25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 263/168


P8_TA(2017)0066

Il-merkurju ***I

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (COM(2016)0039 – C8-0021/2016 – 2016/0023(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

(2018/C 263/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0039),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 192(1) u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0021/2016),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' Mejju 2016 (1),

wara li kkonsulta mal-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-16 ta' Diċembru 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0313/2016),

1.

Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.

Japprova d-dikjarazzjoni mill-Parlament mehmuża ma’ din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni mehmuża ma’ din ir-riżoluzzjoni;

4.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 122.


P8_TC1-COD(2016)0023

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-14 ta' Marzu 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/852.)


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW DWAR IL-PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT DWAR IL-MERKURJU U LI JĦASSAR IR-REGOLAMENT (KE) NRU 1102/2008 (2016/0023 (COD))

L-aċċettazzjoni tal-Parlament Ewropew li jimplimenta atti ta' implimentazzjoni għall-awtorizzazzjonijiet ta' prodotti jew proċessi ġodda fil-kuntest tan-negozjati interistituzzjonali dwar il-proposta għal regolament dwar il-merkurju (2016/0023(COD)) ma tistax titqies bħala preċedent għal fajls simili u ma tippreġudikax in-negozjati interistituzzjonali li ġejjin dwar il-krietrji ta' delinjazzjoni għall-użu ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni.

DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR IL-KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI DWAR IL-MERKURJU

Il-Konvenzjoni ta' Minamata u r-Regolament dwar il-Merkurju l-ġdid huma kontributi ewlenin sabiex iċ-ċittadini jitħarsu mit-tniġġis mill-merkurju globalment u fl-UE.

Il-kooperazzjoni internazzjonali għandha tkun appoġġjata biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni b'suċċess ta' din il-Konvenzjoni mill-Partijiet kollha u jitkomplu jissaħħew id-dispożizzjonijiet tagħha.

Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tappoġġa l-kooperazzjoni kontinwa, b'konformità mal-Konvenzjoni u suġġetta għall-politiki, regoli u proċeduri applikabbli tal-UE, inter alia billi twettaq ħidma fl-oqsma li ġejjin:

It-tnaqqis tad-distakk bejn il-liġi tal-UE u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni permezz tal-klawsola ta' reviżjoni tal-lista ta' prodotti miżjudin bil-merkurju pprojbiti;

Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-finanzjament, il-bini tal-kapaċità u t-trasferiment tat-teknoloġija, attivitajiet bħat-titjib tat-traċċabbiltà tal-kummerċ u tal-użu tal-merkurju, il-promozzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-artiġjanat mingħajr merkurju u tal-mijieri tad-deheb fuq skala żgħira u ta' tikketti għad-deheb miksub mingħajr il-merkurju, u ż-żieda tal-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart tal-merkurju.