29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 252/28


RIŻOLUZZJONI (UE, Euratom) 2017/1607 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-27 ta' April 2017

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima III — Il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima III — Il-Kummissjoni,

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġits tal-aġenziji eżekuttivi għas-sena finanzjarja 2015,

wara li kkunsidra l-Artikoli 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġitġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (1) (“ir-Regolament Finanzjarju”) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (2) (ir-“Regoli tal-Applikazzjoni”),

wara li kkunsidra l-Artikolu 93 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0150/2017),

A.

billi l-Ewropa qed taffaċċja kriżi ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħha, sitwazzjoni li kull istituzzjoni individwali tal-Unjoni jeħtiġilha taċċetta sehemha mir-responsabbiltà għaliha, u li għalhekk tirrikjedi rigorożità partikolari min-naħa tal-Parlament meta jkun qed iwettaq l-iskrutinju tal-kontijiet tal-Kummissjoni;

B.

billi jenħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jtejbu l-politika tagħhom dwar il-komunikazzjoni sabiex ikunu jistgħu jinformaw liċ-ċittadini b'mod xieraq rigward ir-riżultati li jkun kiseb il-baġit tal-Unjoni u l-valur miżjud tagħhom;

C.

billi l-Parlament jeħtieġlu jieħu impenn qawwi fil-konfront tat-tħassib taċ-ċittadini tal-Unjoni rigward fejn qed jintefaq il-baġit tal-Unjoni u kif l-Unjoni tħares l-interessi tagħhom;

D.

billi jenħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaħdmu biex ikun hemm sistema baġitarja li tkun robusta u reżiljenti, u li fil-prestazzjoni tagħha ma turix biss flessibbiltà iżda anke aġilità, kemm fi żminijiet ta' stabbiltà u kemm fi żminijiet ta' taqlib;

E.

billi l-politika ta' koeżjoni ġġib magħha valur miżjud ċar billi ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini fl-Ewropa kollha peress li hija politika fundamentali fil-qasam tas-solidarjetà u għajn vitali ta' investiment pubbliku;

F.

billi hemm bżonn li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibnu fehim ċar u jaqblu rigward liema prijoritajiet ta' politiki u beni pubbliċi Ewropej jenħtieġ li jiġu ffinanzjati l-ewwel bi tweġiba għat-tħassib taċ-ċittadini tagħna u biex jinstaddu t-toqob fil-politiki tagħna;

G.

billi l-infiq tal-Unjoni, għalkemm huwa limitat għal 1 % tad-DGN, huwa strument sinifikanti biex jintlaħqu l-objettivi tal-politiki fl-Ewropa kollha kemm hi bl-użu tal-valur miżjud Ewropew, u bħala medja jirrappreżenta 1,9 % tal-infiq governattiv ġenerali tal-Istati Membri tal-Unjoni;

H.

billi, filwaqt li l-perċentwali involuti fil-baġit tal-Unjoni bħala (a) porzjon tal-infiq aggregat kumplessiv tal-Istati Membri, u (b) l-element mhux ikkontabbilizzat/minfuq ħażin/moħli ta' dak il-baġit, huma żgħar, l-ammonti effettivament involuti huma konsiderevoli u għaldaqstent jiġġustifikaw skrutinju intensiv;

I.

billi, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà finali għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, filwaqt li l-Istati Membri huma rikjesti jikkooperaw b'mod sinċier mal-Kummissjoni sabiex jassiguraw li l-approprjazzjonijiet jintużaw skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

J.

billi, meta jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni, il-Parlament jivverifika jekk il-fondi jkunux intużaw b'mod korrett jew le, u jekk l-objettivi tal-politiki jkunux intlaħqu jew le;

Il-baġit, il-perjodi ta' programmazzjoni u l-prijoritajiet politiċi

1.

Jinnota li t-tul ta' seba' snin tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali mhuwiex issinkronizzat mal-mandati ta' ħames snin tal-Parlament u tal-Kummissjoni, u li dan joħloq ukoll diskrepanzi bejn il-baġit għas-sena finanzjarja u l-kwittanza għalih; jindika barra minn hekk li lanqas iċ-ċiklu ta' għaxar snin għall-ippjanar strateġiku u l-Istrateġija Ewropa 2020 mhuma allinjati maċ-ċiklu ta' seba' snin għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE; huwa tal-opinjoni li dan huwa waħda mill-kawżi ta' nuqqas importanti fil-qasam tal-governanza politika tal-Unjoni peress li l-Parlament u l-Kummissjoni huma marbutin bi ftehimiet preċedenti fir-rigward tal-objettivi politiċi u l-finanzjamenti u dan jista' jagħti l-impressjoni li l-elezzjonijiet Ewropej huma irrilevanti f'dan il-kuntest;

2.

Jinnota li, fl-2015, il-baġit tal-Unjoni kellu jsostni l-ilħuq tal-objettivi ta' żewġ programmi politiċi differenti fuq żmien twil:

(a)

l-Istrateġija Ewropa 2020 fuq naħa, u

(b)

l-għaxar prijoritajiet politiċi stabbiliti mill-President Juncker fuq in-naħa l-oħra,

filwaqt li kellu wkoll jirreaġixxi għal għadd ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi: ir-rifuġjati, l-insigurtà fl-Ewropa u fil-viċinat tagħha, l-instabbiltà finanzjarja fil-Greċja u l-impatt ekonomiku tal-projbizzjoni fuq l-esportazzjonijiet lejn ir-Russja, kif ukoll l-impatt prolongat tal-kriżi finanzjarja u l-konsegwenzi strutturali tagħha ta' qgħad, faqar u inugwaljanza;

3.

Jinnota li l-politiki tal-Unjoni jista' jkollhom objettivi differenti fuq żmien qasir, fuq żmien medju u fuq żmien twil, li l-ilħuq tagħhom mhux bilfors jista' jiġi ddeterminat minn qafas finanzjarju pluriennali wieħed; jemmen li hemm bżonn tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jinstab bilanċ ġdid bejn l-issettjar tal-aġenda politika, l-implimentazzjoni tal-politiki u l-bżonnijiet tal-qafas finanzjarju;

4.

Jiddispjaċih li l-arranġamenti baġitarji temporanji ma joffrux is-sistema ideali għat-traspożizzjoni tal-aspirazzjonijiet soċjali u politiċi f'objettivi operattivi utli għall-programmi u l-iskemi ta' nfiq;

5.

Jindika li, fl-2020, se jkun hemm opportunità biex l-istrateġija fuq żmien twil u t-tfassil tal-politiki jiġi allinjati maċ-ċiklu baġitarju u jirrakkomanda li din l-opportunità tiġi sfruttata;

6.

Jinsab preokkupat li, fl-2015, sehem l-infiq relatata mal-klima mill-baġit tal-Unjoni kien biss ta' 17,3 % fl-2015 u kien biss 17,6 % bħala medja għall-perjodu 2014-2016 skont il-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”) (3), filwaqt li l-objettiv kien li, minn tal-inqas, jintlaħaq sehem ta' 20 % fuq il-perjodu finanzjarju kollu kemm hu; jisħaq għalhekk li skont il-Qorti hemm riskju serju li l-objettiv ta' 20 % ma jintlaħaqx mingħajr ma jsir aktar sforz biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

7.

Jindika barra minn hekk li l-objettiv ta' 20 % ta' nfiq relatat mal-klima ġie deċiż qabel il-Ftehim ta' Pariġi; jinsab konvint li jenħtieġ li jsiru sforzi ulterjuri sabiex il-baġit tal-Unjoni jagħti saħansitra aktar attenzjoni għall-bżonnijiet fil-qasam tal-klima; jissottolinja, barra minn hekk, li r-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali toħloq opportunità eċċellenti biex jiġi żgurat li l-objettiv ta' 20 % ta' nfiq fuq azzjonijiet relatati mal-klima jintlaħaq u biex tiġi prevista l-possibbiltà li dan il-limitu minimu jiżdied bi qbil mal-impenji internazzjonali li l-UE ħadet matul il-COP 21;

8.

Jilqa' l-approċċ ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni li nediet il-Kummissjoni; jikkunsidra li jenħtieġ li l-baġit tal-Unjoni jkun aktar effiċjenti u effikaċi minn qatt qabel minħabba r-riżorsi finanzjarji skarsi; jiddispjaċih madankollu li fil-biċċa l-kbira l-Kummissjoni tiffoka fuq l-outputs aktar milli fuq l-eżiti.

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

9.

Jaqbel mas-suġġeriment li għamlet il-Qorti fid-dokument ta' tgħarrif tagħha tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (punti 39 u 40) li wasal iż-żmien li l-Kummissjoni tesplora alternattivi oħra, pereżempju:

li l-ibbaġitjar isir skont programm f'ċiklu kontinwu ppjanat fuq ħames snin, li jkun hemm klawżola/i ta' reviżjoni skont l-objettivi u l-politiki u li l-evalwazzjoni ssir skont programm f'ċiklu kontinwu;

li t-tul tal-programmi u l-iskemi jiġi stabbilit skont il-bżonnijiet politiċi aktar milli abbażi tat-tul tal-perjodu ta' ppjanar finanzjarju; u li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiġu rikjesti jippreżentaw bżonnijiet iġġustifikati sew (a) għall-finanzjament tal-Unjoni u (b) għar-riżultati li jridu jiksbu qabel jiġi stabbilit l-infiq;

10.

Jappella lill-Kummissjoni biex, fl-aġenda tal-laqgħa tal-esperti li jmiss dwar Baġit Iffokat fuq ir-Riżultati, tinkludi s-suġġerimenti li għamlet il-Qorti fil-punti 39 u 40 tad-dokument ta' tagħrif tagħha msemmi iktar 'il fuq tat-28 ta' Ottubru 2016 u r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta' livell għoli dwar ir-riżorsi proprji, bħala tħejjija għall-Konferenza li jmiss dwar l-inizjattiva “Baġit tal-UE ffokat fuq ir-riżultati” fejn l-oqsma ta' politika li fuqhom ikun tajjeb li jintefaq il-baġit tal-Unjoni ser jiġu diskussi qabel jiġi deċiż il-qafas finanzjarju;

11.

Jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet kollha li għamlet il-Qorti fir-Rapport Speċjali Nru 31/2016 tagħha, b'mod speċjali r-rakkomandazzjoni li l-Kummissjoni jmissha tesplora l-opportunitajiet potenzjali kollha, inklużi r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u r-reviżjoni ta' xi bażijiet legali, sabiex tiżgura bidla reali ulterjuri lejn l-azzjoni klimatika; jappella lill-Qorti biex toħroġ rapport ta' segwitu dwar l-infiq relatat mal-klima mill-baġit tal-Unjoni sa tmiem l-2018;

12.

Jappella lill-Kummissjoni sabiex tisfrutta aktar l-opportunitajiet rigward ir-riżerva ta' prestazzjoni fi ħdan il-qafas legali eżistenti, b'mod li toħloq stimulu finanzjarju ġenwin sabiex il-ġestjoni finanzjarja tittejjeb effettivament; jitlob barra minn hekk li r-riżerva ta' prestazzjoni tiġi rinforzata bħala strument, billi jiżdied il-komponent li jiddependi fuq il-prestazzjoni fil-qafas leġiżlattiv sussegwenti;

13.

Jappella lill-Kummissjoni biex torjenta l-prijoritajiet tagħha lejn il-ksib b'suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi tuża l-istrumenti tas-Semestru Ewropew;

14.

Jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi abbozz tal-prijoritajiet politiċi għall-perjodu finanzjarju li jibda fl-2021, u biex tippreżenta t-test lill-Parlament fi stadju bikri;

15.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma għamlitx rieżami komplut tal-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tagħha taħt l-Aġenda Strateġika għall-Unjoni fi Żminijiet ta' Bidla, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2014, skont kif tipprevedi din l-aġenda;

16.

Jappella lill-Kummissjoni biex tqis il-Ftehim ta' Pariġi u żżid minnufih l-objettiv tal-infiq relatat mal-klima fil-baġit tal-Unjoni minn 20 % għal 30 %;

17.

Jappella lill-Kummissjoni biex tfassal il-baġits ġejjiena tal-Unjoni b'mod li tagħmilhom aktar effiċjenti u effikaċi, u tallinjahom aħjar mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-klima, u l-impenji internazzjonali tal-Unjoni;

Il-baġits moħbija

18.

Jindika li diversi mekkaniżmi finanzjarji li jsostnu l-politiki tal-Unjoni mhumiex iffinanzjati direttament mill-baġit tal-Unjoni u lanqas ma jiġu rreġistrati fil-karta tal-bilanċ tal-Unjoni: dawn jinkludu l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-Fond Ewropew tal-Investiment ikkollegat mal-Bank Ewropew tal-Investiment;

19.

Jinnota li mekkaniżmi oħra, bħall-faċilitajiet ta' finanzjament mħallat u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, jiġu rreġistrati parzjalment fil-karta tal-bilanċ tal-UE;

20.

Jindika l-użu dejjem jikber tal-istrumenti finanzjarji li prinċipalment jinkludu s-self, l-istrumenti ta' ekwità, il-garanziji u l-istrumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju taħt ġestjoni indiretta għall-perjodu 2014-2020, u jindika wkoll li l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment iġġestixxa kważi l-istrumenti finanzjarji kollha taħt ġestjoni indiretta; ma jemminx li hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex tkun tista' ssir valutazzjoni ta' dak li kisbu dawn l-istrumenti, b'mod speċjali fir-rigward tal-impatt soċjali u ambjentali tagħhom; jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jservu ta' suppliment għall-għotjiet iżda mhux suppost jissostiwixxuhom;

21.

Jiddispjaċih li l-użu dejjem jikber ta' tali strumenti finanzjarji, u anke tal-istrumenti finanzjarji f'ġestjoni kondiviża (l-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja), joħloq aktar riskji mhux biss biex il-baġit tal-Unjoni jibqa' strument kredibbli u suffiċjenti kemm għall-objettivi attwali u kemm għal dawk ġejjiena, iżda anke għall-obbligu ta' rendikont u għall-koordinament tal-politiki u l-operazzjonijiet tal-Unjoni; jissottolinja li, qabel jiġi estiż l-użu tal-istrumenti finanzjarji, imissha ssir evalwazzjoni komprensiva tar-riżultati, il-kisbiet u l-effiċjenza tagħhom; jindika li r-rapporti speċjali tal-Qorti (4) jiddikjaraw li l-istrumenti finanzjarji ma jaħdmux kif inhu mistenni u/jew huma kbar wisq u/jew mhux qed jirnexxielhom jattiraw lill-kapital privat;

22.

Iwissi lill-Kummissjoni li l-istrumenti finanzjarji jew kwalunkwe arranġament ta' finanzjament mhumiex bilfors vinkolati mill-objettivi politiċi u l-miri tal-Unjoni u jistgħu jiffinanzjaw proġetti li ma jkunux konformi mal-impenji tal-Unjoni;

23.

Jindika li t-tnedija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi laqtet id-dewmien fit-tnedija tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi se jkollu wkoll impatt fuq l-użu li jsir minn xi strumenti finanzjarji oħra;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

24.

Jappella lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri biex l-arranġamenti ta' finanzjament tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni — li attwalment jinkludu għodda differenti u kombinamenti bejniethom, bħal pereżempju, il-programmi, il-fondi strutturali u ta' investiment, il-fondi fiduċjarji, il-fondi għall-investimenti strateġiċi, il-fondi ta' garanzija, il-faċilitajiet, l-istrumenti finanzjarji, l-istrumenti ta' assistenza makrofinanzjarja, eċċ. — tagħmilhom aktar ċari, sempliċi u koerenti, u armati aħjar biex jiżguraw biżżejjed trasparenza, obbligu ta' rendikont, prestazzjoni u fehim pubbliku dwar kif jiġu ffinanzjati l-politiki tal-Unjoni u l-benefiċċji li jġibu magħhom; jiddispjaċih li l-proposta għal regolament finanzjarju ġdid minn Settembru 2016 ma tindirizzax dawn il-problemi b'mod adegwat;

25.

Jappella lill-Kummissjoni biex tevalwa mill-ġdid il-valutazzjoni ex ante għall-istrument ta' dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fid-dawl tal-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, kif ukoll tippreżenta lill-Parlament b'valutazzjoni tal-impatt tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fuq il-programmi u l-istrumenti finanzjarji l-oħra tal-Unjoni;

26.

Jitlob lill-Qorti tevalwa l-kontribut tal-istrumenti finanzjarji u l-arranġamenti ta' finanzjament (kif inhuma elenkati fil-paragrafu 24) għall-Istrateġija Ewropa 2020; jappella lill-Kummissjoni biex tieħu kwalunkwe miżura rilevanti sabiex tiżgura li l-istrumenti finanzjarji u kull arranġament ta' finanzjament ikunu kompatibbli mal-istrateġija u l-objettivi tal-Unjoni u mal-impenji li ħadet;

27.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissarju Oettinger li, fuq żmien twil, id-diversi baġits moħbija jerġgħu jinġiebu taħt il-kappa tal-baġit tal-Unjoni; iqis li kieku dan iżid enormement l-obbligu demokratiku li jingħata rendikont; huwa tal-opinjoni soda li jkun tajjeb li din il-problema tissolva malajr kemm jista' jkun, iżda sa mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss; jappella lill-Kummissjoni biex tħejji komunikazzjoni dwar din il-kwistjoni qabel Novembru 2017;

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

28.

Jiddispjaċih li l-arretrati fl-użu tal-fondi strutturali fil-perjodu 2007-2013 huma sinifikanti; jinnota li, sa tmiem l-2015, il-pagament ta' 10 % mill-ammont totali ta' EUR 446,2 biljun li ġie allokat għall-programmi operattivi kollha approvati kien għadu pendenti;

29.

Jisħaq li din is-sitwazzjoni tista' tassew tirriżulta problema sinifikanti u ddgħajjef l-effikaċja tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej peress li, f'xi Stati Membri, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni li ma jkunx intalab il-pagament tagħha, flimkien mal-kofinanzjament rikjest, taqbeż il-15 % tal-infiq governattiv ġenerali kollu kemm hu meta jitqiesu l-aħħar żewġ perjodi ta' oqfsa finanzjarji, 2007-2013 u 2014-2020;

30.

Jinnota bi tħassib il-fatt li, sa tmiem l-2015, ħames Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Italja, Spanja, il-Polonja u r-Rumanija) u benefiċjarji prinċipali rrappreżentaw aktar minn nofs l-approprjazzjonijiet ta' impenn li ma ntużawx għall-fondi strutturali li ma wasslux għal pagamenti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, u li r-raġunijiet għal dan id-dewmien huma diversi: in-nuqqas ta' kapaċità u assistenza amministrattiva, in-nuqqas ta' riżorsi nazzjonali għall-kofinanzjament tal-operazzjonijiet tal-Unjoni, id-dewmien biex jiġu ppreżentati l-programmi reġjonali għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, eċċ.;

31.

Jindika li karatteristika ġdida f'dan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali hija li l-ammonti li ma jintużawx taħt il-limitu massimu għall-pagamenti u taħt dak għall-impenji awtomatikament iżidu l-flessibbiltà għas-snin sussegwenti;

32.

Jisħaq li l-livell tal-impenji fl-2015 kien ogħla milli qatt kien fis-snin preċedenti u eżatt fi ħdan il-limitu kumplessiv (97,7 % tal-ammont disponibbli);

33.

Jindika li, fl-2015, tliet kwarti tal-infiq operattiv marru għal skemi li kienu qed joperaw taħt ir-regoli tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali preċedenti: jiġifieri sussidji għall-bdiewa għall-2014, proġetti ta' koeżjoni u proġetti ta' riċerka taħt is-Seba' Programm Kwadru li beda fl-2007;

34.

Iqis li huwa inaċċettabli li, sa tmiem l-2015, anqas minn 20 % tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej — bl-eċċezzjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali — kienu nħatru mill-Istati Membri; iqis dawn il-ħatriet bħala pass neċessarju biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa lill-Kummissjoni; huwa tal-opinjoni li l-ammont konsiderevoli ta' elementi ġodda li ġew introdotti għall-perjodu 2014-2020 wassal għal diffikultajiet amministrattivi minkejja l-isforzi favur is-semplifikazzjoni;

35.

Jindika li d-diffikultajiet biex jitlestew il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità rigward is-sistema ta' ġestjoni u kontroll il-ġdida, li ġeneralment jinzertaw fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni, huma kawża serja għad-dewmien fl-assorbiment;

36.

Jinnota li r-riċessjoni ekonomika globali, li għandha effett dirett fis-sura tal-miżuri ta' trażżin baġitarju li jiġu applikati lill-baġits pubbliċi u d-diffikultajiet biex jinkiseb finanzjament intern, hija wkoll fattur ewlieni għad-dewmien fl-assorbiment;

37.

Jiddispjaċih profondament li, b'konsegwenza ta' dan, hemm riskju li d-dewmien fl-eżekuzzjoni baġitarja għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ikun akbar minn dak esperjenzat għall-perjodu 2007-2013; jibża' li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss jista' jibda b'livell ta' impenji pendenti li, tant ikun għoli, li ma jkollux preċedenti, u li jista' jipperikola l-ġestjoni tal-baġit tal-Unjoni fl-ewwel snin; jistenna li l-Kummissjoni tkun ħadet it-tagħlima tagħha minn dan bl-intenzjoni li tipprevjeni dewmien simili fil-futur;

38.

Jinnota li l-Kummissjoni, f'Marzu 2015, adottat pjan ta' pagament li jippreżenta miżuri fuq żmien qasir għat-tnaqqis tal-livell tal-kontijiet mhux imħallsa, iżda jindika li, waqt li dawk il-miżuri huma intenzjonati biex itejbu l-ġestjoni tal-flussi tal-flus fuq żmien iqsar, l-indirizzar tal-livell għoli ta' impenji pendenti jirrikjedi perspettiva fuq żmien itwal u evalwazzjoni bir-reqqa tal-kawżi li huma l-għeruq tagħhom (diffikultajiet amministrattivi u operattivi, restrizzjonijiet makroekonomiċi, eċċ.) b'mod li titfassal strateġija effikaċi sabiex ma jerġgħux iseħħu fil-futur;

39.

Jisħaq li l-attivazzjoni tal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea tista' toħloq problemi bil-mod kif jiġi ġestit il-baġit tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-pagamenti; jindika l-ħtieġa li dan l-element kruċjali jiġi koperti fi kwalunkwe ftehim tranżitorju jew finali ma' kwalunkwe Stat Membru li jirtira.

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

40.

Jitlob li l-Kummissjoni tieħu miżuri biex jiġu osservati strattament ir-regoli u l-kalendarji rigward l-impenji pendenti, inklużi:

(i)

l-għeluq u d-diżimpenn tal-programmi tal-2007-2013;

(ii)

l-użu xieraq tal-korrezzjoni netta fil-koeżjoni;

(iii)

tnaqqis tal-flus kontanti miżmuma mill-fiduċjarji; u

(iv)

il-kumpilazzjoni ta' pjanijiet u previżjonijiet ta' pagament meta l-impenji pendenti jkunu sinifikanti;

41.

Jitlob għal darba oħra li l-Kummissjoni annwalment tistabbilixxi previżjoni aġġornata fuq żmien twil tal-fluss tal-flus, li tkun tkopri perjodu bejn is-seba' u l-għaxar snin fil-futur, u li tinkludi l-limiti massimi baġitarji, il-ħtiġijiet ta' pagament, ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità u d-diżimpenji potenzjali b'mod li l-ħtiġijiet ta' pagament jiġu jikkorrispondu aħjar mal-fondi disponibbli;

42.

Jitlob li, bħala kwistjoni ta' urġenza, minħabba s-sitwazzjoni mwiegħra li attwalment jinsabu fiha diversi Stati Membri, il-Kummissjoni, fil-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tagħha, tikkunsidra r-restrizzjonijiet tal-kapaċità u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi speċifiċi ta' ċerti Stati Membri; jappella lill-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti kollha disponibbli permezz tal-assistenza teknika u l-Programm il-ġdid għall-Appoġġ tar-Riforma Strutturali biex isostni lil dawk l-Istati Membri b'mod li tevita s-sottoutilizzazzjoni tal-fondi u żżid ir-rati ta' assorbiment, b'mod speċjali fil-qasam tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

43.

Itenni l-bżonn għal semplifikazzjoni u ċarezza tar-regoli u l-proċeduri kemm fil-livell tal-Unjoni u kemm f'dak nazzjonali, b'mod li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-fondi tal-Unjoni min-naħa tal-benefiċjarji u tiġi żgurata ġestjoni tajba ta' dawk il-fondi mis-servizzi amministrattivi; jemmen li s-semplifikazzjoni se tikkontribwixxi għal allokazzjoni mgħaġġla tal-fondi, rati ta' assorbiment ogħla, żieda fl-effiċjenza u t-trasparenza, inqas żbalji ta' implimentazzjoni u perjodi iqsar għall-pagamenti; jikkunsidra li hemm bżonn jintlaħaq bilanċ bejn is-semplifikazzjoni u l-istabbiltà tar-regoli, il-proċeduri u l-kontrolli; jinnota li, fi kwalunkwe każ, waħda mill-prekundizzjonijiet neċessarji biex l-implimentazzjoni tirnexxi hija li l-applikanti u l-benefiċjarji potenzjali jiġu pprovduti b'informazzjoni u linji gwida suffiċjenti;

44.

Jappella lill-Kummissjoni biex iżżomm lura milli tqaċċat mill-ġdid l-assistenza teknika għad-dispożizzjoni tagħha u toħroġ bi pjan ta' azzjoni għal assorbiment effikaċi u puntwali, b'enfasi partikolari fuq dawk l-Istati Membri u r-reġjuni li waqgħu lura u li għandhom rati ta' assorbiment baxxi;

L-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja

45.

Jiddispjaċih li 75 % biss (5) mill-kontribuzzjonijiet għall-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 f'ġestjoni kondiviża tħallsu lid-destinatarji finali sa tmiem l-2015 (fi tmiem l-2014 kienu tħallsu 57 % u fi tmiem l-2012 kienu tħallsu 37 %) u li l-ammont tal-flus miżmuma fl-istrumenti finanzjarju taħt ġestjoni indiretta baqa' għoli (EUR 1,4 biljun fl-2015; EUR 1,3 biljun fl-2014; EUR 1,4 biljun fl-2013);

46.

Jinnota bi tħassib il-fatt li l-ammonti mhux użati mill-istrumenti finanzjarji għadhom relattivament għoljin, u li minn dawn l-ammonti, 80 % kienu kkonċentrati f'ħames Stati Membri fi tmiem l-2014 (u mit-total ta' dawn, l-Italja kienet tirrappreżenta 45 %); jikkunsidra li l-Kummissjoni jmissha twettaq valutazzjoni komprensiva ta' dawn l-istrumenti qabel tmiem l-2018, b'mod li tistabbilixxi jekk ikollhomx jiġu riportati għall-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss;

47.

Jitlob li l-Kummissjoni tirkupra l-bilanċi tal-flus mhux użati fl-strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża, kif ukoll il-fondi mhux użati li jifdal fl-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni indiretta mill-Oqfsa Finanzjarji Pluriennali preċedenti li jkun skada l-perjodu ta' eliġibbiltà għalihom;

Id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tal-Qorti

48.

Jilqa' l-fatt li l-Qorti tagħti opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet għall-2015, kif ilha tagħmel mill-2007, u li kkonkludiet li d-dħul fl-2015 kien liberu minn kwalunkwe żball materjali, kif ukoll jinnota b'sodisfazzjon li l-impenji li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għas-sena li ntemmet fl-31 ta' Diċembru 2015 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

49.

Jiddispjaċih profondament li, għat-22 sena konsekuttiva, il-pagamenti huma materjalment milquta minn żbalji minħabba l-fatt li s-sistemi ta' superviżjoni u ta' kontroll huma biss parzjalment effikaċi;

50.

Jiddispjaċih li, minkejja t-titjib, ir-rata tal-iżball l-aktar probabbli li tolqot lill-pagamenti hija ta' 3,8 %; ifakkar li l-istima tar-rata tal-iżball l-aktar probabbli għall-pagamenti fis-sena finanzjarja 2014 kienet ta' 4,4 %, fis-sena finanzjarja 2013 kienet ta' 4,7 %, fis-sena finanzjarja 2012 kienet ta' 4,8 % u fis-sena finanzjarja 2011 kienet ta' 3,9 %;

51.

Jisħaq li, allavolja s-sitwazzjoni tjiebet f'dawn l-aħħar snin, ir-rata tal-iżball l-aktar probabbli għadha ferm ogħla mis-soll ta' materjalità ta' 2 %; jisħaq li kieku l-Kummissjoni, l-awtoritajiet fl-Istati Membri jew l-awdituri indipendenti sfruttaw l-informazzjoni kollha disponibbli għalihom, kienu jkunu jistgħu jipprevjenu, jew jidentifikaw u jikkoreġu proporzjon sinifikanti tal-iżbalji qabel saru l-pagamenti relatati; ma jistax jaċċetta li l-informazzjoni disponibbli ma tintużax biex jitnaqqas il-livell ta' żbalji; jemmen bis-sħiħ li l-Istati Membri jiżvolġu rwol kruċjali f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Istati Membri jisfruttaw l-informazzjoni kollha disponibbli biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu kwalunkwe żball u biex jaġixxu konsegwentement;

52.

Jiddispjaċih li, minħabba bidla fil-qafas legali tal-politika agrikola komuni fl-2015, il-Qorti m'għadhiex tinkludi l-kundizzjonalità fl-ittestjar tat-tranżazzjonijiet li twettaq, u b'hekk it-tqabbil mas-sena finanzjarja preċedenti sar aktar diffiċli; fl-2014, tali żbalji kkontribwew 0,6 punti perċentwali għal-livell kumplessiv ta' żball stmat għall-intestatura 2 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, “Riżorsi naturali”, filwaqt li annwalment ikkontribwew bejn 0,1 u 0,2 punti perċentwali għal-livell ta' żball stmat fuq il-perjodu 2011-2014;

53.

Jinnota bi tħassib li, kieku l-miżuri korrettivi meħuda mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni ma kinux ġew applikati għall-pagamenti awditjati mill-Qorti, il-livell kumplessiv ta' żball stmat kien ikun ta' 4,3 % minflok ta' 3,8 %;

54.

Jinnota li t-tip tal-ġestjoni jkollu impatt limitat fuq il-livell ta' żball, peress li l-Qorti sabet li l-livell ta' żball stmat għan-nefqa taħt ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri (4,0 %) huwa kważi l-istess bħal dak għan-nefqa ġestita direttament mill-Kummissjoni (3,9 %);

55.

Jindika li l-Qorti sabet l-ogħla livelli ta' żball stmati fl-infiq taħt l-intestatura “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” (5,2 %) u għall-intestatura “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” (4,4 %), filwaqt li l-intestatura “Nefqa amministrattiva” kellha l-inqas livell ta' żball stmat (0,6 %); jissottolinja l-fatt li, ġeneralment, l-iżbalji ma jikkostitwux frodi; jirrakkomanda li l-Qorti jmissha tniedi rapport speċjali li jeżamina u jqabbel dawk l-oqsma bl-intenzjoni li tipproduċi dokument konċiż bl-“aħjar prattika”;

56.

Jinnota li l-profili tar-riskju differenti tal-iskemi ta' rimborż u l-iskemi ta' intitolamenti kellhom influwenza kbira fuq il-livell ta' żbalji fl-oqsma ta' nfiq differenti; fl-oqsma fejn l-Unjoni tagħti rimborż tal-ispejjeż eliġibbli abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż li jagħmlu l-benefiċjarji, il-livell tal-iżball huwa ta' 5,2 %, waqt li fl-oqsma fejn il-pagamenti jsiru meta jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet minflok ma jingħata rimborż tal-ispejjeż, ir-rata ta' żball hija ta' 1,9 %; jirrakkomanda li l-Qorti teżamina u tqabbel dawk l-oqsma bil-ħsieb li tikkonkludi rapport speċjali dwar l-aħjar prattika;

Ir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni: ir-riżultati fil-qasam tal-ġestjoni u l-għodod tal-Kummissjoni għal governanza interna

57.

Jinnota li, meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-2014, l-ammont f'riskju fil-pagamenti, kif ġie ddeterminat mill-Kummissjoni fir-Rapport Annwali tagħha tal-2015 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni tal-Baġit tal-UE (COM(2016)446), naqas b'xi 10 %, u dan huwa dovut b'mod speċjali għat-tnaqqis fl-ammont f'riskju li ġie rrapportat fis-settur tal-agrikoltura;

58.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-infiq huwa milqut minn livell ta' żball materjali, peress li, kif jidher fir-Rapport Annwali tagħha tal-2015 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni, l-ammont f'riskju jvarja bejn EUR 3,3 u EUR 4,5 biljun, varjazzjoni li tirrappreżenta bejn it-2,3 % u t-3,1 % tal-pagamenti; jinnota l-istima tal-Kummissjoni li fil-ġejjieni l-iżbalji li se tidentifika u tikkoreġi se jvarjaw bejn EUR 2,1 u EUR 2,7 biljun;

59.

Jikkondividi l-fehma tal-Qorti li l-metodoloġija tal-Kummissjoni għall-istima tagħha tal-iżball rigward l-ammont f'riskju tjiebet tul is-snin, iżda li l-istimi individwali tad-direttorati ġenerali rigward il-livell ta' nfiq irregolari mhumiex ibbażati fuq metodoloġija konsistenti (ara b'mod partikolari l-punt 1.38 tar-rapport annwali tal-Qorti għall-2015); jirrakkomanda li din il-prattika tiġi regolarizzata u standardizzata malajr kemm jista' jkun;

60.

Jinnota li, minkejja t-titjib li sar, il-Kummissjoni għadha ma eliminatx ir-riskju li l-impatt tal-azzjonijiet korrettivi qed jiġi sopravvalutat;

61.

Jindika b'mod partikolari l-fatt li, għal aktar minn tliet kwarti tal-2015, id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jibbażaw l-istimi tagħhom tal-ammont f'riskju fuq id-data pprovduta mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li, mir-rapporti annwali tal-attività tad-Direttorati Ġenerali kkonċernati tal-Kummissjoni Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u Żvilupp Rurali (DĠ AGRI) u Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO), jidher li l-affidabbiltà tar-rapporti dwar il-kontrolli tal-Istati Membri għadha problematika, għalkemm ir-rapportar tad-data min-naħa tal-Istati Membri tjieb; jikkunsidra li huwa inaċċettabbli li l-Istati Membri ma jikkooperawx b'mod leali mal-Kummissjoni fir-rigward tar-rapporti dwar il-kontrolli u l-affidabbiltà tagħhom;

62.

Jissottolinja li l-piż tal-kontrolli għall-utenti aħħarin jonqos kieku kellu jiġi applikat approċċ ta' “awditu wieħed”, skont liema l-awditu Ewropew ma jitwettaqx separatament iżda jibni fuq l-awditi nazzjonali; josserva li madankollu tali linja kontinwa tal-obbligu ta' rendikont tkun possibbli biss jekk l-awditi nazzjonali jkunu adegwati u jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaqblu dwar il-prinċipji u l-interpretazzjonijiet; jappella lill-Kummissjoni biex tkun proattiva f'dan ir-rigward billi tippubblika linji gwida;

63.

Jemmen li l-għoti tal-kwittanza jmissu jiddependi fuq it-titjib neċessarju fil-ġestjoni finanzjarja fil-livell tal-Istati Membri; jindika l-istrument tad-dikjarazzjonijiet nazzjonali f'dan il-kuntest li jista' jgħin biex jitqawwew l-obbligu ta' rendikont u s-sjieda fil-livell nazzjonali;

64.

Jindika li, minħabba l-ispeċifiċità tal-ipprogrammar pluriennali u l-kumplessità u l-akkumulazzjoni tar-regoli reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni li japplikaw għall-proċedura baġitarja, u peress li l-iżbalji jistgħu jiġu kkoreġuti aktar minn għaxar snin wara li jkunu seħħew, huwa artifiċjali li l-istima tal-impatt tal-korrezzjonijiet futuri tiġi bbażata fuq il-korrezzjonijiet reġistrati f'dawn l-aħħar sitt snin;

65.

Jenfasizza, f'dak il-kuntest, li kieku l-Kummissjoni kienet ċerta mill-effikaċja tal-kapaċità korrettiva tagħha, id-diretturi ġenerali ma jmisshom joħorġu l-ebda riżerva finanzjarja fir-rapporti annwali tal-attività tagħhom;

66.

Jindika li l-Kummissjoni qed tirrapporta (6) li b'kollox ġie implimentat ammont ta' EUR 3,9 biljun f'korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri; jinnota li l-Qorti kklassifikathom fi tliet kategoriji: EUR 1,2 biljun f'korrezzjonijiet u rkupri li saru f'ras il-għajn u li ġew applikati qabel il-Kummissjoni aċċettat in-nefqa (fir-rigward tal-agrikoltura, il-koeżjoni u l-ġestjoni diretta/indiretta); EUR 1,1 biljun f'talbiet għal rimborż li l-Istati Membri rtiraw wara li n-nefqa kienet ġiet aċċettata billi ssostitwew l-ammonti ineliġibbli bi proġetti ġodda fil-qasam tal-koeżjoni; EUR 1,6 biljun f'korrezzjonijiet netti (fir-rigward tal-agrikoltura u l-ġestjoni diretta/indiretta);

67.

Jisħaq fuq il-fatt li, fejn ikun hemm riskju għoli ta' irregolarità, l-aħjar prattika hija li r-riskju jiġi diskuss u li l-livell u l-impatt probabbli jiġu kkwantifikati; jiddispjaċih li r-rapportar min-naħa tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett jagħti attenzjoni sinifikanti għall-“kapaċità korrettiva” minflok jikkwantifika u janalizza n-natura tal-iżbalji li jidentifika, u minflok jieħu l-miżuri preventivi rilevanti biex tali żbalji jiġu evitati; jindika b'mod partikolari li l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar “Il-Protezzjoni tal-Baġit tal-Unjoni” ma jipprovdu l-ebda stima tal-livell ta' irregolarità preżenti fit-talbiet għal rimborż inizjali jew f'dawk li jkunu ġew approvati;

68.

Jikkondividi l-fehma li esprimiet il-Qorti fir-Rapport Speċjali Nru 27/2016 tagħha li d-distinzjoni li r-riforma Kinnock-Prodi introduċiet bejn “ir-responsabbiltà politika tal-Kummissarji” u r-responsabbiltà operattiva tad-diretturi ġenerali tfisser li mhux dejjem ġie ċċarat jekk “ir-responsabbiltà politika” tinkludix it-teħid tar-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni baġitarja mid-direttorati ġenerali jew jekk hijiex separata minnha (ara l-punt 5 tar-sommarju eżekuttiv tar-Rapport Speċjali Nru 27/2016 tal-Qorti);

69.

Jindika li l-Kulleġġ tal-kummissarji ma jassumix ir-responsabbiltà għall-kontijiet annwali billi jabbozza daħla jew rapport mill-President jew il-kummissarju għall-Baġit, u li l-Kummissjoni ma tistabbilixxix dikjarazzjoni annwali dwar il-governanza jew dwar il-kontroll intern, bi qbil mal-aħjar prattika u l-prattika komuni tal-Istati Membri;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

70.

Jappella għal darba oħra lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw proċeduri sodi biex jikkonfermaw l-għażla taż-żmien, l-oriġini u l-ammont tal-miżuri korrettivi u biex jipprovdu informazzjoni li tirrikonċilja sa fejn ikun possibbli, is-sena meta jsir il-pagament, is-sena meta jinstab l-iżball relatat u s-sena meta l-irkurpi jew il-korrezzjonijiet finanzjarji jiġu żvelati fin-noti għall-kontijiet;

71.

Jappella għal darba oħra lill-Kummissjoni biex toħroġ, fuq bażi annwali, dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni waħda u xierqa abbażi tar-rapporti annwali tal-attività tad-diretturi ġenerali u biex tipproduċi l-istima statistika tagħha stess rigward il-livell ta' żball; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa separatament l-ammont ta' flus tal-Unjoni li qed tipprevedi li tiġbor lura bħala rkupri jew korrezzjonijiet finanzjarji kkollegati mas-sena finanzjarja 2015;

72.

Jitlob lill-Kummissjoni twettaq analiżi bir-reqqa tal-hekk imsejħa “proġetti retrospettivi”, jiġifieri l-prattika li fil-programmi operattivi reġjonali jiddaħħlu l-proġetti li jkunu diġà tniedew mill-awtoritajiet bl-użu ta' fondi oħrajn u li jistgħu jinkorporaw jew jissostitwixxu l-miżuri jew il-proġetti li jippreżentaw problemi operattivi jew li jkunu bi ksur tar-regoli, analiżi li għandha tinkludi valutazzjonijiet ex ante li jivverifikaw jekk il-proġetti sostituti jissodisfawx l-objettivi ppjanati;

73.

Jappella lill-Kummissjoni biex iżżid dikjarazzjoni annwali dwar il-governanza u l-kontroll intern mad-dikjarazzjoni finanzjarja, li tkun tkopri b'mod partikolari:

deskrizzjoni tal-għodod tal-Kummissjoni għal governanza interna;

valutazzjoni tal-attivitajiet ta' riskju operattiv u strateġiku matul is-sena; u

dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà fiskali fuq żmien medju u twil;

u biex, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, tipprovdi stima tal-livell ta' irregolarità preżenti fit-talbiet għal rimborż inizjali jew f'dawk li jkunu ġew approvati;

74.

Jappella lill-Istati Membri biex jipprovdu data affidabbli lill-Kummissjoni, b'mod speċjali fir-rigward tar-rapporti dwar il-kontrolli;

Ir-riżervi politiċi

75.

Jaqbel mar-riżervi maħruġa mid-diretturi ġenerali tad-Direttorati Ġenerali REGIO, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (DĠ MARE), id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME), id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni u Żvilupp Internazzjoni (DĠ DEVCO) u DĠ AGRI fir-rapport annwali tal-attività tagħhom; huwa tal-opinjoni li dawk ir-riżervi juru li l-proċeduri ta' kontroll implimentati fil-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jistgħux jagħtu l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi kollha fl-oqsma ta' politika korrispondenti;

76.

Jikkontesta għaliex id-direttur ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (DĠ RTD), kif għamel fis-snin preċedenti, reġa' ħareġ riżerva orizzontali li tkopri l-pagamenti u d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż kollha taħt is-Seba' Programm Kwadru; jappella lid-Kummissjoni biex sa fl-aħħar tiżviluppa approċċ aktar sinifikanti u bbażat fuq ir-riskju, u biex tuża r-riżervi speċifiċi meta jkun hemm bżonn;

Il-ksib ta' riżultati mill-baġit tal-Unjoni

Ir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni: l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni

77.

Jinnota li r-Rapport Annwali tagħha tal-2015 dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni jgħaqqad flimkien żewġ rapporti preċedenti: ir-Rapport ta' Evalwazzjoni prodott skont l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Rapport ta' Sinteżi rikjest mill-Artikolu 66(9) tar-Regolament Finanzjarju;

78.

Jilqa' l-fatt li, għal kull waħda mill-intestaturi baġitarji, ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 u evidenza dwar ir-riżultati tal-programmi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2007-2013, kif ukoll jippreżenta l-kollegamenti mal-istrateġija Ewropa 2020;

79.

Jiddispjaċih li l-hekk imsejjaħ rapport ta' evalwazzjoni, fuq naħa, jikkonfondi d-deskrizzjonijiet tal-attivitajiet mar-riżultati, u fuq in-naħa l-oħra, jipprova jevalwa l-impatt tal-politiki u jagħmel wegħdiet għall-ġejjieni;

80.

Jindika li l-Istati Membri mhumiex rikjesti jinkludu indikaturi komuni fil-programmi tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u li l-valutazzjonijiet abbażi tar-riżultati mhumiex parti mill-istadju ta' kontroll inizjali fl-Istati Membri;

81.

Jiddispjaċih li, minflok ma ssemplifikat l-għodod tagħha għal governanza interna, il-Kummissjoni żiedet pjan strateġiku pluriennali ġdid għal kull dipartiment tal-Kummissjoni abbażi ta' objettivi ġenerali komuni li jkopru l-għaxar prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Juncker, u li jsostnu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-obbligi skont it-Trattati;

82.

Itenni l-appell tiegħu għal konċentrazzjoni tematika, kif esprima fir-rapport tiegħu dwar il-kwittanza għas-sena baġitarja 2014; jappella lill-Kummissjoni biex tindaga sa liema punt il-konċentrazzjoni tematika tista' tikkontribwixxi għas-semplifikazzjoni u għal tnaqqis tal-piż regolatorju u l-piż tal-kontrolli;

83.

Jappella lill-Kummissjoni biex tadotta r-rapport annwali tagħha dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni fi żmien utli sabiex il-Qorti tkun tista' tqisu fir-rapport annwali tagħha; jinsisti li jkun tajjeb li l-informazzjoni pprovduta f'dan ir-rapport tkun kemm jista' jkun oġġettiva u tinkludi valutazzjoni komprensiva tar-riżultati miksuba fis-sena preċedenti mill-Kummissjoni fit-twettiq tal-politiki tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tirrifletti dwar il-bżonn għal perjodu ta' programmazzjoni politika fuq żmien twil, skont l-Istrateġija Ewropa 2020 fuq għaxar snin;

84.

Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-proċess biex jiġu stabbiliti l-indikaturi tal-prestazzjoni jkun trasparenti u demokratiku, bl-involviment tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, is-sħab u l-partijiet interessati kollha kkonċernati b'mod li l-indikaturi jkunu adegwati biex ikejlu l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, kif ukoll biex iwieġbu għall-aspettattivi taċ-ċittadini tal-Unjoni.

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

85.

Jappella lill-Kummissjoni biex, fir-rapporti ġejjiena tagħha dwar il-prestazzjoni, tevalwa aħjar l-outputs u l-eżiti tal-politiki kollha; jappella lill-Kummissjoni biex b'mod ċar u sintetiku turi l-kontribut li jagħtu l-politiki Ewropej għal-objettivi tal-Unjoni u biex tevalwa l-kontribut rispettiv tagħhom għall-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

Il-programm Orizzont 2020

86.

Ifakkar li Orizzont 2020 huwa programm ambizzjuż u estensiv li l-objettiv ġenerali tiegħu huwa bbażat fuq tliet prijoritajiet: xjenza eċċellenti, tmexxija industrijali u sfidi tas-soċjetà;

87.

Jinnota li l-Kummissjoni Juncker adottat għaxar prijoritajiet politiċi għall-perjodu 2014-2019 li mhumiex eżatt l-istess bħall-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020; dan iwassal għal sitwazzjoni fejn il-qafas legali u l-allokazzjoni baġitarja għal Orizzont 2020 jirriflettu l-Istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li l-Kummissjoni, fl-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020, mill-2014 iffokat l-ippjanar strateġiku u l-arranġamenti ġestjonali mill-ġdid fuq l-għaxar prijoritajiet politiċi;

88.

Jiddispjaċih li sa issa l-Kummissjoni għadha ma ddefinietx ir-relazzjoni bejn iż-żewġ settijiet ta' prijoritajiet, u jitlobha tiċċara dawn il-kollegamenti;

89.

Jisħaq li fattur kruċjali biex Orizzont 2020 jirnexxi huwa sinerġija u komplementarjetà effikaċi bejn il-programmi ta' riċerka u innovazzjoni nazzjonali u dawk Ewropej; jinnota li l-Kummissjoni qed tippjana li tanalizza l-impatt u s-sinerġiji bejn Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fil-kuntest tal-evalwazzjoni interim ta' Orizzont 2020;

90.

Jieħu nota taż-żewġ eżempji ta' komplementarjetajiet bejn il-programmi ta' riċerka nazzjonali u dawk tal-Unjoni li ngħataw fir-rapport annwali tal-Qorti għall-2015 u li l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar fil-Bulgarija u l-Portugall sabu li, filwaqt li f'xi oqsma l-programmi ta' riċerka nazzjonali u dawk tal-Unjoni huma komplementari fil-pajjiżi tagħhom, hemm ukoll xi dgħufijiet fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-indikaturi relatati ma' Orizzont 2020 fi ħdan il-pjanijiet ta' azzjoni u l-istrateġiji nazzjonali u xi kwistjonijiet rigward il-koordinament u l-interazzjoni bejn il-parteċipanti kollha involuti f'Orizzont 2020 fil-livell nazzjonali (7); jieħu nota wkoll tal-fatt li l-Bulgarija kienet l-ewwel Stat Membru li uża volontarjament il-faċilità ta' appoġġ għall-politiki ta' Orizzont 2020 u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa lill-Istati Membri li għandhom bżonn jimmodernizza is-setturi ta' riċerka u innovazzjoni tagħhom;

91.

Ifakkar li l-qafas legali ta' Orizzont 2020 jintroduċi bosta elementi importanti għall-ġestjoni tal-prestazzjoni, bħal objettivi u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li kumplessivament l-objettivi u l-indikaturi li ntlaħaq qbil dwarhom tabilħaqq jirrappreżentaw titjib reali fuq il-programmi qafas preċedenti;

92.

Jindika li għad fadal għadd ta' dgħufijiet fl-indikaturi tal-prestazzjoni li jintużaw f'Orizzont 2020, bħal:

(i)

f'dak li għandu x'jaqsam mal-bilanċ tal-indikaturi li jkejlu biss l-inputs jew l-outputs minflok ir-riżultati u l-impatt (8),

(ii)

in-nuqqas ta' linji ta' riferiment, u

(iii)

nuqqas ta' ambizzjoni fl-objettivi;

93.

Jiddispjaċih li l-Qorti sabet li l-Kummissjoni mhijiex qed tuża l-programmi ta' ħidma tagħha taħt Orizzont 2020 u s-sejħiet għal proposti assoċjati biex tikkonċentra l-objettivi aktar fuq il-prestazzjoni kif rikjest (9);

94.

Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rigward tal-proposti u l-ftehimiet ta' għotja eżaminati mill-Qorti, tqiegħdet biżżejjed enfasi fuq il-prestazzjoni fl-objettivi meta rrikjedietha l-Kummissjoni, u li l-istess japplika għall-proċess ta' evalwazzjoni ta' dawn il-proposti;

95.

Jiddispjaċih li, fil-programmi ta' ħidma individwali li jagħtu l-impetu lil Orizzont 2020 u s-sejħiet għal proposti konnessi, l-użu tal-kunċett aktar estensiv tal-“impatt mistenni” minflok ir-“riżultat mistenni” iżid ir-riskju li l-informazzjoni pprovduta għal din il-parti tkun wiesgħa wisq u li se jkun diffiċli li tiġi aggregata l-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta' Orizzont 2020 (10);

96.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Kummissjoni mhux dejjem tuża l-kunċetti fundamentali fir-rigward tal-prestazzjoni (pereżempju, “outputs”, “riżultati”, “eżiti” u “impatt”) b'mod konsistenti;

97.

Jiddispjaċih li l-Qorti sabet li l-istruttura attwali ma tippermettix li l-Kummissjoni tissorvelja u tirrapporta separatament l-infiq u l-prestazzjoni fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-innovazzjoni fi ħdan Orizzont 2020; barra minn hekk, filwaqt li l-kontribuzzjoni finanzjarja ta' Orizzont 2020 fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020 hija stabbilita sew fil-proċess baġitarju permezz tad-dikjarazzjonijiet ippubblikati tal-programmi, huwa spjaċevoli li l-Kummissjoni għadha ma rrapportatx dwar l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 u dwar il-kontribut tiegħu għall-Istrateġija Ewropa 2020 b'mod sinifikattiv; jappella lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020 u l-kontribut tiegħu għall-Istrateġija Ewropa 2020 b'mod sinifikattiv malli jsiru disponibbli r-riżultati tal-programm;

98.

Jissuġġerixxi li r-rwol għall-punti ta' kuntatt nazzjonali jmissu jitqawwa b'mod li jiġi pprovdut appoġġ tekniku ta' kwalità fuq il-post; jikkunsidra li valutazzjoni annwali tar-riżultati, taħriġ u stimoli għall-punti ta' kuntatt nazzjonali li jkollhom prestazzjoni tajba jżidu r-rata ta' suċċess tal-programm Orizzont 2020;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

99.

Jappella lill-Kummissjoni biex, fir-rapporti ġejjiena tagħha dwar il-prestazzjoni, tippreżenta l-kontribut ta' Orizzont 2020 għall-Istrateġija Ewropa 2020 b'mod ċar u eżawrjenti;

Il-pjanijiet ta' ġestjoni u r-rapporti annwali tal-attività ta' erba' direttorati ġenerali responsabbli għall-infiq taħt “Riżorsi naturali”

100.

Jiddispjaċih dwar l-osservazzjonijiet li għamlet il-Qorti li bosta mill-objettivi li ntużaw fil-pjanijiet ta' ġestjoni u r-rapporti annwali tal-attività tad-DĠ AGRI, DĠ CLIMA, DĠ ENVI u DĠ MARE ittieħdu direttament minn dokumenti ta' politika jew dokumenti leġiżlattivi u ma kellhomx il-livell ta' dettall meħtieġ għall-finijiet ta' ġestjoni u sorveljanza;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

101.

Jitlob li l-Kummissjoni:

tivvaluta l-prestazzjoni tal-programmi ta' ħidma u billi l-objettivi ta' livell għoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar Orizzont 2020 tittraduċihom f'objettivi operattivi fil-livell tal-programmi ta' ħidma;

tiċċara ulterjorment il-kollegamenti bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 (2010-2020), il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2014-2020) u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni (2015-2019);

tiżgura l-użu konsistenti tat-termini “input”, “output”, “riżultat” u “impatt” fl-attivitajiet tagħha kollha kemm huma bi qbil mal-linji gwida tagħha għal regolamentazzjoni aħjar;

tieħu l-miżuri biex tiżgura li r-riċerkaturi li jagħmlu l-istess xogħol fuq l-istess proġett jitħallsu l-istess;

tipprovdi lista, abbażi tan-nazzjonalità, tal-intrapriżi kollha kkwotati fil-borża u/jew li juru profitt fir-rendikonti annwali tagħhom, u li jirċievu fondi minn Orizzont 2020;

Id-dħul

102.

Jilqa' l-fatt li l-evidenza kumplessiva li l-Qorti kisbet mill-awditjar tindika li d-dħul mhuwiex milqut minn livell materjali ta' żball u, b'mod partikolari, li s-sistemi eżaminati huma effikaċi għar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING u l-VAT, li s-sistemi eżaminati huma kumplessivament effikaċi għar-riżorsi proprji tradizzjonali, waqt li l-kontrolli interni fundamentali fl-Istati Membri li żaret il-Qorti kienu madankollu parzjalment effikaċi, u li l-Qorti ma sabet l-ebda żball fit-tranżazzjonijiet li ttestjat;

103.

Ifakkar li riżerva hija mezz sabiex element dubjuż fid-data dwar l-ING li jippreżenta Stat Membru jinżamm miftuħ biex possibbilment jiġi kkoreġut, u jilqa' l-fatt li l-Qorti ma identifikatx problemi serji fir-riżervi mneħħija li eżaminat mill-ġdid fl-2015;

104.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, għalkemm sar progress biex tittejjeb l-affidabbiltà tad-data dwar l-ING tal-Greċja, ir-riżervi ma tneħħewx; jinnota li din kienet l-unika riżerva ġenerali pendenti fi tmiem l-2015, u tkopri l-2008 u l-2009;

105.

Jinnota li, fir-rigward tad-dazji doganali, il-Qorti sabet li l-metodoloġija użata għall-kontrolli li saru biex jiġi vverifikat jekk ir-regolamenti dwar it-tariffi u l-importazzjoni humiex qed jiġu rispettati mill-importaturi (li jinkludu awditjar “wara l-iżdoganar”), il-kwalità u r-riżultati li pproduċew varjaw bejn Stat Membru u ieħor; il-Qorti rrilevat b'mod speċjali l-interruzzjoni tal-perjodu ta' preskrizzjoni ta' tliet snin fi Franza għan-notifiki tad-dejn, prattika li tvarja minn dawk fl-Istati Membri l-oħra u li twassal biex l-operaturi ekonomiċi fi ħdan l-UE jiġu ttrattati differenti (11);

106.

Jinnota, fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali, li fi tmiem l-2015, il-Kummissjoni kellha wkoll lista ta' 325 punt miftuħ li jikkonċernaw in-nuqqas ta' konformità mar-regoli doganali tal-Unjoni li kienu ġew identifikati permezz ta' spezzjonijiet fl-Istati Membri;

107.

Jindika li, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet dwar id-dazji doganali u l-imposti fuq iz-zokkor, il-Qorti sabet ineffiċjenzi fil-ġestjoni tal-ammonti riċevibbli (magħrufa bit-terminu “kontabilità B”) fl-Istati Membri u li l-Kummissjoni identifikat nuqqasijiet simili fi 17 mit-22 Stat Membru li żaret;

108.

Jisħaq li l-Qorti identifikat riskji relatati mal-irkupru tad-dejn doganali mingħand il-kumpaniji rreġistrati barra l-Unjoni jew iċ-ċittadini tal-pajjiżi mhux tal-Unjoni, u li sabet għadd ta' każijiet minn Stati Membri differenti li ma setgħux jiġbru d-djun mingħand ċittadini jew kumpaniji bbażati, pereżempju, fil-Belarus, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi, ir-Russja, l-Iżvizzera, it-Turkija u l-Ukrajna;

109.

Jisħaq li l-impatt tar-reviżjonijiet importanti għall-bilanċi tal-ING seta' kien iżgħar kieku kien hemm fis-seħħ politika ta' reviżjoni komuni tal-Unjoni għall-armonizzazzjoni tal-kalendarju għar-reviżjonijiet importanti;

110.

Jiddeplora l-fatt li l-elementi strutturali u legali li wasslu għall-inċident politiku li seħħ fl-aħħar ta' Ottubru 2014 rigward il-kontribuzzjonijiet ta' xi Stati Membri għadhom jeżistu;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

111.

Jappella lill-Kummissjoni biex:

tieħu l-passi meħtieġa biex tarmonizza l-iskadenzi tan-notifiki tad-dejn lill-operaturi ekonomiċi b'segwitu għal awditu wara l-iżdoganar fl-Istati Membri kollha kemm huma;

tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu dikjarazzjonijiet korretti tal-ammonti miġbura mid-dazji doganali fid-dikjarazzjonijiet ta' kull tliet xhur, u tipprovdi gwida dwar x'suppost jiġi rreġistrat;

tiffaċilita sa fejn ikun possibbli l-irkupru tad-djun doganali mill-Istati Membri, meta d-debituri ma jkunux ibbażati fi Stat Membru tal-Unjoni;

ittejjeb il-kontrolli fuq il-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet miż-Żona Ekonomika Ewropea u mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u fuq il-kalkolu tal-mekkaniżmi ta' korrezzjoni; u

timplimenta l-arranġamenti meħtieġa sabiex tnaqqas l-impatt tar-reviżjonijiet tal-metodi u s-sorsi li jippreżentaw l-Istati Membri għall-kompilazzjoni tal-ING tagħhom.

Is-segwitu għall-kwittanza lill-Kummissjoni għall-2014  (12)

112.

Jindika li l-Kummissjoni qablet li tibda azzjonijiet ġodda fuq 88 talba li saru mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja 2014;

113.

Jinnota li, skont il-Kummissjoni, fir-rigward ta' 227 talba mill-Parlament, l-azzjoni rikjesta diġà ttieħdet jew hija għaddejja bħalissa, u li għal raġunijiet marbuta mal-qafas legali u baġitarju eżistenti jew mar-rwol jew il-prerogattivi istituzzjonali tagħha, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta 35 mit-talbiet li saru mill-Parlament;

114.

Jiddispjaċih li t-tweġibiet tal-Kummissjoni xi drabi jibqgħu vagi u ambigwi;

115.

Jilqa' l-azzjoni tal-Kummissjoni li tat segwitu għal ħamsa mis-sitt impenji prinċipali;

116.

Jinsisti madankollu li l-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lid-direttorati ġenerali tagħha biex jippubblikaw kull rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi individwali li jkunu ħarġu fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fir-rapporti annwali tal-attività rispettivi tagħhom (is-sitt impenn);

117.

Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha b'mod partikolari fir-rigward tal-affidabbiltà tad-data trażmessa mill-Istati Membri, it-trasparenza fir-rigward tal-benefiċjarji aħħarin tal-fondi tal-Unjoni, it-trasparenza tal-attivitajiet tal-Kumitat Etiku, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riforma tal-istrutturi amministrattivi tal-Iskejjel Ewropej;

118.

Jikkundanna b'qawwa l-fatt li l-Kummissjoni ma tħossx il-bżonn li tkompli tippubblika r-rapport tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni; huwa tal-opinjoni li, huma x'inhuma l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, din il-kanċellazzjoni tal-aħħar minuta tibgħat sinjal ħażin mhux biss lill-Istati Membri iżda anke liċ-ċittadini; itenni l-opinjoni tiegħu li l-korruzzjoni għadha problema għall-Unjoni u għall-Istati Membri, u li, mingħajr miżuri effikaċi kontra l-korruzzjoni, hija ddgħajjef il-prestazzjoni ekonomika, l-istat tad-dritt u l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet demokratiċi fi ħdan l-Unjoni; jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiffinalizza u tippubblika r-rapport tal-2016 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, biex taġixxi malajr u b'mod qawwi ħalli telimina l-korruzzjoni fl-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u biex tikkummissjona valutazzjoni indipendenti tal-istandards tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni infushom;

119.

Itenni b'qawwa l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema ta' indikaturi stretti u ta' kriterji uniformi u faċilment applikabbli, abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Programm ta' Stokkolma, biex tkejjel il-livell tal-korruzzjoni fl-Istati Membri u tevalwa l-politiki tal-Istati Membri kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indiċi ta' korruzzjoni b'mod li tikkategorizza lill-Istati Membri; huwa tal-opinjoni li indiċi ta' korruzzjoni jista' jipprovdi bażi tajba li fuqha l-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta' kontroll speċifiku għall-pajjiżi individwali meta tkun qed tikkontrolla l-infiq tar-riżorsi tal-Unjoni;

Il-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

UE 2020

120.

Jinnota li, minkejja r-rata ta' żball ripetuta u d-dewmien fl-implimentazzjoni u fl-għeluq tiegħu, l-evalwazzjoni ex post tas-Seba' Programm Kwadru li saret minn grupp ta' esperti ta' livell għoli (13), ikkunsidrat li s-Seba' Programm Kwadru irnexxa; il-grupp ta' livell għoli ssottolinja b'mod partikolari li s-Seba' Programm Kwadru:

inkoraġġixxa l-eċċellenza xjentifika fil-livell individwali u istituzzjonali,

ippromwova riċerka rivoluzzjonarja permezz tal-programm ġdid “Ideas” (Kunsill Ewropew tar-Riċerka),

involva lill-industrija u lill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju b'mod strateġiku,

irrinforza modalità ġdida ta' kollaborazzjoni u qafas miftuħ għall-innovazzjoni,

saħħaħ liż-Żona Ewropea tar-Riċerka billi aġixxa ta' katalista għal kultura ta' kooperazzjoni u billi bena netwerks komprensivi adattati biex jindirizzaw l-isfidi tematiċi,

indirizza ċerti sfidi għas-soċjetà permezz tar-riċerka, it-teknoloġija u l-innovazzjoni permezz tal-programm “Cooperation”,

inkoraġġixxa l-armonizzazzjoni tas-sistemi u l-politiki nazzjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni,

qanqal il-mobbiltà tar-riċerkaturi madwar l-Ewropa: permezz tal-programm “People”, inħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal suq tax-xogħol miftuħ għar-riċerkaturi,

ippromwova l-investiment fl-infrastrutturi Ewropej għar-riċerka,

laħaq massa kritika ta' riċerka madwar il-panorama Ewropew u dak globali;

121.

Jiddispjaċih li l-konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru, li saret bejn Frar u Mejju 2015, indikat id-dgħufijiet li ġejjin:

piż amministrattiv kbir, u regoli legali u finanzjarji kkumplikati,

grad għoli ta' sottoskrizzjoni eċċessiva,

attenzjoni insuffiċjenti għall-impatt fuq is-soċjetà,

l-ambitu tas-suġġetti u s-sejħiet kien strett wisq,

attenzjoni insuffiċjenti għall-parteċipazzjoni min-naħa tal-industrija,

limitu minimu għoli għal min ikun għadu jibda; rati baxxi tal-medja ta' suċċess ta' 19 % u 22 % rispettivament għall-proposti u l-applikanti;

komunikazzjoni dgħajfa;

122.

Jiddispjaċih profondament li huwa ferm probabbli li l-objettiv li 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Istati Membri jiġi investit fir-riċerka sal-2020 mhux se jintlaħaq; jikkunsidra għaldaqstant li t-tnaqqis rikorrenti mill-baġit tal-Unjoni fir-rigward tal-programmi ta' riċerka jmissu jintemm; jappella lill-Istati Membri kollha biex jilqgħu l-isfida; jappella wkoll lill-Kummissjoni biex tislet il-konklużjonijiet neċessarji għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;

123.

Jilqa' l-progress li sar biex jinkisbu riżultati fir-rigward tal-impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni: sa nofs l-2014, l-impenji kollha jew kienu ntlaħqu jew kienu fit-triq it-tajba biex jintlaħqu;

124.

Jilqa' wkoll il-fatt li sehem il-fondi minn Orizzont 2020 li ġie allokat għall-intrapriżi żgħar u medji żdied minn 19,4 % fl-2014 għal 23,4 % fl-2015, u jirrakkomanda li din ix-xejra titħeġġeġ b'mod proattiv;

125.

Jikkunsidra li huwa inaċċettabbli li d-DĠ RTD ma kkonformax mat-talba tiegħu li d-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jmisshom jippubblikaw kull rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi individwali li joħorġu fir-rapporti annwali tal-attività tagħhom; jinnota bi tħassib li għadd limitat ta' territorji biss huma rappreżentati fl-aktar 20 proġett importanti ta' Orizzont 2020;

Kwistjonijiet ġenerali

126.

Jirrimarka li l-kapitolu ħamsa tar-Rapport Annwali tal-Qorti 2015 jkopri wkoll il-pagamenti fl-oqsma li ġejjin: ir-riċerka (EUR 10,4 biljun), l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport (EUR 1,8 biljun), l-ispazju (EUR 1,4 biljun), it-trasport (EUR 1,3 biljun), azzjonijiet u programmi oħra (EUR 1,1 biljun), l-enerġija (EUR 0,5 biljun) u l-kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju (COSME) (EUR 0,3 biljun); ir-riċerka għaldaqstant tirrappreżenta 62 % tal-infiq;

127.

Jinnota li r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-programmi qafas ta' riċerka hija kondiviża fost id-Direttorati Ġenerali differenti tal-Kummissjoni, l-Aġenziji Eżekuttivi, l-Impriżi Konġunti u l-hekk imsejħa korpi tal-Artikolu 185 (sħubijiet mal-Istati Membri), u dan kollu jirrikjedi koordinament mill-qrib;

128.

Jiċċara li l-awditu tal-Qorti kellu x'jaqsam kważi esklużivament mal-pagamenti taħt is-Seba' Programm Kwadru;

129.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, fir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ RTD, huwa indikat li sa tmiem l-2015, 1 915-il proġett taħt is-Seba' Programm Kwadru, b'valur ta' EUR 1,63 biljun, kienu għadhom ma tlestewx; dan jista' jdewwem l-implimentazzjoni ta' Orizzont 2020;

Is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll

130.

Jenfasizza li l-Qorti tikkunsidra li s-sistemi ta' superviżjoni u kontroll għar-riċerka u l-politiki interni l-oħra kienu “parzjalment effettivi”;

131.

Jinsab mħasseb dwar il-fatt li, fl-2015, mill-150 tranżazzjoni li awditjat il-Qorti, 72 (48 %) kienu milquta minn żbalji; abbażi tat-38 żball li kkwantifikat il-Qorti, hija stmat li l-livell ta' żball kien ta' 4,4 %; barra minn hekk, f'16-il każ ta' żbalji kwantifikabbli, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jew l-awdituri indipendenti kellhom biżżejjed informazzjoni biex jipprevjenu jew jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji qabel jaċċettaw in-nefqa; kieku din l-informazzjoni kollha ntużat għall-korrezzjoni tal-iżbalji, il-livell ta' żball stmat għal dan il-kapitolu kien ikun 0,6 % aktar baxx;

132.

Jiddeplora l-fatt li f'10 mit-38 tranżazzjoni li kienu soġġetti għal żball ikkwantifikat, il-Qorti rrapportat żbalji li jaqbżu l-20 % tal-partiti eżaminati; dawn l-għaxar każijiet (disgħa mis-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u wieħed mill-Programm Kompetittività u Innovazzjoni 2007-2013) jirrappreżentaw 77 % tal-livell ta' żball stmat kumplessiv għall-intestatura “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” fl-2015;

133.

Jiddispjaċih li l-biċċa l-kbira tal-iżbalji kkwantifikati li sabet il-Qorti (33 minn 38) kellhom x'jaqsmu mar-rimborż tal-persunal u l-ispejjeż indiretti ineliġibbli li ddikjaraw il-benefiċjarji u li kważi l-iżbalji kollha li sabet il-Qorti fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż kienu dovuti għal miżinterpretazzjoni tar-regoli kumplessi dwar l-eliġibbiltà jew kalkolu inkorrett tal-ispejjeż eliġibbli min-naħa tal-benefiċjarji, u dan iwassal għall-konklużjoni ovvja li hemm bżonn li dawn ir-regoli jiġu ssemplifikati;

134.

Jilqa' l-fatt li, skont il-Qorti, il-konformità mar-regoli dwar l-akkwist tjiebet b'mod sinifikanti;

135.

Jikkontesta għaliex id-Direttur Ġenerali tad-DĠ RTD reġa' ħareġ, kif għamel fis-snin preċedenti, riżerva orizzontali li tkopri d-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż kollha taħt is-Seba' Programm Kwadru (EUR 1,47 biljun); huwa tal-opinjoni li r-riżervi orizzontali ġeneralment ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala strument ta' ġestjoni finanzjarja tajba; jirrikonoxxi madankollu li ċerti partijiet min-nefqa taħt is-Seba' Programm Kwadru ma kinux koperti minn riżerva fejn kien hemm evidenza li r-riskji (u għaldaqstant ir-rati ta' żball residwu) kienu aktar baxxi b'mod sinifikanti milli kienu għan-nefqa kollha kemm hi; jinnota li fi ħdan l-iżvilupp tar-riċerka u tat-teknoloġija, dan japplika għall-infiq li jsir minn impriżi konġunti speċifiċi; jinnota li barra mid-DĠ RTD, dan japplika wkoll għall-infiq li jsir mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka taħt il-programm Marie Curie, u għall-infiq kollu li jsir mill-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka;

136.

Jinsab sorpriż li l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, fl-2015, ma pparteċipax fiċ-Ċentru ta' Appoġġ Komuni għar-riċerka u l-innovazzjoni;

137.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, skont il-kummissarju, is-Seba' Programm Kwadru mhux se jiġi kompletament eżegwit u evalwat qabel l-2020, u dan jista' jikkawża dewmien fil-programmi ta' segwitu fil-ġejjieni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika r-rapport ta' evalwazzjoni malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn qabel tippreżenta l-programm ta' riċerka għal wara Orizzont 2020;

Orizzont 2020

138.

Jinnota li, taħt Orizzont 2020, sa tmiem l-2015 kienu saru biss pagamenti bil-quddiem; iwissi lill-Kummissjoni li jekk il-proġett Orizzont 2020 jibda tard, dan jista' jdewwem l-implimentazzjoni tal-programm; iwissi li m'għandux ikun hemm arretrati finanzjarji fi tmiem il-programm;

139.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Qorti sabet li l-programmi pluriennali li jistabbilixxu objettivi politiċi, bħall-Istrateġija UE 2020 jew Orizzont 2020, filwaqt li jipprogressaw b'mod parellel, mhumiex verament ikkollegati (14);

140.

Jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-ewwel rapport ta' monitoraġġ dwar Orizzont 2020 jagħti biss ftit informazzjoni dwar l-effetti ta' sinerġija bejn il-programm u l-fondi strutturali (15); jappella lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar dawn l-effetti ta' sinerġija malli jsiru disponibbli r-riżultati tal-programm;

141.

Jinsab profondament imħasseb minħabba l-opinjoni tal-Qorti (16) li Orizzont 2020 mhuwiex orjentat biżżejjed lejn il-prestazzjoni;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

142.

Jeżiġi mill-ġdid, skont kif diġà għamel fir-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għall-2014 (17), li l-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lid-direttorati ġenerali kollha biex jippubblikaw kull rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi individwali li jkunu ħarġu fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fir-rapporti annwali tal-attività rispettivi tagħhom;

143.

Jappella lill-Istati Membri jagħmlu sforz addizzjonali bl-għan li jilħqu l-objettiv li 3 % tal-PDG jiġi investit fir-riċerka; iqis li dan kieku jagħti spinta lill-eċċellenza u l-innovazzjoni; jappella għalhekk lill-Kummissjoni biex teżamina l-possibbiltà li tipproponi “patt favur ix-xjenza” fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, billi tibni fuq id-dinamika li diġà nħolqot mill-Patt tas-Sindki; jappella lill-Istati Membri u lill-Parlament biex jagħmlu sforz anke permezz tal-baġit tal-Unjoni;

144.

Jappella lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni “L-output tal-innovazzjoni tal-UE”, peress li skont il-Kummissjoni stess, in-natura komposta tal-indikatur mhijiex adegwata biex jiġu stabbiliti l-objettivi (18);

145.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti segwitu b'mod partikolari lis-16-il każ ta' żbalji kwantifikabbli fejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali jew l-awdituri indipendenti kellhom biżżejjed informazzjoni biex jipprevjenu jew jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji qabel jaċċettaw in-nefqa; u, barra minn hekk, iħeġġiġha tinforma lill-kumitat responsabbli tiegħu fid-dettall dwar il-miżuri korrettivi li ttieħdu qabel tmiem Ottubru 2017;

146.

Jappella lill-Kummissjoni biex tinforma lill-kumitat responsabbli tiegħu fid-dettall dwar l-10 tranżazzjonijiet li kienu jirrappreżentaw 77 % tal-iżbalji u l-miżuri ta' rimedju meħuda;

147.

Jappella lill-Kummissjoni biex timmodernizza s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tagħha sabiex ir-riżervi orizzontali jsiru superfluwi; jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-kumitat responsabbli tiegħu dwar il-miżuri li jittieħdu qabel Novembru 2017;

148.

Jappella lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Qorti, tiċċara ulterjorment il-kollegamenti bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 (2010-2020), il-qafas finanzjarju pluriennali (2014-2020), u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni (2015-2019) permezz ta', pereżempju, l-proċess ta' ppjanar strateġiku u rapportar (2016-2020); iqis li dan kieku jsaħħaħ l-arranġamenti ta' monitoraġġ u rapportar u jippermetti li l-Kummissjoni tirrapporta b'mod effikaċi dwar il-kontribut tal-baġit tal-UE għall-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

Varji

149.

Jieħu nota tal-fatt li, taħt il-linja baġitarja 04 03 01 05 “Miżuri ta' tagħrif u taħriġ għall-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema”, l-għotjiet operattivi ġew attribwiti b'mod esklużiv għal żewġ istituti trejdunjonistiċi speċifiċi biss, l-Istitut Ewropew tat-Trejdjunjins u ċ-Ċentru Ewropew għall-Mistoqsijiet tal-Ħaddiema; ifakkar lill-Kummissjoni li l-għotjiet operattivi u s-sħubijiet qafas għandhom essenzjalment jiġu ttrattati bħala għotjiet u għaldaqstant jiġu soġġetti għal proċeduri miftuħa ta' sejħiet għal offerti u pubblikazzjoni; jesprimi t-tħassib ġenerali tiegħu rigward il-ġustifikazzjoni ta' tali prattiki ta' attribuzzjoni minħabba raġunijiet ta' monopolji de facto jew il-kompetenza teknika tal-korpi u grad għoli ta' speċjalizzazzjoni jew setgħa amministrattiva (Artikolu 190(1)(c) u (f) tar-Regoli ta' Applikazzjoni); iqis li jekk l-għotjiet operattivi jiġu attribwiti b'mod esklużiv u persistenti lil korpi għal dawn ir-raġunijiet, dan jista' effettivament iwassal għal tali monopolji de facto u grad għoli ta' kompetenzi tekniċi, speċjalizzazzjoni u setgħat, u għaldaqstant jiġġustifika ulterjorment l-attribuzzjoni esklużiva ta' għotjiet operattivi abbażi tal-Artikolu 190 tar-Regoli ta' Applikazzjoni;

150.

Ifakkar, f'dak ir-rigward, lill-Kummissjoni li l-eċċezzjonijiet mir-regoli dwar it-trasparenza u l-pubblikazzjoni hekk kif inhuma stabbiliti fl-Artikolu 125 u dawk segwenti tar-Regolament Finanzjarju għandhom jiġu interpretati u applikati b'mod restrittiv; jistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu ħilithom biex jiddefinixxu b'mod ċar kemm il-kalendarju taż-żmien u kemm il-kamp ta' applikazzjoni għall-eċċezzjonijiet mill-prinċipji ta' trasparenza u pubblikazzjoni, bl-għan ċar li jkomplu jrażżnu l-użu tagħhom;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

151.

Jitlob lill-Kummissjoni tapplika u tinterpreta b'mod restrittiv l-eċċezzjonijiet mir-regoli ta' trasparenza u pubblikazzjoni skont kif inhuma stabbiliti fl-Artikolu 125 u dawk segwenti tar-Regolament Finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod ċar kemm il-kalendarju taż-żmien u kemm il-kamp ta' applikazzjoni għall-eċċezzjonijiet mill-prinċipji ta' trasparenza u pubblikazzjoni, bl-għan ċar li tkompli trażżan l-użu tagħhom;

Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

UE 2020

152.

Jinnota l-fatt li, skont l-evalwazzjoni ex post 2007-2013 tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u Fond ta' Koeżjoni (FK) (19), kull EUR 1 ta' investiment tal-politika ta' koeżjoni se jiġġenera EUR 2,74 ta' PDG addizzjonali sal-2023; jilqa' l-fatt li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-fondi strutturali u ta' koeżjoni ġew investiti fl-innovazzjoni tal-intrapriżi żgħar u medji (EUR 32,3 biljun), appoġġ ġeneriku għall-intrapriżi (EUR 21,4 biljun), l-infrastruttura għar-riċerka u l-żvilupp teknoloġiku (EUR 17,5 biljun), l-investiment fit-trasport (EUR 82,2 biljun), l-investiment fl-enerġija (EUR 11,8 biljun), l-investiment ambjentali (EUR 41,9 biljun), l-investiment fil-kultura u t-turiżmu (EUR 12,2 biljun) u l-infrastruttura urbana u soċjali (EUR 28,8 biljun);

153.

Jilqa' l-fatt li, sa ċertu punt, il-FEŻR u l-FK kienu kapaċi jikkontrobattu l-effetti tal-kriżijiet finanzjarji tal-perjodu 2007-2008, u dan jindika li, mingħajr l-intervent tal-fondi strutturali, id-diverġenza ekonomika u soċjali fost ir-reġjuni Ewropej kienet tikber saħansitra aktar;

154.

Jilqa' r-riżultati li ntwera li kisbet il-politika ta' koeżjoni mill-evalwazzjonijiet ex post tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 fir-rigward tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020:

mill-FEŻR u l-FK: taħt il-Miri Ewlenin 1 “Impjiegi” u 2 “Riċerka u Żvilupp, u Innovazzjoni”, inħolqu 41 600 impjieg fil-qasam tar-riċerka u ngħata appoġġ lill 400 000 intrapriża ta' daqs żgħir u medju; taħt il-Mira Ewlenija 3 “Tibdil fil-klima u Enerġija”, ġiet iġġenerata kapaċità addizzjonali ta' 3 900 MW ta' produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli;

mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE): taħt il-Mira Ewlenija 1 “Impjiegi”, minn tal-anqas 9,4 miljun persuna sabu impjieg (u minn dawn, aktar minn 300 000 persuna li ngħataw appoġġ bdew jaħdmu għal rashom); taħt il-Mira Ewlenija 4 “Edukazzjoni”, minn tal-anqas 8,7 miljun persuna kisbu kwalifika/ċertifikat;

155.

Jinnota, madankollu, li ftit ħafna mill-programmi kienu ffokati fuq ir-riżultati jew l-impatt imkejjel; għalhekk ftit li xejn huwa magħruf dwar is-sostenibbiltà tal-investimenti;

156.

Jirrileva, madankollu, l-fatt li, fl-2015, ftit ħafna mill-programmi kienu ffokati fuq ir-riżultati jew l-impatt imkejjel; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi s-sett ta' indikaturi meħtieġa biex timplimenta l-baġit abbażi tar-riżultati u tilħaq qbil dwarhom fil-livell interistituzzjonali; jinnota madankollu li f'dan l-istadju, ftit li xejn huwa magħruf dwar is-sostenibbiltà u l-valur miżjud Ewropew tal-investimenti;

157.

Jiddispjaċih li ma ġiex informat rigward il-miżuri li l-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jieħdu fil-kuntest tas-Semestru Ewropew; jappella lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew rigward il-miżuri li ħadu l-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew;

158.

Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-Qorti kienet diġà indikat li se jkun hemm dewmien fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 fir-rapport annwali tagħha għall-2014; u li, madankollu, fi tmiem l-2015, kienu nħatru inqas minn 20 % tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew: kwistjonijiet ġenerali

159.

Jilqa' l-fatt li l-Qorti allinjat il-kapitoli fir-rapport annwali tagħha mal-intestaturi taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali; huwa tal-opinjoni li, madankollu, il-fondi taħt din l-intestatura huma ta' tali importanza finanzjarja — EUR 28,3 biljun għall-FEŻR; EUR 12,1 biljun għall-FK; EUR 10,3 biljun għall-FSE) li l-istrateġija ta' awditjar tal-Qorti jmissha żżomm lill-FEŻR u lill-FK, fuq in-naħa waħda, u lill-FSE, fuq in-naħa l-oħra, identifikabbli;

160.

Jinsab imħasseb li, b'mod partikolari lejn tmiem perjodu ta' programmazzjoni, l-Istati Membri ffokaw fuq l-assorbiment tal-fondi disponibbli taħt il-pakketti nazzjonali minflok fuq l-ilħuq tal-objettivi tal-politiki; jappella lill-Kummissjoni biex tgħin lil dawk l-Istati Membri li jkollhom l-agħar prestazzjoni permezz ta' assistenza teknika, b'mod speċjali fi tmiem il-perjodu finanzjarju;

161.

Jinsab anzjuż biex is-16-il Stat Membru li għadhom ma ttrasponewx id-direttiva dwar l-akkwist pubbliku (20), id-19-il Stat Membru li għadhom ma ttrasponewx id-direttiva dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (21) u s-17-il Stat Membru li għadhom ma ttrasponewx id-direttiva dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (22) dan jagħmluh malajr kemm jista' jkun peress li d-direttivi huma mmirati lejn semplifikazzjoni ulterjuri; jappella lill-Kummissjoni biex tivverifika l-progress f'dawn l-oqsma;

162.

Jirrileva l-importanza tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: sal-aħħar ta' Novembru 2015, qrib it-320 000 persuna żagħżugħa kienu ġew inklużi f'azzjonijiet mogħtija appoġġ mill-Inizjattiva u 18 minn 22 Stat Membru kienu nedew azzjonijiet fl-ambitu tagħha; 28 % tal-finanzjament disponibbli taħt l-Inizjattiva kien ġie impenjat, 20 % kien ingħata taħt kuntratt lill-benefiċjarji u 5 % kien tħallas lill-benefiċjarji; jinnota li tliet Stati Membri kienu għadhom ma impenjaw l-ebda finanzjament sal-aħħar ta' Novembru 2015 (Spanja, l-Irlanda u r-Renju Unit);

163.

Jieħu nota tar-riżultati preliminari mill-implimentazzjoni tal-FSE u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2014-2015, u tal-ammont ta' 2,7 miljun parteċipant li ħadu sehem fl-attivitajiet tal-FSE u tal-Inizjattiva, inklużi 1,6 miljun persuna qiegħda u 700 000 persuna inattiva;

164.

Jiddispjaċih, fl-istess ħin, li jidher li studju inizjali (23) jindika wkoll nuqqas ta' effikaċja fis-servizzi mogħtija u nuqqasijiet fil-ġbir ta' data f'xi Stati Membri.

Is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll

165.

Jinnota li, fl-2015, aktar minn 80 % tal-pagamenti kienu pagamenti interim għall-programmi operattivi tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, li l-perjodu ta' eliġibbiltà għalih intemm fil-31 ta' Diċembru 2015; il-pagamenti bil-quddiem għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ammontaw għal madwar EUR 7,8 biljun;

166.

Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, fl-Italja, kien hemm dewmien inaċċettabbli fil-pagamenti lit-trainees taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja s-sitwazzjoni u tfassal pjan ta' azzjoni speċifiku għal dawk l-Istati Membri fejn qed isseħħ din il-problema;

167.

Jirrikonoxxi li l-Qorti eżaminat 223 tranżazzjoni (120 tranżazzjoni kellhom x'jaqsmu mal-FEŻR, 52 mal-FK u 44 mal-FSE);

168.

Jinsab preokkupat dwar il-fatt li l-Qorti kkwantifikat li l-livell ta' żball stmat kien ta' 5,2 % (fl-2014: 5,7 %); jinsab allarmat li, kif ġara fis-snin preċedenti, il-Qorti kellha tikkonkludi li “Fi 18-il każ ta' żbalji kwantifikabbli li saru mill-benefiċjarji, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom informazzjoni suffiċjenti biex jipprevienu, jew biex jaqbdu u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jiddikjaraw l-infiq lill-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw l-informazzjoni kollha biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivverifika jekk l-Istati Membri humiex qed jużaw l-informazzjoni kollha biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji; Li kieku din l-informazzjoni kollha kienet intużat, il-livell ta' żball stmat għal dan il-kapitolu kien ikun aktar baxx b'2,4 punti perċentwali” (24);

169.

Jieħu nota tal-fatt li, fl-ambitu tal-infiq taħt il-FEŻR/FK, il-Qorti identifikat li r-riskji prinċipali għar-regolarità kienu li, fuq naħa waħda, il-benefiċjarji jiddikjaraw spejjeż li jkunu ineliġibbli skont ir-regoli nazzjonali dwar l-eliġibbiltà u/jew id-dispożizzjonijiet anqas numerużi dwar l-eliġibbiltà fir-regolamenti tal-Unjoni dwar il-fondi strutturali jew li, fuq in-naħa l-oħra, jkun hemm nuqqas ta' konformità mar-regoli fil-livell tal-Unjoni u/jew nazzjonali dwar l-akkwist pubbliku meta jkunu qed jingħataw il-kuntratti; l-istima tal-Kummissjoni hija li r-riskju ta' żball f'dan il-qasam ta' politika huwa bejn it-3 % u l-5,6 %;

170.

Jieħu nota tal-fatt li, fil-qasam tal-infiq taħt il-FSE, il-Qorti identifikat li r-riskju prinċipali għar-regolarità kellu x'jaqsam man-natura intanġibbli tal-investimenti f'kapital uman u l-involviment ta' sħab moltepliċi, ta' spiss fuq skala żgħira, fl-implimentazzjoni tal-proġetti; l-istima tal-Kummissjoni hija li r-riskju ta' żball f'dan il-qasam ta' politika huwa bejn it-3 % u l-3,6 %;

171.

Jinnota b'dispjaċir li wieħed mis-sorsi ewlenin ta' żbalji relatati mal-infiq taħt l-intestatura “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” għadu l-ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku; jindika li ksur serju tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku jinkludi l-għoti dirett ta' kuntratti addizzjonali jew xogħlijiet jew servizzi addizzjonali li għalihom ma tkun ingħatat l-ebda ġustifikazzjoni, l-esklużjoni illegali ta' offerenti, il-kunflitti ta' interess u kriterji tal-għażla diskriminatorji; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm politika ta' trasparenza sħiħa fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-kuntratturi u s-sottokuntratturi, bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-iżbalji u l-abbużi tar-regoli;

172.

Jissottolinja li s-semplifikazzjoni, inklużi l-għażliet ta' spejjeż semplifikati, tnaqqas ir-riskju ta' żball; jindika, madankollu, il-fatt li l-awtoritajiet maniġerjali huma anzjużi dwar ammont ta' xogħol addizzjonali, inċertezzi legali u r-riskju li kwalunkwe irregolarità tiġi kkunsidrata bħala żball sistemiku;

173.

Jilqa' l-fatt li r-rapporti annwali ta' kontroll tal-Istati Membri saru aktar affidabbli tul is-snin: f'14-il każ FEŻR/FK biss ir-rata ta' żball li rrapportaw l-Istati Membri kien aġġustat b'aktar minn 2 %;

174.

Jiddispjaċih li d-DĠ REGIO ra l-ħtieġa li joħroġ 67 riżerva (tnaqqis minn 77) minħabba sistemi ta' ġestjoni u kontroll inaffidabbli fi 13-il Stat Membru u riżerva waħda rigward il-Programm Transkonfinali bejn Greċja u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja taħt l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni; mis-67 programm taħt riżerva, 22 jistgħu jiġu allokati lil Spanja, 10 lill-Ungerija u 7 lill-Greċja; sadattant, huwa stmat li l-impatt finanzjarju ta' dawn ir-riżervi naqas minn EUR 234 miljun fl-2014 għal EUR 231 miljun fl-2015 għall-FEŻR/FK;

175.

Jiddispjaċih ukoll li d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni (DĠ EMPL) ħareġ 23 riżerva (tnaqqis minn 36) minħabba sistemi ta' ġestjoni u kontroll inaffidabbli fi 11-il Stat Membru; jieħu nota tal-fatt li huwa stmat li l-impatt finanzjarju ta' dawn ir-riżervi naqas minn EUR 169,4 miljun fl-2014 għal EUR 50,3 miljun fl-2015 għall-FSE;

176.

Jappoġġa l-pjanijiet tal-Kummissjoni li t-titjib tal-evalwazzjonijiet tal-impatt tal-programmi taħt il-politika ta' koeżjoni jmissu jsir prijorità (25); jistaqsi lill-Kummissjoni kif il-konklużjonijiet se jiġu inkorporati f'leġiżlazzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss.

L-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja

177.

Jinnota li l-awtoritajiet maniġerjali tal-Istati Membri rrapportaw li, b'kollox, fi tmiem l-2015 kienu qed joperaw 1 052 strument ta' inġinerija finanzjarja (inklużi 77 fond ta' investiment u 975 fond speċifiku): l-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja għall-intrapriżi jirrappreżentaw 89 %, il-proġetti ta' żvilupp urban 7 % u l-fondi għall-effiċjenza enerġetika/enerġiji rinnovabbli 4 %;

178.

Jinsab konxju li dawk l-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja ġew stabbiliti f'25 Stat Membru (l-Istati Membri kollha ħlief l-Irlanda, il-Lussemburgu u l-Kroazja) u rċevew appoġġ finanzjarju minn 188 programm operattiv, inkluż programm operattiv wieħed ta' kooperazzjoni transkonfinali;

179.

Jirrikonoxxi li l-valur totali tal-kontribuzzjonijiet mill-programmi operattivi li tħallsu lill-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja ammontaw għal EUR 16,9 biljun, inklużi EUR 11,7 biljun f'fondi strutturali (FEŻR u FSE); jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-pagamenti għad-destinatarji finali laħqu EUR 12,7 biljun sa tmiem l-2015, u li EUR 8,6 biljun minnhom kienu mill-fondi strutturali, biex b'hekk intlaħqet rata ta' assorbiment ta' kważi 75 % tal-ammonti mill-programmi operattivi li tħallsu lill-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja;

180.

Jirrimarka li destinatarji fil-Polonja, l-Ungerija, l-Italja u Franza huma l-benefiċjarji ewlenin tal-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja;

181.

Jikkondividi l-fehma tal-Qorti li l-Kummissjoni jmissha tiżgura li l-infiq kollu relatat ma' strumenti finanzjarji taħt il-FEŻR u l-FSE għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 jiġi inkluż minn kmieni biżżejjed fid-dikjarazzjonijiet ta' għeluq b'mod li jippermetti li l-awtoritajiet tal-awditjar iwettqu l-kontrolli tagħhom; iqis, barra minn hekk, li l-Kummissjoni jmissha tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li implimentaw strumenti finanzjarji biex iwettqu awditi speċifiċi dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrumenti fil-prospettiva tal-għeluq;

182.

Jinsab profondament preokkupat dwar il-fatt li l-kumplessità finanzjarja ġġenerati minn aktar minn 1 000 strument ta' inġinerija finanzjarja tikkostitwixxi sehem kbir mill-“galassji ta' baġits” li jagħmluha impossibbli li jingħata rendikont demokratiku.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

183.

Jinsab profondament imħasseb dwar il-fatt li l-konklużjonijiet tal-Qorti fir-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tagħha dwar “L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji — tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013” żvelaw li l-ispejjeż u l-imposti għall-fondi ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment/Fond Ewropew tal-Investiment li jimplimentaw strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża huma ġeneralment ogħla, u jinkoraġġixxi lill-Qorti biex twettaq awditu simili għall-perjodu attwali;

184.

Jappella lill-Kummissjoni biex mill-2018 tibda tippreżenta, annwalment, sa Ġunju ta' kull sena, rapport dwar l-implimentazzjoni sa mill-bidu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali u dwar il-qagħda attwali, inklużi r-riżultati miksuba, tal-istrumenti finanzjarji kollha ġestiti u implimentati mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li joperaw b'riżorsi mill-baġit tal-UE, biex tużah fil-proċedura ta' kwittanza.

Każijiet speċifiċi

185.

Jinnota li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) nieda investigazzjonijiet amministrattivi, bħal pereżempju fil-Ġermanja fir-rigward tal-Grupp Volkswagen abbażi tal-iskandlu tal-emissjonijiet, fi Franza fir-rigward tal-Front Nazzjonali u l-President tiegħu, u fir-Repubblika Ċeka fir-rigward tal-proġett magħruf bħala “Bejta taċ-Ċikonji” abbażi ta' allegazzjonijiet ta' irregolaritajiet; jappella lill-Kummissjoni biex tinforma lill-kumitat responsabbli tiegħu immedjatament malli titlesta l-investigazzjoni;

186.

Jinsab profondament imħasseb dwar il-fatt li, fl-Ungerija, il-Qorti u d-DĠ REGIO skoprew irregolaritajiet serji relatati mal-kostruzzjoni tal-linja tal-metro nru 4 f'Budapest; jinnota li abbażi ta' inkjesta amministrattiva li bdiet issir mill-OLAF fl-2012 u li ġiet konkluża biss dan l-aħħar minħabba n-natura kumplessa tal-każ, il-Kummissjoni jista' jkollha tirkupra EUR 228 miljun u l-BEI jista' jkollu jirkupra EUR 55 miljun; il-ġestjoni ħażina ġiet skoperta fil-livell tal-proġett; josserva li r-rapport tal-OLAF dwar il-każ jirrakkomanda wkoll li jkun hemm segwitu ġudizzjarju fl-Ungerija u fir-Renju Unit; jappella lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-kumitat responsabbli tiegħu regolarment informat dwar il-progress li jkun sar u dwar il-miżuri meħuda;

187.

Jiddeplora l-fatt li l-gvern Rumen adotta ordinanza li setgħet xeklet it-tmexxija ta' ġlieda effikaċi kontra l-korruzzjoni u li, barra minn hekk, setgħet offriet il-possibbiltà li tingħata maħfra lil dawn il-politiċi li setgħu kienu implikati f'atti illegali; iqis li tali miżuri leġiżlattivi ġodda jista' jkollhom impatt negattiv ħafna fuq it-tentattiv tal-Kummissjoni li tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni peress li r-Rumanija hija destinatarju importanti ta' fondi strutturali; jappella lill-Kummissjoni biex tinforma lill-kumitat responsabbli tiegħu dwar il-miżuri li tkun ħadet biex tindirizza s-sitwazzjoni;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

188.

Jeżiġi mill-ġdid, skont kif diġà għamel fir-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni għall-2014 (26), li l-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lid-direttorati ġenerali kollha biex jippubblikaw kull rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi individwali li jkunu ħarġu fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fir-rapporti annwali tal-attività rispettivi tagħhom;

189.

Jitlob lill-Qorti biex iżżomm lill-FEŻR u lill-FK, fuq in-naħa waħda, u lill-FSE, fuq in-naħa l-oħra, identifikabbli separatament fl-istrateġija ta' awditjar tagħha, minħabba l-importanza finanzjarja tagħhom;

190.

Jappella lill-Kummissjoni biex:

tiżgura li jiġu rinforzati s-sistemi ta' ġestjoni u kontroll ikkonċernati fil-15-il Stat Membru (27) li wrew dgħufijiet, u tirrapporta bil-miktub dwar l-isforzi tagħha lill-kumitat responsabbli tiegħu qabel Ottubru 2017;

tiċċara d-distinzjoni bejn it-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rekuperabbli u dik li ma tkunx;

tirrapporta dwar l-ammont li jkun ġie diżimpenjat (pajjiż, fond, ammont) wara li l-perjodu finanzjarju 2007-2013 ikun wasal fi tmiemu;

tipproponi, bi qbil mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti, meta tkun qed tħejji l-proposta leġiżlattiva tagħha għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, l-aġġornamenti neċessarji għall-mekkaniżmu għat-tfassil u t-twassil tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, waqt li tqis ukoll is-suġġerimenti tal-grupp ta' livell għoli dwar is-semplifikazzjoni biex issaħħaħ il-kontribut mill-politika ta' koeżjoni għall-indirizzar tal-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri tal-Unjoni; jappella lill-Kummissjoni biex tħejji komunikazzjoni dwar din il-kwistjoni fi stadju bikri;

tipprevedi indikaturi tal-prestazzjoni aktar maneġġevoli u miżurabbli għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, peress li l-Parlament jattribwixxi l-istess importanza għall-kontrolli tal-legalità u tar-regolarità, fuq in-naħa l-waħda, u għall-prestazzjoni, fuq in-naħa l-oħra;

tipprevedi trasparenza sħiħa u aċċess għad-dokumentazzjoni kollha għall-ħidma infrastrutturali ffinanzjata mill-Unjoni, waqt li tagħti attenzjoni partikolari għad-data relatata mal-kuntratturi u s-sottokuntratturi;

191.

Jappoġġa kompletament il-fehma tal-Kummissarju Oettinger meta ddikjara li, fuq żmien twil, l-istrumenti finanzjarji u l-baġits moħbija jridu jerġgħu jinġiebu taħt il-kappa tal-baġit tal-Unjoni, peress li dan kieku jkun ifisser li l-Kummissjoni jkollha tagħti rendikont ta' għemilha lill-Parlament; jappella lill-Kummissjoni biex tħejji komunikazzjoni dwar din il-kwistjoni qabel Novembru 2017;

Il-Politika Agrikola Komuni

192.

Ifakkar li l-iskemi ta' għajnuna diretta li ġew introdotti permezz tar-riforma tal-PAK fl-2013 ma daħlux fis-seħħ qabel is-sena tat-talba 2015 u li dan ir-rapport jirrigwarda l-infiq tas-sena baġitarja 2015, li jikkorrispondi għall-applikazzjonijiet għal għajnuna diretta li ġew ippreżentati fl-2014, l-aħħar sena tal-iskemi tal-PAK preċedenti.

Kwistjonijiet ta' konformità

193.

Jindika li, fis-sena finanzjarja 2015, għall-Intestatura 2 “Riżorsi Naturali” tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, il-livell ta' żball stmat tal-Qorti huwa ta' 2,9 %; jinnota li dan il-livell huwa simili għal dak tal-2014, meta titqies il-bidla fl-approċċ tal-Qorti fir-rigward tal-iżbalji ta' kundizzjonalità li m'għadhomx inklużi fir-rata ta' żball;

194.

Jappella għalhekk lill-Kummissjoni biex, bil-ħsieb li ttejjeb l-obbligu ta' rendikont u tirrapporta fil-livelli maniġerjali superjuri, teżamina l-possibbiltà ta' applikazzjoni aktar flessibbli u effiċjenti tar-regola dwar il-mobbiltà interna tal-managers fil-każijiet fejn żmien twil fil-kariga jikkorrispondi ma' rati ta' żball għoljin li jiġu nnotati b'mod kostanti mill-Qorti u ma' riżervi sostnuti rigward ir-riżultati tal-ġestjoni fis-servizzi kkonċernati;

195.

Jindika li għal “Appoġġ tas-suq u għajnuna diretta”, l-istima tar-rata ta' żball li għamlet il-Qorti hija ta' 2,2 %, kemmxejn ogħla mis-soll ta' materjalità ta' 2 % (l-istess livell bħal tal-2014), filwaqt li għal “Żvilupp rurali u politiki oħra”, il-livell ta' żball stmat baqa' għoli f'livell ta' 5,3 % iżda huwa anqas mil-livell ta' 6 % li ġie stmat is-sena li għaddiet;

196.

Jisħaq li l-iżbalji fil-qasam tal-appoġġ dirett kienu kważi kollha dovuti għad-dikjarazzjoni ta' numru eċċessiv ta' ettari eliġibbli, minkejja l-fatt li l-affidabbiltà tad-data fis-Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Irqajja' tal-Art ilha dawn l-aħħar snin titjieb kontinwament, u jindika li, fil-qasam tal-iżvilupp rurali, nofs l-iżbalji kienu kkawżati mill-fatt li l-benefiċjarju jew il-proġett ma kinux eliġibbli, 28 % minn kwistjonijiet relatati mal-akkwist u 8 % minn ksur ta' impenji agroambjentali;

197.

Jiddispjaċih b'qawwa li, għaż-żewġ oqsma, l-appoġġ dirett u l-iżvilupp rurali, l-awtoritajiet nazzjonali setgħu naqqsu l-livell ta' żball għal livell qrib jew inqas il-materjalità (28), peress li jew kellhom biżżejjed informazzjoni biex jidentifikaw l-iżball jew kienu huma stess li għamluh l-iżball; iħeġġeġ lill-Istati Membri jisfruttaw l-informazzjoni kollha disponibbli biex jipprevjenu, jidentifikaw u jikkoreġu kwalunkwe żball u biex jaġixxu konsegwentement;

198.

Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni naqqset b'mod sinifikanti l-għadd ta' proċeduri ta' konformità miftuħa: minn 192 fl-2014 għal 34 fl-2015, u li, b'segwitu għal tibdiliet fil-leġiżlazzjoni mfassla biex jirrazzjonalizzaw il-proċedura, il-Kummissjoni issa tissorvelja iktar mill-qrib iċ-ċiklu ta' awditjar b'mod li tikkonforma mal-iskadenzi interni u esterni.

L-awtoritajiet maniġerjali

199.

Jiddispjaċih li l-Qorti sabet nuqqasijiet li jolqtu wħud mill-funzjonijiet ta' kontroll kruċjali tal-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri u li dawn kellhom x'jaqsmu:

(a)

fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija:

mas-Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Irqajja' tal-Art, mal-kontrolli amministrattivi;

mal-kwalità tal-ispezzjonijiet fuq il-post;

man-nuqqas ta' konsistenza fid-definizzjoni tal-parametri biex l-art tinżamm f'kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba; u

mal-proċeduri ta' rkupru għall-pagamenti inkorretti;

(b)

fir-rigward tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali:

man-nuqqasijiet fil-kontrolli amministrattivi relatati mal-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-akkwist pubbliku;

(c)

fir-rigward tal-kundizzjonalità: mal-affidabbiltà tal-istatistika ta' kontroll u t-teħid ta' kampjuni;

L-affidabbiltà tad-data kkomunikata mill-Istati Membri

200.

Jinnota li, fl-2015, għall-ewwel darba, il-korpi ta' ċertifikazzjoni ġew rikjesti jaċċertaw il-legalità u r-regolarità tal-infiq; jiddispjaċih li l-Kummissjoni setgħet tuża l-ħidma ta' dawn il-korpi b'mod limitat biss minħabba d-dgħufijiet sinifikanti fil-metodoloġija u fl-implimentazzjoni bħal pereżempju:

strateġiji ta' awditjar inadegwati;

teħid ta' kampjuni żgħar wisq;

insuffiċjenza ta' ħiliet u għarfien espert fil-qasam legali min-naħa tal-awdituri tal-Korpi ta' Ċertifikazzjoni;

201.

Jiddispjaċih profondament dwar il-fatt li għad hemm problema dwar l-affidabbiltà tad-data kkomunikata mill-Istati Membri, bħal pereżempju:

(a)

fil-pagamenti diretti:

id-DĠ AGRI għamel aġġustamenti (pagamenti supplimentari) għal 12 minn 69 aġenzija tal-pagamenti, b'rata ta' żball ta' aktar minn 2 % (iżda l-ebda minnhom ma kellha aktar minn 5 %) filwaqt li aġenzija tal-pagamenti waħda biss inizjalment ikkwalifikat id-dikjarazzjoni tagħha;

id-DĠ AGRI ħareġ riżervi għal 10 aġenziji tal-pagamenti: 3 għal Spanja, waħda kull wieħed għal Franza, il-Bulgarija, Ċipru, l-Italja (il-Kalabrija), ir-Rumanija u waħda kull wieħed għal Spanja u Franza għall-POSEI (Programm ta' Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità indrizzat lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi);

(b)

fil-qasam rurali:

id-DĠ AGRI għamel aġġustamenti (pagamenti supplimentari) għal 36 minn 72 aġenzija tal-pagamenti u f'14-il każ, ir-rata ta' żball aġġustata kienet akbar minn 5 %;

id-DĠ AGRI ħareġ riżerva għal 24 aġenzija tal-pagamenti li tinkludi 18-il Stat Membru: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja (4 aġenziji tal-pagamenti), il-Latvja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Iżvezja, Spanja (3 aġenziji tal-pagamenti) u r-Renju Unit (2 aġenziji tal-pagamenti);

barra minn hekk id-DĠ AGRI ħareġ riżervi fir-rigward tal-akkwist pubbliku għal 2 Stati Membri: il-Ġermanja u Spanja;

202.

Jisħaq li, fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija, ir-rati ta' żball stabbiliti mid-DĠ AGRI u l-Qorti jvarjaw bejniethom (29), filwaqt li fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, ir-rata ta' żball aġġustata ta' 4,99 % li indika d-DĠ AGRI hija ġeneralment konformi mal-livell ta' żball stmat mill-Qorti;

Kwistjonijiet ta' prestazzjoni

203.

Jinnota li, kif għamlet fl-2014, il-Qorti eżaminat kwistjonijiet relatati mal-prestazzjoni għal tranżazzjonijiet magħżula fil-qasam tal-iżvilupp rurali, u jinsab imħasseb dwar il-fatt li ma kienx hemm biżżejjed evidenza li l-ispejjeż kienu raġonevoli fl-44 % tal-proġetti u l-fatt li kien hemm nuqqasijiet fl-indirizzar tal-miżuri u fl-għażla tal-proġetti, inklużi kollegamenti dgħajfa mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jappella lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri kollha possibbli biex ittejjeb din is-sitwazzjoni inkwetanti.

L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni

204.

Jinsab imħasseb dwar l-affidabbiltà tad-data li l-Kummissjoni użat biex tkejjel l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni Nru 1 (KPI 1) kif ġie definit mid-DĠ AGRI fir-rigward tal-introjtu mill-fatturi agrikoli; jemmen li x-xejra attwali fil-biedja part time minħabba l-prezzijiet baxxi tal-prodotti bażiċi mhijiex qed tiġi rrappreżentata b'mod preċiż; jinnota b'mod partikolari li:

(a)

il-Kummissjoni ma tistax tipprovdi ċifri preċiżi tal-bdiewa li ħallew l-impjieg tagħhom fl-2015 minħabba l-kriżi fis-setturi tal-prodotti tal-ħalib u tal-laħam tal-majjal peress li m'għandhiex data faċilment disponibbli dwar parteċipanti ġodda fis-settur jew dwar in-numru ta' bdiewa li ħallewh (mistoqsijiet bil-miktub nri 1 u 3 mis-smigħ tal-Kummissarju Hogan tad-29 ta' Novembru 2016);

(b)

is-sena 2013 kienet l-aħħar waħda li għaliha hemm disponibbli ċifri dwar in-numru ta' farms: 10 841 000 farms mmexxija minn bidwi wieħed f'kull każ;

(c)

in-numru tad-destinatarji mill-ewwel pilastru tal-PAK fl-2015 kien ta': 7 246 694 bidwi fl-Unjoni u 127 268 benefiċjarji mogħtija appoġġ fl-ambitu ta' intervent fis-suq;

(d)

l-introjtu mill-fatturi agrikoli jiġi kkalkulat għal kull “unità ta' xogħol annwali” li tikkorrispondi għall-ħidma li ssir minn persuna waħda li tkun okkupata f'azjenda agrikola fuq bażi full time, u l-forza tax-xogħol agrikola totali fit-28 Stat Membru fl-2013 kienet ekwivalenti għal 9,5 miljun unità ta' xogħol annwali, u minn dawn 8,7 miljun (92 %) kienu ħaddiema regolari (30)  (31);

(e)

il-Qorti, fir-Rapport Speċjali Nru 1/2016 tagħha, ikkonkludiet li s-sistema tal-Kummissjoni biex tkejjel il-prestazzjoni tal-PAK fir-rigward tal-introjtu tal-bdiewa mhijiex imfassla tajjeb biżżejjed, u li l-kwantità u l-kwalità tad-data statistika li ntużat biex jiġi analizzat l-introjtu tal-bdiewa għandhom limitazzjonijiet sinifikanti;

205.

Jibża' li l-Kummissjoni mhijiex mgħammra tajjeb biex tipprovdi data annwali komprensiva rigward l-Indikatur Ewlieni tal-Prestazzjoni Nru 1, u lanqas — b'riżultat ta' dan — biex tissorvelja b'mod preċiż u komprensiv l-evoluzzjoni tal-introjtu tal-bdiewa;

206.

Jikkunsidra li l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni Nru 4 dwar ir-rata tal-impjiegi fil-qasam tal-iżvilupp rurali mhuwiex rilevanti, peress li r-rata tal-impjiegi fil-qasam tal-iżvilupp rurali ma tiġix biss influwenzata mill-miżuri tal-PAK u anke peress li l-objettiv li jinżammu u jinħolqu l-impjiegi rurali huwa kondiviż ma' ħafna strumenti oħra, b'mod partikolari l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej l-oħra;

PAK ġusta

207.

Jisħaq fuq id-differenzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-introjtu medju tal-bdiewa (32) u jfakkar li s-sena l-oħra, il-Parlament sab li “mhuwiex sostenibbli li […] 44,7 % tal-azjendi agrikoli kollha tal-Unjoni […] għandhom introjtu ta' inqas minn EUR 4 000 fis-sena[, li] bħala medja 80 % tal-benefiċjarji tal-appoġġ dirett tal-PAK jirċievu madwar 20 % tal-pagamenti, u […] 79 % tal-benefiċjarji tal-appoġġ dirett tal-PAK jirċievu EUR 5 000 jew inqas fis-sena” (33);

208.

Jieħu nota tal-fatt li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ AGRI rrapporta f'paġna mir-rapport annwali tal-attività tiegħu għall-2015 dwar “Ix-xejriet fid-distribuzzjoni tal-pagamenti diretti” u saħaq għal darb'oħra li huwa f'idejn l-Istati Membri li jużaw l-alternattivi li pprovdiet ir-riforma tal-PAK fl-2013 biex jiddistribwixxu mill-ġdid is-sussidji tal-PAK;

209.

Jikkunsidra li l-pagamenti diretti ma jiżvolġux kompletament ir-rwol tagħhom ta' mekkaniżmu li jservi ta' xibka ta' sikurezza għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu tal-farms, b'mod partikolari għall-farms ta' daqs iżgħar, peress li d-distribuzzjoni żbilanċjata attwali tal-pagamenti twassal biex l-20 % tal-farms kollha fl-Unjoni jirċievu t-80 % tal-pagamenti diretti kollha, u dan ma jirriflettix il-livell ta' produzzjoni imma qed jintiret mill-fatt li l-Istati Membri għadhom jibbażaw il-pagamenti fuq kriterji storiċi, għalkemm jirrikonoxxi li d-daqs tal-farms, kbir jew żgħir, jiddependi minn kull Stat Membru; huwa tal-opinjoni li l-farms ta' daqs akbar mhux bilfors ikollhom bżonn l-istess grad ta' appoġġ għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu tal-farms bħal dawk ta' daqs iżgħar fi żminijiet meta l-introjtu jkun volatili peress li jistgħu jibbenefikaw mill-ekonomiji ta' skala li x'aktarx iġibuhom aktar reżiljenti; jikkunsidra li, jekk jitqiegħed limitu massimu fuq il-pagamenti diretti, kif ipproponiet inizjalment il-Kummissjoni u kif qabel il-Parlament, dan jista' jipprovdi biżżejjed riżorsi finanzjarji biex il-PAK issir aktar ġusta.

Il-bijokarburanti

210.

Jindika li, skont il-konklużjonijiet li rrapportat il-Qorti fir-Rapport Speċjali Nru 18/2016 tagħha dwar is-sistema tal-Unjoni għaċ-ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti sostenibbli, is-sistema ta' ċertifikazzjoni tal-Unjoni għas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti mhijiex kompletament affidabbli u kienet suxxettibbli għal frodi peress li l-Kummissjoni ħarġet deċiżjonijiet ta' rikonoxximent lil skemi volontarji li ma kellhomx proċedura ta' verifika xierqa biex jiżguraw li l-oriġini tal-bijokarburanti prodotti mill-iskart kienet tassew l-iskart.

Is-semplifikazzjoni

211.

Jinsisti fuq il-fatt li, fir-Rapport Speċjali Nru 25/2016 tagħha, il-Qorti vverifikat jekk is-Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Irqajja' tal-Art ippermettiex li l-Istati Membri jivverifikaw b'mod affidabbli l-kejl u l-eliġibbiltà tal-artijiet iddikjarati mill-bdiewa, u jekk is-sistemi kinux qed jiġu adattati biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-PAK 2014-2020, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-obbligi marbuta mal-ekoloġizzazzjoni;

212.

Jinsab imħasseb minħabba l-konklużjonijiet tal-Qorti li sitt bidliet kbar li potenzjalment jolqtu lis-Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Irqajja' tal-Art ġew introdotti f'Mejju 2015 u li l-kumplessità tar-regoli u tal-proċeduri rikjesti biex jiġu ttrattati dawk il-bidliet kompliet iżżid il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri.

L-aġenzija tal-pagamenti Ċeka

213.

Jitlob lill-Kummissjoni tħaffef il-proċedura ta' approvazzjoni tal-konformità li nfetħet fit-8 ta' Jannar 2016 sabiex tikseb informazzjoni dettaljata u preċiża dwar ir-riskju ta' kunflitt ta' interess li jikkonċerna l-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu fir-Repubblika Ċeka; jieħu nota tal-fatt li, jekk ir-riżoluzzjoni ta' kunflitt ta' interess ma tirnexxix, fl-aħħar mill-aħħar dan jista' jwassal biex l-akkreditament tal-aġenzija tal-pagamenti jiġi rtirat mill-awtorità kompetenti jew biex il-Kummissjoni timponi korrezzjonijiet finanzjarji, u jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament mingħajr dewmien jekk, fi tmiem il-proċedura ta' approvazzjoni tal-konformità, id-DĠ AGRI jittrażmetti informazzjoni relatata ma' każijiet possibbli ta' frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni lill-OLAF;

Inkjesta dwar l-approvazzjoni tal-konformità

214.

Jikkunsidra li s-semplifikazzjoni tal-PAK u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-aġenziji tal-pagamenti jmisshom ikunu prijoritajiet għall-Kummissjoni fis-snin li ġejjin; jikkunsidra wkoll li, filwaqt li l-Kummissjoni jmissha tagħmel ħilitha biex iżżomm ix-xejra pożittiva fl-effiċjenza tal-ġestjoni tagħha tal-PAK u r-rati ta' żball tal-PAK billi tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq iż-żamma tal-kapaċità korrettiva tagħha u fuq l-azzjonijiet korrettivi li jridu jittieħdu mill-Istati Membri, imissha tikkunsidra li toqgħod lura milli tibda inkjesti dwar l-approvazzjoni tal-konformità ta' ambitu minuri jew milli tkomplihom;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

215.

Jappella lill-Kummissjoni biex:

(a)

tkompli bl-isforzi tagħha biex tagħti segwitu għall-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inkluż kull mezz legali għad-dispożizzjoni tagħha, b'mod partikolari s-sospensjoni ta' pagamenti;

(b)

tissorvelja annwalment ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-kwalità mwettqa mill-Istati Membri fir-rigward tas-Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Irqajja' tal-Art, u tivverifika li l-Istati Membri kollha li jkollhom valutazzjonijiet negattivi tabilħaqq iwettqu l-azzjoni korrettiva meħtieġa;

(c)

teżamina mill-ġdid il-qafas legali attwali sabiex tissemplifika u tirrazzjonalizza r-regoli relatati mas-Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Irqajja' tal-Art għall-perjodu tal-PAK li jmiss, pereżempju, billi tikkunsidra mill-ġdid il-ħtieġa għas-soll ta' stabbiltà ta' 2 % u r-regola tal-100 siġra;

(d)

tiżgura li l-pjanijiet ta' azzjoni kollha tal-Istati Membri li jindirizzaw l-iżbalji fil-qasam tal-iżvilupp rurali jkunu jinkludu azzjonijiet effikaċi fir-rigward tal-akkwist pubbliku;

(e)

tissorvelja u tappoġġa b'mod attiv lill-korpi ta' ċertifikazzjoni biex itejbu l-ħidma u l-metodoloġija tagħhom rigward il-legalità u r-regolarità tal-infiq, u b'mod partikolari biex jipprovdu opinjonijiet dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq taħt il-PAK li jkunu ta' kwalità u ambitu li jippermettu li l-Kummissjoni taċċerta l-affidabbiltà tad-data ta' kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti jew, fejn ikun xieraq, li tipprovdi stima tal-aġġustament meħtieġ tar-rati ta' żball tal-aġenziji tal-pagamenti abbażi ta' dawn l-opinjonijiet, bl-intenzjoni li jiġi implimentat l-approċċ ta' awditu uniku fil-qasam tal-infiq agrikolu;

(f)

taġġorna l-manwal ta' awditjar tad-DĠ AGRI billi tinkludi proċeduri ta' awditjar fid-dettall u rekwiżiti ta' dokumentazzjoni għall-verifika tad-data pprovduta mill-Istati Membri u li tintuża għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet finanzjarji;

(g)

tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikseb data preċiża u komprensiva mill-Istati Membri dwar in-numru ta' bdiewa fl-UE u rigward l-introjtu tal-bdiewa sabiex tassew tkejjel u tissorvelja l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni Nru 1 li huwa msemmi fir-rapport annwali tal-attività tad-direttur ġenerali tad-DĠ AGRI fir-rigward tal-introjtu agrikolu;

(h)

tiddefinixxi mill-ġdid l-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni Nru 4 fir-rigward tal-impjiegi fil-qasam rurali b'mod li tisħaq fuq l-impatt speċifiku tal-miżuri tal-PAK fuq l-impjiegi f'dawk l-oqsma;

(i)

tniedi dibattiti regolari bejn l-Istati Membri fil-Kunsill fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet introdotti mir-riforma tal-PAK tal-2013 għad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-pagamenti diretti bejn il-benefiċjarji, u biex tirrapporta kompletament dwar il-progress li jkun sar f'dan ir-rigward fir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ AGRI; (34)

(j)

tivvaluta, fil-kuntest tar-riflessjonijiet tagħha dwar PAK issemplifikata u mmodernizzata, jekk l-iskema ta' pagamenti diretti hijiex imfassla kif suppost biex jiġi stabbilizzat id-dħul tal-farms kollha jew jekk fasla politika differenti, jew mudell ta' distribuzzjoni tal-pagamenti diretti jistgħux jirriżultaw biex il-fondi pubbliċi biex aġġustati aħjar għal mal-objettivi;

(k)

timmodifika sostanzjalment is-sistema ta' ċertifikazzjoni ta' bijokarburanti sostenibbli u b'mod partikolari tivverifika b'effikaċja li l-produtturi ta' materja prima għall-bijokarburanti tal-Unjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti ambjentali tal-UE għall-agrikoltura, jipprovdu biżżejjed evidenza tal-oriġini tal-iskart u tar-residwi li jintużaw għall-produzzjoni tal-bijokarburanti u tivvaluta jekk il-governanza tal-iskemi volontarji tnaqqasx ir-riskju ta' kunflitt ta' interess;

(l)

tgħolli l-limitu minimu li taħtu ma jkunx hemm bżonn li jsiru inkjesti dwar l-approvazzjoni tal-konformità bi qbil mal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill minn EUR 50 000 għal EUR 100 000 (35);

(m)

tikkunsidra mill-ġdid l-introduzzjoni ta' limitu massimu vinkolanti għall-pagamenti diretti.

L-Ewropa Globali

Ir-rati ta' żball

216.

Jindika li, skont il-konklużjonijiet tal-Qorti, l-infiq fuq “L-Ewropa Globali” kien milqut minn livell ta' żball materjali b'livell ta' żball stmat ta' 2,8 %, (2,7 % fl-2014);

217.

Jiddispjaċih li, jekk jiġu esklużi t-tranżazzjonijiet b'donaturi multipli u dawk ta' appoġġ baġitarju, ir-rata ta' żball għat-tranżazzjonijiet speċifiċi taħt il-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni ġiet kkwantifikata bħala 3,8 % (3,7 % fl-2014);

218.

Jinnota li, kieku l-informazzjoni kollha miġbura mill-Kummissjoni — u mill-awdituri mqabbda mill-Kummissjoni — intużat għall-korrezzjoni tal-iżbalji, ir-rata ta' żball stmat għall-kapitolu L-Ewropa Globali kienet tkun ta' 1,6 % anqas; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tisfrutta l-informazzjoni kollha disponibbli biex tipprevjeni, tidentifika u tikkoreġi kwalunkwe żball u biex taġixxi konsegwentement;

219.

Jindika li t-tranżazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju eżaminati mill-Qorti kienu liberi minn żbalji ta' legalità u ta' regolarità;

220.

Jindika li l-aktar tip ta' żball sinifikanti, li jirrappreżenta t-33 % tal-livell ta' żball stmat, jirrigwarda l-infiq mhux imġarrab: jiġifieri nefqa li tkun għadha ma ġġarbitx fil-mument meta l-Kummissjoni tkun aċċettatha u f'xi każijiet awtorizzatha;

221.

Jindika li l-aktar tip ta' żball frekwenti, li jirrappreżenta t-32 % tal-livell ta' żball stmat, jirrigwarda l-infiq ineliġibbli, jiġifieri:

(a)

in-nefqa relatata ma' attivitajiet li ma jkunux koperti b'kuntratt jew li tkun iġġarrbet barra l-perjodu ta' eliġibbiltà;

(b)

nuqqas ta' konformità mar-regola dwar l-oriġini;

(c)

taxxi ineliġibbli u spejjeż indiretti li jkunu ġew inkorrettament iddebitati bħala spejjeż diretti.

Id-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni

222.

Ifakkar li, fid-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tiegħu, id-direttur ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR) jikkunsidra li, għaż-żewġ strumenti finanzjarji ġestiti mid-DĠ NEAR — l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni — l-esponiment finanzjarju mill-ammont f'riskju huwa anqas mis-soll ta' materjalità ta' 2 % u l-medja stabbilita tar-rata ta' żball għad-direttorat ġenerali kollu kemm hu hija ta' 1,12 %;

223.

Jiddispjaċih li din id-dikjarazzjoni mhijiex konsistenti mal-ħidma ta' awditjar tal-Qorti u jinnota li d-DĠ NEAR jirrikonoxxi fir-rapport tiegħu li l-approċċ li ħa għandu bżonn titjib ulterjuri;

224.

Jinnota b'mod partikolari li l-kalkolu tar-rata ta' żball residwu li d-DĠ NEAR għamel għad-90 % tal-infiq, irriżulta fi tliet rati: rata ta' żball residwu għall-ġestjoni diretta tal-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni, rata ta' żball residwu għall-ġestjoni indiretta tal-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni, u rata ta' żball residwu għall-modalitajiet ta' ġestjoni kollha tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat; għall-10 % li jifdal mill-infiq, id-DĠ NEAR uża sorsi oħra ta' assigurazzjoni;

225.

Jisħaq li l-Qorti sabet li l-kalkolu tar-rata ta' żball residwu fir-rigward tal-modalità ta' ġestjoni “ġestjoni indiretta mill-pajjiżi benefiċjarji”, li jgħaqqad ir-riżultati mill-kampjuni mhux statistiċi li ttieħdu mill-awtoritajiet tal-awditjar mar-rata ta' żball residwu storika kkalkulata mid-DĠ NEAR, mhuwiex rappreżentattiv biżżejjed u ma jipprovdix informazzjoni preċiża dwar l-ammont ta' pagamenti fir-riskju; jindika li, skont il-Qorti, hemm riskju li l-kalkolu jissottovaluta l-livell ta' żball u jista' potenzjalment ikollu impatt fuq l-assigurazzjoni pprovduta mid-Direttur Ġenerali;

226.

Jilqa' l-fatt li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ DEVCO temm il-prattika preċedenti ta' riżerva kumplessiva rigward il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet fir-rigward tal-operazzjonijiet kollha tad-DĠ DEVCO u li, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, għamel dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni ddifferenzjata skont ir-riskju fir-rapport annwali tal-attività tal-2015;

227.

Jinnota li nħarġet riżerva speċifika li tkopri l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika minħabba d-dgħufijiet fil-kontrolli li identifika s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni; jikkunsidra li tali riżerva jmissha nħarġet qabel peress li n-nuqqasijiet misjuba ilhom preżenti mill-2004 meta ġiet stabbilita l-Faċilità; jiddikjara li l-prattika ta' riżerva kumplessiva rigward id-DĠ DEVCO kollu kemm hu ovvjament ikkontribwiet għal nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja tad-DĠ DEVCO;

228.

Jinnota l-valutazzjoni tad-DĠ DEVCO li żewġ oqsma ta' nfiq jippreżentaw riskju għoli:

(i)

l-għotjiet taħt ġestjoni diretta;

(ii)

il-ġestjoni indiretta flimkien ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

iżda jikkondividi l-fehmiet li esprimiet il-Qorti li riżerva setgħet kienet iġġustifikata fir-rigward tal-ġestjoni indiretta mal-pajjiżi benefiċjarji b'mod partikolari peress li l-għotjiet li jiġu implimentati indirettament mill-pajjiżi benefiċjarji jmisshom jirrikjedu livell simili ta' analiżi tar-riskju bħal dak li jsir għall-għotjiet li jiġu implimentati direttament;

229.

Jindika li, skont il-konklużjonijiet tal-Qorti (ara l-punti 48-50 tar-rapport annwali tal-Qorti għall-2015 dwar il-FEŻ), il-kapaċità korrettiva tad-DĠ DEVCO ġiet sopravvalutata peress li l-irkupri ta' prefinanzjamenti u l-imgħax iggwadanjat u l-kanċellazzjonijiet ta' ordnijiet ta' rkupru ma ġewx esklużi mill-kalkolu tal-ammont annwali medju tal-ordnijiet ta' rkupru maħruġa għal żbalji u irregolaritajiet bejn l-2009 u l-2015;

Id-dgħufijiet fis-sistemi ta' kontroll u prevenzjoni

230.

Jisħaq li l-Qorti sabet dgħufijiet fis-sistemi ta' kontroll tal-Kummissjoni bħal pereżempju:

il-verifiki tan-nefqiet li wettqu l-awdituri maħtura mill-benefiċjarji f'xi każijiet ma rnexxilhomx jidentifikaw l-iżbalji, u dan wassal biex il-Kummissjoni aċċettat spejjeż ineliġibbli;

ġie identifikat dewmien fil-validazzjoni, l-awtorizzazzjoni u l-pagament tan-nefqiet min-naħa tal-Kummissjoni;

ir-regoli speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni għall-istrumenti ta' ġemellaġġ (taħt l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija) rigward l-ispejjeż għall-ammonti li jitħallsu f'daqqa u b'rata fissa tfasslu b'tali mod li ħolqu riskju li s-sħab fl-Istati Membri responsabbli għall-implimentazzjoni jiġġeneraw profitt;

Ir-rapporti dwar il-ġestjoni tal-assistenza esterna

231.

Jiddispjaċih għal darb'oħra li r-rapporti dwar il-ġestjoni tal-assistenza esterna maħruġa mill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni ma ġewx annessi mar-rapporti annwali tal-attività tad-DĠ DEVCO u tad-DĠ NEAR, kif previst mill-Artikolu 67(3) tar-Regolament Finanzjarju; jiddispjaċih li dawn sistematikament jiġu kkunsidrati bħala kunfidenzjali filwaqt li, skont l-Artikolu 67(3) tar-Regolament Finanzjarju, “għandhom ikunu disponibbli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill b'kont dovut meħud, fejn ikun xieraq, tal-kunfidenzjalità tagħhom”;

232.

Jinnota li, peress li din kienet l-ewwel darba li saret l-analiżi tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fid-DĠ NEAR, ma kienx possibbli li tinsilet kwalunkwe konklużjoni f'termini ta' “xejriet” u li, fl-2015, ħames indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ma ġewx ikkalkolati għad-DĠ NEAR;

233.

Jindika li:

(a)

kumplessivament, il-prestazzjoni tad-delegazzjonijet, li tkejlet skont in-numru ta' parametri ta' riferiment li laħqet bħala medja kull delegazzjoni, marret għall-aħjar;

(b)

il-valur totali tal-portafoll tal-proġetti ġestiti mid-delegazzjonijiet naqas minn EUR 30 biljun għal EUR 27,1 biljun; u

(c)

il-proporzjon ta' proġetti bi problemi ta' implimentazzjoni naqas minn 53,5 % għal 39,7 %;

234.

Jisħaq li (i) l-Istrument għall-Istabbiltà, (ii) l-Istrument MIDEAST u (iii) il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għadhom il-programmi li joħolqu preokkupazzjoni minħabba l-livelli għoljin ta' diffikultajiet fl-implimentazzjoni u li hemm ir-riskju inaċċettabbli li EUR 3 minn kull EUR 4 li jintefqu fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp ma jilħqux l-objettivi tagħhom jew jiddewmu;

235.

Jinnota li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet irrapportaw l-informazzjoni dwar 3 782 proġett li jikkorrispondu għal EUR 27,41 biljun ta' impenji u li:

(a)

800 proġett (21,2 %) b'valur ta' EUR 9,76 biljun (35,6 % tal-portafoll tal-proġetti kollu kemm hu) huma esposti għal xi forma ta' riskju fir-rigward tal-outputs — riskju a priori jew riskju attwali, u l-proġetti ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jirrappreżentaw 72 % tal-ammont totali f'riskju (EUR 7 biljun);

(b)

648 proġett (17,1 %) b'valur ta' EUR 6 biljun (22 % tal-portafoll tal-proġetti kollu kemm hu) qegħdin f'riskju ta' dewmien, u l-proġetti ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jirrappreżentaw żewġ terzi tal-proġetti kollha li ddewmu;

(c)

1 125 proġett (29,75 %) b'valur ta' EUR 10,89 biljun (39,71 %) qegħdin f'riskju li ma jilħqux l-objettivi tagħhom jew li tiddewwem l-implimentazzjoni tagħhom, u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jirrappreżenta 71 % tal-EUR 10,8 biljun ikkonċernati;

236.

Jilqa' l-fatt li, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni interrogat lill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni dwar ir-riskji a priori tal-proġetti li jistgħu joffru pass inizjali lejn proċess iċċentralizzat ta' mmaniġġjar tar-riskju; jirrakkomanda li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli dwar il-qasam diffiċli fejn tista' tkun qed topera d-delegazzjoni, il-Kummissjoni tintensifika d-djalogu tagħha mad-delegazzjonijiet dwar kif għandu jiġi mmaniġġjat dan ir-riskju tul il-fażi ta' implimentazzjoni tal-proġett;

237.

Jinnota li, mid-delegazzjonijiet li għalihom huwa responsabbli d-DĠ DEVCO, l-erbgħa bl-agħar prestazzjoni huma dawk għall-Jemen, għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, għall-Gabon u għall-Mauritania, filwaqt li, mid-delegazzjonijiet li għalihom huwa responsabbli d-DĠ NEAR, l-erbgħa li ġew ikklassifikati bl-agħar prestazzjoni huma dawk għas-Sirja, għall-Eġittu, għall-Albanija u għall-Kosovo;

238.

Jistenna li d-DĠ DEVCO jkompli jagħmel progress biex jikseb il-prijoritajiet li ġejjin fl-2016, u li jirrapporta dwarhom fir-rapport annwali tal-attività tiegħu għall-2016:

(a)

iż-żieda tal-preċiżjoni tal-previżjoni finanzjarja rigward id-deċiżjonijiet u l-kuntratti;

(b)

iż-żieda tal-perċentwal tal-pagamenti li jsiru sal-iskadenza ta' 30 jum;

(c)

iż-żieda tal-effikaċja tal-kontrolli;

(d)

it-titjib tal-prestazzjoni tad-delegazzjonijiet kollha li anqas minn 60 % tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħhom ġew immarkati bl-“aħdar” fl-2015, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni u sistemi ta' informazzjoni;

239.

Jistenna li d-DĠ NEAR jikseb dawn il-prijoritajiet li ġejjin fl-2016, u li jirrapporta dwarhom fir-rapport annwali tal-attività tiegħu għall-2016:

(a)

l-introduzzjoni tal-ħames indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li kienu nieqsa fir-rapport dwar il-ġestjoni tal-assistenza esterna għas-sena finanzjarja 2015;

(b)

it-titjib tal-possibbiltajiet ta' monitoraġġ għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni;

L-infiq tal-Unjoni fir-rigward tal-migrazzjoni u l-ażil fil-pajjiżi tal-viċinat

240.

Ifakkar li wieħed mill-aspetti importanti tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni huwa li anke l-ġlieda kontra l-faqar hija mistennija timmira biex toħloq il-kundizzjonijiet li jirriżultaw fil-prevenzjoni tal-wasla bla rażan ta' migranti irregolari fl-Ewropa;

241.

Jaqbel mal-konklużjonijiet prinċipali li rrapportat il-Qorti fir-Rapport Speċjali Nru 9/2016 tagħha rigward “L-infiq tal-UE fuq il-politika esterna dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Viċinat tal-Lvant sal-2014” u jisħaq b'mod partikolari li l-frammentazzjoni eżistenti tal-istrumenti xxekkel is-sorveljanza parlamentari (i) tal-mod kif jiġu implimentati l-fondi, u (ii) tal-identifikazzjoni tar-responsabbiltajiet, u għaldaqstant tagħmilha diffiċli li jiġu vvalutati l-ammonti finanzjarji li effettivament jintefqu bħala appoġġ għall-azzjoni esterna fil-qasam tal-migrazzjoni;

Il-Bank Dinji

242.

Ifakkar, fid-dawl tal-informazzjoni allarmanti li Politico pprovda fit-2 ta' Diċembru 2016 rigward il-biża' li, fit-trattattivi tal-Kummissarju Georgieva mal-Bank Dinji, kien hemm kunflitt ta' interess, fl-appell li l-Parlament għamel lill-Kummissjoni fl-aħħar riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu dwar il-baġit tal-Kummissjoni għall-2014 biex teżamina mill-ġdid il-kodiċi ta' kondotta għall-kummissarji sa tmiem l-2017, anke billi tiddefinixxi x'jikkostitwixxi kunflitt ta' interess; jisħaq li, mingħajr definizzjoni fid-dettall ta' x'jikkostitwixxi kunflitt ta' interess, il-Parlament ma jkunx jista' jevalwa b'mod ġust u konsistenti l-eżistenza ta' kunflitti ta' interess reali jew potenzjali;

243.

Jikkunsidra li l-arranġament ta' finanzjament il-ġdid konkluż mill-Kummissjoni mal-Bank Dinji (36) li ssostitwixxa r-rata fissa tal-ħlasijiet għall-ġestjoni b'formula aktar kumplessa u li ppreveda b'mod partikolari li ċerti proġetti mwettqa direttament mill-Bank Dinji jistgħu jiġu soġġetti għal imposta ta' 17 % fuq l-ispejjeż tal-persunal u tal-konsulenti, probabbli se jkun ta' ħsara għall-baġit tal-Unjoni u jista' jirriżulta biex il-pagamenti jaqbżu l-limitu massimu ta' 7 % fuq l-ispejjeż ta' ġestjoni, u dan huwa pprojbit mill-Artikolu 124(4) tar-Regolament Finanzjarju;

244.

Jisħaq li l-ħlas għall-ġestjoni li se jsir lill-Bank Dinji mhux se jintuża għall-proġetti fl-oqsma tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni; jistaqsi għaliex il-Bank Dinji għandu jiġi rremunerat mill-Kummissjoni għall-attivitajiet bankarji li huma fil-qalba tal-missjoni tiegħu ta' bankier.

International Management Group

245.

Jifraħ lill-Kummissjoni rigward l-eżitu tal-proċedimenti fil-Kawża T-381/15 tat-2 ta' Frar 2017; jistaqsi liema kuntratti mal-International Management Group għadhom fis-seħħ attwalment;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

246.

Jappella:

lid-DĠ DEVCO u lid-DĠ NEAR biex iqawwu l-kwalità tal-verifiki tan-nefqiet ikkummissjonati mill-benefiċjarji, speċifikament billi jintroduċu miżuri ġodda bħall-użu ta' grilja tal-kwalità biex jivverifikaw il-kwalità tal-ħidma li tkun saret mill-awdituri kkummissjonati mill-benefiċjarji u r-reviżjoni tat-termini ta' referenza tal-awdituri;

lid-DĠ NEAR biex jieħu azzjoni biex jiżgura li l-finanzjament li jitwassal permezz ta' strument ta' ġemellaġġ ikun konformi mar-regola li tipprojbixxi l-profitt u jaderixxi mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

lid-DĠ NEAR biex jirrivedi l-metodoloġija tar-rata ta' żball residwu sabiex jipprovdi informazzjoni li tkun statistikament preċiża rigward l-ammont li jkun qiegħed f'riskju għall-pagamenti li jsiru taħt ġestjoni indiretta fil-qafas tal-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni;

lid-DĠ DEVCO biex jirrevedi l-istima tal-kapaċità korrettiva tiegħu fil-ġejjieni billi jeskludi mill-kalkolu l-irkupri tal-prefinanzjamenti li ma jkunux intefqu u l-imgħax iggwadanjat u l-kanċellazzjoni tal-ordnijiet ta' rkupru li jkunu nħarġu preċedentement;

lid-DĠ DEVCO u lid-DĠ NEAR biex jippubblikaw ir-rapporti dwar il-ġestjoni tal-assistenza esterna li l-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni joħorġu bħala anness mar-rapporti annwali tal-attività tagħhom kif previst mill-Artikolu 67(3) tar-Regolament Finanzjarju, u biex, fir-rapporti annwali tal-attività tagħhom, jindikaw il-miżuri li jkunu ħadu biex jirrimedjaw għas-sitwazzjoni fid-delegazzjonijiet bi problemi ta' implimentazzjoni, biex inaqqsu d-dewmien u jissemplifikaw il-programmi;

lill-Kummissjoni biex tippubblika d-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni tal-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

lill-Kummissjoni biex:

(i)

tiċċara l-objettivi;

(ii)

tiżviluppa, tespandi u ttejjeb il-qafas biex titkejjel il-prestazzjoni tal-politiki tagħha fir-rigward tal-migrazzjoni u l-ażil fil-pajjiżi tal-viċinat;

(iii)

tiffoka r-riżorsi finanzjarji disponibbli fuq objettivi prijoritarji ddefiniti u kkwantifikati b'mod ċar; u

(iv)

tikkonsolida ulterjorment il-kollegament bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni;

lill-Kummissjoni biex, fil-kodiċi ta' kondotta għall-kummissarji, tinkludi d-definizzjoni ta' x'jikkostitwixxi kunflitt ta' interess, biex tikkunsidra fundamentalment mill-ġdid il-bżonn li, fl-arranġamenti finanzjarji tagħha mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-entitajiet fdati, tipprevedi dispożizzjonijiet rigward ir-remunerazzjoni tagħhom għall-ispejjeż tal-persunal marbuta mal-attivitajiet li jinsabu fil-qalba tal-missjoni tagħhom, u biex tirrapporta komprensivament lill-Parlament Ewropew sa tmiem l-2017 dwar ir-riflessjonijiet tagħha f'dan ir-rigward iżda anke dwar l-impatt tal-applikazzjoni tal-politika l-ġdida dwar l-irkupru tal-ispejjeż;

Il-migrazzjoni u s-sigurtà

247.

Jilqa' l-fatt li, minħabba s-sensittività politika tal-kwistjoni, il-Qorti għall-ewwel darba indirizzat il-politika dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà fit-tieni parti tal-kapitolu 8 tar-rapport annwali tagħha; jinnota li, b'baġit ta' EUR 0,8 biljun, dan il-qasam jirrappreżenta sehem żgħir iżda dejjem jikber mill-baġit tal-Unjoni;

248.

Jiddeplora l-fatt li l-Qorti ma fformulat l-ebda rata ta' żball rigward dan il-qasam ta' politika, filwaqt li d-direttur ġenerali tad-DĠ HOME, fir-rapport annwali tal-attività tiegħu għall-2015, jipprovdi stima ta' 2,88 % għar-rata ta' żball pluriennali residwu għall-għotjiet mhux relatati mar-riċerka li kienu taħt il-ġestjoni diretta tad-DĠ HOME;

249.

Jikkondividi t-tħassib li esprimiet il-Qorti rigward il-fatt li l-awditjar tas-solidarjetà u tal-ġestjoni tal-flussi migratorji mwettaq mill-Kummissjoni ma kopriex it-testijiet tal-kontrolli fuq il-biċċa l-kbira tal-proċessi ewlenin u li għaldaqstant hemm ir-riskju li l-Kummissjoni kkunsidrat li xi programmi annwali b'sistemi ta' kontroll ineffikaċi jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli u konsegwentement l-attenzjoni tal-awditjar ex post tal-Kummissjoni mhux se tiġi ffokata fuqhom;

250.

Ifakkar li DĠ HOME identifika nuqqasijiet fis-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati, il-Fond Ewropew għar-Ritorn, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi u l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perjodu 2007-2013 min-naħa tar-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja;

251.

Huwa tal-opinjoni li l-Indikatur Ewlieni tal-Prestazzjoni Nru 1 inkluż fir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ HOME għall-2015 mhuwiex rilevanti peress li r-rata tal-migranti irregolari li jiġu ripatrijati lejn pajjiżi terzi ma tiġix influwenzata b'mod sinifikanti mill-ġestjoni min-naħa tad-DĠ HOME;

252.

Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni tikkunsidra li huwa diffiċli jekk mhux impossibbli li tipprovdi stima tal-ispejjeż li jitħallsu għall-migranti/applikanti għal ażil għal kull pajjiż individwali, peress li l-ġestjoni tal-flussi migratorji tinkludi firxa wiesgħa ta' attivitajiet (37);

253.

Jitlob lill-Qorti tipprovdi lill-awtorità ta' kontroll baġitarju b'rata tal-iżball l-aktar probabbli fir-rigward tal-politika dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà fir-rapport annwali tagħha għall-2016 u tevalwa l-kapaċità korrettiva tas-servizzi tal-Kummissjoni f'dan il-qasam ta' politika;

254.

Jesprimi tħassib dwar il-verifiki li saru fuq il-fondi għar-rifuġjati li, fl-emerġenzi, l-Istati Membri spiss jallokawhom b'mod li ma jikkonformax mar-regoli fis-seħħ; iqis li huwa essenzjali li l-Kummissjoni tintroduċi verifiki aktar rigorużi, anke bil-ħsieb li tiżgura li jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem tar-rifuġjati u tal-applikanti għal ażil.

Il-miżuri li għandhom jittieħdu

255.

Jirrakkomanda li d-DĠ HOME:

(a)

jikkwantifika u janalizza bir-reqqa fir-rapport annwali tal-attività tiegħu n-natura tal-iżbalji li jidentifika u jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-“kapaċità korrettiva” tiegħu;

(b)

jippromwovi l-użu tal-għażliet ta' spejjeż semplifikati, l-użu tal-ammonti li jitħallsu f'daqqa u l-ispejjeż unitarji standardizzati fil-ġestjoni tal-fondi tiegħu;

(c)

jislet bir-reqqa tagħlimiet mill-imgħoddi rigward in-nuqqasijiet identifikati fil-ġestjoni tal-Fond Ewropew għar-Rifuġjati, il-Fond Ewropew għar-Ritorn, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi u l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perjodu 2007-2013;

(d)

jipprovdi lill-awtorità baġitarja u lill-awtorità għall-kontroll baġitarju bl-aktar data preċiża possibbli fir-rigward tal-ispejjeż li jsiru għall-migranti/applikanti għal ażil b'mod li tingħata ġustifikazzjoni solida għall-ammont ta' talbiet baġitarji għal programmi ta' finanzjament, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-valur inkwantifikabbli tal-ħajja umana, fuq livell individwali u fuq livell kumplessiv;

(e)

jittestja l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll intern li l-Istati Membri jużaw fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-proċessi ewlenin fil-qafas tal-programmi SOLID: il-proċeduri ta' għażla u ta' għoti, il-proċeduri ta' għoti, il-monitoraġġ tal-proġetti, il-pagamenti u l-kontabbiltà;

(f)

jorganizza u jippromwovi aktar sinerġija bejn is-servizzi kollha responsabbli għal programmi li possibilment jinfluwenzaw il-flussi migratorji;

L-amministrazzjoni

256.

Jinnota li uffiċjal jista' jinħatar fil-kariga ta' espert anzjan jew ta' assistent anzjan li tiftaħ il-possibbiltà ta' promozzjoni għall-grad AD 14 jew AST 11, u li, ladarba uffiċjal ikun inħatar fil-kariga ta' espert anzjan, ma hemm l-ebda possibbiltà li jiċċaqlaq lura għax-xogħol ta' amministratur; jiddispjaċih dwar l-inkonsistenza bejn din il-miżura u dawk li huma mmirati biex inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi jew li jirrinforzaw il-kollegament bejn il-grad u l-funzjoni; jappella lill-Kummissjoni biex ittemm din il-prattika;

257.

Jinnota bi tħassib li l-ammont medju ta' snin fi grad qabel il-promozzjoni naqas għall-gradi AD 11 u ogħla; għall-grad AD 12 pereżempju, fl-2008, il-medja kienet li uffiċjal kien jiġi promoss biss kull 10,3 snin, filwaqt li fl-2015 kien jiġi promoss kull 3,8 snin, u dan juri li l-promozzjonijiet fil-gradi tas-salarji superjuri tħaffu; jitlob lill-Kummissjoni tnaqqas il-ħeffa tal-promozzjonijiet fil-gradi ogħla minn AD 11 jew AST 9;

258.

Jenfasizza li jkun tajjeb li l-bilanċ ġeografiku, speċifikament ir-relazzjoni bejn in-nazzjonalità tal-persunal u d-daqs tal-Istati Membri, jibqa' element importanti tal-ġestjoni tar-riżorsi, b'mod partikolari fir-rigward tal-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni mill-2004 'l hawn, u jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni laħqet kompożizzjoni aktar ibbilanċjata bejn l-uffiċjali mill-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni qabel l-2004 u dawk li ngħaqdu sussegwentement; iżda jindika li dawn l-Istati Membri tal-aħħar għadhom sottorappreżentati fil-livell superjuri tal-amministrazzjoni u fil-karigi maniġerjali, li għadu mistenni li jkun hemm progress fir-rigward tagħhom;

259.

Jinnota bi tħassib il-prezzijiet eċċessivament għaljin li jimponu s-servizz mediċi fil-Lussemburgu u d-diffikultajiet biex jiġi żgurat li l-membri tar-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard tal-istituzzjonijiet tal-UE jirċievu t-trattament bl-istess kundizzjonijiet li jirċevuh iċ-ċittadini tal-Lussemburgu; jappella lill-istituzzjonijiet, u lill-Kummissjoni b'mod partikolari, biex jeżiġu u jiggarantixxu li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38), li jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi ta' kura tas-saħħa fit-territorju tagħhom jitolbu l-istess ħlasijiet mill-pazjenti minn Stati Membri oħrajn bħal dawk li jitolbu mill-pazjenti domestiċi, jiġi inforzat fl-Istati Membri kollha, u b'mod speċjali fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu; jappella wkoll biex, fejn ma jkunx hemm konformità ma' din id-direttiva, timponi s-sanzjonijiet xierqa;

L-OLAF

260.

Jinnota li l-Kulleġġ tal-kummissarji neħħa l-immunità tad-direttur ġenerali tal-OLAF, b'segwitu għal talba mill-awtoritajiet Belġjani, fil-kuntest tal-investigazzjonijiet relatati mal-każ “Dalli”; huwa tal-opinjoni li d-direttur ġenerali jinsab ikkonfrontat b'kunflitt ta' interess triplu:

filwaqt li l-Kulleġġ kien fil-proċess li jiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu, id-direttur ġenerali kkunsidra l-possibbiltà li jiftaħ investigazzjonijiet tal-OLAF kontra l-membri tal-Kummissjoni,

ladarba l-Kulleġġ kien ħa d-deċiżjoni li jneħħilu l-immunità, id-direttur ġenerali ħa azzjoni legali kontra l-Kummissjoni minħabba irregolarità allegata meta adottat id-deċiżjoni tagħha; fl-istess ħin, id-direttur ġenerali kompla jirrappreżenta lill-Kummissjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet politiċi relatati mal-portafoll tiegħu,

wara li t-tneħħija tal-immunità tiegħu kienet ġiet ikkonfermata, il-prosekutur pubbliku Belġjan fetaħ investigazzjoni dwar ir-rwol tad-direttur ġenerali fil-każ ikkonċernat, filwaqt li baqa' jaqdi r-rwol ta' interlokutur għad-direttur ġenerali tal-OLAF fil-ġlieda kontra l-frodi fil-konfront tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-Belġju;

Jikkunsidra li dawn il-kunflitti ta' interess jistgħu jagħmlu ħsara kemm għar-reputazzjoni tal-OLAF, kif ukoll għal dik tal-Kummissjoni; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni timponi lid-direttur ġenerali tal-OLAF li joħroġ bil-liv sa meta tintemm l-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Belġjani, u taħtar sostitut temporanju;

261.

Jinsab maħsud mir-rapporti tal-aħbarijiet li, skont il-kalkoli tal-OLAF, in-“negliġenza kontinwa” min-naħa tad-dwana tar-Renju Unit ċaħħdet lill-Unjoni minn EUR 1 987 biljun fi dħul minħabba d-dazji fuq merkanzija Ċiniża li ntilfu; u li netwerk altament sofistikat tal-kriminalità organizzata seraq EUR 3,2 biljun mill-introjtu mit-taxxa fuq il-valur miżjud ta' pajjiżi importanti tal-Unjoni bħal Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-Italja; jitlob li jingħata aċċess għall-fajl sħiħ dwar il-każ u li jinżamm regolarment informat.

Il-kodiċi ta' kondotta

262.

Huwa tal-opinjoni soda li hemm bżonn dejjem jikber għal regolamentazzjoni qawwija fil-qasam tal-etika b'mod li jiġu sodisfatti l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 245 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jinsisti li kodiċijiet ta' kondott li jiffunzjonaw sew jeżiġu attenzjoni kontinwa; jisħaq li kodiċi ta' kondotta ma jkunx miżura preventiva effikaċi sakemm ma jiġix applikat kif suppost u sakemm il-konformità ma tiġix eżaminata mill-ġdid b'mod sistematiku, mhux biss fil-każijiet ta' inċidenti;

263.

Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi l-kodiċijiet ta' kondotta għall-kummissarji; jiddispjaċih madankollu li r-reviżjoni hija limitata għal estensjoni tal-perjodu ta' preklużjoni għal tliet snin għall-ex Presidenti tal-Kummissjoni; jappella lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid il-kodiċi ta' kondotta għall-kummissarji sa tmiem l-2017, anke billi timplimenta r-rakkomandazzjoni tal-Parlament li l-kumitat etiku ad hoc jiġi riformat biex is-setgħat tiegħu jiġu estiżi, billi tiddefinixxi x'jikkostitwixxi “kunflitt ta' interess”, kif ukoll billi tintroduċi kriterji għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta' impjieg b'segwitu għal mandat u testendi l-perjodu ta' preklużjoni għal tliet snin għall-kummissarji kollha;

264.

Jindika li pass importanti fir-rigward tal-kunflitti ta' interess ikun li tiżdied it-trasparenza tal-President tal-Kummissjoni, il-kumitat etiku ad hoc tal-Kummissjoni u tas-Segretarjat Ġenerali, meta jkunu qed jiġu eżaminati mill-ġdid is-sitwazzjonijiet ta' kunflitt potenzjali; jinnota li huwa biss permezz tal-pubblikazzjoni proattiva tal-opinjonijiet tal-kumitat etiku li l-pubbliku jkun jista' jeżiġi rendikont mingħand il-Kummissjoni ta' għemilha;

265.

Jappella lill-Kulleġġ tal-kummissarji biex, issa li ġiet iffinalizzata r-rakkomandazzjoni tal-kumitat etiku ad hoc fil-każ tal-ex President tal-Kummissjoni, jieħu deċiżjoni li jirreferi l-każ lil-Qorti tal-Ġustizzja biex din tagħti opinjoni rigward il-kwistjoni.

Il-gruppi ta' esperti

266.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni (39), iżda jiddispjaċih li, minkejja l-fatt li bosta organizzazzjonijiet nongovernattivi esprimew l-interess tagħhom, il-Kummissjoni ma organizzatx konsultazzjoni pubblika sħiħa; itenni l-importanza li tingħata ħajja ġdida lill-forom ta' involviment min-naħa tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali f'oqsma kruċjali bħat-trasparenza u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

267.

Ifakkar li nuqqas ta' trasparenza jkollu effett negattiv fuq il-fiduċja li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jemmen li r-riforma effikaċi tas-sistema tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni, imsejsa fuq prinċipji ċari ta' trasparenza u kompożizzjoni bilanċjata, se ttejjeb id-disponibbiltà u l-affidabbiltà tad-data, li sussegwentement tgħin biex iżżid il-fiduċja tan-nies fl-Unjoni;

268.

Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni jmissha tagħmel progress biex il-gruppi ta' esperti jkollhom kompożizzjoni aktar ibbilanċjata; jiddeplora l-fatt, madankollu, li għadha ma saret l-ebda distinzjoni espliċita bejn dawk li jirrappreżentaw interessi ekonomiċi u dawk li jirrappreżentaw interessi mhux ekonomiċi, b'mod li jkun iggarantit livell massimu ta' trasparenza u bilanċ;

269.

Ifakkar li kemm il-Parlament u kemm l-Ombudsman Ewropew irrakkomandaw li l-Kummissjoni tippubblika l-aġendi, id-dokumenti ta' sfond, il-minuti tal-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-gruppi ta' esperti;

Il-konsulenti speċjali

270.

Jappella lill-Kummissjoni biex tippubblika l-ismijiet, il-funzjoni, il-grad u l-kuntratt (il-ħinijiet tax-xogħol, it-tul tal-kuntratt, il-post tax-xogħol) tal-konsulenti speċjali kollha; jikkunsidra li hemm riskju ta' kunflitti ta' interess mal-konsulenti speċjali; huwa tal-opinjoni soda li l-kunflitti ta' interess imisshom jiġu evitati peress li jdgħajfu l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet; jappella lill-Kummissjoni biex tippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-konsulenti speċjali;

L-iskejjel Ewropej

271.

Jinnota li l-iskejjel individwali huma responsabbli mill-kontijiet annwali tagħhom (li jikkostitwixxu il-“Qafas Ġenerali”); jindika li l-approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit għall-2015 ammontaw għal EUR 288,8 miljun, u li l-Kummissjoni kkontribwiet EUR 168,4 miljun (58 %) minnhom;

272.

Jinsab maħsud li, wara dawn is-snin kollha ta' riformi allegati, il-Qorti tibqa' tkun estremament kritika rigward il-ġestjoni finanzjarja tal-iskejjel Ewropej:

“II.

L-iskejjel ma ħejjewx il-kontijiet annwali tagħhom qabel l-iskadenza legali. Instabu bosta żbalji, li ħafna minnhom ġew korretti (b'riżultat tar-rieżami) fil-verżjoni finali tal-kontijiet. Dawn jikkostitwixxu dgħufijiet sistematiċi fil-proċeduri kontabilistiċi. […]

IV.

Is-sistemi ta' pagament taż-żewġt iskejjel magħżula kienu milquta minn dgħufijiet sinifikanti: ma kien hemm l-ebda kollegament awtomatiku bejn is-sistemi ta' kontabilità u dawk ta' pagament, u ma saret l-ebda segregazzjoni stretta bejn id-dmirijiet, il-pagamenti li saru barra mis-sistema ta' kontabilità ma ġewx irrifjutati awtomatikament mis-sistema u ġeneralment il-livell ta' kontroll kien wieħed fqir. Dawn id-dgħufijiet jirrappreżentaw riskju sinifikanti f'termini tal-legalità u r-regolarità tal-pagamenti.

V.

Il-Qorti ukoll sabet diversi dgħufijiet sinifikanti fil-proċeduri ta' akkwist, li rriskjaw li jikkompromettu l-prinċipji ta' trasparenza u ta' trattament indaqs.

VI.

Fi ftit każijiet, il-Qorti ma sabitx evidenza dwar il-kwalifiki tal-persunal irreklutat u nnotat omissjonijiet fil-fajls personali tagħhom.

VII.

B'riżultat ta' dan, il-Qorti ma setgħetx tikkonferma li l-ġestjoni finanzjarja kienet tajba”;

273.

Jiddeplora l-fatt li, “[…]il-Qorti ma setgħetx tikkonferma li l-ġestjoni finanzjarja kienet tajba”;

274.

Jiddeplora wkoll il-fatt li l-Kummissjoni, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Qorti u minħabba każ fejn kien hemm suspett ta' frodi li seħħ bejn l-2003 u l-2012, reġgħet ħarġet riżerva ta' reputazzjoni fuq il-pagamenti;

275.

Jinnota li d-daqs tal-baġit allokat lis-sistema tal-iskejjel Ewropej huwa konsiderevolment akbar minn dak li, bl-eċċezzjoni ta' tnejn minnhom, jirċievu t-32 aġenzija; jemmen li l-obbligu tas-sistema tal-iskejjel Ewropej li tagħti rendikont dwar l-azzjonijiet finanzjarji li tieħu jmissu jitqawwa sa livell li jista' jitqabbel ma' dak tal-aġenziji Ewropej, anke permezz ta' proċess ta' kwittanza ddedikata għall-EUR 168,4 miljun li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha;

276.

Ifakkar li, fil-proċedura tiegħu ta' kwittanza lill-Kummissjoni għall-2010, il-Parlament kien diġà kkontesta l-“istrutturi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u ta' finanzjar tal-Konvenzjoni għall-Iskejjel Ewropej;”; u kien eżiġa li l-Kummissjoni “tesplora mal-Istati Membri reviżjoni ta' dik il-Konvenzjoni u […] tirrapporta sal-31 ta' Diċembru 2012 dwar il-progress li jkun sar” (40); jinnota li l-Parlament qatt ma rċieva rapport ta' progress;

277.

Jinnota li l-kriżi finanzjarja u organizzattiva li għaddejja bħalissa fis-sistema tal-iskejjel Ewropej qed issir dejjem iktar serja minħabba l-pjanijiet li tinfetaħ il-ħames skola fi Brussell u l-konsegwenzi possibbli jekk Stat Membru partikolari jirtira mill-Konvenzjoni għall-Iskejjel Ewropej f'xi mument fil-ġejjieni; jikkontesta jekk is-sistema tal-iskejjel Ewropej kif inhi attwalment organizzata u ffinanzjata għandhiex ir-riżorsi biex taffronta l-espansjoni ppjanata għal ħamest iskejjel fi Brussell; jinnota li, minħabba f'hekk, hemm ir-riskju li jinħolqu problemi saħansitra aktar sinifikanti fil-ġejjieni jekk xi taqsimiet lingwistiċi jispiċċaw imġebbda żżejjed, peress li, taħt il-mudelli attwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi, dawn għandhom biss il-kapaċità li, fi Brussell, ikopru erba' (fil-każ tat-taqsimiet tal-lingwa Ġermaniża) jew tlitt iskejjel (fil-każ tat-taqsimiet tal-lingwa Ingliża);

278.

Iqis li mhuwiex aċċettabbli li r-rappreżentanti tal-Istati Membri jibqgħu jagħtu l-kwittanza lill-Iskejjel Ewropej, allavolja l-parir tal-Kummissjoni, li tħallas it-58 % tal-baġit annwali, u tal-Qorti kien wieħed negattiv;

279.

Jaqbel kompletament mal-11-il rakkomandazzjoni li l-Qorti ħarġet fir-rapport tagħha tal-11 ta' Novembru 2015, dwar il-kontijiet annwali tal-iskejjel Ewropej għall-2014, u li jinkludu kwistjonijiet relatati mal-kontabilità, il-persunal, il-proċedura ta' akkwist, l-istandards tal-kontrolli u l-pagamenti;

280.

Jilqa' l-pjan ta' azzjoni aġġornat li d-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà fassal bil-għan li jindirizza r-riżerva tal-Kummissjoni u l-osservazzjonijiet tal-Qorti;

281.

Jappella lill-Kummissjoni biex tħejji komunikazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill fejn tirrifletti dwar kif l-istruttura amministrattiva tal-Iskejjel Ewropej tista' tiġi rriformata l-aħjar qabel Novembru 2017;

282.

Jappella biex il-Kummissjoni tiżvolġi r-rwol sħiħ tagħhom fl-aspetti kollha tal-proċess ta' riforma li jkompri l-kwistjonijiet maniġerjali, finanzjarji, organizzattivi u pedagoġiċi; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta kull sena rapport lill-Parlament fejn tagħti l-valutazzjoni tagħha rigward l-istat tal-progress f'dawn l-oqsma, sabiex jiġi żgurat li l-kumitati rilevanti tiegħu jkunu jistgħu jwettqu skrutinju tal-ġestjoni tas-sistema tal-iskejjel u tevalwa l-użu li jsir mir-riżorsi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-sistema mill-baġit tal-Unjoni; jitlob li l-kummissarju rilevanti jagħti attenzjoni mill-qrib lill-kwistjoni, u jagħmillu appell speċifiku biex jieħu sehem personalment fil-laqgħat biennali tal-bord tal-gvernaturi; itenni l-fehma tal-Parlament li “rieżami komprensiv” tas-sistema tal-iskejjel Ewropej huwa rikjest b'urġenza; jappella biex l-ewwel abbozz tar-rieżami kkonċernat jiġu pprovdut sat-30 ta' Ġunju 2017;

L-opinjonijiet tal-kumitati

L-affarijiet barranin

283.

Jinnota, filwaqt li jilqa' l-progress miksub, li l-Kummissjoni għadha ma rrikonoxxitx il-konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament Finanzjarju ta' sitta mill-għaxar missjonijiet ċivili li saru taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika l-ħidma biex takkredita l-missjonijiet ċivili kollha taħt il-PSDK, bi qbil mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti, b'mod li tippermettilhom jiġu fdati b'kompiti ta' implimentazzjoni baġitarja taħt ġestjoni indiretta;

284.

Jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma ta' Sostenn għall-Missjonijiet intenzjonata biex tnaqqas il-piż amministrattiv u żżid l-effiċjenza tal-missjonijiet ċivili taħt il-PSDK; jiddispjaċih dwar id-daqs u l-ambitu limitati tagħha, u jtenni l-appell tiegħu biex isir progress ulterjuri lejn ċentru għal servizzi kondiviżi li jkun jista' jwassal għal titjib ulterjuri fil-baġit u fl-effiċjenza permezz taċ-ċentralizzazzjoni tas-servizzi ta' appoġġ għall-missjonijiet kollha li ma jkollhomx bżonn jiġu żgurati lokalment;

285.

Itenni l-fehma tiegħu li hemm bżonn li r-regoli finanzjarji tal-Unjoni jiġu adattati aħjar għall-ispeċifiċitajiet tal-azzjoni esterna, inkluża l-ġestjoni tal-kriżijiet, u jisħaq li hemm bżonn li r-reviżjoni attwali tar-Regolament Finanzjarju tagħti aktar flessibbiltà;

286.

Jinsab imħasseb min-nuqqas ta' mezzi diretti ta' kontroll f'dak li jirrigwarda l-użu tal-assistenza makrofinanzjarja mill-pajjiżi terzi destinatarji; jappella lill-Kummissjoni biex l-assistenza ta' dan it-tip torbotha b'mod aktar strett ma' parametri li jistgħu jitkejlu;

287.

Jilqa' bl-istess mod ir-rakkomandazzjonijiet li l-Qorti ssuġġeriet fir-Rapport Speċjali Nru 13/2016 tagħha dwar l-assistenza tal-Unjoni għat-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika fil-Moldova u fir-Rapport Speċjali Nru 32/2016 tagħha dwar l-assistenza mill-Unjoni lill-Ukrajna; jikkunsidra li jkun tajjeb l-Unjoni tisfrutta kompletament l-influwenza tal-kundizzjonalità u tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tar-riformi li saru sabiex tagħti kontribut pożittiv għar-rinforz tal-prattiki demokratiċi kemm fil-Moldova u kemm fl-Ukrajna.

L-iżvilupp u l-kooperazzjoni

288.

Jilqa' f'dan il-kuntest ir-Rapport Speċjali Nru 9/2016 tal-Qorti dwar l-infiq tal-Unjoni fuq il-politika esterna dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Viċinat tal-Lvant; jirrileva l-fatt li l-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-infiq fil-qasam tal-migrazzjoni esterna tal-Unjoni ma rnexxilux juri l-effikaċja tiegħu, li huwa impossibbli li r-riżultati tiegħu jitkejlu, li l-approċċ tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-migrazzjoni jkollha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp mhuwiex ċar, li l-appoġġ għar-ripatrijazzjoni u r-riammissjoni qed ikollu impatt żgħir u li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, li suppost jirfed l-azzjonijiet kollha, jibqa' teoriku u rarament biss jiġi tradott fil-prattika;

289.

Jilqa' r-Rapport Speċjali Nru 15/2016 tal-Qorti dwar l-infiq fuq l-għajnuna umanitarja fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar; jirrileva li l-Qorti tikkonkludi li l-għajnuna umanitarja li ngħatat lill-popolazzjoni milquta mill-kunflitt fiż-żona tal-Lagi l-Kbar Afrikani kienet, ġeneralment, ġestita b'mod effikaċi mill-Kummissjoni; jisħaq fuq il-kuntrast qawwi fir-rigward tal-infiq fil-qasam tal-migrazzjoni u jqis li dan huwa prova ulterjuri li politiki ta' żvilupp mħejjija tajjeb jagħtu riżultati ħafna aħjar milli jagħti l-attiviżmu fuq żmien qasir fil-qasam tal-migrazzjoni;

290.

Jinsab preokkupat ħafna mix-xejra notevoli fil-proposti reċenti tal-Kummissjoni li qed jiġu injorati d-dispożizzjonijiet legalment vinkolanti tar-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41) f'dak li għandu x'jaqsam mal-infiq eliġibbli tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u l-pajjiżi eliġibbli għall-infiq fil-qafas tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp; ifakkar li l-legalità tal-infiq tal-Unjoni hija prinċipju kruċjali ta' ġestjoni finanzjarja tajba u li l-kunsiderazzjonijiet politiċi ma jmisshomx jieħdu preċedenza fuq dispożizzjonijiet legali spjegati b'mod ċar jekk il-Kummissjoni trid li tibqa' kredibbli fir-rigward tal-kwistjonijiet fil-qasam tal-istat ta' dritt; ifakkar lill-Kummissjoni f'dan il-kuntest rigward is-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (42) dwar il-kooperazzjoni mal-Marokk u l-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent, fejn il-Qorti ddeċidiet li l-Unjoni kisret b'mod konsistenti l-liġi internazzjonali;

291.

Jappoġġa l-użu ta' appoġġ baġitarju b'mod ġenerali, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta u tiddefinixxi b'mod aktar ċar l-eżiti fil-qasam tal-iżvilupp li għandhom jinkisbu permezz tal-appoġġ baġitarju f'kull każ u fuq kollox biex tqawwi il-mekkaniżmi ta' kontroll rigward l-imġiba tal-istati destinatarji fl-oqsma tal-korruzzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jesprimi tħassib serju dwar l-użu potenzjali tal-appoġġ baġitarju fil-pajjiżi li tonqoshom is-sorveljanza demokratika, jew minħabba n-nuqqas ta' demokrazija parlamentari li tiffunzjona, ta' libertajiet għas-soċjetà ċivili u għall-media, jew minħabba n-nuqqas ta' kapaċità tal-korpi ta' sorveljanza;

292.

Jappella lill-Kummissjoni biex tinkorpora approċċ għall-iżvilupp abbażi ta' inċentivi billi tintroduċi l-prinċipju “aktar għal aktar”, waqt li tieħu l-Politika Ewropea tal-Viċinat bħala eżempju; jemmen li, fir-riformi interni tiegħu għall-bini u l-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi, il-qerda tal-korruzzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, aktar ma pajjiż jagħmel progress u aktar ma dan il-progress jimxi b'rata mgħaġġla, aktar għandu jirċievi appoġġ mill-Unjoni; jisħaq li dan l-approċċ ta' “kundizzjonalità pożittiva”, flimkien ma' enfasi qawwija fuq il-finanzjament ta' proġetti fuq skala żgħira għall-komunitajiet rurali, jista' jwassal għal bidla reali u jiggarantixxi li flus il-kontribwenti tal-Unjoni jintefqu b'mod aktar sostenibbli;

293.

Jiddispjaċih li ma saret l-ebda konsultazzjoni minn qabel tal-Parlament meta kien qed jitwaqqaf il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni għall-Afrika; jappella biex isiru sforzi aktar effikaċi biex titqawwa t-trasparenza tad-deċiżjonijiet dwar il-proġetti tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza u jissottolinja n-nuqqas ta' format adegwat għall-konsultazzjoni regolari mal-Parlament; jiddispjaċih li ma ttieħdet l-ebda azzjoni f'dan ir-rigward;

L-impjiegi u l-affarijiet soċjali

294.

Jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-Kummissjoni tuża l-esperjenza miksuba fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u tirrapporta dwar analiżi ffokata tar-regoli nazzjonali dwar l-eliġibbiltà għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 u li, abbażi tagħha, tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom jissemplifikaw u jevitaw regoli kumplessi jew ta' piż bla bżonn;

295.

Jappella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibbiltà li tinkludi l-programmi ta' finanzjament tal-Unjoni fl-Istħarriġ Annwali tagħha dwar il-Piżijiet skont il-qbil li ntlaħaq fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (43); jirrileva li l-introduzzjoni ta' objettivi għat-tnaqqis tal-piżijiet annwali li jinkludu l-programmi ta' finanzjament tal-UE kieku żżid il-konformità u għaldaqstant tikkontribwixxi għal tnaqqis fir-rata ta' żball;

296.

Jilqa' ż-żieda fil-konċentrazzjoni fuq ir-riżultati taħt il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jikkunsidra, madankollu, li jekk l-indikaturi tar-riżultati u s-sistemi ta' monitoraġġ jiġu żviluppati ulterjorment, dan kieku jikkontribwixxi għal responsabbiltà finanzjarja tajba u jżid l-effiċjenza tal-programmi operattivi fil-ġejjieni.

L-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-ikel

297.

Jinsab sodisfatt bil-ħidma mwettqa mill-ħames aġenziji deċentralizzati li jaqgħu fil-qasam ta' responsabbiltà tiegħu u li jwettqu kompiti tekniċi, xjentifiċi jew maniġerjali li jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jfasslu u jimplimentaw il-politiki fil-qasam tal-politika ambjentali u klimatika, is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-ikel, kif ukoll bil-mod kif ġew implimentati l-baġits ta' dawk l-aġenziji;

298.

Jinsab sodisfatt bl-implimentazzjoni kumplessiva tal-baġit operattiv tal-programm LIFE+, li ammontat għal 99,95 % f'approprjazzjonijiet ta' impenn u 98,93 % f'approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2015; jisħaq li l-programm LIFE+ ikkontribwixxa sabiex iżid l-għarfien u l-parteċipazzjoni min-naħa tal-pubbliku fil-leġiżlazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika ambjentali tal-Unjoni, kif ukoll sabiex itejjeb il-governanza f'dan is-settur; jinnota li fl-2015, EUR 225,9 miljun ġew impenjati għal għotjiet għal azzjoni, EUR 40 miljun intużaw għal strumenti finanzjarji ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment u EUR 59,2 miljun intużaw għal miżuri maħsuba biex jappoġġaw ir-rwol tal-Kummissjoni li tibda u tissorvelja l-iżvilupp tal-politika u tal-leġiżlazzjoni; jinnota li EUR 10,2 miljun intużaw bħala appoġġ amministrattiv għall-programm LIFE u bħala appoġġ għall-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji;

299.

Jieħu nota tal-fatt li d-DĠ CLIMA żied ir-rata ta' implimentazzjoni tiegħu għal 99,9 % ta' EUR 108 747 880 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u 91,77 % ta' EUR 47 479 530 f'approprjazzjonijiet ta' pagament, u li jekk din in-nefqa amministrattiva ma titqisx, ir-rata ta' implimentazzjoni tal-pagamenti tilħaq is-96,88 %;

300.

Jinkoraġġixxi lill-awtorità baġitarja biex, fil-futur, tiffoka fuq il-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji li jkollhom valur miżjud reali għall-Unjoni; jirrikonoxxi li ġew implimentati għaxar proġetti pilota u ħames azzjonijiet preparatorji li b'kollox ammontaw għal EUR 1 400 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 5 599 888 f'approprjazzjonijiet ta' pagament;

301.

Jirrikonoxxi li evalwazzjoni tat-tieni Programm fil-qasam tas-Saħħa (2008-2013) ġiet iffinalizzata fl-2015; jilqa' l-fatt li t-tielet Programm fil-qasam tas-Saħħa ġie rinforzat fl-2015 biex jappoġġa u jrawwem l-iskambju ta' informazzjoni u prattiki tajba fl-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom mal-isfidi marbuta mal-akkoljenza ta' ammont sinifikanti ta' migranti, applikanti għal ażil u rifuġjati, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-preparazzjoni tad-Direttort Ġenerali għas-Saħħa u għas-Sikurezza tal-Ikel ta' rekord mediku personali għall-valutazzjoni tas-saħħa tal-migranti biex jintuża fil-“punti kritiċi” u fiż-żoni ta' akkoljenza u ta' baġit addizzjonali għall-proġetti marbuta mas-saħħa tal-migranti;

It-trasport u t-turiżmu

302.

Jinnota li, fl-2015, EUR 12,8 biljun ġew allokati għal 263 proġett fil-qasam tat-trasport permezz ta' ftehimiet ta' għotja ffirmati fl-2015 fl-ambitu tas-sejħiet għal proposti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-2014; jinnota wkoll li l-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa ġġenera EUR 28,3 biljun ta' investimenti totali, u jgħaqqad kontribuzzjoni tal-Unjoni ma' baġits reġjonali u mill-Istati Membri, kif ukoll self mill-Bank Ewropew għall-Investiment;

303.

Jinnota li, għall-qasam “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi”, li għalih jappartjeni s-settur tat-trasport, l-awditu tal-Qorti kopra biss seba' tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobiltà u Trasport (DĠ MOVE); jinnota li nstabu żbalji f'waħda biss mit-tranżazzjonijiet awditjati u li dawk l-iżbalji jikkonċernaw nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku;

304.

Jindika li r-rapport ta' evalwazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment jinnota żbilanċi ġeografiċi u konċentrazzjonijiet settorjali fil-portafoll tal-komponent “Infrastruttura u Innovazzjoni” u li l-finanzjament taħt il-komponent “Infrastruttura u Innovazzjoni” jinsab kkonċentrat (63 %) fi tliet Stati Membri; jappella lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tivvaluta l-impatt tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fuq l-Unjoni kollha kemm hi; jiddispjaċih li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi mhuwiex qed jintuża biżżejjed għall-finanzjament ta' proġetti innovattivi fil-qasam tat-trasport f'kull modalità ta' trasport, pereżempju biex jiġu promossi l-mezzi ta' trasport sostenibbli jew biex jitħeġġu ulterjorment kemm il-proċess ta' diġitalizzazzjoni kif ukoll l-aċċessibbiltà mingħajr ostakli;

305.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni (DĠ MOVE) għadha ma stabbilitx dokument strateġiku konsolidat formalizzat għas-superviżjoni fuq l-iżvilupp tal-kurituri tan-netwerk ewlieni TEN-T; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tadotta dokument strateġiku ta' dan it-tip rigward l-attivitajiet ta' superviżjoni u t-trasparenza; ifakkar li t-trasparenza u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha jikkontribwixxu għas-suċċess tal-proġetti fil-qasam tat-trasport;

306.

Jindika li l-proġetti fil-qasam tat-trasport fil-perjodu 2014-2020 se jiġu ffinanzjati minn diversi sorsi, inklużi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-FK, il-FEŻR u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi; jappella, għaldaqstant, lill-Kummissjoni biex tiżviluppa s-sinerġiji li jippermettu kemm li dawn is-sorsi ta' finanzjament differenti jallokaw il-fondi disponibbli b'mod aktar effiċjenti, kif ukoll it-taħlit ta' dawn ir-riżorsi; jappella lill-Kummissjoni biex kull sena tipprovdi u tippubblika, inter alia fuq is-siti tagħha fuq l-Internet, listi faċilment aċċessibbli tal-proġetti fl-oqsma tat-trasport, inklużi l-perċentwali tas-sehem modali, u tat-turiżmu, li jkunu qed jiġu kofinanzjati permezz tal-fondi msemmija;

L-iżvilupp reġjonali

307.

Jappella lill-Kummissjoni biex, permezz tal-grupp ta' livell għoli (44), tagħti attenzjoni speċifika lir-regoli nazzjonali dwar l-eliġibbiltà fl-awditu tagħha tas-sistemi nazzjonali ta' ġestjoni u kontroll, biex b'hekk tgħin lill-Istati Membri jissemplifikawhom b'mod li jippermetti li jsiru tibdiliet; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi applikat il-prinċipju ta' awditu uniku; jappella lill-Kummissjoni biex, permezz ta' gwida semplifikata u effikaċi, tiċċara l-kunċett ta' VAT li tista' tiġi rkuprata sabiex tevita li jkun hemm interpretazzjoni differenti tat-terminu “VAT li ma tistax tiġi rkuprata” u tevita użu subottimali tal-fondi tal-Unjoni; jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jiżguraw li l-benefiċjarji jiġu pprovduti b'informazzjoni konsistenti dwar il-kundizzjonijiet ta' finanzjament, b'mod partikolari dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa u l-limiti massimi rilevanti għar-rimborż;

308.

Jiddeplora l-fatt li, fl-2015, l-awtoritajiet maniġerjali ppreżentaw numru iktar baxx ta' dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż għar-rimborż milli ppreżentaw fl-2014, li wassal għal tnaqqis fl-ammont tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż mhux imħallsa minn EUR 23,2 biljun fl-2014 għal EUR 10,8 biljun fl-2015, li minnhom EUR 2,8 biljun baqgħu ma tħallsux sa tmiem l-2014; jindika li d-dewmien fl-eżekuzzjoni baġitarja għall-perjodu 2014-2020 mhux suppost ikun iżjed minn dak għall-perjodu preċedenti u jwassal biex id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż mhux imħallsa jakkumulaw lejn tmiem il-perjodu ta' finanzjament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib flimkien mal-Istati Membri u tadatta l-pjan ta' pagament tagħha konsegwentement;

309.

Jiddispjaċih li, sat-30 ta' Ġunju 2016, mhux l-Istati Membri kollha kienu ttrasponew id-direttivi dwar l-akkwist pubbliku, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tassisti lill-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità tagħhom biex jittrasponu dawn id-direttivi, kif ukoll biex jimplimentaw il-pjanijiet ta' azzjoni kollha tagħhom dwar il-kundizzjonalitajiet ex ante, peress li dawn huma prerekwiżit essenzjali għall-prevenzjoni tal-irregolaritajiet frodulenti u mhux; jisħaq fuq l-importanza tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-akkwist pubbliku għall-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej fil-perjodu 2014-2020, bil-għan li jiġu ssemplifikati, mħaffa u armonizzati l-proċeduri elettroniċi fil-qasam tal-akkwist pubbliku;

310.

Jinnota li r-rata ta' żborż medja għall-istrumenti finanzjarji tal-FEŻR u tal-FSE kienet ta' 57 % fi tmiem l-2014, li tirrappreżenta biss żieda ta' 10 % meta mqabbla ma' dik tal-2013; jiddispjaċih dwar l-osservazzjoni tal-Qorti dwar il-fatt li l-perjodu ta' eleġibbiltà tal-iżborżi li saru lid-destinatarji finali fl-ambitu tal-istrumenti finanzjarji ġie estiż permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni minflok regolament emendatorju; jesprimi tħassib dwar il-possibbiltà li l-Qorti tiddeċiedi li l-iżborżi kollha li jkunu saru wara l-31 ta' Diċembru 2015 kienu irregolari; jinnota bi tħassib li sehem sinifikanti tad-dotazzjonijiet inizjali tal-istrumenti finanzjarji tal-FEŻR u FSE matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 intefaq fuq l-ispejjeż u l-ħlasijiet maniġerjali;

311.

Jilqa' pożittivament l-approċċ tal-Qorti li jikkonċentra fuq il-prestazzjoni, u jikkunsidra li d-definizzjoni tal-indikaturi tar-riżultati rilevanti min-naħa tal-awtoritajiet maniġerjali biex ikejlu l-kontribut tal-proġetti għall-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fil-programmi operattivi, bi qbil mal-kriterju tal-addizzjonalità, hija prattika tajba; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi intensifikata l-komunikazzjoni; jappella lill-Kummissjoni biex tidentifika mezzi ta' komunikazzjoni aktar effiċjenti b'mod li żżid il-viżibbiltà tal-investimenti li jużaw il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej; jappella lill-Kummissjoni biex tiżviluppa għadd limitat ta' indikaturi rilevanti li jistgħu jgħinu biex titkejjel il-prestazzjoni;

312.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-istrumenti territorjali billi jiżguraw li, fi żmien debitu, jiġi approvat il-finanzjament tal-istrateġiji integrati fil-qasam tal-iżvilupp urban, li se jippermettu li l-bliet jinvestu fi strateġiji komprensivi, jisfruttaw is-sinerġiji bejn il-politiki u jiżguraw impatt fit-tul aktar effikaċi fuq it-tkabbir u l-impjiegi.

L-agrikoltura u l-iżvilupp rurali

313.

Jitlob lill-Qorti tkompli tipprovdi valutazzjonijiet separati għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija, għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u għall-Intestatura 2, anke wara s-sena finanzjarja li jmiss, peress li l-valutazzjonijiet separati jippermettu li tittieħed azzjoni mmirata biex jittejbu r-rati ta' żball li huma konsiderevolment differenti;

314.

Iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex ikomplu jindirizzaw u jnaqqsu l-kumplessitajiet fir-rigward tal-pagamenti diretti kull fejn ikun possibbli, u b'mod partikolari jekk ikun hemm ħafna livelli differenti involuti fl-amministrazzjoni tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija;

315.

Jilqa' l-ġenerazzjoni ġdida ta' strumenti finanzjarji addizzjonali, iżda jemmen li dawn jeħtiġilhom jitfasslu b'objettivi aktar ċari u grad suffiċjenti ta' skrutinju fi tmiem il-perjodu ta' implimentazzjoni biex jintwera l-impatt tagħhom u jiġi żgurat li ma jirriżultawx fiż-żieda tar-rata ta' żball;

316.

Jappella biex, fir-rigward tal-aġenziji ta' pagament nazzjonali fl-Istati Membri li naqsu milli jissodisfaw l-aspettativi f'dawn l-aħħar tliet snin, r-responsabbiltà f'dawk l-aġenziji ta' pagament taqa' f'idejn uffiċjali tal-Unjoni li diġà jkunu fil-kariga minflok ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat;

317.

Jiġbed l-attenzjoni għan-natura pluriennali tas-sistema għall-ġestjoni tal-politika agrikola u jenfasizza li l-evalwazzjoni finali tal-irregolaritajiet relatati mal-implimentazzjoni tar-regolament (45) se tkun possibbli biss fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni;

318.

Jinnota li ma jkunx tajjeb li s-semplifikazzjoni tal-PAK tqiegħed f'riskju l-produzzjoni vijabbli tal-ikel u jappella biex jiġu introdotti miżuri li jiffavorixxu t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tuża livell baxx ta' karbonju fis-settur agroalimentari u f'dak tal-forestrija.

Is-sajd

319.

Jinsab sodisfatt meta jara li s-segwitu li ngħata għar-riżervi li d-DĠ MARE esprima fir-rapport annwali tiegħu tal-2014 fir-rigward tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll għall-programmi tal-Fond Ewropew għas-Sajd (2007-2013) ippermetta li jitnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd tal-programmi operattivi u l-Istati Membri kkonċernati għal ħamsa biss;

320.

Għandu rasu mistrieħa li s-sistema ta' kontroll intern implimentata mid-DĠ MARE tipprovdi biżżejjed assigurazzjoni biex ir-riskju relatat mal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet jiġi ġestit b'mod adegwat;

321.

Jilqa' l-fatt li l-ebda waħda mit-12-it tranżazzjoni speċifikament relatati mas-sajd li awditjat il-Qorti ma turi żbalji kwantifikabbli;

322.

Iqis, madankollu, li huwa ta' dispjaċir il-fatt li l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri bagħtu tard ħafna d-dettalji tal-programmi operattivi tagħhom li huma relatati mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u dan ikkawża dewmien kbir fil-mobilizzazzjoni tal-fondi;

323.

Jinnota li, b'konsegwenza ta' dan, l-ebda nefqa ma ġiet iddikjarata lill-Kummissjoni qabel it-30 ta' Ġunju 2015 u għaldaqstant ma sar il-monitoraġġ tal-ebda nefqa sa dik id-data; jindika li l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet taħt ġestjoni kondiviża;

Il-kultura u l-edukazzjoni

324.

Itenni l-fatt li l-inkorporazzjoni tal-programmi kollha għall-mobbiltà taż-żgħażagħ fl-Unjoni f'Erasmus+ hija primarjament maħsuba biex iżżid l-effikaċja tagħhom, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm mal-għanijiet u l-linji baġitarji miftiehma tal-programm sabiex tevita li l-programm jitlef il-fokus tiegħu;

325.

Jilqa' r-reattività li wrew kemm Erasmus+ kif ukoll Ewropa Kreattiva fir-rispons tagħhom għall-isfidi emerġenti fl-oqsma tal-integrazzjoni tar-rifuġjati/migranti u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fl-2015;

326.

Jinnota li s-self taħt il-Faċilità ta' Garanzija ta' Self lill-Istudenti (self taħt Erasmus+ għall-Masters) tqiegħed għad-dispożizzjoni għall-ewwel darba fl-2015, bl-iskema mnedija minn żewġ banek fi Spanja u Franza; jinsisti li, biex din issir faċilità ta' self vijabbli, se jkun vitali li tiġi żgurata kopertura ġeografika wiesgħa u li l-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-kundizzjonijiet tas-self;

327.

Ifakkar li l-2015 kienet l-ewwel sena fejn il-ġestjoni tal-programm Ewropa Kreattiva saret minn żewġ direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u għall-Kultura u d-Direttorat Ġenerali għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, Il-Kontenut u t-Teknoloġija; jinsisti fuq il-ħtieġa ta' approċċ ikkoordinat sabiex l-isfidi organizzattivi interni ma jxekklux il-funzjonament tal-programm jew il-perċezzjoni tiegħu min-naħa tal-pubbliku;

Il-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-intern

328.

Jappella lill-Kummissjoni biex tabbozza u tippreżenta lill-awtorità ta' kwittanza rekord storiku tal-każijiet ta' kunflitti ta' interess li ġew identifikati;

329.

Jiddispjaċih li l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fir-rapport annwali tal-attività tad-DĠ HOME ma jkoprux il-volum ta' persuni li ġew assistiti, risistemati, rilokati u ripatrijati fl-2015; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' indikaturi għall-evalwazzjoni tal-effett tal-miżuri li ġew adottati biex jirrinforzaw il-koordinament u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi;

330.

Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' prijoritajiet politiċi aktar ċari u fuq żmien twil, bi traduzzjoni aktar konkreta fi prijoritajiet operattivi; jisħaq f'dan ir-rigward fuq l-importanza ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-korpi l-oħra, speċjalment l-aġenziji;

331.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' allinjament tal-istrutturi ta' governanza tas-sigurtà tal-informazzjoni tal-Kummissjoni mal-aħjar prattiki rikonoxxuti (skont ir-rapport tal-awditjar tas-Servizz tal-Awditjar Intern);

Il-kwistjonijiet relatati mal-ġeneri

332.

Jindika li jkun tajjeb li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tkun objettiv trasversali għal kull qasam politiku; jinnota madankollu li wħud mill-programmi m'għandhomx azzjonijiet immirati speċifiċi b'allokazzjonijiet baġitarji speċifiċi biex jissodisfaw dan l-objettiv, u li ġbir aħjar tad-data suppost jirriżulta mhux biss fil-kwantifikazzjoni tal-approprjazzjonijiet allokati għall-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda anke f'titjib tal-evalwazzjoni tal-impatt ta' dawk il-fondi tal-Unjoni;

333.

Itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tuża l-ibbaġitjar abbażi tal-ġeneri f'kull stadju tal-proċess baġitarju, inkluż, fost affarijiet oħra, fl-implimentazzjoni tal-baġit u fil-valutazzjoni tal-eżekuzzjoni tiegħu, inklużi l-FEIS, il-FSE, il-FEŻR, u Orizzont 2020, b'mod li tiġġieled id-diskriminazzjoni li qed isseħħ fl-Istati Membri; jisħaq li jkun tajjeb li sett komuni ta' indikaturi kwantifikabbli tar-riżultati u tal-impatti, li jkun jippermetti valutazzjoni aħjar tal-implimentazzjoni tal-baġit mill-perspettiva tal-ġeneri, jiġi inkorporat fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-baġit, bi qbil mal-inizjattiva “Baġit iffukat fuq ir-Riżultati” u l-konċentrazzjoni fuq il-prestazzjoni;

334.

Jappella lill-Kummissjoni biex tuża analiżi tal-linji baġitarji ġodda u ta' dawk eżistenti li tkun tqis il-perspettiva ta' bbaġitjar abbażi tal-ġeneri u biex, fejn ikun possibbli, twettaq il-bidliet meħtieġa fil-politika biex tiżgura li l-inugwaljanza bejn il-ġeneri ma sseħħx b'mod indirett.


(1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.

(3)  Rapport speċjali Nru 31/2016 tal-Qorti.

(4)  Ir-Rapport Speċjali Nru 05/2015 u Nru 19/2016 tal-Qorti.

(5)  Il-Kummissjoni Ewropea, DĠ REGIO: sommarju tad-data dwar il-progress li sar fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' inġinerija finanzjarja rrapportata mill-awtoritajiet maniġerjali bi qbil mal-Artikolu 67(2)(j) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, is-sitwazzjoni fil-31 ta' Diċembru 2015, 20 ta' Settembru 2016, p. 61.

(6)  Ara l-punt 1.39 tar-rapport annwali tal-Qorti għall-2015.

(7)  Ara l-paragrafi 3.22 u 3.23 tar-rapport annwali tal-Qorti għall-2015.

(8)  Ara l-paragrafu 3.29 tar-rapport annwali tal-Qorti għall-2015.

(9)  Ara l-paragrafi 3.33 sa 3.38 tar-rapport annwali tal-Qorti għall-2015.

(10)  Ara l-paragrafu 3.56 tar-rapport annwali tal-Qorti għall-2015.

(11)  Ara l-punt 4.16 tar-rapport annwali tal-Qorti għall-2015.

(12)  COM(2016)674, SWD(2016)338, SWD(2016)339.

(13)  “Impenn u Koerenza — Evalwazzjoni Ex-Post tas-Seba' Programm Kwadru tal-UE (2007-2013)”, Novembru 2015.

(14)  Ir-rapport annwali tal-Qorti għall-2015, punt 3.19.

(15)  Ir-rapport annwali tal-Qorti għall-2015, punt 3.22.

(16)  Ir-rapport annwali tal-Qorti għall-2015, taqsima 3.

(17)  Riżoluzzjoni (UE, Euratom) 2016/1461 tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima III — Il-Kummissjoni u Aġenziji Eżekuttivi, punt 8 (ĠU L 246, 14.9.2016, p. 27).

(18)  Ir-rapport annwali tal-attività 2015, id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, Brussell 2016, paġna 11, in-nota 8 f'qiegħ il-paġna.

(19)  SWD(2016)318.

(20)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(21)  Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(22)  Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(23)  L-ewwel riżultati tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, Rapport finali lid-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Ġunju 2016.

(24)  Ir-rapport annwali tal-Qorti dwar is-sena finanzjarja 2015, punt 6.36.

(25)  Tweġiba għall-mistoqsija 19 fil-mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissarju Crețu.

(26)  Ara paragrafu 8 tar-riżoluzzjoni tat-28 ta' April 2016.

(27)  Ir-rapport annwali tal-Qorti għall-2015, punt 6.9, nota numru 8 f'qiegħ il-paġna.

(28)  Kieku dawn l-iżbalji ġew evitati, il-livell ta' żball stmat minna għal “Appoġġ tas-suq u għajnuna diretta” kien jitnaqqas b'0,9 punti perċentwali u dak għal “Żvilupp rurali u politiki oħra” bi 3,2 punti perċentwali.

(29)  Ir-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ AGRI jiddikjara li r-rata ta' żball aġġustata aggregata niżlet minn 2,61 % fl-2014 għal 1,47 % fl-2015.

(30)  Full time tfisser l-ammont minimu ta' sigħat rikjest mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti li jirregolaw il-kuntratti ta' impieg. Jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jindikawx in-numru ta' sigħat, jitqies li 1 800 siegħa huma n-numru minimu ta' sigħat ta' xogħol fis-sena: ekwivalenti għal 225 ġurnata xogħol ta' tmien sigħat kull waħda.

(31)  Skont l-aħħar Stħarriġ tal-Istruttura tal-Farms (Eurostat), il-bidla kumplessiva fil-forza tax-xogħol agrikola fl-UE 28 matul il-perjodu 2007-2013 kienet tnaqqis ta' 2,3 miljun unità ta' xogħol annwali, li huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta' 19,8 %.

(32)  Ara t-tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub nru 3 mis-smigħ tal-Kummissarju Hogan tad-29 ta' Novembru 2016.

(33)  Ara paragrafu 317 tar-riżoluzzjoni tat-28 ta' April 2016.

(34)  L-Istati Membri jeħtiġilhom inaqqsu d-differenzi bejn il-livelli tal-pagamenti għal kull ettaru lill-benefiċjarji fit-territorji rispettivi tagħhom (dan huwa magħruf bħala “konverġenza interna”). Fil-prinċipju (għalkemm japplikaw ċerti eċċezzjonijiet), jeħtiġilhom ukoll inaqqsu b'5 % minn tal-anqas id-dħul ta' aktar minn EUR 150 000 li kwalunkwe benefiċjarju jaqla mill-iskema ta' pagament bażiku jew mill-iskema ta' pagament uniku skont l-erja. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jiddistribwixxu mill-ġdid massimu ta' 30 % tal-pakkett nazzjonali bil-pagamenti diretti tagħhom għall-ewwel 30 ettaru fuq kull farm (“pagament ridistributtiv”), kif ukoll li jistabbilixxu limitu massimu assolut fuq id-dħul ta' kull benefiċjarju mill-iskema ta' pagament bażiku jew mill-iskema ta' pagament uniku skont l-erja (“iffissar ta' limitu massimu”).

(35)  Ara l-Artikolu 35(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59) u r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(36)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)2210 tat-12 ta' April 2016 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 5434 li tawtorizza l-użu tar-rimborż abbażi tal-ispejjeż unitarji għall-attivitajiet implimentati minn entità tal-Grupp tal-Bank Dinji skont il-Ftehim Qafas mal-Unjoni.

(37)  Ara t-tweġiba għall-mistoqsija bil-miktub nru 23 mis-smigħ tal-Kummissarju Avramopoulos tad-29 ta' Novembru 2016.

(38)  Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(39)  C(2016)3301.

(40)  Ara l-paragrafu 38 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2012 li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, Taqsima III — Il-Kummissjoni u Aġenziji Eżekuttivi (ĠU L 286, 17.10.2012, p. 31).

(41)  Ir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44).

(42)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C-104/16 P, ECLI:EU:C:2016:973.

(43)  Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).

(44)  Il-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti Indipendenti dwar il-Monitoraġġ tas-Semplifikazzjoni għall-Benefiċjarji tal-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej.

(45)  Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).