11.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 369/167


P8_TA(2017)0476

Emendi għal diversi Regolamenti fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemendaw ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1308/2013 u (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2016)0605 – C8-0404/2017 – 2016/0282B(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 369/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0605),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tas-16 ta' Novembru 2017 li taqsam il-proposta tal-Kummissjoni u li tawtorizza lill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jfassal rapport leġiżlattiv separat għad-dispożizzjonijiet b'rabta mal-mandat ta' dan il-Kumitat, b'mod partikolari l-Artikoli 267 sa 270 u 275 tal-proposta tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u (3) u l-Artikolu 42, l-Artikolu 43(2) u l-punt (b) tal-Artikolu 168(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 1/2017 tas-26 ta' Jannar 2017 (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 (2),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta' Mejju 2017 (3),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0211/2017),

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-15 ta' Novembru 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0380/2017),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Japprova d-dikjarazzjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

4.

Jissottolinja li l-qsim tal-proposta tal-Kummissjoni għandu l-għan li jippermetti li d-dispożizzjonijiet b'rabta mal-mandat tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2018 u li l-parti li jkun jifdal mill-proposta tal-Kummissjoni (4) tiġi eżaminata fi stadju suċċessiv;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

6.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 91, 23.3.2017, p. 1.

(2)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 63.

(3)  ĠU C 306, 15.9.2017, p. 64.

(4)  Numru tal-proċedura 2016/0282A(COD).


P8_TC1-COD(2016)0282B

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Diċembru 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il- ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal- pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/2393.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI MILL-PARLAMENT EWROPEW

Ir-regoli l-ġodda dwar organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-liġi dwar il-kompetizzjoni (OKS)

Il-Parlament Ewropew ifakkar li, skont l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-regoli dwar il-kompetizzjoni japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ ta' prodotti agrikoli biss sa fejn jista' jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, waqt li jittieħed kont tal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) kif stabbiliti fl-Artikolu 39 tal-istess Trattat.

Kif stipulat fit-Trattat, u f'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (1), l-għanijiet tal-PAK jipprevalu fuq dawk tal-politika tal-kompetizzjoni Ewropea. Madankollu, is-swieq agrikoli mhumiex eżenti mill-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. L-adattament tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-ispeċifiċitajiet agrikoli huwa l-prerogattiva tal-koleġiżlaturi, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

F'dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew permezz ta' dan ir-Regolament jipproponi kjarifika tar-relazzjoni bejn ir-regoli tal-PAK, b'mod partikolari r-rwol u l-missjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, u l-applikazzjoni tal-liġi Ewropea dwar il-kompetizzjoni. Din il-kjarifika hija meħtieġa minħabba l-inċertezzi eżistenti dwar l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli, u hija essenzjali biex jintlaħaq l-objettiv tal-Unjoni li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel. Il-proposti tal-Parlament Ewropew huma bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tat-Task Force għas-Swieq Agrikoli (AMTF) tal-14 ta' Novembru 2016. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet kienu bbażati fuq sensiela ta' seduti ta' smigħ u kontribuzzjonijiet riċevuti mingħand l-atturi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel: produtturi, proċessuri u bejjiegħa bl-imnut.

Il-Parlament Ewropew għandu l-għan li jissimplifika u jiċċara l-kundizzjonijiet li skonthom l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-setturi kollha elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistgħu, f'isem il-membri tagħhom, iwettqu attivitajiet ta' ppjanar tal-produzzjoni, tqegħid fis-suq, negozjar ta' kuntratti għall-provvista ta' prodotti agrikoli u titjib fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Dawn il-kompiti jirrikjedu essenzjalment l-eżistenza ta' ċerti prattiki, inklużi konsultazzjonijiet interni u l-iskambju ta' informazzjoni kummerċjali fi ħdan dawk l-entitajiet. Għalhekk qed jiġi propost li dawn il-prattiki jaqgħu barra mill-ambitu tal-projbizzjoni ta' ftehimiet antikompetittivi, stabbilita permezz tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE, u li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, li jwettqu tal-inqas attività ekonomika waħda, jibbenefikaw minn deroga mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu. Madankollu, din id-deroga mhijiex assoluta: l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jżommu l-possibbiltà li jintervjenu jekk jikkunsidraw li attivitajiet bħal dawn aktarx jeskludu l-kompetizzjoni jew ifixklu l-objettivi tal-PAK.

Ir-rwol u l-missjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u r-relazzjoni tagħhom mal-liġi dwar il-kompetizzjoni huma għaldaqstant iċċarati. Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi istituzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew iqis li r-regoli l-ġodda ma jirrikjedux aktar kjarifiki, fil-forma ta' linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea."

DIKJARAZZJONIJIET MILL-KUMMISSJONI

“Artikolu 1 – Żvilupp rurali

   Estensjoni tal-perjodu tal-pjanijiet ta' żvilupp rurali

In-nefqa marbuta mal-programmi ta' żvilupp rurali għas-snin 2014-2020 approvata skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 se tibqa' eliġibbli għall-kontribut tal-FAEŻR jekk titħallas lill-benefiċjarji qabel il-31 ta' Diċembru 2023. Il-Kummissjoni se tindirizza t-tkomplija tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-2020 'l quddiem fil-kuntest tal-proposta tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss.

   Il-ġestjoni tar-riskju

Il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tirrevedi l-funzjonament u l-effiċjenza tal-għodod ta' ġestjoni tar-riskju li bħalissa huma inklużi fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, fil-kuntest tal-proposta tagħha dwar il-modernizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni.

   Penali għal-Leader

Il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tirrevedi l-effettività u l-proporzjonalità tal-penali għal-LEADER inklużi fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014.

Artikolu 2 – Regolament Orizzontali

   Riżerva għall-kriżijiet

Il-Kummissjoni tikkonferma li l-operat tar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu, u r-rimborż tal-approprjazzjonijiet marbutin mad-dixxiplina finanzjarja kif previst mill-Artikoli 25 u 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, se jiġu rriveduti fil-kuntest tat-tħejjijiet għall-QFP li jmiss, bil-għan li jingħata lok għal intervent effiċjenti u f'waqtu fi żminijiet ta' kriżi fis-suq.

   Awditu uniku

Il-Kummissjoni tappoġġa l-istrateġija ta' awditu uniku, kif tikkonferma l-proposta tagħha għall-Artikolu 123 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid. Il-Kummissjoni tikkonferma wkoll li l-qafas legali attwali għall-ġestjoni u l-kontroll tan-nefqa agrikola, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, diġà jagħti lok għal tali approċċ, u li dan diġà ġie adottat fl-istrateġija tal-awditjar tagħha għall-perjodu 2014-2020. B'mod partikulari, fejn l-opinjoni tal-Korp taċ-Ċertifikazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 titqies affidabbli, il-Kummissjoni tqis din l-opinjoni meta tiġi biex tivvaluta l-bżonn ta' awditi tal-aġenzija tal-pagamenti kkonċernata.

Artikolu 3 – Pagamenti Diretti

   Il-Pjan tal-Proteini

Il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni tagħha li tirrevedi l-qagħda tal-provvista u tad-domanda għall-proteini tal-pjanti fl-UE, u li tqis il-possibbiltà li tiġi żviluppata ‘strateġija Ewropea għall-proteini tal-pjanti’ bil-għan li tkompli tħeġġeġ il-produzzjoni tal-proteini tal-pjanti fl-UE b'mod favorevoli għall-ekonomija u għall-ambjent.

Artikolu 4 – OKS

   Skemi volontarji ta' tnaqqis fil-produzzjoni

Il-Kummissjoni tikkonferma li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli diġà jinkludi, fl-Artikoli 219 u 221 tiegħu, il-bażi ġuridika meħtieġa li, soġġett għad-disponibbiltà ta' riżorsi baġitarji, tippermettilha tindirizza d-disturb fis-suq u problemi speċifiċi oħra, inkluż fil-livell reġjonali, bil-possibbiltà li tingħata għajnuna finanzjarja diretta lill-bdiewa. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni biex tiżdied, mar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali, għodda għall-istabbilizzazzjoni tad-dħul speċifika għas-settur, se tippermetti lill-Istati Membri jinkludu fil-programmi ta' żvilupp rurali tagħhom il-possibbiltà li jikkumpensaw lill-bdiewa f'settur speċifiku f'każ ta' tnaqqis sinifikanti fid-dħul tagħhom.

Il-Kummissjoni tikkonferma wkoll li l-Artikolu 219 jippermettilha ddaħħal, f'każ ta' disturb fis-suq jew riskju ta' disturb fis-suq, skemi li fihom tingħata għajnuna tal-Unjoni lil produtturi li jintrabtu li jnaqqsu l-produzzjoni tagħhom b'mod volontarju, inkluż id-dettalji meħtieġa għall-operat ta' tali skema (eż. ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1612, ĠU L 242, 9.9.2016, p. 4).

   Ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali transnazzjonali

Il-Kummissjoni tfakkar li jeżistu regoli, stipulati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/232, dwar il-kooperazzjoni fost il-produtturi fejn jidħol ir-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali, tal-assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi transnazzjonali, jew tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali transnazzjonali, inkluż il-kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa fost l-Istati Membri kkonċernati. L-operat u l-adegwatezza ta' dawn ir-regoli se jiġu rriveduti fil-kuntest tal-proċess li għaddej fuq il-modernizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-PAK.

   Prattiki kummerċjali inġusti

Il-Kummissjoni tikkonferma li varat inizjattiva dwar il-katina tal-provvista tal-ikel, li għaddejja bħalissa mid-diversi stadji meħtieġa mil-linji gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar. Se tiddeċiedi fuq proposta leġiżlattiva possibbli ladarba din il-proċedura tkun tlestiet, jekk possibbli fl-ewwel nofs tal-2018.

   Stqarrija tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fost il-produtturi

Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar l-emendi lill-Artikoli 152, 209, 222 u 232. Il-Kummissjoni tinnota li l-emendi miftiehma mill-Parlament u mill-Kunsill huma ta' natura sostanzjali, u li ġew inklużi mingħajr valutazzjoni tal-impatt kif rikjest mill-punt 15 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Dan iwassal għal livell mhux mixtieq ta' inċertezza legali u proċedurali, u l-impatt u l-implikazzjonijiet possibbli tagħha mhumiex magħrufa.

Billi l-bidliet lill-proposta oriġinali tal-Kummissjoni meħudin flimkien iwasslu għal tibdil sinifikanti tal-qafas legali, il-Kummissjoni tinnota bi tħassib li wħud mid-dispożizzjonijiet il-ġodda favur l-organizzazzjonijiet tal-prodotturi jaf ikollhom l-effett li jipperikolaw il-vijabbiltà u l-benessri tal-bdiewa ż-żgħar, kif ukoll l-interess tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni tikkonferma l-impenn tagħha li tissalvagwardja l-kompetizzjoni effettiva fis-settur agrikolu, u li tagħti effett sħiħ lill-objettivi tal-PAK stipulati fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-emendi miftiehma mill-koleġiżlaturi jipprevedu biss rwol limitat ħafna kemm għall-Kummissjoni u kemm għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fis-salvagwardja ta' kompetizzjoni effettiva.

Il-qbil ġenerali tal-Kummissjoni dwar il-proposta ‘Omnibus’, inklużi l-emendi miftiehma mill-Parlament u mill-Kunsill, huwa mingħajr ħsara għal kwalunkwe proposta futura li l-Kummissjoni tista' tressaq f'dawn l-oqsma fil-kuntest tar-riforma tal-politika agrikoli komuni għall-perjodu ta' wara l-2020, kif ukoll għal kwalunkwe inizjattiva oħra li tkun maħsuba speċifikament biex tindirizza wħud mill-kwistjonijiet ittrattati mit-test li issa huwa miftiehem bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-kwistjoni tar-rwol limitat ħafna, kemm għall-Kummissjoni u kemm għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, fis-salvagwardja ta' kompetizzjoni effettiva, għadha ma ġietx indirizzata b'mod sodisfaċenti mill-koleġiżlaturi, u tesprimi tħassib rigward l-implikazzjonijiet possibbli ta' din il-limitazzjoni għall-bdiewa u għall-konsumaturi. Il-Kummissjoni tinnota li t-test legali għandu jiġi interpretat b'mod konsistenti mat-Trattat, speċifikament rigward il-possibbiltà li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jintervjenu jekk organizzazzjoni tal-produtturi, li tkopri sehem kbir mis-suq, tfittex li tirrestrinġi l-libertà tal-membri tagħha biex jaġixxu. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li din il-possibbiltà mhijiex issalvagwardjata biċ-ċar fit-test legali.”


(1)  Sentenza Maizena, 139/79, EU:C:1980:250, paragrafu 23. Sentenza Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, EU:C:1994:367, paragrafu 61.