28.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 246/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija”

[COM(2016) 765 final — 2016/0381 (COD)]

(2017/C 246/08)

Relatur:

Baiba MILTOVIČA

Korelatur:

Isabel CAÑO AGUILAR

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 12.12.2016

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 21.12.2016

Bażi legali

L-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

It-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

11.4.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

26.4.2017

Sessjoni plenarja Nru

525

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

157/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Din id-Direttiva proposta tipperfezzjona u testendi l-azzjoni leġislattiva preċedenti għal effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija fil-bini. L-effettività tagħha se tiġi ġġudikata skont ir-rwol tagħha fil-kontribut għall-objettivi prinċipali tal-Unjoni tal-Enerġija iżda billi tikkonċentra fuq l-ambjent mibni, il-kontribut tagħha għall-objettivi soċjali u ekonomiċi (b’mod partikolari t-tnaqqis tal-faqar enerġetiku, il-preservazzjoni tal-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u l-potenzjal biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija) għandu wkoll jitqies bħala essenzjali.

1.2.

Il-KESE jagħti prijorità ‘l-bżonn tad-Direttiva biex tinkludi iktar proposti speċifiċi biex tiġi indirizzata l-isfida tal-faqar enerġetiku. Dan għandu jinkludi parir aktar ċar dwar il-kontenut meħtieġ ta’ definizzjonijiet nazzjonali tal-faqar enerġetiku, l-għoti ta’ definizzjoni ta’ referenza li abbażi tagħha wieħed ikun jista’ jivvaluta l-komprensività tal-approċċi tal-pjan nazzjonali, u l-għoti ta’ pariri u koordinazzjoni ta’ miżuri permezz ta’ one-stop-shop jew aġenzija indipendenti, iffokata fuq il-konsumatur.

1.3.

Il-KESE jemmen li l-Istati Membri, fil-pjani nazzjonali tagħhom stess, jeħtieġ li jimmiraw għall-ambizzjonijiet ogħla definiti fl-Għażla III alternattiva (kif ippreżentat fl-Analiżi tal-Impatt tal-Kummissjoni Ewropea mehmuża magħha) filwaqt li jibqgħu fi ħdan l-approċċ leġislattiv tal-Għażla II – il-bażi tar-reviżjonijiet ippreżentati f’din id-Direttiva. Dan se jkun neċessarju sabiex tinħoloq trajettorja fit-tul kapaċi tilħaq il-mira mixtieqa tal-Ftehim ta’ Pariġi.

1.4.

Huwa rrakkomandat li l-istrateġiji nazzjonali għar-rinnovazzjoni tal-bini għandhom jiġu appoġġjati minn din id-Direttiva permezz ta’ rekwiżit biex jiġu proposti miri settorjali speċifiċi u metodoloġija ta’ referenza għall-kejl tal-progress. Livelli ta’ prestazzjoni minimi tal-effiċjenza enerġetika fir-rinnovazzjoni ta’ bini kummerċjali u pubbliku għandhom jiġu speċifikati wkoll f’linji gwida rigorużi.

1.5.

Id-Direttiva ma ħaditx l-opportunità biex tinkoraġġixxu “ipoteki ekoloġiċi”, skemi ta’ tisħin distrettwali marbutin mal-enerġija rinnovabbli, miżuri għal ħażna tal-enerġija residenzjali u kummerċjali, skemi ta’ taħriġ imtejba għall-installaturi u r-rinovaturi u miżuri tekniċi, finanzjarji u fiskali oħrajn li għandhom jappoġġjaw l-effiċjenza enerġetika aħjar fil-bini. Għalkemm dawn il-miżuri huma appoġġjati minn x’imkien ieħor, l-approċċ ta’ profil baxx f’din id-Direttiva jista’ jiġi ġustifikat biss jekk iħeġġeġ il-flessibbiltà u azzjoni ambizzjuża. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibqa’ teżamina mill-viċin l-implimentazzjoni u l-effettività tad-Direttiva u tkun lesta li taġixxi fil-pront fl-użu tal-mekkaniżmu ta’ aġġornament u reviżjoni fi ħdan ir-Regolament dwar il-Governanza propost.

1.6.

Għandhom jittieħdu passi oħra li jinkoraġġixxu l-komparabilità tal-metodi ta’ kalkolu għaċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPCs) fl-Istati Membri kollha, li għandu jfisser li l-paragun tal-EPCs ikun aktar fattibbli.

1.7.

Għandhom jiġu proposti metodi ulterjuri biex jinċentivaw lis-sidien tal-kera soċjali privati u mhux muniċipali biex jinvestu fir-rinnovament ta’ proprjetà antika.

1.8.

Il-proposta mhux speċifika għal “indikatur tal-intelliġenza” għandha tinkludi l-kapaċità tal-okkupanti tal-bini mhux biss biex jivvalutaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija iżda wkoll biex jikkontrollaw u jiffaċilitaw il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-konsum tagħhom stess, u biex inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija.

1.9.

Il-KESE b’mod partikolari jħeġġeġ biex tiġi rikonoxxuta l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali biex jistimolaw u jikkoordinaw programmi ta’ effiċjenza tal-enerġija u jinnota l-potenzjal dejjem jikber tal-Patt tas-Sindki f’dan ir-rigward.

1.10.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa biex jiġu mħeġġa l-kostruzzjoni u r-rinnovament tal-bini, settur fejn l-SMEs jipprovdu 83 % tal-impjiegi kollha (OECD: Negozji Żgħar, il-Ħolqien tal-Impjieg u t-Tkabbir).

1.11.

Il-KESE jinnota li, mingħajr l-innovazzjoni, mhux ser ikun possibbli li tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. L-UE qed titlef il-pożizzjoni ta’ tmexxija tagħha fir-rigward tat-teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u llum tirrappreżenta inqas minn 15 % tal-impjiegi fis-settur. Għandu jsir sforz fit-taħriġ biex il-ħiliet meħtieġa għal dawn is-setturi speċjalizzati ħafna jiġu adattati.

1.12.

L-inizjattiva Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti – u l-għan tagħha biex tgħaqqad l-ambizzjonijiet tal-Pjan Juncker – hija pass pożittiv milqugħ tajjeb mill-Kumitat.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Id-Direttiva hija parti mill-pakkett dwar Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha, imfassla biex tagħti sustanza lill-Unjoni tal-Enerġija u biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim li t-tranżizzjoni għall-enerġija nadifa hija s-settur ta’ tkabbir tal-ġejjieni. L-enerġija fil-bini tammonta għal 40 % tat-total użat madwar l-UE. Qed ikompli jsir progress sinifikanti fl-effiċjenza enerġetika tal-bini, kemm f’kostruzzjonijiet ġodda kif ukoll fir-rigward ta’ modifiki ta’ kostruzzjoni eżistenti (retrofitting). Parzjalment dan ġie xprunat minn ħmistax-il sena ta’ interventi leġislattivi fil-livell tal-UE, iżda għad baqa’ opportunitajiet konsiderevoli biex tittejjeb l-effiċjenza u jiġu pprovduti impatti soċjali ta’ benefiċċju oħrajn.

2.2.

Minkejja avvanzi tekniċi, data ta’ appoġġ rilevanti u l-użu ta’ fondi pubbliċi disponibbli permezz ta’ strumenti finanzjarji, ma kien hemm l-ebda żieda sinifikanti fir-rata ta’ titjib fl-istokk tal-bini eżistenti – 75 % tal-bini fl-UE għadhom ineffiċjenti fl-enerġija.

2.3.

L-impatti fuq il-klima globali u l-isforzi biex tiġi kkonsolidata l-politika Ewropea dwar l-enerġija żiedu l-urġenza iżda xi kwistjonijiet fundamentali u kumplessi għadhom mhux solvuti, u seta’ kien mistenni aktar progress. Mingħajr tali azzjoni, il-miri dwar il-klima u l-enerġija tal-2030 u l-2050 se jkunu diffiċli ħafna biex jintlaħqu. Hemm il-potenzjal li l-konsum tal-enerġija fil-bini jitnaqqas b’5 sa 6 % u l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b’madwar 5 %. Madankollu, billi huwa biss bejn 0,4 u 1,2 % tal-istokk tal-bini li qed jiġi rinnovat/imtejjeb kull sena, huwa ċar li hemm bżonn li l-proċeduri jitħaffu.

2.4.

Din id-Direttiva temenda d-Direttiva preċedenti tal-2010 dwar l-istess suġġett, li hija riformulazzjoni tad-Direttiva tal-2002. Ir-riformulazzjoni fl-2010 ipprovdiet emendi sostanzjali ħafna għat-test tal-2002. B’mod partikolari, għarfet l-importanza dejjem tikber tar-rwol tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-ambjent mibni u fil-kontribut għal objettivi ta’ politika, ħadet kont ta’ avvanzi fl-għarfien tekniku, għamlet aġġustamenti fid-dawl ta’ tmien snin ta’ esperjenza prattika, u enfasizzat il-ħtieġa vitali li jiġi rregolarizzat u mtejjeb l-approċċ lejn il-kwistjonijiet mill-Istati Membri.

2.5.

Din ir-reviżjoni proposta, għalkemm ferm iqsar mid-Direttiva ta’ qabel, tieħu l-istess approċċ. B’mod partikolari, hija tipprevedi l-integrazzjoni fit-tul ta’ strateġiji għar-rinnovazzjoni tal-bini, l-użu ta’ teknoloġija intelliġenti fil-bini u s-semplifikazzjoni tar-regoli eżistenti. Issegwi valutazzjoni estensiva tad-Direttiva tal-2010 u valutazzjoni tal-impatt dettaljata tal-linji ta’ azzjoni ulterjuri possibbli. L-għażla ta’ impatt kbir, l-Għażla III, kienet miċħuda, primarjament għal raġunijiet ta’ spejjeż fuq medda qasira ta’ żmien, u impatti fuq is-sussidjarjetà u realiżmu politiku, favur livell aktar baxx ta’ kisba potenzjali – l-Għażla II.

2.6.

Madankollu, il-partijiet interessati kollha jixtiequ jiksbu titjib ambizzjuż. Is-settur jipprovdi 18-il miljun impjieg dirett u jikkontribwixxi madwar 9 % tal-PDG tal-UE; l-isfida hija li jinstab bilanċ bejn l-affordabilità u l-ħtiġijiet tas-swieq residenzjali u kummerċjali u l-objettivi soċjali u tal-klima.

3.   Il-kontenut tal-Proposta tal-Kummissjoni

3.1.

Id-Direttiva tikkonsisti minn sensiela ta’ emendi li jsaħħu d-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva 2010/31/UE u jissemplifikaw ċerti aspetti. Il-punti ewlenin huma:

Id-definizzjoni ta’ “sistemi tekniċi tal-bini” hija estiża biex tinkludi aspetti ta’ teknoloġija intelliġenti tal-bini u biex tkopri l-elettromobbiltà.

Id-dispożizzjoni fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika tal-2012 dwar l-istrateġiji fuq medda twila ta’ żmien għar-rinnovazzjoni nazzjonali hija trasferita għal din id-Direttiva.

L-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu pjan direzzjonali bi stadji importanti u miżuri ċari biex iwettqu l-għan fit-tul tal-2050 li jiddekarbonizzaw l-istokk tal-bini nazzjonali tagħhom bi stadji importanti speċifiċi għall-2030. Dan għandu wkoll jagħti kontribut sabiex jittaffa l-faqar enerġetiku.

L-investiment huwa mħeġġeġ minn dispożizzjoni għall-Istati Membri li taggrega u tneħħi r-riskji ta’ proġetti u tippermetti finanzjament pubbliku biex jiksbu effett ta’ lieva mill-finanzi tas-settur privat u jindirizzaw dawk l-oqsma ta’ tħassib li mhumiex indirizzati mis-suq.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti biex jiżguraw li bini mhux residenzjali jkun mgħammar b’sistemi ta’ awtomatizzazzjoni u kontroll tal-bini.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti biex jiżguraw li bini residenzjali b’ġestjoni ċentralizzata tas-sistemi tekniċi tal-bini jkun mgħammar b’sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku kontinwu u b’funzjonalitajiet ta’ kontroll effettivi sabiex jiġu żgurati l-aħjar ġenerazzjoni, distribuzzjoni u użu tal-enerġija.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex ikun hemm spezzjoni regolari tal-partijiet aċċessibbli tas-sistemi tal-arja kundizzjonata għall-bini mhux residenzjali u għal bini residenzjali b’sistema tal-bini teknika ċentralizzata.

Dispożizzjoni għall-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni lis-sidien u lill-okkupanti tal-bini dwar iċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, l-iskop u l-għanijiet tagħhom, dwar modi kosteffettivi għat-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

Jiddaħħlu dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-installazzjoni ta’ punti tal-iċċarġjar (jew kejbils infrastrutturali) għall-vetturi elettriċi tkun obbligatorja għal sehem kbir ta’ bini ġdid u għal xi stokk eżistenti li jkun għaddej minn rinnovazzjoni.

Bidliet tas-sistemi tekniċi tal-bini għandhom jiġu rreġistrati, evalwati u jkunu disponibbli.

L-iżvilupp ta’ “indikatur tal-intelliġenza” huwa propost biex jissupplimentata l-informazzjoni eżistenti dwar l-effiċjenza tal-bini.

Hemm rabta speċifika bejn l-istrumenti finanzjarji disponibbli għar-rinnovazzjoni tal-bini u l-grad ta’ effiċjenza enerġetika miksuba.

4.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

4.1.

Il-KESE jilqa’ l-enfasi kontinwa fuq l-effiċjenza enerġetika tal-bini, iżda huwa mħasseb partikolarment li l-faqar enerġetiku, identifikat mill-Kumitat f’Opinjonijiet (1) preċedenti tiegħu u rikonoxxut b’mod wiesa’ bħala kwistjoni ewlenija ta’ tħassib soċjali, mhuwiex indirizzat b’mod adegwat.

4.2.

Huwa meħtieġ approċċ usa’ u aktar ambizzjuż. Il-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija diġà stabbiliti mill-UE u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Pariġi f’Ottubru 2016, li għandu ambizzjonijiet kbar, jitolbu azzjoni aktar qawwija, speċjalment minħabba li l-istorja ta’ konformità insuffiċjenti ma’ proposti preċedenti tindika li l-bini jibqa’ settur ta’ sfida kbira.

4.3.

Il-Kumitat għandu xi riżervi dwar l-għażla tal-Għażla II (kif stabbilita fil-Valutazzjoni tal-Impatt) bħala l-bażi biex tmexxi ‘l quddiem din il-leġislazzjoni ta’ emenda. Għalkemm l-Għażla III timplika livell ta’ azzjoni obbligatorja li taqbeż b’mod sostanzjali l-kostottimalità – pożizzjoni li l-Kumitat ma jistax jaqbel magħha – huwa ċar li l-ambizzjoni ferm aktar sinifikanti tal-Għażla III – impatt darbtejn jew tliet darbiet akbar fuq il-klima, l-effiċjenza u l-objettivi soċjali – x’aktarx li se tkun neċessarja sabiex tinħoloq trajettorja fit-tul li tkun kapaċi tilħaq l-għan ambizzjuż tal-Ftehim ta’ Pariġi. Konsegwentement, l-Istati Membri, fil-pjani nazzjonali tagħhom stess, jeħtieġ li jimmiraw għall-ambizzjonijiet ogħla definiti fl-Għażla III alternattiva (kif ippreżentat fl-Analiżi tal-Impatt tal-Kummissjoni Ewropea mehmuża magħha) filwaqt li jibqgħu fi ħdan l-approċċ leġislattiv tal-Għażla II.

4.4.

L-analiżi reċenti tal-istrateġiji ta’ rinnovazzjoni tal-bini tal-Istati Membri ġeneralment hija pożittiva (JRC 2016: Rapport ta’ Sinteżi dwar il-valutazzjoni tal-istrateġiji tal-Istati Membri għar-rinnovazzjoni tal-bini). Dan il-qasam huwa kopert mid-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika; madankollu, bħalissa ma hemm l-ebda standard komuni għal dak li jikkostitwixxi “rinnovazzjoni”. Għandu jkun ta’ siwi jekk fid-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija jiddaħħal rekwiżit li jipproponi miri settorjali speċifiċi u metodoloġija ta’ referenza għall-kejl tat-titjib b’livell limitu kwalifikanti li jiskatta l-appoġġ għar-rinnovazzjoni. Flimkien ma’ dawn il-miri għandu jkun hemm speċifikati linji gwida rigorużi biex jintlaħqu livelli ta’ prestazzjoni minimi tal-effiċjenza fl-enerġija fir-rinnovazzjoni ta’ bini kummerċjali u pubbliku.

4.5.

Id-Direttiva testendi r-rekwiżiti għal bażi ta’ data nazzjonali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Ċertifikati tar-Rendiment Enerġetiku u jkun utli bażi ta’ data fil-livell tal-UE u pubblikament disponibbli li jkun fih data nazzjonali anonimizzata dwar l-istrateġiji nazzjonali ta’ rinnovazzjoni, u jista’ jkun marbut mal-pjattaforma tar-rappurtar elettroniku proposta fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Marbut ma’ dan, fid-Direttiva għandu jkun hemm gwida kategorika dwar il-paragun tal-metodi ta’ kalkolu, li min-naħa tiegħu għandu jagħmel il-komparibbiltà tal-EPCs aktar fattibbli.

4.6.

Għalkemm ma hemm l-ebda raġuni għaliex il-Pjani Nazzjonali m’għandhomx ikopru dan il-qasam, m’hemmx proposti fid-Direttiva għal modi ulterjuri biex jinċentivaw sidien il-kera soċjali privati u mhux muniċipali biex jinvestu fir-rinnovazzjoni ta’ proprjetà aktar antika. Fejn l-okkupanti jħallsu l-kontijiet tal-enerġija direttament, is-sidien spiss ma jaraw l-ebda valur kummerċjali għalihom infushom fit-titjib tal-effiċjenza tal-bini. Is-settur tal-kiri residenzjali f’xi pajjiżi jkopri proporzjon konsiderevoli tal-unitajiet residenzjali. Ir-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini għandu impatt maġġuri fuq l-affordabbiltà tal-abitazzjonijiet u l-faqar fl-enerġija, għalhekk hija essenzjali d-disponibbiltà ta’ strumenti finanzjarji li jappoġġjaw ir-rinnovazzjoni. L-aktar li huma intitolati li jiksbu self għal titjib fl-effiċjenza ta’ blokkijiet ta’ appartamenti huma l-muniċipalitajiet, l-assoċjazzjonijiet tal-kera u s-sidien. Madankollu, il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament u kuntrattwali projbittivi u l-aċċess għall-kreditu joħolqu ostakli għal ħafna.

4.7.

L-inkoraġġiment ta’ “ipoteki ekoloġiċi” hija miżura li għandha ssib appoġġ fi ħdan id-Direttiva. Huwa importanti wkoll li jiġi faċilitat ir-raggruppament ta’ programmi fuq skala żgħira dwar l-aħjar prattika għar-rinnovazzjoni u l-effiċjenza f’oqfsa akbar biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu applikati pakketti finanzjarji.

4.8.

Fl-Istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ tal-2016 (COM(2016) 51 final), ingħatat attenzjoni partikolari lill-gwadann li jista’ jinkiseb permezz ta’ rinnovazzjoni u sostituzzjoni ta’ skemi ta’ tisħin distrettwali flimkien mal-enerġija rinnovabbli. Soluzzjonijiet ta’ tisħin distrettwali u tal-belt ġeneralment huma meqjusa bħala komponent infrastrutturali tas-sistema tal-bini u għalhekk jeħtieġu inkoraġġiment speċifiku biex jirriflettu dan fl-ippjanar urban, permezz ta’ stqarrija ta’ pożizzjoni ċara f’din id-Direttiva.

4.9.

Ta’ min jinnota li l-miri tal-klima u l-enerġija huma marbuta ma’ teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju (LCE) u binjiet aktar sostenibbli li jridu jilħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika. Dawn qed jiddependu dejjem aktar fuq it-teknoloġiji abilitanti essenzjali f’materjali avvanzati (metalli li ma fihomx ħadid, azzar, ħġieġ, plastik, eċċ.) u mingħajr l-innovazzjoni mhux ser ikun possibbli li tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. Madwar 5 % tal-materjal avvanzat prodott illum huwa użat f’teknoloġiji tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju u binjiet aktar sostenibbli u dawn is-swieq qed jiżviluppaw b’rata mgħaġġla.

4.10.

Fil-fatt, l-UE qed titlef il-pożizzjoni ta’ tmexxija tagħha fit-teknoloġiji LCE u llum tirrappreżenta inqas minn 15 % tal-impjiegi fis-settur (madwar 1,1 miljun impjieg dirett u indirett). Fil-qasam ta’ materjal avvanzat meħtieġ għal dawn it-teknoloġiji, l-UE qed tħabbat wiċċha ma’ kompetizzjoni globali li qed tikber u mingħajr politiki adatti li jixprunaw it-teknoloġija u jiġbdu s-suq, l-innovazzjoni u l-produzzjoni se jkomplu jitilqu mill-UE. Wieħed lanqas ma għandu jinsa t-taħriġ f’ħiliet ġodda meħtieġa għal dawn is-setturi speċjalizzati ħafna.

4.11.

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni tal-elettromobbiltà għad-dekarbonizzazzjoni aktar mifruxa tal-ekonomija iżda għandu dubji dwar il-ħtieġa għal livell ta’ dettall daqshekk għoli u dwar l-impatt ta’ tali miżuri fuq l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni u tan-negozju u fuq il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex tintlaħaq l-elettromobbiltà. Madankollu, qasam ieħor importanti u komplementari – il-ħżin tal-enerġija – għalkemm jissemma fil-memorandum spjegattiv, mhuwiex żviluppat fid-Direttiva, anke jekk x’aktarx li se jkun teknoloġija li tiżviluppa b’pass mgħaġġel u bi prezz affordabbli.

4.12.

Bl-istess mod, it-tkabbir li jirriżulta mill-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli joħloq opportunitajiet biex issir integrazzjoni ma’ miżuri ta’ effiċjenza għal bini li ma jkunx konness man-netwerk tal-gass u jsir progress lejn enerġiji rinnovabbli fit-tisħin u t-tkessiħ. Dan għandu jiġi promoss b’mod speċifiku.

4.13.

L-emendi li jirrigwardaw it-titjib tal-impenn għal bini intelliġenti (pubbliku, kummerċjali u residenzjali) huma relattivament modesti u għandhom ikunu aktar speċifiċi u estensivi.

4.14.

Il-proposta għal “indikatur ta’ intelliġenza” sabiex tkun tista’ titkejjel il-kapaċità tal-bini biex juża l-ICT u sistemi elettroniċi sabiex jiġu ottimizzati t-tħaddim u l-interazzjoni tiegħu man-netwerk se teħtieġ aktar elaborazzjoni iżda l-prinċipju huwa milqugħ. L-għan għandu jkun li jiġi żviluppat indikatur trasparenti u siewi li jżid il-valur tal-EPC iżda mingħajr ma jiġu imposti piżijiet bla bżonn ta’ ġbir ta’ data jew analitiċi. Indikatur bħal dan għandu jindika l-kapaċità tal-okkupanti tal-bini mhux biss biex jivvalutaw l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija iżda wkoll biex jikkontrollaw u jiffaċilitaw il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-konsum tagħhom stess, u biex inaqqsu l-kontijiet tal-enerġija.

4.15.

Il-faqar fl-enerġija huwa identifikat bħala kwistjoni li għandha tiġi indirizzata billi jingħataw stadji importanti li jidentifikaw il-progress fil-qasam tad-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini. Madankollu, ma hemm l-ebda qafas ta’ politika ta’ sostenn fid-Direttiva għall-iżvilupp ta’ approċċ kost-effettiv għall-faqar fl-enerġija – waħda mill-kawżi li tikkontribwixxi għal dan hija l-bini residenzjali ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija. Il-KESE jemmen li dan jista’ jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ din id-Direttiva u jissuġġerixxi l-inklużjoni ta’ sensiela ġdida ta’ emendi proposta dwar dan is-suġġett, relatati mal-Artikoli rilevanti tad-Direttiva tal-2012. Dan għandu jappoġġja r-rekwiżiti fir-Regolament propost dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija għall-Istati Membri biex jevalwaw u jispeċifikaw il-politika, il-miżuri u l-azzjonijiet biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija.

4.16.

Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li d-Direttiva għandha toffri kriterji biex jiddaħħlu f’definizzjoni ta’ referenza għall-faqar fl-enerġija kif ukoll tissuġġerixxi d-definizzjoni ta’ referenza tagħha stess. Din ma tkunx vinkolanti għall-Istati Membri biex jadottawha għal finijiet interni iżda għandha turi l-kriterji li skonthom ikunu meħtieġa jirrapportaw l-Pjani Nazzjonali tal-Enerġija u l-Klima. F’xi pajjiżi din id-definizzjoni ppermettiet li jiġi vvalutat il-progress – jew il-kontra – fl-indirizzar tal-faqar fl-enerġija, iżda l-KESE jirrikonoxxi li n-natura multifattorjali tal-problema tista’ tirrikjedi li jiġu prijoritizzati fatturi nazzjonali speċifiċi.

4.17.

Konsegwentement, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw approċċ koordinat b’mod sħiħ għall-faqar fl-enerġija, inkluż fehim tar-rwol u l-effettività mhux biss tal-bini effiċjenti fl-enerġija iżda wkoll tal-interventi finanzjarji (inklużi tariffi soċjali u metodi ta’ mitigazzjoni tal-faqar), pariri lill-konsumatur dwar l-għażla tal-fornitur u tat-tariffi, u informazzjoni dwar azzjonijiet ta’ ffrankar tal-enerġija. Sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza u l-effettività, huwa essenzjali kemm li jingħata l-parir, kif ukoll li l-miżuri jiġu kkoordinati, permezz ta’ aġenzija ta’ one-stop-shop jew aġenzija indipendenti u ffokata fuq il-konsumatur.

4.18.

Diversi studji u rapporti indipendenti tal-Kummissjoni indikaw ir-ritmu u l-effettività varjabbli li bihom l-Istati Membri qed jimplimentaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva EPBD. Il-kwistjonijiet jinkludu:

Problemi ta’ traspożizzjoni u interpretazzjoni, li l-Kummissjoni tkompli ssegwi permezz ta’ mekkaniżmi ta’ infurzar. Diversi Stati Membri huma mitluba jirrikonoxxu aktar l-importanza ewlenija tal-effiċjenza tal-enerġija tal-bini biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima u l-impenn lejn strateġiji ta’ rinnovazzjoni nazzjonali. Il-KESE jħeġġeġ lid-DĠ ENER biex iżomm is-sorveljanza bir-reqqa tiegħu fuq l-implimentazzjoni u jkompli jaġixxi b’mod rapidu meta jinvoka proċedimenti ta’ ksur.

Il-kwalità u l-komparabbiltà taċ-Ċertifikati tar-Rendiment Enerġetiku (EPCs). L-armonizzazzjoni speċifika ta’ rekwiżiti tal-UE għal esperti kwalifikati u dawk li jiċċertifikaw u l-inklużjoni ta’ kontrolli tal-kwalità għall-EPCs jistgħu jkunu ta’ għajnuna. Huwa wkoll mixtieq l-iżvilupp ta’ EPCs biex jipprovdu aktar informazzjoni teknika u rakkomandazzjonijiet għal titjib.

Il-KESE jinnota li l-metodu tad-Direttiva biex l-inċentivi finanzjarji jintrabtu mal-EPCs jippermetti biss il-ħlas a posteriori tal-inċentivi finanzjarji, peress li l-ħlas jiddependi fuq tqabbil ta’ “qabel” u “wara” l-EPCs. Dan huwa kontroproduttiv f’termini ta’ effiċjenza enerġetika, għax ir-rinovazzjonijiet li jiddependu fuq is-sussidji mhux se jseħħu sakemm is-sid ma jkunx żgur li jirċievi s-sussidju qabel iwettaq ir-rinnovazzjoni.

L-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u b’mod partikolari l-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni. Taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali perċentwal minimu ta’ finanzjament se jiġi allokat għall-bidla lejn ekonomija li għandha emissjonijiet ta’ karbonju baxxi fis-setturi kollha iżda l-applikazzjoni ta’ dawn il-fondi kollha għall-effiċjenza tal-enerġija tal-bini tvarja ħafna bejn l-Istati Membri. Teżisti gwida interpretattiva ċara iżda huwa meħtieġ aktar inkoraġġiment biex jintuża dan it-tip ta’ finanzjament.

Appoġġ għal taħriġ tekniku rilevanti fir-rinnovazzjoni tal-bini, b’mod partikolari fost l-SMEs li jikkostitwixxu aktar minn 90 % tal-intrapriżi Ewropej tal-kostruzzjoni.

4.19.

Il-Kumitat jinnota li fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE), u b’mod partikolari l-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni huma mistennija li jkollhom rwol ewlieni fir-rigward tar-rinnovazzjoni u l-kostruzzjoni tal-bini. Attwalment, hemm ħafna ostakli li jridu jingħelbu, partikolarment l-aċċess limitat għall-finanzi, spejjeż inizjali għoljin, perjodi relattivament twal ta’ ħlas lura, perċezzjoni ogħla tar-riskju tal-kreditu assoċjat ma’ investimenti f’enerġija sostenibbli, u prijoritajiet kompetituri għal sidien ta’ proprjetà, eċċ. (Gwida teknika Kummissjoni Ewropea – Fnanzjament tar-rinnovazzjoni enerġetika tal-bini permezz ta' finanzjament mill-Politika ta' Koeżjoni ). L-inizjattiva għall-Finanzjament Intelliġenti għal Bini Intelliġenti hija pass pożittiv biex jingħelbu xi wħud minn dawn il-problemi u jeżisti lok biex jiġu sfruttati l-ambizzjonijiet tal-Pjan Juncker sabiex jiġi rilaxxat aktar investiment f’dan il-qasam.

4.20.

Għaldaqstant, l-istabbiliment tal-prijoritajiet u r-responsabbiltajiet adatti għall-gvern lokali huwa essenzjali biex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-programmi disponibbli jintużaw b’tali mod li jintlaħaq l-effett massimu sabiex jinqabżu r-rekwiżiti minimi (eż. ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni tal-enerġija, il-verifiki tal-enerġija, eċċ.) stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri, u l-livell ta’ finanzjament ipprovdut għandu jiżdied skont il-livell ta’ ambizzjoni.

4.21.

B’mod partikolari l-KESE jinnota l-potenzjal tal-Patt tas-Sindki f’dan ir-rigward. Issa b’aktar minn 7 000 muniċipalità involuti, il-firmatarji jimpenjaw ruħhom li jieħdu l-miżuri neċessarji tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli permezz tal-adozzjoni ta’ “Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli” (SEAPs). Il-mobilizzazzjoni ta’ bliet, li fihom hemm il-maġġoranza tal-ambjent mibni tagħna, hija inizjattiva lokali b’impatt globali.

4.22.

L-intenzjonijiet tad-Direttiva ġew milqugħa b’mod wiesa’ mill-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati tas-settur tal-industrija tal-bini kollu kemm hu u minn rappreżentanti tas-sidien u tal-inkwilini, kemm jekk kummerċjali kif ukoll residenzjali. Madankollu, se jkunu meħtieġa spirtu ta’ kooperazzjoni, djalogu u attitudni pożittiva ta’ impenn sabiex jitkompla l-progress fl-effiċjenza enerġetika li diġà ntlaħaq.

Brussell, is-26 ta’ April 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 21, ĠU C 424, 26.11.2014, p. 64, ĠU C 82, 3.3.2016, p. 22, ĠU C 34, 2.2.2017, p. 78.