14.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar ir-rwol tas-settur taż-żgħażagħ f’approċċ integrat u transsettorjali biex tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni vjolenti taż-żgħażagħ

(2016/C 213/01)

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI

FILWAQT LI JFAKKRU:

1.

L-isfond politiku għal din il-kwistjoni kif jinsab fl-Anness għal dawn il-konklużjonijiet.

FILWAQT LI JIRRIKONOXXI LI:

2.

Iż-żgħażagħ, il-valuri u l-attitudnijiet, kif ukoll il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom jirrappreżentaw potenzjal kbir għas-soċjetajiet tagħna. Bidliet kostanti u sfidi soċjetali u ekonomiċi jagħmlu l-kondiviżjoni tal-valuri demokratiċi, l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ u ċ-ċittadinanza attiva saħansitra aktar importanti.

3.

L-attakki terroristiċi reċenti fil-Belġju, Franza u d-Danimarka, u atroċitajiet simili fl-Ewropa fil-passat, kif ukoll iż-żieda tal-inċidenti ta’ reati ta’ mibegħda u inċitament għall-mibegħda (1), propaganda u ksenofobija vjolenti fl-Ewropa, juru l-ħtieġa urġenti għal kontributi mis-setturi kollha fis-soċjetà, inkluż is-settur taż-żgħażagħ biex tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni vjolenti (2), tinżamm l-istabbiltà soċjali u ambjent pożittiv u sigur fejn wieħed jista’ jikber.

4.

Filwaqt li r-radikalizzazzjoni vjolenti teħtieġ li tiġi kkonfrontata u indirizzata minn diversi lati, huwa ta’ importanza kruċjali li t-theddida u l-perikli li ġġib magħha għaż-żgħażagħ ikunu rikonoxxuti, evitati u tittieħed azzjoni fuqhom minn miżuri ta’ intervent bikrija u effettivi, b’rispett għad-diversità kulturali taż-żgħażagħ.

5.

Il-proċess ta’ żvilupp ta’ identità jista’ jiġi influwenzat minn bosta fatturi bħall-kuntest tal-familja b’bosta problemi, il-ħbieb, l-Internet u l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, l-ambjent politiku u l-pożizzjoni ta’ gruppi ta’ żgħażagħ fis-soċjetà li ta’ spiss iħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni, umiljazzjoni, esklużjoni, inġustizzja, nuqqas ta’ prospetti, sens ta’ frustrazzjoni, li jistgħu jwasslu għar-radikalizzazzjoni vjolenti.

6.

Il-ġenituri, l-aħwa, il-ħbieb u atturi rilevanti oħra (3) huma kruċjali fl-appoġġ għal żvilupp pożittiv ta’ identità. Dan jista’ jinkludi s-sensibilizzazzjoni interkulturali u r-rispett lejn l-oħrajn, il-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, iżda wkoll aspetti ta’ spiritwalità, reliġjon jew twemmin, u jinvolvi t-tisħiħ tas-sens ta’ appartenenza meħtieġ biex b’hekk l-informazzjoni u l-ideat estremisti li ż-żgħażagħ jistgħu jkunu esposti għalihom jiġu kkuntrastati.

7.

Iż-żgħażagħ għandhom ikunu mħeġġa jimpenjaw ruħhom fl-awtoriflessjoni, jiżviluppaw l-empatija, jitgħallmu jaħsbu b’mod kritiku, kif jgħixu bl-isfidi u l-inċertezzi u kif jittrattaw sitwazzjonijiet u emozzjonijiet li jikkawżawlhom dwejjaq, biex b’hekk isiru aktar reżiljenti, u jżomm relazzjonijiet kostruttivi fil-gruppi soċjali.

8.

Iż-żgħażagħ irid ikollhom l-għarfien u l-fehim tad-demokrazija, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem, il-pluraliżmu u d-diversità, u jkollhom kapaċitajiet ta’ litteriżmu fil-media u l-informazzjoni. Dan jikkontribwixxi għal ħsieb kritiku, sensibilizzazzjoni u għarfien dwar kif l-informazzjoni tista’ tkun preġudikata u sfruttata minn gruppi estremisti vjolenti sabiex ixerrdu l-propaganda.

9.

Miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti m’għandhomx iwasslu għall-istigmatizzazzjoni, jew id-diskriminazzjoni jew il-ksenofobija kontra gruppi ta’ żgħażagħ.

JISSOTTOLINJAW LI:

10.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ hija servizz, metodu u għodda aċċessibbli u ta’ kuntatt immirata lejn l-iżvilupp pożittiv ta’ identità għaż-żgħażagħ kollha, li tipprovdi ambjent mhux formali u informali għall-iżvilupp ta’ valuri, ħiliet, kompetenzi, talenti u attitudnijiet miftuħa, li jippermettulhom ukoll li jirrikonoxxu u jimmaniġġaw ir-riskji li probabbilment ser jiltaqgħu magħhom, inkluż ir-radikalizzazzjoni vjolenti.

11.

Il-ħidma fost iż-żgħażagħ tuża approċċ wiesa’ u olistiku, li jinvolvi liż-żgħażagħ b’mod attiv u jaħdem flimkien ma’ individwi u gruppi ta’ żgħażagħ biex isibu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet u problemi tagħhom. B’dan il-mod il-ħidma fost iż-żgħażagħ toffri ambjent sigur biex jiżviluppaw, jibnu identità, iħossu sens ta’ appartenenza u jkunu esposti għal influwenzi pożittivi bejn il-ħbieb, u jkunu jistgħu jevitaw pressjoni negattiva mill-ħbieb li twassal għar-radikalizzazzjoni vjolenti.

12.

Is-settur taż-żgħażagħ, f’kooperazzjoni mas-settur edukattiv u setturi u atturi rilevanti oħrajn, jistgħu jaqdu rwol kruċjali f’approċċ integrat u transsettorjali fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni vjolenti, b’mod partikolari fl-istadji bikrin tagħha, billi jappoġġaw liż-żgħażagħ fl-iżvilupp u l-azzjonijiet tagħhom, billi jippromwovu l-prinċipji demokratiċi u pluralistiċi, l-inklużjoni u ċ-ċittadinanza attiva u billi jindirizzaw fatturi negattivi bħad-diskriminazzjoni u n-nuqqas ta’ prospetti li jinfluwenzaw ħajjet iż-żgħażagħ.

FILWAQT LI JISĦQU LI:

13.

L-elementi differenti involuti, il-kumplessità tar-radikalizzazzjoni vjolenti u l-impatt kbir tagħha fuq is-soċjetà jeħtieġu approċċ integrat u transsettorjali fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew. Dan l-approċċ jinvolvi diversi setturi u atturi inkluża l-ħidma fost iż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ u l-edukazzjoni.

14.

F’approċċ integrat u transsettorjali, il-politiki għaż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ, b’attenzjoni fuq ambjent sigur u inklussiv, fuq tagħlim informali u mhux formali kif ukoll il-prevenzjoni, għandhom jiġu addattati għall-politiki, l-għodod u l-attivitajiet ta’ setturi rilevanti oħra bħas-sinjalar bikri, l-intervent effettiv u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni vjolenti. B’dan il-mod, jista’ jinkiseb approċċ koerenti, strutturat, reċiprokament infurmat u appoġġat għaż-żgħażagħ, il-ħbieb, il-familji u n-netwerks soċjali tagħhom.

15.

Tali approċċ għandu jfisser li jiġu użati strateġiji differenti skont il-livell ta’ radikalizzazzjoni: minn strateġiji ta’ prevenzjoni ġenerika (4) fl-istadji bikrija tar-radikalizzazzjoni għal approċċ aktar immirat li jkun dirett lejn gruppi jew individwi speċifiċi meta fil-fatt isseħħ ir-radikalizzazzjoni vjolenti. Dan jikkomplementa r-rwol ċentrali tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ bħala parti minn sforz transsettorjali fl-għajnuna li tingħata liż-żgħażagħ biex isibu triqthom fis-soċjetà u fil-protezzjoni taż-żgħażagħ mill-perikli tal-estremiżmu vjolenti.

GĦALDAQSTANT JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, B’KONSIDERAZZJONI TAL-PRINĊIPJU TA’ SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

16.

Jaħdmu fuq approċċ integrat u transsettorjali fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jilħqu liż-żgħażagħ kollha li huma f’riskju ta’ radikalizzazzjoni vjolenti billi:

a)

jippromwovu kooperazzjoni effettiva u addattata sew bejn is-settur taż-żgħażagħ, is-settur tal-edukazzjoni u setturi rilevanti oħrajn u jiżviluppaw għodod u miżuri komuni u l-iskambju ta’ prattiki tajba (5) biex jittrattaw każijiet ta’ radikalizzazzjoni vjolenti;

b)

jesploraw u jippromovu r-rwol li jista’ jkollha l-ħidma fost iż-żgħażagħ bħala sieħeb f’koalizzjonijiet u netwerks fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiffurmaw bażi soda ta’ appoġġ għall-iżvilupp taż-żgħażagħ, inkluż ir-reżiljenza tagħhom u t-tisħiħ ta’ fatturi protettivi.

17.

Fejn rilevanti jirrikonoxxu u jsaħħu s-settur taż-żgħażagħ:

a)

fir-rwol tiegħu li jappoġġa liż-żgħażagħ biex isibu triqthom lejn l-età adulta u post fis-soċjetà u jinħoloq ambjent sigur u inklussiv għaż-żgħażagħ biex jiżviluppaw l-identità tagħhom, filwaqt li jqis, meta jkun rilevanti, l-iżvilupp ta’ identitajiet spiritwali jew kulturali u reliġjużi;

b)

fir-rwol tiegħu fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi u ċ-ċittadinanza attiva permezz ta’ forom differenti ta’ prattika ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ fil-promozzjoni tar-rispett għad-diversità kulturali permezz ta’ djalogu interkulturali, interreliġjuż u interġenerazzjonali u fl-isfida ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni;

c)

fl-involviment tiegħu lejn individwi u gruppi ta’ żgħażagħ f’riskju ta’ radikalizzazzjoni vjolenti u esklużjoni mis-soċjetà, u l-appoġġ u l-involviment taż-żgħażagħ f’attivitajiet bejn il-pari;

d)

fil-komunikazzjoni maż-żgħażagħ biex ixekklu u jisfidaw l-ideoloġiji estremisti vjolenti eżistenti u biex jikkontrastawhom b’alternattivi attraenti li mhumiex vjolenti permezz tal-Internet u l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali (6);

e)

fil-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u jwessgħu l-kompetenzi interkulturali tagħhom b’tali mod li l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ ikunu jistgħu jagħrfu kwistjonijiet relatati mar-radikalizzazzjoni vjolenti, kif ukoll ikunu kapaċi jidentifikaw u jikkuntrastaw propaganda, retorika u komportament li jistgħu jkunu marbuta mar-radikalizzazzjoni vjolenti;

f)

fl-appoġġ liż-żgħażagħ fit-tisħiħ tal-litteriżmu tal-media u tal-informazzjoni u tal-ħsieb kritiku bl-użu ta’ approċċ transsettorjali, pereżempju, billi s-settur tal-ħidma maż-żgħażagħ jaħdem flimkien mal-iskejjel jew ċentri lokali, li jista’ jgħin biex jipprevjeni r-reklutaġġ ta’ dawn iż-żgħażagħ għal attivitajiet vjolenti permezz ta’influwenza mill-ħbieb u permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali;

g)

fil-promozzjoni tal-involviment tas-soċjetà ċivili;

h)

fil-kapaċità tiegħu li jwettaq ir-rwol tiegħu billi jtejjeb is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-għodod aġġornati, kif ukoll kooperazzjoni tajba ma’ setturi u persuni rilevanti li twassal għal sitwazzjoni fejn ir-radikalizzazzjoni vjolenti fost iż-żgħażagħ tkun rikonoxxuta u prevenuta fi stadju bikri;

i)

fl-inkoraġġiment u l-appoġġ liż-żgħażagħ sabiex jieħdu sehem fil-volontarjat, billi dan jista’ jkollu rwol importanti fl-iżvilupp ta’ identità pożittiva, jista’ jippromwovi l-empatija u l-ħsieb responsabbli.

18.

Jippreservaw miżuri u prattiki sostenibbli eżistenti li wrew li huma ta’ suċċess u jimplimentaw miżuri u prattiki sostenibbli u innovattivi, fejn xieraq, imfassla apposta għaż-żgħażagħ, f’azzjoni lokali, parteċipazzjoni demokratika, tagħlim u djalogu interkulturali, ċittadinanza attiva, u edukazzjoni pożittiva bejn il-pari.

GĦALDAQSTANT JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

19.

Iżidu l-kooperazzjoni fil-livell Ewropew għall-kondiviżjoni tal-għarfien u l-prattiki billi jaħdmu flimkien fil-kuntest tal-UE, inkluż fil-Grupp ta’ Esperti dwar iċ-Ċittadinanza Attiva, il-Prevenzjoni tal-Emarġinazzjoni u r-Radikalizzazzjoni Vjolenti, il-Grupp ta’ Esperti dwar id-Diġitalizzazzjoni u n-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, u mal-pajjiżi terzi rilevanti u l-Kunsill tal-Ewropa (7) biex jiġu skambjati l-għarfien u l-aħjar prattiki dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti, inkluż l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, il-kontronarrattivi (8) u l-ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ.

20.

Jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki u jiżviluppaw linji gwida, fejn xieraq, dwar kif jiġu stabbiliti koalizzjonijiet jew netwerks għal approċċ integrat u transsettorjali, jitgħallmu kif jikkooperaw b’mod effettiv, addattat sew u koeżiv, filwaqt li jqisu l-kuntest kulturali varjat tal-UE.

21.

Irawmu l-iżvilupp ta’ djalogu u ta’ kontronarrattivi effettivi biex jappoġġjaw lill-ġenituri, lill-aħwa, lill-ħbieb u oħrajn li jkunu f’kuntatt ma’ żgħażagħ li huma f’riskju ta’ radikalizzazzjoni vjolenti, u l-provvista ta’ informazzjoni dwar sistemi eżistenti ta’ appoġġ u possibbiltajiet ta’ konsulenza.

22.

Fejn xieraq, jiżviluppaw taħriġ u moduli edukattivi għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ bħala bażi għal materjal edukattiv li għandu jintuża f’livelli nazzjonali, reġjonali u lokali bl-għan li jiġi żgurat li l-ħidma fost iż-żgħażagħ tikseb biżżejjed għarfien aġġornat, sensibilizzazzjoni, għodod u ħiliet dwar:

a)

il-fenomenu ta’ kull tip ta’ radikalizzazzjoni vjolenti, il-fehim tas-subkulturi, kif ukoll il-metodi speċifiċi ta’ intervent għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti fi stadju bikri;

b)

il-fatturi kawżali li jwasslu għar-radikalizzazzjoni vjolenti;

c)

id-dinja diġitali inkluż l-Internet u l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali;

d)

il-ġlieda kontra l-influwenzi estremisti fuq l-Internet u l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali u l-isfida tal-opinjonijiet estremisti vjolenti;

e)

l-appoġġ liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw ħsieb kritiku u l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti biex jifhmu s-sorsi u l-aġendi differenti wara l-informazzjoni pprovduta, inkluż il-propaganda u d-diskors ta’ mibegħda;

f)

l-appoġġ ta’ żgħażagħ biex jgħinu lil żgħażagħ oħrajn jevitaw ir-radikalizzazzjoni vjolenti billi joffru influwenzi pożittivi bejn il-ħbieb;

g)

il-ħidma flimkien fi sħubijiet transsettorjali;

h)

l-appoġġ għall-iżvilupp tal-identità taż-żgħażagħ, il-kompetenzi interkulturali u l-fehim tal-valuri demokratiċi u pluralistiċi u ċ-ċittadinanza attiva.

23.

Jippromwovu u jappoġġaw seminars ta’ bejn il-pari għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-esperti, dawk li jfasslu l-politika u r-riċerkaturi, sabiex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki u informazzjoni dwar kif l-aħjar li tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti.

24.

Jippromwovu, jagħtu bidu, jikkoordinaw, jappoġġaw u jagħmlu disponibbli r-riżultati ta’ riċerka ulterjuri dwar ir-radikalizzazzjoni vjolenti maħsuba biex ittejjeb l-għarfien dwar kwistjonijiet bħall-iskop, l-oriġini, il-fatturi protettivi, il-kawżi u d-dinamika konjittiva kif ukoll dik emozzjonali tar-radikalizzazzjoni vjolenti, sabiex l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea jkunu jistgħu jiżviluppaw politiki u prattiki bbażati fuq l-evidenza.

GĦALDAQSTANT JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

25.

Tiżgura l-aħjar tqassim tar-riżultati tal-Grupp ta’ Esperti għaċ-Ċittadinanza Attiva, il-Prevenzjoni tal-Emarġinazzjoni u r-Radikalizzazzjoni vjolenti, li joffru gwida utilizzabbli għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet u l-professjonisti tal-ħidma soċjali f’kuntest ta’ kooperazzjoni integrata dwar kif wieħed jista’ jilħaq u jaħdem maż-żgħażagħ fir-riskju ta’ radikalizzazzjoni vjolenti

26.

Tikkunsidra kif programmi eżistenti tal-UE bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” jistgħu jintużaw l-aħjar biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ bi sfond differenti, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tiżgura kapaċità msaħħa ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ, kooperazzjoni fis-setturi tal-edukazzjoni u setturi rilevanti oħra dwar dan is-suġġett kif ukoll t-tisħiħ taż-żgħażagħ stess.


(1)  Ewrobarometru Speċjali 437 (2015) Id-diskriminazzjoni fl-UE fl-2015.

Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (2012): Nagħmlu viżibbli r-reati ta’ mibegħda fl-Unjoni Ewropea (traduzzjoni mhux uffiċjali).

(2)  Ir-radikalizzazzjoni vjolenti hija kwistjoni kumplessa li ma ġietx definita b’mod uniformi. F’dan il-kuntest ir-radikalizzazzjoni vjolenti tirreferi għal proċess li bih persuna taċċetta l-użu tal-vjolenza biex jintlaħqu għanijiet politiċi, ideoloġiċi jew reliġjużi, inklużi l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu. Ta’ min wieħed jinnota li r-radikalizzazzjoni mhux bilfors twassal għal estremiżmu vjolenti jew terroriżmu u espressjonijiet radikali ma għandhomx għalfejn ikunu problematiċi minnhom infushom.

(3)  Bħal pereżempju għalliema, persunal edukattiv fl-universitajiet, ħaddiema soċjali, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, fornituri tal-kura tas-saħħa, voluntiera, ġirien, kowċis tal-isport, mexxejja reliġjużi u informali, uffiċjali tal-pulizija lokali.

(4)  Strateġiji ta’ prevenzjoni ġenerika huma mfassla biex jilħqu l-popolazzjoni kollha, mingħajr konsiderazzjoni tal-fatturi ta’ riskju individwali. Dawn jistgħu jkunu mmirati lejn pereżempju ż-żgħażagħ kollha fi ħdan grupp ta’ età partikolari. L-għan huwa li jiġi żgurat ċertu livell bażiku ta’ reżiljenza fost iż-żgħażagħ.

(5)  Pereżempju RAN good practice database, Youth WIKI tool, EKCYP good practice database.

(6)  Xi eżempji huma: il-Kampanja Le għad-Diskors ta’ Mibegħda (traduzzjoni mhux uffiċjali), Informazzjoni għaż-Żgħażagħ (traduzzjoni mhux uffiċjali), u Eyca u Eryica

(7)  Pereżempju, fil-qafas tal-Moviment Le għad-Diskors ta’ Mibegħda (traduzzjoni mhux uffiċjali).

(8)  Il-kontronarrattivi huma attivitajiet ta’ komunikazzjoni li direttament jew indirettament jisfidaw in-narrattivi estremisti online jew offline, inklużi l-kontrofatti, fuq bażi aktar fattwali.


ANNESS

Fl-adozzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill IFAKKAR b’mod partikolari f’dan li ġej:

1.

Il-Kunsill Ewropew tat-12 ta’ Frar 2015 fejn il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern appella għal approċċ komprensiv, li jinkludi inizzjattivi rigward l-integrazzjoni soċjali, fost l-oħrajn, li huma ta’ importanza kbira biex tiġi evitata r-radikalizzazzjoni vjolenti.

2.

Id-Dikjarazzjoni adottata mill-Ministri għall-Edukazzjoni tal-UE waqt il-laqgħa informali tagħhom f’Pariġi tas-17 ta’ Marzu 2015 li fiha huma jipprovdu gwida dwar kif wieħed għandu jikkoopera fil-livell Ewropew. L-importanza tal-isforzi għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-emarġinazzjoni, l-intolleranza, ir-razziżmu u r-radikalizzazzjoni, u sabiex tiġi promossa ċ-ċittadinanza taż-żgħażagħ u jiġi ppreservat qafas ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd, ġew enfasizzati.

3.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna mġedda tas-17 ta’ Ġunju 2015, li jagħtu prijorità lil kwistjonijiet speċifiċi ta’ diżimpenn, riabilitazzjoni u deradikalizzazzjoni/antiradikalizzazzjoni bħala prijorità għal azzjoni fis-snin li ġejjin.

4.

Il-Pjan ta’ Ħidma attwali tal-UE għaż-Żgħażagħ 2016–2018 li jiffoka fuq iżjed inklużjoni soċjali għaż-żgħażagħ KOLLHA, b’kont meħud tal-valuri sottostanti Ewropej, u r-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ kemm fid-dinja mhux diġitali kif ukoll fid-dinja diġitali.

5.

Ir-Rapport Konġunt tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar “l-implimentazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)” li ssottolinja li ż-żgħażagħ għandhom ikunu kapaċi jikbru f’komunitajiet inklussivi u pluralisti bbażati fuq il-valuri demokratiċi Ewropej. Ir-Rapport Konġunt tal-UE dwar iż-żgħażagħ juri wkoll il-ħtieġa li tingħata aktar setgħa liż-żgħażagħ differenti, speċjalment dawk li qegħdin fir-riskju tal-esklużjoni.

6.

Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa fi ħdan il-Ftehim ta’ Sħubija.

7.

L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, bid-data tat-28 ta’ April 2015, li fiha l-Kummissjoni tikkunsidra l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ bħala fattur ewlieni fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni billi jiġu promossi l-valuri Ewropej u titrawwem l-inklużjoni soċjali, filwaqt li tissemma wkoll in-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), li tiġbor l-UE kollha u li tippermetti l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki li jiffaċilitaw l-individwazzjoni bikrija tar-radikalizzazzjoni u t-tfassil ta’ strateġiji preventivi u ta’ diżimpenn fil-livell lokali.

8.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta’ ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi.

9.

Ir-Riżoluzzjoni 2250 (2015) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fis-7573 laqgħa tiegħu, fid-9 ta’ Diċembru 2015 li tinnota r-rwol importanti ulterjuri li jista’ jkollhom iż-żgħażagħ bħala eżempji pożittivi fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti

10.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kumitat tal-Ministri (Brussell, 19 ta’ Mejju 2015), CM(2015)74 finali, dwar il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u r-radikalizzazzjoni li jwasslu għat-terroriżmu, u bil-Pjan ta’ Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni tal-Estremiżmu Vjolenti.