25.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 186/4


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni Preliminari tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali li għandha x’taqsam mal-prevenzjoni, mal-investigazzjoni, mal-kxif u mal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq il-websajt tal-KEPD www.edps.europa.eu)

(2016/C 186/04)

Din l-Opinjoni tibni fuq l-obbligu ġenerali li l-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-UE għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-rispett għad-drittijiet fundamentali li jinsab fil-qalba tal-liġi tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-valutazzjoni hija magħmula b’tali mod li tanalizza l-konformità tal-kontenut tal-Ftehim Komprensiv (Umbrella Agreement) mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 16 TFUE sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali.

SOMMARJU EŻEKUTTIV

L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità hija għan politiku leġittimu, u l-kooperazzjoni internazzjonali inkluż l-iskambju tal-informazzjoni saru iktar importanti minn qatt qabel. S’issa, l-UE kienet nieqsa minn qafas komuni robust f’dan il-qasam u għalhekk m’hemm l-ebda salvagwardja konsistenti għad-drittijiet u għal-liberatajiet fundamentali tal-individiwi. Kif il-KEPD ilu jargumenta, l-UE teħtieġ arranġamenti sostenibbli għall-kondiviżjoni tad-data personali ma’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi, kompatibbli b’mod sħiħ mat-Trattati tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Għalhekk, aħna nilqgħu u nappoġġaw b’mod attiv l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tilħaq l-ewwel “Ftehim Komprensiv”, mal-Istati Uniti. Dan il-ftehim internazzjonali ta’ infurzar tal-liġi jimmira li jistabbilixxi għall-ewwel darba, il-protezzjoni tad-data bħala l-bażi għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Filwaqt li aħna nirrikonoxxu li mhuwiex possibbli li jiġu replikati għal kollox it-terminoloġija u d-definizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fi ftehim ma’ pajjiż terz, is-salvagwardji għall-individwi għandhom ikunu ċari u effettivi sabiex jikkonformaw kompletament mal-liġi primarja tal-Unjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea f’dawn l-aħħar snin, affermat prinċipji tal-protezzjoni tad-data inklużi l-korrettezza, l-eżattezza u r-rilevanza tal-informazzjoni, is-sorveljanza indipendenti u d-drittijiet individawli tal-individwi. Dawn il-prinċipji huma rilevanti għall-korpi pubbliċi daqskemm huma għall-kumpaniji privati, irrispettivament minn kwalunkwe sejba ta’ adegwatezza formali tal-UE fir-rigward tas-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data tal-pajjiżi terzi; fil-fatt dawn isiru dejjem iktar importanti meta titqies is-sensittività tad-data meħtieġa għal investigazzjoni kriminali.

Din l-Opinjoni timmira li tipprovdi parir kostruttiv u oġġettiv lill-istituzzjonijiet tal-UE waqt li l-Kummissjoni tiffinalizza dan il-kompitu delikat, b’ramifikazzjonijiet wesgħin, mhux biss għall-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi UE-US iżda wkoll għal ftehimiet internazzjonali futuri. Il-“Ftehim Komprensiv” huwa separat minn iżda għandu jiġi kkunsidrat flimkien mat-“Tarka tal-Privatezza” (Privacy Shield) tal-UE-US imħabbra reċentament dwar it-trasferiment ta’ informazzjoni personali fl-ambjent kummerċjali. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ aktar konsiderazzjonijiet biex tiġi analizzata l-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ strumenti u r-riforma tal-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE.

Qabel ma l-Ftehim jiġi sottomess għall-kunsens tal-Parlament, aħna nħeġġu lill-Partijiet biex jikkunsidraw b’attenzjoni l-iżviluppi sinifikanti minn Settembru li għadda, meta indikaw l-intenzjoni tagħhom li jikkonkludu l-Ftehim ladarba jgħaddi l-Att ta’ Rimedju Ġudizzjarju. Ħafna salvagwardji diġà previsti huma milqugħin, iżda għandhom jiġu msaħħa, anki fid-dwal tas-sentenza ta’ Schrems f’Ottubru li invalidat id-Deċiżjoni ta’ Port Salv u l-ftehim politiku tal-UE dwar ir-riforma tal-protezzjoni tad-data f’Diċembru, li tkopri t-trasferimenti u l-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizja.

Il-KEPD identifika tliet titjibiet essenzjali li hu jirrakomanda għat-test sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Karta u mal-Artikolu 16 tat-Trattat:

kjarifika li s-salvagwardji kollha japplikaw għall-individwi kollha, mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE;

żgurar li d-dispożizzjonijiet ta’ rimedju ġudizzjarju huma effettivi fis-sens tal-Karta;

kjarifika li t-trasferimenti ta’ data sensittiva f’lott mhumiex awtorizzati.

L-Opinjoni toffri rakkomandazzjonijiet addizzjonali għall-kjarifika tas-salvagwardji previsti permezz ta’ dokument ta’ spjegazzjoni ta’ appoġġ. Aħna nibqgħu għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet għal aktar pariri u djalogu dwar din il-kwistjoni.

I.   Kuntest tal-Ftehim inizjalat

1.

Fit-3 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tifaħ negozjati fuq Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti tal-Amerika (US) dwar il-protezzjoni ta’ data personali meta tiġi ttrasferita u pproċessata għall-iskop tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ offiżi kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (minn hawn ’il quddiem: il-“Ftehim”) (1).

2.

In-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istati Uniti bdew uffiċjalment fid-29 ta’ Marzu 2011 (2). Fil-25 ta’ Ġunju 2014, l-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti ħabbar li sejra tittieħed azzjoni leġiżlattiva sabiex tipprevedi rimedju ġudizzjajru dwar id-drittijiet ta’ privatezza fl-Istati Uniti għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (3). Wara bosta rawnds ta’ negozjati, li kienu estiżi fuq perjodu ta’ 4 snin, il-Ftehim ġie inizjalat fit-8 ta’ Settembru 2015. Skont il-Kummissjoni, l-għan huwa li l-Ftehim jiġi ffirmat u konkluż b’mod formali biss wara li jiġi adottat l-Att ta’ Rimedju Ġudizzjajru tal-Istati Uniti (4).

3.

Il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-kunsens tiegħu għat-test inizjalat tal-Ftehim, waqt li l-Kunsill għandu jiffirmah. Sakemm dan ma jkunx sar u l-Ftehim ma jkunx ġie ffirmat b’mod formali, aħna ninnotaw li n-negozjati jistgħu jerġgħu jinfetħu fuq punti speċifiċi. Huwa f’dan il-Kuntest li l-KEPD joħroġ din l-opinjoni, skont it-test tal-Ftehim inizjalat ippubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni (5). Din hija Opinjoni preliminari bbażata fuq l-ewwel analiżi ta’ test legali kumpless u mingħajr preġudizzju għal kull rakkomandazzjoni addizzjonali li għandha ssir fuq il-bażi ta’ aktar informazzjoni disponibbli, inklużi żviluppi leġiżlattivi fl-Istati Uniti bħall-adozzjoni tal-Att ta’ Rimedju Ġudizzjajru. Il-KEPS identifika tliet punti essenzjali li jeħtieġu titjib u jenfasizza wkoll aspetti oħrajn fejn huma rakkomandati kjarifiki importanti. B’dan it-titjib, il-Ftehim jista’ jiġi kkunsidrat konformi mad-dritt tal-Unjoni primarju.

V.   Konklużjonijiet

53.

Il-KEPD jilqa’ l-intenzjoni li jipprovdi għal strument vinkolanti legalment li jimmira li jiżgura livell għoli tal-protezzjoni tad-data għad-data personali trasferita bejn l-UE u l-US għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ kxif jew ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż it-terrożimu.

54.

Ħafna mid-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Ftehim jimmiraw li jikkorrispondu b’mod sħiħ jew parzjali mal-garanziji essenzjali tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fl-UE (bħad-drittijiet tas-suġġett tad-data, sorveljanza indipendenti u d-dritt għal reviżjoni ġudizzjarja).

55.

Għalkemm li l-Ftehim ma jikkostitwixxix b’mod tekniku deċiżjoni tas-sejba ta’ adegwatezza, dan joħloq preżunzjoni ġenerali ta’ konformità għal trasferimenti bbażati fuq bażi legali speċifika, fil-qafas tal-Ftehim. Għalhekk, huwa kruċjali li jiġi żgurat li din il-“preżunzjoni” tiġi msaħħa bis-salvagwardji kollha meħtieġa fi ħdan it-test tal-Ftehim, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ksur tal-Karta, b’mod partikolari tal-Artikoli 7, 8 u 47.

56.

Hemm tliet titjibiet essenzjali li l-KEPD jirrakkomanda għat-test sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Karta u mal-Artikolu 16 TFUE:

(1)

kjarifika li s-salvagwardji kollha japplikaw għall-individwi kollha, mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE;

(2)

żgurar li d-dispożizzjonijiet ta’ rimedju ġudizzjarju huma effettivi fis-sens tal-Karta;

(3)

kjarifika li t-trasferimenti ta’ data sensittiva f’lott mhumiex awtorizzati.

57.

Barra minn hekk, għall-finijiet taċ-ċertezza legali, il-KEPD jirrakkomanda li t-tijib jew il-kjarifiki li ġejjin jiġu introdotti fit-test tal-Ftehim jew fi ħdan id-dikjarazzjonijiet ta’ spjega li għandhom ikunu mehmużin mal-Ftehim, jew fil-fażi ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim, kif spjegat fi ħdan din l-Opinjoni:

(1)

li l-Artikolu 5(3) għandu jiġi interpretat bħala li jirrispetta r-rwol tal-awtoritajiet superviżorji sabiex ikun konformi mal-Artikolu 8(3) tal-Karta;

(2)

li l-bażijiet legali speċifiċi għat-trasferimenti (l-Artikolu 5(1)) għandhom jikkonformaw kompletament mas-salvagwardji pprovduti fil-Ftehim u li, fil-każ ta’ dispożizzjonijiet kunfliġġenti bejn bażi legali speċifika u l-Ftehim, dan tal-aħħar jipprevali;

(3)

li fil-każ ta’ protezzjoni ineffettiva għad-data trasferita lill-awtoritajiet f’livell tal-Istat, il-miżuri rilevanti skont l-Artikolu 14(2) sejrin jinkludu, fejn meħtieġ, miżuri dwar id-data diġà kondiviża;

(4)

li d-definizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar u informazzjoni personali (Artikolu 2) huma allinjati biex ikunu konformi mal-fehim stabbilit sew tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni; f’każ li l-Partijiet ma jallinjawx b’mod sħiħ dawn id-definizzjonijiet, għandha ssir kjarifika fid-dokumenti ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw il-Ftehim li l-applikazzjoni taż-żewġ kunċetti mhux se tkun differenti fis-sustanza mill-fehim tagħhom tal-liġi tal-Unjoni;

(5)

li lista indikattiva tal-“kundizzjonijiet speċifiċi” fejn id-data hija trasferita fi kwantitajiet kbar (l-Artikolu 7(3)) tista’ tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni ta’ spjegazzjoni;

(6)

li l-Partijiet għandhom l-intenzjoni li japplikaw id-dispożizzjonijiet rigward notifiki ta’ ksur ta’ informazzjoni (l-Artikolu 10) bil-għan li jillimitaw kemm jista’ jkun l-ommissjoni tan-notifiki, fuq naħa, u biex jevitaw dewmien eċċessiv tan-notifiki;

(7)

li d-dispożizzjoni taż-żamma tad-data fl-Artikolu 12(1) hija kkumplimentata mill-ispeċifikazzjoni “għall-għanijiet speċifiċi li għalihom ġew trasferiti”, fid-dawl tal-prinċipju tal-limitazzjoni tal-għan invokat mill-Partijiet fil-Ftehim;

(8)

li l-Partijiet tal-Ftehim jikkunsidraw li jżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li r-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess huma limitati għal dak li huwa indispensabbli biex jiġu ppriservati l-interessi pubbliċi enumerati u biex jiġi msaħħaħ l-obbligu għat-trasparenza;

(9)

li dikjarazzjoni spjegattiva dettaljata għall-Ftehim speċifikament telenka (l-Artikolu 21):

l-awtoritajiet superviżorji li għandhom il-kompetenza f’din il-kwistjoni u l-mekkaniżmu għall-Partijiet biex jgħarrfu lil xulxin dwar il-bidliet futuri;

il-poteri effettivi li jistgħu jeżerċitaw;

l-identità u d-dettalji tal-punti ta’ kuntatt li sejrin jassistu fl-identifikazzjoni tal-korp ta’ sorveljanza kompetenti (ara l-Artikolu 22(2)).

58.

Fl-aħħarnett, il-KEPD ifakkar il-ħtieġa li kwalunkwe interpretazzjoni, applikazzjoni u miżura ta’ implimentazzjoni tal-Ftehim għandha ssir, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ċarezza u kunflitt apparenti tad-dispożizzjonijiet, b’mod kompatibbli mal-prinċipji konstituzzjonali tal-UE b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 16 TFUE u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, irrispettivament mit-titjib milqugħ li għandu jiġi ppreżentat wara r-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-Opinjoni.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2016.

Giovanni BUTTARELLI

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  Ara MEMO 10/1661 tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikata fit-3 ta’ Diċembru 2010, disponibbli hawnhekk: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-10-1661_en.htm

(2)  Ara MEMO 11/203 tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikata fid-29 ta’ Marzu 2011, disponibbli hawnhekk: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-11-203_en.htm

(3)  Ara l-istqarrija għall-Istampa 14-668 tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ippubblikata fil-25 ta’ Ġunju 2014, disponibbli hawnhekk: http://www.justice.gov/opa/pr/attorney-general-holder-pledges-support-legislation-provide-eu-citizens-judicial-redress

(4)  Ara MEMO 15/5612 tal-Kummissjoni Ewropea, ippubblikata fit-8 ta’ Settembru 2015, disponibbli hawnhekk: http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-15-5612_en.htm

(5)  Test disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/justice/data-protection/files/dp-umbrella-agreement_en.pdf