2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty ġodda u l-konsum tal-fjuwil tagħhom”

[COM(2017) 279 final — 2017/0111 (COD)]

(2018/C 081/13)

Relatur:

Dirk BERGRATH

Korelatur:

Mihai MANOLIU

Konsultazzjoni

Il-Parlament Ewropew, 15.6.2017

Il-Kunsill, 22/06/2017

Bażi legali

Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum

Adottata fis-sezzjoni

4.10.2017

Adottata fil-plenarja

18.10.2017

Sessjoni plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

188/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fil-fehma tal-KESE, il-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll l-investiment immirat lejn ir-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa, it-tkabbir ekonomiku, it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, mudelli ġodda ta’ negozju, teknoloġiji fl-avangwardja, il-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa pubblika għandhom ikunu objettivi ewlenin tal-politika tal-UE.

1.2.

Il-KESE jemmen li l-operaturi tat-trasport kellhom opportunitajiet mitlufa biex inaqqsu l-kontijiet tal-karburant, li jgħoddu għal kwart tal-ispejjeż operattivi tagħhom. L-effiċjenza fl-użu tal-karburant hija kriterju fundamentali f’deċiżjonijiet dwar xiri, u t-tnaqqis tal-konsum tal-karburant għandu jgħin biex jitnaqqas il-kont tal-importazzjoni tal-karburant. L-UE teħtieġ ċertifikazzjoni, valutazzjoni tal-konsum tal-karburant, u standards tal-emissjonijiet u tal-konsum, u dan għandu jmexxi l-innovazzjoni. Kompetizzjoni ħarxa bejn il-produtturi tal-vetturi nħolqot minn politiki u pjani għal vetturi elettriċi. Is-settur tat-trasport jeħtieġ jagħmel il-kontribut tiegħu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, flimkien ma’ dawk tal-bini, l-agrikoltura u l-iskart.

1.3.

L-azzjoni tal-UE hi ġġustifikata fid-dawl tal-impatt transfruntier tat-tibdil fil-klima u tal-ħtieġa li jiġu ssalvagradjati s-swieq uniċi tal-fjuwil, tal-vetturi u tas-servizzi tat-trasport. Il-frammentazzjoni tas-suq tat-trasport u t-telfien tat-trasparenza tas-suq, id-differenzi fil-leġislazzjoni u l-prattiki politiċi diverġenti dwar il-monitoraġġ, kif ukoll in-nuqqas ta’ bażi ta’ data komuni li fiha data ta’ monitoraġġ, kollha għandhom effetti ekonomiċi u soċjali sinifikanti.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta għal Regolament tagħmilha eħfef biex jiġu monitorjati u mxerda kejl ta’ CO2 ta’ HDVs (Vetturi Heavy-Duty) li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati fl-UE, u tforni lill-klijenti – ħafna minnhom SMEs – b’informazzjoni ċara dwar il-konsum

1.5.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-għażla fil-proposta għal Regolament tat-tielet għażla ta’ rappurtar ikkombinat, għax din tiggarantixxi l-fluss ta’ informazzjoni diġitali, hija mezz sabiex id-data tinġabar kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, u tinvolvi spejjeż amministrattivi baxxi.

1.6.

Il-KESE jenfasizza li swieq sinifikanti bħal pereżempju l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u ċ-Ċina, tul dawn l-aħħar snin implimentaw miżuri għaċ-ċertifikazzjoni u għall-effiċjenza tal-karburant fil-forma ta’ standards dwar il-konsum tal-karburant u/jew standards dwar l-emissjonijiet, biex jistimulaw l-innovazzjoni u jtejbu l-effiċjenza tal-vetturi b’mod mgħaġġel. Il-kompetittività tal-produtturi Ewropej ta’ vetturi heavy-duty għalhekk tiddependi li jintlaħqu dawn l-istandards.

1.7.

Filwaqt li huwa minnu li s-suq bażikament jitfa’ pressjoni fuq il-produtturi biex ikomplu jnaqqsu l-konsum tal-karburant ta’ trakkijiet fl-UE, il-kumpaniji tat-trasport iddominati mill-SMEs spiss iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet fil-finanzjament tal-prezz tax-xiri ogħla għall-HDVs li jwasslu għal użu aktar effiċjenti tal-karburant.

1.8.

Il-KESE jirrakkomanda li, meta tkun qed tistabbilixxi l-limiti potenzjali tas-CO2 għal vetturi heavy-duty, il-Kummissjoni għandha timmira li ssib bilanċ bejn il-miri li jistgħu jintlaħqu fi żmien qasir sa medju u l-mira aktar fit-tul ta’ livell ta’ emissjonijiet ta’ żero għat-trasport bit-triq. Dan ifisser li l-innovazzjoni f’teknoloġiji eżistenti għandha tkun stimulata, mingħajr ma jiġu limitati l-investimenti f’vetturi b’emissjonijiet żero.

1.9.

F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li r-rakkomandazzjonijiet li ressaq fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-rapport finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 jistgħu jiġu applikati wkoll għal vetturi heavy-duty, speċjalment fil-perijodu ta’ żmien tal-implimentazzjoni.

1.10.

Il-KESE jisħaq fuq ir-rwol tal-investiment pubbliku u r-regolamentazzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq, inklużi dawk prodotti mit-trasport ta’ merkanzija tqila.

1.11.

Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe azzjoni regolatorja għandha timxi id f’id ma’ aktar miżuri ta’ politika biex titnaqqas id-domanda għat-trasport bit-triq – inkluż it-trasport ta’ merkanzija tqila – billi ssir bidla għal mezzi oħra tat-trasport (ferroviji, passaġġi tal-ilma interni, eċċ.) li jipproduċu inqas emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Il-proposta għal Regolament għandha l-għan li tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi heavy-duty ġodda rreġistrati fl-Unjoni Ewropea u l-konsum tal-karburant tagħhom. Dan japplika biss għal vetturi heavy-duty mfassla u mibnija għall-ġarr ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija u trejlers (1).

2.2.

It-trasport u l-mobilità huma ta’ importanza vitali għall-ekonomija Ewropea u l-kompetittività tagħha. Din l-importanza hija wkoll riflessa fil-varjetà wiesgħa ta’ oqfsa ta’ politika oħra li jinfluwenzaw b’mod qawwi lil dan is-settur. Jekk jitwettqu l-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija, is-Suq Uniku Diġitali u l-Aġenda għall-Impjiegi, it-Tkabbir u l-Investiment f’kull każ dan ser jibbenefika l-mobilità u s-settur tat-trasport.

2.3.

F’Ottubru 2014, il-kapijiet ta’ Stat u ta’ gvern tal-UE (2) stabbilixxew mira ta’ tnaqqis vinkolanti tal-emissjonijiet prodotti madwar l-ekonomija kollha tal-UE b’mill-anqas 40 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Din il-mira hija bbażata fuq tbassir globali li jikkonforma ma’ medda medja ta’ żmien tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima (COP 21) (3). Il-Kummissjoni ħabbret li ser tintroduċi l-istandards tal-effiċjenza tal-karburant għal vetturi ġodda heavy duty.

2.4.

Fl-2015, skont id-data tal-industrija, l-esportazzjonijiet tat-trakkijiet iġġeneraw bilanċ kummerċjali favorevoli ta’ EUR 5,1 biljun. Dan is-settur jaġħmel parti minn industrija awtomobilistika li tiġġenera 12,1 miljun impjieg dirett u indirett fl-Ewropa, ekwivalenti għal 5,6 % tal-impjiegi totali tal-UE.

2.5.

Il-Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il Quddiem (Frar 2015) identifika t-transizzjoni għal ekonomija b’użu effiċjenti tal-enerġija, mingħajr karbonju fis-settur tat-trasport, bħala qasam ewlieni għal azzjoni. B’impetu mill-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, il-miżuri stabbiliti fl-Istrateġija Ewropea għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi (Lulju 2016) (4) issa qed jiġu implimentati. Investimenti infrastrutturali bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa għandhom jistimolaw il-ħolqien ta’ mobbiltà futura nadifa, kompetittiva u konnessa fl-Ewropa.

2.6.

Bejn l-1990 u l-2014, l-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE minn vetturi kummerċjali żdiedu ferm aktar malajr minn dawk mill-karozzi. L-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali żdiedu b’madwar 25 %; l-emissjonijiet mill-karozzi b’madwar 12 % biss. It-trakkijiet u x-xarabankijiet issa jammontaw għal madwar kwart tal-emissjonijiet tas-CO2 relatati mat-trasport bit-triq fl-UE. Is-sehem tagħhom ta’ emissjonijiet qed ikompli jikber, hekk kif iż-żieda kontinwa u stretta ta’ limiti tas-CO2 qed inaqqsu l-emissjonijiet mill-karozzi u l-vannijiet.

2.7.

Bħalissa, unità ta’ trattur 4×2 tipika Ewropea ta’ 40 tunnellata f’“ċiklu ta’ prova fuq distanzi twal” tikkonsma madwar 33,1 l ta’ karburant għal kull 100 km fit-toroq u l-awtostradi. Trakk tad-distribuzzjoni 4×2 tipiku Ewropew ta’ 12-il tunnellata f’“ċiklu ta’ prova ta’ kunsinna urbana” jikkonsma madwar 21,4 l ta’ karburant għal kull 100 km (5).

2.8.

Vetturi heavy-duty (HDVs) issoltu huma manifatturati f’diversi stadji; ġeneralment, prodotti magħmulin skont speċifikazzjonijiet partikolari biss huma disponibbli. Ix-xażi huwa prodott minn prodottur wieħed u mbagħad, fl-istadju li jmiss, jirċievi karozzerija minn produttur ieħor. Dan ifisser li għadd ta’ produtturi differenti għandhom impatt fuq il-konsum tal-karburant tal-vettura kompluta u b’hekk fuq l-emissjonijiet tas-CO2 tagħha.

2.9.

Ix-xerrejja ta’ vetturi heavy-duty huma fil-biċċa l-kbira tagħhom operaturi tat-trasport tal-merkanzija. Dawn jistgħu jesperjenzaw spejjeż tal-karburant ogħla iktar minn kwart tal-ispejjeż operazzjonali tagħhom, u jikklassifikaw l-effiċjenza tal-karburant bħala l-ogħla kriterju għax-xiri tagħhom. Filwaqt li l-effiċjenza tal-karburant tal-vetturi heavy-duty tjiebet f’deċennji reċenti, ħafna mill-iktar minn nofs miljun kumpanija ta’ trasport, li huma fil-biċċa l-kbira SMEs, għad m’għandhomx aċċess għal informazzjoni standardizzata biex jevalwaw it-teknoloġiji tal-effiċjenza tal-karburant, biex iqabblu t-trakkijiet ħalli jagħmlu l-iktar deċiżjoni ta’ xiri infurmata u biex inaqqsu l-ispejjeż tal-karburant tagħhom. Din is-sitwazzjoni tiġi aggravata minħabba n-nuqqas ta’ metodoloġija miftehma b’mod komuni għall-kejl tal-konsum tal-karburant.

2.10.

In-nuqqas ta’ trasparenza fis-suq jissarraf f’inqas pressjoni għal produtturi tal-HDVs tal-UE biex jagħmlu aktar sforzi biex titjieb l-effiċjenza tal-vetturi u biex jinvestu fl-innovazzjoni f’suq globali tant kompetittiv. Hemm ir-riskju konsegwenti li s-settur tal-manifattura tal-UE jista’ jitlef it-tmexxija attwali tiegħu fl-effiċjenza fl-użu tal-karburant ta’ vetturi.

2.11.

It-trasparenza fir-rendiment tal-karburant u tal-emissjonijiet tas-CO2 ta’ vetturi għandha tistimola wkoll kompetizzjoni fi ħdan is-suq tal-UE, fejn fl-2016 il-Kummissjoni identifikat kartel bejn il-produtturi ta’ trakkijiet li kien ilu jopera bejn l-1997 u l-2011.

3.   Il-proposta għal Regolament

3.1.

Ir-Regolament propost huwa parti mill-pakkett L-Ewropa Attiva, li għandhom l-għan li: itejbu s-sikurezza fit-triq; jippromovu pedaġġ aktar ġust; inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis tal-arja, il-konġestjoni tat-traffiku u l-burokrazija għan-negozji; jiġġieldu kontra l-impjieg illegali; u jiżguraw kundizzjonijiet deċenti u perjodi ta’ mistrieħ għall-ħaddiema.

3.2.

Fuq medda twila ta’ żmien, dawn il-miżuri ser ikollhom effett pożittiv ferm lil hinn mis-settur tat-trasport: se jippromovu l-impjieg, it-tkabbir u l-investiment, isaħħu l-ġustizzja soċjali, iżidu l-għażla tal-konsumatur u jipprovdu lill-Ewropa bi triq ċara lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet.

3.3.

Matul it-12-il xahar li ġejjin li dan il-pakkett se jiġi supplimentat b’aktar proposti li jinkludu standards tal-emissjonijiet wara l-2020 għall-karozzi u l-vannijiet, kif ukoll – għall-ewwel darba – għal vetturi heavy-duty. Dawn il-proposti se jagħtu spinta ulterjuri lill-proċess tal-innovazzjoni, isaħħu l-kompetittività, inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, itejbu l-kwalità tal-arja, is-saħħa pubblika u s-sikurezza fit-toroq.

3.4.

Il-lakuna fl-għarfien se titnaqqas permezz ta’ softwer tas-simulazzjoni – għodda effiċjenti għall-kalkolu tal-konsum ta’ karburant u tal-ispejjeż. Ir-regolazzjoni ġdida taċ-ċertifikazzjoni (l-approvazzjoni tat-tip) dwar id-determinazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 se tkun ibbażata fuq data tal-prestazzjoni individwali u l-proċess ċertifikat tas-sejbien ta’ sorsi u l-ġestjoni tad-data użata.

3.5.

Din il-proposta għal Regolament timplimenta l-Komunikazzjoni tal-2014 dwar Strateġija għat-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-Vetturi Heavy-Duty. L-istrateġija tal-HDVs ħabbret miżura ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi l-proċedura għaċ-ċertifikazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 minn HDVs ġodda mqiegħda fis-suq tal-UE, ikkalkulati mill-għodda ta’ simulazzjoni VECTO, u proposta leġislattiva dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ dawn l-emissjonijiet.

3.6.

Peress li VECTO hija biss għodda ta’ simulazzjoni, it-tieni pakkett għandu jinkludi testijiet dwar il-konsum ta’ karburant fit-triq, kif il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel għal karozzi u vetturi kummerċjali ħfief. Jeħtieġ li tiġi żviluppata metodoloġija biex tiddifferenzja l-imposti għall-użu tal-infrastruttura għal HDVs ġodda skont l-emissjonijiet tas-CO2 (reviżjoni tad-Direttiva Eurovignette u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika).

3.7.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jaqblu li jiggarantixxu li l-partijiet terzi (istituti ta’ riċerka, kumpaniji tat-trasport, NGOs) se jkollhom aċċess għad-data VECTO uffiċjali dwar il-konsum tal-karburant b’mod li ċ-ċifri jkunu jistgħu jiġu ċċekkjati u mqabbla permezz ta’ ttestjar indipendenti. Jeħtieġ li jitwettqu kontroll tal-kwalità u verifika tad-data ppreżentata sabiex jiġu indirizzati kwalunkwe nuqqasijiet jew irregolaritajiet. Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali.

3.8.

Il-proposta timplimenta wkoll l-Istrateġija Ewropea tal-2016 għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi, li l-għanijiet tagħha jinkludu t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fit-trasport tat-triq b’tal-inqas 60 % fl-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u t-tnaqqis b’mod drastiku tal-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja. L-istrateġija tiddikjara wkoll li l-Kummissjoni se tħaffef il-ħidma analitika fuq l-għażliet ta’ tfassil għall-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 bil-ħsieb li tħejji proposta leġislattiva matul il-mandat ta’ din il-Kummissjoni.

3.9.

Għal finijiet ta’ monitoraġġ, mill-2020 ’l quddiem, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jridu jissottomettu data dwar vetturi ġodda rreġistrati fl-UE għall-ewwel darba matul is-sena ta’ qabel, u produtturi ta’ vetturi heavy-duty għandhom jissottomettu data dwar vetturi b’data ta’ produzzjoni li taqa’ matul is-sena kalendarja preċedenti. Dan ir-rapportar annwali huwa dovut sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena. It-tip ta’ data li għandha titressaq hija mniżżla fil-Parti A u B tal-Anness I għall-proposta għal Regolament.

3.10.

L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) se tamministra, f’isem il-Kummissjoni, bażi ta’ data ċentrali tad-data li tiġi ppreżentata u li se tkun disponibbli għall-pubbliku (għajr għal ċertu data sensittiva).

3.11.

L-awtoritajiet kompetenti u l-produtturi għandhom ikunu responsabbli għall-preċiżjoni u l-kwalità tad-data li jippreżentaw. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ twettaq il-verifika tagħha stess tal-kwalità tad-data ppreżentata u, fejn xieraq, tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkoreġi d-data ppubblikata fir-reġistru ċentrali. M’hemmx obbligi diretti ta’ rapportar għall-SMEs u għall-mikrointrapriżi.

3.12.

Il-Kummissjoni se tipproduċi rapport annwali li jinkludi l-analiżi tad-data mibgħuta mill-Istati Membri u l-produtturi għas-sena kalendarja preċedenti. L-analiżi għandha tinkludi, bħala minimu, ċifri dwar il-medja tal-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet tas-CO2 tal-flotta ta’ vetturi heavy-duty tal-Unjoni kollha kemm hi, kif ukoll ta’ kull produttur. Trid tqis ukoll, fejn disponibbli, id-data dwar it-teħid ta’ teknoloġiji ġodda u avvanzati ta’ tnaqqis tas-CO2.

3.13.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa permezz ta’ atti delegati biex temenda r-rekwiżiti tad-data stipulati fl-annessi għall-proposta għal Regolament, u li twettaq bidliet fil-proċess ta’ monitoraġġ u rapportar.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Bħal f’opinjonijiet preċedenti dwar proposti leġislattivi tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet tas-CO2, il-KESE jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha tal-UE li għandhom l-għan li jilħqu miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, billi din hija parti ewlenija fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Għal dan il-għan, l-ebda miżura raġonevoli sabiex jitnaqqsu wkoll l-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ma tista’ tiġi injorata, billi dawn il-vetturi jifformaw iktar minn 10 % tal-flotta.

4.2.

Barra minn hekk, l-istrument magħżul – Regolament tal-UE – huwa l-iktar adatt biex tiġi żgurata konformità immedjata mad-dispożizzjonijiet adottati, u biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jista’ jkollhom implikazzjonijiet għas-suq intern.

4.3.

Id-data dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum tal-karburant hija prodotta bl-użu ta’ softwer tas-simulazzjoni msejħa VECTO (Għodda għall-kalkolu tal-Konsum tal-Enerġija tal-Vetturi).

4.3.1.

Id-deċiżjoni li tiġi żviluppata din l-għodda saret wara li tqiesu għażliet oħra għal proċeduri tal-kalkolu, inklużi sodod tal-ittestjar tal-magna, tad-dinamometru tax-xażi, u testijiet abbord fi traffiku reali b’Sistemi Portabbli tal-Kejl tal-Emissjonijiet (PEMS). Ir-raġunijiet ewlenin għall-għażla ta’ simulazzjoni minflok kwalunkwe proċedura ta’ ttestjar oħra kienu:

1.

kumparabbiltà: riżultati tat-testijiet għal tipi differenti ta’ HDVs huwa direttament komparabbli;

2.

effiċjenza tal-ispejjeż: l-ispiża għolja tal-faċilitajiet tal-ittestjar meta mqabbla mas-simulazzjoni;

3.

il-kapaċità li tiġi trattata varjabilità għolja: sensiliet ta’ produzzjoni HDV huma żgħar ħafna billi vetturi bħal dawn huma fil-biċċa l-kbira tagħhom prodotti skont speċifikazzjoni partikolari tal-utenti aħħarin;

4.

riproduċibbiltà: is-simulazzjoni toffri l-ogħla punteġġi għar-riproduċibbiltà tat-testijiet;

5.

preċiżjoni: jista’ jiġi identifikat iffrankar żgħir mill-ottimizzazzjonijiet ta’ komponent wieħed;

6.

komprensività: is-simulazzjoni tista’ tintuża biex tiġi ottimizzata l-konfigurazzjoni totali tal-vettura biex jintlaħaq konsum inqas ta’ karburant, peress li din tinkludi l-komponenti kollha (kabina, tajers, magna, trażmissjoni, eċċ.). Dan l-approċċ ġie kkonfermat fl-istrateġija dwar l-HDVs tal-2014.

4.3.2.

L-obbligu li d-data tal-VECTO tiġi pproċessata u tkun disponibbli għall-vetturi heavy-duty ġodda kollha jippermetti lix-xerreja kemm li jqabblu d-diversi mudelli ta’ vetturi, it-teknoloġiji tal-konsum tal-karburant, u diversi karozzeriji ta’ vetturi – pereżempju krejn, kompartiment refriġerat – kif ukoll li jqabblu diversi kombinazzjonijiet ta’ komponenti individwali. Għall-kuntrarju tal-karozzi, huma użati mudelli differenti ta’ vetturi heavy-duty f’modi differenti ħafna skont il-karozzeriji tagħhom, li jwassal għal differenza kbira fil-konsum tal-karburant u tal-emissjonijiet ta’ CO2. Barra minn hekk, il-kapaċità li jqabblu ser iżżid il-kompetizzjoni kemm bejn il-produtturi tal-vetturi kif ukoll bejn il-produtturi tal-karozzeriji tal-vetturi.

4.3.3.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-proposta għal Regolament tagħmilha eħfef biex jiġu monitorjati u mxerda kejl ta’ CO2 ta’ HDVs li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati fl-UE, u tforni lill-klijenti – ħafna minnhom SMEs – b’informazzjoni ċara dwar il-konsum

4.3.4.

Il-KESE huwa konxju li l-kejl tal-emissjonijiet tas-sewqan reali (RDE – Real Driving Emissions) permezz ta’ sistema ta’ kejl tal-emissjonijiet portabbli (PEMS – Portable Emissions Measurement System) huwa ppreferut mill-kejl tal-emissjonijiet permezz ta’ dinamometru tax-xażi jew – kif inhu propost hawnhekk – bl-użu ta’ softwer tas-simulazzjoni. Wara perjodu ta’ introduzzjoni, u wara li jittieħed kont tal-esperjenza bis-sistema VECTO, il-Kummissjoni għandha tanalizza jekk it-testijiet tal-RDE għall-vetturi heavy-duty huma fattibbli, u jekk iva, kif jistgħu jsiru.

4.4.

Matul il-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni ttestjat tliet għażliet għall-ġbir tad-data u r-rappurtar lill-EEA: 1) rappurtar minn awtoritajiet nazzjonali; 2) rappurtar minn produtturi ta’ vetturi heavy-duty; u 3) rappurtar ikkombinat mill-awtoritajiet nazzjonali u l-produtturi.

4.4.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-għażla fil-proposta għal Regolament tat-tielet għażla ta’ rappurtar ikkombinat, għax din tiggarantixxi l-fluss ta’ informazzjoni diġitali, hija mezz sabiex id-data tinġabar kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, u tinvolvi spejjeż amministrattivi baxxi.

4.4.2.

Il-KESE jinnota bi pjaċir li d-data sottomessa lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-produtturi ta’ vetturi heavy-duty se tkun disponibbli għall-pubbliku. Għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data u s-salvagwardja tal-kompetizzjoni, il-KESE jilqa’ wkoll il-proposta li la n-numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN) u lanqas id-data ta’ produzzjoni relatata ma’ ċerti partijiet forniti (trażmissjoni, fusien u tajers) jiġu ppubblikati.

4.5.

Fil-fehma tal-KESE, ikun tajjeb nirriflettu fuq l-imposti bbażati fuq is-CO2 għall-utenti tat-toroq għal vetturi heavy-duty. Biex dan ikun possibbli, id-data mir-reġistru ċentrali (numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura u l-kejl tal-emissjonijiet tas-CO2) trid tiġi marbuta ma’ data ta’ reġistrazzjoni (in-numru tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni) u mbagħad kondiviża ma’ dawk li jamministraw imposti għall-utenti tat-toroq.

4.5.1.

Il-KESE f’diversi okkażjonijiet (6) approva l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi sistema uniformi fil-livell Ewropew għal tariffi għall-użu tat-triq abbażi tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Sistema uniformi ġestita pubblikament ta’ tariffi għall-użu tat-triq ikunu utli wkoll mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data.

4.6.

Il-Kummissjoni tqis li l-proposta tagħha għal Regolament hija pass meħtieġ lejn l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-istandards tal-emissjonijiet futuri ta’ CO2 għal vetturi heavy-duty. Sistema ta’ monitoraġġ u rapportar hi partikolarment neċessarja għall-valutazzjoni tal-konformità ma’ tali standards futuri, bħalma hu l-każ diġà għall-karozzi u l-vannijiet.

4.6.1.

Kien hemm limiti vinkolanti tas-CO2 għall-karozzi tal-passiġġieri fl-UE mill-2009, u għall-vannijiet mill-2011 ’l hawn. Sadanittant, vetturi heavy-duty s’issa ma kinux suġġetti għal limiti ta’ CO2 komparabbli. Madankollu, proposta leġislattiva tal-Kummissjoni hija mistennija fl-2018 li se tintroduċi limiti ta’ CO2 mandatorji għal dawn il-vetturi wkoll.

4.6.2.

Swieq sinifikanti bħal pereżempju l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u ċ-Ċina, tul dawn l-aħħar snin implimentaw miżuri għaċ-ċertifikazzjoni u għall-effiċjenza tal-karburant fil-forma ta’ standards dwar il-konsum tal-karburant u/jew standards dwar l-emissjonijiet, biex jistimulaw l-innovazzjoni u jtejbu l-effiċjenza tal-vetturi b’mod mgħaġġel. Il-kompetittività tal-produtturi Ewropej ta’ vetturi heavy-duty għalhekk tiddependi li jintlaħqu dawn l-istandards.

4.7.

Huwa minnu li s-suq bażikament jagħmel pressjoni fuq il-produtturi biex ikomplu jnaqqsu l-konsum tal-karburant tat-trakkijiet fl-UE: l-ispejjeż tal-karburant jirrappreżentaw bil-wisq l-akbar oġġett ta’ spiża (madwar 30 %) fl-istruttura tal-ispejjeż tat-trasport bit-triq fuq distanzi twal. Il-kumpaniji tat-trasport, bħala xerrejja ta’ vetturi heavy-duty, għalhekk għandhom interess fi trakkijiet li jikkunsmaw l-inqas karburant possibbli.

4.7.1.

Min-naħa l-oħra, l-esperjenza wriet li miri mhux vinkolanti u l-forzi tas-suq waħedhom mhumiex biżżejjed biex jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-konsum tal-karburant ta’ vetturi ġodda u, b’riżultat ta’ dan, l-emissjonijiet ta’ CO2.

4.7.2.

Is-settur tat-trasport huwa ddominat mill-SMEs. Waħda mill-kwistjonijiet l-aktar importanti li qed jiffaċċjaw l-SMEs hija d-diffikultà tagħhom biex jaċċessaw il-finanzi. Għalhekk, il-kumpaniji tat-trasport ta’ spiss jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiffinanzjaw il-prezz tax-xiri ogħla ta’ HDVs aktar effiċjenti fl-użu tal-karburant.

4.7.3.

Il-KESE jirrakkomanda li, meta tkun qed tistabbilixxi l-limiti potenzjali tas-CO2 għal vetturi heavy-duty, il-Kummissjoni għandha timmira li ssib bilanċ bejn il-miri li jistgħu jintlaħqu fi żmien qasir sa medju u l-mira aktar fit-tul ta’ livell ta’ emissjonijiet ta’ żero għat-trasport bit-triq. Dan ifisser li l-innovazzjoni f’teknoloġiji eżistenti għandha tkun stimulata, mingħajr ma jiġu limitati l-investimenti f’vetturi b’emissjonijiet żero.

4.7.4.

F’dan il-kuntest, il-KESE jemmen li r-rakkomandazzjonijiet li ressaq fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-rapport finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 (7) jistgħu jiġu applikati wkoll għal vetturi heavy-duty. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet kienu jinkludu li l-atturi fl-industrija jingħataw iż-żmien sabiex jiżviluppaw bis-sħiħ it-teknoloġiji li huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati esiġenzi aktar stretti mingħajr ma dan jirriżulta f’żieda sinifikanti fil-prezz tal-prodott u, finalment, fid-dewmien fit-tiġdid tal-flotta tal-vetturi;

4.7.5.

F’dan il-kuntest, ir-regolament tal-Istati Uniti dwar HDVs, trakkijiet tratturi, trejlers, u magni ġodda jista’ jitqies bħala eżempju pożittiv ta’ implementazzjoni antiċipattiva. Hemmhekk, it-tieni fażi ta’ regolamenti ser tiġi implimentata mis-sena ta’ mudell 2018 sal-2027, b’kontinwazzjoni fuq l-istandards tal-ewwel fażi li jkopru s-snin 2014 sa 2018.

4.8.

Il-KESE jisħaq fuq ir-rwol tal-investiment pubbliku u r-regolamentazzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport bit-triq, inklużi dawk prodotti mit-trasport ta’ merkanzija tqila.

4.8.1.

Għażla futura tista’ tkun is-sistema “e-highway”, fejn trakkijiet ibridi jimxu permezz ta’ linji elettriċi fl-ajru fuq il-kurituri tal-merkanzija arterjali ewlenin b’mod simili għal trams, ferroviji u trolleybuses illum. Meta mqabbdin mal-linja tal-elettriku, it-trakkijiet jistgħu jimxu kompletament bl-elettriku. Ladarba s-sewqan isir lil hinn mit-triq imqabbda mal-elettriku, il-vettura tkun tista’ timxi fuq diżil jew magna tal-elettriku permezz tal-kapaċità tal-batterija abbord.

4.8.2.

Trakk “platooning” għandu l-potenzjal li jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b’madwar 10 %. Trakkijiet isegwu lil xulxin b’distanza stabbilita bejniethom, bl-użu ta’ teknoloġija ta’ konnettività fl-avangwardja u sistemi ta’ appoġġ tas-sewqan. Il-vettura li tmexxi l-konvoj taġixxi bħala mexxej. Jekk tibbrejka, it-trakkijiet l-oħrajn kollha fil-platoon ukoll jibbrejkjaw. Il-ħin tar-reazzjoni huwa prattikament ugwali għal kull trakk. Sistema ta’ platooning tirriżulta f’konsum aktar baxx ta’ karburant u sigurtà ogħla, iżda jistgħu jkunu meħtieġa bidliet regolatorji.

4.8.3.

Id-Direttiva (UE) 2015/719 (8) fl-aħħar introduċiet emendi ġodda għar-regolamenti dwar vetturi heavy-duty li jippermettu disinji aktar ajrudinamiċi ta’ vetturi b’effiċjenza enerġetika u mġiba tal-emissjonijiet imtejba li għandhom jiġu introdotti fuq it-toroq Ewropej. L-emendi jinkludu derogi dwar it-tul massimu totali ta’ HDVs, biex b’hekk it-trakkijiet eżistenti ikunu jistgħu jiġu “retrofitted” bi flaps aerodinamiċi fuq wara u trakkijiet ġodda jkunu jinkludu dwar l-elementi ajrudinamiċi addizzjonali, kif ukoll kabini iktar tondi u itwal. Madankollu, il-produtturi ta’ trejlers jirrapportaw problemi mal-awtoritajiet ta’ reġistrazzjoni fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti l-ġodda.

4.9.

Il-KESE jenfasizza li kwalunkwe azzjoni regolatorja għandha timxi id f’id ma’ aktar miżuri ta’ politika biex titnaqqas id-domanda għat-trasport bit-triq – inkluż it-trasport ta’ merkanzija tqila – billi ssir bidla għal mezzi oħra tat-trasport (ferroviji, passaġġi tal-ilma interni, eċċ.) li jipproduċu inqas emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Kategoriji ta’ vetturi kif definiti fid-Direttiva 2007/46/KE kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru 385/2009: M1, M2, N1 u N2 b’massa ta’ referenza li taqbeż 2 610 kg li ma jaqgħux fi ħdan l-iskop tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-vetturi kollha fil-kategoriji M3 u N3, vetturi fil-kategoriji O3 u O4.

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ottubru 2014, EUCO 169/14, p. 2..

(3)  FCCC/CP/2015/L.9/Rev.1.

(4)  COM(2016) 501 final.

(5)  Delgado, O., Rodríguez, F., Muncrief, R., Fuel efficiency technology in European heavy-duty vehicles: Baseline and potential for the 2020–2030 timeframe, International Council on Clean Transportation, ICCT White Paper, Berlin, Lulju 2017.

(6)  EESC-2017-02887 (ara paġna 181 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali), EESC-2017-02888 (ara paġna 188 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali), EESC-2017-03231 (ara paġna 195 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  ĠU L 10, 15.1.2008, p. 15.

(8)  ĠU L 115, 6.5.2015, p. 1.