|
14.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 212/14 |
Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar it-tisħiħ tal-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba f’avvenimenti sportivi ewlenin
(2016/C 212/07)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,
FILWAQT LI JIEĦDU NOTA TA’:
|
1. |
Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2014, dwar il-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2014–2017) li waħda mit-tliet prijoritajiet ewlenin tiegħu hija l-integrità fl-isport; |
|
2. |
Il-prinċipji ta’ governanza tajba fl-isport ipprovduti mill-Grupp ta’ Esperti dwar il-Governanza Tajba fl-2013 u l-prinċipji ta’ gwida relatati mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura ta’ aġġudikazzjoni għal avvenimenti sportivi ewlenin, ipprovduti minn dan il-grupp ta’ esperti f’Jannar 2016 (1); |
|
3. |
Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, b’mod partikolari dwar l-aspetti ta’ wirt b’enfasi fuq is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali, maħruġa mill-Grupp ta’ Esperti dwar id-Dimensjoni Ekonomika tal-Isport f’Jannar tal-2016 (2); |
|
4. |
Inizjattivi globali (3) inklużi l-inizjattivi tal-moviment internazzjonali tal-isport bħall-Aġenda Olimpika 2020 adottata mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali matul il-127 sessjoni tiegħu li saret fit-12 ta’ Diċembru 2014, li tinkorpora rakkomandazzjonijiet iddedikati b’mod partikolari għal kwistjonijiet ta’ integrità u li jagħmlu l-iżvilupp sostenibbli parti integrali ta’ avvenimenti sportivi ewlenin inkluż il-Logħob Olimpiku (4); |
WAQT LI JENFASIZZAW LI:
|
5. |
Avvenimenti sportivi ewlenin (5) huma opportunitajiet attraenti għaċ-ċelebrazzjoni tal-prestazzjoni, tal-valuri u tal-benefiċċji tal-isport f’kuntest nazzjonali u internazzjonali. Avvenimenti sportivi ewlenin jistgħu jkunu pjattaforma pożittiva għall-isport billi jattiraw attenzjoni kbira fost l-isportivi, il-partijiet ikkonċernati u l-pubbliku ġenerali bil-potenzjal li jispiraw adulti u tfal biex jipparteċipaw fl-isport; |
|
6. |
Avvenimenti sportivi ewlenin jista’ jkollhom rwol importanti fl-iżvilupp tar-reġjun jew tal-belt u jiksbu ħafna f’termini ta’ impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali, jekk dan ikun ippjanat sew mill-aktar stadju bikri possibbli. Il-wirt u s-sostenibbiltà ta’ avvenimenti sportivi ewlenin jistgħu jkunu sinifikanti kemm għal-leġittimità ta’ avvenimenti sportivi ewlenin kif ukoll għall-appoġġ għalihom; |
|
7. |
Fil-kuntest ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, jiġu mqajma kwistjonijiet rilevanti ta’ integrità u governanza bħat-teħid ta’ deċiżjonijiet demokratiku u trasparenti, ir-responsabbiltà, l-iżvilupp sostenibbli u l-wirt pożittiv, id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll il-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u ta’ theddid għall-integrità tal-isport, bħad-doping, it-tbagħbis tal-logħob u l-vjolenza; |
|
8. |
Billi l-avvenimenti sportivi ewlenin jiġbdu ħafna attenzjoni u hemm involuti interessi finanzjarji u ekonomiċi kbar, dawn ikunu vulnerabbli għal proċessi li jistgħu jippreġudikaw l-integrità tal-isport – u b’hekk avvenimenti sportivi ewlenin ma jkunux biss pjattaforma, iżda prova notevoli għall-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba, inklużi s-sostenibbiltà u l-wirt; |
KONXJI DWAR:
|
9. |
L-isfidi li jiffaċċaw l-organizzazzjonijiet sportivi, l-awtoritajiet pubbliċi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, il-mezzi tal-informazzjoni, kumpaniji u sħab oħra biex id-dispożizzjonijiet u l-faċilitajiet isiru sostenibbli u jagħmlu arranġamenti xierqa għal avveniment sportiv ewlieni fil-fażijiet kollha tiegħu (fattibilità, kandidatura, tħejjija, organizzazzjoni, evalwazzjoni, wirt); |
|
10. |
Trasparenza limitata, f’ċerti każijiet, fil-proċeduri u l-proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet matul il-fażijiet kollha ta’ avvenimenti sportivi ewlenin kemm min-naħa tal-aġġudikaturi kif ukoll min-naħa tal-entitajiet tal-kandidatura; u l-implimentazzjoni limitata tal-prinċipji ta’ governanza tajba fost il-federazzjonijiet sportivi internazzjonali; |
|
11. |
Ir-rekwiżiti finanzjarji, tekniċi, politiċi u leġislattivi u l-ispejjeż assoċjati (6) għal avvenimenti sportivi ewlenin kif ukoll kandidaturi dejjem aktar kompetittivi, u possibbilment “kandidaturi eċċessivi” li jwasslu għal eskalazzjoni korrispondenti fl-ispejjeż involuti biex wieħed jospita dawn l-avvenimenti, u b’hekk pajjiżi u bliet iżgħar tal-UE jiġu esklużi milli jikkandidaw ruħhom għal tali avvenimenti u jospitawhom; |
|
12. |
L-irtirar ta’ għadd ta’ bliet u pajjiżi kandidati mill-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi ewlenin fl-UE, is-sehem dejjem iżgħar ta’ avvenimenti sportivi ewlenin li jsiru fl-UE u t-tnaqqis fil-livell ta’ appoġġ miċ-ċittadini Ewropej biex jospitaw dawn l-avvenimenti sportivi (7); |
|
13. |
L-interess dejjem akbar tal-pajjiżi tal-UE u l-federazzjonijiet sportivi biex jospitaw b’mod konġunt avvenimenti sportivi ewlenin f’għadd ta’ pajjiżi, reġjuni u bliet; |
WAQT LI JISSOTTOLINJAW:
|
14. |
Ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali involuti f’avvenimenti sportivi ewlenin, pereżempju fil-finanzjament, l-infrastruttura, il-protezzjoni ambjentali, is-sikurezza u s-sigurtà, kif ukoll l-ippjanar, u l-iżgurar tas-sostenibbiltà u tal-wirt ta’ avvenimenti sportivi ewlenin; |
|
15. |
L-organizzazzjonijiet sportivi huma mistennija jimmaniġġjaw l-isports tagħhom f’konformità mal-prinċipji bażiċi u rikonoxxuti ta’ governanza tajba, bħat-trasparenza, proċessi demokratiċi, kontrolli u bilanċi u solidarjetà, fid-dawl tal-organizzazzjoni awtoregolata tal-isport; |
|
16. |
L-importanza ta’ djalogu u kooperazzjoni msaħħa u kontinwi bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet sportivi, bl-appoġġ ta’ djalogu xieraq bejn l-UE u l-moviment internazzjonali tal-isport, li jwassal għall-kondiviżjoni tal-valuri tal-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll għal ftehimiet u arranġamenti konġunti li jieħdu kont tar-responsabbiltajiet u l-interessi ta’ xulxin; |
GĦALDAQSTANT JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI,
B’KONT MEĦUD TAL-PRINĊIPJU TA’ SUSSIDJARJETÀ:
|
17. |
Jippromwovu u jimplimentaw l-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba f’avvenimenti sportivi ewlenin, matul il-fażijiet kollha tal-avveniment (fattibilità, kandidatura, tħejjija, organizzazzjoni, evalwazzjoni, wirt), inkluż il-perijodu wara l-għeluq tal-avveniment, li jindirizzaw is-sħab kollha fl-avveniment, b’inizjattivi bħal li:
|
|
18. |
Jiżguraw wirt fit-tul u pożittiv ta’ avvenimenti sportivi ewlenin bħala parti minn governanza tajba, kif ukoll is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali fil-kuntest tal-iżvilupp urban u reġjonali fi Stati Membri tal-UE; |
JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:
|
19. |
Jinkorporaw l-integrità, it-trasparenza, il-governanza tajba, is-sostenibbiltà u l-wirt ta’ avvenimenti sportivi ewlenin f’ħidma futura dwar l-isport fil-livell tal-UE, inklużi l-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni u diskussjonijiet dwar suġġetti rilevanti b’rabta ma’ avvenimenti sportivi ewlenin; |
|
20. |
Jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ kriterji u proċeduri relatati mal-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba, inklużi s-sostenibbiltà u l-wirt, ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, fejn xieraq, abbażi ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet eżistenti u f’konformità ma’ standards u dikjarazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti, li jistgħu jintużaw bħala punti ta’ riferiment mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali għall-appoġġ pubbliku għal avvenimenti sportivi ewlenin; |
|
21. |
Jidentifikaw u jiżviluppaw mudelli għal kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat u l-iskambju ta’ prattiki tajbin rigward din il-kooperazzjoni, li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali meta jidħlu fi ftehimiet ta’ sħubija għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi ewlenin b’attenzjoni speċifika għal avvenimenti sportivi li jsiru f’diversi pajjiżi, reġjuni u bliet; |
JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:
|
22. |
Tniedi studju dwar l-ospitar ta’ avvenimenti sportivi ewlenin f’diversi pajjiżi u reġjuni fi ħdan l-UE, b’kont meħud tal-possibbiltà ta’ ostakli amministrattivi u leġislattivi fil-livell nazzjonali u dak Ewropew u l-impatti mistennija ta’ tali avvenimenti; |
|
23. |
Tappoġġa proġetti transnazzjonali u, fejn rilevanti, riċerka indipendenti dwar l-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba ta’ avvenimenti sportivi ewlenin inkużi aspetti ta’ sostenibbiltà u wirt, fil-qafas ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE bħal Erasmus+ u Orizzont 2020; |
|
24. |
Tħeġġeġ il-kondiviżjoni u l-pubblikazzjoni ta’ prattiki tajbin u esperjenzi ta’ tagħlim u tiffaċilita t-trasferiment tal-għarfien bejn l-Istati Membri tal-UE u l-moviment tal-isport dwar l-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, inklużi l-aspetti ta’ sostenibbiltà u wirt kif ukoll tappoġġa u tħeġġeġ l-identifikazzjoni u, jekk meħtieġ, l-iżvilupp ta’ metodi u għodod, inkluż:
|
|
25. |
Tiżviluppa sistema ta’ monitoraġġ ħafif, bħal bord ta’ twegħid jew permezz tal-użu tal-Patt Globali tan-NU, biex jitkejjel il-progress lejn l-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba għal organizzazzjonijiet ospitanti ta’ avvenimenti sportivi ewlenin fl-Istati Membri tal-UE; |
JISTIEDNU L-MOVIMENT INTERNAZZJONALI TAL-ISPORT, FILWAQT LI JITTIEĦED KONT TAL-AWTONOMIJA TAL-ISPORT, JIKKUNSIDRA LI:
|
26. |
Jkompli jorganizza avvenimenti sportivi ewlenin aċċessibbli u attraenti li huma pjattaforma għall-valuri pożittivi tal-isport u r-rwol tal-isport fis-soċjetà u l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali; |
|
27. |
Jinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta’ prinċipji bażiċi ta’ governanza tajba li jwasslu għal trasparenza, proċessi demokratiċi, kontrolli u bilanċi u solidarjetà fir-rigward tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi ewlenin u li jikkonforma ma’ standards internazzjonali rikonoxxuti u jipparteċipa f’inizjattivi bħall-Patt Globali tan-NU, il-Prinċipji ta’ Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u ISO 26000 u 20121; |
|
28. |
Jippromwovi, jimplimenta u jissorvelja l-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba f’avvenimenti sportivi ewlenin, matul il-fażijiet kollha tal-avveniment inklużi l-fattibilità, il-kandidatura, it-tħejjija, l-organizzazzjoni, l-evalwazzjoni u l-wirt, u jindirizza l-partijiet ikkonċernati kollha involuti bħala sħab fl-avveniment; |
|
29. |
Juża proċeduri trasparenti u demokratiċi matul il-fażijiet kollha ta’ avvenimenti sportivi kbar u jesiġi li s-sħab kollha jagħmlu dan, b’attenzjoni speċjali għall-infurmar u l-involviment tal-organizzazzjonijiet sportivi nazzjonali, reġjonali u lokali, il-pubbliku ġenerali u għar-rapportar indipendenti, l-awditjar, l-evalwazzjoni u r-responsabbiltà; |
|
30. |
Jiżviluppa u jippubblika katalogu ta’ rekwiżiti realistiċi fil-fażi ta’ kandidatura ta’ avvenimenti sportivi ewlenin inklużi proċeduri tal-għażla trasparenti u kriterji tal-għażla rilevanti għall-aġġudikazzjoni ta’ avvenimenti sportivi ewlenin fir-rigward ta’ kwistjonijiet speċifiċi ta’ integrità bħad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll il-prevenzjoni tal-forom kollha ta’ diskriminazzjoni, u ta’ theddid għall-integrità tal-isport, bħad-doping, it-tbagħbis tal-logħob u l-vjolenza; |
|
31. |
Jippromwovi b’mod attiv is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali u wirt pożittiv u fit-tul ta’ avvenimenti sportivi ewlenin bħala parti mill-governanza tajba, fir-rekwiżiti tal-kuntratt bejn l-organizzazzjoni ospitanti u s-sorveljanza tal-avveniment (8); |
JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, LILL-KUMMISSJONI EWROPEA U LILL-MOVIMENT SPORTIV INTERNAZZJONALI, FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:
|
32. |
Jissoktaw u jintensifikaw id-djalogu bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-moviment tal-isport dwar l-integrità, it-trasparenza u l-governanza tajba inklużi s-sostenibbiltà u l-wirt ta’ avvenimenti sportivi ewlenin; |
|
33. |
Jaqblu fuq aġenda kondiviża, billi jibdew fl-ewwel istanza mill-Moviment Olimpiku u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-futbol responsabbli, u bl-għan li jespandu għal federazzjonijiet sportivi internazzjoni oħra, sabiex tittejjeb l-integrità, il-governanza tajba u t-trasparenza fil-fażijiet kollha ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, u jindirizzaw il-partijiet ikkonċernati kollha involuti fis-sħubija meħtieġa biex jiġu organizzati dawn l-avvenimenti, biex b’hekk jattivaw il-potenzjal pożittiv u s-sostenibbiltà u l-wirt ta’ avvenimenti ewlenin u terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE; |
|
34. |
Iwettqu azzjonijiet komuni bħal:
|
|
35. |
Jorganizzaw djalogu regolari f’livell għoli fil-qafas tad-djalogu strutturat tal-UE dwar l-isport (9), b’rappreżentanti governattivi, rappreżentanti tal-moviment Olimpiku Ewropew u dak internazzjonali u federazzjonijiet sportivi Ewropej u internazzjonali involuti f’avvenimenti sportivi ewlenin, u esperti indipendenti, fejn xieraq. Abbażi ta’ aġenda u azzjonijiet kondiviżi, kif imsemmija fil-paragrafu 34, is-suġġetti dwar avvenimenti sportivi ewlenin, fejn il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet sportivi jikkondividu responsabbiltajiet, u jiskambjaw informazzjoni, jistgħu jiġu diskussi. |
(1) Dok. 14183/13 u l-Grupp ta’ Esperti dwar il-Governanza Tajba (XG GG) - Prinċipji ta’ Gwida relatati mad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura ta’ aġġudikazzjoni ta’ avvenimenti sportivi ewlenin, dokument finali 13 ta’ Jannar 2016.
(2) Il-Grupp ta’ Esperti dwar id-Dimensjoni Ekonomika tal-Isport (XG ECO) - Rakkomandazzjonijiet dwar avvenimenti sportivi ewlenin, b’mod partikolari dwar l-aspetti ta’ wirt b’enfasi fuq is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali. (Ir-Rapport tal-XG ECO).
(3) Pereżempju, id-Dikjarazzjoni ta’ Berlin adottata mill-Ħames Konferenza Internazzjonali ta’ Ministri u Uffiċjali Għoljin responsabbli għall-Edukazzjoni Fiżika u l-Isport (MINEPS V) 28-30 ta’ Mejju 2013.
(4) Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (2014): Olympic Agenda 2020, 20 + 20 recommendations.
(5) Il-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar id-Dimensjoni Ekonomika tal-Isport jiddefinixxi “avveniment sportiv ewlieni” bħala avveniment organizzat minn pajjiż, reġjun jew belt ospitanti jew diversi minnhom u fejn jipparteċipaw delegazzjonijiet internazzjonali differenti bl-għan li jipprattikaw sport wieħed jew aktar. Tali avvenimenti ta’ spiss huma kkaratterizzati minn sfidi ewlenin u loġistiċi. Avvenimenti sportivi ewlenin għandhom profil medjatiku internazzjonali għoli, jilqgħu’ bosta eluf ta’ nies, fosthom sostenituri, ġurnalisti, gruppi tekniċi u uffiċjali, u ta’ spiss huma organizzati fuq diversi ġranet konsekuttivi.
(6) Pereżempju, spejjeż operattivi u infrastrutturali, relatati mal-avveniment, it-trasport u l-akkomodazzjoni, spejjeż ta’ sikurezza u ta’ sigurtà.
(7) Hover, P. et al. (2016): Integrity and sport events, position paper. Utrecht: Mulier Instituut (Marzu 2016).
(8) Ir-rapport tal-XG ECO, partikolarment ir-rakkomandazzjonijiet 1 sa 7 u 21.