6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/26


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Copernicus (2014–2020)

(COM(2017) 617 final)

(2018/C 237/04)

Relatur:

Mindaugas MACIULEVIČIUS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.1.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum

Adottata fis-sezzjoni

9.3.2018

Adottata fil-plenarja

14.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

178/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-riżultati miksuba s’issa mill-programm Copernicus kif innotifikat mill-Kummissjoni. Satelliti preċiżi ħafna diġà huma operattivi u qegħdin jibagħtu data globali u ta’ kwalità għolja li timmonitorja d-Dinja fuq bażi ta’ kuljum.

1.2

Il-KESE jenfasizza li meta jiġu vvalutati l-kisbiet tal-programm Copernicus, minbarra l-aspett ekonomiku, għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti soċjali u ambjentali. L-UE impenjat ruħha għal għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u hija waħda mill-mexxejja globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bl-impenn ċar u ambizzjuż ħafna tagħha għall-COP21, u l-programm Copernicus huwa l-aktar sistema importanti f’termini ta’ forniment ta’ metrika ċara u għodod għall-kejl tal-prestazzjoni u tal-kisbiet, u mhux biss fil-livell tal-UE, iżda fuq livell globali.

1.3

Copernicus jinsab fiċ-ċentru tat-tibdil fil-klima, is-sigurtà alimentari, is-saħħa pubblika, il-ġestjoni tad-diżastri, it-traffikar tal-bnedmin, is-sigurtà marittima, eċċ. L-UE hija fuq quddiem nett fil-monitoraġġ u fil-forniment ta’ data preċiża dwar it-tibdil fil-klima, l-emissjonijiet ta’ gassijiet differenti, l-istat tal-artijiet agrikoli u l-foresti u s-sitwazzjoni marittima. Mingħajr din id-data, ikun impossibbli għall-komunità xjentifika biex tifhem dawn il-kwistjonijiet u tissuġġerixxi modi ta’ kif it-tibdil fil-klima jiġi indirizzat b’suċċess, kif l-ikel jiġi prodott b’mod sostenibbli, eċċ.

1.4

M’hemm ebda sens reali ta’ sjieda jew kburija fil-programm Copernicus fost iċ-ċittadini Ewropej. Iċ-ċittadini Ewropej ma jafux b’Copernicus u l-benefiċċji tiegħu daqskemm spiss ma jkunux jafu bil-programmi spazjali Ewropej inġenerali. Il-programm u l-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu aktar viżibbli għall-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, u miftuħa għas-soċjetà ċivili u għaċ-ċittadini attivi. Il-KESE jqis il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-definizzjoni tal-istrateġiji u l-programmi spazjali bħala indispensabbli.

1.5

Il-forum Copernicus li jista’ possibbilment isir għandu jkun miftuħ għar-rappreżentanti tan-negozji, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa meħtieġ li “l-klabb jinfetaħ” għas-soċjetà u jistabbilixxi Komunità Spazjali Ewropea reali. Il-KESE jiddikjara l-interess u r-rieda tiegħu li jkollu rwol attiv direttament u mal-organizzazzjonijiet nazzjonali rrappreżentati fih, li jikkostitwixxu potenzjal kbir sabiex jimtlew il-“konnessjonijiet nieqsa” identifikati fil-proġett tal-KESE Space and Society (L-Ispazju u s-Soċjetà).

1.6

L-effettività tal-programm Copernicus m’għandhiex tiġi evalwata abbażi tal-prestazzjoni ekonomika biss. L-akbar valur tiegħu jiġi mill-aspetti ambjentali u soċjali tiegħu. Dan huwa għodda essenzjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, biex il-popolazzjoni globali tiġi mitmugħa b’mod sostenibbli, biex jiġu salvati l-ħajjiet fil-baħar, eċċ. Dan huwa servizz li ma jistax jinxtara minn partijiet terzi minħabba kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali, u n-nuqqas attwali ta’ servizzi ta’ kwalità simili xi mkien ieħor. Dan jirrappreżenta t-tweġiba tagħna għal dawn l-isfidi globali u r-rieda tagħna bħala soċjetà globali matura li nindirizzawhom.

1.7

L-involviment tal-SMEs u l-mikrokumpaniji, in-negozji ġodda u r-riċerkaturi indipendenti huwa tal-akbar importanza sabiex isir użu b’suċċess mid-data ta’ Copernicus. Minn dan is-settur qed joħorġu ideat ġodda u oqsma ġodda ta’ użu. Huwa importanti li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ inizjattivi differenti u li jiġu żviluppati l-għodod għall-utenti aħħarin, li jiġġeneraw valur miżjud. L-Orizzont 2020 kellu u għandu jibqa’ jkollu rwol importanti. L-aċċess għal finanzjament permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa tal-akbar importanza.

1.8

Il-KESE jitlob li jkun hemm promozzjoni aktar ambizzjuża ta’ konsistenza u koerenza fir-rigward ta’ Copernicus, u tal-għarfien dwaru u l-użu tal-għodod tiegħu għal skopijiet ta’ servizz pubbliku mid-diversi direttorati-ġenerali fil-livell Ewropew, u mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fil-livell tal-Istati Membri. Id-data ta’ Copernicus għandha tiġi stabbilita bħala l-istandard indipendenti u nazzjonali fil-livell Ewropew. L-Eurostat għandu jkun aktar involut fil-kejl tal-progress hawnhekk u l-benefiċċji pprovduti minn Copernicus.

1.9

Aġenziji żgħar lokali fuq bażi nazzjonali jistgħu jkunu soluzzjoni tajba għat-tixrid tad-data u ta’ Copernicus bħala għodda fil-livell ta’ gvern nazzjonali. L-istabbiliment ta’ komunitajiet tal-utenti lokali li jinvolvu SMEs, mikrokumpaniji, negozji ġodda u riċerkaturi indipendenti lokali, flimkien ma’ gvernijiet reġjonali, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet edukattivi u servizzi ta’ konsulenza indipendenti u pubbliċi, partijiet tas-soċjetà li jaħdmu direttament ma’ Copernicus bħal bdiewa, forestiera u ambjentalisti, jista’ jgħin biex iżid aktar l-użu tad-data ta’ Copernicus, u biex il-prestazzjoni tiegħu adattata għal speċifikazzjonijiet nazzjonali titjieb.

1.10

L-edukazzjoni dwar Copernicus hija tal-akbar importanza. Il-KESE jilqa’ programmi ta’ Masters imfassla b’mod speċjali, biex jiġu appoġġjati xi studenti universitarji Ewropej li jistudjaw għal grad ta’ Masters dwar Copernicus. Il-KESE jitlob li jkun hemm programm iddedikat u aktar ambizzjuż, inkluż l-appoġġ tekniku rilevanti kollu għal dipartimenti ddedikati ta’ Copernicus sabiex jiġu stabbiliti fl-universitajiet Ewropej, l-iskejjel ta’ taħriġ professjonali u l-fornituri ta’ servizzi ta’ konsulenza rilevanti kollha. Bħala suġġett separat, l-użu potenzjali ta’ Copernicus għandu jiġi introdott fl-oqsma ta’ studju relatati kollha, inklużi l-agrikoltura u x-xjenza tal-forestrija, l-inġinerija, l-ambjent, l-istudji marittimi, eċċ. Għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet tat-taħriġ ta’ professjonisti eżistenti, inklużi l-utenti aħħarin; hawnhekk jistgħu jiġu pprovduti programmi speċjali minn servizzi ta’ konsulenza indipendenti u pubbliċi nazzjonali.

1.11

Id-disponibbiltà ta’ aċċess għad-data malajr u sempliċi dalwaqt se tiġi żgurata mill-bidu tat-tħaddim li ġej tas-Servizzi ta’ Aċċess għal Data u Informazzjoni ta’ Copernicus (DIAS). Dan se jneħħi xi kwistjonijiet kritiċi li ħarġu fir-rigward taż-żmien meħtieġ biex titniżżel data ta’ Copernicus. Il-KESE jitlob ukoll li jitħaffu l-armonizzazzjoni u d-disponibbiltà sħiħa ta’ data in situ, irregolata mil-leġislazzjoni nazzjonali. L-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà huma prerekwiżiti għas-suċċess sħiħ tal-programm Copernicus.

1.12

It-taħriġ ta’ inġiniera u tekniċi kkwalifikati, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u ħiliet professjonali ġodda marbuta mal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet huma impenn ta’ prijorità tal-UE għal ekonomija sostenibbli u utli għas-soċjetà.

1.13

Fid-dawl tar-riżultati importanti u l-kwalità tagħhom, il-KESE jittama li tingħata prijorità lil-lanċjaturi Ewropej. L-illanċjar b’suċċess, l-eżattezza fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-ħarsien tal-iskadenzi, u l-flessibbiltà tal-użu bl-Ariane 6 u Vega C il-ġodda, għandhom jivvalorizzaw l-eċċellenza Ewropea b’kuntratti fit-tul. Il-KESE ma jikkondividix politiki protezzjonisti, iżda fl-istess ħin jemmen li l-industrija Ewropea għandha tiġi protetta kontra prattiki mhux ġusti permezz tal-prinċipju tar-reċiproċità.

1.14

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tixrid tal-opportunitajiet miftuħa hawnhekk għall-agrikolatura, il-forestrija u s-sajd, permezz ta’ programmi ta’ għarfien u informazzjoni fil-mira mmirati lejn operaturi fis-suq. L-iffrankar tal-enerġija u l-iffrankar fuq fertilizzanti u pestiċidi jista’ jżid u jtejjeb konsiderevolment il-produzzjoni agrikola u l-konservazzjoni tal-ilma. Fil-fehma tal-KESE, il-programm tal-Unjoni ta’ Osservazzjoni u Monitoraġġ tad-Dinja (GMES) għall-Afrika, li diġà ta riżultati eċċellenti, għandu jissaħħaħ u jinxtered ukoll f’żoni oħra fil-fażi tal-iżvilupp.

1.15

Il-KESE jilqa’ l-mudell ta’ governanza adottat għall-programm Copernicus, b’mod partikolari l-ħolqien tal-forum tal-utenti, li għandu jkun miftuħ għar-rappreżentanti tal-operaturi, ir-riċerkaturi u s-soċjetà ċivili. Ir-regolament li jmiss dwar Copernicus għandu jikkonferma l-mudell attwali tal-qsim tar-responsabbiltà skont il-ħiliet, billi jiddistingwi r-responsabbiltà teknika għall-komponent spazjali, li ġie fdat lill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), mir-responsabbiltà għas-servizzi, li ġiet fdata lill-“entitajiet fdati”.

1.16

B’mod parallel mat-titjib fl-aċċess u fil-kwalità tad-data, l-iskerjament sħiħ tal-broadband madwar l-Ewropa jeħtieġ li jiġi intensifikat, b’mod partikolari f’żoni rurali u periferali, li spiss jiġu injorati minn operaturi privati. L-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija tas-“Suq Uniku Diġitali” hija essenzjali sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet offruti mill-programm Copernicus. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u jħeġġeġ lill-Parlament u lill-Kunsill biex iħaffu n-negozjati għall-approvazzjoni finali tal-miżuri li għadhom qed jiġu diskussi.

1.17

Il-protezzjoni tad-data minn attakki frekwenti li qed jiżdiedu, flimkien mar-riskji li joħloq it-tifrik għall-infrastruttura spazjali, huma prijorità. Il-KESE jirrakkomanda li jissaħħu s-salvagwardji tas-sigurtà u li jitħaffu l-programmi mmirati lejn it-tindif tat-tifrik u tas-satelliti li m’għadhomx jaħdmu (1). Il-Kummissjoni Ewropea għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tilħaq ftehim internazzjonali kbir.

1.18

Il-KESE jirrakkomanda involviment akbar tas-sistema finanzjarja u tal-investituri fl-attivitajiet spazjali, li jistgħu jinvolvu lill-pubbliku ġenerali billi jinħarġu “bonds spazjali” speċjali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lejn il-finanzjament ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għall-ħolqien ta’ servizzi u applikazzjonijiet innovattivi. Il-ftehimiet reċenti dwar il-mitigazzjoni tat-tisħin globali jiftħu l-possibilità ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda relatati mal-monitoraġġ tal-emissjonijiet.

1.19

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jinżamm il-finanzjament għall-programm Copernicus u possibbilment jissaħħaħ, li mhux biss jiġġenera tkabbir u żvilupp, iżda jiggarantixxi wkoll awtonomija u indipendenza Ewropea fil-ġestjoni tat-territorju u s-sigurtà tagħha, u jrawwem innovazzjoni, riċerka u żvilupp sostenibbli.

2.   Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

2.1

Il-komponent spazjali tal-programm għall-perjodu April 2014 — April 2017 huwa bażikament f’konformità mat-tbassir, ħlief dewmien ta’ madwar 10 xhur fit-tnedija ta’ Sentinel 2 B minħabba problemi li dehru bil-lanċjatur Russu Rockot. Sabiex jiġi mminimizzat id-dewmien, Sentinel 2 B tpoġġa f’orbita mil-lanċjatur Vega li ġie żviluppat mill-ASI (Aġenzija Spazjali Taljana) f’kooperazzjoni mal-ESA.

2.2

Id-data mibgħuta mill-ħames satelliti f’orbita minn Marzu 2017 kienet laħqet total ta’ 12 TB kuljum, li qabżet sew l-aspettattivi, kif għamlu l-utenti rreġistrati tas-sit ta’ distribuzzjoni tad-data bla ħlas, li żdiedu għal 85 000 mill-50 000 (2) mistennija.

2.3

Sentinel 5P ġiet illanċjata b’suċċess fit-13 ta’ Ottubru 2017 bl-għan li tforni data kuljum dwar il-kompożizzjoni tal-atmosfera tagħna, tissorvelja l-gassijiet serra, is-saff tal-ożonu, id-diossidu tal-kubrit u l-formaldeid kif ukoll l-irmied volkaniku u l-monossidu tal-karbonju.

2.4

Mill-bidu, Copernicus, ibbenefika mill-kooperazzjoni ma’ “missjonijiet kontributorji” oħra, li huma importanti għad-data tal-ogħla definizzjoni li Copernicus ma jistax jiggarantixxi. Dawn il-missjonijiet ippermettew li l-proġett jinbeda qabel ġiet illanċjata l-ewwel satellita Sentinel. Minbarra d-data minn emissjonijiet “paralleli”, tintuża u titqabbel data minn sensuri in situ fl-art, fil-baħar jew fl-arja. L-eżattezza rrikonoxxuta b’mod universali tad-data ta’ Copernicus tiddependi preċiżament fuq il-validazzjoni tad-data li tiġi kontroverifikata ma’ dik irreġistrata mis-sensuri in-situ.

2.5

Mill-bidu, Copernicus tfassal bħala servizz xprunat mill-utenti, ibbażat fuq il-ħtiġijiet tagħhom. Dan l-approċċ, flimkien mal-użu miftuħ u bla ħlas tad-data, huwa l-bażi għas-suċċess tiegħu li qed jikber fost utenti u operaturi tas-servizz.

2.6

Il-governanza ta’ Copernicus titwettaq abbażi tal-kompetenzi.

2.6.1

Il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni għall-komponent spazjali ġew iddelagati lill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u parzjalment lill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta’ Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT).

2.6.2

Is-servizzi jiġu ddelegati liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), liċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perijodu Medju (ECMWF), lill-Mercator Océan, lill-Aġenzija Ewropea ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX), lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u liċ-Ċentru Satellitari tal-UE. Il-konformità ta’ Copernicus mal-istandards tal-programm ta’ data ġeospazjali INSPIRE tiżgura użu effiċjenti tar-riżorsi tad-data disponibbli kollha.

2.7

Il-Kummissjoni tagħti evalwazzjoni pożittiva tar-riżultati miksuba s’issa, konformità mal-istimi tal-baġit, it-tkabbir tad-domanda tal-utenti, u kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet u korpi li jikkontribwixxu għall-ġestjoni tas-servizzi.

2.8

Il-Kumitat ta’ Copernicus, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u l-Forum tal-Utenti jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-ġestjoni globali tal-programm.

2.9

Inkisbu riżultati eċċellenti fil-qasam tal-komunikazzjoni u tat-tixrid tal-opportunitajiet ipprovduti minn Copernicus, bi programmi speċifiċi bħal Copernicus Relays u Copernicus Academy, li għandhom l-inkarigu li jtejbu l-għarfien u jipprovdu helpdesks lokali.

2.10

Il-Kummissjoni, bi sħubija mal-ESA, organizzat il-Copernicus Masters, kompetizzjoni annwali li għandha l-għan li tistimula l-innovazzjoni. Il-programm ta’ negozji ġodda ta’ Copernicus jinkludi wkoll il-Copernicus Accelerator, li jipprovdi tagħlim u taħriġ għal negozji ġodda, il-Copernicus Hackathons li ġej (b’40 hackathon fuq perjodu ta’ sentejn), u l-programm Copernicus Incubation, li jappoġġja finanzjarjament lil 60 negozju ġdid fuq perjodu ta’ tliet snin.

2.11

Il-prijoritajiet futuri tal-Kummissjoni huma li:

tiżblokka l-potenzjal ekonomiku ta’ Copernicus billi d-data pprovduta tibdilha fi prodotti u servizzi innovattivi;

tiżgura l-istabbilità futura tal-programm u aċċess bla ħlas, sħiħ u miftuħ għad-data;

tiġi implimentata bis-sħiħ l-istrateġija spazjali għall-Ewropa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, u jiġu mmonitorjati l-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ gassijiet oħra b’effett serra, l-użu tal-art u l-forestrija, u l-bidliet fl-Artiku;

issaħħaħ is-sigurtà li Copernicus jista’ jiggarantixxi permezz ta’ kontrolli fil-fruntiera u sorveljanza marittima.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ r-riżultati miksuba s’issa mill-programm Copernicus kif innotifikat mill-Kummissjoni. Il-KESE appoġġja fuq bażi kontinwa l-politika spazjali Ewropea kollha, u b’mod partikolari ż-żewġ programmi ewlenin Galileo u Copernicus: l-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni (3) huma riflessi b’mod wiesa’ fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni.

3.2

Il-KESE jqis li l-objettivi ewlenin tal-programm inkisbu u li f’xi oqsma ġew maqbuża.

3.3

Il-kwantità u l-kwalità tad-data miġbura kuljum mis-satelliti jagħmlu lil Copernicus wieħed mill-produtturi tad-data ewlenin fid-dinja, billi jiżgura l-indipendenza tal-Unjoni Ewropea fil-monitoraġġ tat-territorju tagħha, u fl-istess ħin, fil-provvediment ta’ data eżatta u bla ħlas lil partijiet oħra tad-dinja. Is-suċċess mhux mistenni tiegħu ħoloq diffikultajiet fil-ġestjoni tal-fluss tad-data. Il-KESE jirrakkomanda li l-hubs pubbliċi miftuħa jissaħħu malajr u b’mod effettiv u li tintlaħaq id-domanda għal tniżżil ta’ megadata b’veloċità għolja.

3.4

Il-bidu tat-tħaddim li ġej tas-sistema DIAS għandu jiżgura aċċess faċli u, flimkien mas-sistema CORDA (Copernicus Reference Access Data [Aċċess għal Data ta’ Referenza ta’ Copernicus]), iwassal lill-utenti titjib ċar fil-kwantità u fil-kwalità tad-data disponibbli. Id-data nnifisha għandha tiġi valutata wkoll fuq kemm ikun imsaħħab, peress li parti kbira mid-data eżistenti ma setgħetx tintuża b’suċċess minħabba l-ammont ta’ sħab. Dan inaqqas b’mod drammatiku l-ispejjeż tal-operat u d-deprezzament tal-faċilitajiet DIAS.

3.5

Il-KESE jenfasizza li meta jiġu vvalutati l-kisbiet tal-programm Copernicus, minbarra l-aspett ekonomiku, għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti soċjali u ambjentali. L-UE impenjat ruħha għal għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u hija waħda mill-mexxejja globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bl-impenn ċar u ambizzjuż ħafna tagħha għall-COP21, u l-programm Copernicus huwa l-aktar sistema importanti f’termini ta’ forniment ta’ metrika ċara u għodod għall-kejl tal-prestazzjoni u tal-kisbiet, u mhux biss fil-livell tal-UE, iżda fuq livell globali.

3.6

Minkejja l-inizjattivi ta’ min ifaħħarhom min-naħa tal-Kummissjoni u l-aġenziji delegati tas-servizz, ma teżisti l-ebda politika ta’ komunikazzjoni pubblika, ikkoordinata u adegwata dwar il-benefiċċji li jirriżultaw mill-informazzjoni pprovduta minn Copernicus. “Mijiet ta’ miljuni ta’ ċittadini Ewropej ma jafux dwar il-benefiċċji tal-ispazju”. Għal diversi drabi, il-KESE talab li jiġi stabbilit portal spazjali ewlieni, iddedikat għall-politiki spazjali Ewropej kollha. Dan għandu jkun l-ewwel pass lejn il-ħolqien tal-Komunità Spazjali Ewropea, billi jiġu intraċċati mill-ġdid l-esperjenzi pożittivi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, u l-mudell tagħha ta’ governanza, li ta bidu għall-Komunità Ewropea.

3.7

Waħda mill-prijoritajiet tal-istrateġija spazjali Ewropea hija li tistimula x-xogħol u t-tkabbir sostenibbli. L-aċċess għall-esperjenza u l-għarfien tas-suq tal-operaturi ekonomiċi, ta’ negozji ġodda innovattivi u tal-esperti fl-ipproċessar tad-data u fil-ħolqien ta’ applikazzjonijiet ġodda jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp rapidu fl-użu tad-data prodotta kuljum, b’potenzjal kbir għal effetti ekonomiċi u soċjali pożittivi.

3.8

Il-governanza tal-programm Copernicus kienet pożittiva, b’responsabbiltajiet ċari mogħtija lill-Kummissjoni u lill-aġenziji involuti. Ir-regolament li jmiss dwar Copernicus għandu jżomm dan il-bilanċ tajjeb, ikompli jafda responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-komponent spazjali lill-ESA u għall-ġestjoni tas-servizzi lill-“entitajiet fdati”.

3.9

L-iżvilupp ta’ servizzi spazjali huwa kruċjali għall-iżvilupp tas-servizzi diġitali għall-individwi u għan-negozji. Is-servizzi ta’ Copernicus għandhom ukoll diversi applikazzjonijiet prattiċi ta’ kuljum: pereżempju, irziezet fl-Awstrija tejbu r-rendiment tagħhom b’26 % bis-saħħa tal-monitoraġġ bis-satelliti tal-għelieqi tagħhom; fin-Netherlands l-istess sistema naqqset ħafna l-infiq fuq it-tħaffir, it-trasport u l-loġistika tal-idrokarburi; u diversi bliet Ewropej żiedu l-eżattezza tal-kejl tat-tniġġis tal-arja tagħhom b’60 %, waqt li naqqsu wkoll l-ispejjeż (4).

3.10

Il-KESE jitlob li tiżdied l-introduzzjoni tal-broadband madwar l-Ewropa, b’mod partikolari f’żoni rurali u periferali, kif ġie approvat fl-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali.

3.11

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu impenn partikolarment b’saħħtu fit-tixrid tal-ħiliet u l-impjiegi ġodda. Il-ħolqien ta’ korsijiet ta’ taħriġ vokazzjonali għandu jiġi appoġġjat minn programmi Ewropej. Il-firxa ta’ agrikoltura ta’ preċiżjoni se tiġġenera rendimenti aħjar permezz ta’ ffrankar tal-ilma, fertilizzanti u pestiċidi. Agriculture 4.0 se jibbenefika bil-bosta mill-possibbiltà li tintuża data ta’ osservazzjoni tal-art, u li tiġi kkombinata ma’ dik ta’ ġeolokazzjoni u ma’ teknoloġiji oħra li diġà huma disponibbli llum. Se jinħolqu professjonijiet ġodda, bħal analista territorjali, ċiberagronomista u żviluppatur tal-applikazzjonijiet immirati lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

3.12

Problema ewlenija għall-iżvilupp rapidu tal-opportunitajiet miftuħa mill-programmi spazjali Ewropej hija l-kwistjoni tal-finanzjament, b’mod partikolari għall-SMEs u n-negozji l-ġodda.

3.13

Problema ewlenija oħra tikkonċerna ċ-ċibersigurtà, il-privatezza u s-sigurtà tal-infrastruttura spazjali. Il-ħajja ta’ kuljum tiddependi dejjem aktar u aktar fuq l-applikazzjonijiet ta’ data li ġejja mill-ispazju. Il-KESE jirrakkomanda li jissaħħu s-salvagwardji tas-sigurtà u li jitħaffu l-programmi mmirati lejn it-tindif tat-tifrik u tas-satelliti li m’għadhomx jaħdmu (5). Għal sigurtà ta’ infrastruttura, l-UE għandha tippromovi ftehim internazzjonali kbir.

3.14

“Iftħu l-klabb” għandha tkun is-sejħa l-ġdida li tħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi u lis-settur privat jieħdu azzjoni sabiex jagħmlu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili effettiva. Il-frammentazzjoni tal-informazzjoni bejn diversi operaturi pubbliċi u privati tiskoraġġixxi b’mod partikolari lill-SMEs milli jinvolvu ruħhom b’mod serju fl-iżvilupp ta’ użi possibbli għas-sistema.

3.15

Il-KESE jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta’ Diċembru 2017, li jaqblu mill-qrib mal-punti li ilhom jiġu enfasizzati mill-Kumitat: l-involviment tal-partijiet ikkonċernati privati u impenn għal informazzjoni sħiħa, viżjoni fit-tul b’biżżejjed riżorsi finanzjarji, l-iżvilupp ta’ u l-appoġġ għal negozji innovattivi, indipendenza akbar għall-Unjoni u t-tmexxija tagħha fil-qasam tal-politiki spazjali, li bħalissa qed tiġi sfidata minn kompetituri tradizzjonali u dawk ġodda, approċċ xprunat mill-utenti, taħt il-kontroll u l-governanza mhux militari ta’ Copernicus, u l-kontinwazzjoni ta’ sistema bla ħlas, miftuħa u aċċessibbli.

3.16

Fi studju riċenti, il-Kummissjoni tevalwa l-benefiċċji li jirriżultaw minn Copernicus fil-perjodu 2017-2035 bħala bejn EUR 67 u 131 biljun. Il-kontinwazzjoni tal-programm wara l-2021 se tiġġenera profitti b’fatturi ta’ bejn 11 u 21 u se tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ 4 000 impjieg bi kwalifiki għoljin kull sena.

3.17

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-programm GMES għall-Afrika u s-suċċess tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni riċenti bejn l-UE u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana. It-trasferiment ta’ data bbażata fuq il-Copernicus u teknoloġiji utli ħafna għall-ġestjoni tal-art, l-identifikazzjoni u l-manteniment ta’ riżorsi tal-ilma, u t-titjib tar-rendiment agrikolu għandu jkun karatteristika ewlenija tal-impenn tal-UE dejjem jikber lejn l-Afrika u l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jikkonferma r-rieda tiegħu li jieħu sehem f’inizjattivi ta’ appoġġ u tixrid sabiex jinforma lis-soċjetà ċivili dwar il-potenzjal u l-benefiċċji soċjoekonomiċi ġġenerati mis-sistema Copernicus, kif sar bil-proġett Space & Society, li beħsiebu jkompli jwettaq. It-tlaqqigħ flimkien tal-awtoritajiet, l-aġenziji, il-kumpaniji ta’ provvista ta’ servizz pubbliċi u privati u s-soċjetà ċivili huwa ewlieni għas-suċċess eċċellenti li huwa mistenni mill-applikazzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti strateġiċi bħal Galileo, u l-aktar minn, Copernicus.

4.2

Il-KESE għandu l-istess tħassib bħall-Kummissjoni fir-rigward tal-involviment batut ta’ utenti “mhux spazjali”, aspett li jeħtieġ ħafna aktar attenzjoni minn kemm ingħata s’issa. L-esperjenza pożittiva tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea (GSA) tista’ tiġi ripetuta għal Copernicus billi korp uniku jiġi fdat bir-responsabbiltà għal informazzjoni u għall-opportunitajiet ipprovduti mid-diversi servizzi ta’ Copernicus. Aġenzija ġdida tista’ tkun soluzzjoni.

4.3

Il-KESE jemmen li wieħed mill-akbar suċċessi ta’ Copernicus huwa bbażat fuq l-oriġini tiegħu bħala programm xprunat mill-utenti, u b’mod partikolari japprezza l-mudell ta’ governanza inklużiv tiegħu. Għall-ewwel darba fi programm strateġiku tal-Unjoni, il-komunità tal-utenti hija involuta flimkien mal-Istati Membri f’għażliet strateġiċi, permezz tal-Forum tal-Utenti. Il-KESE jirrakkomanda li l-utenti privati, magħżula mill-assoċjazzjonijiet Ewropej tagħhom, għandhom jiġu inklużi wkoll fuq bażi permanenti fil-Forum, flimkien ma’ dawk maħtura mill-Istati Membri. Il-KESE jiddikjara r-rieda tiegħu li jipparteċipa fil-forum. Fil-livell nazzjonali wkoll, il-forums tal-utenti għandhom ikunu miftuħa għall-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli tas-soċjetà ċivili.

4.4

Waħda mill-problemi li għandha tiġi solvuta malajr hija l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà tad-data in situ. Dawn il-kwistjonijiet ġejjin mill-applikazzjonijiet differenti tad-direttiva INSPIRE (6) u minn leġislazzjoni mhux konsistenti fil-livell nazzjonali. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw malajr l-armonizzazzjoni essenzjali tal-lingwi u tal-proċeduri għal użu sħiħ, effettiv u bla ħlas tad-data.

4.5

Il-KESE jqis l-involviment tal-investituri privati, is-sistema finanzjarja Ewropea u internazzjonali u l-fondi ta’ investiment bħala essenzjali. Jista’ jkun soluzzjoni tajba l-ħolqien ta’ “bonds spazjali” koperti mill-garanziji li jistgħu jiġu pprovduti mill-istituzzjonijiet bankarji Ewropej bħall-BEI jew istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (IBRD) għal proġetti differenti relatati mal-ispazju, inklużi proġetti f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

4.6

Il-KESE jemmen li għandu jiġi applikat il-prinċipju tar-reċiproċità ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-lanċjaturi. Għandha tingħata preferenza lil-lanċjaturi Ewropej, li qed isaħħu l-provvista bl-illanċjar li ġej tal-lanċjaturi Ariane 6 u Vega C, ir-riżultat ta’ kooperazzjoni Ewropea. Dawn huma trasportaturi flessibbli, li jkopru l-medda ta’ għażliet disponibbli. Ariane 5, li ilu attiv mill-1996, b’rekord ta’ 82 illanċjar b’suċċess, se jopera sal-2023 u ntgħażel bħala t-trasportatur tal-teleskopju James Webb, l-eredi ta’ Hubble. Is-suq internazzjonali huwa kompetittiv ħafna u xi kumpaniji f’pajjiżi li qed jikkompetu, b’politiki protezzjonisti, qed jipproponu prezzijiet baxxi biex jiksbu ordnijiet fis-snin li ġejjin.

4.7

Minbarra l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali, il-KESE jikkunsidra estremament importanti l-kontribut għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li jiġu salvati l-immigranti f’periklu estrem, u s-sigurtà tal-fruntieri tal-UE stess b’miżuri effettivi biex jiġi miġġieled it-terroriżmu li joriġina b’mod partikolari minn reġjuni fi gwerra tal-Lvant Nofsani. Is-sigurtà u d-difiża tat-territorju jwieġbu għal domanda li qed tikber miċ-ċittadini Ewropej.

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 38.

(2)  Fis-17 ta’ Jannar 2018, kien hemm 118 000 utent irreġistrat.

(3)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fil-Komunità (Inspire) (ĠU C 221, 8.9.2005, p. 33); Programm ta' Osservazzjoni tad-Dinja (GMES) (ĠU C 339, 14.12.2010, p. 14); Komponent spazjali ta’ GMES (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 153); Programm Ewropew ta' osservazzjoni tad-dinja (GMES) (ĠU C 299, 04.10.2012, p. 72); Programm Copernicus (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 88); Strateġija spazjali għall-Ewropa (ĠU C 209, 30.6.2017, p. 15).

(4)  L-impatt soċjoekonomiku ta’ Copernicus fl-UE skont is-settur.

(5)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 38.

(6)  Id-Direttiva INSPIRE.