Brussell, 16.1.2017

COM(2017) 3 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

li jevalwa l-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina

{SWD(2017) 1 final}


Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill

li jevalwa l-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE)

1. Introduzzjoni

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 1 (MFSD) tal-UE tipprovdi qafas li fih l-Istati Membri għandhom iwettqu l-miżuri meħtieġa biex jilħqu jew iżommu “qagħda ambjentali tajba” fl-ilmijiet kollha tal-ibħra tal-UE sal-2020. Meta jintlaħaq dan l-għan ikun ifisser li l-ibħra jkunu nodfa, f’saħħithom u produttivi u l-użu tal-ambjent marittimu jkun sostenibbli. L-MFSD fiha ħdax-il “deskrittur kwalitattiv” 2 li jiddeskrivu kif għandu jkun l-ambjent meta jkun intlaħaq status ambjentali tajjeb. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/477/UE dwar kriterji u standards metodoloġiċi għal status ambjentali tajjeb ta’ ilmijiet tal-baħar 3 tiggwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom jagħmlu biex jilħqu dan l-għan.

Fil-prattika, l-Istati Membri huma meħtieġa li jiżviluppaw u jimplimentaw l-istrateġiji marini. Dawn jinkludu:

valutazzjoni inizjali tal-ilmijiet tal-baħar tagħhom,

id-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar tagħhom,

it-twaqqif ta’ miri ambjentali,

l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ programmi kkoordinati ta’ monitoraġġ, u

l-identifikazzjoni ta’ miżuri jew azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb.

Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk dawn l-elementi differenti jissodisfawx ir-rekwiżiti tad-Direttiva fil-każ ta’ kull Stat Membru. Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll informazzjoni addizzjonali u tipprovdi gwida dwar kull bidla li tkun tinħtieġ.

L-Istati Membri rrappurtaw fl-2012, wara l-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni li kienet tkopri l-valutazzjoni inizjali, id-determinazzjoni ta' status ambjentali tajjeb u l-identifikazzjoni tal-miri ambjentali. Il-Kummissjoni ppubblikat valutazzjoni 4 ta’ dawn l-elementi u kkonkludiet li l-Istati Membri ma wrewx xi ambizzjoni kbira biex jiffissaw il-miri ambjentali. Din il-valutazzjoni enfasizzat ukoll nuqqas ta’ koerenza u konsistenza fl-implimentazzjoni madwar ir-reġjuni u s-sottoreġjuni marini.

Fit-tieni stadju tal-implimentazzjoni, l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta’ monitoraġġ sa Lulju 2014 5 u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur minn meta jistabbilixxuhom. Il-programmi ta’ monitoraġġ għandhom l-għan li jivvalutaw l-istatus ambjentali tal-ilmijiet tal-baħar u l-progress lejn il-kisba tal-miri ambjentali.

Għoxrin Stat Membru 6 rrappurtaw il-programmi ta’ monitoraġġ lill-Kummissjoni fil-ħin 7 biex issir din l-evalwazzjoni: Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Iżvezja u r-Renju Unit 8 . Tliet Stati Membri (Malta, il-Greċja u l-Polonja) ma kinux għadhom ressqu r-rapporti tagħhom 9 .

Dan ir-rapport jikkomplimenta r-rapport tal-Kummissjoni tal-2014 u jimmira li jistabbilixxi l-progress tal-Istati Membri lejn implimentazzjoni aktar konsistenti u koerenti tal-MSFD biex jinkiseb status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar tal-UE sal-2020.

Il-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-programmi ta’ monitoraġġ li tressqu mill-Istati Membri elenkati hawn fuq. Ir-rapport jivvaluta l-konsistenza u l-adegwatezza tal-programm ta’ monitoraġġ ta’ kull Stat Membru, u jqis il-koerenza reġjonali. Dan ir-rapport jipprovdi wkoll gwida dwar il-bidliet li l-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa.

L-ewwel parti tar-rapport tanalizza l-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tagħhom ta’ status ambjentali tajjeb u tal-miri ambjentali assoċjati. It-tieni parti tqis il-passi ta’ monitoraġġ li jmiss li jittieħdu fil-livelli nazzjonali u tal-UE biex jinkiseb u jinżamm status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar tal-UE sal-2020.

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal 10 mehmuż ma’ dan ir-rapport jinkludi analiżi dettaljata tal-programmi ta’ monitoraġġ ta’ kull Stat Membru fid-dawl tal-ħdax-il deskrittur kwalitattiv fl-MSFD, u jipprovdu gwida speċifika għal kull Stat Membru.

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal jinkludi wkoll valutazzjoni ta’ ċerti elementi li kienu rrappurtati fl-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni tal-MSFD għal dawk l-Istati Membri li rrappurtaw tard - il-Bulgarija, il-Kroazja, Malta, is-sottoreġjun ta’ Makronesja tal-Portugall (l-Azores u Madejra) u s-sottoreġjun tal-Mediterran tal-Punent għar-Renju Unit (l-ilmijiet madwar Ġibiltà) 11 .

2. Is-sejbiet ewlenin

Biex jiġi vvalutat jekk il-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri jikkostitwixxux qafas xieraq biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-MSFD, il-programmi ġew ivvalutati billi tqies l-għan tagħhom, l-ambitu ġeografiku, il-kopertura tal-kategoriji tad-deskritturi u l-miri ambjentali tagħhom, l-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni, kemm huma adegwati biex jissodisfaw l-obbligi tal-MSFD u tal-leġislazzjoni rilevanti l-oħra, u l-koerenza reġjonali.

L-għoxrin Stat Membru rrappurtaw aktar minn 200 programm ta’ monitoraġġ, fost dawn kważi 1 000 sottoprogramm.

L-għan

Kif jidher fl-Illustrazzjoni 1, il-maġġoranza tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ (73 %) jiffukaw fuq il-valutazzjoni tal-istat ambjentali tal-ilmijiet tal-baħar tal-Istati Membri u fuq l-impatti kkawżati mill-attivitajiet tal-bniedem. 41 % tal-attivitajiet huma marbuta mal-monitoraġġ tal-pressjonijiet ikkawżati mill-attivitajiet tal-bniedem (eż. il-preżenza ta’ partikuli sospiżi fil-kolonna tal-ilma li jnaqqsu t-trasparenza tal-ilma, jew iż-żieda tan-nutrijenti li tikkawża l-ewtrofikazzjoni; jew l-iskart fil-baħar li jakkumula fil-bajjiet), 19 % jiffokaw fuq attivitajiet tal-bniedem li jikkawżaw pressjoni (pereżempju attivitajiet ta’ tħammil fil-portijiet, jew attivitajiet agrikoli u l-iskariki tal-ilma urban li jintrema, jew il-ġestjoni tal-iskart solidu mhux xierqa), filwaqt li 12 % biss jiffokaw fuq l-effikaċja ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni ta’ dawn il-pressjonijiet u l-impatti tagħhom (eż. l-effetti tal-miżuri biex jitnaqqas it-telf ta’ nutrijenti, jew biex tittejjeb il-ġestjoni tal-iskart solidu). Dan in-nuqqas ta’ enfasi fuq il-valutazzjoni tal-miżuri jista’ jiġi parzjalment spjegat mill-fatt li l-Istati Membri ma kinux meħtieġa li jkollhom il-miżuri operazzjonali qabel tmiem l-2016 (l-Artikolu 5(2) tal-MSDF).

Peress li hemm xi rduppjar fost il-programmi u l-funzjoni tagħhom, it-total tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ diversi huwa aktar minn 100 %.

Illustrazzjoni 1: L-għan tal-monitoraġġ tal-Istati Membri 12

41% tal-isforz tqiegħed fuq il-monitoraġġ tal-bijodiversità (id-Deskritturi 1, 4 u 6) 13 . Wieħed jista’ jifhem ir-raġuni għaliex hemm daqstant enfasi fuq il-bijodiversità meta jiftakar kemm hemm diġà ħidma fuq il-monitoraġġ biex tiġi implimentata leġiżlazzjoni oħra tal-UE, bħad-Direttiva dwar l-Għasafar 14 , id-Direttiva dwar il-Ħabitats 15 , id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 16 , id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm 17 , id-Direttiva dwar in-Nitrati 18 , u r-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd 19 . Dawn jinkludu rekwiżiti ta’ monitoraġġ marbuta direttament mad-deskritturi tal-MSFD. Pereżempju, skont id-Direttiva dwar l-Għasafar, l-Istati Membri jridu jqisu t-tendenzi u l-varjazzjonijiet fil-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet tal-għasafar slavaġ li hemm miżuri speċjali ta’ konservazzjoni għalihom. Għaldaqstant, il-monitoraġġ mill-Istati Membri tal-popolazzjonijiet, id-daqsijiet u l-abbundanza tal-għasafar tal-baħar jissodisfaw ir-rekwiżiti kemm tad-Direttiva dwar l-Għasafar kif ukoll tal-MSFD.

59% tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ huma marbuta mat-tmien deskritturi li jifdal, u l-monitoraġġ fuq l-enerġija, inkluż fuq l-istorbju ta’ taħt il-baħar 20 , u fuq il-kontaminanti fl-ikel tal-baħar (id-Deskritturi 11 u 9 4% kull wieħed), il-monitoraġġ fuq l-ispeċijiet li mhumiex indiġeni (id-Deskrittur 2) (5%), u fuq l-iskart fil-baħar u l-bidliet idrografiċi (id-Deskritturi 10 u 7) (6% kull wieħed), huwa relattivament limitat. Il-kontaminanti tal-ilma (id-Deskrittur 8), l-ewtrofikazzjoni (id-Deskrittur 5) u l-ħut kummerċjali (id-Deskrittur 3) jiġu koperti aħjar (13 %, 11 % u 9 % rispettivament tal-isforzi ta’ monitoraġġ).

L-ambitu ġeografiku

L-Istati Membri rrapportaw dwar id-distribuzzjoni ġeografika tal-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom, permezz taż-żoni ġeografiċi li ġejjin:

terrestri (tal-art),

ilmijiet temporanji, 21

l-ilmijiet kostali,

l-ibħra territorjali,

iż-Żona Ekonomika Esklużiva (iż-ŻEE), 22  

iż-żona tal-blata kontinentali ’lil hinn miż-ŻEE 23 , u

lil hinn mill-ilmijiet tal-Istati Membri.

Kif jidher fl-Illustrazzjoni 2, l-akbar proporzjon (68 %) ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri jseħħ fl-ilmijiet kostali, filwaqt li parti kbira ssir ukoll fl-ilmijiet territorjali (57 %) u fiż-ŻEE (51 %). L-iżgħar parti (6 %) isseħħ fl-ilmijiet kontinentali lil hinn miż-ŻEE.

Kif hemm spjegat iktar ’il fuq, l-Istati Membri b’mod ġenerali rabtu l-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom mal-programmi eżistenti meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni l-oħra tal-UE, u dan jista’ jispjega għaliex l-iżjed li qed isir monitoraġġ huwa fl-ilmijiet kostali. Il-programmi ta’ monitoraġġ lil hinn mill-ibħra territorjali tal-Istati Membri huma limitati. Dan jista’ jiġi spjegat minn għadd ta’ fatturi, bħall-ispiża ta’ dan il-monitoraġġ u l-ħtieġa li jkun hemm konċentrazzjoni fuq il-pressjonijiet u l-impatti ewlenin li jseħħu qrib il-kosta.



Illustrazzjoni 2: L-ambitu ġeografiku tal-monitoraġġ tal-Istati Membri 24

L-iskeda ta’ żmien tal-implimentazzjoni

L-Istati Membri kellhom jiżviluppaw u jimplimentaw il-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom sal-15 ta’ Lulju 2014. l-Illustrazzjoni 3 turi l-proporzjon, skont il-kategorija tad-Deskrittur, tal-programmi ta’ monitoraġġ mistennija li jkunu fis-seħħ fl-2014, fl-2018, fl-2020 u wara l-2020. Fl-2014, l-iktar deskritturi ssorveljati mill-Istati Membri kienu l-kontaminanti fl-ikel tal-baħar (id-Deskrittur 9), il-ħut kummerċjali (id-Deskrittur 3) u l-ewtrofikazzjoni (id-Deskrittur 5). Sal-2020, abbażi tal-awtovalutazzjoni tal-Istati Membri, se jkunu fis-seħħ il-programmi ta’ monitoraġġ tal-ewtrofikazzjoni (id-Deskrittur 5), tal-mammiferi, tar-rettili, tal-ħut u taċ-ċefalopodi (id-Deskritturi 1 u 4) u tal-kontaminanti (id-Deskrittur 8). Huwa mistenni li kważi 90% tal-programmi ta’ monitoraġġ tal-ħut kummerċjali (id-Deskrittur 3), tal-iskart fil-baħar (id-Deskrittur 10) u tal-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar u tal-kolonni tal-ilma (id-Deskritturi 1, 4 u 6), ikunu fis-seħħ sal-2020.

Illustrazzjoni 3: Id-data sa meta l-Istati Membri jistennew li l-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom, skont il-kategoriji tad-deskritturi, ikunu fis-seħħ biex ikopru il-ħtiġijiet tagħhom ta’ status ambjentali tajjeb 25 26

Il-programmi ta’ monitoraġġ tal-ispeċijiet mhux indiġeni (id-Deskrittur 2) u tal-istorbju ta’ taħt il-baħar (id-Deskrittur 11) għandhom bżonn jitħaffu sew biex tkun żgurata kopertura tajba minħabba l-iskadenzi tal-MSFD għall-aġġornament tal-istrateġiji marini sal-2018, u l-kisba ta’ status ambjentali tajjeb sal-2020. Huwa meħtieġ ukoll sforz addizzjonali fuq id-deskritturi dwar il-bijodiversità (id-Deskritturi 1, 4 u 6) u dan jgħodd b’mod partikolari għal dawk li mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti.

Illustrazzjoni 4: Id-data sa meta l-Istati Membri jistennew li jkunu fis-seħħ l-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom biex ikopru l-ħtiġijiet tagħhom ta’ status ambjentali tajjeb.

L-illustrazzjoni 4 turi l-proporzjon, skont l-Istat Membru, ta’ programmi ta’ monitoraġġ mistennija li jkunu fis-seħħ biex jiġi evalwat il-progress lejn status ambjentali tajjeb sal-2014, sal-2018, sal-2020 u wara l-2020.

Ħames Stati Membri rrappurtaw li l-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom għal ħafna kategoriji ta’ deskritturi ilhom fis-seħħ mill-2014. Erba’ Stati Membri ma kellhomx programmi ta’ monitoraġġ fis-seħħ fl-2014. B’mod ġenerali, il-programmi ta’ monitoraġġ ma kinux kompletament adegwati sa Lulju tal-2014, id-data li fiha kellhom jinħolqu u implimentati skont l-Artikolu 5(2)(a) (iv) tal-MSDF. Bħala konsegwenza ta’ dan, l-Istati Membri se jkollhom għadd ta’ lakuni sinifikanti fid-dejta disponibbli għall-valutazzjoni tal-progress lejn status ambjentali tajjeb u l-miri ambjentali meħtieġa għall-valutazzjoni tal-2018.

Skont ir-rapporti tal-Istati Membri, is-sitwazzjoni hija mistennija titjieb progressivament maż-żmien: sal-2018, disa’ Stati Membri huma mistennija li jkollhom kopertura sħiħa (jew kważi sħiħa) tal-kategoriji tad-deskritturi, u sal-2020 total ta’ ħmistax-il Stat Membru se jkollhom il-programmi fis-seħħ. B’mod ġenerali, l-Istati Membri kienu fil-parti l-kbira tagħhom identifikaw lis-sena 2020 bħala l-mument meta l-maġġoranza tal-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom ikunu kompletament fis-seħħ. Dan iserrħilna moħħna biss fis-sens li l-monitoraġġ tal-MSFD huwa mistenni li jkun qed jitħaddem bis-sħiħ sa dik id-data.

Madankollu, ħames Stati Membri jew ma rrapportawx l-intenzjonijiet tagħhom jew ħabbru li l-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom mhux se jkunu kompletament fis-seħħ anki wara l-2020, is-sena sa meta l-Istati Membri huma meħtieġa li jiksbu status ambjentali tajjeb.

Jista’ jintqal l-istess dwar il-kopertura tal-miri ambjentali permezz tal-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri 27 , minkejja li l-iskedi li ġew irrappurtati jindikaw li b’mod ġenerali, l-Istati Membri jistennew li l-ħtiġijiet ta’ monitoraġġ se jkunu koperti tajjeb qabel l-2020 - ara l-Ilustrazzjoni 5.

Illustrazzjoni 5: Id-data sa meta l-Istati Membri jistennew li jkunu fis-seħħ il-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom biex jilħqu l-miri ambjentali

Tnax-il Stat Membru huma mistennija li jkollhom l-attivitajiet ta’ monitoraġġ fis-seħħ biex ikejlu l-miri ambjentali ddefiniti minnhom. L-Irlanda biħsiebha tkopri l-miri kollha, iżda se tasal għal dan biss wara l-2020, sa liema żmien għandu jkun diġà nkiseb status ambjentali tajjeb. Is-seba’ Stati Membri l-oħra mhumiex jippjanaw li jissorveljaw xi wħud mill-miri ddefiniti minnhom.

Kif spjegat hawn fuq, il-miri b’rabta mal-ispeċijiet tal-ħut u tal-ikel tal-baħar kummerċjali (id-Deskrittur 3), mal-ewtrofikazzjoni (id-Deskrittur 5) u mal-kontaminanti fl-ikel tal-baħar (id-Deskrittur 9) se jibbenefikaw mill-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti skont leġiżlazzjoni oħra tal-UE. Ħafna minn dawn huma diġà koperti, jew x’aktarx li jkunu koperti sal-2018.

Hija meħtieġa aktar ħidma biex ikun żgurat li l-Istati Membri jiġbru d-dejta meħtieġa biex jiġi vvalutat il-progress lejn status u miri ambjentali tajba. L-Istati Membri huma mistennija jirrapportaw dwar dawn fl-2018, speċjalment dwar dawk id-deskritturi li l-progress fihom ma kienx biżżejjed, bħall-ispeċijiet mhux indiġeni (id-Deskrittur 2), l-iskart fil-baħar (id-Deskrittur 10), l-istorbju ta’ taħt il-baħar (id-Deskrittur 11) u d-deskritturi dwar il-bijodiversità (id-Deskritturi 1, 4 u 6) li mhumiex koperti minn ebda leġiżlazzjoni eżistenti.

Il-kopertura u l-adegwatezza ġenerali

L-adegwatezza tal-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri fir-rigward tar-rekwiżiti tal-MSFD ġiet ivvalutata. Fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż jidhru s-sejbiet iddettaljati dwar il-programmi ta’ monitoraġġ ta’ kull Stat Membru. Din il-valutazzjoni teknika saret skont il-komponenti ewlenin tal-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-aspetti u l-parametri ssorveljati, il-frekwenza u l-ambitu ġeografiku.

Ir-riżultati juru li l-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri jew huma “adegwati”, jew “fil-biċċa l-kbira tagħhom adegwati”, jew “parzjalment adegwati” biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-MSFD għall-valutazzjoni tal-istatus ambjentali.

Il-kontribuzzjoni kkumbinata tal-programmi ta’ monitoraġġ ta’ kull Stat Membru għal kull kategorija ta’ deskritturi tidher fl-Illustrazzjoni 6. L-informazzjoni ppreżentata f’din l-illustrazzjoni ntużat biex jiġu vvalutati l-kategoriji tad-deskritturi meqjusa li huma koperti (jew le) minn kull Stat Membru. Abbażi ta’ dan naslu għall-konklużjonijiet dwar jekk il-programm ta’ monitoraġġ ta’ kull Stat Membru jitqiesx bħala l-aktar adegwat, parzjalment adegwat jew mhux adegwat (l-Illustrazzjoni 7).

Illustrazzjoni 6: Il-kopertura ta’ status ambjentali tajjeb mill-programmi ta’ monitoraġġ tal-MSFD abbażi tal-valutazzjoni teknika

In-nuqqasijiet identifikati fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2014 f’termini ta’ nuqqas ta’ konsistenza u komparabbiltà fost l-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/477/UE huma kkonfermati f’din il-valutazzjoni. Għalhekk fil-kuntest ta’ dan ir-rapport, setgħet issir biss valutazzjoni komparattiva indikattiva .

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri identifikaw in-nuqqasijiet fil-programmi tagħhom u jafu x’inhuma l-oqsma ewlenin li jeħtieġu aktar ħidma. B’mod ġenerali ġew innutati nuqqasijiet fil-metodoloġiji tal-monitoraġġ u fl-istandards metodoloġiċi (eż. għall-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar u tal-kolonna tal-ilma u għall-kontaminanti), in-nuqqas ta’ dejta mill-monitoraġġ u n-nuqqas ta’ għarfien (eż. dwar l-ispeċijiet mhux indiġeni (id-Deskrittur 2), dwar il-bidliet idrografiċi (id-Deskrittur 7), dwar l-iskart tal-baħar (id-Deskrittur 10) u dwar l-istorbju ta’ taħt il-baħar (id-Deskrittur 11)).

Uħud mill-pressjonijiet u l-impatti se jiġu ssorveljati b’mod effettiv biss meta jkun hemm fis-seħħ approċċ reġjonali, minħabba n-natura transkonfinali inerenti tagħhom (pereżempju dawk b’rabta mal-ispeċijiet mobbli, mal-ispeċijiet mhux indiġeni u mal-istorbju ta’ taħt il-baħar).

Illustrazzjoni 7: Il-kopertura ta’ status ambjentali tajjeb mill-programmi ta’ monitoraġġ tal-MSFD abbażi tal-valutazzjoni teknika

B’mod ġenerali, abbażi tal-evalwazzjoni teknika, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda wieħed minn dawn il-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri m’huwa kompletament adegwat biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-MSFD, partikolarment dwar il-monitoraġġ tal-progress lejn il-kisba ta’ status ambjentali tajjeb. Erba’ programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri jistgħu jitqiesu li huma adegwati fil-biċċa l-kbira, tlettax oħrajn jitqiesu parzjalment adegwati, u tliet programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri mhumiex adegwati.

Il-konsistenza ma’ leġislazzjoni oħra tal-UE

Bosta Stati Membri bbażaw il-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom fuq programmi ta’ monitoraġġ eżistenti li twettqu skont leġislazzjoni oħra tal-UE jew permezz tal-konvenzjonijiet dwar l-ibħra reġjonali rispettivi tagħhom. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar il-Ħabitats u r-Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd huma l-atti leġiżlattivi tal-UE l-iktar marbuta ma’ programmi ta’ monitoraġġ tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. F’dak is-sens, jista’ jitqies li l-programmi ta’ monitoraġġ huma ġeneralment konsistenti ma’ obbligi legali oħra rilevanti.

Il-programmi ta’ monitoraġġ tal-iskart tal-baħar (id-Deskrittur 10) u tal-istorbju ta’ taħt il-baħar (id-Deskrittur 11) huma l-uniċi programmi ta’ monitoraġġ li qed jiġu attwati biss minħabba l-MSFD.

Punt fokali: Il-programm ta’ monitoraġġ tal-iskart fil-baħar

Kważi l-Istati Membri kollha li qed jipproduċu r-rapporti żviluppaw programmi għall-monitoraġġ tal-iskart fil-baħar, u dan huwa inkorraġġanti.

Hemm kopertura ġeografika u frekwenza ta’ monitoraġġ tal-ikart fuq il-bajjiet. Fil-Grigal tal-Oċean Atlantiku jiġi ssorveljat l-iskart li jinbela’ mill-għasafar tal-baħar li jinżlu l-art. F’ħafna reġjuni tal-baħar jinsab livell sodisfaċenti ta’ konsistenza fil-programmi ta’ monitoraġġ u r-rabtiet mal-istandards internazzjonali u reġjonali huma ċari. Il-maġġoranza tal-Istati Membri jirreferu għall-gwida għall-monitoraġġ żviluppata mill-Grupp Tekniku dwar l-Iskart fil-Baħar, tal-MSFD, li tipprovdi l-armonizzazzjoni meħtieġa.

Iżda hemm bosta oqsma 28 li jeħtieġu titjib urġenti. Pereżempju, il-monitoraġġ tal-iskart fil-qiegħ u fuq wiċċ il-baħar u l-monitoraġġ tal-mikroskart mhu adegwat xejn. Ma hemm l-ebda monitoraġġ sistematiku u komparabbli tal-impatt tal-iskart fuq l-annimali marini u n-natura. Il-lokalizzazzjoni u l-firxa tal-attivitajiet tal-bniedem li jiġġeneraw l-iskart tal-baħar ħafna drabi ma jkunux koperti mill-programmi ta’ monitoraġġ fis-seħħ.

Fl-aħħar nett, il-monitoraġġ tal-progress lejn status ambjentali tajjeb huwa diffiċli minħabba li ma hemm ebda limiti stabbiliti għall-iskart u għall-mikroskart. Dan se jaffettwa wkoll il-kapaċità tal-UE li tilħaq l-impenji interni (s-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali sal-2020, il-pjan ta’ azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari 29 ) u impenji internazzjonali 30 .

Il-koerenza u l-koordinazzjoni Reġjonali

Il-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri ġew evalwati wkoll f’termini ta’ koerenza reġjonali, fir-reġjuni ddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva. L-Istati Membri b’mod ġenerali rreferew għall-koordinazzjoni reġjonali fil-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom, b’mod partikolari bl-użu ta’ indikaturi u standards miftiehma mill-Konvenzjonijiet Reġjonali tal-Baħar biex jiġi vvalutat l-istat tal-ambjent skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

Il-valutazzjoni wriet żieda ta’ koerenza bejn moderata u għolja fost l-Istati Membri tal-Baħar l-Iswed, tal-Grigal tal-Oċean Atlantiku u fir-reġjuni tal-Baħar Baltiku rispettivament, u żieda bejn baxxa u moderata fir-reġjun tal-Baħar Mediterran.

Għall-Istati Membri fil-Baħar l-Iswed, fil-Grigal tal-Oċean Atlantiku u fir-reġjuni tal-Baħar Baltiku, l-evalwazzjoni turi livell għoli ta’ koerenza f’ċerti każijiet speċifiċi bħal f’termini tal-ambitu ġeografiku, jew tal-elementi ssorveljati . Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-monitoraġġ tal-kontaminanti (id-Deskritturi 8 u 9) u tal-iskart fil-baħar (id-Deskrittur 10) fil-Baħar Baltiku u fir-reġjuni tal-Baħar l-Iswed. B’mod ġenerali, il-monitoraġġ mal-baċir kollu jidher li hu aktar armonizzat fil-każ tal-Baħar Baltiku u fil-Grigal tal-Oċean Atlantiku (inkluż ta’ Stati li mhumiex Membri tal-UE).

L-Istati Membri li l-ilmijiet tagħhom huma parti mir-Reġjun tal-Grigal tal-Oċean Atlantiku ħolqu programmi ta’ monitoraġġ fil-livell reġjonali għad-deskritturi kollha; madankollu, hemm bżonn aktar ħidma biex dawn isiru aktar konsistenti, pereżempju fir-rigward ta’ speċijiet mhux indiġeni (id-Deskrittur 2) fejn il-kopertura hija limitata peress li ħames Stati Membri biss irrappurtaw programmi ta’ monitoraġġ għal dan id-deskrittur.

L-Istati Membri fir-reġjun tal-Baħar tal-Mediterran għandhom bżonn jiżviluppaw monitoraġġ aktar konsistenti permezz ta’ sforzi reġjonali fuq għadd ta’ deskritturi, bħal fil-każ tal-ispeċijiet mhux indiġeni (id-Deskrittur 2) u l-istorbju ta’ taħt il-baħar (id-Deskrittur 11).

Sejbiet oħra:

Kwistjonijiet transkonfinali ta’ tħassib

Minbarra kwistjonijiet transkonfinali koperti minn xi deskritturi tal-MSFD (bħall-ispeċijiet mhux indiġeni, l-iskart fil-baħar u l-istorbju ta’ taħt il-baħar), xi Stati Membri enfasizzaw il-pressjonijiet u l-impatti kkawżati mit-tibdil fil-klima u mill-aċidifikazzjoni tal-oċeani, bħala kwistjonijiet ewlenin ta’ natura transkonfinali li huma direttament jew indirettament indirizzati permezz tal-programmi ta’ monitoraġġ tal-MSFD.

Bażi ta’ għarfien imtejba

Il-programmi ta’ monitoraġġ tal-Istati Membri se jgħinu biex tinbena bażi ta’ għarfien imtejba, speċjalment rigward l-istorbju ta’ taħt il-baħar u d-deskritturi tal-integrità ta’ qiegħ il-baħar (id-Deskritturi 11 u 6). Dan għandu jtejjeb il-valutazzjoni tal-ilmijiet tal-baħar li jmiss ta’ kull Stat Membru, u li trid tkun lesta fl-2018.

Il-programmi ta’ monitoraġġ addattivi

Xi Stati Membri implimentaw programmi ta’ monitoraġġ addattivi, li żgur jibqgħu adegwati jekk l-istatus ambjentali tajjeb jew l-indikaturi fil-mira jitfasslu mill-ġdid bl-użu ta’ għarfien imtejjeb jew ta’ standards u prattiki ġodda fil-livell reġjonali, jew biex jirriflettu pressjonijiet li jkunu nbidlu. Għalkemm il-flessibbiltà hija karatteristika pożittiva, għandha tingħata attenzjoni biex dawn programmi ta’ monitoraġġ addattivi ma jwasslux biex il-kopertura tal-monitoraġġ tiġi affettwata b’mod negattiv fuq perjodu ta’ żmien itwal.

3. Konklużjoni ġenerali

L-analiżi tal-programmi ta’ monitoraġġ mibdija taħt l-ewwel ċiklu ta’ implimentazzjoni tal-MSFD turi li, għalkemm saru sforzi konsiderevoli jew se jsiru dawn l-isforzi fil-futur qrib, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hija meħtieġa aktar azzjoni biex tkun żgurata kopertura adegwata u f’waqtha tal-programmi ta’ monitoraġġ. Jeħtieġ li jsir aktar progress biex ikun żgurat li l-approċċi tal-Istati Membri kollha jkunu komparabbli u biex ikun żgurat li l-programmi ta’ monitoraġġ jittejbu b’mod li jkunu jikkostitwixxu qafas xieraq li jissodisfa r-rekwiżiti tal-MSFD.

Għandu jkun żgurat li jkun hemm kopertura mtejba tad-deskritturi li mhumiex koperti jew li huma biss koperti parzjalment mil-leġiżlazzjonijiet eżistenti. Fil-każ ta’ tmien Stati Membri, għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata kopertura sħiħa u f’waqtha tal-monitoraġġ tal-miri stabbiliti skont l-Artikolu 10 tal-MSFD. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jużaw il-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom biex ikejlu l-effikaċja tal-miżuri tagħhom, biex b’hekk ikunu jistgħu jivvalutaw kemm fadlilhom biex jilħqu l-miri li jkunu ffissaw, meta jkunu qegħdin jaġġornawhom kif meħtieġ skont l-MSFD.

F’termini tal-kopertura ġeografika, l-analiżi turi li jidher li l-programmi ta’ monitoraġġ jinsabu fejn il-pressjoni u l-impatti x’aktarx li jkunu l-ogħla. Madankollu, dan għandu jiġi kkonfermat minn analiżi xierqa tar-riskji biex il-prijoritajiet tal-monitoraġġ jiġu identifikati mil-lat tekniku u mil-lat xjentifiku.

Kienu għadd żgħir l-Istati Membri li kellhom il-programmi ta’ monitoraġġ jitħaddmu fl-2014, filwaqt li huwa mistenni li ħafna mill-programmi ma jkunux kompletament fis-seħħ qabel l-2018 jew anki l-2020. Għalhekk jeħtieġ li jsir progress urġenti dwar il-monitoraġġ biex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-MSFD, fost dawn l-aġġornamenti tal-2018 tal-valutazzjoni oriġinali tal-ilmijiet tal-ibħra u tal-istatus ambjentali tajjeb tagħhom, u b’mod partikolari biex jintlaħaq status ambjentali tajjeb sal-2020.

Il-programmi ta’ monitoraġġ mhumiex dejjem adegwati biex jiżguraw il-monitoraġġ effettiv tal-istatus tal-ilmijiet tal-baħar tal-UE, biex jintlaħaq status ambjentali tajjeb u l-miri assoċjati, stabbiliti mill-Istati Membri. Dan huwa l-każ speċjalment rigward id-deskritturi tal-ispeċijiet mhux indiġeni, tal-iskart fil-baħar, tal-istorbju ta’ taħt il-baħar u tal-bijodiversità, li mhumiex koperti fil-leġiżlazzjoni eżistenti.

Aktar koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-azzjoni fil-livelli reġjonali u sottoreġjonali, hija essenzjali biex tipprovdi dejta konsistenti u komparabbli u ttejjeb l-ambitu ġeografiku tal-programmi ta’ monitoraġġ. Dan jista’ jnaqqas l-ispejjeż, permezz ta’ monitoraġġ aktar effettiv fost id-dixxiplini u fost l-Istati Membri.

4. Il-passi rakkomandati li jmiss

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Istati Membri għandhom:

jindirizzaw kemm jista’ jkun malajr in-nuqqasijiet identifikati, fil-livell reġjonali jew sottoreġjonali, jiżguraw li l-programmi ta’ monitoraġġ jiġu addattati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-MSFD,

iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw bis-sħiħ il-programmi ta’ monitoraġġ tagħhom biexjiġu evitati l-lakuni meta jaslu biex jivvalutaw l-ilmijiet tal-ibħra tagħhom fl-2018, filwaqt li jqisu r-reviżjoni li qed issir tad-Deċiżjoni 2010/447/UE u r-riżultat aħħari tagħha,

jiżguraw li l-programmi ta’ monitoraġġ ikopru l-ambitu ġeografiku tal-MSFD kif jeħtieġ, konsistenti ma’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju, b’mod partikolari billi jqisu l-postijiet fejn jeżistu l-akbar pressjonijiet u impatti,

Jaddattaw il-programmi ta’ monitoraġġ biex jitqiesu l-obbligi stabbiliti mill-MSFD fil-futur, dan jinkludi l-aġġornament tad-determinazzjoni tal-istatus ambjentali tajjeb tal-Istati Membri. Fejn għadhom ma identifikawx il-miri ambjentali u l-istatus ambjentali tajjeb fl-ewwel fażi tal-implimentazzjoni, l-Istati Membri huma mħeġġa li jwettqu din il-ħidma mingħajr dewmien,

ifittxu aktar koerenza fil-livelli reġjonali u sottoreġjonali permezz ta’ aktar koordinazzjoni fil-programmi ta’ monitoraġġ, b’mod partikolari permezz ta’ Konvenzjonijiet Reġjonali dwar il-Baħar, u jużaw metodi komuni ta’ ġbir tad-dejta u ta’ valutazzjoni,

meta jkunu qegħdin jaġġornaw il-programmi ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 17 tal-MSFD, iqisu l-programmi ta’ miżuri tagħhom, biex ikunu jistgħu jkejlu l-effikaċja tagħhom biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva.

Il-Kummissjoni se:

tfittex li jkun hemm aktar konsistenza fl-implimentazzjoni tad-diversi atti leġiżlattivi tal-UE li jaffettwaw l-ambjent tal-baħar. Dan se tagħmlu b’mod partikolari billi tirrevedi d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-kriterji u l-istandards metodoloġiċi dwar status ambjentali tajjeb u permezz tal-inizjattivi tagħha biex tissimplifika l-obbligi ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar fil-politika ambjentali 31 ,

billi tkompli l-ħidma konġunta mal-Istati Membri bħala parti mill-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni għall-MSFD 32 , biex tiżgura li t-tieni ċiklu tal-implimentazzjoni tal-MSFD (l-2018 u wara) jagħti riżultati aktar tajbin u jkun aktar effiċjenti,

billi tqis il-ħtieġa ta’ aktar finanzjament għall-proġetti strateġiċi u għall-azzjonijiet ta’ appoġġ li jiffaċilitaw il-konsistenza reġjonali u tal-UE kollha fl-implimentazzjoni tal-MSFD, b’mod partikolari fejn il-ħidma tal-Konvenzjoni dwar l-Ibħra Reġjonali hija inqas prominenti,

abbażi tal-valutazzjonijiet individwali tal-Istati Membri (disponibbli fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż) tniedi djalogu speċifiku u ffokat mal-Istati Membri li huma fir-riskju li ma jilħqux ir-rekwiżiti tal-MSFD biex tiżgura li dawn jikkonformaw mad-Direttiva.

(1)

Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(2)

Il-11-il deskrittur kwalitattiv huma ddefiniti fl-Anness I tal-MSDF u jinkludu D1 - il-Bijodiversità, D2 - L-ispeċijiet li mhumiex indiġeni, D3 - Il-ħut u l-krustaċji kummerċjali, D4 - Is-sistemi marini tal-ikel, D5 - l-Ewtrofikazzjoni, D6 - L-integrità ta’ qiegħ il-baħar, D7 - L-alterazzjoni tal-kondizzjonijiet idrografiċi, D8 - Il-kontaminanti, D9 - Il-kontaminanti f’ħut u f’ikel tal-baħar ieħor, D10 - Ir-rifjuti marini, D11 - L-enerġija, inkluż l-istorbju ta’ taħt il-baħar. Għall-fini ta’ dan ir-rapport id-deskritturi (D1, D4 u D6) ngħaqdu fi gruppi skont il-gruppi tal-ispeċijiet ewlenin u skont it-tipi ta’ ħabitats, kif jidher hawn taħt: għasafar, mammiferi, rettili, ħut u ċefalopodi, il-ħabitats ta’ qiegħ il-baħar u l-ħabitats tal-kolonni tal-ilma (water column). Dan il-grupp addizzjonali jirriżulta f’total ta’ 13-il kategorija deskrittiva.

(3)

 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/477/UE tal-1 ta' Settembru 2010 dwar kriterji u standards metodoloġiċi għal status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar (ĠU L 232, 2.9.2010, p. 14).

(4)

 Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - “L-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) - Il-valutazzjoni u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea COM(2014)097 final.

(5)

Dan ir-rekwiżit huwa previst fl-Artikoli 5(2)(a)(iv) u 11 tal-MSFD.

(6)

Dan l-obbligu f’din id-Direttiva japplika biss għat-23 Stat Membru kostali, u mhux għall-5 Stati Membri li ma jmissux mal-baħar.

(7)

 Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, Settembru 2015 intuża bħala data ta’ skadenza.

(8)

Ir-rapport tar-Renju Unit eskluda l-ilmijiet madwar it-territorju Brittaniku barrani ta' Ġibiltà.

(9)

Minn dak iż-żmien, Malta u l-Polonja ressqu r-rapporti tagħhom, iżda minħabba li ressquhom tard, ma setgħetx issir valutazzjoni tagħhom fil-ħin għal dan ir-rapport. Sal-lum (Ottubru 2016), il-Greċja għadha ma ppreżentatx ir-rapport tagħha. Il-Kummissjoni se tikkomunika u tippubblika l-valutazzjoni u l-gwida tagħha lill-Istati Membri li mhumiex inklużi f’dan ir-rapport fi stadju aktar tard.

(10)

SWD(2017)… final

(11)

Ir-rakkomandazzjonijiet oriġinali tal-Kummissjoni fir-rapport tagħha tal-2014 għall-Portugall u għar-Renju Unit ġew aġġornati biex jirriflettu d-dejta dwar il-Makaroneżja għall-Portugall u dwar Ġibiltà għar-Renju Unit.

(12)

Din il-grafika ma tinkludix id-dejta tal-Latvja, tal-Italja u tal-Portugal, billi r-rapporti tagħhom kienu ppreżentati fi struttura mhux standardizzata. Il-programmi ta’ monitoraġġ ikopru bosta żoni ġeografiċi, għalhekk jistgħu jirreferu għall-ilmijiet kostali u territorjali.

(13)

Il-perċentwali jiġu kkalkolati abbażi tal-għadd totali ta’ programmi u sottoprogrammi ta’ monitoraġġ irrappurtati.

(14)

Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(15)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(16)

Id-Direttiva Nru 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(17)

Id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37).

(18)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1)

(19)

 Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(20)

Dan id-deskrittur jirreferi għall-introduzzjoni tal-enerġija fl-ambjent marin, fosthom l-istorbju taħt l-ilma. Minħabba li l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi li jappoġġaw dan id-deskrittur għad mhumiex kompluti, l-Istati Membri ffokaw l-isforzi tagħhom esklussivament fuq l-istorbju ta’ taħt l-ilma, u d-deskrittur se jissemma hekk għall-finijiet ta’ dan ir-rapport.

(21)

L-ilmijiet temporanji, kif inhuma ddefiniti fid-Direttiva 2000/60/KE, huma korpi tal-ilma tal-wiċċ fil-viċinanza ta’ bokki tax-xmara li huma parzjalment salini naturali bħala riżultat tal-prossimità tagħhom għal ilmijiet tal-kosta imma li huma sostanzjalment influenzati minn tnixxija ta’ ilma ħelu. L-ilmijiet kostali jestendu sa mil nawtiku mil-linja bażi, kif iddefinit fid-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(22)

L-ilmijiet territorjali (sa 12 mil nawtiku ’l barra mill-kosta), iż-Żona Ekonomika Esklużiva (ŻEE) (sa 200 mil nawtiku ’l barra), il-Blata Kontinentali barra miż-ŻEE kif iddefinita skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

(23)

 “lil hinn mill-ilmijiet tal-baħar tal-Istati Membri” tirreferi għal żoni barra l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri (inkluż f’ilmijiet ta’ Stati ġirien).

(24)

 It-total tal-attivitajiet diversi ta’ monitoraġġ huwa aktar minn 100 %, peress li l-programmi u l-funzjonijiet tagħhom huma duplikati. F’din il-grafika ma tidhirx dejta mil-Latvja, mill-Italja u mill-Portugall minħabba li r-rapporti tagħhom ġew ppreżentati fi struttura mhux standardizzata.

(25)

“Mhux rappurtati”: l-iskeda ta’ żmien biex jiġi kopert l-istatus ambjentali tajjeb ma ġietx irrappurtata.

(26)

Kif hemm spjegat fin-nota 2 f’qiegħ il-paġna, ġew iddefiniti 13-il kategorija ta’ deskritturi.

(27)

L-Istati Membri kellhom jiddefinixxu l-miri ambjentali tagħhom bi qbil mal-Artikolu 10 tal-MSDF, biex jiksbu status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-baħar tagħhom.

(28)

Xi wħud minn dawn il-kwistjonijiet bħall-iskart tal-baħar diġà qed jiġu kkunsidrati fil-qafas tal-Istrateġija Komuni għall-Implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.

(29)

 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-Għeluq taċ-Ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari, COM(2015) 0614 final.

(30)

L-impenji internazzjonali jinkludu l-proċess ta’ Rio + 20 (il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iżvilupp sostenibbli) u s-17-il għan għall-iżvilupp sostenibbli tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata f’Settembru 2015.

(31)

Roadmap on the Fitness Check of monitoring and reporting obligations in environment policy, http://ec.europa.eu/smart-regulation/roadmaps/index_en.htm.

(32)

L-MSFD teħtieġ li l-Istati Membri jagħtu kontribuzzjonijiet koordinati u dettaljati. Biex dan ix-xogħol jiġi ffaċilitat, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea stabbilixxew programm informali ta’ koordinazzjoni, l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni (CIS).