IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.1.2017
COM(2017) 9 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
"IL-BINI TA' EKONOMIJA EWROPEA TAD-DATA"
{SWD(2017) 2 final}
“Il-Bini ta’ Ekonomija Ewropea tad-Data”
1.INTRODUZZJONI
Id-data saret riżorsa essenzjali għat-tkabbir ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi u għall-progress fis-soċjetà. Analiżi tad-data tiffaċilita l-ottimizzazzjoni ta' proċessi u deċiżjonijiet, l-innovazzjoni u t-tbassir ta' avvenimenti futuri. Din it-tendenza globali għandha potenzjal kbir f’diversi oqsma, li jvarjaw mill-qasam tas-saħħa, tal-ambjent, tas-sigurtà alimentari, tal-klima u tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għall-enerġija, tas-sistemi ta’ trasport intelliġenti u bliet intelliġenti.
L-“ekonomija tad-data” hi kkaratterizzata minn ekosistema ta’ tipi differenti ta’ parteċipanti tas-suq – bħal manifatturi, riċerkaturi u fornituri tal-infrastruttura – li jikkollaboraw biex jiżguraw li d-data tkun aċċessibbli u tkun tista’ tintuża. Din tippermetti lill-parteċipanti tas-suq jisiltu valur minn din id-data billi joħolqu varjetà ta’ applikazzjonijiet b’potenzjal kbir biex titjieb il-ħajja ta’ kuljum (eż. il-ġestjoni tat-traffiku, l-ottimizzazzjoni tal-ħsad jew il-kura tas-saħħa mill-bogħod).
Fl-2014, kien stmat li l-valur tal-ekonomija ta’ data tal-UE kien ta' EUR 257 biljun, jew 1.85 % tal-PDG tal-UE.
Fl-2015, dan żdied għal EUR 272 biljun, jew 1.87 % tal-PDG tal-UE (tkabbir ta’ sena wara sena ta’ 5.6 %). L-istess stima tipprevedi li jekk maż-żmien jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-politika u tal-qafas legali għall-ekonomija tad-data, sal-2020 il-valur tagħha se jiżdied għal EUR 643 biljun, li jirrappreżenta 3.17 % tal-PDG ġenerali tal-UE.
Skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR, General Data Protection Regulation), minn Mejju 2018, għall-kuntrarju tat-28 liġi nazzjonali li hemm illum, se jkun hemm sett wieħed ta’ regoli pan-Ewropew. Il-mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz, li nħoloq riċentament, se jiżgura li meta kumpanija fl-UE tmexxi operazzjonijiet li jipproċessaw id-data transkonfinali, se jkun hemm awtorità waħda tal-protezzjoni tad-data (“DPA”, data protection authority) responsabbli mis-sorveljanza. Se tiġi ggarantita l-konsistenza tal-interpretazzjoni tar-regoli l-ġodda. B’mod partikolari, f’każijiet transkonfinali fejn ikunu involuti diversi DPAs nazzjonali, se tiġi adottata deċiżjoni waħda sabiex jiġi żgurat li l-problemi komuni jirċievu soluzzjonijiet komuni. Barra minn hekk, il-GDPR joħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-UE u l-kumpaniji barranin, fis-sens li l-kumpaniji bbażati barra l-UE se jkollhom japplikaw l-istess regoli tal-kumpaniji Ewropej jekk ikunu qegħdin joffru prodotti u servizzi fl-UE jew jekk ikunu qegħdin jimmonitorjaw l-imġiba tal-individwi fl-UE. Żieda fil-livell tal-fiduċja tal-konsumatur tkun ta’ benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għall-operaturi kummerċjali esterni.
Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika hi dwar il-kunfidenzjalità tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fl-UE. Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika riveduta, proposta b’mod parallel ma' din il-Komunikazzjoni fil-forma ta’ Regolament, għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni f’koerenza sħiħa mal-GDPR. Regoli b’saħħithom dwar il-protezzjoni tad-data joħolqu l-fiduċja li se tippermetti lill-ekonomija diġitali tiżviluppa fis-suq intern.
Kif saħaq il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Settembru 2016, “li tkun Ewropew jagħtik id-dritt li jkollok id-data personali tiegħek protetta b’liġijiet Ewropej b’saħħithom. Għax l-Ewropej ma jogħġbuhomx id-droni fuq rashom jirrekordjaw kull moviment li jagħmlu, jew li kumpaniji jżommu rendikont ta’ kull klikkjatura li jagħmlu fuq il-kompjuter. Din hija r-raġuni għala l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, f’Mejju ta’ din is-sena, qablu fuq regolament Ewropew komuni dwar il-protezzjoni tad-data. Din hija liġi Ewropea b’saħħitha li tapplika għall-kumpaniji kull fejn huma bbażati u kull meta jipproċessaw id-data tiegħek. Għax fl-Ewropa, il-privatezza hi importanti. Din hi kwistjoni ta’ dinjità tal-bniedem.”
Fil-Komunikazzjoni tal-2012 tagħha “Nissalvagwardjaw il-Privatezza f’Dinja Konnessa - Qafas tal-Protezzjoni tad-Dejta Ewropew għas-Seklu 21” u fil-Komunikazzjoni tal-2014 “Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data”, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li huma meħtieġa regoli moderni u koerenti madwar l-UE kollha sabiex id-data timxi b’mod liberu minn Stat Membru għal ieħor, li l-ekonomija diġitali Ewropea damet biex ħaddnet ir-rivoluzzjoni tad-data meta mqabbla mal-Istati Uniti u li kellha wkoll nuqqas ta’ kapaċità industrijali kumparabbli. Hi kkonkludiet li n-nuqqas ta’ ambjent legali adattat għall-kummerċ tad-data fl-UE jista’ jwassal biex ma jkunx hemm biżżejjed aċċess għal settijiet ta’ data kbar, biex ikun hemm il-possibbiltà ta' ostakli għal dawk li jitħajru jidħlu fis-suq, u anki effetti li joħonqu l-innovazzjoni.
Restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-moviment liberu tad-data aktarx jillimitaw l-iżvilupp tal-ekonomija tad-data tal-UE. Dawn ir-restrizzjonijiet jorbtu mar-rekwiżiti imposti mill-awtoritajiet pubbliċi dwar fejn tinżamm id-data bl-iskop li tinħażen jew li tiġi pproċessata. Din il-kwistjoni tal-moviment liberu tad-data tolqot lit-tipi kollha ta’ data: intrapriżi u atturi fl-ekonomija tad-data jaħdmu b'data industrijali u dik iġġenerata mill-magni sew jekk tkun personali kif ukoll jekk ma tkunx, kif ukoll data maħluqa mill-azzjoni tal-bniedem. Fl-istrateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali (DSM, Digital Single Market), il-Kummissjoni ħabbret li kienet se tipproponi inizjattiva biex tindirizza r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tad-data għal raġunijiet li mhumiex dik tal-protezzjoni ta’ data personali fl-UE u r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar fejn tinżamm id-data bl-iskop li tinħażen jew li tiġi pproċessata. Restrizzjonijiet bħal dawn jinkludu atti legali adottati mill-Istati Membri, regoli amministrattivi u prattiki li għandhom l-istess effett. In-numru tagħhom għandu t-tendenza li jespandi hekk kif l-ekonomija tad-data tikber, u għaldaqstant jiġġenera inċertezza dwar fejn tista' tinħażen jew tiġi pproċessata d-data. Dan jista’ jħalli impatt fuq is-setturi kollha tal-ekonomija, u kemm fuq organizzazzjonijiet privati jew tas-settur pubbliku, li jista' jkollhom diffikultajiet biex jaċċessaw is-servizzi ta’ data aktar innovattivi u/jew orħos. Restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar fejn tinżamm id-data jdgħajfu l-libertà fis-servizzi li jingħataw u anki l-libertà ta' stabbiliment stipulat fit-Trattat, kif ukoll imorru kontra l-liġi sekondarja rilevanti. Dan joħloq riskju li s-suq jiġi fframmentat, u allura titnaqqas il-kwalità tas-servizzi għall-utenti u anki l-kompetittività tal-fornituri tas-servizzi tad-data, speċjalment l-entitajiet iż-żgħar.
Il-lokalizzazzjoni mhux ġustifikata tad-data hija wkoll parti minn diskussjonijiet bejn l-UE u s-sħab kummerċjali tagħha, u dan minħabba l-importanza dejjem tiżdied tad-data u tas-servizzi tad-data fl-ekonomija globali u anki minħabba l-attitudnijiet potenzjali tal-pajjiżi terzi lejn din il-kwistjoni. Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data ma jistgħux ikunu soġġetti għal negozjati fi ftehim ta’ kummerċ ħieles. Kif spjegat fil-Komunikazzjoni dwar l-iskambju u l-protezzjoni ta’ data personali f’dinja globalizzata, id-djalogi dwar il-protezzjoni tad-data u n-negozjati kummerċjali ma’ pajjiżi terzi jridu jsegwu binarji separati. Lil hinn minn dan, kif indikat fil-Kummerċ għall-Komunikazzjoni kollha
, il-Kummissjoni se tara li tuża l-ftehimiet kummerċjali tal-UE biex tistabbilixxi regoli għal kummerċ elettroniku u għal flussi ta’ data transkonfinali u biex tindirizza forom ġodda ta’ protezzjoniżmu diġitali f’konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u mingħajr preġudizzju lejhom.
Barra minn hekk, peress li t-trasformazzjoni xprunata mid-data testendi sal-ekonomija u s-soċjetà, l-ammonti ta’ data li kulma jmur qegħdin jiżdiedu qegħdin jiġu ġġenerati minn magni jew minn proċessi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti, bħall-Internet tal-Oġġetti (IoT, Internet of Things), il-fabbriki tal-ġejjieni u s-sistemi konnessi u awtonomi. Il-konnettività nnifisha tbiddel il-mod ta’ kif id-data tista' tiġi aċċessata: kulma jmur, id-data li normalment kien ikun hemm aċċess għaliha minn konnessjonijiet fiżiċi, issa l-aċċess għaliha jista’ jsir mill-bogħod. Id-diversità enormi ta’ sorsi u tipi ta’ data, u r-rikkezza tal-opportunitajiet biex f’din id-data jiġu applikati ideat f’varjetà ta’ oqsma, inkluż biex tiġi żvilppata l-politika pubblika, għadhom qed jibdew joħorġu. Sabiex jibbenifikaw minn dawn l-opportunitajiet, l-atturi pubbliċi u privati tas-suq tad-data jeħtieġ ikollhom aċċess għal settijiet ta’ data kbar u diversi. Għalhekk il-kwistjonijiet tal-aċċess u t-trażmissjoni marbuta mad-data ġġenerata minn dawn il-magni jew proċessi huma ċentrali biex titwieled ekonomija tad-data u jirrikjedu valutazzjoni attenta.
Kwistjonijiet oħrajn li qed jixirfu jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli fejn tidħol ir-responsabbiltà għal xi dannu li jita' jirriżulta minn ħsarat fl-apparat konness jew f'robot; u l-portabbiltà u l-interoperabbiltà tad-data. Fil-kuntest ta’ teknoloġiji ġodda bħall-Internet tal-Oġġetti (IOT) jew ir-robotika, hemm interdipendenzi kumplessi u sofistikati kemm fil-prodotti nfushom (ibbażati fuq ħardwer u softwer) kif ukoll fl-apparat interkonness. Barra minn hekk, jistgħu joħorġu kwistjonijiet ġodda minn magni awtonomi, li l-imġiba tagħhom – mhux mistennija u mhux intenzjonata – tista’ tikkawża xi dannu lill-persuni u lill-oġġetti. Dawn il-fenomeni jistgħu joħolqu inċertezza legali b'rabta mal-applikazzjoni tal-qafas eżistenti dwar ir-responsabbiltà u s-sigurtà.
Kif imħabbar fid-DSM, l-objettiv tal-Kummissjoni hu li toħloq politika u qafas legali ċari u adattati għall-ekonomija tad-data, billi jitneħħew l-ostakli li fadal għall-moviment tad-data u billi jiġu indirizzati l-inċertezzi legali li jinħolqu minn teknoloġiji ta’ data ġodda. Aktar objettivi li jsaħħu din il-Komunikazzjoni jimmiraw li jkabbru d-disponibbiltà u l-użu tad-data, li jrawmu mudelli kummerċjali ġodda tad- data kif ukoll li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-aċċess għad-data u li jiżviluppaw analitika tad-data fl-UE. Għal dan il-għan il-Kummissjoni qed tippreżenta kwistjonijiet iffukati għad-diskussjoni, u dan bil-għan li tinbena ekonomija Ewropea tad-data.
Hu għalhekk li l-Kummisjoni qed tesplora l-kwistjonijiet li ġejjin: il-fluss liberu tad-data; l-aċċess u t-trasferiment fir-rigward ta’ data ġġenerata mill-magni; ir-responsabbiltà u s-sigurtà fil-kuntest ta’ teknoloġiji emerġenti; u l-portabbiltà ta’ data mhux personali, l-interoperabbiltà u l-istandards. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi wkoll suġġerimenti għall-esperimentazzjoni b’soluzzjonijiet regolatorji komuni f’ambjent ta' ħajja reali.
Il-Kummissjoni se tniedi djalogu wiesa’ bejn il-partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjonijiet li se jiġu esplorati f’din il-Komunikazzjoni. L-ewwel pass ta’ dan id-djalogu huwa konsultazzjoni pubblika, imnedija b’mod parallel ma’ pakkett ta’ ekonomija ta’ data.
2.Il-fluss liberu tad-data
Ekonomija tad-data li taħdem tajjeb, u waħda dinamika, tirrikjedi li jiġi aġevolat u protett il-fluss liberu tad-data fis-suq intern. F’kuntest teknoloġiku li qed jevolvi b’mod rapidu, il-fluss ta’ data liberu, sigur u affidabbli, hu strumentali biex jitħarsu l-erba’ libertajiet fundamentali tas-suq uniku tal-UE stabbiliti fit-Trattati (oġġetti, ħaddiema, għoti ta’ servizzi u kapital). Is-servizzi tad-data qed jikbru b’mod rapidu fl-UE u madwar id-dinja. Suq Uniku effiċjenti u mingħajr xkiel f’dan is-settur joħloq opportunitajiet sinifikanti għal aktar tkabbir u aktar impjiegi.
Dan it-tkabbir u din l-innovazzjoni fl-ekonomija tad-data kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ servizzi pubbliċi transkonfinali jistgħu jiġu mhedda minn ostakli għall-moviment liberu ta’ data fl-UE, bħal rekwiżiti mhux ġustifikati dwar fejn tinżamm id-data, li jiġu imposti mill-awtoritajiet pubbliċi. B’mod effettiv, il-miżuri marbuta ma' fejn tinżamm id-data jintroduċu l-“kontrolli fil-fruntieri” mill-ġdid. Dawn ivarjaw minn rekwiżiti mill-awtoritajiet superviżorji biex il-fornituri tas-servizzi finanzjarji jaħżnu d-data tagħhom lokalment, sal-implimentazzjoni ta’ regoli ta’ segretezza professjonali, li jimplikaw ħażna jew ipproċessar ta’ data lokali, u biex jitneħħew regolamenti li jirrikjedu l-ħażna lokali ta’ informazzjoni arkivjata ġġenerata mis-settur pubbliku, irrilevanti mis-sensittività tagħha.
It-tħassib dwar il-privatezza hu tħassib leġittimu iżda jenħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi ma jużawhx bħala raġuni għar-restrizzjoni tal-fluss liberu tad-data b’mod mhux ġustifikat. Kif indikat hawn fuq, il-GDPR jipprovdi sett uniku ta’ regoli b’livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali għall-UE kollha. Hu jsaħħaħ il-fiduċja tal-konsumatur fis-servizzi online, u jiżgura applikazzjoni uniformi tar-regoli fl-Istati Membri kollha permezz ta’ awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data aktar b’saħħithom. Il-GDPR irawwem il-fiduċja neċessarja għall-ipproċessar tad-data u hu l-bażi għall-fluss liberu tad-data personali fl-UE. Il-GDPR jipprojbixxi restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ data personali fi ħdan l-Unjoni fejn dawn huma bbażati fuq raġunijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali. Madankollu, restrizzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet oħra minbarra l-protezzjoni tad-data personali, eż. skont it-tassazzjoni jew il-liġijiet tal-kontabbiltà, mhumiex koperti mill-GDPR. Barra minn hekk, data mhux personali, jiġifieri, data li ma tirrelatax ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, tibqa’ barra mill-ambitu tal-GDPR u tista’ tikkonċerna, bħal ngħidu aħna, data mhux personali ġġenerata mill-magni.
Jistgħu jinħolqu restrizzjonijiet dwar il-lok tad-data minn regoli legali jew linji gwida amministrattivi jew prattiki li jesiġu li l-ħażna jew l-ipproċessar tad-data f’format elettroniku tkun limitata għal żona ġeografika jew ġuriżdizzjoni partikolari. Xi kultant l-Istati Membri jimponu restrizzjonijiet għax jemmnu li hekk l-awtoritajiet superviżorji jsibuha eħfef biex jeżaminaw id-data maħżuna lokalment. Il-lokalizzazzjoni tintuża wkoll bħala prokura għall-assigurazzjonijiet f’termini ta’ privatezza, ta’ awditjar u ta’ infurzar tal-liġi, kif ukoll ta’ sigurtà tad-data. Madankollu, fil-prattika, huwa rari li dawn il-miżuri jikkontribwixxu għall-objettivi li jkunu intiżi jilħqu.
Minbarra l-post fejn id-data tinħażen fiżikament, is-sigurtà tal-informazzjoni tiddependi fuq firxa ta’ fatturi, bħaż-żamma tal-kunfidenzjalità u l-integrità tagħha meta d-data tkun disponibbli barra l-faċilità fejn tinħażen. F’dan ir-rigward, aktar mir-restrizzjonijiet dwar il-lok tad-data, dak li verament jippermetti l-ħażna sigura u l-ipproċċessar tad-data huma l-aħjar prattiki ta’ mmaniġjar tal-ICT mill-aktar moderni fuq skala ħafna ikbar minn dik tas-sistemi individwali. Pereżempju, biex id-data tinżamm sigura f'każ ta' diżastri naturali lokalizzati jew ta' attakki ċibernetiċi, il-faċilitajiet ta’ ħżin ta’ data fi Stati Membri differenti jistgħu jkunu r-riżerva għal xulxin u jużaw il-miżuri tekniċi u organizzattivi previsti fid-Direttiva dwar Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (id-Direttiva NIS). Barra minn hekk, id-disponibbiltà tad-data għal skopijiet regolatorji jew superviżorji, li bl-ebda mod ma jkun hemm dubju fuqha, tkun żgurata aktar jekk tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, jew bejn awtoritajiet bħal dawn u s-settur privat, aktar milli permezz ta’ restrizzjonijiet fuq il-lokalizzazzjoni. Tabilħaqq, f’qasam ikkaratterizzat minn kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet superviżorji, bħal dak tas-servizzi finanzjarji, ir-rekwiżiti tal-lokalizzazzjoni tad-data jistgħu jirriżultaw kontroproduttivi.
Madankollu, ir-rekwiżiti dwar il-lokalizzazjoni tad-data jistgħu jkunu ġustifikati u proporzjonali f’kuntesti partikolari jew b'rabta ma’ ċerta data, speċjalment qabel jiddaħħlu fis-seħħ ċerti ftehimiet ta’ kooperazzjoni transkonfinali effettivi, bħal dak dwar l-iżgurar ta’ trattament sigur ta’ ċerta data li tkun tappartjeni għall-infrastruttura tal-enerġija kritika, jew dwar id-disponibbiltà tal-evidenza elettronika (eż. bħala kopji lokalizzati ta’ settijiet ta’ data) għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jew dak dwar il-ħżin lokali ta’ data miżmuma f’ċerti reġistri pubbliċi.
Sfortunatament, it-tendenza, kemm globali kif ukoll fl-Ewropa, qed timxi lejn aktar lokalizzazzjoni tad-data, approċċ li ħafna drabi hu bbażat fuq l-idea żbaljata li s-servizzi lokalizzati, awtomatikament, huma aktar siguri mis-servizzi transkonfinali. Barra minn hekk, is-suq tas-servizzi tad-data huwa influwenzat sostanzjalment minn nuqqas ta’ regoli trasparenti u minn perċezzjoni qawwija tal-bżonn li d-data tiġi lokalizzata. Dan jista’ jillimita l-aċċess tan-negozji u tal-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku għal servizzi ta’ data orħos jew aktar innovattivi, jew iġiegħel lin-negozji li joperaw b’mod transkonfinali biex jistabbilixxu kapaċitajiet eċċessivi ta’ ħżin u ta’ pproċessar tad-data. Dan jista’ wkoll ixekkel lin-negozji xprunati mid-data, b’mod partikolari n-negozji ġodda u l-SMEs, milli jespandu l-attivitajiet tagħhom, milli jidħlu fi swieq ġodda (eż. billi jkollhom jinvestu f’ċentri ta’ data fi 28 Stat Membru) jew milli jiċċentralizzaw il-kapaċitajiet tad-data u tal-analitiki sabiex jiżviluppaw prodotti u servizzi ġodda.
Bħalissa l-Ewropa talloka 84 % tad-domanda finali tagħha għas-servizzi “relatati mal-ICT” (konsultazzjoni, hosting, żvilupp) internament, fl-UE. Jekk dawn is-servizzi jkunu jistgħu joperaw ukoll aktar faċilment minn fruntiera għal oħra fl-UE billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet dwar il-lokalizzazzjoni tad-data, dan jista’ jwassal biex il-PDG jiżdied sa EUR 8 biljun fis-sena bi ffrankar tal-ispejjeż u titjib fl-effiċjenza.
Il-lokalizzazzjoni tad-data xxekkel ukoll il-progress fejn tidħol l-adozzjoni ta’ ħżin fuq il-cloud u tal-kompjuterizzazzjoni fuq il-cloud. Dan jista’ jkollu wkoll effetti aktar mifruxa fuq is-soċjetà. Tabilħaqq, użu aktar effiċjenti tar-riżorsi tal-IT jista’ jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u fl-emissjonijiet tal-karbonju bi 30 % netti jew aktar. Negozju żgħir li jaqleb għall-cloud jista' jnaqqas il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-karbonju tiegħu b’aktar minn 90 % jekk is-softwer li juża jħaddmu bil-cloud minflok fuq l-infrastruttura tiegħu. Sal-aħħar tal-2020, is-suq taċ-ċentru tad-data globali effiċjenti fejn tidħol l-enerġija hu mistenni jikber għal kważi EUR 90 biljun. Suq ta’ servizzi tad-data li jkun ifframmentat ifixkel l-iżvilupp sħiħ ta’ dawn is-servizzi fl-UE, li huma aktar effiċjenti fl-enerġija, u jikkomprometti wkoll l-interess fl-investiment.
Sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet u r-restrizzjonijiet spjegati hawn fuq u biex jiġi rrealizzat il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija Ewropea tad-data , kull Stat Membru li jieħu azzjoni li taffettwa l-ħżin jew l-ipproċessar tad-data għandu jiġi ggwidat minn “prinċipju tal-moviment liberu ta’ data fl-UE”, bħala korollarju tal-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tas-servizzi u dwar l-istabbiliment liberu li hemm fit-Trattat u fil-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti. Kull restrizzjoni ġdida jew attwali dwar fejn għandha tinżamm id-data jeħtieġ tiġi ġġustifikata b’attenzjoni skont it-Trattat u l-liġi sekondarja rilevanti sabiex jiġi vverifikat li hija tabilħaqq neċessarja u proporzjonali sabiex jintlaħaq objettiv prinċipali ta’ interess ġenerali, bħas-sigurtà pubblika.
Il-prinċipju tal-moviment liberu ta’ data personali stabbilit fil-liġi primarja u sekondarja għandu jiġi applikat fil-każijiet fejn il-GDPR jippermetti lill-Istati Membri li jirregolaw kwistjonijiet speċifiċi. Jeħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġin ma jużawx il-klawżoli ta’ ftuħ fil-GDPR sabiex jillimitaw aktar il-fluss liberu ta’ data.
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill Ewropew talab li jitneħħew l-ostakli li fadal fis-Suq Uniku, li jinkludi dawk li jxekklu l-fluss liberu ta’ data.
Sabiex jiġi implimentat il-prinċipju tal-moviment liberu tad-data, il-Kummissjoni se tieħu ż-żewġ passi li ġejjin:
Wara l-pubblikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni se tidħol fi djalogi strutturati mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra dwar il-ġustifikazzjonijiet għal miżuri dwar il-lok tad-data u l-proporzjonalità tagħhom, u se tkun qed tieħu r-restrizzjonijiet identifikati s’issa minnha stess bħala l-punt tat-tluq.
Wara r-riżultati tad-djalogi u wara li tinġabar aktar evidenza dwar il-limitu u n-natura tar-restrizzjonijiet dwar il-lok tad-data u l-impatti tagħhom, b'mod partikolari fuq l-SMEs u l-kumpaniji ġodda, fost l-oħrajn mill-konsultazzjoni pubblika ta' appoġġ, fejn meħtieġ il-Kummissjoni se tniedi proċeduri ta’ ksur biex tindirizza miżuri mhux ġustifikati jew mhux proporzjonati dwar il-lok tad-data, u jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni tista’ anki tieħu aktar inizjattivi dwar il-fluss liberu tad-data. F’dan il-kuntest, kull azzjoni li tittieħed wara, se tkun qed tirrispetta l-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar.
|
3.L-aċċess għad-data u t-trasferiment tagħha
L-ammonti dejjem jiżdiedu ta’ data qed jiġu ġġenerati minn magni jew proċessi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti, bħall-Internet tal-Oġġetti. Data bħal din qed tintuża dejjem aktar bħala komponent ewlieni għal servizzi ġodda u innovattivi sabiex jitjiebu l-prodotti jew il-proċess ta’ produzzjoni u għall-appoġġ tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
Id-diversità tad-data ġġenerata minn dawn il-magni jew proċessi tippreżenta opportunitajiet kbar għall-parteċipanti fis-suq tad-data sabiex joħorġu b'ideat ġodda u japplikawhomgħal ġo din id-data. Pereżempju, id-data meħuda minn sensuri użati fi rziezet moderni tista’ tintuża biex tinħoloq applikazzjoni li tottimizza l-ħsad, jew id-data ġġenerata minn sensuri fid-dwal tat-traffiku tista’ tintuża biex tinħoloq applikazzjoni għall-ġestjoni tat-traffiku jew għall-ottimizzazzjoni tar-rotot.
Sabiex jinħareġ il-valur massimu minn din it-tip ta’ data, dawk li huma involuti fis-suq jeħtieġ ikollhom aċċess għal settijiet ta’ data kbar u diversi. Madankollu, jekk il-ġeneraturi tad-data jżommu d-data għalihom, dan isir aktar diffiċli u d-data mbagħad tispiċċa tiġi analizzata f’sajlos. Il-kwistjonijiet tal-aċċess u t-trasferiment fil-każ ta' data mhux ipproċessata (jiġifieri data li ma tkunx ġiet ipproċessata jew inbidlet minn meta tkun bdiet tiġi rreġistrata) u ġġenerata minn dawn il-magni jew proċessi huma għalhekk ċentrali biex nersqu lejn ekonomija tad-data u jirrikjedu valutazzjoni tajba.
Il-kwistjoni ta’ aċċess għal data ġġenerata mill-magni qed titqies f’diversi setturi, bħas-settur tat-trasport, tas-swieq tal-enerġija, tal-ambjenti tal-għajxien intelliġenti, u tas-settur tas-saħħa u l-kura.
Fir-rigward tal-aċċess għad-data fl-UE, qabel tiġi eżaminata s-sitwazzjoni attwali huwa importanti li jiġi ċċarat liema tip ta’ data tkun qed tiġi kkunsidrata f’dan il-kuntest.
3.1.It-tip ta’ data li qed tiġi kkunsidrata
B’mod ġenerali, id-data tista’ tkun personali jew mhux personali. Pereżempju, fin-natura tagħha, id-data ġġenerata minn sensuri tat-temperatura tad-dar jaf tikklassifika bħala data personali (jekk tkun tinvolvi persuna ħajja), waqt li d-data dwar l-umdità tal-ħamrija ma tkunx personali. Id-data personali tista’ tinbidel f’data mhux personali permezz tal-proċess ta' anonimizzazzjoni. Meta d-data tikkwalifika bħala data personali japplika l-qafas dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari, il-GDPR.
Data ġġenerata mill-magni tinħoloq mingħajr l-intervent dirett mill-bniedem minn proċessi, applikazzjonijiet jew servizzi tal-kompjuter, jew minn sensuri li jipproċessaw informazzjoni li tasal minn tagħmir, softwer jew makkinarju, kemm jekk hi virtwali kif ukoll jekk hi reali.
Fin-natura tagħha, id-data ġġenerata mill-magni tista’ tkun personali jew mhux personali. Meta d-data ġġenerata mill-magni tippermetti li tiġi identifikata persuna fiżika, din tikkwalifika bħala data personali bil-konsegwenza li jkunu japplikaw ir-regoli kollha dwar id-data personali; dan jinbidel biss jekk din id-data tiġi anonimizzata għalkollox (eż. id-data dwar il-lok tal-applikazzjonijiet tal-mowbajl).
Tema komuni li torbot il-fluss liberu tad-data mal-kwistjonijiet li qed iqumu dwarl-aċċess u t-trażmissjoni tad-data hi li l-intrapriżi u l-atturi fl-ekonomija tad-data se jkunu qed jindirizzaw kemm data personali kif ukoll data mhux personali, u li b'mod regolari l-flussi tad-data u s-settijiet tad-data se jkun fihom iż-żewġ tipi. Waqt li tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-individwi, kull miżura politika trid tqis din ir-realtà ekonomika u l-qafas legali dwar il-protezzjoni tad-data personali.
3.2.Aċċess limitat għad-data
Sabiex tiġi vvalutata din il-kwistjoni ġdida, l-ewwel nett hemm bżonn ta' analiżi ta’ kif il-kumpaniji u parteċipanti oħra tas-suq jista' jkollhom aċċess għal settijiet ta’ data kbar u diversi li tirrikjedihom l-ekonomija tad-data.
L-evidenza disponibbli
tiżvela li ġeneralment il-kumpaniji li jkollhom kwantitajiet kbar ta’ data jkollhom it-tendenza li fejn jidħlu l-kapaċitajiet tal-analitiki tad-data, ħafna drabi joqogħdu fuq dawk tal-kumpanija stess. Fil-maġġoranza tal-każijiet, id-data tiġi ġġenerata u analizzata mill-istess kumpanija, u anki meta l-analiżi tad-data tkun sottokontrattata, jaf dik id-data ma tibqax terġa' tintuża. Barra minn hekk, f’xi każijiet, il-manifatturi, il-kumpaniji li joffru servizz u parteċipanti tas-suq oħrajn li jkollhom id-data, iżommu d-data ġġenerata mill-magni jew permezz tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, għalihom stess, u b’hekk potenzjalment ikunu qed jillimitaw il-possibbiltà li din terġa' tintuża fis-swieq downstream. Ħafna kumpaniji ma jinfetħux għall-possibbiltà ta’ Interfaċċji ta’ Programmar ta’ Applikazzjoni (APIs) (Application Programming Interfaces, APIs) faċli għall-utent (li jispeċifikaw kif applikazzjonijiet differenti għandhom jinteraġixxu ma’ xulxin) jew inkella ma jibbenefikawx minn din il-possibbiltà; dan minkejja li dawn l-interfaċċji jkunu jistgħu jservu bħala portijiet ta' dħul siguri biex id-data miżmuma mill-kumpaniji tintuża b'modi ġodda u innovattivi.
Għalhekk, b’mod ġenerali, l-iskambju tad-data bħalissa għadu limitat. Bil-mod il-mod qed jixirfu postijiet minn fejn tista' tinxtara d-data iżda mhux qed jintużaw ħafna. Il-kumpaniji jistgħu ma jkunux mgħammra bl-għodod u l-ħiliet ix-xierqa biex jikkwantifikaw il-valur ekonomiku tad-data tagħhom, u meta d-data ssir disponibbli għall-kompetituri, dawn jaf jibżgħu li jitilfu jew jikkompromettu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom.
3.3.Data ġġenerata mill-magni mhux ipproċessata: Is-sitwazzjoni legali fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali
Data mhux ipproċessata u ġġenerata mil-magni mhijiex protetta mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali eżistenti peress li din ma titqiesx bħala r-riżultat ta’ sforz intellettwali u/jew li m'għandhiex grad ta’ oriġinalità. Id-dritt sui generis tad-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data (96/9/KE) – id-Direttiva li tagħti lil dawk li jagħmlu l-bażijiet tad-data d-dritt li jipprevjenu li bażi tad-data tiġi estratta jew li tintuża mill-ġdid, kemm jekk b'mod sħiħ u kemm jekk parti sostanzjali biss mill-kontenut tagħha – jista’ jiġi applikat biss bil-kundizzjoni li l-bażi tad-data tkun inħolqot biss b'investiment sostanzjali fil-mod kif inkiseb, kif ġie vverifikat u kif ġie ppreżentat il-kontenut tagħha. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni ta’ Sigrieti Kummerċjali (2016/943/UE) li ġiet adottata dan l-aħħar u li għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sa Ġunju 2018, se tipproteġi s-sigrieti kummerċjali fejn jidħol il-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom. Biex id-data tikkwalifika bħala “sigriet kummerċjali”, iridu jittieħdu miżuri sabiex tiġi protetta s-segretezza tal-informazzjoni, li tirrappreżenta l-“kapital intellettwali tal-kumpanija”.
Skont il-liġi ta’ Stati Membri differenti, it-talbiet legali jiġu applikati fuq id-data biss meta dik id-data tissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi għaliha biex tikkwalifika, ngħidu aħna, bħala dritt tal-proprjetà intellettwali, dritt tal-bażi ta’ data jew sigriet kummerċjali. Madankollu, fil-livell tal-UE, b'mod ġenerali d-data ġġenerata mill-magni u mhux ipproċessata ma tissodisfax il-kundizzjonijiet rilevanti.
Għalhekk, bħalissa ma jeżistux oqfsa ta’ politika komprensiva fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni b'rabtamad-data ġġenerata mill-magni u mhux ipproċessata, u li ma tikkwalifikax bħala data personali, jew b'rabta mal-kundizzjonijiet tal-użu ekonomiku u n-negozjabbiltà tagħhom. Fil-biċċa l-kbira, din il-kwistjoni titħalla biex tiġi solvuta permezz ta’ soluzzjonijiet kuntrattwali. L-użu tal-liġi kuntrattwali u tal-istrumenti tal-liġi tal-kompetizzjoni ġenerali li hemm fis-seħħ bħalissa u li huma disponibbli fl-Unjoni jistgħu jkunu biżżejjed biex jindirizzaw din il-kwistjoni. Barra minn hekk, jistgħu jiġu previsti ftehimiet volontarji jew komprensivi li jkopru ċerti setturi. Madankollu, meta s-setgħa tan-negozjar tal-parteċipanti tas-suq differenti ma tkunx indaqs, soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq biss jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jiġu żgurati riżultati ġusti u favur l-innovazzjoni, biex jiġi ffaċilitat aċċess faċli għal dawk il-ġodda li jidħlu fis-suq u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn tiġi intrappolata l-klijentela.
3.4.Is-sitwazzjoni fil-prattika
F’xi każijiet, il-manifatturi jew il-fornituri ta’ servizz jistgħu jsiru “sidien” de facto tad-data li jiġġeneraw il-magni jew il-proċessi tagħhom, anki jekk dawk il-magni jkunu proprjetà tal-utent. Għall-manifatturi, il-kontroll de facto ta’ din id-data jista’ jkun sors ta’ differenzjazzjoni u ta’ vantaġġ kompetittiv. Madankollu, dan jista’ jkun problematiku għaliex ħafna drabi l-manifattur jipprevjeni lill-utent milli jawtorizza l-użu ta’ data minn parti oħra.
Skont l-ispeċifiċitajiet tas-swieq, il-parteċipanti differenti tas-suq li jkollhom il-kontroll tad-data jkunu jistgħu allura jieħdu vantaġġ mid-diskrepanzi fil-qafas regolatorju, jew mill-inċertezzi legali deskritti hawn fuq, billi jimponu klawżoli kuntrattwali standard inġusti fuq l-utenti permezz ta’ mezzi tekniċi, bħal formati proprjetarji jew il-kriptaġġ. Filwaqt li diversi Stati Membri estendew il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-konsumatur dwar Termini Kuntrattwali Inġusti anki għal tranżazzjonijiet bejn in-negozji, mhux kollha għamlu dan. Dan jista’ jirriżulta pereżempju mill-fatt li l-utenti u n-negozji jinqabdu fi ftehimiet esklussivi dwar l-użu tad-data. Jaf id-data tibda tiġi skambjata b'mod volontarju, iżda meta jkun hemm pożizzjoni ta’ negozjar li ma tkunx indaqs jew spejjeż sinifikanti marbuta mas-servizzi mogħtija mill-esperti legali, in-negozjar ta’ kuntratti bħal dawn jista’ jwassal għal spejjeż sostanzjali marbuta mat-tranżazzjonijiet għall-partijiet l-aktar dgħajfa. .
3.5.Il-qafas tal-UE għall-ġejjieni b'rabta mal-aċċess għad-data
Xi Stati Membri bħalissa qed jesploraw kif jista' jiġi żgurat l-aċċess għad-data ġġenerata mill-magni u dawn jistgħu jiddeċiedu li jirregolaw din il-kwistjoni waħidhom. Approċċ mhux koordinat jista’ joħloq riskju ta’ frammentazzjoni u jkun ta’ detriment għall-iżvilupp tal-ekonomija tad-data tal-UE u għall-operazzjoni ta’ servizzi u teknoloġiji ta’ data transkonfinali fis-suq intern.
Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tidħol fi djalogu mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra sabiex jiġi esplorat qafas tal-UE futur possibbli għal aċċess għal data. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan id-djalogu għandu jdur madwar l-aktar modi effettivi ta’ kif jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:
Titjib tal-aċċess għal data anonima ġġenerata mill-magni: Permezz tat-tqassim, l-użu mill-ġdid u l-aggregazzjoni, id-data ġġenerata mill-magni ssir sors ta’ ħolqien ta’ valur, innovazzjoni u diversità tal-mudelli ta’ negozju.
L-iffaċilitar u l-inċentivar tal-kondiviżjoni ta’ data bħal din: Kull soluzzjoni futura għandha trawwem aċċess effettiv għad-data waqt li, pereżempju, tqis id-differenzi li jista' jkun hemm fis-fis-setgħa tan-negozjar bejn il-parteċipanti fis-suq.
Il-protezzjoni ta’ investimenti u assi: Kull soluzzjoni futura jeħtieġ tqis ukoll l-interessi leġittimi tal-parteċipanti fis-suq li jinvestu fl-iżvilupp ta’ prodott, tiżgura redditu ġust fuq l-investimenti tagħhom u b’hekk tikkontribwixxi għall-innovazzjoni. Fl-istess ħin, kull soluzzjoni futura jeħtieġ tiżgura tqassim ta’ benefiċċji ġust bejn id-detenturi tad-data, il-proċessuri u l-fornituri tal-applikazzjonijiet fil-ktajjen tal-valur.
L-evitar ta’ l-iżvelar ta’ data kunfidenzjali: Kull soluzzjoni futura għandha ttaffi r-riskji tal-iżvelar ta’ data kunfidenzjali, b’mod partikolari għall-kompetituri eżistenti jew potenzjali. F’dan ir-rigward, dan jeħtieġ jippermetti wkoll li qabel il-valutazzjoni dwar jekk ċerta parti ta’ data tistax titqassam jew le, titwettaq klassifikazzjoni tad-data kif xieraq.
Jiġu minimizzati l-effetti ta’ intrappolament: Jeħtieġ jiġi kkunsidrat il-poter ta’ negozjar mhux ugwali bejn il-kumpaniji u l-individwi privati. Jeħtieġ jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ intrappolament, speċjalment għall-SMEs u kumpaniji ġodda u individwi privati.
Fid-djalogi bejn il-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiddiskuti l-possibiltajiet li ġejjin biex tindirizza l-kwistjoni ta’ aċċess għad-data ġġenerata minn magna, li jvarjaw fil-livell ta’ intervent tagħhom:
Gwida dwar l-inċentivar tan-negozji biex jikkondividu d-data: Biex jitnaqqsu l-effetti ta’ regolamenti nazzjonali diverġenti u biex tingħata aktar ċertezza legali lill-kumpaniji, il-Kummissjoni tista’ toħroġ gwida dwar kif id-drittijiet ta’ kontroll għad-data mhux personali jeħtieġ jiġu indirizzati fil-kuntratti. Din il-gwida tkun ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti, b’mod partikolari fuq ir-rekwiżiti dwar it-trasparenza u l-ġustizzja stabbiliti mil-liġi tal-UE dwar il-marketing u l-konsumaturi, id-Direttiva dwar is-Sigrieti Kummerċjali u l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur, b'mod partikolari d-Direttiva dwar il-Bażijiet ta’ Data. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li fl-2017 tniedi evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Bażijiet tad-Data.
It-trawwim tal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi għall-identifikazzjoni u l-iskambju ta’ data affidabbli: It-traċċabilità u l-identifikazzjoni ċara tas-sorsi tad-data jippermettu li veru jkun hemm kontroll tad-data fis-suq. Sabiex tinħoloq il-fiduċja fis-sistema, tista’ tkun meħtieġa d-definizzjoni ta’ protokolli affidabbli u possibbilment standardizzati biex is-sorsi tad-data jiġu identifikati b'mod persistenti. L-Interfacċċji ta’ Programmar ta’ Applikazzjoni (APIs) jistgħu jrawmu wkoll il-ħolqien ta’ ekosistema ta’ żviluppaturi ta’ applikazzjoni u ta’ algorittmi interessati fid-data miżmuma mill-kumpaniji. L-APIs jistgħu jgħinu lid-ditti u lill-awtoritajiet pubbliċi jidentifikaw it-tipi differenti ta’ użu mill-ġdid tad-data li għandhom u japprofittaw minnhom. Abbażi ta’ dan, jista’ jitqies użu usa’ ta’ APIs ddokumentati b’mod tajjeb, standardizzati u miftuħin, permezz ta’ gwida teknika, bħall-identifikazzjoni u t-tifrix tal-aħjar prattika għall-kumpaniji u l-korpi tas-settur pubbliku. Dan jista’ jinkludi li d-data ssir disponibbli f’formati li jinqraw mill-magni u l-għoti ta’ metadata assoċjata.
Regoli kuntrattwali ta’ inadempjenza: Ir-regoli ta’ inadempjenza jistgħu jiddeskrivu soluzzjoni bbilanċjata ta’ parametru referenzjarju għal kuntratti marbutin mad-data, u dan filwaqt li jqisu kif dovut il-Kontroll tal-Idoneità li jkun għaddej fuq il-funzjonament ġenerali tad-Direttiva dwar it-Termini Kuntrattwali Inġusti. Dawn ir-regoli jkunu jistgħu jingħaqdu mal-introduzzjoni ta’ kontroll ta' xi inġustizzja fir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn in-negozji li jaf iwasslu biex jiġu invalidati klawżoli kuntrattwali li jiddevjaw b’mod eċċessiv mir-regoli tal-inadempjenza. Dawn jistgħu jiġu kkumplimentati wkoll minn sett ta’ termini kuntrattwali standard, irrakkomandat u mfassal mill-partijiet ikkonċernati. Dan l-approċċ jista’ jnaqqas l-ostakli legali għan-negozji ż-żgħar u jnaqqas l-iżbilanċ fil-pożizzjonijiet waqt in-negozjar, waqt li xorta jagħti lok għal grad għoli ta’ libertà kuntrattwali.
Aċċess għall-interess pubbliku u għal skopijiet xjentifiċi: L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jingħataw aċċess għad-data fejn din tkun fl-“interess ġenerali” u fejn ittejjeb il-funzjonament tas-settur pubbliku b’mod konsiderevoli, pereżempju l-aċċess tal-uffiċċji tal-istatistika għad-data dwar in-negozju, jew l-ottimizzazzjoni ta’ sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku abbażi ta’ data f’ħin reali mill-vetturi privati. Normalment, l-aċċess għad-data kummerċjali minn awtoritajiet statistiċi jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-piż tar-rappurtar statistiku dwar l-operaturi ekonomiċi. B’mod simili, l-aċċess għad-data minn sorsi differenti u l-abbiltà li din tiġi kkombinata hu kritiku għal riċerka xjenfitika f’oqsma bħalma huma l-qasam mediku, dak soċjali u dak tax-xjenzi ambjentali.
Id-dritt tal-produttur tad-data: Il-“produttur tad-data” jiġifieri s-sit jew l-utent fit-tul (jiġifieri, il-lokatorju) tal-apparat jista’ jingħata d-dritt li juża u li jawtorizza l-użu tad-data mhux personali. Dan l-approċċ ikollu l-għan li jiċċara s-sitwazzjoni legali u li jagħti lill-produttur tad-data aktar għażla, billi jiftaħ il-possibbiltà għall-utenti li jutilizzaw id-data tagħhom u b’hekk jikkontribwixxu għall-ftuħ ta’ data ġġenerata mill-magni. Madankollu, l-eċċezzjonijiet rilevanti ikunu jeħtieġu li jiġu speċifikati b’mod ċar, b’mod partikolari l-provvediment tal-aċċess mhux esklussiv għad-data mill-manifattur jew mill-awtoritajiet pubbliċi, pereżempju biex jiġi mmaniġjat it-traffiku jew għal raġunijiet ambjentali. Fejn tkun ikkonċernata data personali, l-individwu jżomm id-dritt tiegħu li jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe żmien wara li jkun awtorizza l-użu. Qabel ma l-użu tagħha jkompli jiġi awtorizzat mill-parti l-oħra, id-data personali tkun trid issir anonima b'tali mod li l-individwu ma jkunx identifikabbli jew ma jibqax identifikabbli.. Il-GDPR jibqa’ japplika għal kwalunkwe data personali (sew jekk hi ġġenerata mill-magni u sew jekk mhijiex) sakemm dik id-data tkun ġiet anonimizzata.
Aċċess kontra r-remunerazzjoni: Qafas potenzjalment ibbażat fuq ċerti prinċipji ewlenin, bħal termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND, fair, reasonable and non-discriminatory), jista’ jiġi żviluppat għad-detenturi tad-data, bħal manifatturi, fornituri tas-servizz jew partijiet oħra, sabiex jingħata aċċess għad-data li jkollhom bil-patt li titħallas remunerazzjoni wara li d-data tkun ġiet anonimizzata. Jeħtieġ jitqiesu l-interessi leġittimi rilevanti, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu protetti sigrieti kummerċjali. Jaf jitqiesu wkoll reġimi differenti ta’ aċċess għal setturi u/jew mudelli ta’ negozju differenti sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull industrija. Pereżempju, f’xi każijiet, l-aċċess miftuħ għad-data (sħiħ jew parzjali) jista’ jkun l-għażla ppreferuta kemm għad-ditti kif ukoll għas-soċjetà.
Il-Kummissjoni se tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjonijiet spjegati hawn fuq, bl-għan li tiġbor aktar evidenza dwar il-funzjonament tas-swieq tad-data skont is-settur u li jiġu skoperti soluzzjonijiet possibbli. F’dan il-kuntest, hi essenzjali diskussjoni wiesgħa fil-livell makro sabiex jiġu diskussi soluzzjonijiet possibbli u sabiex jiġu evitati effetti sekondarji mhux intenzjonati li joħonqu l-innovazzjoni jew ixekklu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, se jsiru diskussjonijiet speċifiċi għas-settur mal-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-katina tal-valur tad-data.
4.Responsabbiltà
Kwistjoni oħra emerġenti hi dwar l-applikazzjoni tar-regoli attwali dwar ir-responsabbiltà fl-ekonomija tad-data b'rabta mal-prodotti u s-servizzi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti bħall-Internet tal-Oġġetti (IoT), il-fabbriki tal-futur u s-sistemi konnessi awtonomi. L-IoT hu netwerk ta’ oġġetti ta’ kuljum, bħal arloġġi tal-idejn, vetturi u termostats, li huma konnessi mal-Internet, u qed jikber b’mod rapidu. Sistemi konnessi awtonomi, bħal vetturi li jsuqu waħidhom, jaġixxu b’mod indipendenti mill-bnedmin u huma kapaċi jifhmu u jinterpretaw l-ambjenti tagħhom. Dawn it-teknoloġiji emerġenti jużaw sensers biex jipprovdu l-ħafna tipi ta’ data li normalment huma meħtieġa biex il-prodott jew servizz jaħdem.
Dawn l-innovazzjonijiet kollha huma mistennija jikkontribwixxu għal aktar sigurtà u għal kwalità tal-ħajja aħjar, iżda inevitabbilment f’kull apparat tibqa’ l-possibbiltà ta’ żbalji fid-disinn, ta’ ħsara jew ta’ manipulazzjoni. Dan jista’ jirriżulta mit-trażmissjoni ta' data żbaljata minn sensur minħabba, pereżempju, difetti fis-softwer, problemi fil-konnettività jew tħaddim mhux korrett tal-magna. In-natura ta’ dawn is-sistemi timplika li jista’ jkun diffiċli jiġi stabbilit is-sors eżatt ta’ problema li twassal għal dannu, u dan iqajjem il-kwistjoni dwar kif għandu jiġi żgurat li dawn is-sistemi jkunu siguri għall-utenti, sabiex tiġi mminimizzata l-okkorrenza tad-dannu u f'każ li jsirxi dannu wieħed ikun jaf min għandu jinżamm responsabbli.
Għalhekk, il-kwistjoni dwar kif għandha tingħata ċertezza kemm għall-utenti kif ukoll għall-manifatturi ta’ apparat bħal dan fir-rigward tar-responsabbiltà potenzjali tagħhom hija ta’ importanza ċentrali għall-iżvilupp ta’ ekonomija tad-data.
4.1.Regoli tal-UE dwar ir-responsabbiltà
B’mod ġenerali, il-liġi ċivili tagħmel distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ responsabbiltà legali: kuntrattwali, fejn ir-responsabbiltà għall-ħsara toriġina mir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet; u mhux kuntrattwali, fejn ir-responsabbiltajiet jiġu stabbiliti barra l-kuntratt. Tip importanti ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali hi r-responsabbiltà għal prodotti difettużi. Fil-livell tal-UE, id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi (85/374/KEE) (“id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti”) tistabbilixxi l-prinċipju ta’ responsabbiltà stretta, jiġifieri responsabbiltà mingħajr difett: meta prodott difettuż jikkawża ħsara lil konsumatur, il-manifatturi jistgħu jinżammu reponsabbli anki mingħajr negliġenza jew difett min-naħa tagħhom. Madankollu, jista’ jsir diffiċli jew ma jibqax ċar kif għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fil-kuntest tal-IoT u sistemi konnessi awtonomi (eż. ir-robotika) għar-raġunijiet li ġejjin: il-karatteristiċi ta’ dawn is-sistemi, pereżempju prodott ikkumplikat jew katina tal-valur ta’ servizz, b’interdependenzi bejn il-fornituri, il-manifatturi u partijet terzi oħra; inċertezza fir-rigward tan-natura legali tal-apparat IoT, jiġifieri, jekk humiex prodotti, servizzi, jew prodotti li jiġu bil-bejgħ ta’ servizz; u n-natura awtonoma ta’ dawn it-teknoloġiji.
Il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni wiesgħa tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti sabiex tivvaluta l-funzjonament tagħha b’mod ġenerali u bex tara jekk ir-regoli tagħha, li ġew żviluppati għal ambjent differenti ħafna, jibqgħux xierqa għal teknoloġiji emerġenti bħall-IoT u s-sistemi konnessi awtonomi.
4.2.X'jistgħu jkunu l-passi li jmiss
L-objettiv tal-Kummissjoni hu li ttejjeb iċ-ċertezza legali fejn tidħol ir-responsabbiltà tat-teknoloġiji emerġenti u għalhekk li toħloq kundizzjonijiet favorevoli għall-innovazzjoni. Minbarra l-istatus quo, jistgħu jiġu esplorati diversi approċċi li jinkludu:
Approċċi li joħolqu riskju jew li jimmaniġjaw ir-riskju: Skont dawn l-approċċi, ir-responsabbiltà tista’ tiġi assenjata lill-parteċipanti tas-suq li jiġġeneraw riskju kbir għall-oħrajn jew lil dawk il-parteċipanti tas-suq li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jimminimizzaw jew jevitaw ir-realizzazzjoni ta’ riskju bħal dan.
Skemi tal-assigurazzjoni volontarji jew mandatorji: Skemi bħal dawn jistgħu jiġu akkumpanjati bl-approċċi ta’ responsabbiltà msemmija hawn fuq. Dawn jikkumpensaw il-partijiet li jkunu ġarrbu d-dannu (eż. il-konsumatur). Dan l-approċċ jinvolvi li tingħata protezzjoni legali lill-investimenti li jsiru min-negozju waqt li jassigura lill-vittmi fir-rigward ta’ kumpens ġust jew ta’ assigurazzjoni xierqa f’każ ta’ dannu.
Kwalunkwe approċċ ikun jeħtieġ li jqis l-azzjonijiet tal-individwu li juża t-teknoloġija, u b’mod aktar preċiż, jeħtieġ jidentifika xi jrid ikun ir-rwol tal-utenti ta’ dik it-teknoloġija.
Il-Kummissjoni sejra tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati dwar l-adegwatezza tar-regoli tal-UE attwali dwar ir-responsabbiltà fil-kuntest tal-IoT u tas-sistemi konnessi awtonomi, kif ukoll dwar approċċi possibbli li jistgħu jegħlbu d-diffikultajiet attwali fl-assenjar tar-responsabbiltà. Qiegħda ssir ukoll konsultazzjoni pubblika parallela dwar l-evalwazzjoni ġenerali tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti. Il-Kummissjoni se tivvaluta r-riżultati u tqis l-għażliet għall-azzjoni fil-ġejjieni.
|
5.Il-portabbiltà, l-interoperabbiltà u l-istandards
Kwistjonijiet oħrajn emerġenti fl-ekonomija tad-data huma l-portabbiltà tad-data mhux personali, l-interoperabbiltà ta’ servizzi li jippermettu l-iskambju tad- data, u l-istandards tekniċi xierqa għall-implimentazzjoni tal-portabbiltà sinifikanti.
5.1.Il-portabbiltà ta’ data mhux personali
Il-portabbiltà tad-data tfisser li l-konsumaturi u n-negozji jkunu jistgħu jaqilbu d-data tagħhom minn sistema għal oħra faċilment. Ġeneralment din tkun assoċjata ma’ spejjeż baxxi marbuta ma' dan l-iswiċċjar, u għalhekk l-ostakli tad-dħul fl-ekonomija tad-data jkunu żgħar ukoll. Il-GDPR ser jagħti lill-individwi d-dritt li jirċievu d-data personali, ipprovduta lill-fornitur tas-servizz, f'format strutturat, li jinqara mill-magni u li jintuża b'mod komuni, u d-dritt li jittrażmettuha lil fornitur ieħor.
Madankollu, rigward data mhux personali, bħalissa m’hemmx obbligi sabiex jiġi ggarantit saħansitra livell minimu ta’ portabbiltà tad-data, anki għal servizzi online użati b'mod komuni ħafna, bħall-fornituri tal-cloud hosting. Parzjalment dan hu l-każ minħabba li r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni tal-portabbiltà tad-data jistgħu jkunu teknikament eżiġenti u jiswew il-flus, peress li l-fornituri differenti tal-istess servizzi jistgħu jaħżnu d-data b’mod differenti.
Il-portabbiltà sinifikanti ta' data mhux personali tkun teħtieġ ukoll tqis il-kunsiderazzjonijiet usa’ ta’ governanza tad-data li jinvolvu t-trasparenza għall-utenti, l-immaniġjar tal-aċċess u l-interoperabbiltà sabiex jiġu llinkjati pjattaformi differenti b’modi li jistimulaw l-innovazzjoni.
5.2.Interoperabbiltà
Ta’ spiss, il-kunsiderazzjonijiet tal-portabbiltà tad-data jkunu relatati mill-qrib ma’ kwistjonijiet tal-interoperabbiltà tad-data, u dan jippermetti lil servizzi diġitali multipli jiskambjaw id-data bla xkiel, anki bl-għajnuna tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi xierqa. Id-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku u l-gwida assoċjata (li tinkludi l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà) jenfasizzaw l-importanza ta’ metadata rikka u standardizzata u li ssegwi l-vokabularji stabbiliti sabiex jiġu ffaċilitati t-tiftix u l-interoperabbiltà. Id-Direttiva dwar l-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) u r-regolamenti dwar l-interoperabbiltà tagħha u l-gwida għal servizzi u data dwar l-informazzjoni ġeografika, li tinkludi data ta’ osservazzjoni minn sensur, bħalissa tapplika għad-data spazjali tas-settur pubbliku.
Fil-każ ta’ pjattaformi online, l-interoperabbiltà ta’ data bħal din mhux biss tiffaċilita l-bdil, iżda wkoll l-użu konkorrenti ta’ diversi pjattaformi (l-hekk imsejħa “multi-homing”) kif ukoll skambju ta’ data mifrux fi pjattaformi differenti, li għandu l-potenzjal iżid l-innovazzjoni fl-ekonomija diġitali.
5.3.Standards
Politiki effettivi dwar il-portabbiltà jridu jkunu appoġġjati bi standards tekniċi xierqa sabiex tiġi implimentata portabbiltà sinifikanti b’mod teknoloġikament newtrali. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li tappoġġja l-istandards xierqa sabiex jitjiebu l-interoperabbiltà, il-portabbiltà u s-sigurtà tas-servizzi fuq il-cloud, billi jkun hemm integrazzjoni aħjar tax-xogħol ta’ komunitajiet ta’ sors miftuħ fil-proċess tal-iffissar tal-istandards fil-livell Ewropew. Eżempji ta’ approċċ bħal dan huma l-ispeċifikazzjoni TOSCA għal applikazzjonijiet bil-cloud, li għandhom l-għan li jżidu l-portabbiltà u l-immaniġjar operazzjonali tal-applikazzjonijiet u s-servizzi fuq il-cloud, u l-ispeċifikazzjonijiet u l-linji gwida tekniċi tar-regolamenti ta’ implimentazzjoni ta’ INSPIRE.
5.4.X'jistgħu jkunu l-passi li jmiss
X'jistgħu jkunu l-passi li jmiss biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ hawn fuq:
L-iżvilupp ta’ termini kuntrattwali rakkomandati għall-iffaċilitar tal-iswiċċjar tal-fornituri ta' servizz: Peress li l-portabbiltà u l-iswiċċjar tal-fornitur tas-servizzi tad-data jiddependu wieħed fuq l-ieħor, jista’ jiġi eżaminat l-iżvilupp ta’ klawżoli kuntrattwali li jirrikjedu lill-fornitur tas-servizz jimplimenta l-portabbiltà tad-data tal-konsumatur.
L-iżvilupp ta’ aktar drittijiet għall-portabbiltà tad-data: Filwaqt li jkomplu jibnu fuq id-dritt tal-portabbiltà tad-data mogħti mill-GDPR u fuq ir-regoli proposti dwar il-kuntratt għall-forniment ta’ kontenut diġitali, jistgħu jiġu introdotti aktar drittijiet għall-portabbiltà ta’ data mhux personali, b’mod partikolari biex ikopru r-relazzjonijiet bejn in-negozji, waqt li jqisu r-riżultat tal-Kontroll tal-Idoneità li jkun għaddej fuq il-partijiet ewlenin tal-liġi tal-UE dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsumatur.
Esperimenti speċifiċi għas-settur fuq l-istandards: Sabiex jiġi żviluppat approċċ robust għar-regoli tal-portabbiltà kkodifikati permezz ta' standards, jistgħu jitniedu approċċi sperimentali speċifiċi għas-settur. Normalment dawn ikunu jinvolvu kollaborazzjoni bejn bosta partijiet ikkonċernati li jinkludu dawk li jistabbilixxu l-istandards, l-industrija, il-komunità teknika, u l-awtoritajiet pubbliċi.
Il-Kummissjoni se tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati fuq dawn il-kwistjonijiet u abbażi ta’ dan se tiddetermina jekk hix meħtieġa azzjoni addizzjonali, possibbilment fil-forma tal-azzjonijiet ta’ hawn fuq, jew individwalment jew f'kombinazzjoni.
6.Esperimentazzjoni u ttestjar
L-esperimentazzjoni hi parti importanti mill-esplorazzjoni ta’ kwistjonijiet emerġenti fl-ekonomija tad-data. Se jiġi esplorat il-potenzjal li jintuża l-finanzjament mill-Orizzont 2020 sabiex jiġu appoġġjati dawn it-tipi ta’ provi u esperimenti.
Qabel jintlaħqu konklużjonijiet dwar l-adegwatezza ta’ soluzzjonijiet possibbli għall-aċċess għad-data u r-responsabbiltà tagħha, jeħtieġ tiġi organizzata prova ddedikata għall-ittestjar ta’ dawn il-kwistjonijiet f’ambjent tal-ħajja reali, bi sħubija ma’ partijiet ikkonċernati. Hemm bżonn ta' soluzzjoni Ewropea mibnija fuq il-kooperazzjoni u l-esperimentazzjoni bejn l-Istati Membri.
Minħabba d-dimensjoni transkonfinali ta’ dan is-settur, għal prova bħal din, tista’ titqies il-mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata.
Diġà qed isiru proġetti f’diversi Stati Membri sabiex jiġu żviluppati sistemi kooperattivi u livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni. Dawn il-proġetti jippermettu lill-vetturi jkunu konnessi ma’ xulxin u ma’ infrastruttura tat-triq bħad-dwal tat-traffiku u s-sinjali tat-triq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li taħdem ma’ grupp ta’ Stati Membri interessati biex toħloq qafas ta’ ttestjar legali għat-twettiq ta' esperimenti abbażi ta’ regoli armonizzati dwar l-aċċess u r-responsabbiltà għad-data. Sabiex ikun hemm aċċess għal volum kbir biżżejjed ta’ data, il-provi għandhom jiġu bbażati fuq 5G, u jaħdmu f’koeżistenza bla xkiel ma’ teknoloġiji li diġà qed jintużaw u skont il-prinċipju tal-kumplimentarjetà.
Esperimentazzjoni interessanti oħra se tiġi mis-settur ġeospazjali, bl-introduzzjoni ta’ ekosistema ġdida ta’ data mibnija madwar Copernicus, programm tal-UE tal-osservazzjoni tad-dinja u t-tielet l-akbar fornitur ta’ data fid-dinja. Il-Kummissjoni qed tiżviluppa soluzzjonijiet innovattivi biex trawwem l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet ibbażati fuq Copernicus u data spazjali oħra, b'mod partikolari biex tindirizza kwistjonijiet dwar l-aċċess għad-data, l-interoperabbiltà u l-prevedibbiltà.
7.Konklużjoni
Sabiex tibni l-ekonomija tad-data, l-UE teħtieġ qafas politiku li jippermetti li d-data tintuża fil-katina tal-valur għal skopijiet xjentifiċi, skopjiet soċjali u dawk industrijali. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tniedi djalogu wiesa’ ma’ partijiet ikkonċernati dwar il-kwistjonijiet esplorati f’din il-Komunikazzjoni. L-ewwel pass f’dan id-djalogu se jkun konsultazzjoni pubblika. Il-kwistjonijiet ta’ aċċess għad-data u tar-responsabbiltà se jiġu ttestjati wkoll f’ambjent reali fil-qasam tal-mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata.
Dwar il-fluss liberu tad-data, il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq din il-kwistjoni f’konformità mal-approċċ spjegat hawn fuq, sabiex timplimenta b’mod sħiħ il-prinċipju tal-fluss liberu tad-data fl-UE, jekk anki permezz ta' azzjoni ta’ infurzar prijoritizzata. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll timmonitorja u tiġbor l-evidenza, u jekk ikun meħteġ tista’ tikkunsidra li tieħu aktar inizjattivi dwar il-fluss liberu tad-data.
Abbażi tar-riżultati tad-djalogu mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tiddeċiedi wkoll jekk hix meħtieġa azzjoni addizzjonali dwar il-kwistjonijiet emerġenti u tipproponi soluzzjonijiet kif xieraq. F’dan il-kuntest, l-esperimentazzjoni f’kundizzjonijiet reali jaf ikollha rwol.