IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.1.2017
COM(2017) 41 final
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
Ir-raba' rapport ta' progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.1.2017
COM(2017) 41 final
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
Ir-raba' rapport ta' progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina
I. INTRODUZZJONI
Dan huwa r-raba’ rapport ta’ kull xahar dwar il-progress li sar biex tinbena Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina u jkopri l-iżviluppi fiż-żewġ pilastri ewlenin: l-indirizzar tat-terroriżmu u tal-kriminalità organizzata u l-mezzi li jappoġġawhom; u t-tisħiħ tad-difiżi tagħna u l-bini ta’ reżiljenza kontra dan it-theddid. Dan ir-rapport jiffoka fuq erba’ oqsma ewlenin, is-sistemi tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà, il-protezzjoni ta’ miri faċli, it-theddida ċibernetika u l-protezzjoni tad-dejta fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali.
L-attakk tas-suq tal-Milied ta’ Diċembru f’Berlin għal darba oħra ġibed l-attenzjoni għal dgħufijiet serji fis-sistemi tal-informazzjoni tagħna li għandhom bżonn jiġu indirizzati b’mod urġenti, b’mod partikolari fil-livell tal-UE, sabiex l-awtoritajiet nazzjonali tal-fruntiera u tal-infurzar tal-liġi fuq il-post ikunu jistgħu jiġu megħjuna jwettqu l-ħidma diffiċli tagħhom b’mod aktar effettiv. Il-fatt li s-sistemi ta’ informazzjoni differenti mhumiex interkonnessi - li jippermetti lill-aggressuri sabiex jużaw identitajiet multipli sabiex jiċċaqilqu mingħajr ma jinqabdu, inkluż meta jaqsmu l-fruntieri - u l-fatt li dik l-informazzjoni ma tittellax b’mod sistematiku mill-Istati Membri fil-bażijiet tad-dejta rilevanti tal-UE huma nuqqasijiet prattiċi fl-implimentazzjoni li jenħtieġ li jiġu rrimedjati b’urġenza. Minbarra dan, f’dak li jirrigwarda l-miżuri għall-infurzar tal-liġi fuq il-fruntieri u r-ritorn ta’ persuni li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-ażil ġew miċħuda, huwa wkoll meħtieġ aktar xogħol 1 .
F’termini ta’ protezzjoni ta’ miri faċli, il-Kummissjoni se taċċellera l-ħidma li qed tagħmel sabiex iġġib flimkien esperti mill-Istati Membri biex jiskambjaw l-aħjar prattika u jiftiehmu dwar linji gwida standard.
It-theddida ċibernetika li l-UE qed tiffaċċa qiegħda tingħata kopertura estensiva fil-midja u dan ir-rapport iħares lejn diversi aspetti ta’ ħidma f’dan il-qasam li jinsabu diġà għaddejjin. Dan ikopri kemm il-lat tal-prevenzjoni – permezz tal-ħidma mal-industrija għall-promozzjoni tas-sigurtà sa mit-tfassil u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni – u t-trawwim ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma’ organizzazzjonijiet u msieħba internazzjonali dwar l-indrizzar ta’ attakki ċibernetiċi hekk kif iseħħu. Matul ix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u Politika tas-Sigurtà se jidentifikaw l-azzjonijiet meħtieġa biex jipprovdu rispons effettiv madwar l-UE kollha għal dan it-theddid, u jibnu fuq l-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà tal-UE tal-2013.
Il-ħarsien tal-privatezza u tad-dejta personali tal-individwi huwa dritt fundamentali ewlieni u għalhekk element fundamentali f’kull azzjoni lejn Unjoni tas-Sigurtà ġenwina. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-pulizija u l-qasam tal-ġustizzja kriminali adottata f’April 2016 tiżgura livell għoli komuni ta’ protezzjoni tad-dejta u għaldaqstant se tiffaċilita l-iskambju bla xkiel tad-dejta rilevanti bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni nediet ukoll reviżjoni tad-Direttiva ePrivacy bħala parti mill-Pakkett tad-Dejta tagħha sabiex testendi l-kopertura tad-Direttiva biex tinkludi l-fornituri kollha tal-komunikazzjoni elettronika u ġġib id-dispożizzjonijiet tagħha f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta. Din il-proposta hija mfassla biex tiżgura l-privatezza tal-komunikazzjoni elettronika filwaqt li tistabbilixxi wkoll ir-raġunijiet għaliex jistgħu jkunu previsti restrizzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Privatezza Elettronika, inkluż għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ investigazzjonijiet kriminali.
II. INSAĦĦU S-SISTEMI TAL-INFORMAZZJONI U L-INTEROPERABBILTÀ
Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker f’Settembru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2016 jirreferu għall-importanza li jingħelbu n-nuqqasijiet attwali fil-ġestjoni tal-informazzjoni u li jittejbu l-interoperabbiltà u l-interkonnessjoni bejn is-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti. Żviluppi riċenti reġgħu enfasizzaw il-ħtieġa urġenti biex il-bażijiet tad-dejta eżistenti tal-UE jiġu marbuta flimkien, mhux l-inqas biex jagħtu lill-forzi tal-infurzar tal-fruntieri u tal-liġi fuq il-post l-għodod meħtieġa biex jidentifikaw il-frodi tal-identità. Pereżempju, min wettaq l-attakk terroristiku ta’ Diċembru 2016 f’Berlin uża mill-inqas 14-il identità differenti u rnexxielu jaqsam minn Stat Membru għal ieħor mingħajr ma jinqabad. Hemm ħtieġa ċara li s-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti u futuri tal-UE jkun jista’ jsir tiftix fihom simultanjament permezz tal-użu ta’ identifikaturi bijometriċi biex tingħalaq din it-triq għat-terroristi u l-kriminali.
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nediet il-ħidma f’April 2016 bil-proposti tagħha għal “sistemi ta’ informazzjoni aktar b’saħħithom u aktar intelliġenti għall-fruntieri u għas-sigurtà” 2 . Dawn identifikaw nuqqasijiet fil-funzjonalitajiet tas-sistemi eżistenti, nuqqasijiet fl-arkitettura tal-UE tal-ġestjoni tad-dejta, problemi bix-xenarju kumpless ta’ sistemi ta’ informazzjoni mmexxija b’modi differenti u frammentazzjoni ġenerali kkawżata mill-fatt li s-sistemi eżistenti kienu mfassla individwalment minflok biex jaħdmu flimkien. Bħala parti minn dan il-proċess, il-Kummissjoni nediet il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u Interoperabbiltà mal-Aġenziji tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti. Fil-21 ta’ Diċembru 2016 3 rapport taċ-Chairman ippreżenta s-sejbiet provviżorji tal-grupp li jinkludu l-għażla ta’ prijorità li jinħoloq Portal Uniku tat-Tiftix biex jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u tal-fruntieri biex ifittxu b’mod simultanju fil-bażijiet tad-dejta u fis-sistemi tal-informazzjoni eżistenti tal-UE. Ir-rapport interim jenfasizza wkoll l-importanza tal-kwalità tad-dejta - peress li s-sistemi ta’ informazzjoni huma effettivi biss daqs il-kwalità u l-format tad-dejta mdaħħla fihom - u jagħmel rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb il-kwalità tad-dejta fis-sistemi tal-UE permezz ta’ kontroll tal-kwalità awtomatizzat tad-dejta.
Il-Kummissjoni se tagħmel segwitu malajr dwar l-għażla biex jinħoloq Portal Uniku tat-Tiftix u, flimkien mal-aġenzija tal-UE għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira, eu-LISA, se tibda l-ħidma tagħha fuq portal kapaċi li jfittex b’mod parallel is-sistemi eżistenti tal-UE rilevanti kollha. Studju relatat għandu jkun lest sa Ġunju, bħala bażi għat-tfassil u l-ittestjar ta’ prototip tal-portal qabel tmiem is-sena. Il-Kummissjoni tqis li b’mod parallel il-Europol għandu jkompli l-ħidma tiegħu fuq interfaċċa tas-sistema li tippermetti lill-uffiċjali ta’ fuq il-post tal-Istati Membri sabiex jikkonsultaw awtomatikament il-bażijiet ta’ dejta tal-Europol meta jkunu qed jikkonsultaw is-sistemi nazzjonali tagħhom.
Il-ħidma lejn l-interoperabilità tas-sistemi tal-informazzjoni għandha l-għan li tegħleb il-frammentazzjoni attwali fl-arkitettura tal-UE tal-ġestjoni tad-dejta għall-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà u l-punti inviżibbli relatati. Meta l-bażijiet tad-dejta jużaw repożitorju komuni ta’ bażijiet ta’ dejta ta’ identità - kif previst għas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ tal-UE proposta u s-Sistema ta’ Informazzjoni u Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar Ewropea (ETIAS) proposta - persuna tista’ tiġi rreġistrata b’identità waħda biss fil-bażijiet tad-dejta differenti, li jimpedixxi l-użu ta’ identitajiet foloz differenti. Bħala l-ewwel pass kif issuġġerit fis-sejbiet interim tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli, il-Kummissjoni talbet lil eu-LISA biex tanalizza l-aspetti tekniċi u operazzjonali tal-implimentazzjoni ta’ servizz kondiviż ta’ tqabbil bijometriku. Dan is-servizz jippermetti tfittxijiet f’diversi bażijiet tad-dejta b’dejta bijometrika, li jista’ jikxef identitajiet foloz użati mill-persuna kkonċernata f’sistema oħra. Minbarra dan, il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli issa għandu jivvaluta jekk huwiex neċessarju, teknikament fattibbli u proporzjonali li jiġi estiż għal sistemi oħra r-repożitorju komuni tal-identità maħsub għas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u l-ETIAS. Minbarra d-dejta bijometrika maħżuna fis-servizz ta’ tqabbil bijometriku, dan ir-repożitorju komuni tal-identità jkun jinkludi wkoll dejta ta’ identifikazzjoni alfanumerika. Il-Grupp huwa mistenni jippreżenta s-sejbiet tiegħu dwar dan fir-rapport finali tiegħu sa tmiem April 2017.
Żviluppi reċenti tas-sigurtà jenfasizzaw il-ħtieġa li terġa’ tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ qsim ta’ dejta obbligatorju bejn l-Istati Membri. Il-proposta tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2016 biex tissaħħaħ is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tipprevedi - għall-ewwel darba - obbligu għall-Istati Membri li joħorġu twissijiet dwar persuni relatati ma’ reati terroristiċi. Huwa importanti li l-koleġiżlaturi issa jaħdmu għall-adozzjoni rapida tal-miżuri proposti. Il-Kummissjoni tinsab lesta li teżamina jekk obbligu mandatorju għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni għandux jiġi introdott għal bażijiet tad-dejta oħra tal-UE.
III. INĦARSU L-MIRI FAĊLI TAGĦNA MILL-ATTAKKI TERRORISTIĊI
L-attakk ta’ Berlin kien l-iktar wieħed reċenti fl-UE li kien dirett lejn hekk imsejħa miri faċli, li tipikament huma siti ċivili fejn in-nies jinġabru f’numri kbar (pereżempju spazji pubbliċi, sptarijiet, skejjel, areni tal-isports, ċentri kulturali, kafès u ristoranti, ċentri kummerċjali u ċentri tat-trasport). Min-natura tagħhom stess, dawn il-postijiet huma vulnerabbli u diffiċli biex tipproteġihom u huma wkoll ikkaratterizzati mill-probabbiltà ta’ numru kbir ta’ mwiet u korrimenti f’każ ta’ attakk. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, huma ppreferuti mit-terroristi. It-theddida ta’ attakki futuri kontra miri faċli inkluż it-trasport għadha għolja, kif ikkonfermat mill-valutazzjonijiet disponibbli, inkluż ir-rapport tal-Europol dwar il-modus operandi tad-Daesh 4 .
L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà tal-2015 u l-Komunikazzjoni tal-2016 dwar l-Unjoni tas-Sigurtà enfasizzat il-ħtieġa għal aktar ħidma biex titjieb is-sigurtà u l-użu ta’ għodod u teknoloġija ta’ detezzjoni innovattivi fil-protezzjoni ta’ miri faċli. Il-Kummissjoni ħadmet biex tappoġġa u tinkoraġġixxi l-qsim tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ għodod aħjar biex jevitaw attakki fuq miri faċli u jirrispondu għalihom. Dan ix-xogħol ipproduċa manwali operazzjonali u materjal ta’ gwida. Bħalissa, il-Kummissjoni qed tiżviluppa, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-esperti tal-Istati Membri, manwal komprensiv dwar proċeduri ta’ sigurtà u templates applikabbli għal tipi differenti ta’ miri faċli (pereżempju, ċentri kummerċjali, sptarijiet u avvenimenti sportivi u kulturali). L-għan huwa li jinħarġu linji gwida għall-Istati Membri dwar il-protezzjoni ta’ miri faċli fil-bidu tal-2017 abbażi tal-aħjar prattiki fl-Istati Membri.
B’mod parallel, il-Kummissjoni se tlaqqa’ fi Frar l-ewwel sessjoni ta’ ħidma mal-awtoritajiet nazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Miri Faċli, bil-għan li tiġi skambjata informazzjoni u jiġu żviluppati l-aħjar prattiki dwar il-kwistjoni kumplessa tal-protezzjoni ta’ miri faċli u s-sikurezza u s-sigurtà pubbliċi. Il-Kummissjoni qed tiffinanzja wkoll proġett pilota mill-Belġju, in-Netherlands, u l-Lussemburgu taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna sabiex jiġi stabbilit Ċentru ta’ Eċċellenza reġjonali għall-interventi speċjali tal-infurzar tal-liġi li se joffri taħriġ għal uffiċjali tal-Pulizija li ta’ spiss ikunu l-Ewwel Nies li Jintervjenu f’każ ta’ attakk.
Ir-rispons għal attakki fuq miri faċli huwa komponent ewlieni tal-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni ċivili. F’Diċembru, il-Kummissjoni ħabbret l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu mal-Istati Membri sabiex tħares liċ-ċittadini tal-UE u tnaqqas il-vulnerabbiltajiet immedjatament wara attakki terroristiċi. Dawn l-azzjonijiet se jsaħħu l-koordinazzjoni bejn l-atturi kollha involuti fil-ġestjoni tal-konsegwenzi tal-attakki u l-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri billi tiffaċilita taħriġ u eżerċizzji konġunti u billi tiżgura li jkun hemm djalogu sostnut permezz ta’ punti fokali u gruppi ta’ esperti eżistenti. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ moduli speċjalizzati għar-reazzjonijiet għal attakki terroristiċi fil-qafas tal-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni u inizjattivi għall-qsim tat-tagħlimiet meħuda u għas-sensibilizzazzjoni pubblika.
Flimkien mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tesplora wkoll liema appoġġ tal-UE jista’ jiġi mobilizzat biex jgħin biex tinbena r-reżiljenza u tissaħħaħ is-sigurtà madwar il-miri faċli potenzjali. L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw għal finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) (inkluż il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi) f’konformità mal-politiki tal-UE u tal-Grupp tal-BEI. Kull proġett għandu jkun suġġett għall-proċeduri normali għat-teħid tad-deċiżjonijiet kif stabbilit fil-leġiżlazzjoni.
Fir-rigward tal-miri faċli speċifiċi fir-rigward ta’ żoni pubbliċi tat-trasport, bħall-partijiet pubbliċi tal-ajruporti jew l-istazzjonijiet ferrovjarji, is-sessjoni ta’ ħidma ddedikata tal-Kummissjoni f’Novembru 2016 ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati ġibdet l-attenzjoni għall-ħtieġa li jinżamm il-bilanċ bejn il-bżonnijiet tas-sigurtà, il-konvenjenza tal-passiġġieri u l-operazzjonijiet tat-trasport. Il-konklużjonijiet jissottolinjaw l-importanza tal-bini ta’ kultura tas-sigurtà li tkopri mhux biss il-persunal iżda wkoll il-passiġġieri, l-importanza ta’ valutazzjonijiet tar-riskji lokali bħala bażi għad-definizzjoni ta’ kontromiżuri xierqa u l-ħtieġa li tittejjeb il-komunikazzjoni bejn il-partijiet kollha involuti.
IV. NIFFAĊĊAW L-ISFIDI TAT-THEDDID ĊIBERNETIKU
Iċ-ċiberkriminalità u l-attakki ċibernetiċi huma sfidi ewlenin li qed tiffaċċa l-Unjoni u huma sfidi fejn azzjoni fil-livell tal-UE tista’ tgħin biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva tagħna. Kuljum, inċidenti taċ-ċibersigurtà jagħmlu ħsara serja lill-ħajjiet tan-nies u joħolqu ħsara ekonomika kbira għall-ekonomija Ewropea u għan-negozji Ewropej. L-attakki ċibernetiċi huma komponent ewlieni tat-theddid ibridu - meta jkunu ppjanati biex iseħħu preċiż fl-istess mument ma’ theddid fiżiku, pereżempju flimkien mat-terroriżmu, jista’ jkollhom impatt devastanti. Jistgħu wkoll jikkontribwixxu biex jiddestabbilizzaw pajjiż jew jisfidaw l-istituzzjonijiet politiċi u l-proċessi demokratiċi fundamentali tiegħu. Hekk kif qed niddependu dejjem aktar fuq it-teknoloġiji onlajn, l-infrastrutturi kritiċi tagħna (minn sptarijiet sa impjanti tal-enerġija nukleari) se jsiru dejjem aktar vulnerabbli.
L-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE mill-2013 tifforma parti mir-rispons ta’ politika ewlieni dwar l-isfidi taċ-ċibersigurtà. L-azzjoni ċentrali hija d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS) 5 , adottata f’Lulju li għadda. Hija tistabbilixxi l-bażi għal kooperazzjoni u reżiljenza ċibernetika mtejba fil-livell tal-UE permezz ta’ appoġġ għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-promozzjoni ta’ kooperazzjoni operazzjonali f’inċidenti taċ-ċibersigurtà speċifiċi u l-qsim tal-informazzjoni dwar ir-riskji. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti f’setturi differenti u bejn il-fruntieri, il-Kummissjoni se torganizza l-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS mal-Istati Membri fi Frar.
F’April 2016, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-UE adottaw Qafas Konġunt dwar il-Ġlieda kontra Theddid Ibridu 6 li ppropona 22 azzjoni operazzjonali mmirati għas-sensibilizzazzjoni, għall-bini tar-reżiljenza, għal rispons aħjar għall-kriżijiet u għal tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO. Kif mitluba jagħmlu mill-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jipprovdu rapport sa Lulju 2017 biex jivvalutaw il-progress.
Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tippromwovi u tappoġġa l-innovazzjoni teknoloġika, inkluż permezz tal-użu tal-fondi tal-UE għar-riċerka sabiex jiġu xprunati soluzzjonijiet ġodda u jinħolqu teknoloġiji ġodda li jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħna kontra l-attakki ċibernetiċi (pereżempju proġetti ta’ “sigurtà sa mit-tfassil”). Is-sajf li għadda nedejna sħubija privata ta’ EUR 1,8 biljun dwar iċ-ċibersigurtà mal-industrija 7 .
Fit-trasport, id-diġitalizzazzjoni qed issir element ewlieni tat-trasformazzjoni tassew meħtieġa tas-sistema tat-trasport ta’ llum. Il-pass mgħaġġel tad-diġitalizzazzjoni jġib miegħu ħafna benefiċċji, iżda jagħmel ukoll it-trasport aktar vulnerabbli għar-riskji tas-sigurtà ċibernetika jew tas-sikurezza ċibernetika. Bosta azzjonijiet huma meħuda biex titnaqqas it-theddida f’livelli differenti, speċifikament għall-avjazzjoni iżda wkoll għat-trasport marittimu, fuq ix-xmajjar, bil-ferrovija u bit-triq 8 . L-isfida li għad fadal hija li jiġu ċċarati, armonizzati u ssupplimentati aktar l-attivitajiet tal-partijiet ikkonċernati differenti involuti fit-tisħiħ ta’ aspetti differenti tar-reżiljenza ċibernetika.
B’mod aktar wiesa’, u fid-dawl tan-natura li qed tevolvi malajr tat-theddida, fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-UE se jidentifikaw l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġi pprovdut rispons effettiv madwar l-UE kollha għal dan it-theddid, fuq il-bażi tal-istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà tal-UE tal-2013.
V. INĦARSU D-DEJTA PERSONALI FILWAQT LI NAPPOĠĠAW L-INVESTIGAZZJONIJIET KRIMINALI EFFIĊJENTI
Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta għall-qasam tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali 9 hija element bażiku fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja. Fuq il-bażi ta’ standard komuni ta’ protezzjoni tad-dejta stipulat f’din id-Direttiva, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri se jkunu jistgħu jiskambjaw faċilment dejta rilevanti, filwaqt li d-dejta tal-vittmi, ix-xhieda u l-persuni ssuspettati b’reati se tkun protetta kif xieraq.
Minbarra dan, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet kemm għall-individwi kif ukoll għal-kumpaniji u kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha tas-suq, kif stipulat fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali ta’ April 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Privatezza Elettronika propost (li jissostitwixxi d-Direttiva 2002/58/KE) fil-11 ta’ Jannar 10 . Kif inhu l-każ bid-Direttiva attwali, ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika rivedut jippartikolarizza r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta 11 u jistabbilixxi qafas li jirregola l-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika.
Permezz ta’ din ir-reviżjoni, id-dejta kollha tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, ukoll meta l-komunikazzjoni tkun anċillari, hija kkunsidrata kunfidenzjali/rrispettata - kemm jekk tgħaddi mis-servizzi tat-telekomunikazzjoni tradizzjonali kif ukoll jekk tgħaddi minn servizzi oħra hekk imsejħa Over-The-Top (OTT) li huma funzjonalment ekwivalenti (pereżempju, Skype u WhatsApp), li spiss saru interskambjabbli ma’ operaturi normali tat-telekomunikazzjonijiet għal ħafna utenti 12 . L-obbligi imposti fuq il-fornituri tas-servizzi - minbarra li jirrispettaw l-għażliet tal-privatezza tal-klijenti tagħhom fl-użu, il-ħżin u l-ipproċessar tad-dejta tagħhom - jinkludu wkoll l-obbligu tal-fornituri tas-servizzi bbażati barra l-UE li jaħtru rappreżentant fi Stat Membru. Dan se jagħti wkoll lill-Istati Membri l-possibbiltà li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji mal-fornituri tas-servizz biex ikollhom aċċess għal evidenza elettronika (ara hawn taħt).
Kif inhu l-każ skont ir-regoli attwali dwar il-Privatezza elettronika, l-aċċess tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għall-informazzjoni elettronika rilevanti meħtieġa għal investigazzjoni tal-atti kriminali se jkun irregolat mill-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika 13 propost. Din id-dispożizzjoni tagħti l-possibbiltà fid-dritt tal-UE jew nazzjonali li tiġi ristretta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni, fejn ikun neċessarju u proporzjonat, sabiex jiġu ssalvagwardjati s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-qbid jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali. Din id-dispożizzjoni hija rilevanti b’mod partikolari għar-regoli nazzjonali dwar iż-żamma tad-dejta, jiġifieri biex il-fornituri tas-servizz ta’ telekomunikazzjoni jiġu obbligati jżommu d-dejta tal-komunikazzjoni għal perjodu speċifikat għall-aċċess possibbli mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, wara t-tħassir tad-Direttiva dwar iż-Żamma ta’ Dejta mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (QEĠ) fl-2014 14 . Minn dak iż-żmien, ma kien hemm l-ebda strument tal-UE għaż-żamma tad-dejta u xi Stati Membri adottaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom stess għaż-żamma tad-dejta. Il-liġijiet taż-żamma tad-dejta Żvediżi u tal-Gran Brittanja ġew sfidati quddiem il-QEĠ li tat is-sentenza Tele2 tagħha fil-21 ta’ Diċembru 15 . Il-QEĠ sabet bħala inkompatibbli mad-dritt tal-UE leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-ġlieda kontra l-kriminalità, tistipula żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-dejta kollha tat-traffiku u dwar il-lok ta’ abbonati u utenti fir-rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika. L-implikazzjonijiet tas-sentenza qed jiġu analizzati u l-Kummissjoni se tiżviluppa gwida dwar kif il-liġijiet nazzjonali dwar iż-żamma tad-dejta jistgħu jinbnew f’konformità mas-sentenza.
Il-kriminalità tħalli traċċi diġitali li jistgħu jservu bħala evidenza fil-proċedimenti tal-qorti; il-komunikazzjonijiet elettroniċi bejn persuni suspettati ħafna drabi huma l-unika traċċa li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-prosekuturi jkunu jistgħu jiġbru. Madankollu, il-kisba tal-aċċess għal evidenza elettronika – speċjalment jekk tkun maħżuna f’pajjiż barrani jew fuq il-Cloud – tista’ tkun kemm teknikament kif ukoll legalment kumplessa u hija ta’ sikwit proċeduralment ta’ piż, u dan ixekkel lill-investigaturi li jkunu jeħtieġu li jipproċedu malajr. Sabiex tindirizza dawn l-isfidi, il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta soluzzjonijiet li jippermettu lill-investigaturi biex jiksbu evidenza elettronika transfruntiera, inkluż li l-assistenza legali reċiproka ssir aktar effiċjenti, li jinstabu mezzi ta’ kooperazzjoni diretta ma’ fornituri tas-servizzi tal-internet, u li jiġu proposti kriterji għad-determinazzjoni u għall-infurzar tal-ġuriżdizzjoni fl-ispazju ċibernetiku, f’konformità sħiħa mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta. 16 Il-Kummissjoni rrappurtat lill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fid-9 ta’ Diċembru 2016 dwar il-progress li sar 17 .
Proċess ta’ konsultazzjoni ta’ esperti komprensiv (u li għadu għaddej) ippermetta lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-problemi varji u ta’ spiss kumplessi mqajma mill-aċċess għal evidenza elettronika, sabiex jinkiseb fehim aħjar tar-regoli u l-prattiki attwali fl-Istati Membri, u jiġu identifikati għażliet possibbli ta’ politika. Ir-rapport ta’ progress jagħti ħarsa ġenerali lejn l-ideat li ħarġu sa issa matul il-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni u tal-esperti u li l-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, se tinvestiga aktar fix-xhur li ġejjin. Kif imħabbar fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva fl-2017.
VI. KONKLUŻJONI
Ir-rapport li jmiss, li huwa dovut fl-1 ta’ Marzu, se jkun opportunità biex jiġi analizzat il-progress dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn is-setturi ewlenin ta’ ħidma u oħrajn.