11.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija”

[COM(2017) 353 final — 2017/0146/(COD)]

(2018/C 129/12)

Relatur uniku:

Raymond HENCKS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 4.8.2017

Bażi legali

Artikoli 91 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Kummissjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

22.11.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

6.12.2017

Sessjoni plenarja Nru

530

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

158/0/1

1.   Sommarju u Konklużjonijiet

1.1.

Il-Kummissjoni tuża l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija biex jiġi valutat l-impatt tal-azzjonijiet komunitarji fil-qasam ferrovjarju u tappoġġja, skont il-każ, it-tħejjija ta’ azzjonijiet ġodda.

1.2.

Statistiċi bħal dawn ilhom jiġu stabbiliti, qabelxejn parzjalment u b’mod mhux wisq dettaljata, sa mill-1980 (1). Fl-2003, att legali ġdid, f’dan il-każ ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 (magħruf bħala att li joriġina) introduċa bidliet u żidiet sostantivi. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-Istati Membri għandhom jiġbru u jibagħtu statistiċi, annwali, ta’ kull tliet xhur jew ta’ kull ħames snin, dwar il-prestazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, abbażi ta’ indikaturi speċifiċi.

1.3.

Sadanittant, dak l-att oriġinali ġie emendat u supplimentat mir-Regolamenti (KE) Nru 1192/2003, (KE) Nru 219/2009 u (UE) 2016/2032, b’tali mod li għadd kbir ta’ dispożizzjonijiet huma mferrxin bejn l-att oriġinali u atti sussegwenti li jemendaw l-att oriġinali.

1.4.

Il-Kummissjoni kkuntentat ruħha li tipproċedi għal sempliċi “kodifikazzjoni”, billi tintegra l-kontenut tad-diversi Regolamenti preċedenti f’sett armonizzat u koerenti u mingħajr ma tbiddel il-kontenut, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 91/2003 li jagħti lill-Kummissjoni d-dritt li tadatta minn jeddha l-Annessi għar-Regolament imsemmi hawn fuq fir-rigward ta’ elementi mhux essenzjali.

1.5.

F’konformità mal-objettiv ta’ idoneità regolatorja (REFIT), il-KESE japprova l-inizjattiva tal-Kummissjoni, iżda jistaqsi jekk l-istatistika inkwistjoni ma tistax tiġi ttrattata aħjar, u tkun tagħmel parti minn data oħra fil-qasam miġbura mill-Eurostat.

Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2017.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Direttiva 80/1177/KEE.