20.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/46


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 304/08)

Din il-pubblikazzjoni tagħti id-dritt li wieħed jopponi għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“OLIO DI CALABRIA”

Nru tal-UE: IT-PGI-0005-01314 – 20.2.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Olio di Calabria”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Meta jinħareġ għall-konsum, iż-żejt straverġni taż-żebbuġa b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Olio di Calabria” għandu jkun konformi mal-kriterji elenkati hawn taħt.

Karatteristiki organolettiċi:

Kulur: bejn ħadrani u isfar lewn it-tibna, b’varjazzjonijiet fil-kulur skont kemm ikun ilu jimmatura ż-żejt.

Riħa u togħma:

Deskrittur

Medjan

Frott taż-żebbuġ

2 – 8 (*)

Karatteristiki aromatiċi speċifiċi: ta’ ħaxix u/jew qaqoċċ u/jew fjuri

> 2 - ≤ 8

Morr

3 - 6

Pikkanti

4 - 6

Karatteristiki kimiċi u fiżiċi:

Aċidu olejku (%): ≥ 70;

Aċidità (%): ≤ 0,50

Valur tal-perossidu (meq O2/Kg): ≤ 12 meq O2/kg;

Spettrofotometrija UV K232: ≤ 2,20;

Spettrofotometrija UV K270: ≤ 0,20;

Fenoli - Total ta’ polifenoli: ≥ 200 ppm.

Il-parametri tal-kwalità li mhumiex imsemmija b’mod speċifiku għandhom, fi kwalunkwe każ, ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-UE dwar iż-żejt straverġni taż-żebbuġa.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Olio di Calabria” tirreferi b’mod esklussiv għaż-żejt straverġni taż-żebbuġa prodott minn żebbuġ li ġej minn dawn il-varjetajiet lokali, u li huma komuni fir-reġjun (il-varjetajiet ewlenin): Carolea, Dolce di Rossano (Sinonimu: Rossanese), Sinopolese (Sinonimu: Chianota, Coccitana), Grossa di Gerace (Sinonimu: Mammolese, Geracitana, Dolce), Tondina (Sinonimu: Roggianella), Ottobratica (Sinonimu: Dedarico, Perciasacchi), Grossa di Cassano (Sinonimu: Cassanese), Tonda di Strongoli, preżenti weħidhom jew flimkien, fi kwantità ta’ mhux inqas minn 90 %. L-10 % l-oħra tista’ tkun ġejja minn varjetajiet lokali inqas komuni: Nostrana, Spezzanese, Santomauro, Dolce di Cerchiara, Tombarello, Ciciarello, Zinzifarica, Galatrese, Tonda di Filocaso, Tonda di Filadelfia, Borgese, Pennulara, Mafra, Vraja, Agristigna, Corniola. Sa 3 % tal-kwantità tista’ tkun ġejja minn varjetajiet nazzjonali oħra, li jiffunzjonaw bħala pollinaturi.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha tal-proċess tal-produzzjoni: il-kultivazzjoni, il-ħsad u t-teħid taż-żejt iridu jsiru fiż-żona ġeografika definita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. li għalihom qed tirreferi d-denominazzjoni reġistrata

Wara l-estrazzjoni, iż-żejt għandu jinżamm f’kontenituri tal-azzar inossidabbli jew f’kontenituri magħmula minn materjal ieħor adattat għall-ħżin taż-żejt. Dawn għandhom ikunu nodfa għalkollox u m’għandu jkun fihom l-ebda residwu ta’ deterġenti, u għandhom jinħażnu f’post frisk u xott f’temperatura ta’ bejn 12 °C u 20 °C sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ ħżin taż-żejt taż-żebbuġa straverġni, u biex jiġi evitat li jseħħu bidliet mhux mixtieqa fil-karatteristiki kimiċi u organolettiċi tipiċi tal-prodott. Qabel jiġi ppakkjat, iż-żejt irid jiġi ddikantat b’mod naturali, jew jiġi ffiltrat jew mgħoddi minn sistema fiżika oħra ta’ tisfija sabiex jitneħħew kwalunkwe residwu mill-ipproċessar (jiġifieri naqal jew ilma veġetali). Rigward il-ħżin f’kontejners, jistgħu jintużaw gassijiet inerti. L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Olio di Calabria” għandha tiġi rilaxxata għall-konsum f’reċipjenti xierqa mgħammra b’tikketta, bħal fliexken magħmula minn ħġieġ skur, ċeramika jew fuħħar, jew laned li jesgħu sa massimu ta’ 5 litri.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih qed tirreferi d-denominazzjoni reġistrata

Mal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Olio di Calabria” ma tista’ tiżdied l-ebda deskrizzjoni li mhix stipulata b’mod espliċitu f’din l-Ispeċifikazzjoni tal-prodott, inklużi dawn l-aġġettivi li ġejjin: “fine” (fin), “scelto”(magħżul), “selezionato” (selezzjonat), “superiore” (superjuri). Jistgħu jidhru referenzi affidabbli u li jistgħu jiġu vverifikati li jiddeskrivu l-metodi tal-produtturi individwali jew it-tekniki ta’ produzzjoni, pereżempju: “monovarietale” (minn varjetà waħda), segwita mill-isem tal-varjetà użata, “raccolto meccanicamente” (żebbuġ maħsud b’mod mekkaniku), eċċ., soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-korp ta’ spezzjoni.

Huwa permess l-użu sinċier ta’ ismijiet, ismijiet tal-azjendi u ditti privati, sakemm dawn ma jkollhomx sinifikat ta’ tfaħħir u ma jkunux ta’ tip li jqarraq bil-konsumatur.

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Olio di Calabria”, għandha tidher fuq it-tikketta b’karattri ċari u li ma jitħassrux, b’mod li tkun distinta mill-informazzjoni l-oħra pprovduta. Fuq it-tikketta għandu jidher ukoll il-logo ta’ hawn taħt. It-tikketta għandha tispeċifika s-sena tal-produzzjoni taż-żebbuġ. Fejn applikabbli, tista’ ssir referenza għall-fatt li ż-żejt ġie prodott b’mod organiku.

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni taż-żejt straverġni taż-żebbuġa b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Olio di Calabria” tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tar-reġjun tal-Calabria.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Fiż-żoni fejn jitkabbar iż-żebbuġ użat għall-produzzjoni taż-żejt straverġni taż-żebbuġa b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Olio di Calabria”, il-klima hija kkaratterizzata minn staġun fiss ta’ xita li jdum minn Diċembru sa Frar, b’temperaturi minimi li jistgħu jinżlu sa 8 °C, li hu segwit minn sajf sħun u bi ftit xita, minn Mejju sa Settembru, b’temperaturi li ta’ spiss huma ogħla minn 32 °C f’Lulju u Awwissu, meta jkun hemm perjodi twal ta’ nixfa, kif jixhed il-perċentwal baxx ta’ xita, ta’ 10 % jew inqas tat-total annwali ta’ xita (600 mm bħala medja).

Il-klima hija moderata bi sjuf nixfin, magħrufa bħala “Mediterranja”.

Barra minn hekk, il-ħamrija li l-aktar li jikbru fiha s-siġar taż-żebbuġ hija ta’ tip u kompożizzjoni varjata bħala riżultat ta’ avvenimenti ġeoloġiċi u tettoniċi kumplessi li wasslu għall-ħolqien ta’ struttura li tikkonsisti primarjament minn għadd ta’ akwiferi kristallini magħrufa kollettivament bħala Arco Calabro, li rriżultaw mid-deformazzjoni tal-qoxra oċeanika u kontinentali.

It-temperaturi għoljin u l-perjodi twal ta’ nixfa fis-sajf jikkostitwixxu fattur ambjentali importanti li fuqu jiddependu diversi parametri tal-kwalità tal-prodott, bħal pereżempju l-kontenut ta’ fenoli u l-kompożizzjoni tal-aċidika tiegħu, u b’mod partikolari l-livelli ta’ aċidu olejku li jagħtu lill-prodott il-karattru speċifiku tiegħu.

L-ispeċifiċità tal-prodott finali hija dovuta għall-fatt li jistgħu jintużaw biss varjetajiet awtoktoni, billi minimu ta’ 90 % tal-kompożizzjoni taż-żejt għandu jkun ikkostitwit minn żebbuġ ta’ varjetajiet indiġeni. Dan minħabba li, kif iddokumentat minn bosta sorsi biblijografiċi, żjut minn varjetajiet indiġeni tal-Kalabrija, li fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott huma msemmija bħala l-varjietajiet ewlenin, anki individwalment għandhom il-karatteristiki fiżiċi, kimiċi u organolettiċi xierqa li huma konformi mal-ispeċifikazzjonijiet indikati. (Minn fost il-pubblikazzjonijiet dwar dan is-suġġett, jiġi ssuġġerit Olive Germplasm - The Olive Cultivation, Table Olive and Olive Oil Industry in Italy editjat minn I. Muzzalupo, INTECH books, ISBN 978-953-51-0883-2, Novembru 2012)

L-użu ta’ dawn il-varjetajiet prevalenti fil-fatt jippermetti l-produzzjoni ta’ żejt b’karatteristiki kimiċi u sensorjali omoġenji u speċifiċi, li huma distinti b’mod ċar u li jwasslu għal profil li l-konsumatur jista’ jagħraf faċilment. Fost “l-ispeċifikazzjonijiet sensorjali” taż-żejt straverġni taż-żebbuġa b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Olio di Calabria” insibu l-ewwel nett l-aroma tal-frott taż-żebbuġ aħdar jew li jkun għadu kemm beda jiskura, u sfumaturi ta’ riħa ta’ fjuri u ta’ qaqoċċ, akkumpanjati minn aroma persistenti ta’ ħaxix maħsud, weraq u tadam (aħdar/misjur). Il-palat tal-“Olio di Calabria” jiddistingwi ruħu bis-saħħa tal-istruttura armonjuża tal-komponenti differenti tiegħu, li jagħtuh togħma moderatament morra u pikkanti minħabba l-kontenut medjament għoli ta’ fenoli.

Fir-rigward tal-isem “Olio di Calabria”, dokument ewlieni mill-1992 jiċċertifika l-eżistenza u r-reġistrazzjoni tal-isem “Olio di Calabria” mal-Uffiċċju tal-Privattivi ta’ dak li qabel kien il-Ministeru tal-Industrija, tal-Kummerċ u l-Artiġjanat bħala denominazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa tar-reġjun.

Dokumentazzjoni addizzjonali dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żjut, li għal darb’oħra tinkludi l-“Olio di Calabria”, tinsab f’għadd ta’ fatturi li saru fil-perjodu 1975 – 2014.

Barra minn hekk, dokumenti mill-1865 fihom evidenza dwar kummerċ fiż-żejt taż-żebbuġa mill-Kalabrija li tiddeskrivi l-kwalità tal-prodott; din tindika li ċerti żoni ġeografiċi tar-Reġjun tal-Kalabrija kienu fornituri tad-Dar Irjali ta’ Bourbon.

L-għan li tittejjeb il-kwalità taż-żejt mill-Kalabrija u li l-produzzjoni tiegħu tiġi protetta sabiex jiġi kkumerċjalizzat prodott ta’ kwalità dejjem ogħla jidher b’mod evidenti mill-fatt li Digriet Irjali tal-1888 stabbilixxa f’Palmi (reġjun tal-Kalabrija)… “pressa sperimentali taż-żejt għat-titjib taż-żejt taż-żebbuġa”…(“L’Olio Vergine di Oliva – un approccio alla valorizzazione”, Sciancalepore Vito, Hoepli edizioni, 2002 pp. 141-143),

Din l-evidenza dokumentata turi li r-rabta bejn il-Kalabrija u ż-żejt taż-żebbuġa ilha teżisti.

Barra minn hekk, l-isforzi tal-produtturi mill-Kalabrija biex jipproduċu żejt taż-żebbuġa straverġni ta’ kwalità m’għandhomx jiġu injorati bħala fattur li kkontribwixxa għall-assoċjazzjoni tal-Kalabrija maż-żejt, jiġifieri r-rabta bejn l-art u l-prodott, prodott li kine kapaċiu jadatta l-prattiki tal-biedja tradizzjonali għall-kundizzjonijiet ambjentali lokali. Dawn l-isforzi kienu rikonoxxuti u ppremjati bosta drabi f’diversi kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali.

Kompetizzjonijiet u premjijiet internazzjonali

L-ewwel post fid-IX, it-XII, l-XIV u d-XIX-il edizzjoni (mill-2001 sal-2011) tal-Premju Nazzjonali “Ercole Oliario” taż-Żejt taż-Żebbuġa Straverġni ta’ Kwalità (Premio Naz.le Olio Extravergine d’Oliva di Qualità “Ercole Oliario”)

It-tieni post fis-XVII-il edizzjoni tal-Premju Nazzjonali “Ercole Oliario” taż-Żejt taż-Żebbuġa Straverġni ta’ Kwalità (Premio Naz.le Olio Extravergine d’Oliva di Qualità “Ercole Oliario”) tal-2009

Midalja tad-deheb fl-edizzjonijiet tal-2004, l-2006 u l-2009 tal-Fiera tal-Kontea ta’ Los Angeles taż-Żejt taż-Żebbuġa mid-Dinja Kollha (Los Angeles County Fair Olive Oils of the World)

Premju għall-aqwa Żejt taż-Żebbuġa Straverġni Organiku tas-Sena - Straverġni - gwida għall-aqwa żjut ta’ kwalità ċċertifikata fid-dinja (L’Extravergine -Guida ai Migliori Oli del Mondo di Qualità Accertata) - fl-edizzjonijiet tal-2005, l-2009 u l-2010

It-tieni post fl-Ewwel Kompetizzjoni Dinjija waqt l-Expo ta’ Shanghai tal-2010

It-tielet post fl-edizzjoni tal-2009 tal-Premju Montiferru

Gold Prestige TERRAOLIVO fl-edizzjonijiet tal-2011 u tal-2012

L-għadd kbir ta’rikonoxximenti miksuba tul dawn l-aħħar snin għen biex ir-reputazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa tal-Kalabrja tittejjeb u tiġi kkonsolidata fost in-negozjanti u l-konsumaturi bħala reputazzjoni marbuta ma’ żejt b’karatteristiki definiti sewwa, li permezz ta’ rikonoxximent xieraq kieku jingħata l-protezzjoni xierqa, livell tajjeb ta’ promozzjoni u l-kontroll kollu meħtieġ.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit web li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew

billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fin-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP e IGP STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u billi fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(*)  CVr% inqas minn jew ugwali għal 20