|
23.12.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 481/21 |
Pubblikazzjoni ta’ talba ta’ reġistrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2016/C 481/11)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (*1)
“VITELLONI PIEMONTESI DELLA COSCIA”
Nru tal-KE: IT-PGI-0005-01198 — 18.2.2014
IĠP ( X ) DOP ( )
1. Denominazzjoni
“Vitelloni Piemontesi della coscia”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew alimentari
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.1: Laħam frisk (u l-ġewwieni)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih tapplika d-denominazzjoni fil-punt 1
L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Vitelloni Piemontesi della coscia” tintuża għal-laħmijiet miksuba mit-tbiċċir tal-bovini maskili u femminili tar-razza tal-Pjemonte reġistrati fil-Ktieb Ġenealoġiku rilevanti jew ulied il-ġenituri li t-tnejn ġew reġistrati fil-Ktieb Ġenealoġiku, ta’ età akbar minn 12-il xahar, imrobbijin u msemmnin, minn meta jinfatmu sa ma jinqatlu, fiż-żona tal-produzzjoni.
Il-karkassi li minnhom jiġi l-laħam tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia” huma valutati skont “l-iskala tal-klassifikazzjoni Komunitarja għall-karkassi tal-annimali adulti tal-ifrat” Il-kategoriji: A karkassi ta’ annimali maskili żgħar mhux imsewwija ta’ inqas minn sentejn; C karkassi ta’ annimali maskili msewwija; E karkassi ta’ annimali femminili oħrajn. Klassi ta’ konformazzjoni: S, E u U. Għall-kategorija E tista’ tintuża l-klassifikazzjoni R.
Grad ta’ kopertura ta’ xaħam: 1, 2. Il-piż tal-karkassa kiesħa għandu jkun aktar minn: 360 kg għall-kategorija A; 260 kg għall-kategorija E; 320 kg għall-kategorija C;
Il-piż akkwistat wara l-qatla għandu jkun 62 % jew aktar għall-annimali maskili u 59 % jew aktar għall-annimali femminili u l-imsewwija.
Il-laħam għandu jimmatura għal ta’ mill-anqas 4 ijiem mid-data tal-qatla.
Il-pH tal-karkassi 24 siegħa wara l-qatla għandu jkun anqas minn 6. Il-pH jitkejjel fil-muskolu Longissimus thoracis.
Il-kulur tal-laħam jista’ jvarja bejn roża u aħmar ċar miftuħ.
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
Wara li jinfatmu, f’età ta’ bejn 3 u 8 xhur, u sal-qatla, l-alimentazzjoni tal-bovini tissejjes fuq doża ta’ foraġġ u doża ta’ għalf ikkonċentrat. F’ mill-anqas 70 % tagħha, dik taal-ewwel hija magħmula minn mergħat naturali jew ikkoltivati li jappartjenu għaż-żona tal-produzzjoni. Dik tatt-tieni hija magħmula minn għalf sempliċi jew kompost, li jista’ jiżdiedlu kwalunkwe suppliment ta’ minerali jew vitamini jew addittivi permessi mil-liġi. Iċ-ċereali u l-prodotti sekondarji taċ-ċereali għandhom jikkostitwixxu aktar minn 60 % tal-kontenut tal-għalf totali.
Il-foraġġ li jikber fiż-żona tal-produzzjoni, magħmul l-aktar minn ħxejjex u għelejjel tal-legumi, fih karatteristiċi bromatoloġiċi eċċellenti li jirriżultaw f’żieda notevoli fl-effiċjenza tal-għalf, kif ukoll tas-sustanzi l-oħra li jipprovdu l-enerġija. Dan jiġġustifika l-inklużjoni, fl-għalf użat fit-trobbija tal-Vitelloni Piemontesi della coscia, ta’ doża għolja ta’ ċereali li anke huma jiġu mkabbra fiż-żona ta’ produzzjoni, meħtieġa biex jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ enerġija għolja ta’ dawn il-bovini. B’dan il-mod hu possibbli li jiġu prodotti karkassi b’rendiment mill-aqwa wara l-qatla, b’ammont ġust ta’ xaħam, żvilupp eċċezzjonali tal-muskolu, riżerva tajba ta’ glikoġenu li hu neċessarju biex ibaxxi l-pH tal-karkassa, tant meħtieġ biex il-laħam jiġi kkonservat kif għandu jkun.
3.5. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
It-trobbija u t-tixħim tal-bovini jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.
—
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
It-tikketta fiha d-denominazzjoni “Vitelloni Piemontesi della coscia” u l-logo tad-denominazzjoni, il-kliem “Indicazione Geografica Protetta” u t-taqsira tagħha I.G.P. u s-simbolu tal-Unjoni Ewropea. It-tikketta għandha turi d-denominazzjoni tal-bejgħ “bovino adulto” kif previst fil-liġi nazzjonali li hemm fis-seħħ.
Dan huwa l-logo tad-denominazzjoni:
4. Delimitazzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia” hi magħmula mit-territorju amministrattiv li hu speċifikat hawn taħt:
ir-Reġjun tal-Piemonte: Il-provinċji ta’ Alessandria, Asti, Cuneo u Torino. Il-provinċja ta’ Biella limitata għall-komuni ta’ Benna, Biella, Borriana, Camburzano, Candelo, Cavaglià, Cerretto Castello, Cerrione, Cossato, Crosa, Donato, Dorzano, Gaglianico, Graglia, Lessona, Magnano, Massazza, Mongrando, Mottalciata, Muzzano, Netro, Occhieppo Inferiore, Occhieppo Superiore, Pollone, Ponderano, Quaregna, Roppolo, Sala Biellese, Salussola, Sandigliano, Sordevolo, Strona, Valdengo, Verrone, Villanova Biellese, Vigliano Biellese, Viverone, Torrazzo, Zimone, Zubiena, Zumaglia. Il-provinċja ta’ Novara limitata għall-komuni ta’ Agrate Conturbia, Barengo, Bellinzago Novarese, Biandrate, Bogogno, Borgomanero, Borgo Ticino, Briga Novarese, Briona, Caltignaga, Cameri, Carpignano Sesia, Casaleggio Novara, Castellazzo Novarese, Cavaglietto, Cavaglio d’Agogna, Cressa, Cureggio, Fara Novarese, Fontaneto d’Agogna, Galliate, Gattico, Ghemme, Gozzano, Invorio, Landiona, Mandello Vitta, Mezzomerico, Momo, Novara, Oleggio, Oleggio Castello, Paruzzaro, Recetto, Romagnano Sesia, San Nazzaro Sesia, San Pietro Mosezzo, Sillavengo, Sizzano, Suno, Vaprio d’Agogna, Veruno, Vicolungo. Il-provinċja ta’ Vercelli limitata għall-komuni ta’ Albano Vercellese, Alice Castello, Arborio, Balocco, Bianze’, Borgo d’Ale, Buronzo, Carisio, Casanova Elvo, San Giacomo Vercellese, Cigliano, Crescentino, Crova, Desana, Fontanetto Po, Formigliana, Gattinara, Ghislarengo, Greggio, Lamporo, Lenta, Livorno Ferraris, Moncrivello, Palazzolo Vercellese, Ronsecco, Rovasenda, Saluggia, San Germano Vercellese, Santhia’, Trino, Tronzano Vercellese, Villarboit.
ir-Reġjun tal-Liguria: Il-provinċja ta’ Savona limitata għall-komuni ta’ Altare, Arnasco, Balestrino, Bardineto, Bormida, Cairo Montenotte, Calizzano, Carcare, Casanova Lerrone, Castelbianco, Castelvecchio di Rocca Barbena, Cengio, Cosseria, Dego, Erli, Giusvalla, Magliolo, Mallare, Massimino, Millesimo, Mioglia, Murialdo, Nasino, Onzo, Osiglia, Pallare, Piana Crixia, Plodio, Pontinvrea, Roccavignale, Sassello, Toirano, Urbe, Vendone, Zuccarello. Il-provinċja ta’ Imperia limitata għall-komuni ta’ Apricale, Armo, Aquila d’Arroscia, Aurigo, Borghetto d’Arroscia, Borgomaro, Caravonica, Castel Vittorio, Cesio, Chiusanico, Chiusavecchia, Cosio d’Arroscia, Diano Arentino, Diano San Pietro, Isolabona, Lucinasco, Mendatica, Montegrosso Pian Latte, Perinaldo, Pigna, Pieve di Teco, Pontedassio, Pornassio, Ranzo, Rezzo, Triora, Vessalico, Villa Faraldi.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
L-abbundanza tal-ilma u l-fertilità tal-artijiet huma kundizzjonijiet taż-żona ta’ produzzjoni li jipprovdu kundizzjonijiet favorevoli li joħolqu l-ambjent ġust għat-trobbija tradizzjonali tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia”. Disgħin fil-mija tal-art agrikola definita tintuża għall-produzzjoni taċ-ċereali u l-foraġġ. F’din iż-żona l-ħamrija u l-kundizzjonijiet klimatiċi flimkien mal-abbundanza tal-ilma tat-tisqija jippermettu l-produzzjoni ta’ għalf bi kwalitajiet nutrittivi eċċellenti f’termini ta’ enerġija u proteina, b’riżultati għoljin għal kull ettaru, b’mod li jissodisfaw tajjeb l-eżiġenzi nutrittivi għoljin tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia”, grazzi għall-karatteristiċi tal-prodott indikati fil-punt 5.2. Il-produzzjoni tal-għalf u ċ-ċereali taż-żona ġeografika speċifikata tippermetti l-espressjoni sħiħa tal-potenzjal ġenetiku tar-razza tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia”.
Barra minn hekk, l-idoneità taż-żona għall-produzzjoni tal-foraġġ u ċ-ċereali tippermetti u tiżgura l-integrazzjoni mill-qrib u konsolidata bejn il-fażijiet tat-trobbija tal-baqar li jreddgħu tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia”, li jingħataw aċċess prijoritarju għaż-żoni tal-mergħat u l-foraġġ, filwaqt li ċ-ċereali prodotti fiż-żona l-aktar fertili jintużaw biex isemmnu l-“Vitelloni Piemontesi della coscia” qabel il-qatla. Għalhekk hemm rabta kbira bejn iż-żona fejn jitkabbar l-għalf u t-trobbija tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia”.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Il-laħam tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia” ġej mill-karkassi li jiżnu aktar mill-piż standard, jagħtu riżultat aħjar mal-qatla u fit-tqaxxir u fih ftit jew ftit ħafna xaħam fil-karkassa. Dawn il-bovini huma differenti minn razez oħra minħabba l-aspetti anatomiċi u fiżjoloġiċi speċifiċi, grazzi għal mutazzjoni ġenetika naturali, li tfaċċat fl-1886, fil-Pjemonte, fil-provinċja ta’ Cuneo. Il-karattru “della coscia” li jiddistingwi din il-merħla minn oħrajn ġej mill-azzjoni ta’ ġene speċifiku li jinsab fil-kromosoma 2, magħrufa bħala l-ġene tal-mijostatina Grazzi għal din il-mutazzjoni speċifika, l-azzjoni tal-ġene ma tistax twettaq aktar l-funzjoni regolatorja tagħha fuq il-produzzjoni tal-mijostatina, u dan jirriżulta fi tkabbir muskolari straordinarju li hu partikolarment viżibbli fuq ir-robbu ta’ wara tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia” u li jipproduċi l-kwalitajiet organolettiċi li huma apprezzati b’mod partikolari mill-konsumaturi, il-kontenut estremament baxx tax-xaħam, il-kontenut għoli tal-proteina u l-kulur li jvarja minn roża għal aħmar ċar. Il-mutazzjoni, li taffettwa l-iżvilupp tal-muskolu, b’mod partikolari dak tas-sieq, tipproduċi tkabbir aħjar, karkassi itqal u, fuq kollox, riżultati aħjar fil-qatla u t-tqaxxir. Il-potenzjal ġenetiku li hu determinat minn din il-mutazzjoni hu espress b’mod ottimali grazzi għall-għalf, ġestit mill-allevaturi skont tradizzjoni stabbilita matul is-snin, li hi prinċipalment u konvejentement imsejsa fuq il-foraġġ u ċ-ċereali lokali.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DOP) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP)
Il-karattru tal-coscia, deskitt fil-punt 5.2, kif jidher fiż-żona ta’ produzzjoni, l-għażla li ssegwi tal-merħla mill-allevaturi, il-ħiliet sodi maniġerjali tagħhom biex irabbu l-merħla bil-karatteristiċi elenkati fil-punt 3.2, l-abbundanza tal-ilma u l-fertilità tal-art fiż-żona ġeografika definita, l-istess isem li jfakkar ir-razza u l-art tal-oriġini, huma kollha aspetti li jiddefinixxu l-kuntest li fihom l-laħam jiġi prodott.
It-trobbija tal-“Vitelloni Piemontesi della Coscia” hija riżultat ta’ sinerġija bejn l-ambjent, ir-razza u l-għarfien espert tal-bniedem li seħħet f’kuntest territorjali speċifiku. Il-konsumaturi jirrikonoxxu li l-laħam mill-“Vitelloni Piemontesi della Coscia”, prodott f’din iż-żona minn din ir-razza, huwa espressjoni tal-prodott ta’ kwalità u ta’ proċess ta’ kwalità. Dawn huma r-raġunijiet għaliex il-konsumaturi jagħrfu li l-valur tas-suq tal-laħam tal-“Vitelloni Piemontesi della Coscia” huwa ferm akbar minn ta’ kull tip ieħor ta’ prodott.
Id-denominazzjoni tal-“Vitelloni Piemontesi della Coscia” tgawdi reputazzjoni li tmur lura għall-bidu tas-seklu 20 kif hemm xhieda fit-taħdit komuni u fil-kummerċ, fil-listi tal-prezzijiet ta’ kull ġimgħa tas-swieq lokali l-aktar popolari fiż-żona ta’ produzzjoni u fir-riċerka xjentifika.
Dawn ir-referenzi jinkludu:
|
— |
l-avviżi tas-suq ta’ kull ġimgħa ta’ Fossano, mill-1985; |
|
— |
l-avviżi annwali tal-prezzijiet tal-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura ta’ Cuneo, mill-1984; |
|
— |
mill-1983 sal-2008 fil-kapitlu “Mercati e Prezzi” tar-rivista tas-settur agrarju L’informatore Agrario, taħt it-titlu “bovini”, jidhru l-prezzijiet elenkati għad-denominazzjoni “Vitelloni Piemontesi della coscia” fis-suq ta’ Cuneo. |
|
— |
sa mill-1994, il-lista uffiċjali tal-prezzijiet ta’ kull ġimgħa għas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ta’ Chiavasso; |
It-terminu “Vitelloni Piemontesi della coscia” marbut mal-laħam jintuża anke fi pubblikazzjonijiet xjentifiċi, kif jagħtu xhieda dawn il-pubblikazzjonijiet li ġejjin.
|
— |
artiklu ppubblikat fir-rivista xjentifika internazzjonali “Meat Scienze” (89 (2011) 84-90), bit-titlu “Genetic parameters of carcass and meat quality traits of double muscled Piemontese Cattle” li fih tissemma’ d-denominazzjoni “Vitelloni Piemontesi della coscia” fil-kapitlu 2 Material and method, il-paragrafu 2.1 animal, beek samples and data. |
|
— |
il-paġni 9 u 13 tal-pubblikazzjoni I bovini piemontesi della “coscia” in rapporto al problema carne. ta’ R. Raimondi. – l-“Accademia Economico-Agraria dei Gergofili”, iġibu ritratti tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia”. |
Dan kollu msemmi hawn fuq juri l-importanza u t-tradizzjoni storika tal-laħam tal-“Vitelloni Piemontesi della coscia”.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(L-Artikolu 5(7), tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
Din l-Amministrazzjoni tat bidu għall-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta tal-IGP “Vitelloni Piemontesi della Coscia” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 268 tal-15 ta’ Novembru 2013.
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/MT/IDPagina/3335
jew
billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Prodotti DOP e IGP” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP e STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di produzione all’esame dell’UE”.
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(*1) Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.