IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.1.2017
COM(2017) 34 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Ir-rwol tal-enerġija mill-iskart fl-ekonomija ċirkolari
1.Introduzzjoni
Fit-2 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari, li joffri aġenda ta’ trasformazzjoni, b’impjiegi ġodda u potenzjal tat-tkabbir sinifikanti u li jimmira li jinbtu xejriet ta’ konsum u ta’ produzzjoni sostenibbli, b’konformità mal-impenji tal-UE skont l-Aġenda tal-2030 għal Żvilupp Sostenibbli.
Il-pjan ta’ azzjoni enfasizza li t-tranżizzjoni lejn ekonomija iktar ċirkolari tirrikjedi azzjoni fiċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti: mill-produzzjoni sal-ħolqien ta’ swieq għall-materja prima “sekondarja” (jiġifieri, li ġejja mill-iskart). L-immaniġġjar tal-iskart huwa wieħed mill-oqsma prinċipali li fihom hemm bżonn ta’ iżjed titjib u fejn dan jista’ jinkiseb: iż-żieda tal-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ huma għanijiet ewlenin kemm tal-pjan ta’ azzjoni kif ukoll tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-iskart.
Jekk jintlaħqu dawn l-għanijiet, jistgħu jinfetħu opportunitajiet ekonomiċi tanġibbli, titjieb il-provvista tal-materja prima lill-industrija, jinħolqu impjiegi lokali u jerġa’ jiġi kkonfermat mill-ġdid ir-rwol tat-tmexxija Ewropea fis-settur tat-teknoloġiji ekoloġiċi, li ntwera bil-provi li għandu potenzjal qawwi ta’ tkabbir anke fil-livell globali. Fl-UE, l-output tal-oġġetti u tas-servizzi ambjentali għal kull unità ta’ prodott domestiku gross kiber b’iżjed minn 50 % matul l-aħħar deċennju u l-impjieg marbut ma’ din il-produzzjoni żdied għal iżjed minn erba’ miljun ekwivalenti għall-full-time. Fil-livell globali, il-Bank Dinji għandu stimi li juru li fl-għaxar snin li ġejjin se jiġu investiti EUR 6 triljun fit-teknoloġiji nodfa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li EUR 1,6 triljun se jkunu aċċessibbli għall-SMEs.
Sabiex jiġi sfruttat dan il-potenzjal, tiġi promossa l-innovazzjoni u jiġi evitat telf ekonomiku potenzjali minħabba assi mitlufa, jeħtieġ li l-investiment fil-kapaċitajiet ġodda għall-immaniġġjar tal-iskart isir fil-qafas ta’ ekonomija ċirkolari fit-tul u jkun konsistenti mal-ġerarkija tal-iskart tal-UE, li tikklassifika l-għażliet tal-immaniġġjar tal-iskart skont is-sostenibbiltà tagħhom u tagħti l-ogħla prijorità lill-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, inklużi l-proposti reċenti għal miri ogħla ta’ riċiklaġġ għall-iskart muniċipali u għall-imballaġġ kif ukoll għat-tnaqqis tal-miżbliet, hija ggwidata permezz tal-ġerarkija tal-iskart u timmira li tmexxi l-immaniġġjar tal-iskart ’il fuq lejn il-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.
Din il-Komunikazzjoni tiffoka fuq l-irkupru tal-enerġija mill-iskart u postu fl-ekonomija ċirkolari. L-enerġija mill-iskart huwa kunċett wiesa’ li jkopri ferm iktar mill-inċinerazzjoni tal-iskart. Dan jinkludi diversi proċessi ta’ trattament tal-iskart li jiġġeneraw l-enerġija (eż. fil-forma ta’ elettriku jew ta’ sħana jew il-produzzjoni ta’ fjuwil derivat mill-iskart), filwaqt li kull wieħed minnhom għandu impatti ambjentali differenti u potenzjal għal ekonomija ċirkolari.
L-għan ewlieni ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li jiġi żgurat li l-irkupru tal-enerġija mill-iskart fl-UE jappoġġa l-għanijiet tal-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari u hija ggwidata ferm skont il-ġerarkija tal-iskart tal-UE. Il-Komunikazzjoni teżamina wkoll kif ir-rwol tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart jista’ jiġi ottimizzat biex permezz tagħhom jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u fil-Ftehim ta’ Pariġi. Fl-istess waqt, bis-saħħa tal-enfasi fuq it-teknoloġija effiċjenti fl-użu tal-enerġija li taħdem bil-provi, l-approċċ lejn l-enerġija mill-iskart stabbilit hawnhekk huwa maħsub biex jipprovdi inċentivi għall-innovazzjoni u jgħin biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja.
Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-Komunikazzjoni:
−tiċċara l-pożizzjoni tal-proċessi differenti tal-enerġija mill-iskart fil-ġerarkija tal-iskart, u xi jfisser dan għall-appoġġ finanzjarju pubbliku (it-Taqsima 2);
−tipprovdi gwida għall-Istati Membri dwar kif jużaw aħjar l-istrumenti ekonomiċi u l-ippjanar tal-kapaċità bil-ħsieb li tiġi evitata jew tiġi indirizzata l-kapaċità żejda potenzjali fl-inċinerazzjoni tal-iskart (it-Taqsima 3); kif ukoll
−tidentifika t-teknoloġiji u l-proċessi li attwalment għandhom l-ikbar potenzjal li jottimizzaw l-outputs tal-enerġija u tal-materjali, filwaqt li jitqiesu t-tibdiliet mistennija fil-materja prima għall-proċessi tal-enerġija mill-iskart (it-Taqsima 4).
2.Il-pożizzjonament tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart fil-ġerarkija tal-iskart u r-rwol tal-appoġġ finanzjarju pubbliku
Il-ġerarkija tal-iskart hija s-sies tal-politika u tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart u hija essenzjali għat-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ċirkolari. L-iskop prinċipali tagħha huwa li tiġi stabbilita ordni ta’ prijoritajiet li tnaqqas kemm jista’ jkun l-effetti ambjentali avversi u tottimizza l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għall-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart.
Din il-Komunikazzjoni tkopri l-proċessi ewlenin li ġejjin tal-enerġija mill-iskart:
−il-koinċinerazzjoni tal-iskart fl-impjanti tal-kombustjoni (eż. impjanti tal-enerġija) u fil-produzzjoni tas-siment u tal-ġir;
−l-inċinerazzjoni tal-iskart f’faċilitajiet apposta;
−id-diġestjoni anaerobika tal-iskart bijodegradabbli;
−il-produzzjoni ta’ fjuwils solidi, likwidi jew gassużi mill-iskart; kif ukoll
−proċessi oħra inkluża l-inċinerazzjoni indiretta wara li tkun saret il-piroliżi jew il-gassifikazzjoni.
Dawn il-proċessi jkollhom impatti ambjentali differenti u jikklassifikaw b’mod differenti fil-ġerarkija tal-iskart. Fil-fatt, il-proċessi tal-enerġija mill-iskart jinkludu operazzjonijiet differenti ħafna ta’ trattament tal-iskart, li jvarjaw minn “rimi” u “rkupru” sa “riċiklaġġ”. Pereżempju, il-proċessi bħad-diġestjoni anaerobika li jwasslu għall-produzzjoni ta’ bijogass u ta’ diġestat jitqiesu mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart
bħala operazzjoni ta’ riċiklaġġ. Min-naħa l-oħra, l-inċinerazzjoni tal-iskart b’irkupru limitat tal-enerġija jitqies bħala rimi. L-illustrazzjoni nru 1 ta’ hawn taħt turi l-pożizzjonament ta’ proċessi differenti tal-enerġija mill-iskart fil-ġerarkija tal-iskart tal-UE.
Illustrazzjoni nru 1. Il-ġerarkija tal-iskart u l-proċessi tal-enerġija mill-iskart
Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-ġerarkija tal-iskart tirrifletti wkoll b’mod wiesa’ l-għażla ambjentali ppreferuta mill-perspettiva tal-klima: ir-rimi, fil-miżbliet jew permezz tal-inċinerazzjoni bi ftit irkupru jew bl-ebda rkupru tal-enerġija, is-soltu jkun l-inqas għażla favorevoli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHGs); min-naħa l-oħra, il-prevenzjoni tal-iskart, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom l-ogħla potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHGs.
Ta’ min ukoll ifakkar li l-Istati Membri għandhom xi ftit flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-ġerarkija, peress li l-għan aħħari huwa li jitħeġġeġ l-użu ta’ dawk l-għażliet tal-immaniġġjar tal-iskart li jwasslu għall-aqwa eżitu ambjentali. Għal xi flussi speċifiċi ta’ skart, sabiex jinkiseb l-aqwa eżitu ambjentali jaf ikun hemm bżonn li wieħed ma jsegwix l-ordni ta’ prijoritajiet tal-ġerarkija, pereżempju għal raġunijiet ta’ fattibbiltà teknika, ta’ vijabbiltà ekonomika u ta’ ħarsien tal-ambjent. Dan irid jiġi ġġustifikat b’konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Pereżempju, f’xi każijiet speċifiċi u ġġustifikati (eż. materjali li fihom ċerti sustanzi ta’ tħassib serju ħafna), ir-rimi jew l-irkupru tal-enerġija jaf ikun ippreferut għar-riċiklaġġ
.
Sabiex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn ekonomija iktar ċirkolari, il-finanzjament pubbliku tal-immaniġġjar tal-iskart, fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-UE, jenħtieġ li jkun konsistenti mal-għan li l-implimentazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart tal-UE titmexxa ’l fuq.
Fil-livell tal-UE, it-tranżizzjoni lejn sistemi iktar sostenibbli tal-immaniġġjar tal-iskart tirċievi appoġġ finanzjarju, prinċipalment permezz tal-kofinanzjament tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni. Fil-każ ta’ dawn il-fondi, il-prekundizzjonijiet iridu jiġu ssodisfati sabiex jiġi żgurat li l-investimenti l-ġodda fis-settur tal-iskart huma konformi mal-pjanijiet tal-immaniġġjar tal-iskart imfassla mill-Istati Membri biex jilħqu l-għanijiet tagħhom ta’ tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ. Kif ġie ddikjarat fil-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari, dan ifisser li l-investimenti fil-faċilitajiet tat-trattament għall-iskart residwu, bħal pereżempju l-kapaċità ta’ inċinerazzjoni żejda, jistgħu jingħataw biss f’każijiet limitati u ġġustifikati sew, fejn ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ kapaċità żejda u l-għanijiet tal-ġerarkija tal-iskart ikunu rrispettati għalkollox.
L-investimenti mwassla permezz ta’ mekkaniżmi oħra ta’ finanzjament tal-UE, bħal pereżempju l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), għandhom rwol importanti x’jaqdu wkoll biex jiġi attirat il-finanzjament privat għall-aqwa soluzzjonijiet għall-immaniġġjar tal-iskart permezz ta’ self, ta’ garanziji, ta’ ekwità u ta’ mekkaniżmi oħra tat-teħid tar-riskji għall-immaniġġjar tal-iskart kif ukoll għal soluzzjonijiet li jkunu l-iktar “ċirkolari”. Barra minn hekk, l-appoġġ finanzjarju disponibbli tal-UE għar-riċerka u għall-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-enerġija mill-iskart (eż. Orizzont 2020, iżda wkoll il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni), jikkontribwixxi biex jiġi żgurat ir-rwol kontinwu ta’ tmexxija tal-UE u t-twassil fis-suq ta’ teknoloġiji avvanzati li jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Fil-livell nazzjonali, l-appoġġ finanzjarju pubbliku ta’ sikwit kellu rwol ewlieni wkoll fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet iktar sostenibbli għall-immaniġġjar tal-iskart u fil-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Meta jiġi vvalutat l-appoġġ finanzjarju pubbliku għall-proċessi tal-enerġija mill-iskart, huwa partikolarment importanti li l-ġerarkija tal-iskart ma tiġix imminata bl-iskoraġġiment tal-għażliet tal-immaniġġjar tal-iskart b’potenzjal ogħla għal ekonomija ċirkolari. Dan huwa rifless b’mod ċar fil-linji gwida eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija li jiddikjaraw li l-appoġġ għall-użu tal-iskart għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli jew l-appoġġ għall-użu tal-iskart għall-installazzjonijiet tal-koġenerazzjoni u tat-tisħin distrettwali, tista’ tagħti kontribut pożittiv għall-ħarsien tal-ambjent, diment li ma tiġix evitata l-ġerarkija tal-iskart. Jenħtieġ ukoll li l-finanzjament pubbliku jevita li tinħoloq kapaċità żejda għat-trattament tal-iskart mhux riċiklabbli bħal pereżempju l-inċineraturi. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li wieħed iżomm f’moħħu li l-iskart imħallat bħala materja prima għall-proċessi tal-enerġija mill-iskart huwa mistenni li jonqos b’riżultat tal-obbligi tal-ġbir separat tal-iskart u ta’ miri iżjed ambizzjużi tal-UE għar-riċiklaġġ. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri gradwalment ineħħu l-appoġġ pubbliku għall-irkupru tal-enerġija mill-iskart imħallat.
3.Il-proċessi tal-enerġija mill-iskart għat-trattament tal-iskart residwu: kif jinstab il-bilanċ ġust
It-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari tirrikjedi li jinstab il-bilanċ ġust fir-rigward tal-kapaċità tal-enerġija mill-iskart għat-trattament tal-iskart mhux riċiklabbli. Dan huwa kruċjali sabiex jiġi evitat it-telf ekonomiku potenzjali jew il-ħolqien ta’ ostakli infrastrutturali li jxekklu l-kisba ta’ rati ogħla ta’ riċiklaġġ. L-esperjenza tal-imgħoddi f’xi Stati Membri turi li r-riskju ta’ assi mitlufa huwa wieħed reali.
Studju reċenti kkummissjonat mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jidentifika l-kapaċità apposta eżistenti ta’ inċinerazzjoni għall-iskart muniċipali fl-UE-28 u l-flussi ta’ skart muniċipali u ta’ fjuwil derivat mill-iskart (RDF) bejn l-Istati Membri. L-istudju juri li bejn l-2010 u l-2014, il-kapaċità ta’ inċinerazzjoni fl-UE-28 (flimkien mal-Iżvizzera u n-Norveġja) żdiedet b’6 % għal 81 Mt u li f’xi każijiet il-flussi ta’ skart bejn xi Stati Membri għall-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali u tal-RDF għadhom sinifikanti. Fl-2013, qrib iż-2,5 Mt ta’ skart (il-biċċa l-kbira minnu kien RDF) ġew ikkonsenjati għall-irkupru tal-enerġija.
L-istudju jikkonferma wkoll li l-kapaċità apposta ta’ inċinerazzjoni għall-iskart muniċipali mhijiex mifruxa b’mod uniformi fl-UE. Il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, l-Iżvezja, l-Italja u r-Renju Unit għandhom tliet kwarti tal-kapaċità ta’ inċinerazzjoni tal-UE. L-Iżvezja u d-Danimarka għandhom l-ogħla kapaċità ta’ inċinerazzjoni per capita b’591 kg/cap u b’587 kg/cap rispettivament, segwiti min-Netherlands, mill-Awstrija, mill-Finlandja u mill-Belġju. B’kuntrast ma’ dan, il-partijiet tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-UE prattikament ma għandhomx kapaċità apposta ta’ inċinerazzjoni u jiddependu ferm fuq il-miżbliet. Din id-dejta hija konformi mal-istatistika tal-Eurostat dwar ir-rati ta’ inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali li turi wkoll li hemm varjazzjoni kbira bejn l-Istati Membri.
Skont is-sitwazzjoni speċifika tagħhom, l-Istati Membri għandhom diversi għażliet biex jiżguraw li l-kapaċità tal-enerġija mill-iskart, b’mod partikolari l-inċinerazzjoni, tkun ibbilanċjat kif suppost:
L-Istati Membri bi ftit jew bl-ebda kapaċità apposta ta’ inċinerazzjoni u b’livell għoli ta’ dipendenza fuq il-miżbliet
Jenħtieġ li dawn l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-iżvilupp ulterjuri tal-iskemi tal-ġbir separat tal-iskart u tal-infrastruttura tar-riċiklaġġ b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE. Jenħtieġ li t-tbegħid gradwali tal-iskart mill-miżbliet jimxi id f’id mal-ħolqien ta’ iżjed kapaċità għar-riċiklaġġ. Mill-perspettiva tal-klima, ir-rimi tal-iskart bijodegradabbli fil-miżbliet huwa partikolarment urġenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-kapaċità tal-irkupru enerġetiku kkombinat u tal-kapaċità għar-riċiklaġġ tal-materjali fil-forma ta’ diġestjoni anaerobika jista’ jirrappreżenta għażla attraenti ta’ mmaniġġjar.
Meta jiġu biex jirrieżaminaw il-pjanijiet nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart u jivvalutaw il-ħtieġa għal kapaċità addizzjonali għall-enerġija mill-iskart għat-trattament tal-iskart mhux riċiklabbli (eż. l-inċinerazzjoni), jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom perspettiva fit-tul u jivvalutaw bir-reqqa l-fatturi li ġejjin:
−l-impatt tal-obbligi ta’ ġbir separat tal-iskart u tal-miri ta’ riċiklaġġ eżistenti u proposti fuq id-disponibbiltà tal-materja prima għat-tħaddim ta’ impjanti ġodda ta’ inċinerazzjoni tul il-ħajja tagħhom (20 sa 30 sena);
−il-kapaċità disponibbli għall-koinċinerazzjoni fl-impjanti tal-kombustjoni u fil-kalkari tas-siment u tal-ġir jew fi proċessi industrijali oħra li jkunu adattati; kif ukoll
−il-kapaċità ppjanata jew eżistenti fil-pajjiżi ġirien.
F’każijiet iġġustifikati, il-vjeġġi transfruntiera tal-iskart jistgħu jgħinu biex isir l-aħjar użu tal-kapaċità tal-enerġija mill-iskart li diġà hija disponibbli f’għadd ta’ Stati Membri. Jenħtieġ li l-esportazzjoni tal-iskart mhux riċiklabbli għall-irkupru tal-enerġija lejn Stat Membru ieħor ma jitqiesx bilfors bħala kontradizzjoni tal-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ prossimità (jiġifieri, li tintuża l-eqreb faċilità xierqa) li fuqu tissejjes il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Madanakollu, qabel ma jagħżlu approċċ bħal dan, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jwettqu analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja biex jiġi żgurat li l-impatti ambjentali ġenerali, inklużi dawk marbuta mat-trasport tal-iskart, ma jxejnux il-benefiċċji mixtieqa.
Meta l-ħolqien ta’ kapaċità ġdida għat-trattament tal-iskart residwu jkun iġġustifikat abbażi tal-valutazzjoni tal-fatturi kollha msemmija hawn fuq, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-użu tal-iżjed teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija u lid-daqs tal-impjant u l-post li fih ikun jinsab (eż. biex fil-futur tiġi evitata l-kapaċità żejda u biex tiġi żgurata l-provvista kkombinata tal-elettriku u tat-tisħin jew tat-tkessiħ lir-residenti lokali u lill-industrija meta dan ikun possibbli). Huwa kruċjali wkoll li tiġi żgurata konformità sħiħa mar-rekwiżiti għall-faċilitajiet tal-inċinerazzjoni u tal-koinċinerazzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva 2010/75/KE dwar l-emissjonijiet industrijali.
L-Istati Membri b’livell għoli ta’ kapaċità apposta ta’ inċinerazzjoni
L-istudju tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent jissuġġerixxi li attwalment ma hemm l-ebda kapaċità żejda ta’ inċinerazzjoni fl-UE kollha. Madanakollu, l-istatistika turi li xi Stati Membri individwali jiddependu b’mod eċċessiv fuq l-inċinerazzjoni tal-iskart muniċipali. Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi spjegata parzjalment bid-domanda kbira għat-tisħin permezz tan-netwerks tat-tisħin distrettwali, l-effiċjenza ogħla tal-proċessi tagħhom tal-enerġija mill-iskart u l-livelli għoljin ta’ aċċettazzjoni soċjali. Minkejja dan, tali rati għoljin ta’ inċinerazzjoni mhumiex konsistenti ma’ miri iktar ambizzjużi għar-riċiklaġġ. Sabiex din il-problema tiġi indirizzata, jistgħu jittieħdu għadd ta’ miżuri fil-livell nazzjonali u wħud diġà ġew implimentati f’xi Stati Membri, b’mod partikolari:
−l-introduzzjoni jew iż-żieda tat-taxxi fuq l-inċinerazzjoni, speċjalment għall-proċessi bi ftit irkupru tal-enerġija filwaqt li jiġi żgurat li flimkien ma’ dawn ikun hemm taxxi ogħla fuq il-miżbliet;
−it-tneħħija gradwali tal-iskemi ta’ appoġġ għall-inċinerazzjoni tal-iskart u, meta jkun xieraq, dan l-appoġġ jingħata lill-proċessi kklassifikati iktar ’il fuq fil-ġerarkija tal-iskart; kif ukoll
−l-introduzzjoni ta’ moratorju fuq il-faċilitajiet l-ġodda u d-dekummissjonar tal-faċilitajiet iktar antiki u li huma inqas effiċjenti.
4. L-ottimizzazzjoni tal-kontribut tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija fl-ekonomija ċirkolari
Skont l-istudju tal-Kummissjoni, fl-2014 madwar 1,5 % tal-konsum finali totali tal-enerġija tal-UE ġie kopert bl-irkupru tal-enerġija mill-iskart bl-inċinerazzjoni, bil-koinċinerazzjoni fil-kalkari tas-siment u bid-diġestjoni anaerobika (jiġifieri, madwar 676 PJ/sena). Billi dan il-persentaġġ ma għandux jiżdied b’mod sinifikanti fil-ġejjieni filwaqt li iktar skart qed jiġi dirett lejn ir-riċiklaġġ, it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart u l-promozzjoni ta’ dawk il-proċessi li jikkombinaw l-irkupru tal-materjali u tal-enerġija jistgħu jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi ewlenin bħat-tisħin u t-tkessiħ jew it-trasport u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur tal-iskart. Pereżempju, it-tbegħid ta’ tunnellata waħda ta’ skart bijodegradabbli minn miżbla lejn d-diġestjoni anaerobika għall-produzzjoni tal-bijogass u tal-fertilizzanti jista’ jipprevjeni sa żewġ tunnellati ta’ emissjonijiet ekwivalenti ta’ CO2
.
It-tibdiliet mistennija fil-materja prima tal-enerġija mill-iskart
L-iskart imħallat għadu jirrappreżenta sehem sostanzjali tal-iskart li jintuża fil-proċessi tal-enerġija mill-iskart, b’mod prinċipali l-inċinerazzjoni (52 %). Ir-rekwiżiti legali eżistenti u l-proposti dwar l-iskart tal-ekonomija ċirkolari x’aktarx li jibdlu din is-sitwazzjoni. Huwa mistenni li r-regoli dwar il-ġbir separat u r-rati iktar ambizzjużi ta’ riċiklaġġ li jkopru l-injam, il-karta, il-plastik u l-iskart bijodegradabbli jnaqqsu l-ammont ta’ skart li jkun disponibbli potenzjalment għall-proċessi tal-enerġija mill-iskart, bħalma huma l-inċinerazzjoni u l-koinċinerazzjoni. Ljubljana hija eżempju ta’ belt li diġà rnexxielha tħaffef u tikseb livelli għoljin ta’ ġbir separat tal-iskart: Mill-2011 ’il quddiem, Ljubljana investiet fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart li wassal għal rata ta’ ġbir separat tal-iskart ta’ 60 % fuq il-ġenerazzjoni totali tal-iskart muniċipali.
Għall-iskart bijodegradabbli, l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma, flimkien mar-regoli l-ġodda li ġew proposti biex jiġi żgurat il-ġbir separat tal-bijoskart, għandhom jirriżultaw fi produzzjoni ikbar ta’ bijogass derivat mill-iskart biex jintuża fil-koġenerazzjoni, fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-gass u fil-fjuwils tat-trasport, u ta’ fertilizzanti permezz tad-diġestjoni anaerobika. Jenħtieġ li l-bidliet proposti għar-Regolament dwar il-Fertilizzanti, li attwalment qed jiġu diskussi fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, jappoġġaw din ix-xejra billi s-suq uniku jinfetaħ għall-fertilizzanti derivati mill-iskart. F’Milan wieħed jista’ jara l-potenzjal tal-iskart bijodegradabbli flimkien mal-ipproċessar tad-diġestjoni anaerobika f’impjant tal-bijogass. Mill-2014 ’il hawn, il-belt kważi laħqet il-100 % ġbir tal-iskart tal-ikel u tal-iskart organiku, filwaqt li tipprovdi medja ta’ 120 000 tunnellata ta’ skart bijodegradabbli kull sena. Meta jkun qed jaħdem b’kapaċità sħiħa (12,8 MW), l-impjant tal-bijogass tal-belt għandu jipproduċi madwar 35 880 MWh ta’ elettriku fis-sena, li huma biżżejjed għall-provvista ta’ 24 000 persuna, u għandu jrendi 14 400 tunnellata ta’ fertilizzant.
Fil-każ tal-iskart taż-żjut u tax-xaħmijiet, hemm lok li titjieb l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġbir u tat-trattament għall-produzzjoni ta’ prodotti bħall-bijodiżil u ż-żjut veġetali idroġenati (HVO). Il-bijofjuwil li jirriżulta, li jkun derivat mill-iskart, jista’ jintuża direttament fit-trasport, inkluż l-użu tal-HVO fl-avjazzjoni.
Fir-rigward tal-iskart tal-plastik, id-dejta tal-industrija turi li r-rimi u l-irkupru tal-enerġija għadhom l-iżjed għażliet komuni ta’ trattament u li filwaqt li r-rimi fil-miżbliet naqas matul l-aħħar għaxar snin, l-inċinerazzjoni ilha tiżdied b’differenzi kbar bejn l-Istati Membri b’rabta ma’ diversi stati tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. Dan jikkonferma l-ħtieġa li jittieħdu passi urġenti u konkreti biex jitjieb ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-plastik u biex titħeġġeġ l-innovazzjoni f’dan il-qasam. L-istrateġija li jmiss tal-UE dwar il-plastik fl-ekonomija ċirkolari għandha proprju l-għan li ttejjeb l-ekonomija, il-kwalità u l-użu tar-riċiklaġġ u tal-użu mill-ġdid tal-plastik billi tingħata ħarsa lejn il-katina tal-valur kollha. Din se tikkunsidra xi żviluppi ġodda fit-trattament tal-iskart tal-plastik, bħar-raffinar mill-ġdid u l-innovazzjonijiet fid-disinn, sabiex b’hekk fil-futur ikun jista’ jiġi evitat jew jitbiegħed proporzjon ikbar ta’ skart tal-plastik mill-irkupru tal-enerġija għar-riċiklaġġ, u għaldaqstant jitnaqqsu l-impatti ġenerali tal-GHGs.
L-istudju tal-Kummissjoni sab li l-iskart tal-injam spiss jintuża bħala materja prima għall-inċinerazzjoni. Kif ġie enfasizzat fil-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari, jenħtieġ li meta jkun xieraq jitħeġġeġ l-użu kaskata ta’ riżorsi rinnovabbli bħall-injam, b’diversi ċikli ta’ użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ, b’konformità mal-ġerarkija tal-iskart. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jitfakkar li fil-pakkett leġiżlattiv tagħha dwar l-iskart, il-Kummissjoni, fost l-oħrajn, ipproponiet mira mandatorja ogħla fil-livell tal-UE għar-riċiklaġġ tal-iskart tal-imballaġġ tal-injam. Meta l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ ma jkunux possibbli, l-għażla ppreferuta minflok il-fjuwils fossili hija l-użu tal-enerġija mill-iskart tal-injam u l-evitar tar-rimi tal-injam fil-miżbliet.
L-użu tal-iżjed tekniki tal-enerġija mill-iskart li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija
Meta jintgħażlu il-proċessi tal-enerġija mill-iskart, hemm bżonn li jiġi żgurat li jintużaw l-iżjed tekniki effiċjenti: dan jimmassimizza l-kontribut tagħhom biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima u l-enerġija. L-istudju tal-Kummissjoni jistima li jekk it-tekniki li jaħdmu bil-provi u l-miżuri ta’ appoġġ jiġu implimentati kif suppost, l-ammont ta’ enerġija rkuprata mill-iskart jista’ jiżdied b’29 % għal 872 PJ/sena, filwaqt li jintuża l-istess ammont eżatt ta’ skart bħala materja prima. Dan juri l-potenzjal għal titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-istudju tal-Kummissjoni sab li l-aqwa tekniki li jaħdmu bil-provi biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-erba’ proċessi tal-enerġija mill-iskart ta’ hawn taħt kienu kif ġej:
−il-koinċinerazzjoni fl-impjanti tal-kombustjoni: il-gassifikazzjoni tal-fjuwil solidu rkuprat (SRF) u l-koinċinerazzjoni tal-gass sintetiku li jirriżulta fl-impjant tal-kombustjoni sabiex jiġu sostitwiti l-fjuwils fossili fil-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana;
−il-koinċinerazzjoni fil-produzzjoni tas-siment u tal-ġir: il-konverżjoni tas-sħana mitlufa f’enerġija fil-kalkari tas-siment;
−l-inċinerazzjoni tal-iskart fil-faċilitajiet apposta:
ol-użu ta’ super heaters;
ol-isfruttar tal-enerġija li tkun tinsab fil-gass taċ-ċmieni;
ol-użu ta’ pompi tas-sħana;
oil-provvista tal-ilma kiesaħ għan-netwerks tat-tkessiħ distrettwali; kif ukoll
oid-distribuzzjoni tas-sħana mill-iskart permezz ta’ netwerks tat-tisħin distrettwali b’temperatura baxxa;
−id-diġestjoni anaerobika: it-titjib tal-bijogass f’bijometan għal distribuzzjoni u għal użu ulterjuri (eż. l-użu fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-gass u fil-fjuwil tat-trasport).
Minbarra t-tekniki speċifiċi msemmija hawn fuq, l-istudju tal-Kummissjoni jenfasizza l-livelli superjuri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li jistgħu jinkisbu permezz ta’ installazzjonijiet li jaħdmu bil-modalità tal-ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku (CHP), meta mqabbel ma’ impjanti li sempliċement jipproduċu sħana jew elettriku.
Minbarra dawn it-tekniki, l-istudju jelenka miżuri ta’ appoġġ biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u/jew l-effiċjenza tal-materjali f’dawn il-proċessi. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ parks industrijali u ta’ simbjożi fejn l-impjant tal-enerġija mill-iskart jipproċessa l-iskart iġġenerat mill-industriji li jkunu jinsabu fil-qrib filwaqt li minflok jipprovdilhom is-sħana u l-enerġija; jew l-irkupru ta’ materjali li jinsabu fl-irmied tal-qiegħ tal-inċineraturi.
Fid-diġestjoni anaerobika, huwa importanti wkoll li jiġi evitat ir-riskju ta’ tnixxijiet tal-metan mill-impjanti tal-bijogass minħabba disinn ħażin jew nuqqas ta’ manutenzjoni, peress li dawn kieku jxejnu uħud mill-benefiċċji ambjentali tal-impjant.
5. Konklużjonijiet
Il-proċessi tal-enerġija mill-iskart jistgħu jaqdu rwol fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari diment li l-ġerarkija tal-iskart tal-UE tintuża bħala prinċipju ta’ gwida u li l-għażliet li jsiru ma jipprevjenux li jkun hemm livelli ogħla ta’ prevenzjoni, ta’ użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ. Dan huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat il-potenzjal sħiħ ta’ ekonomija ċirkolari, kemm fil-livell ambjentali kif ukoll mil-livell ekonomiku u sabiex jissaħħaħ ir-rwol tat-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija ekoloġika. Barra minn hekk, ir-rispett tal-ġerarkija tal-iskart biss jista’ jwassal biex l-enerġija mill-iskart timmassimizza l-kontribut tal-ekonomija ċirkolari għad-dekarbonizzazzjoni, f’konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Ftehim ta’ Pariġi. Kif issemma qabel, il-prevenzjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ iwasslu l-ogħla kontribut f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija u ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHGs.
Fil-futur, jenħtieġ li dawk il-proċessi jitqiesu iżjed, fosthom id-diġestjoni anaerobika tal-iskart bijodegradabbli, fejn ir-riċiklaġġ tal-materjali jiġi kkombinat mal-irkupru tal-enerġija. Min-naħa l-oħra, ir-rwol tal-inċinerazzjoni tal-iskart, li attwalment hija l-għażla predominanti għall-enerġija mill-iskart, jeħtieġ li jiġi definit mill-ġdid biex jiġi żgurat li ma jiġux imxekkla ż-żidiet fir-riċiklaġġ u fl-użu mill-ġdid u li tiġi skansata l-kapaċità żejda għat-trattament tal-iskart residwu.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri kollha jqisu l-gwida pprovduta f’din il-Komunikazzjoni meta jevalwaw u jirrevedu l-pjanijiet tagħhom għall-immaniġġjar tal-iskart skont il-leġiżlazzjoni tal-UE. Meta jippjanaw l-investimenti futuri għall-kapaċità tal-enerġija mill-iskart, huwa essenzjali li l-Istati Membri jqisu r-riskju ta’ assi mitlufa. Filwaqt li tkun qed tivvaluta l-pjanijiet nazzjonali għall-immaniġġjar tal-iskart u tkun qed twettaq monitoraġġ tal-progress biex jintlaħqu l-miri tar-riċiklaġġ tal-UE, il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi gwida dwar kif jista’ jiġi żgurat li l-ippjanar tal-kapaċità tal-enerġija mill-iskart ikun konsistenti mal-ġerarkija tal-iskart u li jappoġġaha, kif ukoll li jqis il-potenzjal tat-teknoloġiji ġodda u emerġenti tat-trattament tal-iskart u tar-riċiklaġġ.
Il-Kummissjoni għadha impenjata li tiżgura li l-finanzjament tal-UE u kull appoġġ finanzjarju pubbliku ieħor ikunu diretti lejn għażliet ta’ trattament tal-iskart li jkunu konformi mal-ġerarkija tal-iskart, u li tingħata prijorità lill-prevenzjoni, l-użu mill-ġdid, il-ġbir separat u r-riċiklaġġ tal-iskart.