30.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/60


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna”

[JOIN(2016) 49]

(2017/C 209/11)

Relatur:

Jan SIMONS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 27.1.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

 

 

Sezzjoni kompetenti

REX

Adottata fis-sezzjoni

6.3.2017

Adottata fil-plenarja

29.3.2017

Sessjoni plenarja Nru

524

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

201/2/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) josserva li l-azzjonijiet fil-Komunikazzjoni Konġunta jindirizzaw il-governanza kemm tal-oċeani kif ukoll tal-ibħra. Il-KESE jissuġġerixxi li t-titlu tal-Komunikazzjoni Konġunta jinbidel għal “aġenda għall-futur tal-oċeani u l-ibħra tagħna”.

1.2.

Il-KESE jikkondividi t-tħassib dejjem jikber dwar il-ħtieġa għal governanza u protezzjoni aħjar tal-oċeani, hekk kif il-pressjoni tkompli tiżdied. Għal sekli sħaħ, l-oċeani tad-dinja tagħna tqiesu bħala sempliċement kbar wisq biex jiġu affettwati minn xi ħaġa li jagħmel il-bniedem, iżda ż-żieda fl-attività umana qed tipperikola l-oċeani tagħna. L-oċeani tad-dinja tagħna qegħdin jiffaċċjaw sajd insostenibbli, protezzjoni inadegwata, turiżmu, traffiku qawwi, tniġġis u effetti tat-tibdil fil-klima, bħaż-żieda fil-livelli tal-baħar u tibdil fid-distribuzzjoni tal-ispeċijiet. Il-qafas attwali għall-governanza internazzjonali tal-oċeani ma jistax jiżgura l-ġestjoni sostenibbli tal-oċeani u tar-riżorsi tagħhom. Huwa imperattiv li tittieħed azzjoni urġenti.

1.3.

Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “il-Kummissjoni”) u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (minn hawn ‘il quddiem “ir-Rappreżentant Għoli”) dwar il-governanza mtejba tal-oċeani. Il-Komunikazzjoni Konġunta tistabbilixxi aġenda “għall-futur tal-oċeani tagħna”, futur li jinsab fil-periklu. Madankollu, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għad iridu jipprijoritizzaw it-theddidiet li qegħdin jiffaċċjaw bħalissal-oċeani tagħna sabiex jirriflettu b’mod adegwat il-ħtieġa urġenti għal azzjoni.

1.4.

Waħda mill-kawżi tal-governanza internazzjonali ineffettiva tal-oċeani hija l-eżistenza ta’ lakuni fil-qafas attwali tal-governanza internazzjonali tal-oċeani. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jindirizzaw dawn il-lakuni u l-inkonsistenzi, iżda li jżidu wkoll il-konformità mar-regoli eżistenti, pereżempju billi jtejbu l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru tal-UE dwar l-Istrateġija Marina. Jeħtieġ li l-UE toqgħod lura milli tipproponi kwalunkwe leġislazzjoni ġdida meta l-implimentazzjoni aħjar jew aktar ikkoordinata tar-regoli u r-regolamenti eżistenti tkun aktar effiċjenti.

1.5.

Il-KESE japprova l-azzjonijiet elenkati fil-Komunikazzjoni Konġunta, li huma maħsuba biex iżidu l-għarfien tagħna dwar l-oċeani Ewropej. L-UE tista’ taqdi rwol importanti fit-titjib tal-governanza tal-oċeani tagħna, speċjalment fl-appoġġ għar-riċerka xjentifika dwar l-oċeani tad-dinja. Irid isir użu tajjeb u effettiv tad-data li hija disponibbli bħalissa. Hemm ħafna informazzjoni dwar l-ibħra tagħna li hija ġeneralment frammentata. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa kollha lill-UE tiżviluppa n-Netwerk ta’ Osservazzjoni u Data Marittima f’netwerk dinji ta’ data marittima. L-UE tista’ ssir ċentru ta’ koordinazzjoni għal din ir-riċerka.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ lill-UE taħdem mal-pajjiżi msieħba sabiex tnaqqas ir-riskji u t-theddidiet għas-sigurtà marittima, bħall-piraterija u t-traffikar tal-bnedmin, l-armi u n-narkotiċi, filwaqt li tikkapitalizza fuq l-Aġenzija Ewropea ġdida għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA). L-użu ta’ Ambjent Komuni għall-Qsim tal-Informazzjoni (CISE) fattibbli jiżgura li d-data tinġabar darba u tinqasam fost l-Istati Membri tal-UE b’mod effettiv.

1.7.

Il-KESE jemmen li l-bini ta’ kapaċità għal governanza aħjar tal-oċeani huwa kruċjali sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli u sabiex il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ikunu jistgħu jużaw l-oċeani u r-riżorsi tagħhom f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS). Għalhekk, nilqgħu b’sodisfazzjon il-miżuri tal-UE identifikati fil-Komunikazzjoni Konġunta, iżda l-azzjonijiet u l-għodod speċifiċi sabiex jinkiseb tali bini ta’ kapaċità għadhom iridu jiġu speċifikati mill-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli.

1.8.

Il-KESE jinkoraġġixxi bil-qawwa kollha li jiġi stabbilit forum ta’ Partijiet Interessati tal-UE, li jkun iddedikat għall-oċeani u l-ibħra madwar id-dinja, speċjalment minħabba li l-governanza tal-oċeani hija kwistjoni trasversali li tinvolvi numru ta’ partijiet interessati. Madankollu, jeħtieġ li tali forum jevita d-duplikazzjoni ta’ kwalunkwe diskussjoni li diġà għaddejja bħalissa fil-livell internazzjonali. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinvolvi lill-partijiet interessati kollha; is-soċjetà ċivili kollha kemm hi għandha tkun mobilizzata jekk irridu niksbu governanza effettiva tal-oċeani tagħna.

1.9.

Il-KESE josserva li sabiex jiġi evitat is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat, jeħtieġ li jiġu implimentati għodod effiċjenti ta’ kontroll u infurzar mill-Istat tal-bandiera, inklużi miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza. Id-data dwar is-sajd tal-Istati Membri tal-UE kollha għandha tinġabar u tiġi kondiviża b’mod adatt. Dan jista’ potenzjalment jinkiseb bl-użu tal-fondi disponibbli fil-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

1.10.

Il-KESE jemmen li l-governanza tal-oċeani għandha tibbilanċja l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-konservazzjoni tal-baħar. It-teknoloġiji għall-użu tar-riżorsi ta’ qiegħ il-baħar għandhom jintużaw b’attenzjoni u b’kawtela In-natura innovattiva tagħhom u l-importanza tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku m’għandhomx inessuna l-perikli potenzjali għal dik il-parti tal-ambjent fejn jitwettqu dawn l-attivitajiet. Abbażi tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali tal-attivitajiet fuq l-art, jistgħu jiġu żviluppati valutazzjonijiet ekwivalenti adattati għal żoni speċifiċi għall-isfruttament tar-riżorsi tal-oċean.

2.   Sfond għall-Komunikazzjoni Konġunta

2.1.

F’Ġunju 2015, l-Istati Membri tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) qablu formalment li jiżviluppaw strument legalment vinkolanti skont l-UNCLOS għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar f’oqsma lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali (BBNJ) (1). Hekk kif l-Istati qegħdin jitfgħu ħarsithom dejjem aktar fuq l-oċeani sabiex jiżviluppaw l-ekonomiji tagħhom, il-biċċa l-kbira taż-żoni fl-oċeani qegħdin jiġu affettwati b’mod negattiv mill-attivitajiet insostenibbli li qegħdin iseħħu fil-baħar jew fuq l-art, aggravati mill-impatti tat-tibdil fil-klima u l-effetti tal-aċidifikazzjoni tal-oċeani.

2.2.

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet aġenda għal governanza aħjar tal-oċeani abbażi ta’ approċċ internazzjonali transsettorjali u bbażat fuq ir-regoli. Il-Komunikazzjoni hija wkoll it-tweġiba tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 14 “il-konservazzjoni u l-użu b’mod sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar” bħala parti minn aġenda interkonnessa ferm. Hija bbażata fuq il-mandat politiku mogħti lill-Kummissarju Vella mill-President tal-Kummissjoni Juncker “sabiex jinvolvi ruħu fit-tiswir tal-governanza internazzjonali tal-oċeani”.

2.3.

Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tistabbilixxi 14-il sett ta’ azzjonijiet fi tliet oqsma ta’ prijorità: 1) It-titjib tal-qafas ta’ governanza internazzjonali tal-oċeani; 2) It-tnaqqis tal-pressjoni min-naħa tal-bniedem fuq l-oċeani u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal ekonomija blu sostenibbli; 3) It-tisħiħ tad-data u r-riċerka internazzjonali dwar l-oċeani.

2.3.1.   It-titjib tal-qafas ta’ governanza internazzjonali tal-oċeani

2.3.1.1.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli żviluppaw azzjonijiet maħsuba biex jindirizzaw kwistjonijiet bħall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar fil-qafas tal-BBJN (diversità bijoloġika lil hinn mill-ġursidizzjoni nazzjonali), l-issodisfar tal-mira ta’ 10 % għaż-Żoni Protetti tal-Baħar sal-2020 u t-tnaqqis tar-riskji u t-theddidiet għas-sigurtà marittima, bħall-piraterija u t-traffikar tal-bnedmin, l-armi u n-narkotiċi.

2.3.2.   It-tnaqqis tal-pressjoni min-naħa tal-bniedem fuq l-oċeani u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal ekonomija blu sostenibbli

2.3.2.1.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli pproponew azzjonijiet maħsuba biex jimplimentaw il-Ftehim ta’ Pariġi b’enfasi fuq azzjonijiet relatati mal-oċeani, sabiex jiġġieldu s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) u l-iskart fil-baħar, kif ukoll jaħdmu sabiex jiffinalizzaw linji gwida internazzjonali dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu.

2.3.3.   It-tisħiħ tad-data u r-riċerka internazzjonali dwar l-oċeani

2.3.3.1.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli żviluppaw azzjonijiet maħsuba biex itejbu l-fehim u l-għarfien xjentifiku sod tagħna bil-għan li r-riżorsi tal-oċeani jiġu ġestiti b’mod sostenibbli u titnaqqas il-pressjoni min-naħa tal-bniedem.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE josserva li l-azzjonijiet fil-Komunikazzjoni Konġunta jindirizzaw il-governanza kemm tal-oċeani kif ukoll tal-ibħra. Minħabba l-interkonnettività konsiderevoli ta’ dawn l-ilmijiet, il-KESE jissuġġerixxi li l-Komunikazzjoni Konġunta tingħata l-isem ġdid ta’ “aġenda għall-futur tal-oċeani u l-ibħra tagħna” biex tipprovdi ċarezza dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva.

3.2.

Il-KESE jirrikonoxxi l-kontribut preminenti ta’ UNCLOS għat-tisħiħ tal-paċi, is-sigurtà u l-kooperazzjoni fost in-nazzjonijiet kollha u għall-promozzjoni tal-avvanz soċjali u ekonomiku tal-popli kollha tad-dinja, f’konformità mal-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll għall-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani u tal-ibħra.

3.3.

Il-KESE jinnota li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti twettaq rieżami annwali tal-iżviluppi fl-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oċeani u d-dritt tal-baħar u kull sena tadotta żewġ riżoluzzjonijiet li jistabbilixxu gwida tal-politika integrata globali; waħda dwar l-oċeani u d-dritt tal-baħar u waħda dwar is-sajd sostenibbli. L-UE għandha tintensifika l-ħidma tagħha mal-imsieħba internazzjonali sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati min-NU.

3.4.

Il-KESE jemmen li l-governanza tal-oċeani għandha tibbilanċja l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-konservazzjoni tal-baħar. Jeħtieġ li l-għan fundamentali tagħha jkun li tiżgura l-użu multiplu sostenibbli tal-ambjenti u r-riżorsi tal-baħar, anke għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-estrazzjoni tar-riżorsi m’għandhiex issir għad-detriment tal-ekosistema; għall-kuntrarju, għandha tkun kompatibbli mal-ekosistema u għandha tinkiseb b’mod responsabbli permezz tal-politiki u l-istrutturi ta’ governanza adatti.

3.4.1.

It-teknoloġiji għall-użu tar-riżorsi ta’ qiegħ il-baħar għandhom jintużaw b’attenzjoni u b’kawtela In-natura innovattiva tagħhom u l-importanza tagħhom għall-iżvilupp ekonomiku m’għandhomx inessuna l-perikli potenzjali għal dik il-parti tal-ambjent fejn jitwettqu dawn l-attivitajiet. Abbażi tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali tal-attivitajiet fuq l-art, jistgħu jiġu żviluppati valutazzjonijiet ekwivalenti adattati għal żoni speċifiċi għall-isfruttament tar-riżorsi tal-oċean.

3.5.

Il-KESE jinkoraġġixxi bil-qawwa kollha t-twaqqif ta’ forum ta’ partijiet interessati tal-UE ddedikat għall-oċeani u l-ibħra madwar id-dinja, iżda jsostni li dan għandu jħaddan is-soċjetà ċivili. Tali forum jista’ jintuża bħala pjattaforma għall-iskambju tal-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prattika dwar il-governanza mtejba tal-oċeani. Huwa jista’ jintuża wkoll biex jirfina d-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE għal governanza aħjar tal-oċeani u jista’ jintensifika l-isforzi sabiex tiġi evalwata l-effettività ekonomika tal-investiment pubbliku fir-riċerka u l-osservazzjoni tal-baħar.

3.6.

Il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra l-istampa globali meta tagħmel kwalunkwe proposta ġdida sabiex ittejjeb il-governanza tal-oċeani, sabiex b’hekk, l-oqsma ta’ governanza tal-oċeani li diġà huma maturi u qegħdin joperaw bla xkiel ma jiġux affettwati b’mod involontarju. Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tevita wkoll id-duplikazzjoni ta’ kwalunkwe diskussjoni li diġà għaddejja bħalissa fil-livell internazzjonali.

3.7.

Il-KESE jirrikonoxxi li l-lakuni regolatorji jistgħu jippermettu attivitajiet mhux irregolati u mhux irrapportati, l-isfruttament eċċessiv tar-riżorsi tal-baħar u l-qerda tal-ekosistemi tad-dinja. Sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, huwa essenzjali li jsiru studji xjentifiċi ta’ dawn l-ekosistemi, flimkien ma’ fehim aħjar tal-istruttura ta’ governanza attwali bil-għan li jingħalqu dawn il-lakuni. Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE tista’ tkun fuq quddiem nett fir-riċerka xjentifika dwar l-oċeani tad-dinja u tista’ ssir iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni għal din ir-riċerka.

3.8.

Minbarra li jidentifikaw l-inkonsistenzi u l-lakuni regolatorji, wieħed mill-għanijiet tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli jeħtieġ li jkun dak li tissaħħaħ il-konformità mar-regoli eżistenti. Dan jista’ jinkiseb billi jintuża l-piż fis-suq tal-UE f’ċerti oqsma ta’ politika, bħas-sajd, sabiex jinkiseb l-appoġġ tal-atturi importanti kollha, kif enfasizzat mill-Kummissarju Vella meta kkummenta fuq l-azzjoni tal-UE kontra s-sajd illegali (2).

3.9.

Il-KESE jaqbel li jeħtieġ li s-setturi kollha jaħdmu kontinwament lejn mudell imtejjeb ta’ governanza tal-oċeani, hekk kif il-pressjoni fuq l-oċeani tagħna qed tiżdied. Il-KESE jinnota, pereżempju, li organizzazzjonijiet bħall-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) qed jippruvaw itejbu l-prinċipji ta’ governanza tagħhom sabiex isaħħu l-qafas strateġiku eżistenti.

3.10.

Il-KESE jemmen li jeħtieġ li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jivvalutaw kwalunkwe ħtiġijiet mil-lat tal-ħiliet, il-kompetenzi u t-taħriġ sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp antiċipat tal-impjiegi fl-industriji tal-oċeani, kwistjoni li kienet injorata fil-Komunikazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    It-titjib tal-qafas ta’ governanza internazzjonali tal-oċeani

4.1.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn min-naħa tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli li jaħdmu mal-Istati Membri u mal-imsieħba internazzjonali sabiex jiżguraw l-adozzjoni, ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-istrumenti globali ewlenin eżistenti ta’ governanza tal-oċeani, bħall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), kif ukoll biex jiżviluppaw strumenti ġodda meħtieġa bħall-Ftehim ta’ Implimentazzjoni tal-UNCLOS dwar il-BBNJ li huwa ppjanat. Il-KESE jinkoraġġixxi wkoll lill-Kummissarju u lir-Rappreżentant Għoli jikkooperaw mal-OMI sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni u l-infurzar adatt tal-istrumenti tal-OMI. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika l-azzjonijiet u l-għodod prattiċi sabiex jintlaħaq dan l-għan.

4.1.2.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli li jtejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet u s-sħubijiet reġjonali u globali mal-atturi ewlenin tal-oċeani. Dan juri l-isforzi tal-UE sabiex timplimenta approċċ transsettorjali u integrat għall-ġestjoni tal-attivitajiet fl-oċeani, li għadha fil-biċċa l-kbira tagħha settorjali. Il-KESE jinkoraġġixxi bil-qawwa kollha l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli f’UN-Oceans, mekkaniżmu li jfittex li jtejjeb il-koordinazzjoni, il-konsistenza u l-effettività tal-organizzazzjonijiet kompetenti fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

4.1.3.

Il-bini tal-kapaċità huwa kruċjali sabiex jinkiseb żvilupp sostenibbli u sabiex il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ikunu jistgħu jużaw l-oċeani u r-riżorsi tagħhom b’mod sostenibbli u f’konformità mal-Konvenzjoni UNCLOS. Madankollu, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għadhom iridu jidentifikaw miżuri speċifiċi tal-UE għall-bini tal-kapaċità.

4.1.3.1.

Il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni Konġunta tirreferi għal riżorsi għall-bini tal-kapaċità mmirati biex itejbu l-iżvilupp sostenibbli u l-ekonomija blu fil-Mediterran. Madankollu, jeħtieġ li jiġu mobilizzati riżorsi simili għall-ibħra Ewropej kollha, kif ukoll ir-reġjun tal-Artiku.

4.1.4.

Il-KESE huwa favur protezzjoni aħjar tar-riżorsi tal-Artiku li huma l-kapital naturali tal-ġenerazzjonijiet futuri, u li wieħed jara l-bidliet ambjentali attwali fl-Artiku bħala l-kejl tal-progress Ewropew u globali dwar il-protezzjoni tal-klima. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni tista’ żżid l-għarfien fost l-operaturi fl-Artiku dwar is-sensittività taż-żona u l-ħtieġa dejjem tikber li tiġi żviluppata b’mod sostenibbli. Il-preservazzjoni tar-reġjuni tal-Artiku u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima m’għandhomx isiru mingħajr ma jitqiesu l-abitanti jew b’mod li jkun għad-detriment tagħhom. Il-popolazzjonijiet lokali, filwaqt li għandhom l-għan li jippreservaw il-kulturi tagħhom, jixtiequ wkoll ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet ipprovduti mill-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli.

4.1.4.1.

Il-KESE jitlob li s-soċjetà ċivili tkun tista’ taqdi rwol attiv favur il-promozzjoni tal-interessi u l-preokkupazzjonijiet tal-popolazzjonijiet lokali L-UE tista’ wkoll torganizza diskussjonijiet pubbliċi fejn l-atturi prinċipali jkunu jistgħu jippreżentaw il-kontributi tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli taż-żona, bil-parteċipazzjoni ta’ persuni indiġeni. Jista’ jiġi kkunsidrat it-twaqqif ta’ ċentru ta’ informazzjoni dwar l-Artiku li jkun ibbażat fi Brussell (3).

4.1.5.

Kien hemm żieda fil-migrazzjoni insigura bil-baħar, li tenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni urġenti sabiex jiġi evitat li jintilfu l-ħajjiet fuq il-baħar. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni tar-Regolament ġdid (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, anke jekk il-Kumitat kien irrakkomanda bil-qawwa kollha li l-isem ikun l-“Aġenzija Ewropea dwar il-Gwardja tal-Fruntiera”. Il-KESE japprova wkoll ir-regoli emendati tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA).

4.1.5.1.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-emenda għar-Regolament li jistabbilixxi l-EMSA (4), il-KESE ddikjara li huwa laqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol li kellha l-aġenzija fit-titjib tas-sigurtà marittima fl-Istati Membri. Huwa ddikjara wkoll, anke f’dan il-każ, li kien importanti ħafna li l-kompiti u l-kompetenzi tal-EMSA jiġu estiżi b’mod sensibbli.

4.1.6.

Il-KESE jinnota l-miżuri tal-UE fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd illegali u t-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ikel mill-oċeani. Il-Politika Komuni tas-Sajd ġiet introdotta fis-snin 60 u teħtieġ reviżjoni kostanti. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-proċess għall-aġġornament tal-politika sabiex jinżamm il-pass mal-bidliet teknoloġiċi, bil-għan li jitjiebu l-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-istokkijiet tal-ħut.

4.1.6.1.

Il-KESE jirrimarka li sabiex jiġi evitat is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat, jeħtieġ li jiġu implimentati għodod effiċjenti ta’ kontroll u infurzar, inklużi miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli għall-fatt li n-Nazzjonijiet Uniti nnotaw bi tħassib li l-ġestjoni effettiva tal-ħut maqbud mill-baħar saret diffiċli f’xi żoni minħabba informazzjoni mhux affidabbli. Għalhekk, jeħtieġ li l-Istati Membri kollha tal-UE jikkontribwixxu għat-titjib tal-għarfien dwar u l-kondiviżjoni tad-data dwar is-sajd fl-ilmijiet tagħhom. Dan jista’ possibbilment jinkiseb bl-użu tal-fondi disponibbli fil-FEMS.

4.1.6.2.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-prestazzjoni tal-RFMOs. Barra minn hekk, bħala parti mill-approċċ integrat għall-affarijiet marittimi, jeħtieġ li l-Kummissjoni tfittex koordinazzjoni aħjar bejn fora differenti, pereżempju bejn il-konvenzjonijiet dwar l-ibħra reġjonali u organizzazzjonijiet globali.

4.2.    It-tnaqqis tal-pressjoni min-naħa tal-bniedem fuq l-oċeani u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għal ekonomija blu sostenibbli

4.2.1.

Il-KESE japprova bis-sħiħ il-miżuri tal-UE, inkluża l-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim COP21 u l-mitigazzjoni tal-impatt ta’ ħsara tat-tisħin tal-oċeani, taż-żieda fil-livell tal-baħar u tal-aċidifikazzjoni. Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli sabiex ikunu proattivi u jivvalutaw l-impatt ta’ tali effetti fuq l-ekonomija blu, mhux biss għal industriji stabbiliti iżda wkoll għal industriji emerġenti.

4.2.2.

Il-KESE jinkoraġġixxi l-azzjoni mill-Kummissjoni sabiex tippromovi l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port (PSMA) li daħal fis-seħħ f’Ġunju 2016 bħala trattat internazzjonali vinkolanti maħsub sabiex jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU). L-implimentazzjoni adatta tal-PSMA mistennija tixpruna l-industrija lejn sostenibbiltà akbar u li jkollha effetti anċillari sinifikanti matul il-katina kollha tal-provvista tas-sajd.

4.2.3.

Il-KESE jemmen li jeħtieġ li jiġu applikati sanzjonijiet stretti għall-ksur tal-liġijiet tas-sajd. L-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-ILO hija importanti sabiex jiġu evitati l-abbużi tax-xogħol fuq dgħajjes tas-sajd u kompetizzjoni inġusta minħabba ksur tal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fil-post tax-xogħol. Il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fuq il-baħar għandhom jirrispettaw l-ogħla standards tal-UE u dawk internazzjonali.

4.2.4.

Il-KESE jinnota li s-sussidji dannużi tas-sajd, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-flotot jew mogħtija lis-sajjieda li jinvolvu ruħhom fis-sajd IUU, huma waħda mill-kawżi ewlenin tas-sajd eċċessiv u, għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-UE li tħaffef ir-rirmu tax-xogħol sabiex jitlestew in-negozjati li għaddejjin fuq din il-kwistjoni fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

4.2.5.

Fir-rigward tal-iskart fil-baħar, il-KESE jinnota bi tħassib l-evidenza dejjem tikber tal-effetti ta’ ħsara tiegħu fuq l-organiżmi selvaġġi u l-ħabitats u fuq il-bijodiversità tal-baħar u l-ambjent. Il-KESE jenfasizza bi tħassib partikolari l-problema tal-mikroplastik li, kemm jekk introdott direttament jew inkella minħabba degradazzjoni ta’ oġġetti ta’ makroskart, jasal saħansitra fl-aktar żoni remoti, f’dan il-każ saħansitra fl-iżjed żoni fondi, u jarmi sustanzi kimiċi perikolużi li jistgħu jikkontaminaw il-katina alimentari.

4.2.5.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi li saru taħt kull waħda mill-Konvenzjonijiet tal-Ibħra Reġjonali sabiex jiġi evitat u jitnaqqas l-iskart fil-baħar, bħall-iżvilupp ta’ Pjani ta’ Azzjoni Reġjonali ddedikati. Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE biex itejbu l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina sabiex jintlaħaq u jinżamm status tajjeb tal-ambjent tal-baħar. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi wkoll reġjuni barra mill-UE biex jiżviluppaw pjani ta’ azzjoni simili.

4.2.5.2.

Il-KESE jappoġġja l-importanza ta’ mekkaniżmi internazzjonali, bħall-Konvenzjoni MARPOL, sabiex jiġu miġġielda s-sorsi ta’ skart fil-baħar li joriġinaw mill-bastimenti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi Direttiva riveduta dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet fl-2017, sabiex ikun hemm allinjament akbar mal-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet ta’ MARPOL.

4.2.5.3.

Il-KESE josserva li hemm bżonn li l-UE tikseb fehim aħjar tal-karatteristiċi reġjonali, kif ukoll is-sorsi, l-ammonti, il-mogħdijiet, ix-xejriet tad-distribuzzjoni, in-natura u l-impatti tal-iskart fil-baħar, inkluż il-mikroplastik, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jindirizzaw is-sorsi ta’ skart fil-baħar li joriġinaw fil-baħar u fl-art.

4.2.6.

Il-KESE japprova l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli sabiex jinkiseb u jitħaffef ir-ritmu tal-Ippjanar Spazjali Marittimu b’suċċess f’livell globali permezz tal-involviment tal-partijiet interessati ewlenin kollha (5).

4.2.7.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jistimolaw kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali sabiex jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ finanzjament sostenibbli u fit-tul għaż-Żoni Protetti tal-Baħar, filwaqt li jiżguraw li dawn ikunu ġestiti sewwa u jifformaw netwerk ekoloġikament koerenti.

4.3.    It-tisħiħ tad-data u r-riċerka internazzjonali dwar l-oċeani

4.3.1.

Il-KESE japprova l-azzjonijiet elenkati fil-Komunikazzjoni Konġunta, li huma maħsuba biex iżidu l-għarfien dwar l-oċeani Ewropej. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa kollha lill-UE tiżviluppa n-Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima f’netwerk dinji ta’ data marittima. L-UE tista’ ssir ċentru ta’ koordinazzjoni għal din ir-riċerka. Madankollu, qabel tinġabar u tiġi analizzata aktar informazzjoni, irid isir użu tajjeb u effettiv mid-data disponibbli bħalissa. Hemm ħafna informazzjoni dwar l-ibħra tagħna li hija ġeneralment frammentata.

4.3.2.

Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni trawwem kooperazzjoni internazzjonali akbar fix-xjenza u t-teknoloġija marittima, kif issuġġerit mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), bħala mezz kif tiġi stimolata l-innovazzjoni u jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu.

4.3.3.

Fl-aħħar nett, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu sabiex itejbu l-bażi statistika u metodoloġika fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew sabiex jitkejlu l-iskala u l-prestazzjoni tal-industriji stabbiliti u emerġenti bbażati fl-oċeani u l-kontribut tagħhom għall-ekonomija globali.

Brussell, id-29 ta’ Marzu 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  A/RES/69/292.

(2)  Il-Kummissjoni Ewropea – Stqarrija għall-istampa dwar “EU acts on illegal fishing: Yellow card issued to Thailand while South Korea & Philippines are cleared”, 21 ta’ April 2015, http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-4806_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 144.

(4)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 68.

(5)  Referenza għat-tieni Konferenza Internazzjonali dwar l-MSP, organizzata b’mod konġunt mid-DĠ MARE tal-Kummissjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Oċeanografika Intergovernattiva tal-Unesco. Hija se ssir mill-15 sas-17 ta’ Marzu 2017 fil-kwartieri ġenerali tal-Unesco f’Pariġi, Franza.