20.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 476/3


Notifika ta’ bidu dwar il-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u mill-Indoneżja, wara r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet adottati mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fit-tilwima tal-UE — il-Miżuri Antidumping fuq il-bijodiżil (DS473)

(2016/C 476/04)

Din in-notifika hija ppubblikata skont l-Artikoli 1(1)(a) u 2 tar-Regolament (UE) 2015/476 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq antidumping u antisussidji (1) (“ir-Regolament ta’ abilitazzjoni tad-WTO”).

Fis-26 ta’ Ottubru 2016 il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO (DSB - Dispute Settlement Body) adotta r-rapport tal-bord, kif immodifikat mir-Rapport tal-Korp tal-Appell (“ir-Rapporti”) (2), fit-tilwima tal-Unjoni Ewropea — il-Miżuri Antidumping fuq il-bijodiżil mill-Arġentina (DS473).

Fir-rapport tal-Korp tal-Appell, instab fost l-oħrajn li l-UE aġixxiet b’mod inkonsistenti fir-rigward:

tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim dwar l-Antidumping tad-WTO (“ADA” - Anti-Dumping Agreement), billi naqset milli tikkalkula l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat abbażi tar-reġistri miżmuma mill-produtturi;

tal-Artikolu 2.2 tal-ADA u l-Artikolu VI:1 (b)(ii) tal-GATT 1994 billi ma użatx l-ispiża tal-produzzjoni fl-Arġentina meta kkalkulat il-valur normali ta’ bijodiżil;

tal-Artikolu 9.3 tal-ADA u tal-Artikolu VI: 2 tal-GATT 1994 billi imponiet dazji antidumping li jaqbżu l-marġini ta’ dumping li kellhom jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 2 tal-ADA u l-Artikolu VI:1 tal-GATT 1994, rispettivament.

Fir-rapport tal-bord instab fost l-oħrajn li l-UE aġixxiet b’mod inkonsistenti fir-rigward:

tal-Artikoli 3.1 u 3.4 tal-ADA meta eżaminat l-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq l-industrija domestika, sa fejn dan l-eżami kien jirrigwarda l-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità.

1.   Bidu ta’ rieżami

Il-Kummissjoni wara li infurmat lill-Istati Membri skont l-Artikoli 1(3) u 2(3) tar-Regolament ta’ abilitazzjoni tad-WTO, b’dan, qiegħda tagħti bidu għal rieżami abbażi tal-Artikoli 1(3) u 2(3) tar-Regolament ta’ abilitazzjoni tad-WTO. L-għan ta’ dan ir-rieżami huwa sabiex il-miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Arġentina jkunu konformi ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta’ hawn fuq li jinsabu fir-Rapporti. Il-Kummissjoni tosserva li l-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Indoneżja huma suġġetti għal tilwima pendenti tad-WTO, l-Unjoni Ewropea — il-Miżuri Antidumping fuq il-bijodiżil mill-Indoneżja (DS480). F’din it-tilwima, l-Indoneżja qajmet essenzjalment l-istess oġġezzjonijiet bħal tal-Arġentina f’DS473. Peress li l-interpretazzjonijiet legali li jinsabu fir-Rapporti jidhru li huma wkoll rilevanti għall-investigazzjoni li tirrigwarda lill-Indoneżja, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li l-miżuri antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Indoneżja jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ dan ir-rieżami. Il-miżura li jenħtieġ li tkun konformi mal-liġi tad-WTO hija r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013 tad-19 ta’ Novembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (3) (“ir-Regolament (UE) Nru 1194/2013”). Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-rieżami huwa limitat għall-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinħadem il-valur normali tagħha, kif ukoll għall-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità sabiex jiġi stabbilit l-impatt tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija domestika. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-konsegwenzi li r-rieżami jista’ jkollu fuq elementi oħra tar-Regolament (UE) Nru 1194/2013. Ir-rieżami se jsir abbażi ta’ fatti eżistenti fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-Regolament 1194/2013, jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012, u fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2012, li huwa l-perjodu kkunsidrat biex jiġu analizzati x-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu.

Ir-Regolament (UE) Nru 1194/2013 jista’ jiġi mħassar jew emendat sabiex ikun hemm konformità mar-rakkomandazzjonijiet, mad-deċiżjonijiet u mal-interpretazzjonijiet legali tad-DSB. Madankollu, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ abilitazzjoni tad-WTO, kull miżura addottata bħala konsegwenza tar-rieżami preżenti mhux se jkollha effett retroattiv, jiġifieri din ikollha effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma għandhiex isservi bħala bażi għar-rimborż tad-dazju li jkun inġabar qabel din id-data.

2.   Proċedura

Skont l-Artikoli 1(2) u 2(2) tar-Regolament ta’ abilitazzjoni tad-WTO, il-Kummissjoni hawnhekk qed titlob lill-partijiet interessati, inklużi lill-produtturi esportaturi fl-Arġentina u fl-Indoneżja u lill-industrija tal-Unjoni, biex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex l-informazzjoni miksuba matul l-investigazzjoni li rriżultat fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1194/2013 tkun sħiħa. Sabiex jagħmlu dan u sabiex jieħdu sehem f’dan ir-rieżami, il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, preferibbilment bil-posta elettronika, immedjatament iżda sa mhux iktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex jippreżentaw irwieħhom.

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu wkoll li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ jenħtieġ li ssir bil-miktub u li tispeċifika r-raġunijiet għaliex tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tar-rieżami, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

3.   Komunikazzjoni

Il-partijiet interessati kollha se jiġu infurmati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom huwa previst li jitħassar jew jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1194/2013, u se jingħataw l-opportunità li jikkummentaw f’perjodu ta’ mill-inqas għaxart ijiem.

4.   Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u sabiex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija kif ukoll il-korrispondenza.

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta li huma suġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti espliċitament lill-Kummissjoni biex a) tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-finijiet ta’ dan il-proċediment għad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-Avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Limited” (Ristretti) (4).

Il-partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Ristretta” huma mitlubin jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-analiżi mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitlubin, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ ittra elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jitressqu fuq CD-ROM jew DVD personalment jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Brussels

BELGIUM

Posta elettronika: Trade-R658-Biodiesel@ec.europa.eu

5.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskritti stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jiġu stabiliti konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab illi xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni mhux minnha jew qarrieqa, tali informazzjoni ma titqiesx u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u l-konklużjonijiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Jekk ma tintbagħatx tweġiba bil-kompjuter, dan ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ koperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba kienet tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew fi spejjeż żejda mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja l-Kummissjoni immedjatament.

6.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandu jiġi speċifikat ir-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

7.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Id-dejta personali kollha miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (5).


(1)  ĠU L 83, 27.3.2015, p. 6.

(2)  WTO, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, AB-2016-4, WT/DS473/AB/R, is-6 ta’ Ottubru 2016 (“ir-rapport tal-Korp tal-Appell”). WTO, ir-Rapport tal-Bord, WT/DS473/R, id-29 ta’ Marzu 2016 (“rapport tal-bord”).

(3)  ĠU L 315, 26.11.2013, p. 2.

(4)  Dokument “Limited” (Ristrett) huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21) (“ir-Regolament bażiku”) u l-Artikolu 6 tal-ADA. Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.