31.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 288/56 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol”
(COM(2017) 11 final — 2017/0004 (COD))
(2017/C 288/07)
Relatur: |
Marjolijn BULK |
Konsultazzjoni |
Il-Parlament Ewropew, 19.1.2017 Kunsill, 16.2.2017 |
Bażi Ġuridika |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
24.1.2017 |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Ix-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
Adottata fis-sezzjoni |
3.5.2017 |
Adottata fil-plenarja |
31.5.2017 |
Sessjoni tal-plenarja Nru |
526 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
149/0/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa' l-ftuħ tal-proċess biex tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-karċinoġeni u lest jikkontribwixxi għal dan id-dibattitu importanti. |
1.2 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt ta’ estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni biex id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (CMD) tapplika għal sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni. |
1.3 |
Il-Kumitat jirrakkomanda bil-qawwa li r-reviżjonijiet tas-CMD u tal-emendi ppjanati għall-2018 jagħtu aktar attenzjoni lill-esponimenti għal sustanzi karċinoġeniċi fuq ix-xogħol li jaffettwaw lin-nisa. |
1.4 |
Il-KESE jqis li huwa importanti għall-Kummissjoni li ttejjeb metodoloġija komuni għall-adozzjoni ta' valur ta' limitu vinkolanti għal esponiment okkupazzjonali (BOELs) fis-CMD, b'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra. |
1.5 |
Il-BOELs għandhom jiġu definiti abbażi ta’ evidenza xjentifika u statistika, b’kont meħud ta’ fatturi differenti bħall-fattibbiltà u l-possibbiltajiet għal kejl ta’ livelli ta’ espożizzjoni. Fin-Netherlands u l-Ġermanja jintuża approċċ ibbażat fuq ir-riskju u dan jgħin biex jiddefinixxi BOELs billi jqis il-livell ta’ riskju bħala l-fattur determinanti primarju ta’ kompromess soċjali. |
1.6 |
Il-KESE jqis li jeħtieġ li jiġu stabbiliti programmi biex jipproponu sorveljanza tas-saħħa tul il-ħajja għall-persuni kollha li ġew esposti għal karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol fil-qafas tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jew is-sistemi tas-saħħa pubblika. |
1.7 |
Il-KESE jenfasizza li biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-karċinoġeni, il-mutaġeni u s-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispettorati tax-xogħol ikollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom. |
1.8 |
Il-KESE jappoġġja l-pożizzjoni komuni tal-imsieħba soċjali tal-Ewropa u jirrakkomanda l-adozzjoni ta' BOEL għall-formaldeid. |
1.9 |
Il-KESE jirrakkomanda li hi u tistabbilixxi definizzjoni legali tal-egżost mill-magni diżil il-Kummissjoni tikkunsidra s-sejbiet tal-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Sustanzi Kimiċi fuq ix-Xogħol rigward l-egżost mill-magni diżil. |
2. Sfond tal-proposta
2.1 |
Il-kanċer huwa l-kawża ewlenija ta' mortalità minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Huwa stmat li fl-2013 madwar 1,314 miljun persuna mietu bil-kanċer fl-UE. Aktar minn 100 000 mewta fl-UE irriżultat minn kanċer okkupazzjonali. Fl-UE, il-kanċer huwa l-ewwel kawża ta’ mwiet marbuta max-xogħol. Madwar għoxrin miljun ħaddiem tal-UE huma esposti għall-karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol. Studju ppubblikat fl-2015 mill-Istitut Nazzjonali Olandiż għas-Saħħa Pubblika u l-Ambjent (1) jistma li l-ispiża annwali ta' dawn il-kanċers okkupazzjonali hija ta' EUR 334 biljun. |
2.2 |
Il-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema tindirizza l-kanċer okkupazzjonali f'għadd ta' Direttivi. L-obbligi ġenerali tad-Direttiva qafas (2) tal-1989 japplikaw għar-riskji kollha u jiddefinixxu miżuri ġenerali li għandhom jiġu implimentati fuq il-post tax-xogħol. Id-Direttiva dwar l-aġenti kimiċi (3) tapplika għas-sustanzi kimiċi perikolużi kollha. Id-Direttiva dwar l-Asbestos (4) tqis xi ħtiġijiet speċifiċi għall-prevenzjoni tal-mard relatat mal-asbestos. L-aktar parti speċifika importanti tal-leġislazzjoni hija d-Direttiva dwar il-karċinoġeni adottata fl-1990. |
2.3 |
Is-CMD tistabbilixxi rekwiżiti minimi ġenerali. L-impjegaturi għandhom jidentifikaw u jevalwaw ir-riskji u għandhom jevitaw l-espożizzjoni fejn ikun hemm ir-riskji. Meta jkun teknikament possibbli, hija meħtieġa s-sostituzzjoni bi proċess jew aġent kimiku mhux perikolużi jew inqas perikolużi. Meta s-sostituzzjoni ma tkunx teknikament possibbli, il-karċinoġeni kimiċi jridu, sa fejn ikun teknikament possibbli, jiġu mmanifatturati u użati f’sistema magħluqa biex tiġi evitata l-espożizzjoni. Fejn dan ma jkunx teknikament possibbli, l-esponiment tal-ħaddiema jrid jitnaqqas għal livell baxx kemm jista’ jkun teknikament possibbli. |
2.4 |
Flimkien ma’ dawn ir-rekwiżiti minimi ġenerali, is-CMD tistabbilixxi valuri ta’ limitu ta’ esponiment okkupazzjonali (OELs) għal karċinoġeni u mutaġeni partikolari bħala parti integrali tal-mekkaniżmu għall-protezzjoni tal-ħaddiema. Il-BOELs konkreti għal aġenti kimiċi speċifiċi huma previsti fl-Anness III tas-CMD. Bħalissa, dan l-anness iddefinixxa BOELs għal tliet sustanzi biss jew espożizzjonijiet iġġenerati minn proċess. Dawn il-BOELs ikopru biss perċentwal żgħir tal-ħaddiema esposti għal CMRs. |
2.5 |
Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li s-CMD se tiġi riveduta fi tliet fażijiet. Din adottat proposta inizjali f'Mejju ta' dik is-sena li issa qed tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Ministri. It-tieni proposta ġiet adottata f'Jannar 2017 u t-tielet waħda hija skedata għall-2018. |
2.6 |
Ir-reviżjoni tas-CMD hija proċess kontinwu. L-ewwel proposta rrevediet żewġ BOELs eżistenti u adottat ħdax-il BOEL ġdid. Fir-rapport Ulvskog tiegħu (5), il-Parlament Ewropew appoġġja l-proċess ta’ reviżjoni tas-CMD u talab, fost affarijiet oħra, li jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha biex tinkludi sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni, l-introduzzjoni ta’ valuri ta’ limitu ta’ espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol aktar stretti għal sitt sustanzi u l-iffissar ta’ valur limitu tranżizzjonali sabiex l-impjegaturi jingħataw żmien addizzjonali għall-implimentazzjoni. Il-Parlament Ewropew enfasizza wkoll il-punt li r-reviżjonijiet tal-2017 u l-2018 tal-Anness III tad-Direttiva 2004/37/KE jenħtieġ li jinkludu, iżda ma jkunux limitati għal, sustanzi, taħlitiet u proċessi bħall-egżost mill-magni diżil, il-formaldeid, il-kadmju u l-komposti tiegħu, il-berillju u l-komposti tiegħu, il-komposti tan-nikil, l-arseniku u l-komposti tiegħu u l-akrilonitril. Maġġoranza kbira ħafna tal-gruppi politiċi appoġġjaw il-kompromess propost mill-Parlament Ewropew. |
2.7 |
L-għan prinċipali tat-tieni proposta huwa li jiġu adottati ħames BOELs ġodda. Għalkemm it-taħlitiet kumplessi PAH (idrokarbur aromatiku poliċikliċi) u ż-żjut tal-magna użati jidhru fl-anness li jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, l-ebda valur ta' limitu ma ġie stabbilit għal dawn iż-żewġ karċinoġeni. Abbażi tal-analiżi tagħha stess, il-Kummissjoni ddeċidiet li, f'dan l-istadju, ma tittieħed l-ebda azzjoni fuq ħames karċinoġeni (6). |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-kamp ta’ appikazzjoni tas-CMD attwalment huwa limitat għall-karċinoġeni u l-mutaġeni; għandha tiġi kkunsidrata estensjoni possibbli għal sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni. Skont l-EU-OSHA: “L-effetti tal-esponiment okkupazzjonali fuq is-sistema riproduttiva tal-irġiel u n-nisa jistgħu jikkostitwixxu bidla fil-livelli ormonali, tnaqqis fil-libido u l-potenza, mard mestrwali, menopawża prematura, menarche ttardjat, disfunzjoni ovarja, ħsara fil-kwalità tas-semen u tnaqqis fil-fertilità tal-irġiel u n-nisa. L-esponimenti tossiċi jistgħu jikkawżaw ħsara diretta fiċ-ċelloli tal-isperma u tal-bajd li jkunu qegħdin jiżviluppaw. L-espożizzjoni tal-omm waqt it-tqala tista’ tfixkel l-iżvilupp fetali (…). L-esponimenti tossiċi jistgħu jikkawżaw bosta effetti b'firxa wiesgħa, pereżempju mewt tal-fetu, dewmien fit-tkabbir tal-utru, twelid qabel iż-żmien, difett fit-twelid, mewt wara t-twelid, disturbi fl-iżvilupp konjittiv, u bidliet fis-sensittività immunoloġika jew kanċer fit-tfulija. L-esponiment tal-omm għal sustanzi kimiċi fuq il-post tax-xogħol jista' jikkawża wkoll kontaminazzjoni fil-ħalib tas-sider tagħha. Xi sustanzi kimiċi b'attività ormonali, l-hekk imsejħa interferenti endokrinali, jistgħu jibdlu l-funzjoni tas-sistema endokrinali u konsegwentement jikkawżaw effetti riproduttivi avversi, pereżempju kwalità ħażina tas-semen u ħsara fit-tessuti riproduttivi tal-irġiel u xi kundizzjonijiet mediċi ġinekoloġiċi fin-nisa.” |
3.1.1 |
Skont ir-REACH u skont diversi partijiet speċifiċi tal-leġislazzjoni (dwar prodotti kożmetiċi, bijoċidi u pestiċidi), il-karċinoġeni, il-mutaġeni u s-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni huma trattati fi grupp kumplessiv ta' sustanzi ta' tħassib serju ħafna. Dawn jaqsmu xi karatteristiċi komuni, inklużi l-impatt akut tagħhom fuq is-saħħa, id-diffikultà tal-perċezzjoni tar-riskju (peress li l-konsegwenzi tal-esponiment ħafna drabi jidhru wara perjodu twil ta' latenza), id-diffikultà tal-ġestjoni tar-riskju u l-problemi marbuta ma' “effetti cocktail”, jiġifieri esponiment għal żewġ sustanzi jew proċessi differenti jew aktar. Il-leġislazzjoni nazzjonali f'diversi Stati Membri adottat tali approċċ bl-appoġġ tal-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt ta’ estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni biex id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni (CMD) tapplika għal sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni. |
3.2 |
Jenħtieġ li l-istrateġija tal-UE kontra l-kanċer relatat max-xogħol tagħti aktar attenzjoni lin-nisa. |
3.2.1 |
Il-mudell tal-esponiment u l-mudell tal-pożizzjonijiet tal-kanċer jistgħu jvarjaw bejn l-irġiel u n-nisa. Il-kanċer tas-sider, pereżempju, huwa marda rari ħafna għall-irġiel, filwaqt li huwa l-aktar kanċer komuni għan-nisa. Firxa ta' esponimenti okkupazzjonali tista' tikkontribwixxi għall-kanċer tas-sider. |
3.2.2 |
Il-Kumitat iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni sabiex tqis b'mod aktar sistematiku l-esponimenti karċinoġeniċi okkupazzjonali li jaffettwaw lin-nisa fir-reviżjoni tad-Direttiva u fl-emendi ppjanati għall-2018. Ħafna tipi ta' xogħlijiet li fihom in-nisa huma kkonċentrati (is-saħħa, it-tindif, il-kura tax-xagħar u l-bqija) jinvolvu esponimenti għal sustanzi karċinoġeniċi li huma injorati. Jeħtieġ li jiġu definiti kriterji għall-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni ta’ sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali li jikkontribwixxu għal xi tipi ta’ kanċer. Għandha tissaħħaħ il-prevenzjoni fl-użu ta’ prodotti ċitostatiċi (jiġifieri kemoterapewtiċi) għall-professjonijiet tas-saħħa. Għalkemm ir-radjazzjonijiet jonizzanti ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din l-opinjoni, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa l-ħtieġa li jissaħħu direttivi oħra u b'mod partikolari d-Direttiva 2013/59/Euratom. |
3.3 |
Hemm qbil qawwi fost il-partijiet ikkonċernati dwar ir-rwol u l-importanza tal-BOELs. Il-BOELs huma importanti għax jgħinu fit-tnaqqis tar-riskju, anki meta ma jkun hemm l-ebda livell sikur ta’ espożizzjoni. Dawn iridu jiġu stabbiliti f'livell adegwat, billi jitqiesu l-evidenza xjentifika u l-aspetti ta' fattibbiltà. |
3.3.1 |
Madankllu, ma hemm l-ebda metodoloġija uniformi fl-UE għad-derivazzjoni tal-BOELs. Bħalissa, il-Kummissjoni topera fuq bażi ta’ “każ b’każ”. It-trasparenza u l-konsistenza jistgħu fil-biċċa l-kbira jitjiebu. Xi BOELs huma tajbin, filwaqt li oħrajn ma jipprovdux biżżejjed protezzjoni. Il-KESE jqis li fejn ikunu kkonċernati s-saħħa u l-ħajjiet tal-bnedmin, l-ambizzjonijiet iridu jkunu ta' livell għoli. |
3.3.2 |
Fattur ieħor huwa li l-Istati Membri għandhom approċċi differenti. Xi wħud minnhom għandhom BOELs definiti għal aktar minn mitt CMR differenti, oħrajn għal inqas minn għaxra. Il-livell ta' dawk il-BOELs jista' jvarja minn pajjiż għal ieħor. Dan joħloq diffikultajiet għall-kumpaniji li joperaw f'pajjiżi differenti bi standards varjabbli u f'xi każijiet dan jista' jirriżulta f'kompetizzjoni inġusta. |
3.3.3 |
Għalhekk, il-KESE jqis li huwa importanti li l-Kummissjoni tiddefinixxi metodoloġija għall-adozzjoni ta' BOELs fis-CMD. Jenħtieġ li tali proċess jinvolvi konsultazzjoni wiesgħa mal-imsieħba soċjali, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħrajn, inklużi l-NGOs. L-esperjenza nazzjonali tgħin biex jiġu definiti prattiki tajbin. Għall-KESE, jenħtieġ li żewġ elementi jitqiesu b'mod partikolari: |
3.3.3.1 |
L-ewwel nett, il-konsistenza tal-BOELs, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-ħaddiema esposti għal ċerti sustanzi jistgħu jkunu f’riskju ħafna ogħla ta’ kanċer minn ħaddiema esposti għal sustanzi oħra. Fil-Ġermanja u fin-Netherlands, hemm appoġġ mill-imsieħba soċjali għal approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Dan jgħin biex jiġu definiti BOELs billi jitqies il-livell ta' riskju bħala l-fattur determinanti primarju ta' kompromess soċjali; |
3.3.3.2 |
It-tieni, il-BOELs iridu jiġi definiti fuq bażi ta' evidenza xjentifika. Dawn iridu jqisu fatturi differenti, bħall-fattibbiltà u l-possibbiltajiet għall-kejl tal-livelli ta' esponiment. Sabiex l-impjegaturi jiġu megħjuna jagħtu prijorità lill-miżuri ta' prevenzjoni tagħhom, jenħtieġ li dawn jirreferu b'mod espliċitu għal-livell ta' riskju assoċjat mal-livell ta' espożizzjoni. |
3.4 |
Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, hemm perjodu twil ta’ latenza bejn l-espożizzjoni u l-kanċer. Il-KESE jqis li huwa neċessarju, għalhekk, li jipproteġi lill-ħaddiema esposti jew ħaddiema li huma fir-riskju ta’ espożizzjoni billi tiġi offruta sorveljanza tas-saħħa tul il-ħajja stabbilita fil-qafas tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa jew tas-sigurtà soċjali għal ħaddiema esposti kollha. |
3.5 |
Il-KESE jirrakkomanda li għandhom jiġu ffukati aktar sforzi fuq il-qasam ta' studji xjentifiċi u statistiċi. Il-kanċer okkupazzjonali jista’ jkun ikkaġunat ukoll minn: stress, fatturi organizzattivi tax-xogħol pereżempju x-xogħol bix-xift. Għandhom jingħataw aktar attenzjoni u fondi lir-riċerka tal-konsegwenzi u s-sinerġija potenzjali ta’ espożizzjoni kkombinata ma’ fatturi differenti bħall-aġenti kimiċi u bijoloġiċi jew fiżiċi, il-kimiċi u l-organizzazzjoni tax-xogħol, eċċ. |
3.6 |
Il-KESE jenfasizza li wieħed mill-kompiti ewlenin fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħaddiema mill-karċinoġeni, il-mutaġeni jew is-sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xoħol huwa li jissaħħaħ il-kontroll fuq l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tas-CMD. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ispettorati tax-xogħol ikollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji u umani biex iwettqu dmirijiethom, filwaqt li jgħinu lill-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, jikkonformaw ma' dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda. Għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, li żviluppat għodod differenti li jistgħu jtejbu l-kwalità ta’ prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol. Wieħed minn dawn l-istrumenti huwa Valutazzjoni tar-Riskju Interattiva Onlajn (OIRA), pjattaforma web li tippermetti l-ħolqien ta’ għodod ta’ valutazzjoni tar-riskji settorjali fi kwalunkwe lingwa b’mod faċli u standardizzat. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 |
It-tieni proposta tas-CMD tintroduċi BOELs għal ħames sustanzi karċinoġeniċi addizzjonali. |
4.1.1 |
L-Epikloroidrina (ECH) huwa karċinoġenu mingħajr valur ta’ limitu. L-għadd ta’ ħaddiema esposti fl-UE huwa ta’ 43 813. Il-Kummissjoni tipproponi BOEL ta' 1,9 mg/m3. Ħmistax-il Stat Membru se jkollhom bżonn jintroduċu (7) jew jaġġornaw (8) l-OEL tagħhom biex inaqqsuh għal 1,9 mg/m3. Madwar 69 % tal-ħaddiema esposti huma stmati li jaħdmu f'dawk il-ħmistax-il Stat Membru u konsegwentement jibbenefikaw mit-titjib fil-protezzjoni legali bħala riżultat tal-introduzzjoni ta' dan il-BOEL. Il-KESE jqis li l-BOEL propost jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-piż tal-kanċer relatat max-xogħol. |
4.1.2 |
Id-dibromur tal-etilen (EDB) huwa karċinoġenu ġenotossiku mingħajr limitu. Huwa stmat li inqas minn 8 000 ħaddiem tal-UE huma potenzjalment esposti għal 1,2-dibromoetanu. Il-Kummissjoni tipproponi BOEL ta' 0,8 mg/m3 (0,1 ppm). Għoxrin Stat Membru se jkollhom bżonn jintroduċu (11) jew jaġġornaw (9) l-OEL tagħhom biex inaqqsuh għal 0,8 mg/m3. Huwa stmat li 81 % tal-ħaddiema esposti jaħdmu f'dawk l-għoxrin Stat Membru u konsegwentement jibbenefikaw mit-titjib fil-protezzjoni legali bħala riżultat tal-introduzzjoni ta' dan il-BOEL. L-ispejjeż addizzjonali għall-kumpaniji (fosthom l-intrapriżi mikro u żgħar) huma mistennija li jkunu baxxi ħafna. Il-KESE jqis li l-BOEL propost jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-piż tal-kanċer relatat max-xogħol. |
4.1.3 |
Id-diklorur tal-etilen (EDC) huwa kklassifikat bħala karċinoġenu 1B skont is-CLP. Inqas minn 3 000 ħaddiem huma potenzjalment esposti fl-Ewropa (7). Il-Kummissjoni tipproponi BOEL ta' 8,2 mg/m3 ta' 2 ppm. Tlieta u għoxrin Stat Membru se jkollhom bżonn jintroduċu (5) jew jaġġornaw (18) l-OEL tagħhom biex inaqqsuh għal 2 ppm, għalhekk huwa mistenni li proporzjon kbir tal-ħaddiema esposti jista' jibbenefika mit-titjib fil-protezzjoni legali. Il-KESE jqis li l-BOEL propost jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-piż tal-kanċer relatat max-xogħol. |
4.1.4 |
4,4'-methylenedianiline (MDA) huwa karċinoġenu ġenotossiku. Huwa stmat li madwar 70-140 persuna huma esposti għal MDA fl-arja fl-industrija tal-kimika. In-numru ta’ persuni affettwati mill-espożizzjoni tal-ġilda huwa konsiderevolment ogħla u mistenni li jvarja bejn 390 000 u 3,9 miljun ħaddiem (8). Il-Kummissjoni tipproponi BOEL ta' 0,08 mg/m3. Tlieta u għoxrin Stat Membru se jkollhom bżonn jintroduċu (12) jew jaġġornaw (11) l-OEL tagħhom biex inaqqsuh għal 0,08 mg/m3. Il-KESE jqis li l-BOEL propost jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-piż tal-kanċer relatat max-xogħol. |
4.1.5 |
It-trikloroetilen (TCE) huwa kklassifikat bħala karċinoġenu tal-grupp 2A mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (minn hawn 'il quddiem IARC) u bħala karċinoġenu tal-Kategorija IB fl-UE skont is-CLP. Huwa stmat li madwar 74 000 ħaddiem fl-UE huma potenzjalment esposti għat-TCE. Il-Kummissjoni tipproponi l-kombinazzjoni ta' BOEL ta' 54,7 mg/m3 ta' 10 ppm u limitu ta' esponiment għal żmien qasir (minn hawn 'il quddiem: STEL) ta' 164,1 mg/m3 ta' 30 ppm. Mit-tnejn u għoxrin Stat Membru li diġà għandhom fis-seħħ BOEL nazzjonali għat-TCE, sittax minnhom adottaw ukoll STEL. Sbatax-il Stat Membru se jkollhom jintroduċu (6) jew jaġġornaw (11) il-BOEL tagħhom biex inaqqsuh għal 54,7 mg/m3 (10 ppm). Kważi 74 % tal-ħaddiema esposti huma stmati li jaħdmu f'dawk is-sbatax-il Stat Membru u konsegwentement jibbenefikaw mit-titjib fil-protezzjoni legali minħabba l-introduzzjoni tal-OEL. Il-KESE jinnota li BOEL aktar baxx għat-trichloroethylene ġie implimentat f'għadd ta' Stati Membri u huwa appoġġjat minn organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u trade unions. Jenħtieġ li jiġi previst BOEL aktar baxx fil-livell tal-UE, sabiex jitnaqqas il-piż tal-kanċer relatat max-xogħol. |
4.2 |
Għalkemm it-taħlitiet kumplessi tal-idrokarbur aromatiku poliċikliku (PAH) u ż-żjut tal-magna użati jidhru fl-Anness li jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, l-ebda valur limitu ma ġie stabbilit għal dawn iż-żewġ karċinoġeni. |
4.2.1 |
It-taħlitiet kumplessi tal-idrokarbur aromatiku poliċikliku (PAH) bil-benżo[a]piren bħala indikatur. Il-PAHs huma kategorija wiesgħa ta’ komposti organiċi. Il-KESE jqis li l-miżura proposta tikkontribwixxi għal tnaqqis fil-piż tal-kanċer relatat max-xogħol. |
4.2.2 |
Żjut minerali bħal żjut tal-magna użati. L-esponiment għal żjut minerali bħal żjut tal-magna użati jista' jikkawża kanċer tal-ġilda. Huwa stmat li n-numru ta' ħaddiema esposti huwa miljun, il-maġġoranza tagħhom huma impjegati fil-manutenzjoni u t-tiswija ta' vetturi bil-mutur. Il-KESE jqis li l-miżura proposta tikkontribwixxi għal tnaqqis fil-piż tal-kanċer relatat max-xogħol. |
5. Aktar sustanzi jew proċessi li għandhom jiżdiedu
5.1 |
Formaldeid (FA). Il-Kummissjoni ma pproponietx BOEL għal formaldeid (FA). Fl-2009, l-IARC ikkonkludiet li kien hemm biżżejjed evidenza fil-bnedmin ta' assoċjazzjoni kawżali tal-formaldeid mal-lewkimja majelojde. L-informazzjoni disponibbli għall-FA hija adegwata biex jiġi derivat OEL ibbażat fuq is-saħħa, medja ppeżata b'ħin ta' 8 sigħat (TWA) u STEL. Abbażi tad-data disponibbli, is-SCOEL jikseb valur ta' limitu ta' esponiment okkupazzjonali ta' 0,3 ppm (8 sigħat TWA) bi STEL ta' 0,6 ppm. Wara dan, il-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSHW) iddeċieda wkoll li jirrakkomanda dan il-valur ta' limitu lill-Kummissjoni. Fl-2016, l-imsieħba soċjali Ewropej talbu lill-Kummissjoni tinkludi l-valuri proposti mis-SCOEL ibbażati fuq is-saħħa bħala BOEL għal din is-sustanza kimika (9). Il-KESE jappoġġja din il-pożizzjoni komuni u jqis li jenħtieġ li jiġi adottat BOEL. |
5.2 |
Egżost mill-magni diżil (DEE). Fl-2012, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) ikkategorizzat l-emissjonijiet kollha tal-egżost mill-magni diżil bħala karċinoġeni Klassi 1 (karċinoġeni umani ppruvati). Skont il-Kummissjoni, aktar minn tliet miljun ħaddiem fl-Unjoni Ewropea huma esposti għal emissjonijiet tal-egżost mill-magni diżil fuq il-post tax-xogħol. In-numru totali tal-ħaddiema esposti għal dawn id-dħaħen, tal-inqas matul parti mill-karriera tax-xogħol tagħhom, ammonta għal tnax-il miljun fl-2010, u potenzjalment jiżdied għal għoxrin miljun sal-2060. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni tiddikjara li n-nuqqas ta' leġislazzjoni li tipprojbixxi l-espożizzjoni għall-egżost mill-magni diżil fuq il-post tax-xogħol se jirriżulta f'230 000 mewta fl-UE bejn l-2010 u l-2069. |
5.2.1 |
Il-Kummissjoni targumenta li r-raġuni ewlenija għall-esklużjoni tad-DEE mill-Anness I u l-Anness III tas-CMD hija minħabba li huwa diffiċli biex tinstab definizzjoni legali sabiex issir distinzjoni bejn magni ġodda u magni qodma. Fil-fehma tal-KESE, l-għan tas-CMD mhuwiex li tiddefinixxi standards tekniċi għall-magni, iżda li tistabbilixxi definizzjoni legali tad-DEE bħala proċess karċinoġeniku skont l-evidenza xjentifika u l-valutazzjoni tal-IARC. Fuq il-post tax-xogħol, il-ħaddiema jistgħu jkunu esposti għall-egżost mill-magni diżil minn diversi magni li jikkonformaw mal-istandards differenti ta’ espożizzjoni. Fatturi oħrajn għandhom rwol importanti fil-karatterizzazzjoni tal-esponiment: it-temperaturi ta' kombustjoni u l-manutenzjoni u t-tindif tal-magni. Jista' jiġi definit BOEL billi titqies il-konċentrazzjoni tal-arja tal-karbonju elementali. Il-KESE jqis li jenħtieġ li titqies is-sejba li jmiss mill-SCOEL: “Għalkemm id-data tossikoloġika tappoġġja limitu (possibbilment ta' 0,02 mg DEP/m3 jew inqas, li jikkorrispondi għal 0,015 mg EC/m3), id-data epidemjoloġika, diġà tissuġġerixxi riskji tal-kanċer sinifikanti f'dawn il-livelli ta' esponiment jew f'oħrajn aktar baxxi minn dawn. Għalhekk, limitu ta' esponiment okkupazzjonali li jipproteġi b'mod adegwat lill-ħaddiema, ma jistax jiġi stabbilit abbażi tad-data u l-analiżi disponibbli attwalment. Madankollu, kemm id-data tossikoloġika kif ukoll dik epidemjoloġika tal-bniedem huma miġbura u evalwati ulterjorment” (10). |
Brussell, il-31 ta' Mejju 2017.
President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) L-Istitut Nazzjonali Olandiż għas-Saħħa Pubblika u l-Ambjent (RIVM), “Work related cancer in the European Union”Size, impact and options for further prevention" (Kanċer relatat max-xogħol fl-Unjoni Ewropea. Id-daqs, l-impatt u l-għażliet għal aktar prevenzjoni), 2015.
(2) Miżuri li jtejbu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).
(3) Protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x'jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol, Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).
(4) Protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol, Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 330, 16.12.2009, p. 28).
(5) Rapport Ulvskog
(6) Il-berillju u l-komposti tal-berillju inorganiku, l-eżaklorobenżen (HCB), l-egżost mill-magni diżil (DEE), it-trab u d-dħaħen mill-proċess tal-gomma (RPDF) u 4,4'-Metilen-bis-(2 chloraniline) (MOCA).
(7) Data tal-2009.
(8) L-Istitut tal-Mediċina (IOM, li fl-2016 ingħata l-isem ta' HDM), Proġett ta' riċeka P937/9 dwar 4,4'-Methylenedianiline, Mejju 2011.
(9) L-EPF, l-ETUC, l-EAMA, l-ETRMA, il-Formacare, u l-EPRA jitolbu li jiġi inkluż il-Formaldeid fl-Anness III tad-Direttiva dwar il-Karċinoġeni u l-Mutaġeni 2004/37/KE, 15 ta' Lulju 2016.
(10) Opinjoni SCOEL no403, 2016.