Brussell, 24.1.2017

COM(2017) 28 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR L-EFFETTIVITÀ TAD-DIRETTIVA 89/665/KEE U D-DIRETTIVA 92/13/KEE, KIF EMENDATI BID-DIRETTIVA 2007/66/KE, RIGWARD IL-PROĊEDURI TA' REVIŻJONI FIL-QASAM TAL-GĦOTI TAL-KUNTRATTI PUBBLIĊI

{SWD(2017) 13 final}


1.Kuntest ġenerali

Id-Direttivi dwar l-Akkwist 1 jirregolaw il-proċess ta’ għoti u l-aspetti limitati tal-eżekuzzjoni tal-kuntratti pubbliċi u tal-kuntratti ta’ konċessjoni ogħla minn ċerti limiti. Il-valur stmat tal-offerti ppubblikati fit-”Tenders Electronic Daily” (TED) 2 fl-2014 ammonta għal 421.31 biljun euro, li huwa 3.32% mill-PDG tal-UE. 3 Swieq tal-akkwist miftuħin u regolati sew jikkontribwixxu għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi u għat-titjib tal-kwalità tal-akkwisti pubbliċi.

L-esperjenza miksuba bid-Direttivi dwar l-Akkwist uriet li sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom, l-atturi ekonomiċi jridu jkunu kapaċi jinfurzaw id-drittijiet mogħtijin minn dawn id-Direttivi kullimkien fl-UE. Konsegwentement, id-Direttivi dwar ir-Rimedji (Direttivi 89/665/KEE u 92/13/KEE, kif emendati bid-Direttiva 2007/66/KE 4 ) ġew adottati bħala miżuri ta’ sostenn 5 . Dawn id-Direttivi kellhom l-għan li jiżguraw li, fuq il-bażi tal-istandards ta’ reviżjoni minimi tal-UE, l-atturi ekonomiċi minn kullimkien fl-UE jkollhom aċċess għal proċeduri rapidi u effettivi sabiex ifittxu rimedju f’każijiet li fihom iqisu li l-kuntratti mogħtija jiksru d-Direttivi dwar l-Akkwist. Għaldaqstant, id-Direttivi dwar ir-Rimedji għandhom rwol essenzjali fil-kuntest tal-akkwist pubbliku u huma eżempju uniku fil-liġi tal-UE ta’ għoti ta’ effett sħiħ lid-drittijiet tal-UE f’livell nazzjonali.

Id-Direttivi dwar ir-Rimedji jippermettu li jittieħdu passi kemm qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt (rimedji prekuntrattwali) kif ukoll wara (rimedji postkuntrattwali). Ir-rimedji prekuntrattwali jinkludu d-dritt ta’ miżuri interim, perjodu ta’ status quo obbligatorju bejn id-deċiżjoni ta’ għoti u l-konklużjoni tal-kuntratt u r-rekwiżit ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ għoti filwaqt li jkun qed jiġi investigat l-appell għall-prevenzjoni tal-għoti tal-kuntratt. Ir-rimedji postkuntrattwali għandhom l-għan li jiddikjaraw kuntratt eżistenti bħala ineffettiv u/jew li jipprovdu kumpens (b’mod partikolari danni) lill-partijiet affettwati wara li jkun ġie ffirmat il-kuntratt inkwistjoni. Barra minn hekk, elementi importanti oħrajn tad-Direttivi dwar ir-Rimedji huma l-informar awtomatiku lill-offerenti dwar għaliex ma rebħux, ir-reġim tal-limiti ta’ żmien għall-ftuħ ta’ proċedimenti u l-penali alternattivi (jiġifieri t-tqassir tad-durata tal-kuntratt jew l-impożizzjoni ta’ multi) meta l-ineffettività ma tkunx adattata.

Id-Direttivi dwar ir-Rimedji jipprovdu li l-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni tagħhom u tirrapporta mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar l-effettività tagħhom, b’mod partikolari rigward il-penali alternattivi u l-limiti ta’ żmien introdotti mid-Direttiva 2007/66/KE. Barra minn hekk, fl-2013 ġie deċiż li ssir evalwazzjoni skont il-Programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) ta’ dawn id-Direttivi. Dan ir-rapport jiġi sottomess lill-Parlament u lill-Kunsill sabiex jiġi ssodisfat l-obbligu legali ta’ rapportar mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill u li jiġu kkomunikati r-riżultati tal-evalwazzjoni tar-REFIT. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-rapport jipprovdi aktar dettalji dwar l-evalwazzjoni mwettqa.

Sabiex jitħejja dan ir-rapport, intużaw is-sorsi ta’ informazzjoni li ġejjin:

l-istudju “Economic efficiency and legal effectiveness of review and remedies procedures for public contracts 6 ;

konsultazzjoni pubblika online miftuħa li kellha l-għan li tiġbor l-evidenza dwar il-funzjonament u dwar il-valur miżjud tad-Direttivi dwar ir-Rimedji 7 ;

konsultazzjonijiet mal-Istati Membri;

numru ta’ konsultazzjonijiet immirati ma’ esperti u ma’ operaturi fil-qasam tal-litigazzjoni dwar l-akkwist pubbliku; u

reviżjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-ġurisprudenza nazzjonali.

Minbarra l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-politika tad-Direttivi, l-evalwazzjoni skont REFIT tixħet enfasi speċjali fuq jekk id-Direttivi dwar ir-Rimedji humiex adattati sabiex jilħqu l-għanijiet, jimminimizzawx il-kostijiet u l-piżijiet assoċjati u jimmassimizzawx il-potenzjal ta’ simplifikazzjoni.

Bħalissa ma hemm l-ebda sistema ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tar-rimedji fl-Istati Membri li tkopri l-UE sħiħa. Id-dejta dwar l-azzjonijiet ta’ rimedju fuq kuntratti pubbliċi ogħla mil-limiti meħudin f’kull Stat Membru ma tinġabarx b’mod strutturat, koerenti u sistemiku li jippermetti li r-riżultati miksubin jiġu analizzati b’mod awtomatizzat u faċilment komparabbli. Għalhekk, diffiċli jsir il-kejl jew l-istimar xieraq tal-effetti tad-Direttivi dwar ir-Rimedji u dan jeħtieġ aktar azzjonijiet (eż. ġbir ta’ dejta ta’ darba u analiżi manwali, kif inhu l-każ f’din l-evalwazzjoni).

2.L-implimentazzjoni mill-Istati Membri

Id-Direttivi dwar ir-Rimedji ġew trasposti bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha. Minkejja dan, ġie identifikat dewmien sinifikanti u mifrux fit-traspożizzjoni tad-Direttiva emendatorja 2007/66/KE (għal aktar dettalji, ara l-Anness 5 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal). Minħabba l-armonizzazzjoni minima miġjuba mid-Direttivi dwar ir-Rimedji, l-Istati Membri adottaw regoli nazzjonali b’kamp ta’ applikazzjoni u b’natura li jvarjaw, fid-dawl tat-tradizzjonijiet legali rispettivi tagħhom.

Konsegwentement, f’kull Stat Membru twaqqfu diversi korpi ta’ reviżjoni. F’14-il Stat Membru 8 hemm korp amministrattiv ta’ reviżjoni tal-akkwist pubbliku, speċjalizzat jew le. Fl-Istati Membri l-oħrajn, hemm korp ġudizzjarju ta’ reviżjoni eżistenti responsabbli mir-reviżjoni tal-proċeduri ta’ akkwist.

L-Istati Membri kollha jeħtieġu li l-proċedura ta’ reviżjoni tkun disponibbli għal kull persuna li jkollha jew li kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li kienet jew li tinsab fir-riskju li tkun milquta minn ksur allegat. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri jipprovdu wkoll li l-assoċjazzjonijiet jew il-korpi li ma jaġixxux bħala atturi ekonomiċi huma eliġibbli sabiex jiftħu proċedura ta’ reviżjoni. Dan jista’ jinkludi lil assoċjazzjonijiet professjonali jew lill-awtorità tal-kompetizzjoni.

Fl-Istati Membri kollha, jeżistu wkoll dispożizzjonijiet għat-tliet tipi obbligatorji ta’ rimedji (miżuri interim, deċiżjonijiet ta’ twarrib u danni), iżda l-approċċ tagħhom ivarja b’mod konsiderevoli skont it-tradizzjonijiet legali tagħhom.

Għal elementi ewlenin oħrajn tad-Direttivi dwar ir-Rimedji, is-sitwazzjoni hija kif ġej:

L-Istati Membri kollha jipprovdu għall-informar awtomatiku lill-offerenti, fi żmien id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt, dwar għaliex ma rebħux.

L-Istati Membri kollha japplikaw il-perjodu minimu ta’ status quo kif jeħtieġu d-Direttivi dwar ir-Rimedji. F’numru ta’ każijiet, ġie speċifikat perjodu ta’ status quo itwal mill-perjodu minimu ta’ status quo pprovdut f’dawn id-Direttivi.

L-Istati Membri kollha jipprovdu għal ineffettività meta awtorità kontraenti/entità tagħti kuntratt mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż tal-kuntratt f’TED meta dan ma jkunx permess mid-Direttivi dwar l-Akkwist. Il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponiet dispożizzjonijiet dwar avviżi ta’ trasparenza ex ante volontarji (VEAT), li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti/lill-entitajiet jevitaw is-sanzjoni tal-ineffettività. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli f’TED, l-użu ta’ dan l-avviż baqa’ relattivament stabbli mill-2010 ’l hawn, b’madwar 10 000 avviż ippubblikati fis-sena.

F’ħafna mill-Istati Membri, il-limiti ta’ żmien għall-ftuħ ta’ proċedimenti għal rimedji prekuntrattwali jsegwu l-istruttura tad-Direttivi dwar ir-Rimedji u, b’hekk, jistabbilixxu limiti ta’ żmien li jirriflettu l-perjodu minimu ta’ status quo. F’ċerti każijiet huwa stabbilit perjodu itwal.

Diversi Stati Membri jsegwu l-istruttura eżatta tad-Direttivi dwar ir-Rimedji f’dak li għandu x’jaqsam mal-limiti ta’ żmien għall-pretensjonijiet ta’ ineffettività. Oħrajn ma jipprovdux li kemm il-pubblikazzjoni kif ukoll in-notifika tad-deċiżjoni ta’ għoti jiskattaw il-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum. Iżda xorta waħda, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe pubblikazzjoni jew notifika, l-Istati Membri kollha jistabbilixxu limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur b’effett mill-għada tal-konklużjoni tal-kuntratt.

F’ċerti Stati Membri, il-perjodu ta’ sospensjoni tal-proċedura ta’ akkwist jista’ japplika sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-appell kontra d-deċiżjoni tal-prim'istanza, jew anki wara. Fil-maġġoranza assoluta tal-Istati Membri, il-qorti jew il-korp ta’ reviżjoni jistgħu jtemmu sospensjoni qabel dan.

Għal penali alternattivi, il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponiet kemm multi u/jew it-tqassir tad-durata tal-kuntratti. Minkejja dan, dawn il-penali jintużaw rarament biss u huma meqjusin bħala r-rimedju li huwa l-inqas effettiv. B’mod partikolari, l-Istati Membri jikkunsidraw li l-multi jikkostitwixxu sempliċi rilokazzjoni tal-fondi.

3.L-effikaċja, l-effiċjenza, ir-rilevanza u l-koerenza tad-Direttivi dwar ir-Rimedji ma’ politiki oħrajn u l-valur miżjud tal-UE

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttivi dwar ir-Rimedji. Għal dan il-għan, użat kriterji ta’ evalwazzjoni speċifċi, inklużi: (i) l-effikaċja; (ii) l-effiċjenza; (iii) ir-rilevanza; (iv) il-koerenza ma’ politiki oħrajn u (v) il-valur miżjud tal-UE. Tista’ tinkiseb evidenza dettaljata għas-sejbiet rilevanti fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja dan ir-Rapport.

Fuq dik il-bażi ntlaħqu l-konklużjonijiet li ġejjin.

(I)F’termini ta’ effikaċja, id-Direttivi dwar ir-Rimedji ġeneralment laħqu l-objettivi tagħhom li jżidu l-garanziji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni; li jippermettu li tittieħed azzjoni effettiva u rapida meta jkun hemm ksur allegat tad-Direttivi dwar l-Akkwist; u li jipprovdu lill-atturi ekonomiċi bil-garanzija li l-applikazzjonijiet tal-offerti kollha ser jiġu ttrattati b’mod ugwali. Id-dejta disponibbli dwar l-użu propju tad-dispożizzjonijiet żiedet aktar evidenza dwar l-effikaċja tad-Direttivi. B’mod ġenerali, ir-rimedji li jistabbilixxu ntużaw ta’ spiss f’ħafna mill-Istati Membri. Ittieħdu madwar 50 000 deċiżjoni tal-prim'istanza fl-Istati Membri matul l-2009-2012. L-aktar tip spiss ta’ rimedju mfittex kien deċiżjoni ta’ twarrib, segwita ferm aktar lura minn miżuri interim u t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji. F’dak li għandu x’jaqsam mal-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, maġġoranza ċara ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika tad-dipartimenti tal-Kummissjoni qieset li d-Direttivi dwar ir-Rimedji kellhom effett pożittiv fuq il-proċess ta’ akkwist pubbliku. Huwa meqjus li huwa aktar trasparenti (80.59 %), aktar ġust (79.42 %), u aktar miftuħ u aċċessibbli (77.65 %) u jipprovdi inċentiv akbar sabiex jiġu rrispettati r-regoli sostantivi dwar l-akkwist pubbliku (81.77 %). Kif ġie kkonfermat mill-partijiet interssati kollha, id-Direttiva 2007/66/KE żżid b’mod sostanzjali l-effikaċja tar-rimedji prekuntrattwali billi tintroduċi perjodu minimu ta’ status quo bejn in-notifika ta’ deċiżjoni ta’ għoti u l-iffirmar tal-kuntratt.

Ċerti sistemi nazzjonali jeħtieġu li l-protezzjoni legali fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tiġi pprovduta fil-prim'istanza minn korpi amministrattiv ta’ reviżjoni minflok minn qrati ordinarji. Bħala xejra ġenerali, hemm tendenza li dawn ikunu aktar effettivi. Dan huwa kkonfermat mill-maġġoranza assoluta ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika (74.7 %) li qiesu li l-proċeduri quddiem il-qrati ordinarji ġeneralment jieħdu aktar żmien u jirriżultaw fi standards inferjuri ta’ aġġudikazzjoni meta mqabblin mal-proċeduri quddiem korpi amministrattivi speċjalizzati ta’ reviżjoni.

F’ħafna mill-każijiet, l-ispejjeż tal-proċeduri ta’ reviżjoni, minkejja li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, ma jidhrux li għandhom effett dissważiv fuq l-aċċess għar-rimedji. Barra minn hekk, id-Direttivi dwar ir-Rimedji huma bbilanċjati sew ukoll fl-indirizzar tal-interessi tal-partijiet kollha kkonċernati. B’mod partikolari, 57.06 % ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika qiesu li d-Direttivi jiksbu bilanċ tajjeb bejn l-interess tal-atturi ekonomiċi fl-iżgurar tal-effikaċja tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku u l-interess tal-awtoritajiet kontraenti li jillimitaw litigazzjoni frivola. Bħala l-punt finali, id-Direttivi dwar ir-Rimedji huma effettivi wkoll bħala deterrent għal imġiba mhux konformi fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

Id-Direttivi dwar ir-Rimedji jeħtieġu li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-effikaċja tal-penali amministrattivi u tal-limiti ta’ żmien. L-evalwazzjoni sabet li penali alternattivi rarament jintużaw fl-Istati Membri u tqiesu minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika online (imwettqa mid-dipartimenti tal-Kummissjoni) u minn uħud mill-Istati Membri bħala l-anqas rimedju rilevanti. Minkejja dan, ġew espressi fehmiet li r-rimedji kollha pprovduti fid-Direttivi dwar ir-Rimedji jikkontribwixxu għall-effett deterrent tagħhom u jipprovdu għal sistema komprensiva u effettiva għas-sanzjonar tal-irregolaritajiet fl-akkwist pubbliku. Rigward il-limiti ta’ żmien, ma nġabret ebda evidenza speċifika fil-kuntest tal-evalwazzjoni li turi li l-limiti ta’ żmien li jsegwu l-istruttura tad-Direttivi dwar ir-Rimedji huma twal wisq u jikkaġunaw dewmien żejjed fil-proċess ta’ akkwist pubbliku jew li huma qosra wisq u, b'hekk, ma jippermettux li l-atturi ekonomiċi jinfurzaw drittijiethom.

L-evalwazzjoni sabet li ċerti aspetti tad-Direttivi dwar ir-Rimedji jistgħu jiġu ċċarati aktar. Dan huwa kkonfermat mill-kontribuzzjonijiet riċevuti. Dan japplika, pereżempju, għal kwistjonijiet bħar-relazzjoni bejn id-Direttivi dwar ir-Rimedji u l-pakkett leġiżlattiv ġdid dwar l-akkwist pubbliku, u l-iżvilupp ta’ kriterji li jridu jiġu applikati sabiex titneħħa s-sospensjoni awtomatika tal-konklużjoni tal-kuntratt wara li tinfetaħ kawża.

L-evalwazzjoni għamlitha possibbli wkoll li jiġu identifikati l-problemi li jippersistu f’livell nazzjonali. B’mod partikolari, diversi partijiet ikkonċernati kkonfermaw fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika li l-problemi identifikati kienu ġejjin mil-leġiżlazzjoni nazzjonali lil hinn mid-Direttivi dwar ir-Rimedji jew fil-prattiki nazzjonali, u mhux mid-Direttivi dwar ir-Rimedji nfushom.

Finalment, il-Kummissjoni tagħraf ukoll li, f’ħafna mill-Istati Membri, l-informazzjoni dwar is-sistemi nazzjonali tar-rimedji ma tinġabarx b’mod strutturat, u b'hekk l-analiżi ta’ kif marru d-Direttivi hija estremament diffiċli. Barra minn hekk, rarament tintuża għal finijiet ta’ tfassil ta’ politiki (pereżempju għall-identifikazzjoni tar-riżorsi meħtieġa jew tal-ilmenti abużivi; il-konsistenza tad-deċiżjonijiet fuq il-bażi ta’ għodod ta’ tiftix effettivi; l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kontraenti/tal-entitajiet li kontrihom l-aktar li jiġu ppreżentati lmenti b'suċċess; u l-identifikazzjoni tal-aspetti tal-proċeduri ta’ akkwist li huma appellati b'suċċess).

(II)F’termini ta’ effiċjenza, id-Direttivi dwar ir-Rimedji jipprovdu benefiċċji ġenerali b’konformità mal-impatti maħsubin, kemm diretti kif ukoll indiretti. Hemm indikazzjonijiet ċari li l-benefiċċji miksubin permezz tad-Direttivi jisbqu l-ispejjeż tagħhom. L-ispejjeż għall-awtoritajiet kontraenti u għall-fornituri sabiex jiftħu kawża ta’ reviżjoni jew sabiex jiddefenduha (inklużi l-ispejjeż diretti u indiretti) ivarjaw ħafna madwar l-UE, iżda tipikament jammontaw għal 0.4 %-0.6 % tal-valur tal-kuntratt. Madankollu, l-ispejjeż ma jogħsfrux li kieku kellhom jiġu revokati d-Direttivi dwar ir-Rimedji. Għall-kuntrarju, jistgħu jkunu saħansitra akbar minħabba d-differenzi nazzjonali fir-regoli dwar ir-reviżjoni u dwar ir-rimedji u n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-UE li twassal għal kuntest aktar diffiċli għall-offerenti u għal oħrajn.

Il-benefiċċji huma importanti f’termini tal-ġestjoni finanzjarja tajba, tal-aħjar proprozjon ta’ prezz/kwalità u tad-deterrenza, speċjalment meta jitqies il-valur tal-istediniet għall-offerti ppubblikati fuq TED. L-evalwazzjoni tal-2011 tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku 9 stmat b’mod ġenerali li l-5 % fi spejjeż iffrankati għall-kuntratti pubbliċi ppubblikati fil-livell tal-UE b’valur totali ta’ EUR 420 biljun ifissru spejjeż iffrankati jew investiment pubbliku ogħla b’valur ta’ aktar minn EUR 20 biljun fis-sena. Għalhekk, l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttivi dwar ir-Rimedji tista’ twassal biex aktar ikun probabbli li jiġu ffrankati dawn l-ispejjeż mid-Direttivi dwar l-Akkwist. Finalment, l-evalwazzjoni ma identifikat ebda piż amministrattiv meqjus bħala mhux neċessarju għall-operazzjoni tad-Direttivi dwar ir-Rimedji.

(III)Rigward ir-rilevanza, l-objettivi tad-Direttivi dwar ir-Rimedji għadhom rilevanti. L-evalwazzjoni sabet li ħafna dispożizzjonijiet tad-Direttivi huma perċeputi bħala rilevanti mill-fornituri, l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi fil-qasam tal-ġustizzja. Fuq il-bażi tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika, l-aktar dispożizzjoni rilevanti tidher li hija l-perjodu ta’ status quo (65 % ta’ dawk li wieġbu), segwita mis-sospensjoni tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt meta jinfetħu l-proċedimenti ta’ reviżjoni (62 %) u l-informar awtomatiku lill-offerenti (58 %). Anki jekk ċerti dispożizzjonijiet jitqiesu bħala ta’ anqas valur prattiku, xorta waħda jikkontribwixxu għall-effett ta’ deterrent tad-Direttivi dwar ir-Rimedji. Indikatur ieħor tar-rilevanza tad-Direttivi dwar ir-Rimedji huwa l-użu propju tal-proċeduri li jipprovdu. B’mod ġenerali, ir-rimedji pprovduti jintużaw ta’ spiss f’ħafna mill-Istati Membri. Ittieħdu madwar 50 000 deċiżjoni tal-prim'istanza fl-Istati Membri matul l-2009-2012 10 . L-aktar tip spiss ta’ rimedju mfittex kien deċiżjoni ta’ twarrib, segwita ferm aktar lura minn miżuri interim u t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji.

(IV)Id-Direttivi dwar ir-Rimedji huma koerenti ma’ politiki oħrajn tal-UE. Kif ikkonfermat, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, id-dritt għal rimedju effettiv huwa prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE 11 . Id-Direttivi dwar ir-Rimedji huma konformi mad-drittijiet u mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-liġi primarja tal-UE dwar id-drittijiet fundamentali. Huma fil-qalba tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku peress li jippermettu lill-offerenti jinfurzaw id-drittijiet sostantivi tagħhom. Instab li huma ġeneralment allinjati mal-pakkett leġiżlattiv il-ġdid tal-2014 dwar l-akkwist pubbliku, b’mod partikolari sabiex ikopru l-konċessjonijiet soġġetti għad-Direttiva 2014/23/UE. Minkejja dan, kif diġà ntqal, ir-relazzjoni bejn dawn id-Direttivi u l-pakkett leġiżlattiv il-ġdid dwar l-akkwist pubbliku tista’ tiġi ċċarata aktar. Finalment, billi titjieb l-effikaċja tal-proċeduri nazzjonali ta’ reviżjoni, speċjalment dawk li jindirizzaw għotjiet diretti illegali ta’ kuntratti, id-Direttivi dwar ir-Rimedji għandhom ukoll rwol importanti fl-indirizzar effettiv tal-ksur tad-Direttivi dwar l-Akkwist li jistgħu jinvolvu wkoll irregolaritajiet b’implikazzjonijiet kriminali. L-evalwazzjoni ma sabet ebda kunflitt possibbli ma’ xi qasam ta’ politika ieħor.

(V)Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-Direttivi dwar ir-Rimedji jippreżentaw valur miżjud ċar tal-UE. Kien ġeneralment ikkonfermat mis-sorsi kollha ta’ informazzjoni użati għall-finijiet tal-evalwazzjoni li huwa ta’ importanza assoluta li jkun hemm rekwiżiti legali tal-UE għar-rimedji fl-akkwist pubbliku. Il-qrati ordinarji b’kodiċijiet proċedurali ordinarji ma jistgħux jiggarantixxu reviżjoni rapida u effettiva kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-UE. Pereżempju, qabel ma d-Direttiva 2007/66/KE daħħlet perjodu obbligatorju ta’ status quo, l-ebda miżura interim quddiem il-qrati ordinarji ma kienet veloċi biżżejjed sabiex tissospendi l-konklużjoni tal-kuntratt mogħti.

Meta mqabblin ma’ oqsma oħrajn tal-liġi tal-UE, ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku għandhom ċerti speċifiċitajiet. L-ewwel nett, diment li l-kuntratt ikun ogħla mil-limiti tal-UE, ir-regoli sostantivi dwar l-akkwist pubbliku jibqgħu applikabbli, indipendentement mill-interess transfruntier proprju tagħhom. It-tieni, f’kull proċedura ta’ offerti mwettqa minn kwalunkwe awtorità kontraenti/entità, hemm potenzjal sinifikanti għal diversi tipi ta’ ksur (eż. esklużjoni illegali ta’ offerenti, speċifikazzjonijiet illegali tal-offerti, kriterji illegali għall-għoti ta’ kuntratt, użu tal-proċeduri l-ħżiena, aċċettar ta’ offerti baxxi wisq, kunflitt ta’ interess, eċċ.). Ir-rwol tal-Kummissjoni, meta tindirizza lmenti individwali u ksur potenzjali tal-liġi tal-UE, huwa ffokat fuq l-iżgurar tar-rispett fil-ġejjieni tal-liġi tal-UE, minflok fuq il-kisba ta’ rimedji għal partijiet individwali għal proċeduri tal-offerti pubbliċi, speċjalment minħabba l-volum kbir ta’ awtoritajiet kontraenti, ta’ offerenti u ta’ proċeduri fl-UE, kif ukoll minħabba t-teknikalitajiet involuti f’kull proċess individwali.

Għaldaqstant, drittijiet xierqa ta’ rikors dirett għall-offerenti huma indispensabbli għall-funzjonament korrett tar-regola sostantiva dwar l-akkwisti pubbliċi u għall-operazzjoni xierqa tas-suq uniku fis-settur pubbliku. Kif ikkonfermaw diversi partijiet ikkonċernati, il-livell minimu ta’ armonizzazzjoni żgurat mid-Direttivi dwar ir-Rimedji huwa assolutament essenzjali f’dan ir-rigward.

4.Konklużjonijiet

Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-Direttivi dwar ir-Rimedji, b’mod partikolari l-emendi introdotti mid-Direttiva 2007/66/KE, fil-parti l-kbira jissodisfaw l-objettivi tagħhom b’mod effettiv u effiċjenti għad li ma kienx possibbli li tiġi kkwantifikata l-firxa konkreta tal-ispejjeż/tal-benefiċċji tagħhom. Minkejja li hemm xi tħassib speċifiku rrapportat f’ċerti Stati Membri, normalment dan ikun ġej minn miżuri nazzjonali u mhux mid-Direttivi dwar ir-Rimedji nfushom. F’termini kwalitattivi ġenerali, il-benefiċċji tad-Direttivi dwar ir-Rimedji jisbqu l-ispejjeż tagħhom. Jibqgħu rilevanti u jkomplu jġibu valur miżjud tal-UE.

Minkejja l-konklużjoni pożittiva ġenerali tal-evalwazzjoni, instabu xi nuqqasijiet.

L-ewwelnett, il-Kummissjoni tagħraf li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar ir-Rimedji mhumiex ċari għalkollox 12 . B’mod partikolari, minkejja l-aġġornament introdott mill-pakkett leġiżlattiv il-ġdid dwar l-akkwist pubbliku, ġew identifikati xi ħtiġijiet addizzjonali għal kjarifika. Pereżempju, ir-referenzi għal “avviż dwar kuntratt” fid-Direttivi dwar ir-Rimedji ma jirriflettux il-fatt li d-Direttiva l-ġdida 2014/24/UE tippermetti li jintuża avviż ta’ informazzjoni minn qabel, minflok avviż dwar kuntratt, sabiex issir sejħa għall-kompetizzjoni f’ċerti ċirkustanzi. Jista’ jiġi ċċarat ukoll kif id-Direttivi dwar ir-Rimedji japplikaw għal modifiki tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku u tal-konċessjonijiet, għat-terminazzjoni tat-tali kuntratti u għar-reġim tal-akkwist ħafif.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li f’ħafna mill-Istati Membri, l-informazzjoni dwar is-sistemi nazzjonali tar-rimedji ma nġabritx b’mod strutturat u rarament intużat għal finijiet ta’ tfassil tal-politiki. Dan jagħmel il-valutazzjoni ta’ kif marru d-Direttivi aktar diffiċli.

Finalment, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’termini ġenerali, il-korpi amministrattivi ta’ reviżjoni tal-prim istanza huma aktar effettivi minn istanzi ġudizzjarji tal-prim istanza f’termini tad-durata tal-proċedri u tal-istadards tar-reviżjoni.

5.Il-pass li jmiss

(I)Ġenerali

Peress li l-evalwazzjoni la identifikat ħtiġijiet maġġuri u lanqas urġenti għall-emendar tad-Direttivi dwar ir-Rimedji, ġie deċiż li dawn jinżammu kif inhuma bħalissa, mingħajr ebda modifika ulterjuri f’dan l-istadju.

Minkejja dan, il-Kummissjoni biħsiebha tindirizza d-dgħjufijiet identifikati fl-operazzjoni tad-Direttivi dwar ir-Rimedji u li tfittex konverġenza akbar tas-sistemi tar-rimedji fl-Istati Membri. Filwaqt li fl-istess ħin tirrispetta l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u t-tradizzjonijiet legali rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni ser tuża taħlita konsistenti tal-azzjonijiet addizzjonali li ġejjin.

(II)Promozzjoni tat-trasparenza

L-evalwazzjoni turi li l-informazzjoni dwar is-sistemi nazzjonali tar-rimedji ma nġabritx b’mod strutturat u rarament intużat għal finijiet ta’ tfassil ta’ politiki. Sabiex tindirizza dan, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi trasparenza akbar rigward il-prestazzjoni tas-sistemi nazzjonali tar-rimedji. L-ewwel nett, id-dejta trid tinaġabar b’mod awtomatiku mingħajr ma jiġi impost ebda piż amministrattiv ieħor. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni, kif ħabbret fl-Istrateġija dwar is-Suq Uniku 13 , u b’mod konsistenti mal-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 14 , ser tiżviluppa — flimkien mal-Istati Membri — numru limitat ta’ indikaturi oġġettivi (numru ta’ lmenti, numru ta’ lmenti b’suċċess, spejjeż, tul tal-proċeduri, eċċ.). Dawn l-indikaturi ser jiġu ppubblikati fit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku. Din ser tippermetti lill-komunità tan-negozji tqabbel l-effiċjenza tas-sistemi tar-rimedji fl-Istati Membri differenti u tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw opportunitajiet fejn hemm lok ta’ titjib tas-sistemi nazzjonali tar-rimedji tagħhom.

(III)Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-korpi ta’ reviżjoni tal-prim'istanza

L-evalwazzjoni turi li s-sistemi li bihom hija pprovduta protezzjoni legali fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku fil-prim'istanza mill-korpi amministrattivi ta’ reviżjoni minflok qrati ordinarji għandhom it-tendenza li jkunu aktar effettivi kemm f’termini tad-durata tal-proċedimenti kif ukoll fl-istandards tal-aġġudikazzjoni. Għalhekk, kif imħabbar fl-Istrateġija għal Suq Uniku, il-Kummissjoni ser tħeġġeġ lill-korpi ta’ reviżjoni tal-prim istanza sabiex jikkooperaw u jżommu kuntatt ma’ xulxin sabiiex itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki relatati ma’ aspetti speċifiċi tal-operazzjoni tad-Direttivi dwar ir-Rimedji u, b’mod aktar ġenerali, sabiex jiżguraw il-funzjonament effiċjenti tal-proċeduri nazzjonali ta’ reviżjoni. Il-prattiki tajbin rilevanti ser jitqassmu fin-netwerk kollu. Prattiki tajbin jistgħu jkunu sors ta’ ispirazzjoni u ingranaġġ għall-Istati Membri sabiex itejbu s-sistemi nazzjonali tar-rimedji tagħhom. F’dak il-kuntest, ser tingħata attenzjoni partikolari għat-tisħiħ tal-korpi amministrattivi ta’ reviżjoni tal-prim'istanza.

(IV)Gwida

Il-Kummissjoni ser tqassam gwida dwar xi aspetti pendenti tad-Direttivi dwar ir-Rimedji sabiex issaħħaħ il-fehim dwar uħud mid-dispożizzjonijiet u sabiex tiggarantixxi l-effikaċja tagħhom. Aspetti li jistgħu jkunu koperti jinkludu r-relazzjoni bejn id-Direttivi dwar ir-Rimedji u l-pakkett leġiżlattiv ġdid dwar l-akkwist pubbliku u l-iżvilupp ta’ kriterji li jridu jiġu applikati sabiex titneħħa s-sospensjoni awtomatika tal-konklużjoni tal-kuntratt wara li tinfetaħ kawża. Fuq il-bażi tal-evidenza miġbura s’issa, il-Kummissjoni ser tidħol fi djalogu mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati sabiex tidentifika oqsma speċifiċi oħrajn li jeħtieġu kjarifika.

(V)Attivitajiet ta’ infurzar konsistenti u monitoraġġ

F’każijiet li fihom jinstab li seħħ ksur tad-Direttivi dwar ir-Rimedji, il-Kummissjoni ser tieħu l-miżuri xierqa sabiex iġġib il-prattiki nazzjonali rilevanti f’konformità mar-regoli tal-UE. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni ser tiffoka fuq l-aktar ksur sinifikanti u sistematiku li jxekkel il-funzjonament effettiv tas-sistemi tar-rimedji fl-Istati Membri.

(1)

Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi. Iż-żewġ Direttivi ġew sostitwiti mid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE u d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-setturi tas-servizzi postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE. Id-Direttiva 2014/23/UE introduċiet aktar emendi għad-Direttiva 89/665/KEE u għad-Direttiva 92/13/KEE, l-aktar sabiex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-konċessjonijiet. Peress li d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha għaddiet fit-18 ta’ April 2016, l-impatt tagħha mhuwiex indirizzat f’din l-evalwazzjoni.

(2)

TED hija l-verżjoni online tas-“Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali” tal-UE, iddedikata għall-akkwist pubbliku ( http://ted.europa.eu ).

(3)

Il-Kummissjoni Ewropea, 2016. "2014 Public procurement indicators", http://ec.europa.eu/growth/single-market/public-procurement/studies-networks_mt

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi; Id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw mal-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni; u d- Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib tal-effettività tal-proċeduri ta’ reviżjoni li jikkonċernaw l-għoti ta' kuntratti pubbliċi .

(5)

B’mod partikolari, id-Direttiva 2007/66/KE kellha l-għan li tagħmilha possibbli li jinfetħu kawżi meta jkun għadu possibbli li tittieħed azzjoni korrettiva u li tipprovdi rimedju effettiv għal għotjiet diretti illegali.

(6)

Studju minn Europe Economics and Milieu, April 2015:
http://ec.europa.eu/growth/single-market/public-procurement/modernising-rules/evaluation/index_en.htm .

(7)

Din il-konsultazzjoni kienet miftuħa mill-24 ta’ April sal-20 ta’ Lulju 2015 u pprovdiet 170 tweġiba li ġew mill-Istati Membri kollha. Il-konsultazzjoni involviet lil awtoritajiet kontraenti u lil entitajiet, lil operaturi ekonomiċi, lil akkademiċi, lil avukati, lil korpi tar-reviżjoni u lil ċittadini.

(8)

Il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, Spanja, il-Kroazja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja.

(9)

The Evaluation Report on Impact and Effectiveness of EU Public Procurement Legislation, SEC(2011) 853 finali.

(10)

Din iċ-ċifra ġiet mill-istudju “Economic efficiency and legal effectiveness of review and remedies procedures for public contracts”.

(11)

Ordni tat-23 ta’ April 2015 tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-35/15 P(R), Vanbreda, paragrafu 28.

(12)

Għal dettalji dwar il-konsultazzjoni mnedija mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, ara l-Anness 3 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (tweġibiet għall-mistoqsijiet 6 u 20).

(13)

Il-Komunikazzjoni Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji, COM(2015)550 u d-Dokument ta’ ħidma tal-persunal A Single Market Strategy for Europe — Analysis and Evidence, SWD(2015) 202

(14)

Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea (2016/2005/ACI).