21.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 88/1 |
Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali
(2017/C 088/01)
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami/reviżjoni ta’ nofs it-term tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati (COM(2016) 603 final) (1) u d-dokument ta’ akkumpanjament tagħha; |
— |
wara li kkunsidra l-Opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) (2); |
1. |
jieħu nota tal-proposta dettaljata dwar ir-rieżami ta’ nofs it-term tal-QFP ippreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta’ Settembru 2016; |
2. |
jappoġġja li n-negozjati dwar ir-rieżami ta’ nofs it-term jintrabtu mal-proċedura baġitarja għall-baġit tal-UE għall-2017; din l-iskeda ta’ żmien ser tippermetti li r-rieżami ta’ nofs it-term jiġi adottat f’waqtu u tħalli lok għal diskussjonijiet dwar il-QFP li jmiss ta’ wara l-2020; |
3. |
jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea m’għandhiex l-ambizzjoni li tippreżenta biss rieżami tal-QFP, li diġà laħaq il-limiti tiegħu, minflok reviżjoni kompluta li tippermetti lill-Unjoni Ewropea tindirizza l-isfidi attwali li tħabbat wiċċha magħhom u tiżgura li l-baġit tal-UE jiffoka fuq oqsma li jwasslu għal tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi, b’valur miżjud Ewropew qawwi; jistenna li l-QFP li jmiss jagħmel pass sinifikanti lejn l-immodernizzar tal-baġit tal-UE u jippermetti lil dan il-baġit li jindirizza sfidi futuri kif ukoll prijoritajiet ġodda li nqalgħu; |
4. |
jinnota li dan ir-rieżami ta’ nofs it-term jirrifletti l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea ta’ “baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati”, iżda huwa mħasseb li r-rata ta’ assorbiment tal-programmi tal-UE apparentement kienet il-kriterju prinċipali għat-tibdil propost fl-approprjazzjonijiet; itenni l-offerta tiegħu lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jaqdu rwol attiv fil-proċess li bih jiġu vvalutati l-effiċjenza u l-effettività tal-programmi kollha tal-UE; |
5. |
jiċħad bil-qawwa l-impressjoni mogħtija fil-Komunikazzjoni dwar il-QFP li programmi ta’ ġestjoni kondiviża mhumiex jaħdmu, u jenfasizza l-fatt li, minkejja d-dewmien biex jiġu adottati r-regolamenti l-ġodda tal-FEIS u l-proċedura tal-ipprogrammar kumplessa ħafna, bdew aktar minn 200 000 proġett u diġà ġew impenjati EUR 46 biljun ta’ fondi mill-FEIS sabiex jiġu kkofinanzjati proġetti li jiswew EUR 68 biljun; |
6. |
f’dan ir-rigward, iwissi li sospensjoni possibbli tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għal Spanja u l-Portugall u kwalunkwe Stat Membru ieħor, hija ta’ detriment għall-implimentazzjoni tal-programmi. Jinnota li (a) il-KtR huwa kontra l-kondizzjonalità makroekonomika peress li din tippenalizza l-bliet u r-reġjuni; (b) tmur kontra t-tħassir tas-sanzjonijiet li diġà saru skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1173/2011 dwar l-infurzar effettiv ta’ sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-ewro; u (c) tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità mfassal fl-Artikolu 5 tat-TUE u l-Protokoll Nru 2 tiegħu. Għalhekk jitlob li f’każ li jkun hemm sospensjoni, din tiġi kkunsidrata mill-ġdid, u jitqiesu ċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali, il-qgħad u l-effetti ta’ sospensjoni fuq l-ekonomiji tagħhom, kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 (Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni). |
7. |
huwa tabilħaqq imħasseb dwar it-tendenza li l-baġit tal-UE jiġi “ċċentralizzat”, li evidentement imur kontra li jinstabu soluzzjonijiet imfasslin apposta għall-isfidi lokali u reġjonali, u dwar li t-tnaqqis fil-ġestjoni kondiviża ta’ programmi ser jolqot b’mod negattiv l-obbligu tat-Trattat tal-UE ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll il-prinċipji tas-sussidjarjetà, is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli; |
8. |
jiddispjacih li l-aġġustamenti tal-pakketti finanzjarji tal-politika ta’ koeżjoni huma inklużi fir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-QFP u filwaqt li huma obbligatorji skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-QFP, dawn l-aġġustamenti ma għandhomx jiġu negozjati aktar; |
9. |
jilqa’ fil-prinċipju l-proposta li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) jiġi estiż u jissaħħaħ, u dan ser ikun is-suġġett ta’ opinjoni speċifika tal-KtR; jistenna aktar titjib fl-oqsma tal-addizzjonalità, il-kopertura ġeografika u settorjali, kif ukoll it-trasparenza; itenni t-talba għal evalwazzjoni xierqa tar-riżultati tal-FEIS, b’mod partikolari s-sinerġiji tiegħu mal-fondi tal-FEIS u l-kontribut tagħhom għall-koeżjoni territorjali s’issa, u jistenna b’interess il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew biex tiġi skrutinizzata l-implimentazzjoni tal-FEIS; bit-tama li r-reġjuni jkunu aktar involuti mill-qrib fil-governanza sabiex jiżguraw l-integrazzjoni effettiva mal-politika ta’ koeżjoni; |
10. |
jilqa’ ż-żieda fl-approprjazzjonijiet finanzjarji għall-programmi tal-Orizzont 2020 u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, iżda jenfasizza li dawn iż-żidiet ma jikkumpensawx għat-tnaqqis baġitarju inizjali għall-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa meta jinħoloq l-FEIS; |
11. |
jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jkun hemm rieżami tar-regolamentazzjoni finanzjarji u tal-intenzjoni tiegħu li jiġu ssemplifikati r-regoli sabiex jiġu indirizzati l-problemi marbutin mal-kumplessità amministrattiva u l-iżbalji fil-Politika ta’ Koeżjoni, partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ programmi taħt ġestjoni kondiviża u sineriji msaħħa bejn l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji; ser jindirizza r-rieżami fid-dettall f’opinjoni separata; |
12. |
jilqa’ ż-żieda fl-approprjazzjonijiet tal-baġit għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) u għall-programm Erasmus+; juri madankollu dispjaċir għan-nuqqas ta’ inizjattivi li jindirizzaw il-qgħad fit-tul; |
13. |
japprezza l-miżuri ta’ flessibbiltà proposti mill-Kummissjoni Ewropea – b’mod partikolari l-ħolqien ta’ Riżerva għall-Kriżijiet tal-Unjoni Ewropea biex jerġgħu jintużaw l-approprjazzjonijiet diżimpenjati, it-tneħħija tal-limiti annwali għall-marġini globali għall-pagamenti u l-użu mmirat tal-aġġustament tekniku tal-pakketti tal-Politika ta’ Koeżjoni; jirrikonoxxi li dawn huma passi tajbin ‘il quddiem biex jiġu indirizzati l-kriżijiet attwali b’baġit tal-UE aktar flessibli; |
14. |
jiddispjaċih li ma ġew issuġġeriti l-ebda miżuri addizzjonali mill-Kummissjoni Ewropea fir-rieżami ta’ nofs it-term biex jiġu indirizzati d-diversi kriżijiet fl-UE relatati mal-Politika Agrikola Komuni, li fosthom hemm il-konċentrazzjoni ta’ produzzjoni, żieda fil-kompetizzjoni globali, it-tnaqqis tal-forza tax-xogħol u żieda fit-tnaqqis tal-biedja, li l-bdiewa Ewropej, il-konsumaturi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali se jiffaċċjaw sal-aħħar tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali; |
15. |
fid-dawl tal-ftehim ambizzjuż dwar il-klima globali li ntlaħaq f’Pariġi fl-2015, ifakkar il-mira ta’ 20 % tal-infiq tal-UE fuq proġetti u politiki relatati mal-klima iżda jenfasizza li dan is-sehem jirrapreżenta minimu u aktar sforzi huma probabbilment meħtieġa sabiex jiġi żgurat li dan jintlaħaq sal-2020; |
16. |
jilqa’ previżjoni ddettaljata ta’ pagamenti fuq perjodu medju ta’ żmien li tindirizza t-tħassib dwar il-pagamenti pendenti fil-QFP attwali; jinsab imħasseb madankollu dwar pagamenti futuri, minħabba d-dewmien persistenti fl-implimentazzjoni ta’ programmi taħt il-ġestjoni kondiviża; jenfasizza r-responsabbiltà tal-Istati Membri u fil-Kunsill biex fil-baġits annwali jkun hemm biżżejjed approprjazzjonijiet ta’ pagamenti disponibbli, sabiex b’hekk l-UE jkollha l-mezzi biex tindirizza l-isfidi attwali; |
17. |
jinsab imħasseb li, minkejja ż-żidiet taħt l-Intestaturi 3 u 4 sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni, il-ħolqien ta’ Riżerva għall-Kriżijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ta’ “riżerva ta’ flessibbiltà”, ir-riżorsi disponibbli fil-QFP attwali mhumiex biżżejjed biex jiġu indirizzati l-istennijiet dejjem jiżdiedu tal-baġit tal-UE f’termini tar-riċeviment, id-distribuzzjoni u l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti jew il-protezzjoni tagħhom fiż-żoni tagħhom ta’ oriġini; ifakkar f’dan il-kuntest li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet kruċjali fid-dħul u l-integrazzjoni tal-immigranti u għalhekk li jkollhom aċċess dirett għall-opportunitajiet ta’ finanzjament rilevanti tal-UE se jgħinhom ħafna biex jiffaċċjaw dawn l-isfidi; iwissi li aktar flessibbiltà mhijiex is-soluzzjoni għal riżorsi finanzjarji insuffiċjenti; |
18. |
jieħu nota tal-proposta li jinħoloq Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, u ser jindirizza dan iktar fid-dettall f’opinjoni separata; |
19. |
jinnota li l-irtirar potenzjali tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jista’ jkollu effett fuq il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali; jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi fuq l-implimentazzjoni kontinwa ta’ bosta programmi tal-UE u jissuġġerixxi involviment bikri tal-KtR f’aktar diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tal-QFP attwali; |
20. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-kapitolu “Lejn il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss” bħala kontribut inizjali għal dibattitu usa’ dwar il-futur tal-baġit tal-UE; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE għal djalogu bikri mal-bliet u r-reġjuni Ewropej dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-istruttura u l-istrumenti tal-QFP li jmiss u ser iħejji fi żmien dovut il-proposti tiegħu dwar dan is-suġġett; |
21. |
jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex iwassal din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-President tal-Kunsill Ewropew. |
Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2016.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52016DC0603
(2) Opinjoni CdR 9/2016.