14.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/5


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89

(2016/C 255/05)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed jopponi għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 17(7) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

SKEDA TAS-SOMMARJU

TEQUILA

Nru tal-UE: PGI-MX-01851 — 3.1.2013

1.   Isem

TEQUILA

2.   Kategorija ta’ xarba spirituża

Il-kategorija “Xorb spirituż ieħor” tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008.

3.   Deskrizzjoni

It-Tequila hija xarba alkoħolika miksuba permezz tad-distillazzjoni tal-meraq estratt direttament mill-qalba tal-agave blu (Agave tequilana F.A.C. Weber), idrolizzat jew imsajjar qabel jew wara, u ffermentat bil-ħmira (ikkulturata jew inkella mhux ikkulturata). Il-meraq jista’ jiġi msaħħaħ u mħallat ma’ zokkrijiet oħrajn, sakemm dawn jirrappreżentaw mhux iktar minn 49 % tat-total taz-zokkrijiet riduċenti espressi f’unitajiet ta’ massa. Bħala riżultat ta’ dan, hemm żewġ kategoriji ta’ tequila, skont jekk il-meraq huwiex imsaħħaħ u mħallat ma’ zokkrijiet oħrajn: 100 % Tequila tal-agave (bil-kontenut taz-zokkor kollu miksub mill-materja prima) u Tequila (taħlita li jkun fiha sa 49 % ta’ zokkrijiet minn sorsi oħra).

Kull waħda minn dawn il-kategoriji hija maqsuma f’ħames tipi:

Tequila blanco [Tequila bajda]: Il-kontenut ta’ alkoħol ta’ dan il-prodott kummerċjalizzat għandu jiġi mħallat bl-ilma fejn meħtieġ.

Tequila joven/oro [Tequila dehbija]: It-togħma ta’ dan il-prodott tista’ ssir aktar armonjuża bl-użu ta’ addittivi. Il-kontenut ta’ alkoħol ta’ dan il-prodott kummerċjalizzat għandu jiġi mħallat bl-ilma fejn meħtieġ. Kwalunkwe taħlita ta’ Tequila bajda ma’ Tequila invekkjata u/jew strainvekkjata u/jew ultrainvekkjata hija kkunsidrata bħala Tequila dehbija.

Tequila reposado [Tequila invekkjata]: It-togħma ta’ dan il-prodott tista’ tiġi armonizzata. Jiġi mmaturat fi btieti tal-ballut (common oak jew holm oak) għal mill-inqas xahrejn. Il-kontenut ta’ alkoħol ta’ dan il-prodott kummerċjalizzat għandu jiġi mħallat bl-ilma fejn meħtieġ.

Tequila añejo [Tequila strainvekkjata]: It-togħma ta’ dan il-prodott tista’ tiġi armonizzata. Jiġi mmaturat fi btieti tal-ballut (common oak jew holm oak) b’kapaċità massima ta’ 600 litru għal mill-inqas sena. Il-kontenut ta’ alkoħol ta’ dan il-prodott kummerċjalizzat għandu jiġi mħallat bl-ilma fejn meħtieġ. Kwalunkwe taħlita ta’ Tequila strainvekkjata u Tequila ultrainvekkjata hija kkunsidrata bħala Tequila strainvekkjata.

Tequila extra añejo [Tequila ultrainvekkjata]: It-togħma ta’ dan il-prodott tista’ tiġi armonizzata. Jiġi mmaturat għal mill-inqas tliet snin b’kuntatt dirett mal-injam tal-btieti tal-ballut (common oak jew holm oak) b’kapaċità massima ta’ 600 litru. Il-kontenut ta’ alkoħol ta’ dan il-prodott kummerċjalizzat għandu jiġi mħallat bl-ilma fejn meħtieġ.

4.   Karatterisiċi organolettiċi

Dehra : Ħafifa, medja jew magħquda, li tiddependi fuq kemm it-tequila tibqa’ mwaħħla mat-tazza, bil-ħolqien ta’ “dmugħ” jew “saqajn”.

Kulur : It-Tequila bajda hija ċarissima u trasparenti, bi ħjiel ta’ fidda. Il-kulur ta’ tipi oħra ta’ Tequila, li jista’ jiġi armonizzat, ivarja minn kulur it-tiben sa kulur it-tiben skur, bi lwien minn dak dehbi sa ħamrani jew lewn l-okra; dawn it-tipi oħra ta’ Tequila jiġu mmaturati b’kuntatt dirett mal-injam tal-btieti tal-ballut (common oak jew holm oak).

Aroma :

—   Tequila bajda: ħjiel ta’ rwejjaħ taċ-ċitru bil-frott u l-fjuri.

—   Tequila żagħżugħa: aroma tal-injam.

—   Tequila invekkjata: aromi pikkanti; ton kemxejn ħelu, bi ħjiel ta’ vanilja u butir.

—   Tequila strainvekkjata u ultrainvekkjata: aromi tal-fjuri u tal-frott.

Togħma :

—   Tequila bajda: agave msajjar u togħmiet erbali evidenti.

—   Tequila żagħżugħa: preżenza ta’ ħxejjex, agave msajjar, agave mhux ipproċessat, ħjiel ta’ injam.

—   Tequila invekkjata: togħmiet mhux qawwija, kemxejn ħelwin u tal-frott; togħma kemxejn morra u impatt ħafif għal moderat tal-alkoħol.

—   Tequila strainvekkjata u ultrainvekkjata: frott imnixxef, ħwawar, vanilja, injam, karamella u duħħan, bil-qrusa.

5.   Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi

Il-qawwa alkoħolika f’temperatura ta’ 20 °C (% ABV): 35 sa 55

Estratt niexef (g/l): 0 sa 0,30 għall-bajda; 0 sa 5 għad-dehbija, l-invekkjata, l-istrainvekkjata u l-ultrainvekkjata.

Alkoħoli ogħla jew żejt fusel, jiġifieri alkoħoli b’piż molekulari ogħla minn dak tal-etanol, bħall-alkoħoli amil (f’mg/100 ml ta’ alkoħol anidru): 20 sa 500

Furfural (f’mg/100 ml ta’ alkoħol anidru): 0 sa 4

Metanol (2) (f’mg/100 ml ta’ alkoħol anidru): 30 sa 300

Aldeidi (bħall-aċetaldeid) (f’mg/100 ml ta’ alkoħol anidru): 0 sa 40

Esteri, bħall-aċitat etiliku (f’mg/100 ml ta’ alkoħol anidru):

2 sa 200 għall-bajda u d-dehbija.

2 sa 250 għall-invekkjata, l-istrainvekkjata u l-ultrainvekkjata.

6.   Żona ġeografika

Is-sors tal-materja prima użata fil-produzzjoni tat-Tequila u l-post ta’ produzzjoni għandhom ikunu fiż-żona ġeografika protetta mid-denominazzjoni ta’ oriġini, li tinkludi 181 muniċipalità fil-Messiku: l-istat ta’ Jalisco kollu (b’mod partikolari l-muniċipalità ta’ Tequila, li tagħti l-isem lil din l-indikazzjoni ġeografika), tmien muniċipalitajiet fl-istat ta’ Nayarit (Ahuacatlán, Amatlán de Cañas, Ixtlán del Río, Jala, Xalisco, San Pedro de Lagunillas, Santa María del Oro u Tepic), sebgħa fl-istat ta’ Guanajuato (Abasolo, Ciudad Manuel Doblado, Cuerámaro, Huanimaro, Pénjamo, Purísima del Rincón u Romita), 11 fl-istat ta’ Tamaulipas (Aldama, Altamira, Antiguo Morelos, Gómez Farías, González, Llera, Mante, Nuevo Morelos, Ocampo, Tula u Xicoténcatl) u 30 fl-istat ta’ Michoacán (Briseñas de Matamoros, Chavinda, Chilchota, Churintzio, Cotija, Ecuandureo, Jacona, Jiquilpan, Marcos Castellanos, Maravatío, Nuevo Parangaricutiro, Numarán, Pajacuarán, Peribán, La Piedad, Los Reyes, Regules, Sahuayo, Tancítaro, Tangamandapio, Tangancícuaro, Tanhuato, Tingüindin, Tocumbo, Venustiano Carranza, Villamar, Vista hermosa, Yurécuaro, Zamora u Zináparo).

7.   Il-metodu kif isir ix-xorb spirituż

It-tkabbir tal-agave u t-tneħħija tal-weraq: In-nebbieta tal-Agave tequilana F.A.C. Weber iridu jilħqu bejn wieħed u ieħor 50 cm. Il-pjanta għandha ċiklu veġetattiv ta’ madwar għaxar snin. Il-weraq jinżabar sal-bażi, b’mod li tibqa’ biss il-qalba tal-pjanta [proċess magħruf bħala “jima”].

It-tisjir u t-tisħiq: L-agave jissajjar bil-fwar taħt pressjoni, jew fi fran tradizzjonali tal-brikks jew f’awtoklavi. Ladarba jissajjar, l-agave jiġi ttrasportat lejn l-imtieħen, fejn jitqatta’ f’biċċiet żgħar u jitfarrak.

L-estrazzjoni tal-meraq u tal-polpa: Il-polpa tiġi sprejjata b’ilma taħt pressjoni u mbagħad tiġi ppressata. Il-meraq jiġi separat biex il-proċess industrijali jkun jista’ jkompli.

It-taħlit: Il-meraq tal-agave (minimu ta’ 51 %) jista’ jitħallat ma’ preparazzjoni ta’ ġuleppijiet oħrajn (mhux aktar minn 49 %) għall-fermentazzjoni sussegwenti.

Il-fermentazzjoni: Il-meraq jitferra’ fi btieti kbar. F’dan il-punt, jinżiedu l-ilma, il-ħmira (ikkulturata jew inkella mhux ikkulturata) u n-nutrijenti għall-fermentazzjoni alkoħolika.

Id-distillazzjoni: Il-prodotti tal-fermentazzjoni huma separati bl-użu tas-sħana u l-pressa biex isiru prodotti b’livell għoli ta’ alkoħol (Tequila) u residwi. Imbagħad jiġu applikati temperaturi għoljin. Żewġ distillazzjonijiet huma meħtieġa; l-ewwel waħda hija magħrufa bħala d-“destrozamiento” (qerda) u t-tieni hija r-“rectificación” (rettifikazzjoni).

Il-maturazzjoni: It-Tequila invekkjata għandha timmatura għal mill-inqas xahrejn, it-Tequila strainvekkjata għal mill-inqas sena, u t-Tequila ultrainvekkjata għal mill-inqas tliet snin b’kuntatt dirett mal-injam tal-btieti tal-ballut (common oak jew holm oak).

L-ibbottiljar: Ir-rekwiżit li t-Tequila tiġi bbottiljata f’impjant immaniġġjat mill-istess produttur awtorizzat u li jinsab ġewwa ż-żona ġeografika protetta japplika biss għall-kategorija tal-“100 % Tequila tal-agave”. Fil-produzzjoni tal-“100 % Tequila tal-agave”, il-meraq mhuwiex imsaħħaħ b’zokkrijiet oħra minbarra dawk miksuba mill-Agave tequilana F.A.C. Weber. Dan jagħti aktar kumplessità organolettika lill-prodott, li tista’ tiġi pperikolata mit-trasport bl-ingrossa barra ż-żona protetta. Ir-rekwiżit li l-prodott jiġi bbottiljat fiż-żona ta’ oriġini mill-produtturi awtorizzati stess jiżgura li jinżammu l-aromi u t-togħmiet speċifiċi. Hemm tradizzjoni twila li teżiġi li l-“100 % Tequila tal-agave” tiġi bbottiljata fiż-żona ta’ produzzjoni (li tmur lura saħansitra qabel ir-rikonoxximent ta’ Tequila bħala denominazzjoni tal-oriġini) sabiex tiġi ppreservata l-kwalità u, b’riżultat ta’ dan, ir-reputazzjoni tal-prodott. L-ispezzjonijiet kollha fiż-żona protetta ta’ “100 % Tequila tal-agave” jitwettqu fuq is-sit mill-Bord Regolatorju għat-Tequila.

8.   Rabta ġeografika

It-Tequila msemmija wara l-muniċipalità tal-istess isem fl-istat ta’ Jalisco.

It-Tequila magħmula mill-agave blu (Agave tequilana F.A.C. Weber), li huwa endemiku fir-reġjun tal-Vulkan ta’ Tequila.

L-eżistenza tal-agave blu u l-użi differenti tiegħu jistgħu jiġu ttraċċati lura għall-era pre-Kolombjana. Diversi kodiċijiet (Nuttall u Tonaltlanahuatl) iddeskrivew kif il-Messiki (“dawk li jgħixu fuq il-mezcali [xarba spirituża]”, imsemmija f’unur l-alla tal-qedem tagħhom Mexitli, li jfisser “iż-żokra tal-agave”), tgħallmu jiġbru l-qlub tal-mescal (metl), jaħmuhom fi fran ta’ taħt l-art u b’hekk jiksbu l-mezcali.

Il-kelma “Tequila” ġejja mit-termini tan-Nahuatl tequi u tlan, li jfissru “il-post għat-tqattigħ” jew “il-post fejn tħallas it-taxxa”.

Iż-żona protetta mill-Indikazzjoni Ġeografika tgawdi minn klima moderata, b’temperaturi ta’ bejn 15 °C u 29,9 °C, li hija ideali għall-kultivazzjoni tal-Agave tequilana F.A.C. Weber. L-agave għandu jitkabbar f’altitudni ta’ bejn 1 600 u 2 000 metru “l fuq mil-livell tal-baħar, fejn it-temperaturi huma l-aħjar u tista” tiġi ggarantita xita annwali ta’ madwar 1 073 sa 1 440 mm. Taħt kundizzjonijiet ikkontrollati l-Agave tequilana F.A.C. Weber intwera li għandu reżistenza limitata għat-temperaturi baxxi.

It-Tequila ġiet prodotta għall-ewwel darba mal-erba’ sekli ilu. Id-drawwiet u t-tradizzjonijiet tagħha ntirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra, u saret mod ta’ għajxien għall-aktar minn 50 000 familja li jgħixu fir-reġjuni fejn tiġi prodotta x-xarba. Il-metodi tradizzjonali għadhom jintużaw fil-proċess ta’ produzzjoni, bħat-tkabbir tal-agave u l-“jima” (iż-żabra tal-weraq sal-bażi tal-pjanta), it-tisjir u t-tisħiq tal-qlub tal-agave, l-estrazzjoni tal-meraq u tal-polpa, it-taħlit, il-fermentazzjoni, id-distillazzjoni u l-maturazzjoni.

It-Tequila hija x-xarba l-aktar famuża u emblematika tal-Messiku, u tifforma parti mill-identità globali tiegħu, billi tirrifletti t-tradizzjoni, il-kwalità u l-eċċellenza. Kibret firxa sħiħa ta’ servizzi u prodotti ta’ kwalità għolja madwar il-kultura tat-Tequila, li għamlet ir-reġjun salib it-toroq ta’ storja u tradizzjoni magħruf, fost affarijiet oħra, għall-vulkan ta’ Tequila u għall-Pajsaġġ tal-Agave u l-Faċilitajiet Industrijali Antiki ta’ Tequila (Sit ta’ Wirt Dinji tal-Unesco mill-2006).

9.   Rekwiżiti skont il-leġiżlazzjoni domestika

Dikjarazzjoni Ġenerali ta’ Protezzjoni tad-Denominazzjoni tal-Oriġini “Tequila” mill-Ministeru tal-Wirt u l-Industrija, ippubblikata fil-Gazzetta tal-Federazzjoni Messikana fid-9 ta’ Diċembru 1974.

Standard Uffiċjali NOM-006-SCFI-2012 (xarbiet alkoħoliċi – Tequila –speċifikazzjonijiet).

L-Istandard Uffiċjali NOM-006-SCFI-2012 jistipula l-ispeċifikazzjonijiet obbligatorji għall-informazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni u s-saħħa li għandha tiġi pprovduta fuq it-tikketti kollha tat-Tequila. L-informazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni trid tkun ħielsa minn kwalunkwe kliem, stampi jew deskrizzjonijiet li jistgħu jqarrqu jew iħawdu lill-konsumaturi minħabba xi impreċiżjoni, bħal “100 % naturali”, “100 % Messikan”, “100 % prodott naturali”, “100 % invekkjata” jew deskrizzjonijiet simili, peress li dawn id-deskrizzjonijiet jistgħu jitħawdu mal-kategorija tal-“100 % tal-agave” jew jagħtu vantaġġ inġust lill-produtturi li jużawhom fuq dawk li ma jużawhomx.

Għat-Tequila maħsuba għall-esportazzjoni, l-Istandard NOM-006-SCFI-2012 jeħtieġ li tal-anqas l-informazzjoni li ġejja tidher fil-parti prinċipali tat-tikketta: il-kelma “Tequila”; il-kategorija u t-tip; it-togħmiet, l-aromi u l-kuluri miżjuda, fejn applikabbli; u t-trademark irreġistrata jew xi sinjal distintiv ieħor skont il-ftehim tar-responsabbiltà konġunta miżmum fl-Uffiċċju Messikan tal-Privattivi u tat-Trademarks. L-informazzjoni li ġejja hija obbligatorja iżda tista’ titqiegħed fuq kwalunkwe parti tat-tikketta jew tal-pakkett: il-kliem “Hecho en México”, “Producto de México”, “Elaborado en México” (“magħmula l-Messiku”, “prodott tal-Messiku”), jew kliem simili; il-kodiċi uffiċjali u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-produttur awtorizzat; u n-numru tal-lott.

Dan li ġej jista’ jiġi tradott f’lingwi oħra: dettalji tat-tip ta’ tequila; it-togħmiet, l-aromi u l-kuluri miżjuda, fejn applikabbli; u l-kliem “Hecho en México”, “Producto de México”, “Elaborado en México” (“magħmula l-Messiku”, “prodott tal-Messiku”), jew kliem simili. Kwalunkwe informazzjoni oħra li tista’ jew għandha tiġi inkluża fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li fih qed tiġi importata t-Tequila tista’ tiġi ddikjarata bil-lingwa rilevanti.

It-termini Spanjoli għat-tipi differenti ta’ Tequila jistgħu jiġu maqluba bit-traduzzjoni fil-lingwa rilevanti skont il-legiżlazzjoni tal-pajjiż jew tal-post tal-bejgħ, jew b’dawn li ġejjin: “fiddien” għal blanco jew plata; “dehbija” għal joven jew oro; “invekkjata” għal reposado; “strainvekkjata” għal añejo, u “ultrainvekjjata” għal extra añejo.

It-tul ta’ żmien tal-maturazzjoni ma jistax jidher fuq it-tikketta ta’ Tequila ultrainvekkjata.

10.   Min jagħmel it-talba:Consejo Regulador Del Tequila, A.C., bis-sede tiegħu f’Avenida Patria 723, Col. Jardines de Guadalupe, f’Zapopán, Jalisco, il-Messiku.

11.   Awtorità ta’ sorveljanza: Consejo Regulador Del Tequila, A.C. [Il-Bord Regolatorju għat-Tequila] huwa l-korp kompetenti responsabbli għall-verifika, l-monitoraġġ u ċ-ċertifikazzjoni tat-Tequila. Ġie akkreditat kif meħtieġ mill-Bord għall-Akkreditazzjoni Messikana skont l-istandard tal-ISO/IEC 065 u approvat mid-Direttorat Ġenerali għall-Istandards tal-Uffiċċju tas-Segretarju għall-Ekonomija. L-unità ta’ ċertifikazzjoni għandha awtonomija sħiħa u indipendenza fid-deċiżjonijiet tagħha li huma relatati maċ-ċertifikazzjoni teknika.


(1)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(2)  Il-valur minimu jista’ jitnaqqas jekk il-manifattur tat-Tequila juri lill-Bord Regolatorju għat-Tequila (l-awtorita kompetenti ta’ kontroll skont il-punt 11 ta’ dan is-sommarju) li l-kontenut tal-metanol jkun jista’ jitnaqqas b’mod fattibbli bl-użu ta’ proċess differenti.