29.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 276/1


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Gwida għall-Istati Membri dwar l-għażla ta' korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji

(2016/C 276/01)

WERREJ

1.

Referenzi u testi regolatorji 2

2.

Sfond 2

3.

L-għażla ta’ korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji 4

3.1.

L-għażla f’konformità mar-regoli u l-prinċipji tal-akkwist pubbliku 4

3.1.1.

L-għażla f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE jew id-Direttiva 2014/24/UE 4

3.1.2.

Taħt il-limiti massimi tad-Direttiva: l-għażla f’konformità mal-prinċipji tat-Trattat 7

3.2.

Nomina tal-BEI 7

3.3.

Nomina tal-FEI 8

3.4.

Nomina ta’ istituzzjoni finanzjarja internazzjonali 8

3.5.

Aġġudikazzjoni in-house 9

3.5.1.

Il-kundizzjonijiet għall-għoti lil entitajiet in-house sakemm tkun trasposta d-Direttiva 2014/24/UE jew sat-18 ta’ April 2016 skont liema jiġi l-ewwel. 9

3.5.2.

Il-kundizzjonijiet għall-għoti lil entitajiet in-house wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE (Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24/UE) jew wara t-18 ta’ April 2016. 11

3.6.

Kooperazzjoni inter-amministrattiva 14

3.6.1.

Il-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni interamministrattiva sakemm tkun trasposta d-Direttiva 2014/24/UE jew sat-18 ta’ April 2016 skont liema jiġi l-ewwel. 15

3.6.2.

Il-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni interamministrattiva wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE jew wara t-18 ta’ April 2016 16

3.7.

Rekwiżiti tal-Artikolu 7 tas-CDR 17

3.7.1.

Kriterji tal-għażla 17

3.7.2.

Kriterji tal-għoti 18

3.7.3.

Elementi għat-termini ta’ referenza 19

4.

Referenza, links 19

1.   Referenzi u testi regolatorji

Referenzi regolatorji

Artikoli

Ir-Reg. (UE) Nru 1303/2013 (1)

Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni

(minn hawn ‘il quddiem CPR, Common Provisions Regulation)

Artikolu 37(1) – Strumenti finanzjarji

Artikolu 38(4) u (5) – Implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji

Ir-Reg. (UE) Nru 480/2014 (2)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni

(minn hawn ‘il quddiem CDR, Commission Delegated Regulation)

Artikolu 7 – Il-kriterji għall-għażla tal-korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013

 

Id-Direttiva 2004/18/KE

 

Id-Direttiva 2014/24/UE

 

2.   Sfond

L-awtoritajiet ta’ ġestjoni li lesti jużaw strumenti finanzjarji bħala għodda biex jintlaħqu l-objettivi tal-programm jistgħu jew iwettqu kompiti ta’ implimentazzjoni direttament, jinvestu fil-kapital ta’ entità legali maħluqa ġdida jew eżistenti jew jafdaw il-kompiti ta’ implimentazzjoni lil korpi oħra (3). F’dan l-aħħar każ, l-Artikolu 38(4)(b) tas-CPR jipprevedi possibbiltajiet differenti biex jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji. Din in-nota timmira li tipprovdi kjarifiki dwar il-possibbiltajiet ta’ tali affidament (4).

L-istrumenti finanzjarji jistgħu jiġu implimentati permezz ta’ struttura b’fond ta’ fondi jew mingħajru. Fil-każ li l-istrumenti finanzjarji jkunu implimentati permezz ta’ struttura li tinkludi fond ta’ fondi, normalment jintgħażlu żewġ livelli ta’ korpi: il-korp li jimplimenta l-fond ta’ fondi u l-korpi li jimplimentaw il-prodott(i) ta’ strumenti finanzjarji speċifiċi, jiġifieri intermedjarji finanzjarji (it-tnejn imsejħa hawn taħt bħala korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji). L-awtorità ta’ ġestjoni tiddeċiedi dwar l-aktar struttura implimentattiva adatta b’kunsiderazzjoni tas-sejbiet tal-valutazzjoni ex ante meħtieġa taħt l-Artikolu 37(2) tas-CPR.

Is-CPR jidentifika diversi tipi ta’ entitajiet li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jistgħu jafdawlhom kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji mingħajr ma jispeċifikaw il-proċeduri li jeħtieġ li jiġu segwiti għal tali affidament.

Madankollu, l-Artikolu 37(1) tas-CPR ifakkar fil-prinċipji ġenerali li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jeħtieġ jikkonformaw magħhom, inkluż fl-għażla tal-korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji: huma għandhom jikkonformaw mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari dik dwar l-għajnuna mill-Istat u l-akkwist pubbliku u għalhekk huma responsabbli li jiżguraw, jekk hemm bżonn wara konsultazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-kontroll tal-kompetizzjoni, li r-regoli applikabbli kollha fir-rigward tal-għażla ta’ korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji huma rispettati. Skont l-Artikolu 38(4) tas-CPR, il-korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji għandhom jiżguraw konformità mal-liġi applikabbli (inter alia, l-akkwist pubbliku). L-Artikolu 38(5) tas-CPR li jtenni l-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jgħid ukoll li l-għażla ta’ intermedjarji finanzjarji għandha ssir abbażi ta’ proċeduri miftuħa, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, filwaqt li jiġu evitati kunflitti ta’ interess (5).

Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1) u (2) tas-CDR fih rekwiżiti speċifiċi applikabbli għall-għażla ta’ korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji (bl-eċċezzjoni tal-BEI u l-FEI) u l-Artikolu 7(3) għall-proċedura tal-għażla ta’ intermedjarji finanzjarji minn korpi li jimplimentaw fondi ta’ fondi (inklużi l-BEI u l-FEI).

L-għażla ta’ korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji mhux neċessarjament tikkoinċidi mal-għażla tal-operazzjoni tal-istrument finanzjarju (6).

L-għażla tal-operazzjoni ssir mill-awtorità ta’ ġestjoni (7). Bil-kontra tal-għażla tal-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju, l-għażla tal-operazzjoni mhix soġġetta għar-regoli u l-prinċipji tal-akkwist pubbliku, u lanqas ma hi soġġetta għar-rispett tal-Artikolu 7 tas-CDR.

Soġġett għal numru ta’ sitwazzjonijiet li jaqgħu barra mir-regoli ta’ akkwist pubbliku u li huma spjegati hawn taħt, is-servizzi mwettqa minn korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji stabbiliti skont il-qafas regolatorju tal-FSIE jaqgħu fl-ambitu tar-regoli u l-prinċipji għall-akkwist pubbliku. Għaldaqstant, l-għażla tat-tali entitajiet (kemm jekk korpi li jimplimentaw fondi ta’ fondi kif ukoll jekk intermedjarji finanzjarji) għandha tikkonforma mal-liġi applikabbli.

L-identifikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku applikabbli (id-Direttiva 2004/18/KE jew id-Direttiva 2014/24/UE) tiddependi fuq id-data meta l-awtorità kontraenti tniedi l-proċedura tal-għażla (8) (jiġifieri l-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm li tkun qed tixtri s-servizzi ta’ entità għall-implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju) jew fuq id-data tad-deċiżjoni li tintuża proċedura negozjata mingħajr sejħa minn qabel għall-kompetizzjoni biex jingħata l-kuntratt kif ukoll fuq id-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE. F’każijiet ta’ kooperazzjoni in-house u interamministrattiva, id-data meta l-awtorità kontraenti tiddeċiedi b’mod definittiv li mhu ser tinħareġ l-ebda sejħa minn qabel għall-kompetizzjoni għall-għoti tal-kuntratt pubbliku (9), hija rilevanti sabiex ikun determinat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza jew id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24/UE japplikawx (ara t-taqsimiet 3.4 u 3.6 hawn taħt) (10).

It-18 ta’ April 2016 kienet l-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/21/UE fil-liġi nazzjonali. Il-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati qabel dik id-data għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet kontraenti. Wara dik id-data, anki fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni mill-Istati Membri, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24/UE. Mit-18 ta’ April 2016, id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva, inklużi dawk dwar kooperazzjoni in-house u interamministrattiva, għandhom ikunu kompletament rispettati.

Bi tkomplija fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), id-Direttiva 2014/24/UE speċifikament tindirizza l-affidament ta’ kompiti lil entitajiet pubbliċi proprjetà ta’ awtorità kontraenti u kkontrollati minnha (kooperazzjoni vertikali, jew “in-house”) kif ukoll kooperazzjoni interamministrattiva (kooperazzjoni orizzontali). Sad-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE, l-għoti ta’ kuntratti fil-kuntest taż-żewġ tipi ta’ kooperazzjoni għandu jirrispetta l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza (ara t-taqsimiet 3.5.1 u 3.6.1 hawn taħt).

Għandu jiġi nnutat li l-identifikazzjoni possibbli fi programmi tal-FSIE ta’ korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji ma teżentax lill-awtoritajiet kontraenti milli japplikaw ir-regoli u l-prinċipji tal-akkwist pubbliku fl-għażla tat-tali korpi.

3.   L-għażla ta’ korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji

3.1.    L-għażla f’konformità mar-regoli u l-prinċipji tal-akkwist pubbliku

Barra mis-sitwazzjonijiet deskritti hawn taħt u barra mill-każ fejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jiddeċiedu li jimplimentaw direttament strument finanzjarju skont l-Artikolu 38(4)(c) tas-CPR, huma għandhom jagħżlu korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji f’konformità mar-regoli u l-prinċipji tal-akkwist pubbliku. Dawn ir-regoli għandhom jiġu rispettati wkoll minn korpi intermedji (11) u korpi li jimplimentaw fond ta’ fondi li huma awtoritajiet kontraenti.

L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew f’isimhom għandu jikkonforma mal-prinċipji tat-TFUE, u b’mod partikolari l-moviment liberu ta’ merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu fornuti servizzi, kif ukoll prinċipji fundamentali relatati oħra bħat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Għal kuntratti pubbliċi ‘l fuq minn ċertu valur, il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku huma koordinati sabiex ikun żgurat li dawk il-prinċipji jingħataw effett prattiku u l-akkwist pubbliku jinfetaħ għall-kompetizzjoni. Għal kuntratti pubbliċi tali, id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku (id-Direttiva 2004/18/KE jew 2014/24/UE) japplikaw.

3.1.1.   L-għażla f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18/KE jew id-Direttiva 2014/24/UE

3.1.1.1.   Limitu massimu

Għal kuntratti ta’ servizz, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18/KE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE jirreferu għal żewġ limiti massimi li ‘l fuq minnhom id-Direttiva rilevanti tapplika (12):

EUR 135 000 għal kuntratti ta’ servizz pubbliku mogħtija minn awtoritajiet kontraenti li huma elenkati bħala awtoritajiet tal-gvern ċentrali fl-Anness IV tad-Direttiva 2004/18/KE, u l-Anness I tad-Direttiva 2014/24/UE;

EUR 209 000 għal kuntratti ta’ provvista pubblika u ta’ servizz pubbliku mogħtija minn tipi oħra ta’ awtoritajiet kontraenti.

F’konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18/KE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE l-limitu massimu japplika għall-valur stmat tas-servizzi li għandhom jiġu provduti mill-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju nett tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

Il-bażi għall-kalkolu tal-valur tal-kuntratt stmat hija, għal servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħra, il-miżati, kummissjonijiet li għandhom jitħallsu, interessi u forom oħra ta’ remunerazzjoni (Artikolu 9(8) tad-Direttiva 2004/18/UE, Artikolu 5(13) tad-Direttiva 2014/24/UE).

3.1.1.2.   Gwida dwar proċeduri ta’ akkwist pubbliku

Il-gwida għall-prattikanti dwar l-evitar tal-aktar żbalji komuni fl-akkwist pubbliku (13) tista’ tintuża b’mod utli bħala referenza mill-awtoritajiet kontraenti anki jekk tkopri akkwisti taħt id-Direttiva 2004/18/KE. Din il-gwida tfakkar f’ċerti punti speċifiċi li jirrikjedu attenzjoni partikolari, bħall-identifikazzjoni tal-offerta, l-għażla tal-proċedura adatta tal-għażla, id-definizzjoni tal-kriterji adatti ta’ esklużjoni, għażla u għoti (filwaqt li tiġi evitata konfużjoni bejniethom), il-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskadenzi applikabbli biex dawk li jitfgħu offerta jingħataw żmien suffiċjenti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ offerta u l-ħtieġa li tkun dokumentata tajjeb l-evalwazzjoni tal-offerti abbażi tal-kriterji mħabbra.

3.1.1.3.   Għażla tal-proċedura

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiddeċiedu dwar l-aktar proċedura ta’ akkwist adatta għall-għażla tal-korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji.

Għal xiri partikolarment kumpless, proċeduri speċifiċi, bħall-proċedura kompetittiva b’negozjar jew id-djalogu kompetittiv (cf l-Artikoli 28 sa 31 tad-Direttiva 2004/18/KE u l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2014/24/UE), huma disponibbli fid-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku, li jippermettu, taħt ċertu kundizzjonijiet, li jkunu akkomodati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-awtorità kontraenti.

Skont l-Artikolu 26(4)(a) tad-Direttiva 2014/24/UE, waħda jew l-oħra minn dawk iż-żewġ proċeduri tista’ tintuża inter alia fil-każ li l-ħtiġijiet tal-awtorità kontraenti ma jistgħux jiġu ssodisfati mingħajr adattament ta’ soluzzjonijiet faċilment disponibbli u fil-każ li l-kuntratt ma jistax jingħata mingħajr negozjati minn qabel minħabba ċirkustanzi speċifiċi relatati man-natura, il-kumplessità jew il-formulazzjoni legali u finanzjarja jew minħabba r-riskji mehmuża magħhom. Huwa f’idejn l-awtorità kontraenti li tivvaluta jekk ċirkostanzi speċifiċi tali jeżistux.

Id-Direttiva tipprevedi wkoll il-possibbiltà li jintużaw l-istess proċeduri fil-każ li proċedura ta’ akkwist falliet. Skont l-Artikolu 26(4)(b) tad-Direttiva 2014/24/UE proċedura kompetittiva b’negozjar jew djalogu kompetettiv jistgħu jintużaw ukoll f’każ li jiġu ppreżentati biss offerti rregolari jew inaċċettabbli bi tweġiba għal proċedura miftuħa jew ristretta. F’sitwazzjoni tali meta l-proċedura tintuża fir-rigward tal-offerenti kollha li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikoli 57 sa 64 tad-Direttiva 2014/24/UE u li, matul il-proċedura miftuħa jew ristretta ta’ qabel, ippreżentaw offerti f’konformità mar-rekwiżiti formali tal-proċedura ta’ akkwist, l-ebda pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt ma hi meħtieġa.

3.1.1.4.   Użu ta’ ftehimiet qafas

Sabiex tkun evitata l-ħtieġa għal modifiki fil-kuntratt u sabiex ikunu ġestiti l-bidliet fl-ambitu tal-kompiti li għandhom jiġu fdati, għall-futur, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jikkunsidraw l-użu ta’ ftehim qafas (14).

Ftehimiet qafas jipprovdu ċertu flessibbiltà fil-ġestjoni ta’ kuntratti ta’ servizzi finanzjarji peress li jippermettu l-aġġustament tal-volum ta’ servizzi għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet kontraenti u/jew għall-benefiċjarji. Peress li mhux dejjem faċli li jkun previst il-volum ta’ domandi li jkunu ġejjin minn benefiċjarji għal strumenti finanzjarji, l-użu ta’ ftehim qafas jista’ jipprovdi l-flessibbiltà meħtieġa biex ikunu koperti volumi aktar baxxi jew ogħla.

Għandu jiġi mfakkar li l-awtoritajiet kontraenti mhumiex obbligati li jagħtu kuntratti speċifiċi wara ftehimiet qafas għall-ammont sħiħ previst. Għaldaqstant, jekk ftehim qafas ikopri bosta tipi ta’ strumenti finanzjarji u strument finanzjarju speċifiku jirriżulta li mhux imfassal tajjeb jew mhux adattat tajjeb għall-ħtiġijiet tar-riċevituri finali, ma hemm l-ebda obbligu li jiġi ffirmat xi kuntratt speċifiku sabiex ikun implimentat tali strument.

L-użu tal-istess kundizzjonijiet għal servizzi finanzjarji differenti jinvolvi r-riskju li l-kundizzjonijiet tal-prezz jew tal-kwalità għal servizz (jew strument) finanzjarju speċifiku wieħed ikunu affettwati minn dawk li jikkonċernaw servizzi finanzjarji oħra anki jekk ma hemm l-ebda rabta materjali bejn iż-żewġ servizzi (jew strumenti). Għal dik ir-raġuni, jekk isir użu minn ftehim qafas, huwa rrakkomandat li jintużaw lottijiet. Dan jippermetti l-valutazzjoni tal-prezz u l-kwalità ta’ kull lott separatament u fuq il-merti proprji tiegħu. L-offerenti jistgħu jaġġustaw l-offerti tagħhom billi jikkumpensaw kundizzjonijiet ekonomiċi jew ta’ kwalità bejn il-lottijiet sabiex jippreżentaw offerti tal-aħjar valur għall-flus għal diversi minn dawn il-lottijiet jew sabiex jagħmlu sforz għal lott speċifiku wieħed adattat aħjar għall-kapaċitajiet speċifiċi tagħhom.

L-awtoritajiet kontraenti huma mogħtija parir janalizzaw qabel iniedu l-proċedura ta’ tfigħ ta’ offerti l-objettivi speċifiċi ta’ kull servizz (jew strument) finanzjarju fir-rigward tal-ambitu tar-riċevituri finali mmirati mill-istrument sabiex ikun definit is-suġġett ta’ kull kuntratt. Il-flessibbiltà ta’ ftehimiet qafas tippermetti kkuntrattar f’każ li l-istrument finanzjarju jkollu suċċess f’termini ta’ domanda kif ukoll ittestjar jekk tip speċifiku ta’ strument finanzjarju jaqbel mal-ħtiġijiet tar-riċevituri finali f’settur tal-ekonomija speċifiku.

Il-valur stmat tal-ftehim qafas (li għandu jkun indikat fl-avviż ta’ kuntratt), ikkalkulat bħala l-valur stmat massimu nett ta’ VAT tal-kuntratti kollha maħsuba għat-terminu totali tal-ftehim qafas, għandu jiġi vvalutat b’kunsiderazzjoni tal-possibbiltà li jkunu koperti żidiet fl-ammont mogħti għall-ġestjoni lill-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju.

Fir-rigward tat-tul tal-ftehim qafas, skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva 2014/24/UE, it-terminu ta’ ftehim qafas ma għandux jaqbeż l-erba’ snin, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati, b’mod partikolari mis-suġġett tal-ftehim qafas. Madankollu, kif iċċarat fil-premessa 62 tad-Direttiva, “filwaqt li kuntratti bbażati fuq ftehim qafas għandhom jingħataw il-kuntratt qabel tmiem l-obbligu tal-ftehim qafas innifsu, id-durata tal-kuntratti individwali bbażati fuq ftehim qafas mhix meħtieġa li tikkoinċidi mad-durata ta’ dak il-ftehim qafas, iżda jista’ jkun, kif adegwat, iqsar jew itwal”.

3.1.1.5.   Modifiki fil-kuntratt

Modifiki fil-kuntratt skont id-Direttiva 2004/18/KE, f’konformità mal-ġurisprudenza applikabbli, huma possibbli biss jekk din l-informazzjoni tkun tqiegħdet disponibbli fl-avviż ta’ sejħa għal offerti lill-offerenti potenzjali kollha u jekk il-modifiki, irrispettivament mill-valur monetarju tagħhom, kienu previsti fid-dokumenti ta’ akkwist inizjali fi klawżoli ta’ reviżjoni ċari, preċiżi u inekwivoki. Jekk dan huwa l-każ, l-awtorità kontraenti jkollha l-possibbiltà li tagħmel użu mill-istess korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju għall-emendi sussegwenti għall-kontribuzzjoni inizjali sal-ammont indikattiv akkwistat. Jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati u l-awtorità kontraenti temenda sostanzjalment kuntratt mingħajr ma terġa’ takkwista, tali emenda tkun tinvolvi bidla fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti inizjali kuntrarju għall-prinċipju ta’ trasparenza u trattament ugwali u għalhekk tikkostitwixxi rregolarità.

Skont id-Direttiva 2014/24/UE, modifiki ta’ kuntratti huma possibbli mingħajr proċedura ta’ akkwist ġdida b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet li ġejjin u diment li l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 72 tad-Direttiva huma rispettati:

fejn il-modifiki ġew previsti fid-dokumenti ta’ akkwist inizjali fi klawżoli ta’ reviżjoni ċari u inekwivoki li jistabbilixxu l-ambitu u n-natura ta’ modifiki jew opzjonijiet possibbli kif ukoll il-kundizzjonijiet li jistgħu jintużaw taħthom. Il-klawżoli ma għandhomx jipprevedu modifiki jew opzjonijiet li jkunu jalteraw in-natura ġenerali tal-kuntratt jew il-ftehim qafas. Sabiex tkun koperta l-possibbiltà li l-kontribuzzjoni tal-programm fl-istrument finanzjarju tiżdied aktar tard, l-awtorità kontraenti għandha, meta tkun qed takkwista s-servizzi finanzjarji rilevanti, tistima kontribuzzjonijiet tal-programm addizzjonali possibbli ex ante u l-impatt tagħhom fuq il-valur tal-kuntratt stmat.

għal servizzi addizzjonali mill-kuntrattur oriġinali li saru neċessarji u li ma kienux inklużi fl-akkwist inizjali, fejn bidla tal-kuntrattur ma tistax issir għal raġunijiet ekonomiċi u tkun tikkawża inkonvenjenza sinifikattiva jew duplikazzjoni sostanzjali tal-ispejjeż għall-awtorità kontraenti. F’konformità mal-Artikolu 72, kwalunkwe żieda fil-prezz ma għandhiex taqbeż il-50 % tal-valur tal-kuntratt oriġinali. Fil-każ li jsiru diversi modifiki suċċessivi, dik il-limitazzjoni tapplika għall-valur ta’ kull modifika. Tali modifiki konsekuttivi ma għandhomx ikunu mmirati lejn l-evitar tad-Direttiva;

fejn il-ħtieġa għal modifika rriżultat minħabba ċirkustanzi li awtorità kontraenti diliġenti ma setgħetx tipprevedi, il-modifika ma talterax in-natura ġenerali tal-kuntratt u ż-żieda fil-prezz mhiex ogħla minn 50 % tal-valur tal-kuntratt jew il-ftehim qafas oriġinali (fil-każ ta’ diversi modifiki suċċessivi japplikaw il-kundizzjonijiet indikati hawn fuq);

fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjalment kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità kontraenti bħala konsegwenza ta’ wieħed minn dawn: (i) klawżola jew opzjoni ta’ reviżjoni inekwivoka f’konformità mal-ewwel punt; (ii) suċċessjoni universali jew parzjali fil-pożizzjoni tal-kuntrattur inizjali, wara ristrutturar korporattiv, inkluża takeover, merġer, akwiżizzjoni jew insolvenza, ta’ operatur ekonomiku ieħor, li tissodisfa l-kriterji għal għażla kwalitattiva inizjalment stabbilita diment li dan ma jinvolvix modifiki sostanzjali oħra għall-kuntratt u mhux immirat biex tiġi evitata l-applikazzjoni tad-Direttiva; jew (iii) fil-każ li l-awtorità kontraenti nnifisha tassumi l-obbligi tal-kuntrattur prinċipali lejn is-sottokuntratturi tiegħu fejn din il-possibbiltà hija prevista taħt il-leġislazzjoni nazzjonali skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva;

fejn il-modifiki, irrispettivament mill-valur tagħhom, mhumiex sostanzjali (15);

fejn il-valur tal-modifika huwa taħt il-limiti massimi ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE u 10 % tal-valur tal-kuntratt inizjali għal kuntratti ta’ servizz. Barra minn hekk, il-modifika ma tistax taltera n-natura ġenerali tal-kuntratt jew il-ftehim qafas. Fejn isiru diversi modifiki suċċessivi, il-valur għandu jkun valutat abbażi tal-valur kumulattiv nett tal-modifiki suċċessivi (li jkun differenti minn hawn fuq).

Konklużjoni:

L-awtoritajiet kontraenti li lesti jżidu l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tal-programm għal strumenti finanzjarji implimentati minn korpi diġà magħżula (taħt il-perjodu ta’ programmar 2007-2013 pereżempju) għandhom jikkontrollaw bir-reqqa jekk il-kundizzjonijiet għal tali modifika tal-kuntratt humiex rispettati.

Barra minn hekk, sabiex ikunu antiċipati żidiet fil-kontribuzzjoni tal-programm sussegwenti possibbli għall-futur, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet kontraenti jipprevedu l-konklużjoni ta’ ftehimiet qafas minflok ma’ jipproċedu b’modifiki fil-kuntratt.

3.1.2.   Taħt il-limiti massimi tad-Direttiva: l-għażla f’konformità mal-prinċipji tat-Trattat

Taħt il-limiti tad-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku, l-għażla ta’ korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji għandha tikkonforma mal-prinċipji tat-Trattat jekk il-kuntratt huwa ta’ interess transkonfini.

Il-prinċipji tat-Trattat li għandhom jiġu rispettati huma dawk tal-moviment liberu ta’ merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu provduti servizzi, kif ukoll it-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, it-trasparenza u l-proporzjonalità.

Il-Kummissjoni, bi tkomplija fuq il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, ħarġet komunikazzjoni interpretattiva bit-titlu “Dritt Komunitarju” applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti mhux jew mhux kompletament soġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar “Akkist Pubbliku” tat-23 ta’ Ġunju 2006 (16) fejn ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawk il-prinċipji huma żviluppati.

F’konformità mal-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni jimplikaw obbligu ta’ trasparenza li jikkonsisti fl-iżgurar, għall-benefiċċju ta’ kwalunkwe offerent potenzjali, ta’ livell ta’ reklamar suffiċjenti sabiex is-suq ikun jista’ jinfetaħ għall-kompetizzjoni. L-obbligu ta’ trasparenza jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi li jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor ikollhom aċċess għal informazzjoni adatta fir-rigward tal-kuntratt qabel ma jingħata, sabiex, jekk ikunu jixtiequ, jkunu f’pożizzjoni li jesprimu l-interess tagħhom li jiksbu dak il-kuntratt.

Dan jirrikjedi l-pubblikazzjoni ta’ reklamar suffiċjentement aċċessibbli qabel l-għoti tal-kuntratt. Dan ir-reklamar għandu jiġi ppubblikat mill-entità kontraenti sabiex l-għoti tal-kuntratt jinfetaħ għall-kompetizzjoni. L-entitajiet kontraenti huma responsabbli biex jiddeċiedu l-aktar mezz adatt għar-reklamar tal-kuntratti tagħhom.

L-obbligi li jirriżultaw mill-prinċipji tat-Trattat japplikaw għal kuntratti taħt il-limiti massimi tad-Direttivi li jippreżentaw interess transkonfini. L-eżistenza ta’ ċerta interess transkonfini għandha tiġi valutata minn entitajiet kontraenti individwali abbażi ta’ evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi individwali tal-każ, bħas-suġġett tal-kuntratt, l-importanza tal-valur stmat tiegħu, flimkien mal-post fejn irid isir ix-xogħol jew il-karatteristiċi tekniċi tal-kuntratt (17), l-ispeċifiċitajiet tas-settur ikkonċernat (id-daqs u l-istruttura tas-suq, prattiċi kummerċjali, eċċ.).

3.2.    Nomina tal-BEI

Il-BEI huwa wieħed mill-korpi identifikati fis-CPR li jistgħu jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni (Artikolu 38(4)(b)(i) tas-CPR).

Peress li r-relazzjoni bejn l-Istati Membri u l-BEI hija rregolata mil-liġi primarja (18), l-aċċess għall-attivitajiet statutorji tal-BEI ma jistax ikun soġġett għal regoli u kundizzjonijiet proċedurali estranji għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tal-BEI taħt il-liġi primarja tal-UE. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku (li huma liġi sekondarja) ma japplikawx għal mandati fir-rigward tal-ġestjoni ta’ strumenti finanzjarji konklużi bejn l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-BEI. Għaldaqstant, kuntratti tali jistgħu jiġu konklużi direttament mal-BEI.

Fejn kuntratt jingħata direttament minn awtorità ta’ ġestjoni lill-BEI għall-implimentazzjoni ta’ fond ta’ fondi, l-BEI jagħżel intermedjarji finanzjarji biex jimplimentaw strumenti finanzjarji abbażi tar-regoli u l-proċeduri interni tiegħu li, peress li l-BEI huwa soġġett għat-Trattat, għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tat-Trattat.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 7(3) tas-CDR, meta l-BEI ulterjorment jafda kompiti ta’ implimentazzjoni lil intermedjarji finanzjarji, l-għażla għandha tirrispetta wkoll ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni (ara t-taqsima 3.7 hawn taħt).

Konklużjoni:

Awtoritajiet ta’ ġestjoni, korpi intermedji u korpi li jimplimentaw fond ta’ fondi li huma awtoritajiet kontraenti jistgħu jikkonkludu direttament mal-BEI, jiġifieri mingħajr proċess kompetittiv (19), mandati fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji.

3.3.    Nomina tal-FEI

Il-FEI kien stabbilit fl-1994 mill-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI (li jirrapreżentaw lill-Istati Membri), abbażi ta’ att ta’ liġi primarja tal-UE (20). L-Att żied Artikolu 30 mal-Istatut tal-BEI, anness għat-Trattat, li jagħti s-setgħa lill-Bord biex jistabbilixxi l-FEI u l-istatuti tiegħu. Skont dak l-Artikolu (minn dakinhar sostitwit b’artikolu ġenerali dwar l-istabbiliment ta’ sussidjarji tal-BEI, l-Artikolu 28 attwali tal-Protokoll (Nru 5) dwar l-Istatut tal-BEI), il-FEI għandu personalità ġuridika u awtonomija finanzjarja simili għal dik tal-BEI.

Skont l-Artikolu 2 tal-Istatut tiegħu, il-kompitu tal-FEI huwa li jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni Ewropea billi jipprovdi garanziji u jieħu parteċipazzjonijiet f’intrapriżi. Barra minn hekk, il-FEI jista’ jkun involut f’attivitajiet oħra konnessi ma’ jew li jirriżultaw minn dawk il-kompiti.

Fejn għandu x’jaqsam il-BEI, il-pożizzjoni tal-FEI hija kkaratterizzata minn rabta mill-qrib mal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-objettivi tiegħu. Il-FEI bi ħsiebu jikkontribwixxi għall-objettivi u l-kompiti tal-Unjoni billi jwettaq attivitajiet biex jinkisbu l-għanijiet tal-Unjoni.

L-Artikolu 2(23) tas-CPR jiddefinixxi l-“BEI”, għall-fini tas-CPR, bħala li jinkludi l-BEI, il-FEI u kwalunkwe sussidjarju (ieħor) tal-BEI. Il-FEI huwa għalhekk identifikat ukoll fis-CPR fost il-korpi li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jistgħu jafdawlhom kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji (Artikolu 38(4)(b)(i) tas-CPR).

B’riżultat tal-istatus speċjali tal-FEI, mandati fir-rigward tal-ġestjoni ta’ strumenti finanzjarji bejn awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-FEI jistgħu jiġu konklużi direttament.

Fejn kuntratt jingħata direttament minn awtorità ta’ ġestjoni lill-FEI għall-implimentazzjoni ta’ fond ta’ fondi, il-FEI jagħżel intermedjarji finanzjarji biex jimplimentaw strumenti finanzjarji abbażi tar-regoli u l-proċeduri interni tiegħu li, peress li l-FEI huwa soġġett għat-Trattat, għandhom jikkonformaw mal-prinċipji tat-Trattat.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 7(3) tas-CDR, meta l-FEI ulterjorment jafda kompiti ta’ implimentazzjoni lil intermedjarji finanzjarji, l-għażla għandha tirrispetta r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni (ara t-taqsima 3.7 hawn taħt).

Konklużjoni:

Awtoritajiet ta’ ġestjoni, korpi intermedji u korpi li jimplimentaw fond ta’ fondi li huma awtoritajiet kontraenti jistgħu jikkonkludu direttament mal-FEI, jiġifieri mingħajr proċess kompetittiv (21), mandati fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji.

3.4.    Nomina ta’ istituzzjoni finanzjarja internazzjonali

L-awtoritajiet ta’ ġestjoni jistgħu jikkunsidraw li jafdaw l-implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju lil istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, kif previst fl-Artikolu 38(4)(b)(ii) tas-CPR.

Is-CPR ma fihiex definizzjoni ta’ istituzzjoni finanzjarja internazzjonali. Istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali jistgħu jiġu definiti bħala istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti minn tal-inqas żewġ pajjiżi bi ftehimiet intergovernattivi biex jipprovdu appoġġ finanzjarju għal attivitajiet ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali. Il-proprjetarji jew l-azzjonisti tagħhom huma ġeneralment gvernijiet nazzjonali iżda jistgħu jkunu wkoll istituzzjonijiet internazzjonali oħra u/jew organizzazzjonijiet oħra.

L-affidament ta’ kompiti għall-implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju lil istituzzjoni finanzjarja internazzjonali jista’ jsir direttament minn awtorità ta’ ġestjoni, diment li l-Istat Membru li nnomina dik l-awtorità ta’ ġestjoni (22) huwa membru tal-istituzzjoni finanzjarja internazzjonali u l-kompiti fdati jaqgħu fil-missjoni statutorja tal-istituzzjoni. Din il-possibbiltà hija miftuħa wkoll taħt l-istess kundizzjonijiet lil korpi intermedji u korpi li jimplimentaw fondi ta’ fondi li huma awtoritajiet kontraenti.

Meta jinnominaw istituzzjoni finanzjarja internazzjonali (ħlief il-BEI u l-FEI), l-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom jikkontrollaw li l-istituzzjoni tikkonforma mal-kriterji ta’ għażla elenkati fl-Artikolu 7(1) u (2) tas-CDR.

Wara l-affidament ta’ kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ fond ta’ fondi lil istituzzjoni finanzjarja internazzjonali minn awtorità ta’ ġestjoni, l-istituzzjoni finanzjarja internazzjonali tista’ tagħżel intermedjarji finanzjarji biex jimplimentaw strumenti finanzjarji. L-għażla ta’ intermedjarji finanzjarji mill-istituzzjoni finanzjarja internazzjonali ssir f’konformità mar-regoli tal-istituzzjoni finanzjarja internazzjonali.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 7(3) tas-CDR, meta l-istituzzjoni finanzjarja internazzjonali ulterjorment tafda kompiti ta’ implimentazzjoni lil intermedjarji finanzjarji, l-għażla għandha tirrispetta wkoll ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni (ara t-taqsima 3.7 hawn taħt).

Konklużjoni:

Awtoritajiet ta’ ġestjoni jistgħu jikkonkludu direttament ma’ istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li l-Istat Membru tagħha huwa membru, jiġifieri mingħajr proċess kompetittiv (23), mandati fir-rigward tal-ġestjoni ta’ strumenti finanzjarji, diment li l-kompiti fdati jaqgħu fil-missjoni statutorja tal-istituzzjoni.

3.5.    Aġġudikazzjoni in-house

L-uniku fatt li ż-żewġ partijiet għal ftehim huma awtoritajiet pubbliċi ma jeskludix l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist pubbliku.

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist pubbliku ma għandhiex tfixkel il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu l-kompiti ta’ servizz pubbliku mogħtija lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom, li tinkludi l-possibbiltà ta’ servizzi in-house.

F’dak il-kuntest, awtorità ta’ ġestjoni tista’ tikkunsidra li tafda l-implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju lil entità in-house  (24). Din hija wkoll possibbiltà għal korpi intermedji u korpi li jimplimentaw fondi ta’ fondi li huma awtoritajiet kontraenti, diment li l-kundizzjonijiet deskritti hawn taħt huma rispettati.

Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE, il-kundizzjonijiet għall-konklużjoni ta’ kuntratti direttament ma’ entitajiet fil-pussess ta’ awtorità kontraenti u kkontrollati minnha (“entitajiet in-house”) kienu definiti b’ġurisprudenza.

Il-kundizzjonijiet li taħthom tali għoti dirett huwa possibbli ġew sussegwentement definiti u mkabbra bid-Direttiva 2014/24/UE. L-issodisfar ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandu jkun valutat bir-reqqa fuq bażi ta’ każ b’każ.

Fin-nomina ta’ entità in-house, il-konformità mal-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 7 tas-CDR għandha wkoll tiġi assigurata.

3.5.1.   Il-kundizzjonijiet għall-għoti lil entitajiet in-house sakemm tkun trasposta d-Direttiva 2014/24/UE jew sat-18 ta’ April 2016 skont liema jiġi l-ewwel.

F’konformità mal-ġurisprudenza, jekk awtorità pubblika li hija awtorità kontraenti tiddeċiedi li ma twettaqx il-kompiti mogħtija lilha fl-interess pubbliku billi tuża r-riżorsi amministrattivi, tekniċi jew oħrajn proprji tagħha, tista’ direttament tagħti l-implimentazzjoni ta’ tali kompiti lil entitajiet oħra meta (i) ikunu 100 % proprjetà pubblika, (ii) teżerċita fuq l-entitajiet ikkonċernati kontroll li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u (iii) dawk l-entitajiet iwettqu l-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħhom għall-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollaw.

3.5.1.1.   Kundizzjoni ta’ sieda pubblika totali.

Fir-rigward tal-ewwel kriterju, 100 % sieda pubblika tal-entità hija meħtieġa.

3.5.1.2.   Kundizzjoni dwar il-kontroll simili

L-awtorità kontraenti għandha teżerċita fuq l-entità kkonċernata kontroll li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess. Dan il-kontroll jista’ jkun eżerċitat individwalment jew b’mod konġunt (25).

Il-kunċett ta’ awtorità kontraenti

Il-kontroll għandu jkun eżerċitat minn awtoritajiet kontraenti fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/24/UE, kif elenkat fl-Anness I tad-Direttiva. Il-kundizzjoni ta’ kontroll effettiv hija għalhekk issodisfata fil-każ pereżempju li dipartiment ta’ Ministeru jrid jikkuntratta ma’ entità in-house tal-Istat u kontroll effettiv huwa eżerċitat minn dipartiment ieħor tal-istess Ministeru permezz tal-parteċipazzjoni fl-istrutturi ta’ governanza tal-entità in-house. Madankolli ma tkunx issodisfata, pereżempju, fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

meta Ministeru ċentrali jrid jikkuntratta ma’ entità in-house tal-Istat u kontroll effettiv huwa eżerċitat minn Ministeru ċentrali ieħor permezz tal-parteċipazzjoni fl-istrutturi ta’ governanza tal-entità in-house.

meta Ministeru reġjonali jrid jikkuntratta ma’ entità in-house tal-Istat u kontroll effettiv huwa eżerċitat minn Ministeru ċentrali permezz tal-parteċipazzjoni fl-istrutturi ta’ governanza tal-entità in-house.

Kontroll simili:

Skont ġurisprudenza riżolta (26), ikun hemm “kontroll simili” fejn l-entità inkwistjoni hija soġġetta għal kontroll li jippermetti lill-awtorità kontraenti tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ dik l-entità. L-awtorità kontraenti ma għandhiex għalfejn teżerċita l-influwenza deċiżiva tagħha fil-prattika, huwa biżżejjed li għandha l-possibbiltà li teżerċitaha.

Is-setgħa eżerċitata għandha tkun setgħa ta’ influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikattivi ta’ dik l-entità (27). Fi kliem ieħor, l-awtorità kontraenti għandha tkun tista’ teżerċita kontroll strutturali u funzjonali fuq dik l-entità. Dan mhux neċessarjament jirrikjedi kontroll operattiv ta’ kuljum (28).

Il-kundizzjonijiet ta’ kontroll simili huwa ssodisfati meta l-awtorità kontraenti tipparteċipa fil-bord superviżorju jew ta’ ġestjoni tal-entità (bank promozzjonali jew tal-iżvilupp pereżempju) u għandha l-possibbiltà li teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikattivi ta’ dik l-entità.

Sabiex tivvaluta jekk l-awtorità kontraenti tistax teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikattivi ta’ dik l-entità, il-QtĠ-UE teżamina (i) jekk hemmx parteċipazzjoni attiva fil-kapital tal-entità, (ii) il-kompożizzjoni tal-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha, u (iii) il-limitu tas-setgħat mogħtija lill-kunsill governattiv tagħha (29).

Skont il-QtĠ-UE, il-parteċipazzjoni ta’ intrapriża privata, anki bħala minoranza, fil-kapital ta’ kumpanija li fiha awtorità kontraenti hija wkoll parteċipant, teskludi l-possibbiltà li l-awtorità kontraenti teżwerċita fuq dik il-kumpanija kontroll simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess (30).

Madankollu, il-fatt li l-awtorità kontraenti li tagħti għandha, waħedha jew flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, il-kapital azzjonarju f’entità, għandu tendenza jindika – ġeneralment, iżda mhux konklużivament – li dik l-awtorità kontraenti teżerċita fuq dik l-entità kontroll simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess (31).

Il-fatt li l-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-entità huma magħmula minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kontraenti proprjetarji tal-entità juri li l-entità hija taħt il-kontroll tal-awtoritajiet kontraenti, li għalhekk għandhom influwenza deċiżiva kemm fuq l-objettivi strateġiċi tal-entità kif ukoll fuq deċiżjonijiet sinifikattivi tagħha.

Jeħtieġ li tkun ikkontrollata il-firxa tas-setgħat mogħtija fuq il-kunsill governattiv tagħha stess biex ikun ivvalutat jekk l-entità hiex orjentata lejn is-suq u għandha tant livell ta’ indipendenza li tirrendi l-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet kontraenti affiljati magħha wieħed dgħajjef.

Il-forma legali tal-kumpanija għandha titqies, minħabba l-fatt li ċerti forom ta’ kumpaniji jista’ jkollhom objettivi indipendentement mill-azzjonisti tagħhom.

Jekk taħt l-istatuti tagħha l-entità timmira li tilħaq l-interessi tal-proprjetarji tagħha u ma għandha l-ebda interess distint minn dak tal-awtoritajiet affiljati kontraenti, dan huwa indikazzjoni ta’ kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti proprji tal-awtorità kontraenti.

Il-kontroll eżerċitat mill-awtoritajiet kontraenti, permezz tal-korpi statutorji, fuq id-deċiżjonijiet ta’ dik l-entità jista’ jitqies bħala li jippermetti lil dawk l-awtoritajiet jeżerċitaw fuq dik l-entità kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

Dan il-kontroll irid ikun effettiv (32). Mhux biżżejjed li l-kontroll eżerċitat jikkonsisti essenzjalment mil-latitudni mogħtija mil-liġi tal-kumpaniji fuq il-maġġoranza tal-azzjonisti, li tirriżulta f’limiti fuq is-setgħa tal-awtorità kontraenti biex tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ dawk il-kumpaniji (33).

Kontroll simili jista’ jiġi eżerċitat individwalment jew b’mod konġunt:

Mhux essenzjali li l-kontroll ikun eżerċitat individwalment: kontroll analogu konġunt huma ammess. Skont il-ġurisprudenza, fejn isir użu minn entità proprjetà konġunta ta’ numru ta’ awtoritajiet kontraenti, il-“kontroll simili” jista’ jiġi eżerċitat b’mod konġunt minn dawk l-awtoritajiet, mingħajr ma jkun essenzjali li tali kontroll ikun eżerċitat individwalment minn kull wieħed minnhom. Id-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu b’maġġoranza, skont kif ikun il-każ (34).

Il-Qorti rrikonoxxiet li f’ċerti ċirkostanzi l-kundizzjoni relatata mal-kontroll eżerċitat mill-awtorità kontraenti tista’ tiġi sodisfatta fejn tali awtorità kellha biss 0,25 % tal-kapital f’intrapriża pubblika (35). Kontroll analogu konġunt huwa possibbli anki jekk il-perċentwal tas-sehem ta’ ishma huwa baxx ħafna diment li d-drittijiet mehmuża ma’ dan is-sehem ta’ ishma huma suffiċjenti biex l-azzjonisti jeżerċitaw b’mod konġunt kontroll effettiv (36).

Meta l-awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti, tipparteċipa fil-korp tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ entità fi proprjetà kollettiva u kkontrollata minn diversi proprjetarji pubbliċi, jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk hemmx kontroll analogu konġunt fuq l-entità.

3.5.1.3.   Kundizzjoni relatata mal-parti essenzjali tal-attivitajiet tal-entità li qed jitwettqu għall-awtorità pubblika jew l-awtoritajiet pubbliċi ta’ kontroll.

L-entità għandha twettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha għall-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll, jiġifieri fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti, irrispettivament mill-benefiċjarju tal-prestazzjoni tal-kuntratt. Il-QtĠ-UE s’issa ma stabbilietx perċentwal li jista’ jikkostitwixxi l-parti essenzjali ta’ attività ta’ entità (37).

Fil-każ li l-awtorità ta’ ġestjoni mhiex l-unika proprjetarju u kontrollur tal-entità, il-kundizzjoni li l-entità twettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha għall-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll tiġi rispettata anki jekk fil-mument tal-għotja tal-kuntratt l-entità in-house mhiex speċifikament twettaq l-ebda kompitu fdat mill-awtorità ta’ ġestjoni iżda fejn il-parti essenzjali tal-attività ta’ dik l-entità tikkonsisti f’kompiti fdati mill-awtoritajiet l-oħra li jikkontrollawha.

Konklużjoni:

L-awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti, tista’ għalhekk, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq, tafda kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji lil entità 100 % f’pussess pubbliku (pereżempju bank tal-iżvilupp) li fuqha teżerċita kontroll li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess diment li din l-entità twettaq il-parti essenzjali tal-attivitajiet tagħha għall-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll. L-għażla ta’ intermedjarji finanzjarji minn entitajiet in-house għandha tirrispetta r-regoli u l-prinċipji ta’ akkwist pubbliku diment li l-entitajiet in-house huma nfushom awtoritajiet kontraenti.

3.5.2.   Il-kundizzjonijiet għall-għoti lil entitajiet in-house wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE (Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24/UE) jew wara t-18 ta’ April 2016.

F’konformità mal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24/UE, awtorità kontraenti tista’ tikkonkludi kuntratt pubbliku ma’ persuna ġuridika kkontrollata diment li t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin ikunu rispettati.

3.5.2.1.   Kundizzjoni li tikkonċerna l-appartenenza tal-entità in-house.

Ma għandu jkun hemm l-ebda parteċipazzjoni ta’ kapital privat diretta fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom mhux ta’ kontroll u mhux ta’ imblukkar ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat meħtieġa minn dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċiżiva fuq il-persuna ġuridika kkontrollata.

Parteċipazzjoni ta’ kapital privat mhux ta’ kontroll u mhux ta’ imblukkar f’konformità mat-Trattati tirreferi għal parteċipazzjoni privata li tirriżulta minn proċedura trasparenti u mhux diskriminatorja (38) f’konformità mal-prinċipji tat-Trattat.

Mhux neċessarju li l-awtorità kontraenti li tuża s-servizzi ta’ entità in-house jkollha ishma f’din l-entità, diment li dik l-entità hija 100 % proprjetà pubblika, tikkontrolla l-entità in-house (taqsima 3.5.2.2 hawn taħt), u l-kriterji ta’ attività (taqsima 3.5.2.3 hawn taħt) huma rispettati (39).

3.5.2.2.   Kundizzjoni ta’ kontroll ta’ awtoritajiet kontraenti fuq l-entità in-house

L-awtorità kontraenti għandha teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartiment tagħha stess. Filwaqt li jikkodifika l-kriterji identifikati mill-ġurisprudenza, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva jipprovdi li awtorità kontraenti hija meqjusa li teżerċita tali kontroll fejn teżerċita influwenza deċiżiva kemm fuq l-objettivi strateġiċi kif ukoll fuq deċiżjonijiet sinifikattivi tal-persuna ġuridika kkontrollata. L-indikaturi ta’ influwenza deċiżiva mill-awtorità kontraenti kemm fuq l-objettivi strateġiċi kif ukoll fuq deċiżjonijiet sinifikattivi tal-entità msemmija hawn fuq fit-taqsima 3.5.1.2 huma għalhekk rilevanti.

Tali kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti (Artikolu 12(1)), jew b’mod konġunt, diment li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva huma ssodisfati (40).

Ħlief f’każijiet ta’ kontroll konġunt, l-għoti dirett ta’ kuntratti pubbliċi huwa possibbli wkoll fejn persuna ġuridika kkontrollata li hija awtorità kontraenti tagħti kuntratt lill-awtorità kontraenti ta’ kontroll tagħha, jew lil persuna ġuridika oħra kkontrollata mill-istess awtorità kontraenti, diment li ma jkun hemm l-ebda parteċipazzjoni ta’ kapital privat dirett fil-persuna ġuridika li qed tingħata l-kuntratt pubbliku bl-eċċezzjoni ta’ forom mhux ta’ kontroll u mhux ta’ imblukkar ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat meħtieġa minn dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitaw l-ebda influwenza deċiżiva fuq il-persuna ġuridika kkontrollata (ara l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva).

3.5.2.3.   Kundizzjoni li titwettaq attività għall-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll

Il-persuna ġuridika kkontrollata għandha twettaq aktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fil-prestazzjoni ta’ kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti, irrispettivament mill-benefiċjarju tal-prestazzjoni tal-kuntratt. Skont l-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24/UE, għad-determinazzjoni tal-perċentwal ta’ attivitajiet it-turnover totali medju, jew miżura alternattiva adatta bbażata fuq attività bħall-ispejjeż magħmula mill-persuna ġuridika rilevanti jew l-awtorità kontraenti fir-rigward ta’ servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin ta’ qabel l-għoti tal-kuntratt, għandu jiġi meqjus.

Fejn, minħabba d-data li fiha l-persuna ġuridika jew l-awtorità kontraenti rilevanti kienet maħluqa jew bdiet l-attivitajiet jew minħabba riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, it-turnover, jew miżura alternattiva bbażata fuq attività bħall-ispejjeż, jew mhumiex disponibbli għat-tliet snin preċedenti jew mhumiex aktar rilevanti, għandu jkun suffiċjenti li jintwera li l-kejl ta’ attività huwa kredibbli, partikolarment b’mezzi ta’ projezzjonijiet ta’ negozju.

L-Istati Membri għandhom il-permess jużaw kwalunkwe wieħed mill-metodi. Meta jintuża l-metodu tat-turnover totali, it-turnover għandu jqis l-attivitajiet kollha tal-entità (eż. bank tal-iżvilupp/promozzjonali), u minnu aktar minn 80 % għandu jkun ġenerat mill-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti.

Kull meta awtorità ta’ ġestjoni jew korp intermedju jinnomina entità in-house bħala l-korp li jimplimenta fond ta’ fondi u dik l-entità hija awtorità kontraenti taħt id-Direttiva ta’ Akkwist Pubbliku applikabbli, hija għandha tirrispetta r-regoli u l-prinċipji ta’ akkwist pubbliku fl-għażla tal-intermedjarji finanzjarji. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 7(3) tas-CDR, l-għażla għandha tirrispetta r-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni (ara t-taqsima 3.7 hawn taħt).

Istituzzjonijiet finanzjarji fi Stat Membru li jimmiraw lejn il-kisba ta’ interess pubbliku taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika msemmija taħt l-Artikolu 38(4)(b)(ii) tas-CPR jistgħu jkunu fdati b’kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji meta l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq ikunu ssodisfati.

Konklużjoni:

Awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti, tista’ tikkonkludi kuntratti għall-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji direttament ma’ entitajiet in-house diment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24/UE. L-għażla ta’ intermedjarji finanzjarji minn entitatjiet in-house għandha tirrispetta r-regoli u l-prinċipji ta’ akkwist pubbliku jekk l-entitajiet in-house huma nfushom huma awtoritajiet kontraenti.

Eżempju 1:

Ir-Reġjun X għandu fil-pussess tiegħu 100 % ta’ bank tal-iżvilupp reġjonali li l-kompitu tiegħu, kif definit mill-Istatuti tiegħu, huwa li jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun.

Ir-Reġjun X jippresjedi l-korp superviżorju tal-bank, li l-kompitu tiegħu huwa li jagħti l-orjentamenti strateġiċi tal-attivitajiet tal-bank u li jivvota dwar il-baġit, il-persunal u ħatriet tal-maniġers tal-bank.

Il-bank jista’ jieħu liberament deċiżjonijiet ta’ finanzjament ta’ kuljum, jiġifieri li jagħti self u garanziji lil intrapriżi fir-reġjun li jaqgħu barra l-ambitu ta’ dak li hu meqjus “sinifikattiv”. Deċiżjonijiet sinifikattivi (bħal deċiżjonijiet dwar strateġiji ta’ self, persunal, baġit) huma soġġetti għall-influwenza deċiżiva tal-awtorità kontraenti ta’ kontroll.

Minn dawk l-arranġamenti jirriżulta li r-Reġjun X jeżerċita fuq il-bank kontroll li huwa simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti teigħu stess.

Ir-Reġjun X irid jafda lill-bank tal-iżvilupp reġjonali b’kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju.

Peress li effettivament jikkontrolla l-bank li huwa kompletament fil-pussess tiegħu u peress li l-bank ma għandu l-ebda attività kummerċjali minbarra l-kompiti mwettqa għar-Reġjun X, hemm relazzjoni in-house bejn ir-Reġjun X u l-bank li tippermetti lir-Reġjun X jafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-istrument finanzjaru lill-bank diment li l-bank jirrispetta r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tas-CDR.

Eżempju 2:

Ir-Reġjun X għandu fil-pussess tiegħu 1 % ta’ bank tal-iżvilupp nazzjonali li l-kompitu tiegħu definit bil-liġi, huwa li jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku fl-Istat Membru.

Ir-Reġjun X huwa membru tal-bord superviżorju tal-bank. Il-bank jista’ jieħu liberament deċiżjonijiet ta’ finanzjament ta’ kuljum, jiġifieri li jagħti self u garanziji lil intrapriżi fir-reġjun li jaqgħu barra l-ambitu ta’ dak li hu meqjus “sinifikattiv”. Madankollu, deċiżjonijiet sinifikattivi (bħal deċiżjonijiet dwar strateġiji ta’ self, persunal, baġit) huma soġġetti għall-influwenza deċiżiva tal-awtorità kontraenti ta’ kontroll. Abbażi tad-drittijiet mehmuża mas-sħubija tiegħu, ir-Reġjun X jeżerċita fuq il-bank kontroll li huwa simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti teigħu stess.

Barra l-kompiti mwettqa għar-Reġjun X, il-bank għandu attivitajiet kummerċjali li jirrappreżentaw 15 % tat-turnover totali medju tiegħu.

F’Ġunju 2016 (taħt id-Direttiva 2014/24/UE) ir-Reġjun X irid jafda lill-bank b’kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju. Peress li effettivament jikkontrolla l-bank (anki jekk għandu fil-pussess tiegħu 1 % biss) u peress li l-bank iwettaq aktar minn 80 % tal-attivitajiet tiegħu f’kompiti fdati lilu mill-proprjetarji tiegħu (41) (kif ikkalkulat abbażi tat-turnover totali medju tal-bank għat-tliet snin qabel l-għoti tal-kuntratt), hemm relazzjoni in-house bejn ir-Reġjun X u l-bank li tippermetti lir-Reġjun X jafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju lill-bank diment li l-bank jirrispetta r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tas-CDR.

Eżempju 3:

L-Istat għandu fil-pussess tiegħu 100 % ta’ bank tal-iżvilupp li l-kompitu tiegħu huwa li jappoġġja l-iżvilupp ekonomiku fl-Istat Membru.

Il-Ministeru X huwa Membru tal-korp superviżorju tal-bank. Il-bank jista’ jieħu liberament deċiżjonijiet ta’ finanzjament ta’ kuljum, jiġifieri li jagħti self u garanziji lil intrapriżi fir-reġjun li jaqgħu barra l-ambitu ta’ dak li hu meqjus “sinifikattiv”. Madankollu, deċiżjonijiet sinifikattivi (bħal deċiżjonijiet dwar strateġiji ta’ self, persunal, baġit) huma soġġetti għall-influwenza deċiżiva tal-awtorità kontraenti ta’ kontroll u konsegwentement, il-Ministeru X jeżerċita fuq il-bank kontroll li huwa simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tiegħu stess.

Barra l-kompiti mwettqa għall-Ministeru X, il-bank għandu attivitajiet kummerċjali li jirrappreżentaw 15 % tat-turnover totali medju tiegħu.

F’Ġunju 2016 (taħt id-Direttiva 2014/24/UE) il-Ministeru X irid jafda lill-bank b’kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju. Peress li effettivament jikkontrolla l-bank u peress li l-bank iwettaq aktar minn 80 % tal-attivitajiet tiegħu f’kompiti fdati lilu mill-proprjetarji tiegħu (42) (kif ikkalkulat abbażi tat-turnover totali medju tal-bank għat-tliet snin qabel l-għoti tal-kuntratt), hemm relazzjoni in-house bejn il-Ministeru X u l-bank li tippermetti lill-Ministeru X jafda kompiti ta’ implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju lill-bank diment li l-bank jirrispetta r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tas-CDR.

3.6.    Kooperazzjoni inter-amministrattiva  (43)

Għal darb’oħra, l-uniku fatt li ż-żewġ partijiet għal ftehim huma nfushom awtoritajiet pubbliċi ma jeskludix l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist.

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ akkwist pubbliku ma għandhiex tfixkel il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu l-kompiti ta’ servizz pubbliku mogħtija lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom, li tinkludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra. B’kunsiderazzjoni għall-ħtieġa li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ operaturi ekonomiċi privati, id-Direttiva 2014/24/UE daħħlet kjarifika ulterjuri dwar il-kooperazzjoni interamministrattiva.

F’dak il-kuntest, awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti, tista’ tikkunsidra l-użu ta’ kooperazzjoni interamministrattiva biex tafda kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju diment li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet għal tali kooperazzjoni (44).

Kooperazzjoni interamministrattiva għall-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji tista’ tiġi implimentata permezz ta’ kuntratt bejn l-awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju u korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti u awtorità kontraenti oħra li tikkontrolla entità 100 % f’pussess pubbliku kapaċi timplimenta strumenti finanzjarji (jiġifieri entità in-house) Inkella ftehim ta’ finanzjament jista’ jiġi konkluż direttament bejn l-awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju u korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti u l-awtorità kontraenti li timplimenta l-istrument finanzjarju. Il-kuntratt/ftehim ta’ finanzjament għandhom ikopru l-modalitajiet għar-remunerazzjoni tal-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju (45).

Fl-użu ta’ kooperazzjoni interamministrattiva, awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti għandhom jiżguraw ir-rispett tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1) u (2) tas-CDR.

3.6.1.   Il-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni interamministrattiva sakemm tkun trasposta d-Direttiva 2014/24/UE jew sat-18 ta’ April 2016 skont liema jiġi l-ewwel.

Qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE, il-kundizzjonijiet li taħthom (46) jistgħu jiġu konklużi kuntratti bejn awtoritajiet pubbliċi (kooperazzjoni interamministrattiva) kienu barra r-regoli ta’ akkwist pubbliku u kienu definiti b’ġurisprudenza.

Kooperazzjoni interamministrattiva bejn awtoritajiet pubbliċi sabiex ikun żgurat li kompitu pubbliku li kollha jridu jwettqu jsir hija permessa taħt l-ambitu tar-regoli ta’ akkwist pubbliku (47). Ir-regoli ta’ akkwist pubbliku mhumiex applikabbli fejn:

il-kooperazzjoni interamministrattiva tikkonċerna esklużivament awtoritajiet pubbliċi, mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ parti privata;

il-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa rispettat, sabiex l-ebda fornitur privat ta’ servizzi ma jitqiegħed f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri (48), u

l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hija regolata biss minn kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti relatati mal-kisba ta’ objettivi fl-interess pubbliku li l-awtoritajiet għandhom iwettqu (49).

Ma hemm l-ebda ġurisprudenza dwar kooperazzjoni interamministrattiva fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji. Madankollu eżempji f’oqsma oħra jistgħu juru l-pożizzjoni tal- QtĠ-UE dwar jekk il-kooperazzjoni hiex regolata biss b’kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti relatati mal-kisba ta’ objettivi fl-interess pubbliku.

Il-QtĠ-UE ammettiet li l-awtoritajiet lokali għandhom l-għan li jiżguraw li kompitu pubbliku jitwettaq f’każ ta’ kooperazzjoni fil-qasam tar-rimi tal-iskart għall-implimentazzjoni tal-obbligi stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-UE applikabbli (50).

Il-QtĠ-UE analizzat ukoll il-kooperazzjoni bejn Università u kumpanija ta’ proprjetà pubblika rregolata minn liġi privata għax-xiri ta’ sistema tal-IT għall-ġestjoni ta’ edukazzjoni għolja Il-QtĠ-UE kkonkludiet li tali kooperazzjoni mhix immirata lejn it-twettiq ta’ kompitu pubbliku li kemm l-Università kif ukoll il-kumpanija involuti jridu jwettqu, peress li din tal-aħħar mhix fdata direttament bit-twettiq ta’ kompitu ta’ servizz pubbliku (51).

Kooperazzjoni interamministrattiva għall-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji tirrikjedi li l-awtoritajiet ta’ kooperazzjoni jwettqu l-kompiti tagħhom fl-interess pubbliku. Dan huwa l-każ jekk l-attivitajiet kollha tal-awtorità kontraenti/entità fdata huma mwettqa taħt mandat pubbliku fdat mil-liġi sabiex l-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju tippermetti lill-awtoritajiet iwettqu funzjonijiet assenjati lilhom bil-liġi tal-UE jew dik nazzjonali, bħall-finanzjament ta’ miżuri soċjali jew il-forniment ta’ finanzjament lil tipi speċifiċi ta’ SMEs jew biex ikunu promossi l-iżvilupp jew ir-riċerka ekonomiċi. Il-kisba minn awtorità ta’ ġestjoni (korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti) tal-objettivi u l-attivitajiet operattivi deskritti fi programm (minflok ma tappoġġja attivitajiet bħall-iżvilupp ta’ għodda tal-IT jew il-kiri ta’ uffiċċji meħtieġa biex ikun ospitat persunal li jkun qed jaħdem fuq l-implimentazzjoni tal-FSIE) tista’ tkun meqjusa bħala kompiti ta’ interess pubbliku. Jekk l-istess objettivi u attivitajiet huma mfittxija minn awtoritajiet pubbliċi oħra, it-twettiq tagħhom jista’ jagħti lok għal kooperazzjoni interamministrattiva.

Il-kooperazzjoni bejn awtoritajiet pubbliċi għandha tkun regolata biss minn kunsiderazzjonijiet u rekwiżiti relatati mal-kisba ta’ objettivi fl-interess pubbliku, li jirrikjedi analiżi ta’ każ b’każ.

Ir-remunerazzjoni mħallsa mill-awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti għall-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju lill-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju għandha tkun ekwivalenti għal dik imħallsa mill-awtoritajiet pubbliċi l-oħra li jużaw is-servizzi tal-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju għall-istess tipi ta’ prodotti finanzjarji fornuti lill-istess tipi ta’ riċevituri, soġġett għar-rispett tad-dispożizzjonijiet regolatorji applikabbli fuq l-ispejjeż u l-miżati ta’ ġestjoni (ara b’mod partikolari l-Artikoli 12 u 13 tas-CDR).

Konklużjoni:

Sakemm tkun trasposta d-Direttiva 2014/24/UE jew sat-18 ta’ April 2016, skont liema jiġi l-ewwel, awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti tista’, soġġett għal konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza, tidħol fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni interamministrattiva ma’ awtorità pubblika li tista’ tiġi fdata bil-kompitu tal-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji.

3.6.2.   Il-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni interamministrattiva wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE jew wara t-18 ta’ April 2016

Taħt l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24/UE, kuntratt konkluż esklussivament bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar jaqa’ barra l-ambitu tad-Direttiva fejn tliet kundizzjonijiet huma ssodisfati:

(i)

il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jkun żgurat li s-servizzi pubbliċi li jridu jwettqu huma fornuti bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi li għandhom komuni. Kif indikat taħt it-Taqsima 3.6.1, il-kisba minn awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti, tal-objettivi u l-attivitajiet operattivi deskritti fi programm (minflok ma tappoġġja attivitajiet bħall-iżvilupp ta’ għodda tal-IT, il-kiri ta’ uffiċċji meħtieġa biex ikun ospitat persunal li jkun qed jaħdem fuq l-implimentazzjoni tal-FSIE) tista’ tkun meqjusa bħala kompiti ta’ interess pubbliku.

(ii)

l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hija regolata biss b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku (ara l-implikazzjonijiet spjegati hawn fuq fit-taqsima 3.6.1 f’termini ta’ remunerazzjoni).

(iii)

l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fuq is-suq miftuħ anqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni. B’konsegwenza, il-limitazzjoni ma tapplikax għall-attività fuq is-suq barra l-kooperazzjoni.

Taħt l-aħħar kundizzjoni, li tipprevedi limitazzjoni stretta tal-attivitajiet fuq is-suq barra l-kooperazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti għandhom iwettqu inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni fuq is-suq miftuħ.

Jekk il-partijiet għall-kooperazzjoni interamministrattiva ma jkunux involuti f’attivitajiet ekonomiċi jew fi kwalunkwe tip ta’ kompetizzjoni ma’ atturi tas-suq oħra, il-kundizzjoni tal-Artikolu 12 (4) punt (c) hija ssodisfata għaliex l-ebda attività ma titwettaq fuq suq miftuh.

Skont l-Artikolu 12(5) tad-Direttiva 2014/24/UE, għad-determinazzjoni tal-perċentwal ta’ attivitajiet it-turnover totali medju, jew miżura alternattiva adatta bbażata fuq attività bħall-ispejjeż magħmula mill-persuna ġuridika rilevanti jew l-awtorità kontraenti fir-rigward ta’ servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin ta’ qabel l-għoti tal-kuntratt, għandu jiġi meqjus. B’definizzjoni dan il-kalkolu ma jkoprix attivitajiet imwettqa ġodda taħt il-kooperazzjoni, jiġifieri mhux imwettqa minn kwalunkwe awtorità kontraenti parteċipanti qabel il-kooperazzjoni.

Fejn, minħabba d-data li fiha l-persuna ġuridika jew l-awtorità kontraenti rilevanti kienet maħluqa jew bdiet l-attivitajiet jew minħabba riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, it-turnover, jew miżura alternattiva bbażata fuq attività bħall-ispejjeż, jew mhumiex disponibbli għat-tliet snin preċedenti jew mhumiex aktar rilevanti, għandu jkun suffiċjenti li jintwera li l-kejl ta’ attività huwa kredibbli, partikolarment b’mezzi ta’ projezzjonijiet ta’ negozju.

Il-firxa ta’ arranġamenti kuntrattwali deskritti hawn fuq fit-taqsima 3.6.1 hija wkoll disponibbli (52),

Konklużjoni:

Wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE jew wara t-18 ta’ April 2016, awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti, tista’ tkun kapaċi tidħol fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni interamministrattiva li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva ma’ awtoritajiet kontraenti oħra li jistgħu jiġu fdati bil-kompitu tal-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji. Il-firxa ta’ arranġamenti kuntrattwali deskritti hawn fuq fit-taqsima 3.6.1 hija wkoll disponibbli.

Eżempju:

Il-Ministeru tal-Ekonomija jikkontrolla bank tal-iżvilupp 100 % f’pussess pubbliku li l-kompitu tiegħu kif definiti bil-liġi huwa l-forniment ta’ self u garanziji lill-SMEs b’appoġġ għall-innovazzjoni fuq it-territorju kollu tal-pajjiż.

Ir-Reġjun Y jimplimenta programm bil-għan li tkun appoġġjata l-innovazzjoni fir-reġjun. Huwa ma jikkontrollax, la individwalment u lanqas b’kont konġunt, il-bank tal-iżvilupp nazzjonali. Għalhekk ma teżisti l-ebda relazzjoni in-house bejn it-tnejn.

Kooperazzjoni interamministrattiva tista’ tkun possibbli jekk il-kundizzjonijiet għal tali kooperazzjoni huma ssodisfati:

1.

Il-kuntratt li jistabbilixxi kooperazzjoni konkluż jew bejn il-Ministeru tal-Ekonomija u r-Reġjun Y jew bejn il-bank tal-iżvilupp u r-Reġjun Y għandu jimmira li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li l-Ministeru u r-Reġjun Y għandhom iwettqu huma provduti bil-għan li jinkisbu l-objettivi li għandhom komuni. Safejn għandu x’jaqsam ir-Reġjun Y, huwa biżżejjed li l-appoġġ għall-innovazzjoni fir-reġjun huwa objettiv immirat mill-programm.

2.

L-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għandha tkun irregolata biss b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku. B’mod partikolari, ir-remunerazzjoni tas-servizz għandha tkun provduta lir-Reġjun fuq l-istess termini bħall-Ministeru. Jekk il-prodotti finanzjarji li r-Reġjun jitlob lill-bank biex jimplimenta huma diġà provduti mill-bank għall-Ministeru, il-bank qed jitlob l-istess kostijiet u miżati lir-Reġjun għall-implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju li jipprovdi dawn il-prodotti. Jekk il-prodotti finanzjarji li r-Reġjun jitlob lill-bank biex jimplimenta mhumiex provduti mill-bank, il-bank tal-iżvilupp nazzjonali jaċċetta li jitlob l-istess kostijiet u miżati lir-Reġjun minn dawk li kieku jitlob mill-Ministeru.

3.

L-awtoritajiet kontraenti parteċipanti għandhom iwettqu fuq is-suq inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni. Il-bank tal-iżvilupp nazzjonali ma għandux jipprovdi finanzjament tat-tip ikkonċernat mill-kooperazzjoni (jiġifieri tip ta’ prodott finanzjarju provdut lil ċertu tip ta’ riċevituri f’ċertu settur, pereżempju ekwità għal start ups li jimmiraw lejn l-innovazzjoni) fuq is-suq miftuħ għal aktar minn 20 % tat-turnover totali medju tiegħu għat-tliet snin qabel l-għoti tal-kuntratt.

Diment li l-bank tal-iżvilupp nazzjonali jirrispetta r-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tas-CDR, ir-Reġjun Y jista’ jagħti kuntratt lil dak il-bank u jiffirma l-kuntratt mal-bank direttament.

3.7.    Rekwiżiti tal-Artikolu 7 tas-CDR

L-Artikolu 7 tas-CDR jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jiġu applikati mill-awtorità ta’ ġestjoni fl-għażla ta’ korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji. Ir-regoli tal-Artikolu 7(1) u (2) japplikaw għall-għażla ta’ korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji (bl-eċċezzjoni tal-għażla tal-BEI u l-FEI) irrispettivament mill-ammont tal-kuntratt u irrispettivament mill-proċedura tal-għażla tal-korpi kkonċernati (sejħa miftuħa, proċedura negozjata, proċedura kompetittiva, għoti dirett). Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(3) tas-CDR japplikaw għall-għażla ta’ intermedjarji finanzjarji mill-korpi li jimplimentaw fond ta’ fondi.

Filwaqt li jfakkar fil-prinċipji ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni stabbiliti fit-Trattat, l-Artikolu 7(2) tas-CDR jistabbilixxi li l-proċess tal-għażla għandu jkun trasparenti u ġustifikat fuq raġunijiet oġġettivi u mhux jagħti lok għal kunflitti ta’ interess.

Meta kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji huma fdati lil parti terza f’konformità ma’ waħda mill-proċeduri ta’ akkwist previsti fid-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku, bil-ħsieb tal-Artikolu 7 tas-CDR, hija għandha tintroduċi mill-inqas il-kriterji u l-elementi ta’ għażla u għoti għat-termini ta’ referenza elenkati hawn taħt fil-punti 3.7.1 sa 3.7.3. Barra minn din is-sitwazzjoni, jiġifieri fil-każ ta’ għoti dirett ta’ kuntratt il-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 7 tas-CDR jeħtieġ ikunu applikati iżda mhux bħala kriterji ta’ għażla, kriterji tal-għoti u elementi indikati f’termini ta’ referenza.

3.7.1.   Kriterji tal-għażla

Il-kriterji definiti fl-Artikolu 7(1)(a) sa (f) u l-Artikolu 7(2) l-ewwel paragrafu tas-CDR huma marbuta mal-kapaċità legali, finanzjarja, ekonomika u organizzattiva tal-korp li għandu jiġi fdat bil-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju. Is-sett minimu li ġej ta’ kriterji tal-għażla għandu għalhekk ikun applikat.

3.7.1.1.   Il-kapaċità legali

Il-kapaċità legali tal-korp fdat teħtieġ li tkun ikkontrollata sabiex ikun żgurat li l-korp magħżul jitħalla jwettaq il-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju taħt il-liġi nazzjonali u dik tal-UE. Il-proċedura tal-għażla għandha għalhekk tikkontrolla l-intitolament tal-korp fdat li jwettaq il-kompiti ta’ implimentazzjoni rilevanti taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali (Artikolu 7(1)(a) tas-CDR).

3.7.1.2.   The kapaċità ekonomika u finanzjarja

Il-korp fdat b’kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji għandu jkollu l-kapaċità ekonomika u finanzjarja biex iwettaq ix-xogħol. Għaldaqstant, il-proċedura tal-għażla jeħtieġ tiżgura li l-vijabbiltà ekonomika u finanzjarja tal-korp fdat hija adegwata (Artikolu 7(1)(b) tas-CDR). L-adegwatezza għandha tkun ikkontrollata b’referenza għat-tip ta’ kompiti li ser ikun fdat bihom il-korp u l-modalitajiet implimentattivi tagħhom inkluż it-tul ta’ żmien.

3.7.1.3.   Il-kapaċità organizzattiva

Il-korp fdat b’kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji għandu jkollu l-kapaċità organizzattiva biex jimplimenta strument finanzjarju fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ programm, jiġifieri:

kapaċità adegwata biex jimplimenta l-istrument finanzjarju, inkluż struttura organizzattiva u qafas ta’ governanza li jipprovdu l-assigurazzjoni meħtieġa lill-awtorità ta’ ġestjoni (Artikolu 7(1)(c) tas-CDR). L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tevalwa kemm hija mmexxija u kkontrollata tajjeb is-sistema stabbilita fil-korp li se jiġi fdat bil-kompiti ta’ implimentazzjoni. Is-sistema stabbilita għandha tkopri aspetti bħal: ippjanar, stabbiliment, komunikazzjoni, monitoraġġ tal-progress fir-rigward tal-objettivi, ġestjoni tar-riskju u kontrolli tan-negozju.

sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti (Artikolu 7(1)(d) tas-CDR). Sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti għandha tiżgura li l-korp fdat bl-implimentazzjoni ta’ strument(i) finanzjarju/i jkollu fis-seħħ ambjent ta’ kontroll adegwat u jirrispetta l-proċeduri fis-seħħ għall-eżekuzzjoni, il-kejl, is-segwitu u t-tnaqqis tar-riskji.

l-użu ta’ sistema tal-kontabilità li tipprovdi informazzjoni preċiża, kompluta u affidabbli f’ħin debitu (Artikolu 7(1)(e) tas-CDR.

3.7.1.4.   L-esperjenza

Sabiex tkun żgurata l-għażla tal-aktar korpi adatti għal implimentazzjoni effiċjenti tal-istrumenti finanzjarji, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tqis sew l-esperjenza tal-korp fdat bl-implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju bl-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji simili (mhux neċessarjament fondi tal-UE) in ġenerali, kif ukoll il-ħila u l-esperjenza tal-membri tat-tim propost b’mod partikolari (Artikolu 7(2) tas-CDR). Dan ir-rekwiżit ma għandux ifixkel in-nomina ta’ entità maħluqa ġdida, wara evalwazzjoni tal-esperjenza tal-membri tat-tim. L-evalwazzjoni tal-esperjenza tal-membri tat-tim normalment tkun kriterju tal-għoti peress li hija rilevanti fir-rigward tal-offerta (sabiex ikun evalwat min ħa jaħdem fuq il-forniment tas-servizzi offruti) u mhux fir-rigward tal-offerent.

3.7.2.   Kriterji tal-għoti

It-tieni sett ta’ kriterji definit fl-Artikolu 7(2)(a) sa (f) tas-CDR huwa marbut mas-suġġett tal-kuntratt dwar l-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju. Is-sett minimu ta’ kriterji tal-għoti elenkati hawn taħt għandu għalhekk ikun applikat. L-użu tal-metodoloġija tal-iktar prezz jew kost baxx biss (jiġifieri, fil-kuntest ta’ miżati ta’ ġestjoni jew kostijiet ta’ ġestjoni ta’ strumenti finanzjarji biss) għall-evalwazzjoni tal-offerti ppreżentati minn korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji ma jippermettix lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni biex japplikaw is-sett minimu sħiħ ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni. Bħala konsegwenza l-awtoritajiet ta’ ġestjoni li jkunu qed jagħżlu korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji għandhom japplikaw l-aktar metodoloġija ekonomikament vantaġġjuża biex jevalwaw l-offerti.

3.7.2.1.   Metodoloġija ta’ investiment

L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tevalwa l-offerti abbażi tal-metodoloġija ta’ investiment proposta fl-offerti tal-offerenti fir-rigward tal-għażla ta’ intermedjarji finanzjarji jew riċevituri finali, kif applikabbli, it-termini u l-kundizzjonijiet applikati fir-rigward tal-appoġġ provdut lil riċevituri finali, inkluż l-ipprezzar, u, fejn il- korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju jalloka r-riżorsi finanzjarji proprji tiegħu lill-istrument finanzjarju jew jikkondividi r-riskju, fuq il-miżuri proposti sabiex ikunu allinjati l-interessi u sabiex jittaffew kunflitti possibbli ta’ interessi.

ir-robustezza u l-kredibilità tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-intermedjarji finanzjarji jew ir-riċevituri finali kif applikabbli (Artikolu 7(2)(a) tas-CDR).

termini u kundizzjonijiet applikati fir-rigward ta’ appoġġ provdut lil riċevituri finali, inkluż l-ipprezzar (Artikolu 7(2)(c) tas-CDR). L-ipprezzar għandu jkopri l-firxa ta’ prezzijiet għal tipi differenti ta’ servizzi u vantaġġi addizzjonali offruti mqabbel ma’ tranżazzjoni kummerċjali standard (eż. tnaqqis ta’ kollaterali, faċilitajiet f’rimborż fil-każ ta’ diffikultajiet ta’ ħlas lura, il-possibbiltà jew le li tkun provduta konsulenza teknika u/jew finanzjarja f’oqsma speċifiċi għal proġetti kumplessi, eċċ.). Fejn il-prezz mhux determinat minn qabel mill-fornitur għal tip partikolari ta’ servizz, il-metodu għall-kalkolu tal-prezz, jew stima suffiċjentement dettaljata, għandu jkun previst u komunikat.

It-termini u l-kundizzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ gwida sempliċi pass b’pass li tgħin lir-riċevituri finali jifhmu kif għandhom jippreżentaw it-talbiet tagħhom għal investimenti x’tipi ta’ servizzi għandhom jingħataw u x’tip ta’ remunerazzjoni ser tkun koperta mill-kuntratt.

f’każijiet fejn il-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju jalloka r-riżorsi finanzjarji proprji tiegħu għall-istrument finanzjarju jew jikkondividi r-riskju, jipproponi miżuri biex ikunu allinjati l-interessi u biex jittaffew kunflitti possibbli ta’ interess (Artikolu 7(2)(f) tas-CDR). Miżura biex ikunu allinjati effettivament l-interessi bejn l-investituri jkun l-istabbiliment ta’ struttura adatta għall-kondiviżjoni tal-qligħ u r-riskju għar-riżorsi finanzjarji investiti mill-korp (53).

3.7.2.2.   L-abilità li jinstabu riżorsi addizzjonali  (54)

Sabiex ikun żgurat l-ogħla effett inkrimentali possibbli għal strument finanzjarju partikolari, wieħed mill-kriterji li għandhom jiġu applikati fl-għażla tal-korp fdat bl-implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju huwa l-abbiltà tiegħu li jsib riżorsi għal investimenti f’riċevituri finali addizzjonali għall-kontribuzzjonijiet tal-programm (Artikolu 7(2)(d) tas-CDR). L-offerti għandhom għalhekk ikunu evalwati abbażi tal-kapaċità tal-korp li jwettaq investimenti addizzjonali.

3.7.2.3.   L-addizzjonalità tal-attività ta’ investiment  (55)

Sabiex ikun żgurat il-valur miżjud tal-intervent tal-Fondi SIE, wieħed mill-kriterji li għandhom jiġu applikati fl-għażla tal-korp fdat bl-implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju hija l-abbiltà tiegħu li juri li l-implimentazzjoni tal-istrument finanzjarju ser tkun addizzjoni għall-attività attwali tal-korp (Artikolu 7(2)(e) tas-CDR).

3.7.2.4.   Il-livell ta’ spejjeż u miżati ta’ ġestjoni

Wieħed mill-kriterji li għandhom jiġu applikati fl-għażla tal-offerta tal-korp li jimplimenta strument finanzjarju huwa l-livell tal-ispejjeż u l-miżati ta’ ġestjoni li jikkostitwixxu l-“prezz” tas-servizzi provduti lill-awtorità ta’ ġestjoni. Il-metodoloġija proposta għall-kalkolu tagħhom għandha tiġi meqjusa.

3.7.3.   Elementi għat-termini ta’ referenza

Huwa rrakkomandat li fit-termini ta’ referenza jiddaħħlu l-kundizzjonijiet li l-offerenti għandhom jaqblu dwarhom. L-inklużjoni fit-termini ta’ referenza mhix l-uniku mod sabiex ikun garantit ir-rispett tagħhom, iżda din tiżgura upstream li l-offerenti potenzjali jkunu konxji ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

Sabiex ikun żgurat li l-konformità tal-proċeduri stabbiliti u implimentati mill-korp fdat bl-implimentazzjoni ta’ strument(i) finanzjarju/i mar-regoli applikabbli tista’ tiġi kkontrollata, il-korp għandu jaqbel li jkun awditjat minn korpi tal-awditjar tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (Artikolu 7(1)(f) tas-CDR). Sabiex ikun żgurat li l-korp jaqbel li jkun awditjat, huwa rrakkomandat li din il-kundizzjoni tkun indikata fit-termini ta’ referenza tas-sejħa u fil-ftehim ta’ finanzjament rilevanti (56). Sabiex ikun żgurat ir-rispett tal-Artikolu 38(4) tas-CPR, huwa wkoll irrakkomandat li t-termini ta’ referenza jindikaw li l-korp li jimplimenta strument finanzjarju ma għandux ikun stabbilit u ma għandux ikollu relazzjonijiet ta’ negozju ma’ entitajiet inkorporati f’territorji li l-ġurisdizzjonijiet tagħhom ma jikkooperawx mal-Unjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ standards tat-taxxa miftiehma internazzjonalment u għandu jittrasponi tali rekwiżiti fil-kuntratti tiegħu mal-intermedjarji finanzjarji magħżula.

4.   Referenza, links

SEC(2011) 1169 finali DOKUMENT TA’ ĦIDMA MILL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku għar-relazzjonijiet bejn awtoritajiet kontraenti (“kooperazzjoni pubblika-pubblika”)

http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/docs/public_public_cooperation/sec2011_1169_mt.pdf

Id-Direttiva 2004/18/KE

Id-Direttiva 2014/24/UE

Nota ta’ gwida dwar remunerazzjoni preferenzjali EGESIF_15-0030-00


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2014 tat-3 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, (ĠU L 138, 13.5.2014, p. 5).

(3)  Ara l-Artikolu 38(4) (a), (b) u (c) tas-CPR.

(4)  Skont l-Artikolu 38(4)(a) tas-CPR, safejn hija meħtieġa l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku għall-għażla ta’ korp li jimplimenta strumenti finanzjarji, ir-regoli dwar l-għażla tat-tali entitajiet kif iċċarati f’din in-nota japplikaw.

(5)  L-obbligu li tiġi segwita proċedura tal-għażla miftuħa, trasparenti, proporzjonata u nondiskriminatorja filwaqt li jiġu evitati kunflitti ta’ interess ikun rispettat meta l-intermedjarji finanzjarji jintgħażlu f’konformità mar-regoli u l-prinċipji tal-akkwist pubbliku. Meta kuntratt dirett huwa possibbli ma’ intermedjarju finanzjarju, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkontrollaw jekk aktar minn entità waħda li magħhom huwa possibbli kuntratt dirett jistgħu jipprovdu s-servizz finanzjarju inkwistjoni. Fejn dan huwa l-każ, l-awtoritajiet kontraenti għandhom iwettqu proċess tal-għażla miftuħ, trasparenti, proporzjonat u nondiskriminatorju filwaqt li jiġu evitati kunflitti ta’ interess fost l-entitajiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 38(5) tas-CPR. Mod wieħed ta’ kif jiġi żgurat ir-rispett ta’ dawn ir-rekwiżiti huwa, barra r-rekwiżiti proċedurali tad-Direttiva, li l-entitajiet kollha kkonċernati jkunu infurmati bil-kuntratt ta’ servizz finanzjarju ppjanat u mistednin jippreżentaw offerta li l-awtorità kontraenti tevalwa.

(6)  L-għażla tal-operazzjoni għandha tinftiehem bħala d-deċiżjoni li ssir kontribuzzjoni finanzjarja tal-programm għall-istrument finanzjarju u mhux l-investimenti sussegwenti mill-istrument finanzjarju għar-riċevituri finali.

(7)  L-għażla tal-operazzjoni tal-istrument finanzjarju għall-FEŻR/FK/FSE għandha ssir mill-awtorità ta’ ġestjoni skont 125(3)(a) tas-CPR. Għall-FAEŻR, l-għażla tal-operazzjoni tal-istrument finanzjarju għandha ssir f’konformità mal-Artikolu 65(4), 66 u 49 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(8)  Awtorità kontraenti hija definita fl-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE (“Awtoritajiet kuntrattwali” tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali jew lokali, korpi rregolati bil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet li ġew iffurmati b’waħda jew ħafna minn dawn l-awtoritajiet jew wieħed jew aktar minn dawn il-korpi rregolati bil-liġi pubblika) u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE (“awtoritajiet kontraenti” tfisser l-awtoritajiet Statali, reġjonali u lokali, korpijiet irregolati mil-liġi pubblika, jew assoċjazzjonijiet iffurmati minn tali awtorità waħda jew aktar jew tali korp wieħed jew aktar irregolati mil-liġi pubblika).

(9)  Id-data rilevanti għad-determinazzjoni ta’ liem Direttiva hija applikabbli hija d-data meta l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u tiddeċiedi b’mod definittiv jekk hemmx bżonn tinħareġ sejħa minn qabel għall-kompetizzjoni għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku (C.f. il-Kawża C-576/10 il-Kummissjoni vs in-Netherlands paragrafu 52).

(10)  Id-deċiżjoni tal-għoti għandha tkun evidenzjata iżda ma hemm l-ebda rekwiżit legali fir-rigward tal-forma preċiża li tali deċiżjoni għandha tieħu. Il-valutazzjoni tal-kriterji taħt l-Artikolu 7 tas-CDR ma tikkostitwix per se deċiżjoni ta’ għoti iżda d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti meħuda abbażi tal-valutazzjoni tista’ tittieħed bħala d-data meta l-awtorità kontraenti tiddeċiedi b’mod definittiv li mhi ser tinħareġ l-ebda sejħa minn qabel għall-kompetizzjoni għall-għoti tal-kuntratt pubbliku.

(11)  Korp intermedju huwa definit fl-Artikolu 2(18) tas-CPR bħala “kwalunkwe korp pubbliku jew privat li jaġixxi taħt ir-responsabilità ta’ awtorità maniġerjali jew ta’ ċertifikazzjoni, jew li jwettaq dmirijiet għan- nom ta’ awtorità bħal din, fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-benefiċjarji”. Korpi intermedji għandhom jintgħażlu f’konformità mar-regoli applikabbli inklużi dawk dwar l-akkwist pubbliku u, fejn applikabbli, l-eċċezzjonijiet tagħhom. L-Artikolu 123(6) tas-CPR jippermetti lill-Istati Membri “jinnomina korp intermedju wieħed jew aktar sabiex iwettaq ċertu kompiti tal-awtorità ta’ ġestjoni jew ta’ ċertifikazzjoni taħt ir-responsabbiltà ta’ dik l-awtorità”. Din id-dispożizzjoni tapplika għall-FEŻR, l-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FEMS. L-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jipprevedi l-istess possibbiltà għall-FAEŻR, fejn jistabbilixxi li l-awtorità ta’ ġestjoni żżomm ir-responsabbiltà sħiħa għall-effiċjenza u l-korrettezza tal-kompiti ta’ ġestjoni u ta’ implimentazzjoni delegati lil korp ieħor u jiżgura li d-dejta u l-informazzjoni kollha neċessarji jingħataw lill-korp intermedju għall-eżekuzzjoni ta’ dawk il-kompiti.

(12)  Dawn il-limiti massimi huma soġġetti għal reviżjoni kull sentejn f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/24/UE.

(13)  L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni – ISBN 978-92-79-50323-8 – għadu ma ġiex ikkomunikat lill-Istati Membri fil-verżjoni finali tiegħu.

(14)  C.f. l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2004/18/KE u l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/24/UE.

(15)  Skont l-Artikolu 72(4), “Modifika ta’ kuntratt jew ta’ ftehim qafas matul it-terminu tiegħu għandha titqies bħala sostanzjali (…) fejn din trendi l-kuntratt jew il-ftehim qafas materjalment differenti fin-natura minn dak inizjalment konkluż. Fi kwalunkwe eventwalità, mingħajr ħsara għall-paragrafi 1 u 2, modifika għandha titqies bħala sostanzjali fejn tkun sodisfatta waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-modifika tintroduċi kondizzjonijiet li, kieku kienu parti mill-proċedura ta’ akkwist inizjali, kienu jippermettu d-dħul ta’ kandidati oħra minbarra dawk inizjalment magħżula jew l-aċċettazzjoni ta’ offerta oħra minbarra dik aċċettata oriġinarjament jew kienu jattiraw parteċipanti addizzjonali fil-proċedura ta’ akkwist;

(b)

il-modifika tbiddel il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt jew tal-ftehim qafas favur il-kuntrattur b’tali mod li ma kienx previst fil-kuntratt inizjali jew il-ftehim qafas;

(c)

il-modifika testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt jew il-ftehim qafas b’mod konsiderevoli;

(d)

fejn kuntrattur ġdid jissostitwixxi dak li inizjlament kien ingħata l-kuntratt mill-awtorità kontraenti f’każijiet oħra minbarra dawk previsti taħt il-punt (d) tal-paragrafu 1”.

(16)  L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali f’sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010 fil-Kawża T-258/06 ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs il-Kummissjoni Ewropea.

(17)  Il-Kawża C-278/14 SC Enterprise Focused Solutions SRL vs Spitalul Județean de Urgență Alba Iulia, paragrafu 20. Il-prossimità għall-fruntiera xorta tista’ twassal għal kunsiderazzjoni ta’ kuntratti ta’ valur baxx li jkollhom ċertu interess transkonfini (il-Kawżi Konġunti C-147/06 u C-148/06, SECAP SpA (C-147/06) u Santorso Soc. coop. arl (C-148/06)vs Comune di Torino, paragrafu 31).

(18)  C.f. l-Artikolu 175 TFUE.

(19)  Kif previst fl-Artikolu 13(6) tas-CDR, fin-nuqqas ta’ proċess kompetittiv, il-limiti massimi għal spejjeż u miżati ta’ ġestjoni provduti fl-Artikolu 13 japplikaw.

(20)  Att li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jagħti s-setgħa lill-Bord tal-Gvernaturi biex jistabbilixxi Fond Ewropew tal-Investiment, ĠU L 173, 7.7.1994, p. 14.

(21)  Kif previst fl-Artikolu 13(6) tas-CDR, fin-nuqqas ta’ proċess kompetittiv, il-limiti massimi għal spejjeż u miżati ta’ ġestjoni provduti fl-Artikolu 13 japplikaw.

(22)  Sa fejn huma kkonċernati programmi ETC, huwa l-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità ta’ ġestjoni.

(23)  Kif previst fl-Artikolu 13(6) tas-CDR, fin-nuqqas ta’ proċess kompetittiv, il-limiti massimi għal spejjeż u miżati ta’ ġestjoni provduti fl-Artikolu 13 japplikaw.

(24)  Diment li l-kundizzjonijiet għal in-house huma ssodisfati, jkun possibbli l-għoti dirett ta’ kuntratt lil istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fi Stat Membru bil-għan li jinkiseb l-interess pubbliku taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika msemmija fl-Artikolu 38(4)(b)(ii) tas-CPR u lil korpi rregolati minn liġi pubblika jew privata msemmija fl-Artikolu 38(4)(b)(iii) tas-CPR.

(25)  Huwa diffiċli timmaġina sitwazzjoni fejn awtorità kontraenti tkun effettivament tikkontrolla entità in-house mingħajr ma jkollha mqar pussess parzjali ta’ dik l-entità.

(26)  Il-Kawża C-107/98 Teckal.

(27)  Il-Kawża C-458/03 Parking Brixen, paragrafi 63-70, il-Kawża C-340/04 Carbotermo, paragrafu 38, il-Kawża C-324/07 Coditel Brabant, paragrafu 28; Il-Kawża C-573/07 Sea, paragrafu 65.

(28)  Il-Kawża C-182/11 u C-183/11 Econord SpA vs Comune di Cagno, Comune di Varese, Comune di Solbiate Comune di Varese, paragrafu 27

(29)  Il-Kawża C-324/07, Coditel Brabant SA vs Commune d’Uccle, Région de Bruxelles-Capitale, paragrafu 29

(30)  Il-Kawża C-26/03 Stadt Halle u RPL Lochau, paragrafu 49

(31)  Il-Kawża C-340/04 Carbotermo u Consorzio Alisei, paragrafu 37, u l-Kawża C-295/05 Asemfo [2007] ECR I-2999, paragrafu 57

(32)  Il-Kawża C-324/07 Coditel Brabant SA vs Commune d’Uccle, Région de Bruxelles-Capitale, paragrafu 54

(33)  Il-Kawża C-458/03 Parking Brixen, paragrafu 69 u l-Kawża C-340/04 Carbotermo, paragrafu 39. Fil-kuntest tal-każ li qed jiġi eżaminat, il-QtĠ-UE kkunsidrat li l-kontroll mhux simili għal dak eżerċitat minn awtorità kontraenti fuq id-dipartimenti tagħha stess meta l-istatuti ta’ kumpanija ma jirriżervaw lill-awtorità kontraenti l-ebda kontroll jew setgħat ta’ vvutar speċifiċi għar-restrizzjoni tal-libertà ta’ azzjoni konferita fuq Bord tad-Diretturi li huwa mogħti l-aktar setgħat wesgħin possibbli għall-ġestjoni ordinarja u straordinarja tal-kumpanija u meta l-influwenza tal-awtorità kontraenti fuq l-entità in-house hija eżerċitata permezz ta’ kumpanija azzjonarja peress li l-intervent ta’ tali intermedjarju jista’, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ, idgħajjef kwalunkwe kontroll possibbli eżerċitat mill-awtorità kontraenti fuq kumpanija b’ishma konġunti sempliċiment għax għandha ishma f’dik il-kumpanija.

(34)  Il-Kawża C-324/07 Coditel Brabant SA vs Commune d’Uccle, Région de Bruxelles-Capitale, paragrafu 54.

(35)  Il-Kawża C-295/05 Asemfo, paragrafi 56 sa 61

(36)  Il-Kawż aC-182/11 Econord SpA vs Comune di Cagno, paragrafu 33.

(37)  Jista’ madankollu jiġi nnotat li l-QtĠ-UE aċċettat perċentwal ta’ 90 % (ara l-Kawża C-295/05, Asemfo, paragrafu 63).

(38)  C.f. Il-Kawża C-64/08, Engelmann, paragrafu 50 u l-Każ C-25/14, UNIS, paragrafu 39, li jfakkru li għalkemm l-obbligu ta’ trasparenza mhux neċessarjament jirrikjedi li jkun hemm sejħa għal offerti, jirrikjedi li jkun hemm livell ta’ pubbliċità suffiċjenti li jippermetti li, minn naħa waħda, tinfetaħ il-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li tiġi riveduta l-imparzjalità tal-proċedura tal-għoti.

(39)  Huwa diffiċli timmaġina sitwazzjoni fejn awtorità kontraenti tkun effettivament tikkontrolla entità in-house mingħajr ma jkollha mqar pussess parzjali ta’ dik l-entità.

(40)  Skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24/UE, kontroll konġunt jirrikjedi li l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

(i)

il-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmula minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw lil diversi awtoritajiet kontraenti parteċipanti jew lil kollha kemm huma;

(ii)

dawk l-awtoritajiet kontraenti huma kapaċi jeżerċitaw flimkien influwenza deċiżiva fuq l-objettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikattiv tal-persuna ġuridika kkontrollata; u

(iii)

il-persuna ġuridika kkontrollata ma ssegwi l-ebda interess li jmur kontra dawk tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll.

(41)  Jekk wieħed jassumi, għall-fini tal-eżempju li l-kundizzjonijiet ta’ sieda ta’ entità in-house stabbiliti fid-Direttiva 2014/24/UE u mfakkra hawn fuq huma rispettati.

(42)  Jekk wieħed jassumi, għall-fini tal-eżempju li l-kundizzjonijiet ta’ sieda ta’ entità in-house stabbiliti fid-Direttiva 2014/24/UE u mfakkra hawn fuq huma rispettati.

(43)  Diment li l-kundizzjonijiet għal kooperazzjoni interamministrattiva huma ssodisfati, jista’ jkun possibbli l-għoti dirett ta’ kuntratt lil istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fi Stat Membru bil-għan li jinkiseb l-interess pubbliku taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika msemmija fl-Artikolu 38(4)(b)(ii) tas-CPR u lil korpi rregolati minn liġi pubblika jew privata msemmija fl-Artikolu 38(4)(b)(iii) tas-CPR.

(44)  Stat Membru jista’ wkoll jinnomina korp intermedju taħt kooperazzjoni interamministrattiva. Dan il-korp intermedju mbagħad jista’ jafda kompiti ta’ implimentazzjoni ta’ strument finanzjarju permezz ta’ kooperazzjoni interamministrattiva lil entità in-house tal-korp intermedju.

(45)  Fil-każ li kuntratt huwa konkluż mal-entità in-house, allura l-prezz jista’ jitħallas lill-korp li jimplimenta l-istrument finanzjarju jew direttament mill-awtoritá ta’ ġestjoni jew indirettament permezz tal-awtorità pubblika li tikkoopera mal-awtorità ta’ ġestjoni. Fil-Kawża C-480/06 (il-Kummissjoni vs il-Ġermanja) Stadtreinigung Hamburg irriżerva kapaċità ta’ 120 000 tunnellata fis-sena għal erbgħa Landkreise għal prezz ikkalkulat bl-użu tal-istess formula għal kull waħda mill-partijiet ikkonċernati. Dak il-prezz tħallas lill-operatur tal-faċilità, il-parti l-oħra għall-kuntratt ma’ Stadtreinigung Hamburg, permezz tal-intermedjarju ta’ dan tal-aħħar (Ara l-paragrafu 5).

(46)  Ma hemm l-ebda rekwiżit taħt il-liġi tal-UE applikabbli għall-kuntratt.

(47)  Il-Kawża C-480/06, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, paragrafi 37 u 44 sa 47 u l-Kawża C-159/11 ASL Lecce, paragrapfi 35 sa 37.

(48)  Fejn l-awtoritajiet pubbliċi ma jistgħux iwettqu 100 % tas-servizzi b’kooperazzjoni interamministrattiva, u għandhom jagħtu kuntratt lil parti privata għall-parti li jkun baqa’, dan għandu jsir permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku, fejn applikabbli, sabiex ikun żgurat trattament ugwali.

(49)  Il-Kawża C-480/06, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, paragrafi 44 sa 47.

(50)  Il-Kawża C C-480/06, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, paragrafu 37.

(51)  Il-Kawża C-15/13 Technische Universität Hamburg-Harburg, Hochschul-Informations-System GmbH vs Datenlotsen Informationssysteme GmbH, paragrafi 16 u 35.

(52)  jiġifieri, kuntratt dirett bejn l-awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti, u awtorità kontraenti oħra li tikkontrolla entità 100 % f’pussess pubbliku kapaċi timplimenta strumenti finanzjarji (jiġifieri entità in-house) u kuntratt dirett bejn l-awtorità ta’ ġestjoni, korp intermedju jew korp li jimplimenta fond ta’ fondi li huwa awtorità kontraenti u l-awtorità kontraenti li timplimenta l-istrument finanzjarju.

(53)  C.f. nota ta’ gwida dwar remunerazzjoni preferenzjali EGESIF_15-0030-00

(54)  Ir-rekwiżit li l-offerenti juru l-abbiltà tagħhom li jsibu riżorsi addizzjonali jista’ alternattivament ikun kriterju tal-għażla jekk l-awtorità kontraenti tkun trid tevalwa jekk il-kuntrattur sabx riżorsi addizzjonali fil-passat u mhux fir-rigward tal-istrument finanzjarju li saret l-offerta għall-ġestjoni tiegħu.

(55)  Ir-rekwiżit li l-offerenti juru l-addizzjonalità tal-attività ta’ investiment jista’ alternattivament ikun kriterju tal-għażla jekk l-awtorità kontraenti tkun trid tevalwa jekk il-kuntrattur hux kapaċi jipprevedi attività ta’ investiment addizzjonali.

(56)  Għandu jiġi nnotat li fir-rigward tal-BEI (jiġifieri l-BEI u l-FEI skont l-Artikolu 2(23) tas-CPR), skont l-Artikolu 9(3) tas-CDR l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tagħti l-mandat lil ditta li għandha topera taħt qafas komuni stabbilit mill-Kummissjoni għat-twettiq ta’ awditjar. Fir-rigward ta’ korpi li jimplimentaw strumenti finanzjarji minbarra l-BEI, l-awtoritajiet tal-awditjar jistgħu jew iwettqu l-awditi direttament jew jagħtu mandat lil ditti esterni. F’dan l-aħħar każ ser jeħtieġ jagħżlu dawn id-ditti wara l-applikazzjoni tar-regoli u l-prinċipji ta’ akkwist pubbliku.