|
18.10.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 384/15 |
Notifika ta’ bidu ta’ rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ħjut tal-poliesteru ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
(2016/C 384/07)
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba għal rieżami tressqet minn Taylor Wessing f’isem American & Efird (A&E Europe) (“l-applikant”), importatur ta’ tipi speċifiċi ta’ ħjut tal-poliesteru b’tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”).
Ir-rieżami huwa limitat għall-eżaminazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott fir-rigward tal-kjarifika jekk ċerti tipi ta’ prodotti, jiġifieri ħjut tal-ħjata mhux miżbugħin, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping applikabbli fuq importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteru ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fil-pajjiż ikkonċernat.
2. Il-prodott li qed jiġi rieżaminat
Il-prodott suġġett għal dan ir-rieżami huwa l-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja (minbarra l-ħajt tal-ħjata), li ma jkunx għall-bejgħ bl-imnut, inkluż il-monofilament ta’ inqas minn 67 decitex (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM 5402 20 00.
3. Il-miżuri eżistenti
Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1105/2010 (2).
Fit-28 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteru ta’ tenaċità għolja, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (3). Sakemm titlesta l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza, il-miżuri jibqgħu fis-seħħ.
4. Raġunijiet għar-rieżami
L-applikant jitlob l-esklużjoni tal-ħjut tal-ħjata mhux miżbugħin mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping eżistenti u jitlob li jiġu emendati l-kriterji tal-esklużjoni skont dan: “il-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja (apparti l-ħjut mibrumin f’‘Z’ lesti biex jinżebgħu u biex jirċievu trattament tal-aħħar, impoġġija fuq irfid, ta’ piż li ma jaqbiżx 2 000 g (inkluż l-irfid)), mhux għall-bejgħ bl-imnut, inklużi monofilamenti ta’ inqas minn 67 decitex, attwalment taħt il-Kodiċi NM ex5402 20 00 u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”.
It-talba skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku hija bbażata fuq evidenza prima facie pprovduta mill-applikant li turi li l-karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi tal-prodotti li għandhom jiġu esklużi jvarjaw b’mod sinifikanti minn dawk tal-prodott li qed jiġi rieżeminat.
5. Proċedura
Hekk kif iddeterminat, wara li nfurmat lill-Istati Membri, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami interim parzjali, il-Kummissjoni tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitat għall-eżaminazzjoni tal-iskop tal-prodott.
Kull Regolament li jista’ jirriżulta minn dan ir-rieżami jista’ jkollu effett retroattiv sa mid-data tal-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti, jew b’mod alternattiv, minn data iktar tard, pereżempju d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet interessati kollha, u b’mod partikolari l-importaturi, huma mistiedna jressqu l-fehmiet tagħhom dwar din il-kwistjoni, u jissottomettu kull evidenza li tappoġġa dawn il-fehmiet.
5.1. Is-sottomissjonijiet bil-miktub
Il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jippreżentaw fehmiethom, iressqu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Sabiex tkun tista’ tikseb l-informazzjoni li hija tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant bħala importatur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tibgħat kwestjonarji lill-partijiet interessati li ppreżentaw ruħhom. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
5.2. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
5.3. Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti b’mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li l-informazzjoni u/jew id-dejta jiġu provduti lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.
Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-Avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta minn partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali jeħtieġu li jkunu mmarkati bħala “Limited” (Ristretti) (4). Kull talba għal trattament kunfidenzjali trid tiġi ġustifikata b’mod xieraq.
Partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Limited” (Ristretta) huma mitluba li jagħtu ġabriet fil-qosor mhux kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni fuq bażi kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ ittra elettronika u jinkludu prokuri u dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skennjati, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jitressqu fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu tagħhom u jeħtieġu jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu ta’ posta reġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati jeħtieġ li jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade |
|
Directorate H |
|
Office: CHAR 04/039 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
|
Posta elettronika: TRADE-R653-HTY-PRODUCT-SCOPE@ec.europa.eu |
6. Nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru konklużjonijiet abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.
In-nuqqas milli tingħata risposta kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata teħtieġ li tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.
7. L-Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.
It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll opportunitajiet sabiex issir seduta ta’ smigħ li tinvolvi lill-partijiet u li tippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-miżuri kurrenti.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.
8. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
9. L-ipproċessar ta’ dejta personali
Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5).
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1105/2010 tad-29 ta’ Novembru 2010 li jimponi dazju definittiv tal-antidumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan ĠU L 315, 1.12.2010, p. 1.
(3) Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ħjut tal-poliesteri ta’ tenaċità għolja li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2015/C-397/05) ĠU C 397 28.11.2015, p. 10.
(4) Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).