-raba’ parametru referenzjarju, għad fadal sfidi importanti fl-implimentazzjoni effettiva tal-politiki preventivi li dan l-aħħar ġew definiti.
3. IL-PASSI PRINĊIPALI LI BAQA’
Kumplessivament, il-perspettiva ta’ 10 snin turi li r-Rumanija għamlet progress kbir lejn il-parametri referenzjarji tal-MKV. Għadd ta’ istituzzjonijiet ewlenin u leġiżlazzjoni ferm importanti jinsabu fis-seħħ u rekord stabbilit jista’ jidher f’ħafna oqsma. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija wriet li għadd ta’ salvagwardji interni jeżistu kontra t-treġġigħ lura f’daqqa tal-progress. Madankollu, għad fadal nuqqasijiet importanti li jeħtieġ li jiġu indirizzati. Ir-riforma jeħtieġ tkompli f’din it-triq u jeħtieġ li jissaħħu aktar is-salvagwardji interni sabiex tiġi żgurata l-irreversibbiltà meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-parametri referenzjarji. Għaldaqstant din it-taqsima timmira li tistabbilixxi l-passi li fadal meħtieġa sabiex l-objettivi tal-MKV jintlaħqu.
3.1. L-indipendenza tal-ġudikatura
Il-ħatriet
Rapporti suċċessivi tal-MKV enfasizzaw li anki jekk kien hemm xejra lejn ħatriet aktar ibbażat fuq il-mertu u trasparenti, il-liġi dwar il-ħatriet ta’ prosekuturi ewlenin u l-prattika tal-implimentazzjoni tagħha mhumiex robusti biżżejjed biex tiġi evitata diskrezzjoni politika eċċessiva fil-ħatriet. Mill-esperjenza tal-passat, dan jista’ jwassal biex jintefgħu dubji dwar l-indipendenza ta’ kandidat, joħolqu dewmien fil-ħatriet minħabba nuqqas ta’ qbil politiku, jew saħansitra jwasslu għall-ħatra ta’ maġistrati li aktar tard joħroġ li għandhom kwistjonijiet ta’ integrità. Fl-Ewropa, jeżistu tradizzjonijiet legali differenti fir-rigward tal-ħatriet għall-pożizzjoni ta’ Prosekutur Ġenerali (jew karigi simili fl-ogħla pożizzjoni ta’ prosekuzzjoni), u dan huwa rikonoxxut mill-Kummissjoni ta’ Venezja. Iżda, huwa importanti li jiġu żgurati s-salvagwardji adatti f’termini ta’ trasparenza u kontrokontrolli anke f’każijiet fejn id-deċiżjoni finali tibqa’ f’idejn il-livell politiku.
Rakkomandazzjoni: Tiġi stabbilita sistema robusta u indipendenti ta’ kif jinħatru l-ogħla prosekuturi, li tkun ibbażata fuq l-appoġġ tal-Kummissjoni ta’ Venezja.
Ir-rispett għall-imħallfin u l-proċess ġudizzjarju
Il-prosekuzzjoni u l-kundanna b’suċċess ta’ bosta politiċi prominenti fir-Rumanija huwa sinjal ta’ indipendenza ġudizzjarja, li juri li anki d-detenturi ta’ karigi għolja mhumiex lil hinn mil-liġi jekk ikunu wettqu xi reat. Madankollu, dan jidher li hu fl-oriġini ta’ attakki li ta’ spiss ikunu direttament immirati lejn maġistrati individwali, li jmorru lil hinn mill-kritika jew in-nuqqas ta’ qbil dwar is-sentenza jew deċiżjoni li tkun ikkontestata bil-mezzi legali disponibbli. L-attakki li għandhom l-għan li jiskreditaw maġistrati individwali jew l-istituzzjonijiet ġudizzjarji qed jirriskjaw li jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema ġudizzjarja kollha kemm hi, kif ukoll potenzjalment jintimidaw maġistrati individwali. Infiq eċċessiv jew personalizzat ta’ kritika minn imħallfin lill-Parlament jew lill-gvern tmur kontra l-prinċipji ta’ rispett reċiproku bejn l-istituzzjonijiet u tikkontradixxi r-rispett lejn l-indipendenza tal-ġudikatura.
Il-Kostituzzjoni tistabbilixxi l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (KSM) bħala d-difensur ewlieni tal-indipendenza tal-ġustizzja. Il-konklużjonijiet tagħhom jipprovdu appoġġ siewi lill-maġistrati, iżda d-diffikultà li jiżguraw livell ekwivalenti ta’ kopertura mill-midja għall-KSM meta mqabbla mal-kritika inizjali huwa sintomatiku tal-isfida li qed tiffaċċja l-ġudikatura f’termini tal-midja. Minkejja li d-deċiżjonijiet tal-KSM dejjem jiġu trażmessi lill-Kunsill Nazzjonali tas-Servizzi Awdjoviżivi, ma sar l-ebda progress f’termini ta’ rimedju effettiv jew korrezzjonijiet fil-midja li nedew jew mexxew l-attakki: konsegwenza ta’ kwistjonijiet usa’ rigward il-libertà ta’ espressjoni f’konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Filwaqt li l-kwistjoni usa’ tar-regolamentazzjoni tal-midja u r-rimedju hija, bħala tali, barra mill-MKV, hemm rabta diretta mal-indipendenza ġudizzjarja. Il-KSM il-ġdid u l-gvern jistgħu wkoll ikomplu jsegwu r-rakkomandazzjoni biex jesploraw mekkaniżmu aktar robust sabiex il-KSM ikun jista’ jappoġġa maġistrati li jixtiequ jiddefendu lilhom infushom fil-qorti jew hu stess jiddefendi lill-maġistrati fil-qrati.
Rakkomandazzjoni: Tiżgura li l-Kodiċi ta’ Kondotta għall-membri parlamentari li bħalissa qed ikun żviluppat fil-Parlament jinkludi dispożizzjonijiet ċari dwar ir-rispett reċiproku u jagħmilha ċara li l-membri parlamentari u l-proċess parlamentari għandhom jirrispettaw l-indipendenza tal-ġudikatura. Kodiċi ta’ Kondotta simili jista’ jiġi adottat għall-Ministri.
Jinħtieġ li l-KSM ikompli jirrapporta dwar l-azzjonijiet li jkun ħa biex jiddefendi l-indipendenza tal-ġustizzja u l-protezzjoni tar-reputazzjoni, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-maġistrati, u jista’ jorganizza dibattitu pubbliku sabiex il-Gvern, il-Parlament u l-Kunsill Nazzjonali tas-Servizzi Awdjoviżivi jkunu mistiedna jirreaġixxu għar-rapport.
3.2. Ir-Riforma ġudizzjarja
Kodiċi ġodda
Il-fażi attwali tar-riformi tal-Kodiċi Ċivili u Kriminali jeħtieġ li tkun finalizzata. Għall-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, l-istadju li jmiss ikun li l-Parlament imexxi 'l quddiem il-pjanijiet tiegħu biex jadotta l-emendi miġjuba flimkien mill-Gvern fl-2016 biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-qafas legali.
Għall-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, f’Diċembru 2016 il-Gvern iddeċieda li jipposponi l-applikazzjoni tal-bqija tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi l-ġdid ta’ Proċedura Ċivili għal sentejn, sal-1 ta’ Jannar 2019. Il-Ministeru għall-Ġustizzja ħabbar pjan biex sat-30 ta’ Ġunju 2017 jiddetermina l-ħtiġijiet preċiżi tas-sistema biex tippermetti applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet li fadal, u biex jagħti biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni tagħhom sa tmiem l-2018.
Rakkomandazzjoni: Jinħtieġ li l-fażi attwali fir-riforma tal-Kodiċi Kriminali tar-Rumanija tiġi konkluża, bil-Parlament li jmexxi 'l quddiem il-pjanijiet tiegħu biex jadotta l-emendi ppreżentati mill-Gvern fl-2016 wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji. Jinħtieġ li l-Ministeru għall-Ġustizzja, il-KSM u l-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja jiffinalizzaw pjan ta’ azzjoni biex jiżguraw li l-iskadenza l-ġdida għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jkun fadal tal-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili jkunu jistgħu jiġu rrispettati.
Rakkomandazzjoni: Sabiex itejbu aktar it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-proċess leġiżlattiv, u jsaħħu s-salvagwardji intern fl-interess tal-irreversibbiltà, jinħtieġ li l-Gvern u l-Parlament jiżguraw trasparenza sħiħa u jikkunsidraw kif xieraq il-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet rilevanti u mal-partijiet ikkonċernat fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fl-attività leġiżlattiva dwar il-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, dwar il-liġijiet dwar il-korruzzjoni, dwar il-liġijiet dwar l-integrità (inkompatibbiltajiet, kunflitti ta’ interess, ġid mhux ġustifikat), dwar il-liġijiet ta’ ġustizzja (marbuta mal-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja) u dwar il-Kodiċi Ċivili u l-Kodiċi ta’ Proċeduri Ċivili, filwaqt li jispiraw ruħhom mit-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet stabbiliti mill-Gvern fl-2016.
Il-konsistenza tad-deċiżjonijiet tal-qorti
Fl-2016, il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja kompliet tipprovdi soluzzjonijiet għall-inkonsistenzi tad-deċiżjonijiet tal-qorti permezz ta’ mekkaniżmi legali ta’ appell fl-interess tal-liġi u tad-domandi preliminari. L-attitudni tal-imħallfin bl-anzjanità inbidlet ukoll, b’konsiderazzjoni aħjar tal-ħtieġa li jqisu d-deċiżjonijiet ta’ qrati oħrajn f’każijiet simili. L-amministrazzjoni ġudizzjarja u l-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura se jeħtiġilhom li jkomplu jippromwovu l-konsistenza fil-liġi u fil-prattika u jkomplu jiżviluppaw għodod biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi bħala segwitu tal-ġurisprudenza mill-amministrazzjoni pubblika u l-ammont eċċessiv ta’ xogħol tal-qrati li qed ikomplu jħallu impatt fuq il-konsistenza ta’ deċiżjonijiet tal-qorti. Ostakli ulterjuri għall-konsistenza tad-deċiżjonijiet tal-qorti huma pjuttost relatati ma’ kwistjonijiet usa’ rigward il-proċess leġiżlattiv.
Rispett għad-deċiżjonijiet tal-qrati.
Ir-rispett u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti huma parti integrali mill-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja kif stipulat fil-Parametru Referenzjarju Wieħed. 15 Nuqqas jew dewmien fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-qorti mill-amministrazzjoni jdgħajjef il-fiduċja fil-ġustizzja u jaħli l-ħin u r-riżorsi f’kawżi jew appelli dwar deċiżjonijiet ripetittivi 16 .
Rakkomandazzjoni: Jinħtieġ li l-Gvern jimplimenta Pjan ta’ Azzjoni xieraq biex jindirizza l-kwistjoni tal- implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti u tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-qrati mill-amministrazzjoni pubblika, inkluż mekkaniżmu li jipprovdi statistika preċiża biex jippermetti monitoraġġ futur. Jinħtieġ li jiżviluppa wkoll sistema interna ta’ monitoraġġ li tinvolvi l-KSM u l-Qorti tal-Awdituri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Pjan ta’ Azzjoni.
Ir-riformi strutturali
Il-Pjan ta’ Azzjoni komprensiv, adottat fl-2016 17 li jistabbilixxi passi ta’ riforma strutturali li għandhom jittieħdu sal-2020 li għaddej bħalissa għandu jġib benefiċċji kbar għall-utenti tas-sistema ġudizzjarja, u kollox ma’ kollox għandu jtejjeb il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema. Madankollu, barra li jindirizza l-ostakli strutturali għal bilanċ effettiv fil-volum tax-xogħol, il-pjan ta’ azzjoni jeħtieġ li jkun implimentat bis-sħiħ biex l-utenti finali tas-sistema ġudizzjarja jesperjenzaw proċediment ġudizzjarju effettiv. L-utenti tas-sistema tal-qorti jibbenefikaw ukoll fl-effiċjenza jekk il-motivazzjonijiet jinħarġu fl-istess waqt meta tittieħed deċiżjoni.
Rakkomandazzjoni: Jinħtieġ li l-Ġestjoni Ġudizzjarja Strateġika, jiġifieri l-Ministru tal-Ġustizzja, il-KSM, il-QGħKĠ u l-Prosekutur Ġenerali jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kif adottat u jdaħħlu fis-seħħ rapportar pubbliku komuni u regolari dwar l-implimentazzjoni tagħha, inklużi soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet ta’ skarsezza ta’ skrivani tal-qorti, volum ta’ xogħol eċċessiv u dewmien fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet.
It-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura
Fl-2014, ir-rapport tal-MKV innota li l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (KSM) jista’ jieħu rwol aktar proattiv sabiex tiżdied il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja. Ir-rapport tal-2016 enfasizza l-importanza li għandha l-ħatra tal-KSM fuq il-momentum tar-riforma, biex jartikola filosofija kollettiva ċara msejsa fuq programm ġdid u tieħu miżuri biex tiżdied it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont.
Rakkomandazzjoni: Jinħtieġ li l-KSM il-ġdid iħejji programm kollettiv għall-mandat tiegħu, inklużi miżuri li jippromwovu t-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont. Jinħtieġ li dan jinkludi strateġija dwar il-komunikazzjoni, b’laqgħat miftuħa regolari ma’ assemblej tal-imħallfin u tal-prosekuturi f’kull livell, kif ukoll mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet professjonali, u t-twaqqif ta’ rapport annwali li għandu jiġi diskuss b’mod ġenerali fl-assemblej ġenerali tal-qrati u tal-prosekuturi.
3.3. L-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità u l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità
Jinħtieġ li l-integrità tkun prinċipju ta' gwida fil-ħajja pubblika, u l-qafas legali u l-istituzzjonijiet ta' integrità jkunu mfassla biex iġibu 'l quddiem dan l-għan. L-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità (ANI) issa tista’ titqies bħala istituzzjoni stabbilita, b’rekord konsistenti. Huwa importanti li jkomplu jinżammu r-riżultati tal-ANI u li titjieb aktar l-aċċettazzjoni pubblika tar-regoli dwar l-inkompatibilità, u li ssir enfasi fuq il-prevenzjoni eqreb lejn ras l-għajn. Is-sistema PREVENT tal-verifiki ex ante dwar l-akkwist pubbliku hija għodda ġdida importanti, li l-ANI u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Akkwist Pubbliku jeħtieġ li jibdew iħaddmu fl-2017. Kien hemm ukoll progress sostanzjali fis-segwitu tar-rapporti tal-ANI, imma l-proċedimenti tal-qrati jibqgħu twal ħafna u għad hemm eċċezzjonijiet fl-applikazzjonijiet tas-sanzjonijiet.
Il-qafas legali għall-integrità għadu qed jiffaċċja sfida. Hija ħasra li ma jidhirx li huwa possibbli fil-preżent li tiġi kkonsolidata s-sostenibbiltà fuq medda twila ta’ żmien tal-qafas tal-integrità permezz ta’ kodifikazzjoni unika.
Rakkomandazzjoni: Tiżgura t-tħaddim tas-sistema PREVENT. Jinħtieġ li l-Aġenzija Nazzjonali għall-Integrità u l-Kunsill Nazzjonali tal-Aġenzija għall-Akkwist pubbliku jistabbilixxu rapportar dwar il-verifiki ex ante tal-proċeduri ta’ akkwist pubbliku u tas-segwitu tagħhom, inklużi verifiki ex post, kif ukoll dwar każijiet ta’ kunflitt ta’ interess jew ta’ korruzzjoni li ġew skoperti, u l-organizzazzjoni ta’ dibattiti pubbliċi sabiex il-gvern, l-awtoritajiet lokali, il-ġudikatura u s-soċjetà ċivili jkunu mistiedna li jwieġbu.
Jinħtieġ li l-ANI tkompli tirrapporta dwar is-segwitu tar-rapporti tal-ANI fil-qrati u dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet finali; u dwar il-miżuri meħuda għall-prevenzjoni u l-edukazzjoni fil-qasam ta’ integrità.
Rakkomandazzjoni: Jinħtieġ li l-Parlament ikun trasparenti ffit-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tas-segwitu għal deċiżjonijiet finali u irrevokabbli dwar inkompatibilitajiet, kunflitt ta’ interess u ġid mhux ġustifikat kontra l-membri tiegħu.
3.4 Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni
L-indirizzar tal-korruzzjoni f'Livell Għoli
Id-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni (DNA) u l-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja (QGħKĠ) stabbilixxew rekord impressjonanti fir-rigward tas-soluzzjonijiet ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli u medju. Iż-żamma tal-isforz tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji li qegħdin jindirizzaw il-korruzzjoni fil-livelli għolja tibqa' l-iktar sinjal importanti li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni qiegħda tiġi konsolidata. Id-DNA kien ukoll xi ħaġa ta’ eżempju f’termini ta’ rapportar, li juri grad għoli ta’ ftuħ u rieda biex li janalizza. B’mod partikolari, il-fatt li każijiet ta’ korruzzjoni jirrepetu ruħhom jiġbed l-attenzjoni għal nuqqasijiet fil-proċess ta’ lezzjonijiet meħuda u l-egħluq ta’ lakuni fl-istituzzjonijiet pubbliċi. Il-attakki b’saħħithom mill-midja u politiċi fuq maġistrati u fuq is-sistema tal-ġustizzja jibqgħu wkoll theddida serja għall-irreversibbiltà tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Il-liġijiet dwar il-korruzzjoni għandhom jiġu applikati l-istess għal kulħadd u fuq kull livell. Id-diskussjonijiet fil-Parlament dwar kriterji oġġettivi li jiġġustifikaw rifjut biex jitneħħew l-immunitajiet ma wasslux għal bidla bħal fir-rakkomandazzjonijiet tal-MKV preċedenti.
Huwa ovvju li emendi legali li għandhom l-effett li jdgħajfu jew inaqqsu l-ambitu tal-korruzzjoni bħala reat, jew li jirrappreżentaw sfida kbira għall-indipendenza jew l-effettività tad-DNA, jinvolvu reviżjoni tal-progress li jkun sar 18 .
Rakkomandazzjoni: Tadotta kriterji oġġettivi biex tiddeċiedi dwar u timmotiva t-tneħħija tal-immunità tal-Membri tal-Parlament u biex tgħin ħalli jkun żgurat li l-immunità ma tintużax biex tiġi evitata l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati ta' korruzzjoni. Il-Gvern jista’ wkoll jikkunsidra li jimmodifika l-liġi biex tiġi limitata l-immunità tal-ministri għaż-żmien fil-kariga. Dawn il-passi jistgħu jiġu megħjuna mill-Kummissjoni ta’ Venezja u mill-GRECO 19 . Jinħtieġ li l-Parlament jistabbilixxi sistema biex jirrapporta b’mod regolari dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kmamar dwar talbiet għat-tneħħija tal-immunitajiet u jista’ jorganizza dibattitu pubbliku sabiex il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jirreaġixxu.
L-indirizzar tal-Korruzzjoni fil-livelli kollha
Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni għadha dgħajfa u għadha ma ġietx stabbilita bħala obbligu prinċipali tal-amministrazzjoni pubblika. L-Istrateġija Nazzjonali l-ġdida Kontra l-Korruzzjoni (National Anti-corruption Strategy — NAS) ippreżentata mill-Gvern f’Awwissu 2016 għandha l-potenzjal li tkun politika effettiva għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni jekk tkun implimentata kif xieraq u segwita fuq il-post, inkluż fil-livell lokali. Il-fondi tal-UE jista' wkoll ikollhom rwol ewlieni fl-appoġġ ta’ din il-ħidma. L-azzjonijiet li ġejjin li huma previsti fin-NAS jidhru li huma ta’ importanza partikolari, u l-iskadenzi li għandhom jinħtieġ li jiġu osservati:
L-istituzzjonijiet kollha se jadottaw pjanijiet ta’ integrità u japplikaw il-passi ppjanati f’termini ta’ trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-allokazzjoni tal-baġit, u l-aċċess għall-informazzjoni.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja se jwaqqaf indikaturi statistiċi rilevanti biex jipprovdu sitwazzjoni ta’ referenza, u warajhom se jwaqqaf statistika dwar inċidenti ta’ integrità, perċezzjonijiet ta’ korruzzjoni jew l-ogħti ta’ tixħim.
Il-qafas legali għal konsulenti tal-etika se jissaħħaħ, kemm f’termini ta’ mandat kif ukoll f’termini ta’ riżorsi.
L-indiċi ta’ integrità se jinħoloq għall-amministrazzjoni lokali, biex ikejjel indikaturi ewlenin li jippermettu t-tqabbil.
L-Aġenzija Nazzjonali għall-Amministrazzjoni ta’ Assi Maqbuda twaqqfet u issa trid turi li tista’ tiffunzjona b’mod xieraq, tipprovdi dejta trasparenti dwar il-konfiska ta’ assi kriminali u eventwalment iżżid il-proporzjon ta’ assi effettivament irkuprati.
Il-prevenzjoni ta’ konflitti ta’ interess, frodi u korruzzjoni fl-akkwist pubbliku jibqgħu sfida serja. Il-passi definiti fl-2016 għat-tisħiħ tas-sistemi ta’ kontroll intern fl-awtoritajiet kontraenti u tas-sistema tal-IT għall-verifiki ex ante aleatorji u bbażati fuq ir-riskju mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Akkwist Pubbliku huma promettenti, iżda għadhom qed jiġu żviluppati. Aktar taħriġ u speċjalizzazzjoni tal-imħallfin fl-akkwist pubbliku se jkunu importanti wkoll.
Rakkomandazzjoni: Tkompli timplimenta l-Istrateġija Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni, waqt li tirrispetta d-dati ta’ skadenza stabbiliti mill-Gvern f’Awwissu tal-2016. Jinħtieġ li l-Ministru tal-Ġustizzja jistabbilixxi sistema ta’ rapportar dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni (inkluża statistika dwar inċidenti ta’ integrità fl-amministrazzjoni pubblika, dettalji ta’ proċeduri dixxiplinari u sanzjonijiet u informazzjoni dwar il-miżuri strutturali applikati f’żoni vulnerabbli).
Rakkomandazzjoni: Tiżgura li l-Aġenzija Nazzjonali għall-Ġestjoni ta’ Assi Maqbuda hija operazzjonali b’mod sħiħ u effettiv biex tkun tista’ toħroġ l-ewwel rapport annwali b’informazzjoni statistika kredibbli dwar il-konfiska ta’ assi kriminali. Jinħtieġ li l-Aġenzija tistabbilixxi sistema biex tirrapporta regolarment dwar l-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva, ir-riżultati fil-konfiska u l-ġestjoni tal-assi kriminali.
4. KONKLUŻJONI
Ir-rapporti tal-Kummissjoni tal-MKV tal-2014, l-2015 u l-2016 setgħu juru xejra pożittiva u rekord li juri progress qawwi u irreversibbiltà dejjem tikber tar-riformi fil-MKV. Din ix-xejra pożittiva kienet ikkonfermata fl-2016 b’rekord kontinwu għall-istituzzjonijiet ġudizzjarji fi żmien ta’ bidla fit-tmexxija u impetu qawwi mill-gvern biex issaħħaħ il-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Il-perspettiva ta’ 10 snin tal-iżviluppi taħt il-MKV turi wkoll li, minkejja xi perjodi meta r-riforma tilfet il-momentum u kienet iddubitata, ir-Rumanija għamlet progress importanti lejn il-parametri referenzjarji tal-MKV.
Fl-istess ħin, għadd ta’ kwistjonijiet ewlenin li diġà ġew identifikati f’rapporti preċedenti baqgħu pendenti, u għalhekk dan ir-rapport ma jistax jikkonkludi li f’dan l-istadju l-parametri referenzjarji huma ssodisfati b’mod sodisfaċenti. Madankollu dan ir-rapport jista’ jidentifika għadd limitat ta’ rakkomandazzjonijiet prinċipali li jwasslu lejn l-għeluq proviżorju ta’ parametri referenzjarji individwali, u mbagħad għall-konklużjoni tal-proċess tal-MKV. Il-biċċa l-kbira tagħhom iffokaw fuq ir-responsabbiltà u l-obbligu ta’ rendikont meħtieġa mill-awtoritajiet Rumeni u s-salvagwardji interni meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-irreversabilità tar-riżultati. Dan se jkun appoġġat ukoll bl-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ rapportar u tal-obbligu ta’ rendikont li għandhom ikomplu ladarba jintemm il-MKV. Il-Kummissjoni tqis li l-objettivi tal-MKV jistgħu jinkisbu billi jkunu segwiti r-rakkomandazzjonijiet stipulati f’dan ir-rapport. Il-ħeffa tal-proċess se tiddependi fuq kemm trid żmien ir-Rumanija biex tkun tista’ twettaqhom b’mod irreversibbli, u li tevita passi negattivi li jitfgħu dubju fuq il-progress li sar s’issa.
Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lir-Rumanija biex tieħu azzjoni biex tissodisfa r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-progress li sar lejn tmiem l-2017.
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri, is-17 ta’ Ottubru 2006 (13339/06); Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta' riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-13 ta' Diċembru 2006 (C (2006) 6569 finali)
F’Marzu 2016, il-Kunsill ikkonkluda li, “Filwaqt li tibni fuq il-progress sostanzjali li diġà sar, il-Kunsill iħeġġeġ lir-Rumanija biex tiffoka l-isforzi tagħha biex tkompli tikkonsolida l-progress li sar, u biex issostni l-momentum pożittiv attwali billi tindirizza r-rakkomandazzjonijiet kollha mogħtija mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha” (http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7118-2016-INIT/mt/pdf).
Ewrobarometru Flash 445. Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika għall-Bulgarija u għarr-Rumanija, ippubblikat fil-25 ta’ Jannar 2017
SWD(2017) 25.
It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2016 (COM 2016) 199 final, graffs 48, 44 u 46. Stħarriġ ta’ April tal-2016 juri 60 % għandhom fiduċja għolja jew għolja ħafna fid-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni http://www.inscop.ro/wp-content/uploads/2016/04/INSCOP-raport-martie-2016-INCREDERE-INSTITUTII.pdf
Ir-Rapport Tekniku Taqsima 2.2
L-abbozzi kkonsultati jissuġġerixxu modifiki tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reati ta’ korruzzjoni, ta’ abbuż tal-uffiċċju u ta’ kunflitt ta’ interess, u li l-liġi tal-grazzja tapplika wkoll għall-persuni kkundannati għal ċerti reati ta’ korruzzjoni
Eżempju ta’ każ repetittiv fl-2016 kienu każijiet tal-VAT u tat-taxxa ambjentali kemm jekk il-livell nazzjonali u wkoll dak Ewropew (QEĠ) kienu diġà taw sentenzi ċari, iżda fejn l-amministrazzjoni kompliet tressaq każijiet 'il quddiem.
Săcăleanu (group) 73970/01: Nuqqas jew dewmien sinifikanti tal-amministrazzjoni jew ta’ persuni ġuridiċi taħt ir-responsabbiltà tal-Istat li jimxu mad-deċiżjonijiet finali tal-qrati domestiċi. Pjan ta’ azzjoni mill-awtoritajiet RO ġie trażmess lill-Kunsill tal-Ewropa f’Diċembru 2016. https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectId=09000016806d8adb .
Ir-rapporti tal-MKV tal-2014, tal-2015, tal-2016. Ir-riżenja saret wara l-bidu ta’ investigazzjoni kriminali f’attività li ppreċediet il-mandat tal-President fl-Aġenzija.
Fil-bidu ta’ Jannar tal-2017, l-Ombudsman ippreżenta oġġezzjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi li jgħidu li persuni kkundannati għall-korruzzjoni ma jistgħux ikunu membri tal-Gvern.
Ewrobarometru Flash 428. Businesses’ attitudes towards corruption in the EU , available at http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/PublicOpinion/index.cfm/Survey/getSurveyDetail/instruments/FLASH/surveyKy/2084 ;
Ewrobarometru Flash 445. Il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika għall-Bulgarija u għarr-Rumanija, ippubblikat fil-25 ta’ Jannar 2017
Iż-żewġ abbozzi ta’ ordinanzi ta’ emerġenza ppreżentati għall-konsultazzjoni mill-Gvern fit-18 ta’ Jannar 2017 jistgħu jaffettwaw il-qafas legali għall-korruzzjoni u r-riżultati tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Guide on Article 6 of the European Convention on Human Rights – Right to a fair trial (civil limb), http://www.echr.coe.int/Documents/Guide_Art_6_ENG.pdf
Eżempju ta’ każ repetittiv fl-2016 kienu każijiet tal-VAT u tat-taxxa ambjentali kemm jekk il-livell nazzjonali u wkoll dak Ewropew (QEĠ) kienu diġà taw sentenzi ċari, iżda fejn l-amministrazzjoni kompliet tressaq każijiet 'il quddiem.
Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Iżvilupp tal-Ġudikatura 2015-2020 ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 282/2016
Kull verżjoni finalment adottata taż-żewġ abbozzi ta’ ordinanzi ta’ emerġenza ppreżentata għall-konsultazzjoni mill-Gvern fit-18 ta’ Jannar 2017 tkun tinħtieġ li tkun ikkunsidrata fid-dawl ta’ dan.
Il-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) ġie stabbilit fl-1999 mill-Kunsill tal-Ewropa biex jimmonitorja l-konformità mal-istandards tal-organizzazzjoni kontra l-korruzzjoni.