IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.1.2017
COM(2017) 33 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari
1.Introduzzjoni
Il-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari, adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta’ Diċembru 2015, ħoloq momentum kbir biex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari fl-UE. Dan il-pakkett kien jinkludi proposti leġiżlattivi dwar l-iskart b’miri fuq terminu twil biex jitnaqqas ir-rimi fil-miżbliet u jiżdied ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid. Sabiex jagħlaq iċ-ċiklu tal-ħajjiet tal-prodotti, dan inkluda wkoll Pjan ta’ Azzjoni biex jappoġġa l-ekonomija ċirkolari f'kull ħolqa tal-katina tal-valur – mill-produzzjoni sal-konsum, it-tiswija u l-manifattura, l-immaniġġjar tal-iskart, u l-materja prima sekondarja li terġa' ssib postha fl-ekonomija. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tagħmel lista dettaljata ta’ azzjonijiet fil-mandat attwali tagħha.
It-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari ġġib magħha opportunitajiet kbar għall-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha. Dan huwa element importanti tal-isforzi tagħna biex nimmodernizzaw l-ekonomija Ewropea, biex tiġi ggwidata lejn direzzjoni aktar sostenibbli. Hemm raġuni kummerċjali qawwija timbuttaha li tagħmilha possibbli għall-kumpaniji li jagħmlu gwadann ekonomiku sostanzjali u jsiru aktar kompetittivi. Hija twassal għal iffrankar importanti tal-enerġija u għal benefiċċji ambjentali. Hija toħloq impjiegi lokali u opportunitajiet għall-integrazzjoni soċjali. Hija marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet ewlenin tal-UE fuq l-impjiegi u t-tkabbir, l-investimenti, l-aġenda soċjali u l-innovazzjoni industrijali.
Il-benefiċċji usa’ tal-ekonomija ċirkolari jinkludu wkoll it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. Għalhekk, l-ekonomija ċirkolari għandha sinerġiji b’saħħithom mal-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, kif ukoll il-pakkett adottat reċentement mill-Kummissjoni dwar “l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”. Hija wkoll strumentali fl-appoġġ tal-impenji tal-UE dwar is-sostenibbiltà, kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli” u b’mod partikolari biex jintlaħaq l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 12 dwar il-konsum sostenibbli u x-xejriet ta’ produzzjoni. It-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ekonomija ċirkolari huwa għalhekk prijorità ċara għall-Kummissjoni.
L-għan ta’ dan ir-rapport huwa li jippreżenta ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet li diġà twasslu fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE sa mill-adozzjoni tiegħu f’Diċembru 2015, u biex jintroduċi miri importanti għall-2017. Ittieħdu azzjonijiet ewlenin f’oqsma bħall-iskart tal-ikel, l-ekodisinn, il-fertilizzanti organiċi, garanziji għal prodotti tal-konsumatur, u l-innovazzjoni u l-investimenti. Il-prinċipji ta’ ekonomija ċirkolari ġew ukoll integrati b’mod gradwali fl-aħjar prattiki industrijali, l-akkwist pubbliku ekoloġiku, l-użu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, u permezz ta’ inizjattivi ġodda fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-ilma.
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE, mingħajr dubju kkontribwixxa biex jintegra l-kunċett ta’ “ekonomija ċirkolari” bħala l-ewwel pass ta’ sforz fuq perjodu twil. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata bis-sħiħ li timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni tagħha u biex taħdem f’oqsma ta’ politika differenti biex tappoġġa l-ekonomija ċirkolari. Dan l-impenn huwa rifless ukoll f’żieda fl-għadd ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament għal proġetti konkreti.
L-iżgurar li tirnexxi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, madankollu, jirrikjedi sforzi fuq ħafna fronti differenti u ma jiqafx bit-twettiq tal-azzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni. Bosta atturi mis-settur pubbliku u dak privat qed jimxu 'l quddiem, kif muri pereżempju bl-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ ekonomija ċirkolari f’għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi u reġjuni tal-UE.
L-azzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni mill-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari jinkludu diversi proposti leġiżlattivi, l-ewwel nett dwar l-iskart bl-istabbiliment ta’ miri ċari tar-riċiklaġġ tal-iskart u l-istabbiliment ta’ direzzjoni ambizzjuża u fit-tul li twassal għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart. Barra minn hekk, hemm proposti dwar il-bejgħ onlajn ta’ oġġetti li jsaħħu l-garanziji għall-konsumaturi, dwar il-fertilizzanti li jirkupraw in-nutrijenti, u proposta dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi f’tagħmir elettriku u elettroniku (adottati flimkien ma’ dan ir-rapport). Huwa importanti li l-koleġiżlaturi jaħdmu lejn l-adozzjoni ta’ dawn il-proposti leġiżlattivi mingħajr dewmien, biex ikun hemm tranżizzjoni mgħaġġla lejn ekonomija ċirkolari fuq il-post.
B’mod partikolari, din is-sena, l-adozzjoni rapida tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-iskart hija kruċjali sabiex tingħata spinta lill-investimenti f’iktar riċiklaġġ u riċiklaġġ aħjar madwar l-UE. Il-Kummissjoni għalhekk tappella liż-żewġ istituzzjonijiet biex jintlaħaq ftehim sal-aħħar tal-2017, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE fl-2017 li fiha ġie miftiehem trattament ta’ prijorità għal dawn il-proposti.
2.Kunsinni ewlenin sa mill-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni
Wara l-impenji meħuda fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari, il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ inizjattivi importanti fl-2016 biex tappoġġa l-ekonomija ċirkolari. Dawn l-inizjattivi jkopru l-katina tal-valur kollha, mill-produzzjoni sal-konsum, l-immaniġġjar tal-iskart u l-użu tal-materja prima sekondarja. Dawn huma ppreżentati hawn taħt f’ordni kronoloġiku ta’ meta jitlestew.
Proposta leġiżlattiva dwar il-bejgħ onlajn ta’ oġġetti (Diċembru 2015)
L-ewwel azzjoni meħuda mill-Kummissjoni wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kienet tikkonċerna garanziji legali għal prodotti tal-konsumatur. Fid-9 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat proposta leġiżlattiva dwar il-bejgħ onlajn ta’ oġġetti. Il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ il-garanziji għall-konsumaturi biex ikunu protetti aħjar kontra prodotti difettużi u tikkontribwixxi għad-durabilità tal-prodotti u kemm dawn ikunu jistgħu jissewwew. Din tevita li jintremew il-prodotti, u tagħti kontribut kbir lejn l-ekonomija ċirkolari.
Skont il-proposta, fil-każ ta’ prodott difettuż mibjugħ onlajn, matul l-ewwel sentejn mill-mument tal-kunsinna, il-bejjiegħ irid jagħti prova li ma kien jeżisti l-ebda difett f’dak iż-żmien. Taħt ir-regoli attwali, l-obbligu tal-bejjiegħ huwa għall-ewwel sitt xhur. Din il-bidla se tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u se tkun inċentiv ċar biex jiġu mmanifatturati prodotti ta’ kwalità ogħla u aktar durabbli.
Barra minn hekk, il-proposta tipprovdi garanzija legali ta’ sentejn għal oġġetti użati u tarmonizza b’mod sħiħ ġerarkija ta’ rimedji fejn it-tiswija tkun promossa b’mod aktar qawwi.
Proposta leġiżlattiva dwar il-fertilizzanti (Marzu 2016)
Fis-17 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni pproponiet Regolament li se joħloq suq uniku ġenwin għall-fertilizzanti magħmulin minn materja prima sekondarja (b’mod partikolari nutrijenti rkuprati), u b’hekk iddawwar il-problemi tal-ġestjoni tal-iskart f’opportunitajiet ekonomiċi.
Ir-regoli proposti jistgħu jagħmlu s-settur tal-fertilizzanti inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet ta’ materja prima primarja kritika bħall-fosfat, li jista’ wkoll jiġi rkuprat mill-fdalijiet tal-iskart organiku domestiku. L-abbozz ta’ Regolament jistabbilixxi regoli għall-moviment liberu ta’ prodotti fertilizzanti kollha mmarkati b'CE madwar l-UE, inkluż għall-prodotti fertilizzanti organiċi.
L-abbozz ta’ Regolament jarmonizza r-regoli tal-UE għall-prodotti li ġejjin mill-iskart organiku u l-prodotti sekondarji, u jipprevedi regoli dwar l-irkupru ta’ nutrijenti f’materja prima sekondarja. Meta l-iskart organiku jissodisfa r-rekwiżiti stretti ta’ rkupru, dan jista’ jsir komponent eliġibbli ta’ prodotti fertilizzanti mmarkati CE b’aċċess mhux ristrett għas-suq uniku. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ fertilizzanti mmarkati non-CE, l-Istati Membri tal-UE se jkunu jistgħu jkomplu jinnegozjaw dawk il-prodotti fis-suq nazzjonali tagħhom skont ir-regoli nazzjonali tagħhom.
Il-proposta dwar il-fertilizzanti kif se tgħin biex jinħolqu l-impjiegi u tingħata spinta lill-innovazzjoni?
Kif stabbilit fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva, madwar 120 000 impjieg jistgħu jinħolqu permezz tar-riċiklaġġ tal-bijoskart f’fertilizzanti bbażati fuq ingredjenti organiċi. Billi toħloq kundizzjonijiet ekwi għas-settur tal-fertilizzanti, l-SMEs u l-bdiewa li jipproduċu prodotti fertilizzanti organiċi se jkunu jistgħu jaċċessaw is-suq uniku u jaħtfu opportunitajiet ġodda.
Huma jkunu jistgħu joffru l-prodotti tagħhom lil ċirku usa’ ta’ grupp ta’ klijenti u jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala billi joffru prodott li jkun approvat permezz tal-garanzija tal-kwalità rikonoxxuta b’mod wiesa’ tas-“CE”. Dan se jkompli tagħti spinta lir-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment fl-ekonomija ċirkolari, joħloq impjiegi u jiġġenera valur minn riżorsi sekondarji ta’ oriġini domestika.
It-tnedija ta’ Ftehimiet dwar l-Innovazzjoni (Mejju 2016)
Il-Kummissjoni ħarġet sejħa għal espressjoni ta’ interess għal “Ftehimiet dwar l-innovazzjoni għal ekonomija ċirkolari”, li kienet miftuħa bejn is-26 ta’ Mejju u l-15 ta’ Settembru 2016. Is-sejħa tikkostitwixxi approċċ pilota biex tgħin lill-innovaturi jiffaċċaw ostakli regolatorji.
Il-ftehimiet dwar l-innovazzjoni għandhom l-għan li jġibu flimkien l-innovaturi, l-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali/lokali, u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiġu ċċarati l-ostakli regolatorji perċepiti għall-innovazzjoni fir-regolamentazzjoni tal-UE jew fil-miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ Stat Membru. Jekk l-eżistenza ta’ ostaklu għal leġiżlazzjoni tal-UE tkun ikkonfermata, il-Kummissjoni tikkunsidra t-tnedija ta’ valutazzjoni, konsultazzjoni u valutazzjoni tal-impatt ulterjuri ta’ dan l-ostaklu regolatorju.
Ġew ippreżentati 32 espressjoni ta’ interess minn 14-il Stat Membru differenti. Is-suġġetti li ssemmew fl-espressjonijiet ta’ interess jinkludu pereżempju ostakli regolatorji perċepiti għall-innovazzjoni fis-setturi tal-ilma, l-iskart u l-enerġija. Żewġ Ftehimiet dwar l-Innovazzjoni se jiġu ffirmati fl-ewwel kwart tal-2017: wieħed minnhom se jħares lejn l-ostakli leġiżlattivi perċepiti fir-rigward tal-mobilità elettronika u r-riċiklaġġ ta’ batteriji; l-ieħor se jeżamina l-ostakli regolatorji fir-rigward tat-trattament sostenibbli tal-ilma skart bl-użu ta’ teknoloġija innovattiva tal-bijoreatturi bil-membrana anajrobiċi.
Ekodisinn (Novembru 2016)
Il-possibbiltà ta’ tiswija jew riċiklaġġ ta’ prodott u l-użu mill-ġdid tal-komponenti u l-materjali tiegħu tiddependi ħafna fuq id-disinn inizjali tal-prodott. Wara diskussjonijiet politiċi dwar l-ekodisinn f’April u f’Ottubru 2016, il-Kummissjoni kkonfermat l-importanza tad-disinn intelliġenti tal-prodott u ddeċidiet li l-isforzi jkunu ffukati fuq gruppi ta’ prodotti bl-akbar potenzjal f’termini ta’ tfaddil tal-enerġija u r-riżorsi u tkompli ssaħħaħ il-bażi tal-evidenza għal azzjoni regolatorja. Dan irriżulta fl-adozzjoni fit-30 ta’ Novembru 2016 tal-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016–2019 bħala parti tal-pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha. Il-pjan ta’ ħidma l-ġdid se jgħinna nilħqu l-għanijiet tal-enerġija u l-klima tal-UE skont il-ftehim ta’ Pariġi billi jwassal iffrankar tal-enerġija li jista’ jitqabbel mal-konsum annwali tal-enerġija primarju tal-Iżvezja sas-sena 2030, u dan joħloq l-impjiegi u jixpruna l-innovazzjoni.
L-ekodisinn jista’ jkollu wkoll kontribut importanti fil-ħolqien ta’ ekonomija aktar ċirkolari. Filwaqt li miżuri tal-ekodisinn s’issa ffukaw prinċipalment fuq l-effiċjenza tal-enerġija, f’dan il-pjan ta’ ħidma, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tesplora wkoll aktar sistematikament il-possibbiltà li tistabbilixxi rekwiżiti tal-prodott rilevanti għall-ekonomija ċirkolari bħad-durabbiltà, il-kapaċità għat-tiswija, il-kapaċità għat-tibdil għall-aħjar, il-possibbiltà ta’ disinn għaż-żarmar, l-informazzjoni, u l-faċilità tal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Dan se jsir kemm għal gruppi ta’ prodotti ġodda kif ukoll għal reviżjonijiet ta’ miżuri eżistenti speċifiċi għall-prodott, u se jġib benefiċċji tul il-katina tal-valur.
Il-Pjan ta’ Ħidma jiddeskrivi l-prijoritajiet għas-snin li ġejjin f’termini ta’ gruppi ta’ prodotti ġodda għall-investigazzjoni, u reviżjonijiet ta’ regolamenti eżistenti dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar Enerġetiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tniedi studju speċifiku fuq il-prodotti tal-ICT, inklużi l-ismartphones, bil-ħsieb li possibbilment jiġu inklużi fi pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn.
B’mod parallel, il-Kummissjoni żviluppat rekwiżiti mandatorji għad-disinn tal-prodotti u l-immarkar biex ikun aktar faċli u sikur li jiġu żarmati, użati mill-ġdid u riċiklati id-displays elettroniċi (pereżempju moniters tal-kompjuter, televixins u displays elettroniċi integrati fi prodotti oħra). L-abbozz ta’ Regolament jinkludi rekwiżiti li jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ bħall-evitar tal-iwweldjar jew l-inkullar ta’ ċerti komponenti (pereżempju bordijiet taċ-ċirkwiti stampati, capacitors, batteriji u provvisti interni tal-enerġija), l-immarkar ta’ partijiet tal-plastik u l-preżenza ta’ kadmju u merkurju.
Barra minn hekk, l-abbozz ta’ Regolament jeħtieġ li l-manifatturi jipprovdu informazzjoni għar-riċiklaturi bħal-lokazzjoni ta’ partijiet tal-plastik li fihom retardanti tan-nirien brominati. Dawn ir-rekwiżiti jtejbu r-riċiklaġġ tad-displays, li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-miri ta’ riċiklaġġ skont id-Direttiva dwar l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku.
Immedjatament wara li adottat il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari, il-Kummissjoni staqsiet ukoll lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw standards ġeneriċi dwar id-durabbiltà, il-kapaċità għall-użu mill-ġdid u r-riċiklabilità ta’ ċerti prodotti. Ħafna prodotti għall-konsumatur u industrijali jistgħu jsiru aktar durabbli, riutilizzabbli u riċiklabbli jekk ikunu fis-seħħ metrika u standards xierqa.
It-tliet organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni aċċettaw it-talba tal-Kummissjoni u ppreżentaw pjan ta’ ħidma konġunt. Dawn waqqfu wkoll grupp ta’ ħidma konġunt li se jiżviluppa madwar 20 standard ġeneriku. Dan se jagħmilha aktar faċli biex jiġi deċiż liema rekwiżiti obbligatorji għandhom jiġu żviluppati biex tiżdied l-effiċjenza tar-riżorsi ta’ prodotti u biex jonqos l-iskart.
L-iskart tal-ikel (matul l-2016)
Il-ħela tal-ikel hija qasam ewlieni fl-ekonomija ċirkolari u għandu jiġi indirizzat f’ħafna livelli tul il-katina tal-valur. Il-Kummissjoni wettqet għadd ta’ azzjonijiet ta’ appoġġ għall-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel u l-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli relatati ma’ dan il-qasam. Hija nediet pjattaforma tal-partijiet interessati rigward il-prevenzjoni tal-ħela tal-ikel, għamlet progress fl-iżvilupp ta’ metodoloġija tal-UE biex titkejjel il-ħela tal-ikel, u ħejjiet linji gwida tal-UE biex tiffaċilita d-donazzjonijiet tal-ikel u jintużaw l-eks oġġetti tal-ikel bħala għalf.
Fl-1 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni stabbiliet il-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel. Il-pjattaforma se tkun forum ewlieni fil-livell tal-UE biex tappoġġa l-atturi kollha biex jidentifikaw u jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jinżamm l-impenn tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli li titnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel per capita sas-sena 2030. Din tgħaqqad 70 membru li jirrappreżentaw l-awtoritajiet pubbliċi (l-Istati Membri, il-pajjiżi tal-EFTA, il-korpi tal-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali) u l-atturi kollha tul il-katina ta’ valur alimentari, inklużi ċentri għall-għoti ta’ ikel b’xejn u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħrajn. Il-pjattaforma ltaqgħet għall-ewwel darba fid-29 ta’ Novembru 2016, u ġew diskussi riżultati importanti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-ekonomija ċirkolari dwar il-ħela tal-ikel, inklużi l-elementi ewlenin li għandhom jitqiesu fl-iżvilupp ta’ metodoloġija biex titkejjel il-ħela tal-ikel b’mod konsistenti madwar l-UE. Il-metodoloġija se tiġi użata mill-Istati Membri biex iwettqu l-obbligi ta’ rappurtar relatati mal-iskart tal-ikel stabbiliti fil-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.
Fl-2016, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, ħadmet fuq it-tħejjija ta’ linji gwida tal-UE sabiex tiġi ffaċilitata d-donazzjoni tal-ikel. Il-linji gwida se jipprovdu interpretazzjoni aktar konsistenti mill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri tar-regoli tal-UE li japplikaw għar-ridistribuzzjoni tal-ikel. Dawn għandhom l-għan li jindirizzaw l-ostakli legali u operazzjonali, kemm għad-donaturi kif ukoll għar-riċevituri, għar-ridistribuzzjoni ta’ ikel żejjed, sigur fl-UE. L-elementi prinċipali tal-linji gwida kienu diskussi mill-pjattaforma fid-29 ta’ Novembru 2016; il-linji gwida se jiġu ppubblikati fl-2017.
Il-Kummissjoni qed telabora wkoll linji gwida għall-użu tal-eks oġġetti tal-ikel bħala għalf, bl-għan li jiġu vvalorizzati n-nutrijenti fl-eks oġġetti tal-ikel permezz tal-użu sikur tagħhom fin-nutrizzjoni tal-annimali. Dan inaqqas il-ħela tal-ikel, jevita li l-eks oġġetti tal-ikel jinħarqu jew jintremew fil-miżbliet u minflok jissostitwixxi ċ-ċereali u ż-żerriegħa taż-żejt fid-dieti alimentari tal-annimali, fl-istess ħin jinħeles spazju tal-art għall-produzzjoni tal-ikel u titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-għalf importat. L-abbozz ta’ linji gwida ġie diskuss ukoll waqt laqgħa tal-pjattaforma; se jiġu ffinalizzati u ppubblikati fl-2017.
Minn Skart Għal Enerġija (Jannar 2017)
Flimkien ma’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni qed tadotta Komunikazzjoni dwar il-proċessi tal-iskart għall-enerġija u r-rwol tagħhom fl-ekonomija ċirkolari. L-għan ewlieni ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li jiġi żgurat li l-irkupru tal-enerġija mill-iskart fl-UE jappoġġa l-għanijiet tal-pjan ta’ azzjoni għal ekonomija ċirkolari u hija ggwidata ferm skont il-ġerarkija tal-iskart tal-UE. Il-Komunikazzjoni teżamina wkoll kif ir-rwol tal-proċessi tal-enerġija mill-iskart jista’ jiġi ottimizzat biex permezz tagħhom jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija u fil-Ftehim ta’ Pariġi.
Proposta għal emenda tad-Direttiva dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi f’tagħmir elettriku u elettroniku (Jannar 2017)
Flimkien ma’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni qed tadotta wkoll proposta biex issir emenda mmirata tad-Direttiva dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ sustanzi perikolużi f’tagħmir elettriku u elettroniku (“id-Direttiva RoHS”). L-abbozz ta’ direttiva, billi tagħti lok għal sostituzzjoni ta’ ċerti sustanzi perikolużi f’tagħmir elettriku u elettroniku, issaħħaħ il-possibbiltà u l-vantaġġ ekonomiku tar-riċiklaġġ tal-iskart minn dak it-tagħmir. L-abbozz ta’ direttiva timplimenta wkoll l-ogħla prijorità tal-ġerarkija tal-iskart, il-prevenzjoni tal-iskart.
Jekk ikun possibbli għall-operaturi li jestendu l-użu ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, it-tmiem taċ-ċiklu tal-użu u r-rimi tagħhom jiġu posposti, u b’hekk tiġi evitata iktar ġenerazzjoni tal-iskart, inkluż l-iskart perikoluż. Huwa stmat li l-miżura se tevita l-ħolqien ta’ aktar minn 3 000 tunnellata ta’ skart perikoluż kull sena fl-UE. It-tul tal-ħajja estiż tat-tagħmir elettriku u elettroniku se jwassal ukoll għal iffrankar addizzjonali tal-enerġija u l-materja prima.
Il-proposta biex temenda d-Direttiva RoHS se:
tippermetti l-operazzjonijiet tas-suq sekondarju (pereżempju l-bejgħ mill-ġdid, is-suq tas-second hand) għal ċertu tagħmir elettriku u elettroniku; u
tippermetti t-tiswija bi spare parts ta’ ċertu tagħmir elettriku u elettroniku li tqiegħed fis-suq qabel it-22 ta’ Lulju 2019.
Din il-proposta kif se tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej?
Jekk l-operazzjonijiet tas-suq sekondarju jkunu permessi b’mod sħiħ u tiżdied id-disponibbiltà tal-ispare parts għal ċertu tagħmir elettriku u elettroniku, dan se jkollu impatt ekonomiku pożittiv billi jġib miegħu opportunitajiet tas-suq għat-tiswija u l-bejgħ sekondarju. Dan se jnaqqas l-ispejjeż u l-piż amministrattiv kemm għan-negozji, inkluż l-SMEs, kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi. Pereżempju, dan se jiffranka lill-isptarijiet Ewropej madwar EUR 170 miljun wara l-2019 minħabba li tinżamm il-possibbiltà li jerġgħu jbigħu u jixtru apparat mediku użat (li, mingħajr din il-proposta, mhux se jkun possibbli wara l-perjodu tranżitorju).
Sabiex tiġi ffaċilitata t-tħejjija għall-użu mill-ġdid u t-trattament ambjentalment korrett ta’ skart ta’ tagħmir elettroniku u elettriku, il-Kummissjoni bdiet ukoll djalogu bejn il-manifatturi u r-riċiklaturi ta’ prodotti elettroniċi bl-għan li jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-preparazzjoni għall-użu mill-ġdid u t-trattament ta’ tagħmir ġdid li jitqiegħed fis-suq.
Il-pjattaforma biex tappoġġa l-finanzjament tal-ekonomija ċirkolari (Jannar 2017)
Flimkien ma’ dan ir-rapport, qed titnieda pjattaforma, li tgħaqqad flimkien il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u n-negozji biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-loġika tan-negozju tal-ekonomija ċirkolari u titjieb l-adozzjoni ta’ proġetti tal-ekonomija ċirkolari mill-investituri. Filwaqt li l-każ ta’ negozju għall-ekonomija ċirkolari huwa ċar, dan il-messaġġ xorta għadu jrid jilħaq parti kbira tan-negozji fl-UE u tas-settur finanzjarju u bankarju.
Il-pjattaforma se jkollha struttura bi tliet pilastri:
Il-pilastru tal-koordinazzjoni u s-sensibilizzazzjoni se jaqsam l-aħjar prattiki fost promoturi potenzjali tal-proġetti u partijiet interessati oħra. Dan se janalizza l-karatteristiċi tal-proġetti tal-ekonomija ċirkolari u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament partikolari tagħhom, pariri dwar it-titjib tal-bankabbiltà tagħhom, kif ukoll jikkoordina l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-finanzjament tal-ekonomija ċirkolari. Se jinħoloq grupp ta’ esperti apposta f’dan il-kuntest.
Il-pilastru konsultattiv se jintuża biex jiġu żviluppati proġetti tal-ekonomija ċirkolari u jitjiebu l-prospetti ta’ bankabbiltà tagħhom.
Il-pilastru ta’ finanzjament se jesplora jekk strument ta’ finanzjament iddedikat għal proġetti tal-ekonomija ċirkolari huwiex meħtieġ.
3.Inizjattivi oħra mogħtija fl-2016
Minbarra l-inizjattivi prinċipali elenkati hawn fuq, għadd ta’ azzjonijiet oħra importanti mill-Kummissjoni, elenkati hawn taħt, għenu biex jintegraw l-ekonomija ċirkulari fiċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti, b’għodod bħall-aħjar prattiki, l-akkwist, l-informazzjoni lill-konsumaturi, il-gwida, il-finanzjament u l-iskemi ta’ appoġġ. Dawn l-għodod huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-ekonomija ċirkolari tkun f’idejn l-atturi rilevanti kollha tal-ekonomija u gradwalment issir il-prattika standard.
Gwida dwar l-ekonomija ċirkolari fil-BREFs għal diversi setturi industrijali
Il-Kummissjoni integrat aspetti tal-ekonomija ċirkolari fid-Dokumenti ta’ Referenza dwar l-Aqwa Tekniki Possibbli (“BREFs”) li l-Istati Membri tal-UE jridu jirriflettu fil-ħruġ ta’ permessi għal installazzjonijiet industrijali. Dan se jgħin biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart, jiżdied ir-riċiklaġġ u jonqos l-użu ta’ riżorsi biex b’hekk titwassal aktar sostenibilità u kompetittività fl-industriji koperti mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali. Barra minn hekk, tekniki ġodda li jintegraw aspetti relevanti għall-ekonomija ċirkolari huma identifikati permezz tal-BREFs, biex b’hekk tiġi promossa l-innovazzjoni fil-proċessi industrijali.
Pereżempju, l-Aqwa Tekniki Disponibbli għall-industriji tal-metalli li ma fihomx ħadid jinkludu:
tekniki biex jitjieb l-użu tal-materja prima sekondarja, tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u titnaqqas il-ġenerazzjoni ta’ ilma mormi li jikkontribwixxu biex jiġu ffrankati riżorsi naturali.
tekniki biex titnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart permezz ta’ pereżempju użi alternattivi għal residwi ta’ proċessi.
Akkwist Pubbliku Ekoloġiku
Fl-2016, il-Kummissjoni ppubblikat kriterji tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku għal binjiet ta’ uffiċini, toroq, kanali u għall-kompjuters u moniters tal-kompjuter. Dawn jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet pubbliċi fuq bażi volontarja, u jinkludu r-rekwiżiti rilevanti għal ekonomija ċirkolari. Pereżempju, kompjuters u moniters iridu jkunu ddisinjati sabiex ikunu jistgħu jissewwew b’għodod li ssibhom komunement u li l-batteriji jkunu jistgħu jiġu sostitwiti b’mod faċli, u l-possibbiltà li dawn jiġu aġġornati tkun ippremjata. L-użu ta’ materjali riċiklati biex jintużaw għall-kostruzzjoni ta’ toroq u binjiet huwa mħeġġeġ. Billi l-akkwist pubbliku jammonta għal proporzjon kbir tal-konsum Ewropew, l-inklużjoni ta’ rekwiżiti relatati maċ-ċirkolarità fl-akkwist tal-awtoritajiet pubbliċi se jkollhom rwol ewlieni fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.
Gwida Aġġornata dwar id-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali — Azzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet ambjentali
Fil-25 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni adottat verżjoni riveduta tal-gwida tagħha dwar id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, li tinkludi elementi speċifiċi li jagħmlu dikjarazzjonijiet ekoloġiċi aktar affidabbli u trasparenti. Il-gwida tindirizza informazzjoni falza, mhux ċara, mhux intelliġibbli jew ambigwa, inklużi dikjarazzjonijiet relatati mal-ekonomija ċirkolari. Din se tgħin biex il-konsumaturi jiġu protetti minn informazzjoni kummerċjali qarrieqa u bla bażi. Dikjarazzjonijiet qarrieqa jistgħu jwasslu biex il-konsumaturi jitilfu l-fiduċja fit-tikketti u biex il-kumpaniji jkunu skuraġġuti milli jagħmlu dikjarazzjonijiet veri u rilevanti, li jfixkel lill-ekonomija ċirkolari. Il-gwida riveduta tintegra l-kontribut minn grupp ta’ bosta partijiet ikkonċernati dwar id-dikjarazzjonijiet ambjentali li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet kummerċjali Ewropej, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u NGOs ambjentali.
L-intensifikar tal-infurzar tar-Regolament rivedut dwar Vjeġġi ta’ Skart
Fit-28 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi tabella preliminari ta’ korrelazzjoni bejn il-kodiċijiet doganali u l-iskart. Din l-għodda ġdida għandha tgħin lill-uffiċjali doganali jidentifikaw l-iskart li jaqsam il-fruntieri tal-UE illegalment, pereżempju billi jkun ittikkettat bħala prodotti użati. Din se ssaħħaħ l-infurzar tar-Regolament dwar Vjeġġi ta’ Skart u se tgħin biex jiġi evitat it-telf ta’ materja prima prezzjuża barra mill-UE.
Prattiki tajbin fis-sistemi ta’ ġbir tal-iskart
Matul l-2016, il-Kummissjoni kienet qed tidentifika u tippromwovi prattiki tajbin tal-ġbir tal-iskart separat madwar l-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni rrevediet l-istat tal-implimentazzjoni tal-ġbir separat fl-Istati Membri tal-UE, inkluż valutazzjoni tal-qafas legali u tal-implimentazzjoni prattika tas-sistemi ta’ ġbir separat. Fuq il-bażi ta’ din il-valutazzjoni, ir-reviżjoni wasslet għal sett ta’ rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw il-livelli differenti tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Ir-rakkomandazzjonijiet ġew diskussi mal-partijiet interessati u l-Istati Membri tal-UE f’konferenza li saret fid-29 ta’ Jannar 2016. Barra minn hekk, l-Orizzont 2020 qed jappoġġa dan il-fluss ta’ xogħol billi jiffinanzja għadd ta’ proġetti konkreti f’dan il-qasam.
L-użu mill-ġdid tal-ilma
F’Ġunju 2016, inħarġu linji gwida taħt l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma bl-għan li jintegraw aħjar l-użu mill-ġdid tal-ilma fl-ippjanar u fil-ġestjoni tal-ilma. Billi l-iskarsezza tal-ilma marret għall-agħar f'xi partijiet tal-UE, l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat taħt kundizzjonijiet sikuri u kosteffettivi huwa mezz siewi iżda mhux utilizzat, ta' kif inżidu l-provvista tal-ilma u nnaqqsu l-pressjoni fuq ir-riżorsi. L-iffaċilitar tal-użu mill-ġdid tal-ilma fl-agrikoltura se jikkontribwixxi għar-riċiklaġġ tan-nutrijenti bis-sostituzzjoni tal-fertilizzanti solidi.
Fis-7 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppubblikat Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu għal inizjattiva futura dwar ir-rekwiżiti ta’ kwalità minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma fit-tisqija u t-tiġdid tal-akwifer. Konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-għażliet politiċi tnediet mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Ottubru 2016.
Fl-2016, l-użu mill-ġdid tal-ilma saret prijorità ewlenija tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) dwar l-ilma u ġiet ippreżentata f’konferenza tal-EIP f’Leeuwarden fl-10 ta’ Frar 2016.
Il-kostruzzjoni u d-demolizzjoni
Fid-9 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet protokoll volontarju fl-industrija kollha dwar il-ġestjoni tal-iskart mill-kostruzzjoni u mid-demolizzjoni. L-għan tal-protokoll huwa li titjieb l-identifikazzjoni, is-separazzjoni u l-ġbir tal-iskart, kif ukoll il-loġistika, l-ipproċessar, u ġestjoni tal-kwalità. Il-protokoll għalhekk iżid il-fiduċja fil-kwalità tal-materjali riċiklati u jinkoraġġixxi l-użu tagħhom fis-settur tal-kostruzzjoni.
Abbażi tal-volum, l-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni huwa l-akbar fluss ta’ skart fl-UE. Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart 2008/98/KE tistabbilixxi mira ta’ 70 % għall-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni li għandu jiġi rkuprat sal-2020. Madankollu, il-potenzjal għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ dan il-fluss ta’ skart mhux qed jiġi sfruttat bis-sħiħ. Wieħed mill-ostakli huwa n-nuqqas ta’ fiduċja fil-kwalità tal-iskart mill-materjali ta’ kostruzzjoni u demolizzjoni riċiklati.
L-Orizzont 2020 qed tappoġġa wkoll diversi proġetti ta’ innovazzjoni f’dan il-qasam.
Il-bijomassa u l-prodotti b’bażi bijoloġika
Fit-30 ta’ Novembru 2016, fid-dokument tagħha ta’ riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli bħala parti mill-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha, il-Kummissjoni adottat kriterji ta’ sostenibbiltà għall-użi kollha tal-bijoenerġija. Sabiex tiġi llimitata l-pressjoni fuq ir-riżorsi tal-bijomassa limitati, il-Kummissjoni pproponiet li l-konverżjoni effiċjenti mill-bijomassa għall-elettriku biss għandha tirċievi appoġġ pubbliku. Dan se jiffaċilita s-sinerġiji mal-ekonomija ċirkolari fl-użi tal-bijomassa, b’mod partikolari l-injam, li jista’ jintuża għal firxa wiesgħa ta’ prodotti kif ukoll għall-enerġija.
Appoġġ għall-ekonomija ċirkolari permezz ta’ fondi ta’ politika ta’ koeżjoni u strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti
Matul l-2016, il-Kummissjoni wettqet attivitajiet immirati ta' sensibilizzazzjoni biex tgħin lill-Istati Membri u lir-reġjuni tal-UE jużaw il-fondi tal-politika ta' koeżjoni għall-ekonomija ċirkolari L-ekonomija ċirkolari kienet waħda mit-temi tas-sejħa “Azzjonijiet innovattivi urbani” li tnediet f’Diċembru 2016. Kienet ukoll wieħed mis-suġġetti ewlenin tal-ġimgħa Ewropea tar-reġjuni u l-bliet u waħda mill-kategoriji tal-premjijiet RegioStars fl-2016, li jidentifika proġetti ta’ żvilupp reġjonali pendenti ffinanzjati mill-UE.
Ħafna reġjuni identifikaw prijoritajiet relatati mal-ekonomija ċirkolari fl-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti tagħhom, li jiggwidaw l-investimenti tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-politika ta’ koeżjoni. Fl-2016, pjattaformi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tematiċi ġodda ġew imnedija biex jgħinu lil dawn ir-reġjuni biex jikkooperaw ma’ oħrajn tul il-ktajjen ta’ valur dwar suġġetti bħall-modernizzazzjoni industrijali, l-agroalimentari u l-enerġija.
Il-finanzjament tal-UE kif qiegħed jappoġġa b’mod konkret l-ekonomija ċirkolari?
Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni
Għal żewġ deċenji, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE pprovdiet appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ politika rilevanti għall-ekonomija ċirkolari (pereżempju EUR 6 biljun għall-immaniġġjar tal-iskart fl-2007-13). Fil-perjodu ta' finanzjament attwali (2014-2020), kundizzjonijiet ex-ante għall-finanzjament huma fis-seħħ biex jiżguraw li investimenti ġodda fis-settur tal-iskart ikunu konsistenti mal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-iskart imfassla mill-Istati Membri biex jilħqu l-miri ta’ riċiklaġġ. L-appoġġ tal-UE għall-perjodu 2014–2020 għall-innovazzjoni, l-SMEs, l-ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u l-ħarsien tal-ambjent jammonta għal EUR 150 biljun, u ħafna minn dawn l-oqsma qed jikkontribwixxu għall-kisba ta’ ekonomija ċirkolari.
Pereżempju, bl-għajnuna tal-fondi tal-UE, is-Slovenja qed tilħaq il-miri tar-riċiklaġġ tagħha u l-poplu ta' Ljubljana għandu ġestjoni tal-iskart aħjar u aktar sostenibbli. Mindu ssieħbet fl-UE, il-kapitali Slovena tat spinta lill-ġbir separat u lir-riċiklaġġ, u naqqset l-ammont ta’ skart mormi fil-miżbliet b’59 %. Barra minn hekk investit ukoll fil-prevenzjoni u l-użu mill-ġdid. Ljubljana issa tiġġenera 41 % inqas skart per capita mill-medja Ewropea u ddeċidiet li ma tibnix żewġ inċineraturi ġodda kif kien ippjanat oriġinarjament.
Wieħed mill-elementi ewlenin tas-sistema integrata tal-iskart huwa ċ-Ċentru ta’ Ġestjoni tal-Iskart Reġjonali ta’ Ljubljana. Dan il-proġett iffinanzjat mill-UE li beda bħala faċilità għal 17-il muniċipalità. Aktar tard, 20 oħra ngħaqdu miegħu, biex b'hekk telqet il-ħtieġa ta’ impjant ta’ trattament.
Il-proġett INTERREG tal-Oċean Ċirkolari jittratta l-problema tal-iskart fil-baħar fil-Periferija tat-Tramuntana u r-reġjun Artiku. Dan jippromwovi l-ekonomija ekoloġika billi jsib soluzzjonijiet li jerġgħu jużaw l-iskart tal-plastik, bħal xbieki u ħbula tas-sajd qodma, u biex jisfrutta l-ekoinnovazzjoni. Il-proġett huwa r-rebbieħ tal-Premju RegioStars 2016 u qed jittestja diversi użi ġodda għall-iskart tal-plastik bħat-tisħiħ tal-konkos jew materjali oħra tal-bini. Dan qed jesperimenta wkoll bl-użu ta’ xbieki tas-sajd bħala materjal biex jitneħħew is-sustanzi niġġiesa mill-ilma.
ORIZZONT 2020
Il-Programm Qafas Orizzont 2020 dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE qed tiffinanzja proġetti innovattivi li jappoġġaw it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari. Pereżempju, Orizzont 2020 qed jikkontribwixxi EUR 8.8 miljun għall-proġett RESYNTEX li se jiżviluppa mudelli ta’ negozju tal-ekonomija ċirkolari għall-industriji tal-kimika u tat-tessuti. Huwa jgħaqqad 20 sieħeb minn madwar 10 Stati Membri differenti tal-UE, inklużi assoċjazzjonijiet industrijali, negozji, SMEs u istituti ta’ riċerka. Il-proġett se juri kif għandhom jiġu evitati l-inċinerazzjoni u r-rimi fil-miżbliet tal-iskart tat-tessuti permezz tar-riċiklar kimiku ta’ taħlitiet ta’ tessuti li ma jintlibsux f'impjant tar-riċiklaġġ pilota ta’ 500 tunnellata/sena. It-teknoloġija ta’ pproċessar ġdida se żżid l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi billi tivvalorizza l-iskart tat-tessuti li jista' jintuża bħala materja prima industrijali, filwaqt li tiżgura l-aċċettazzjoni fis-suq tiegħu.
LIFE
Il-programm LIFE jappoġġa proġetti rilevanti għall-ekonomija ċirkolari mill-1992 b’aktar minn 670 proġett ta' tnaqqis tal-iskart, riċiklaġġ u użu mill-ġdid li jammontaw għal aktar minn EUR 1 biljun ta’ finanzjament tal-UE. Dan jissokta taħt il-programm LIFE l-ġdid tal-2014–2020 b’aktar minn EUR 100 miljun investiti f’iktar minn 80 proġett tal-ekonomija ċirkolari matul l-ewwel sentejn.
Riċerka u Innovazzjoni L-Industrija 2020 fl-ekonomija ċirkolari
Il-Programm ta’ Ħidma ta' Orizzont 2020 2016–17 jinkludi Qasam ta’ Fokus fuq “l-Industrija 2020 fl-ekonomija ċirkolari” li jagħti fondi biex tintwera l-fattibbiltà ekonomika u ambjentali tal-ekonomija ċirkolari, u fl-istess ħin tingħata spinta qawwija lir-riindustrijalizzazzjoni tal-UE. Fl-2016, diversi sejħiet ġew miftuħa taħt il-qasam ta’ fokus, inkluż wieħed iddedikat għal proġetti fuq skala kbira għal approċċi sistemiċi ekoinnovattivi għall-ekonomija ċirkolari u għall-ilma fl-ekonomija ċirkolari. L-evalwazzjoni ta’ proposti ppreżentati għal dawn is-suġġetti seħħet reċentement u t-tħejjija tal-ftehimiet dwar l-għotjiet għall-proġetti magħżula għadha għaddejja. Sejħiet addizzjonali kienu wkoll imnedija fl-2016, fi ħdan il-qafas tas-Sħubijiet Pubbliċi u Privati dwar il-“Fabbriki tal-Futur”, “l-Industriji tal-Proċess Sostenibbli” u l-“Industriji b' bażi bijoloġika” biex jgħinu jiżviluppaw u jniedu t-teknoloġiji abilitanti ewlenin meħtieġa biex jappoġġaw il-manifattura tal-UE f’firxa wiesgħa ta’ setturi.
Servizzi teknoloġiċi biex jitħaffef l-użu tal-manifattura avvanzata għall-produzzjoni nadifa permezz tal-SMEs tal-manifattura
Fit-8 ta’ Novembru 2016, taħt Orizzont 2020, il-Kummissjoni ppubblikat sejħa sabiex jiġi stabbilit one-stop shop għall-SMEs biex ikollhom aċċess għal servizzi u/jew faċilitajiet ta’ teknoloġija fil-qasam tal-manifattura avvanzata għall-produzzjoni nadifa. Minkejja l-prestazzjoni tajba tal-Ewropa fil-privattivi u l-kummerċ, l-użu ta’ soluzzjonijiet avvanzati tal-manifattura mill-kumpaniji Ewropej jibqa’ sfida. Ħafna SMEs m'għandhomx ir-riżorsi jew il-kompetenza biex jintegraw teknoloġiji innovattivi tal-manifattura avvanzati relatati mal-produzzjoni nadifa.
L-għan tas-sejħa huwa li jiġi pprovdut aċċess għal dan il-one-stop shop sabiex massa kritika ta' SMEs fis-settur tal-manifattura, fuq perjodu ta’ tliet snin, ikunu jistgħu jintegraw teknoloġiji tal-manifattura avvanzati u innovattivi fil-proċess tal-produzzjoni tagħhom u jagħmlu deċiżjonijiet infurmati għal aktar investiment. Is-sejħa se tibqa’ miftuħa sat-28 ta’ Marzu 2017.
Il-Kummissjoni kif biħsiebha tappoġġa l-SMEs fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija ċirkolari?
Il-Kummissjoni appoġġat l-SMEs fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija ċirkolari permezz tat-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs. Il-fondi tal-UE appoġġaw ukoll eluf ta’ SMEs f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, taw spinta lill-effiċjenza tar-riżorsi, l-effiċjenza enerġetika u l-innovazzjoni fil-manifattura u l-produzzjoni. Dan l-appoġġ lill-SMEs se jibqa’ ġej mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu 2014–2020. F’Jannar 2017 beda jopera Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza fir-Riżorsi għall-SMEs. Iċ-Ċentru se jinkludi għodda ta’ awtovalutazzjoni u jipprovdi opportunitajiet ta’ netwerking u attivitajiet ta’ appoġġ għall-SMEs u l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ tagħhom. Proġett pilota ffinanzjat mill-Parlament Ewropew u eżegwit mill-Kummissjoni se jipprovdi bini tal-kapaċità prattika għall-SMEs fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari u l-ekoinnovazzjoni minn Frar 2017 ’il quddiem.
4.Inizjattivi ewlenin għall-2017
Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 jikkonferma l-impenn sħiħ tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari. Fl-2017, il-Kummissjoni se tipproponi Strateġija għall-Plastik biex ittejjeb l-ekonomiċità, il-kwalità u l-użu tal-plastik għar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid, tnaqqas it-tnixxija tal-plastik fl-ambjent u tiddiżakkoppja l-produzzjoni tal-plastiks minn fjuwils fossili.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tressaq analiżi dettaljata tal-problemi legali, tekniċi jew prattiċi fl-interfaċċja tal-leġiżlazzjoni tal-kimika, tal-prodotti u tal-iskart li jistgħu jfixklu t-tranżizzjoni tal-materjali riċiklati fl-ekonomija produttiva. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tikkunsidra għażliet biex ittejjeb l-informazzjoni dwar sustanzi ta’ tħassib fil-prodotti u fl-iskart, u l-alternattivi biex jiġi ffaċilitat l-immaniġġar ta’ sustanzi ta’ tħassib li jinsabu f’materjali riċiklati. L-objettiv mhux biss li jkunu promossi ċikli ta’ materjali mhux tossiċi, iżda wkoll li jissaħħaħ l-użu tal-materja prima sekondarja.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tressaq proposta leġiżlattiva dwar ir-rekwiżiti ta’ kwalità minimi biex jinġieb 'il quddiem l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat, filwaqt li tiġi żgurata s-saħħa u s-sikurezza ambjentali tal-prattiki fl-użu mill-ġdid tal-ilma u l-kummerċ ħieles ta’ prodotti tal-ikel fl-UE.
Il-qafas ta’ monitoraġġ li jivvaluta l-progress tal-ekonomija ċirkolari fl-UE u l-Istati Membri tagħha se jiġi ppreżentat ukoll fl-2017.
Fl-2017, l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma tal-Ekodisinn se jkollha fokus akbar fuq l-ekonomija ċirkolari u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi lil hinn mill-effiċjenza enerġetika.
Il-Kummissjoni se tadotta wkoll il-Kontroll tal-Idoneità dwar l-Ekotikketta tal-UE u l-EMAS fl-ewwel kwart tal-2017.
L-2017 se tkun sena kruċjali biex jiġi żviluppat djalogu politiku mal-partijiet interessati. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew se jniedu pjattaforma għall-partijiet interessati dwar l-ekonomija ċirkolari, fl-okkażjoni tal-konferenza tal-partijiet interessati interistituzzjonali dwar l-ekonomija ċirkolari fid-9–10 ta’ Marzu 2017 fi Brussell.
5.Konklużjonijiet
Fis-snin li ġejjin, se jkun kruċjali li jinżamm il-momentum li nħoloq permezz tal-adozzjoni tal-pakkett tal-ekonomija ċirkolari u b’azzjonijiet fil-livelli kollha, biex l-ekonomija ċirkolari ssir realtà b’benefiċċji għaċ-ċittadini Ewropej kollha. It-twassil konsistenti tal-Pjan ta’ Azzjoni u l-adozzjoni rapida tal-proposti leġiżlattivi dwar l-iskart u l-fertilizzanti se jgħinu biex iġibu direzzjonijiet ċari għall-investituri u jappoġġaw it-tranżizzjoni.