25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 262/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “It-twettiq ta’ mobilità b’emissjonijiet baxxi. Unjoni Ewropea li tipproteġi l-pjaneta, tagħti s-setgħa lill-konsumaturi tagħha u tiddefendi l-industrija u l-ħaddiema tagħha”

(COM(2017) 675 final)

(2018/C 262/13)

Relatur:

Ulrich SAMM

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.1.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

5.4.2018

Adottata fil-plenarja

19.4.2018

Sessjoni plenarja Nru

534

Riżultat

(favur/kontra/astensjonijiet)

201/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-punt fokali ta’ din il-komunikazzjoni dwar it-trasport bit-triq jiddependi fuq industrija li tkun mexxejja dinjija fil-manifattura u fl-għoti ta’ servizzi. Din il-pożizzjoni b’saħħitha għandha tinżamm u tintuża biex taċċellera, tittrasforma u tikkonsolida t-tranżizzjoni tal-ekonomija tal-UE lejn enerġija nadifa, bl-għan importanti wkoll li tinkiseb tmexxija f’teknoloġiji ġodda fis-suq dinji.

1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ ġenerali teknoloġikament newtrali, miftuħ għal żviluppi ġodda. Il-KESE jixtieq jinnota, madankollu, li l-inizjattivi ma jsegwux dan l-approċċ b’mod sħiħ. Li mhu xejn ċert huwa li l-mobilità futura tagħna se tkun kompletament elettrika u teknoloġiji oħra ta’ propulsjoni, bħall-idroġenu jew karburanti likwidi ħielsa mill-fossili bħal HVO100, jipprovdu wkoll potenzjal kbir għal mobilità nadifa. Il-KESE jiddispjaċih li dan mhuwiex rikonoxxut biżżejjed.

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi maħsuba biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumatur fl-industrija tal-karozzi u terġa’ tinbena fiduċja fis-sistema regolatorja, permezz ta’ standards tal-emissjonijiet realistiċi u proċeduri ta’ testijiet ġodda. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li l-industrija stess tieħu ħsieb u tassumi r-responsabbiltà.

1.4.

Il-KESE jinnota li attwalment joħorġu fit-toroq madwar erbatax-il miljun karozza ġdida, li jissostitwixxu biss madwar 5 % tal-flotta totali ta’ 253 miljun karozza fl-UE. B’din ir-rata ta’ sostituzzjoni l-emissjonijiet ser jitnaqqsu; madankollu, dan mhuwiex biżżejjed u l-KESE jilqa’ kwalunkwe inizjattiva li tista’ taċċellera r-rata ta’ tiġdid ta’ din il-flotta ta’ karozzi eżistenti fl-Ewropa, li tkun tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet aktar malajr. Madankollu, għandha tinġibed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi miġġielda l-prattika li jitneħħew vetturi minn ċerti swieq Ewropej biex imbagħad tarahom jinbiegħu u jintużaw fi swieq oħrajn (ara l-punt 4.7).

1.5.

Irridu nkunu konxji li l-akkumulazzjoni ta’ sehem sinifikanti ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi teħtieġ żmien ta’ transizzjoni, it-tul ta’ żmien li jiddependi fuq l-iżviluppi li saru mill-industrija tal-karozzi, kemm il-klijenti jaċċettaw it-teknoloġija l-ġdida malajr, l-ispejjeż involuti, kif ukoll fatturi oħra bħal infrastruttura tal-iċċarġjar. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ż-żmien ta’ transizzjoni ma jipprovdix raġuni li tippermetti lill-karozzi tad-diżil jaqbżu l-limiti tal-emissjonijiet u li l-kwistjoni ta’ possibiltajiet ta’ rinnovazzjoni tal-karozzi tad-diżil u r-responsabbiltajiet relatati biex jiġu koperti l-ispejjeż għandha tiġi solvuta malajr.

1.6.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel distinzjoni ċara u aħjar bejn il-protezzjoni tal-klima u kwalità tal-arja lokali mtejba. Dan huwa importanti biex jiġu konvinti n-nies dwar l-investiment pubbliku u privat. Ċerti tipi ta’ fjuwils jistgħu jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-arja fil-bliet iżda mhumiex ta’ benefiċċju għall-klima – pereżempju, meta l-elettriku jew l-idroġenu għall-vetturi elettriċi jkunu ġejjin minn impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam. Min-naħa l-oħra, il-vetturi b’emissjonijiet baxxi li jużaw il-gass naturali (dan ifisser bi predominanza ta’ metanu minn kull tip ta’ sorsi taħt l-art, kif ukoll materjali organiċi jew proċessi kimiċi sintetiċi jew taħlita ta’ dawn) mill-bijometanu, filwaqt li jkun favur il-klima, jistgħu madankollu jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja lokali.

1.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun aktar rigoruża fil-faċilitazzjoni tal-aċċess tal-konsumaturi għal forom affordabbli ġodda u aktar nodfa ta’ mobilità u għall-iżgurar li l-benefiċċji ta’ dawn is-servizzi ta’ mobilità ġodda jkunu disponibbli għal kulħadd u li jinfirxu b’mod indaqs madwar l-Unjoni. Xi wħud mill-istrumenti ta’ finanzjament proposti jistgħu jkunu utli biex tiġi indirizzata din il-problema, iżda l-Kumitat ma jemminx li huma biżżejjed.

1.8.

Il-KESE jilqa’ r-rwol importanti li għandha l-Kummissjoni fl-iffurmar ta’ alleanza pan-Ewropea ta’ industriji bl-għan li tiġi stabbilita katina tal-valur sħiħa għall-iżvilupp u għall-manifattura ta’ batteriji avvanzati fl-UE. Sehem akbar ta’ manifattura fil-katina tal-valur fi ħdan l-UE huwa importanti għall-impjiegi tagħna, u l-garanzija li l-batteriji mmanifatturati jkunu “nodfa” tista’ tinkiseb bl-aħjar mod skont standards u regoli ambjentali tal-UE, bħal pereżempju fl-approċċ tal-ekonomija ċirkolari.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-UE hija impenjata lejn sistema tal-enerġija dekarbonizzata kif deskritt fil-“pakkett dwar l-enerġija nadifa”, li għandu l-għan li jaċċellera, jittrasforma u jikkonsolida t-tranżizzjoni tal-ekonomija tal-UE lejn enerġija nadifa b’konformità mal-impenji COP21 tagħha, filwaqt li żżomm l-għanijiet importanti tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien tax-xogħol.

2.2.

S’issa l-UE diġà għamlet ħafna. L-emissjonijiet ta’ gass serra fl-UE tnaqqsu bi 23 % bejn l-1990 u l-2016, filwaqt li l-ekonomija kibret b’madwar 53 % fl-istess perjodu. Dan is-suċċess inkiseb f’bosta setturi għajr fit-trasport – settur li jikkontribwixxi madwar 24 % tal-emissjonijiet ta’ gass serra tal-Ewropa (figura tal-2015) u li saħansitra esperjenza żieda fl-emissjonijiet hekk kif qed ikompli l-irkupru ekonomiku fl-Ewropa. L-istrateġija Ewropea għal mobilità b’emissjonijiet baxxi (1) se tindirizza din il-problema.

2.3.

Il-KESE jinnota li l-UE diġà għamlet titjib konsiderevoli lejn mobilità nadifa: fl-2009 il-valuri medji għal emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi ġodda u vetturi kummerċjali ħfief ġew stabbiliti għal 130 g CO2/km għall-2015 u 95 g CO2/km għall-2020, li huwa fundamentali għall-kisba tal-għanijiet klimatiċi tal-UE. Sa minn meta ġie introdott l-istandard Ewropew fl-1992, dawk li jfasslu l-liġi baxxew il-limiti tal-karozzi tal-passiġġieri għall-ossidi tan-nitroġenu minn Euro 1 għal Euro 6 b’97 % u għall-partikuli b’98 %, u dan jirrappreżenta titjib konsiderevoli għat-tniġġis tal-arja lokali fil-bliet.

2.4.

Madankollu, dawn il-miżuri għat-trasport bit-triq mhumiex biżżejjed fit-termini tal-impenji ta’ COP21 u l-aktar ħtieġa urġenti għal arja nadifa fl-ibliet. Filwaqt li l-emissjonijiet medji għal kull karozza u kilometru qegħdin jonqsu, l-emissjonijiet totali mit-trasport bit-triq mhumiex, peress li t-traffiku totali żdied u l-veloċità tas-sostituzzjoni tal-flotta tal-vetturi fl-UE hija limitata.

2.5.

Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea rrispondiet bl-inizjattiva “L-Ewropa Attiva”, li tinkludi numru ta’ inizjattivi legali li qed jiitwettqu fi tliet pakketti. L-ewwel pakkett, li ġie ppreżentat fl-2017, irrifletta l-ambizzjoni tal-Ewropa li tagħmel progress rapidu lejn l-istabbiliment ta’ sistema ta’ mobilità nadifa, kompetittiva u konnessa sal-2025 li tintegra l-mezzi kollha tat-trasport madwar l-Unjoni kollha. Dan intlaqa’ mill-KESE (2) (3) bħala li huwa fundamentali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport li taħdem tajjeb b’qafas regolatorju xieraq.

2.6.

Il-komunikazzjoni (4) dwar it-tieni pakkett tal-istrateġija “L-Ewropa Attiva”, li hija indirizzata f’din l-opinjoni, tiffoka aktar fuq strumenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport tat-triq, bħad-Direttiva dwar Vetturi Nodfa (5), standards ta’ CO2 ġodda għall-vetturi (6), pjan ta’ azzjoni għal użu trans-Ewropew ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (7), ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar Trasport Ikkombinat (8), ir-Regolament dwar Servizzi ta’ Kowċis tal-Passiġġieri (9) u inizjattiva dwar il-batteriji. Il-proposti speċifiċi huma koperti fid-dettall f’opinjonijiet separati tal-Kumitat. It-tielet pakkett, li ser jiffoka aktar fuq kwistjonijiet tas-sigurtà, se jitwettaq fl-ewwel nofs tal-2018.

3.   Il-Komunikazzjoni fi ftit kliem

3.1.

It-tieni pakkett fih diversi inizjattivi legali sabiex jiġu stabbiliti regoli ċari, realistiċi u li jistgħu jiġu infurzati sabiex jgħinu fl-iżgurar ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn atturi industrijali li joperaw fl-Ewropa. Il-konsumaturi se jitħeġġu jagħmlu l-bidla għal vetturi nodfa u għal għażliet ta’ mobilità nodfa oħrajn billi titjieb l-infrastruttura għal fjuwils alternattivi u billi jitjieb il-provvediment ta’ servizzi interoperabbli bejn il-fruntieri.

3.2.

Għaż-żmien wara l-2020, huwa propost Regolament dwar is-CO2 ġdid għal karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief. Skont dan, il-manifatturi tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief għandhom inaqqsu l-output ta’ CO2 tal-flotta tal-vetturi l-ġdida tagħhom fl-UE bi 15 % sal-2025 u bi 30 % sal-2030. Dawn l-għanijiet ta’ tnaqqis relattiv se jiġu sostitwiti b’valuri ta’ emissjonijiet ta’ CO2 assoluti hekk kif issir disponibbli data mill-Proċedura ta’ Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP, Worldwide Harmonized Light Vehicles Test Procedure) (mhijiex mistennija qabel l-2020).

3.3.

L-introduzzjoni tal-WLTP bħala qafas ta’ ttestjar għall-approvazzjoni tat-tip robust u aktar realistiku tal-karozzi se tkun fundamentali sabiex tingħeleb il-kriżi severa fil-fiduċja tal-konsumatur u sabiex tingħata l-fiduċja mill-ġdid. Ser jiġu introdotti wkoll testijiet ta’ Emissjonijiet f’Sewqan Reali (RDE, Real Driving Emission), b’tali mod li dawn isiru fit-triq u mux fuq bank tat-test.

3.4.

Huwa propost pjan ta’ azzjoni sabiex jissaħħaħ l-investiment f’infrastruttura tal-fjuwils alternattivi u sabiex jiġi żviluppat netwerk ta’ pompi ta’ ċċarġjar mill-ġdid u tal-fjuwil li jaħdmu malajr u li jkunu interoperabbli madwar l-Unjoni. Hemm diversi strumenti ta’ finanzjament involuti, bħall-Faċilità għal Trasport Nadif, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond Ewropew għal Finanzjament ta’ Investiment Strateġiku u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

3.5.

Id-Direttiva dwar Trasport Ikkombinat tiġi reveduta biex tippromwovi l-użu kkombinat ta’ modi differenti għal trasport tal-merkanija (eż. trakkijiet u ferroviji).

3.6.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Kowċis tal-Passiġġieri għandha tistimola l-iżvilupp tal-konnessjonijiet tal-karozzi tal-linja nazzjonali u l-konnessjonijiet tal-karozzi tal-linja fuq distanzi twal fl-Ewropa, tipprovdi għażla akbar għal trasport għaċ-ċittadini kollha, u toffri għażliet alternattivi għall-użu tal-karozzi privati.

3.7.

Id-Direttiva dwar il-Vetturi Nodfa għandha tippromovi metodi ta’ mobilità nadifa fis-sejħiet għall-offerti tal-akkwist pubbliku bħala stimolu ta’ domanda għall-industrija tal-karozzi.

3.8.

Inizjattiva dwar il-batteriji tgħin alleanza ta’ industriji Ewropej biex dawn isiru aktar indipendenti u biex jiżdied is-sehem fil-katina tal-valur tal-produzzjoni tal-vetturi elettriċi. Il-Kummissjoni Ewropea s talloka wkoll EUR 200 miljun direttament għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-batteriji taħt Orizzont 2020 (Programm ta’ Ħidma 2018-2020), minbarra l-EUR 150 miljun li diġà huma allokati.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-punt fokali ta’ din il-komunikazzjoni dwar it-trasport bit-triq jiddependi fuq industrija li tkun mexxejja dinjija fil-manifattura u fl-għoti ta’ servizzi. Il-parti tal-produzzjoni ta’ dan is-settur timpjega 11 % tal-ħaddiema kollha fil-manifattura fl-UE kollha u tiġġenera 7 % tal-PDG tal-UE. Din il-pożizzjoni b’saħħitha għandha tinżamm u tintuża biex taċċellera, tittrasforma u tikkonsolida t-tranżizzjoni tal-ekonomija tal-UE lejn enerġija nadifa, bl-għan importanti wkoll li tinkiseb tmexxija f’teknoloġiji ġodda fis-suq dinji.

4.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ ġenerali teknoloġikament newtrali, miftuħ għal żviluppi ġodda, li nistgħu nistennew fid-dawl tal-isforzi b’saħħithom li għaddejjin bħalissa fir-Riċerka u Żvilupp li huma appoġġati mill-UE. Il-KESE jixtieq jinnota, madankollu, li l-inizjattivi ma jsegwux dan l-approċċ b’mod sħiħ. Skont il-progress teknoloġiku, mhu żgur xejn li l-mobilità futura tagħna se tkun kollha elettrika. Teknoloġiji ta’ propulsjoni oħra jipprovdu wkoll potenzjal kbir għal mobilità nadifa. Fid-dawl tal-iżviluppi mgħaġġla fit-teknoloġija moderna tat-trasport għas-snin li ġejjin, il-KESE jirrakkomanda approċċ aktar flessibbli aktar milli, pereżempju, limiti ta’ emissjonijiet iffissati jew miri ta’ akkwist. Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-limiti minimi tal-emissjonijiet u l-miri minimi pereżempju jidher li huwa l-inqas li jista’ jsir biex ikun jista’ jsir adattament fi stadju aktar tard.

4.3.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi maħsuba biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumatur fl-industrija awtomobilistika u fis-sistema regolatorja. Il-bini mill-ġdid tal-fiduċja permezz ta’ standards ta’ emissjonijiet realistiċi u ta’ proċeduri ġodda ta’ ttestjar huma importanti. Il-KESE jinnota li valuri ta’ emissjonijiet aktar realistiċi ser jiddependu mhux biss fuq it-teknoloġija tal-karozza iżda, fil-parti l-kbira, mill-imġiba tax-xufier u fuq il-kondizzjonijiet tat-temp u tat-triq. Konsegwentement, il-konsumaturi se jkunu affaċċjati b’varjazzjoni ta’ data pjuttost kbira saħansitra għal tip wieħed ta’ karozza.

4.4.

Kull sena joħorġu fit-toroq madwar erbatax-il miljun karozza ġdida, li jissostitwixxu biss madwar 5 % tal-flotta totali ta’ 253 miljun karozza fl-UE. Anki b’din ir-rata ta’ sostituzzjoni biss – u abbażi ta’ standards ta’ emissjonijiet eżistenti –, l-emissjonijiet ta’ CO2 ser jitnaqqsu b’aktar minn 30 % sal-2030 meta mqabbel mal-2005 (rapport tal-VDA). Il-KESE jilqa’ kwalunkwe inizjattiva li tista’ taċċellera r-rata ta’ tiġdid u għalhekk tnaqqas ukoll b’mod ulterjuri l-emissjonijiet. B’mod partikolari għall-pajjiżi bi tradizzjoni tal-industrija tal-karozzi anqas żviluppata il-ħtieġa għal soluzzjonijiet ġodda ta’ produzzjoni ġġib magħha opportunitajiet għall-innovazzjoni u potenzjal għal żieda fil-kompetittività fl-iżvilupp tal-mobbiltà b’emissjonijiet baxxi.

4.5.

Il-KESE jixtieq jinnota li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll, minbarra l-enfasi tagħha fuq teknoloġiji ġodda bħal karozzi elettriċi, il-potenzjal kbir għal titjib fil-flotta eżistenti. Pereżempju, tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ CO2 b’1 g li jirriżulta permezz taż-żieda ta’ karburanti ħielsa mill-fossili għall-flotta kollha huwa effettiv daqs titjib ta’ 20 g fil-flotta l-ġdida ta’ vetturi (rapport tal-VDA).

4.6.

Għandna nkunu konxji li l-akkumulazzjoni ta’ sehem konsiderevoli ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi teħtieġ perjodu ta’ tranżizzjoni, li d-durata tiegħu ma tistax tiġi prevista. Dan jiddependi fuq l-iżviluppi li jsiru mill-industrija awtomobilistika, fuq kemm il-konsumaturi jaċċettaw it-teknoloġija l-ġdida malajr u l-ispejjeż involuti, kif ukoll fuq fatturi oħrajn bħall-infrastruttura tal-iċċarġjar, il-prezzijiet tal-fjuwils jew l-akkwist tas-settur pubbliku.

Madankollu, dan iż-żmien ta’ transizzjoni m’għandux jitqies bħala wieħed li jagħti l-libertà kollha biex jitkompla jinqabżu l-limiti għal karozzi tad-diżil u biex jiġi evitat li jiġu rinnovati b’sistema SCR biex ikunu konformi mal-istandard Euro 6. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-leġislaturi nazzjonali tal-Istati Membri jibdew ir-rinnovazzjoni Euro 6 (retrofitting) malajr kemm jista’ jkun, u li r-responsabbiltà għall-ispejjeż tiġi ċċarata.

4.7.

Il-KESE jistieden lill-industrija tal-karozzi biex tuża ż-żmien ta’ transizzjoni b’tali mod li l-koeżjoni fl-UE tittejjeb billi jsiru għażliet tajba dwar il-post tas-siti industrijali u li l-opportunitajiet għal vetturi nodfa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha. Ikun inaċċettabbli jekk, pereżempju, karozzi tad-diżil li huma eqdem jiġu pprojbiti f’xi Stati Membri u mbagħad jiġu mibjugħa lil Stati Membri b’ekonomija iktar dgħajfa. Barra minn hekk, żviluppi barra mill-UE għandhom rwol sinifikanti, peress li fil-biċċa l-kbira tagħha, l-industrija awtomobilistika Ewropea taħdem għas-suq dinji. Huwa importanti immens li l-politika tal-UE tappoġġja l-ftehimiet internazzjonali li huma ġusti għall-industrija awtomobilistika Ewropea meta mqabbla mal-kompetituri tagħha fl-Istati Uniti tal-Amerika jew fl-Asja.

4.8.

Jekk ikollniex avvanz teknoloġiku fil-futur, pereżempju fil-prestazzjoni tal-batteriji, jiddependi fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Avvanz bħal dan jista’ jseħħ mhux biss f’vetturi elettriċi tal-batterija, iżda wkoll fil-qasam tal-fjuwils li għandhom jintużaw f’magni b’kombustjoni interna jew f’ċelluli tal-fjuwil. Filwaqt li karburanti li ma jagħmlux ħsara lill-klima u li huma kompletament ħielsa mill-fossili bħal HVO100 diġà jintużaw ħafna f’xi pajjiżi (bħall-Iżvezja), jistgħu jsiru disponibbli wkoll tipi ġodda ta’ fjuwil, bħal fjuwil sintetiku jew idroġenu, li jistgħu jiġu prodotti bi spejjeż aċċettabbli bl-eċċess ta’ elettriku disponibbli f’ammonti li qegħdin jiżdiedu minħabba l-espansjoni kontinwa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li jvarjaw.

4.9.

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel distinzjoni aħjar u aktar ċara bejn l-objettivi differenti segwiti fl-introduzzjoni ta’ vetturi nodfa. Hemm żewġ għanijiet: protezzjoni tal-klima u kwalità tal-arja lokali mtejba. Huwa importanti li jiġi nnutat li ċerti tipi ta’ fjuwils jistgħu jgħinu biex itejbu l-kwalità tal-arja fil-bliet iżda mhumiex ta’ benefiċċju għall-klima – pereżempju, meta l-elettriku jew l-idroġenu għall-vetturi elettriċi jkunu ġejjin minn impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam. Min-naħa l-oħra, vetturi b’emissjonijiet baxxi li jużaw gass naturali mill-bijometan, filwaqt li ma jagħmlux ħsara lill-klima, jistgħu madankollu jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja lokali. It-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja lokali fil-bliet huwa kwistjoni urġenti ħafna u jeħtieġ azzjoni fil-livelli reġjonali u lokali, filwaqt li l-protezzjoni tal-klima hija kwistjoni globali u l-bidliet jistgħu jinkisbu (u jiġu osservati) biss fuq għexieren ta’ snin. Huwa importanti li ssir distinzjoni ċara bejn dawn l-għanijiet sabiex jinkiseb l-appoġġ tan-nies għal investiment pubbliku u privat.

4.10.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkun aktar rigoruża fil-faċilitazzjoni tal-aċċess tal-konsumaturi għal forom affordabbli ġodda u aktar nodfa ta’ mobilità u għall-iżgurar li l-benefiċċji ta’ dawn is-servizzi ta’ mobilità ġodda jkunu disponibbli għal kulħadd u li jinfirxu b’mod indaqs madwar l-Unjoni. Problemi possibbli, b’mod partikolari l-ispejjeż għall-konsumaturi, huma kwistjoni ta’ tħassib. Xi wħud mill-istrumenti ta’ finanzjament proposti jistgħu jkunu utli biex tiġi indirizzata din il-problema, iżda l-Kumitat ma jemminx li huma biżżejjed. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ttejjeb il-ħila tal-konsumaturi sabiex jagħmlu għażliet aktar irfinati meta jiġu biex jixtru jew jużaw vettura billi jiġu pprovduti aktar trasparenza u jiġu offruti metodoloġija biex iqabblu l-ispejjeż.

4.11.

Il-KESE jilqa’ r-rwol importanti li għandha l-Kummissjoni fl-iffurmar ta’ alleanza pan-Ewropea ta’ industriji bl-għan li tiġi stabbilita katina tal-valur sħiħa għall-iżvilupp u għall-manifattura ta’ batteriji avvanzati fl-UE. Hemm diversi raġunijiet għal dan l-objettiv: aktar indipendenza minn manifatturi tal-batteriji minn barra l-UE hija ta’ importanza strateġika; sehem akbar ta’ manifattura fil-katina tal-valur fi ħdan l-UE huwa importanti għall-impjiegi tagħna, u l-garanzija li l-batteriji mmanifatturati jkunu “nodfa” tista’ tinkiseb bl-aħjar mod skont standards u regoli ambjentali tal-UE, bħal pereżempju fl-approċċ tal-ekonomija ċirkolari. Investiment fuq skala kbira għal dan il-għan mill-industrija huwa essenzjali, filwaqt li r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tistipula kondizzjonijiet ta’ limitu xierqa, bħal standards tekniċi.

4.12.

Il-KESE japprova l-approċċ ta’ emissjonijiet tal-iżbokk tal-egżost għad-definizzjoni ta’ “vetturi nodfa” minħabba li dan huwa sempliċi. Madankollu, jixtieq jenfasizza li dan l-approċċ ma jirriflettix il-marka tal-karbonju ta’ vettura matul il-ħajja kollha tagħha. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe trattament mhux iġġustifikat ta’ ċerti tipi ta’ vetturi, huma meħtieġa aktar sforzi min-naħa tal-leġislazzjoni sabiex wieħed imur lil hinn mill-approċċ tal-iżbokk tal-egżost u sabiex jiġu kkunsidrati wkoll kwistjonijiet ta’ manifattura jew l-għoti ta’ enerġija nadifa.

4.13.

Il-KESE jikkonkludi li l-ostaklu ewlieni għall-modernizzazzjoni tat-trasport pubbliku hija n-nuqqas ta’ appoġġ finanzjarju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa’ tikkunsidra r-reviżjoni tad-direttiva dwar l-akkwist pubbliku b’attenzjoni fuq il-finanzjament. Il-KESE jinnota li, minbarra l-ħtieġa li jkun hemm aktar vetturi nodfa fit-trasport pubbliku, huwa essenzjali li wieħed jikkonvinċi aktar liċ-ċittadini biex jużaw dan il-mezz ta’ trasport, billi jsir aktar attraenti (konnessjonijiet, il-kumdità), aktar milli jiffokaw fuq prezzijiet tal-biljetti baxxi.

Brussell, id-19 ta’ April 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  COM(2016) 501 final.

(2)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 64.

(3)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 195.

(4)  COM(2017) 675 final

(5)  TEN/652 Vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, relatur: Samm (ara l-paġna 58 ta’ dan il-ĠU).

(6)  INT/835 Reviżjoni tar-Regolamenti dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief, relatur: Bergrath (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  TEN/654 Pjan ta’ azzjoni għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (Komunikazzjoni), relatur: Boland (ara l-paġna 69 ta’ dan il-ĠU).

(8)  TEN/651 Trasport ikkombinat tal-merkanzija, relatur: Back (ara l-paġna 52 ta’ dan il-ĠU).

(9)  TEN/650 Aċċess għas-suq internazzjonali għas-servizzi bil-kowċ u tal-linja, relatur: Hencks (ara l-paġna 47 ta’ dan il-ĠU).