22.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/11


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 225/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TAL-ORIĠINI PROTETTA/INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“ŠTAJERSKO PREKMURSKO BUČNO OLJE”

Nru tal-UE: SI-PGI-0105–01361— 2.9.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

GOLICA GIZ (assoċjazzjoni ta’ produtturi tal-qara' aħmar, kooperattivi agrikoli, negozji agrikoli u xtieli li jipproduċu ż-żejt miż-żerriegħa tal-qara' aħmar)

Trg svobode 3

SI-2310 Slovenska Bistrica

SLOVENIJA

Il-Grupp li qed jippreżenta din l-applikazzjoni ressaq ukoll l-applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ “Štajersko prekmursko bučno olje”, b’tali mod li jkun hemm interess leġittimu.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Is-Slovenja

3.   Intestaturi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwati mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħra

4.   Tip ta’ emenda/i

Emendi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma jistgħux jitqiesu bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emendi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għalihom ma ġiex ippubblikat Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma jistgħux jitqiesu bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

1.   Deskrizzjoni tal-prodott

Il-firxa tal-kontenut ta’ aċidu steariku xaħmi (C18:0) skont l-intestatura Predstavitev izdelka (Il-preżentazzjoni tal-prodott) trid tiġi kkoreġuta. Il-firxa tal-kontenut ta’ aċidu steariku xaħmi elenkat fl-ispeċifikazzjoni approvata, kif meħtieġa mir-regolamenti nazzjonali, hija indikata ħażin bħala “3–15” u trid tiġi kkoreġuta għal “3-16”.

L-intestatura Upravičenost do označbe geografska označba (Eliġibbiltà għal indikazzjoni ġeografika) fiha informazzjoni dwar żoni miżrugħa b’qargħa taż-żejt u dwar il-varjetajiet miżrugħa. Id-daqs taż-żoni miżrugħa bil-qargħa taż-żejt u bil-varjetajiet tiegħu jvarjaw minn sena għal sena. Għaldaqstant, m’hemmx bżonn li jsir riferiment għal din l-informazzjoni fl-ispeċifikazzjoni.

2.   Metodu tal-produzzjoni

Fil-grafika li turi l-istadji tal-produzzjoni tal-prodott, titħassar ir-referenza għall-valur speċifiku tal-pressjoni waqt il-fażi tal-għasir, li huwa 300 bar. Il-pressjoni tiddependi l-ewwel nett fuq it-tip ta’ pressa użata, u, minħabba li l-produtturi għandhom tipi ta’ pressa differenti, ir-referenza għall-valuri speċifiċi tal-pressjoni hija irrilevanti. L-għan ta’ kull produttur huwa li jiżgura r-rendiment massimu ta’ żejt mill-massa inkaljata.

Għall-fini tal-adattament għall-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tas-suq, l-indikazzjoni ta’ volumi speċifiċi tal-ippakkjar — jiġifieri 0,25 litru, 0,5 litru, 0,75 litru u 1,0 litru — titneħħa kompletament mill-ispeċifikazzjoni. Iż-żejt tal-qara' aħmar jista’ jiġi bbottiljat fi ppakkjar ta’ diversi volumi.

Fir-rigward tal-kontrolli fuq il-parametri fiżikokimiċi taż-żrieragħ tal-qara' aħmar, jitħassru r-regoli għall-analiżi ta’ parametri differenti. L-importanti hu li l-analiżi tad-diversi parametri fiżikokimiċi tikkonforma mar-regoli rilevanti fis-seħħ.

L-ispeċifikazzjoni attwali tistabbilixxi l-kontenut ta’ ndewwa taż-żrieragħ tal-qara' aħmar fil-punt tal-kunsinna għal 6–9 %, u wara tnixxif potenzjali (jekk jaqbeż id-9 %) għal 6–7 %. Il-kontenut ta’ ndewwa taż-żrieragħ tal-qara' aħmar fil-punt tal-kunsinna u wara t-tnixxif, fejn applikabbli, għandu jkun armonizzat u ffissat għal mhux aktar minn 9 %. Fl-istess ħin, jitħassar il-limitu minimu ta’ ndewwa taż-żrieragħ tal-qara' aħmar (6 %) billi mhuwiex rilevanti: anke jekk il-kontenut ta’ ndewwa jkun anqas minn 6 %, dan m’għandu l-ebda impatt fuq il-kwalità finali taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara' aħmar.

Rigward l-istabbiliment tal-ħin tal-inkaljar li huwa 30-60 minuta, jitħassar il-limitu minimu (30 minuta) u jinżamm il-limitu massimu (madwar 60 minuta). M’hemm l-ebda ħtieġa li jiġi stabbilit limitu aktar baxx minħabba li l-ħin meħtieġ għall-inkaljar jiddependi mill-kwalità tal-ingredjenti. Irrispettivament minn dawn l-emendi, kull proċessur għandu jikseb massa inkaljata kannella fl-aħdar b’aroma qawwija ta’ ġewż inkaljat permezz tal-inkaljar.

Il-punt 4.5 tas-sommarju jiddeskrivi l-metodu tal-produzzjoni ta’ “Štajersko prekmursko bučno olje”. It-test jista’ jiġi ssimplifikat billi jiġu elenkati, taħt il-punt 3.4 tad-Dokument Uniku, l-istadji bażiċi biss tal-produzzjoni ta’ “Štajersko prekmursko bučno olje” li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita, mingħajr ebda dettalji dwar kull fażi. Billi ż-żerriegħa tal-qara' aħmar tista’ tiġi prodotta ‘l barra miż-żona ġeografika definita, dan l-istadju mhuwiex meqjus bħala wieħed mill-istadji li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika. Għaldaqstant, dan l-istadju ma jibqax jidher fil-punt 3.4 tad-Dokument Uniku.

3.   Tikkettar

Qed jiġu proposti regoli ġodda tat-tikkettar għal “Štajersko prekmursko bučno olje”. Ikun raġonevoli li jiġi previst tikkettar simplifikat u uniformi għal “Štajersko prekmursko bučno olje” li jkun ippakkjat kemm fiż-żona ġeografika ddefinita kif ukoll barra minnha.

Il-punt 4.8 tas-sommarju attwali jistipula regoli differenti għall-ippakkjar ta’ “Štajersko prekmursko bučno olje” fiż-żona ġeografika ddefinita kif ukoll barra minnha. Id-differenza hija li “Štajersko prekmursko bučno olje” ippakkjat fiż-żona ġeografika ddefinita jista’ jkollu t-tikketta nazzjonali tal-kwalità, filwaqt li “Štajersko prekmursko bučno olje” ippakkjat barra miż-żona ġeografika ddefinita jrid ikun traċċabbli għas-sors.

Billi “Štajersko prekmursko bučno olje” irid ikun traċċabbli, irrispettivament minn fejn ikun ippakkjat, din id-dispożizzjoni għandha tapplika għall-ippakkjar kemm ġewwa kif ukoll barra ż-żona ġeografika.

It-tikkettar uniformi ta’ “Štajersko prekmursko bučno olje” huwa meħtieġ ukoll biex tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 901/2012 tat-2 ta’ Ottubru 2012 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Štajersko prekmursko bučno olje” (IĠP)) (2). Fir-rigward tar-regoli tat-tikkettar, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jeħtieġ li l-pajjiż tal-oriġini (is-Slovenja) ikun indikat fl-istess kamp viżiv bħall-isem protett, u f’karattri tal-istess daqs.

Biex tkompli tiġi enfasizzata l-oriġini tal-prodott, il-logo attwali ta’ “Štajersko prekmursko bučno olje” jinbidel b’wieħed ġdid li jinkludi l-iskrizzjoni Proizvedeno v Sloveniji (Magħmul fis-Slovenja).

4.   Oħra

Billi l-leġiżlazzjoni taħt l-intestatura Zakonodaja (Leġiżlazzjoni) m’għadhiex fis-seħħ, qed issir referenza ġenerali għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ kemm fis-Slovenja kif ukoll fl-UE.

Il-bidla taħt l-intestatura Tehnika ocenjevanja bučnega olja (Tekniki għall-ittestjar taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar) tikkonċerna l-għaqda tal-kategoriji organolettiċi tar-“riħa” (riħa ta’ ħruq u rwejjaħ estranji) u tal-“aroma” (tranġit, aroma ta’ ħruq, togħmiet li jħalli). Għaldaqstant, bħala parti mill-ittestjar organolettiku, ir-riħa hija eżaminata għat-tranġit, għall-ħruq u għall-irwejjaħ estranji, filwaqt li t-togħma hija eżaminata għat-tranġit, għat-togħmiet ta’ ħruq u għat-togħmiet li jħalli. Hekk ikun aktar faċli biex wieħed jifhem il-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara' aħmar f’termini ta’ riħa u aroma.

DOKUMENT UNIKU

“ŠTAJERSKO PREKMURSKO BUČNO OLJE”

Nru tal-UE: SI-PGI-0105–01361 — 2.9.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Štajersko prekmursko bučno olje”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Is-Slovenja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5: Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

“Štajersko prekmursko bučno olje” huwa żejt veġetali tal-ikel mhux raffinat, li jsir billi ż-żerriegħa tal-qara' aħmar tal-ogħla kwalità, li tinkiseb mill-qara’ taż-żejt, tiġi inkaljata u magħsura.

“Štajersko prekmursko bučno olje” huwa ta’ lewn aħdar skur fl-aħmar u għandu riħa u togħma aromatika u karatteristika. Għandu kompożizzjoni tajba ta’ aċidi xaħmin: fih madwar 20 % ta’ aċidi xaħmin saturati, madwar 35 % ta’ aċidi xaħmin monoinsaturati u madwar 45 % ta’ aċidi xaħmin poliinsaturati. “Štajersko Prekmursko Bučno Olje” huwa wkoll sors rikk ta’ tokoferoli, billi fih madwar 50 mg ta’ vitamina E għal kull 100 g ta’ żejt. Iż-żejt fih ukoll vitamini, mikroelementi, karotenodji, amminoaċidi rari u kulur naturali (klorofilla).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-varjetajiet ta’ żrieragħ tal-qara' aħmar għall-produzzjoni ta’ “Štajersko prekmursko bučno olje” mhumiex stabbiliti. Jintużaw żrieragħ tal-qara' aħmar (Cucurbita pepo). Iż-żrieragħ tal-qara' aħmar iridu jkunu b’saħħithom, maturi, ħodor skuri u ħielsa minn kull togħma jew riħa barranija li tkun tindika tibdil li jagħmel ħsara. Il-parametri fiżikokimiċi li ġejjin jintużaw biex jiġu kkontrollati ż-żrieragħ tal-qara' aħmar li jintużaw għal “Štajersko prekmursko bučno olje”:

il-preżenza ta’ impuritajiet, li ma tistax taqbeż il-1 %,

il-kontenut ta’ ndewwa, li ma jistax jaqbeż id-9 %,

minimu ta’ kontenut ta’ żejt: 40 %,

proporzjon massimu ta’ żerriegħa mħassra (qodma, miksura): 15 %.

3.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-ipproċessar taż-żerriegħa tal-qara' aħmar — il-wasla, il-ħżin, it-tindif, it-tnixxif, it-tħin, l-irrolljar, l-inkaljar, l-għasir, is-sedimentazzjoni u l-kontroll tal-kwalità (l-analiżi fiżikokimika u l-analiżi organolettika) — iridu jsiru fiż-żona ġeografika.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

“Štajersko prekmursko bučno olje” għandu jkun traċċabbli. Kull produttur huwa intitolat juża l-ippakkjar u t-tikketta tiegħu stess. Madankollu, id-denominazzjoni protetta “Štajersko prekmursko bučno olje” għandha tidher fuq it-tikketta jew xi mkien ieħor fuq l-ippakkjar, flimkien mal-pajjiż tal-oriġini (is-Slovenja), miktuba b’ittri tal-istess daqs u fl-istess kamp viżiv bħall-isem protett, il-logo ikkulurit tal-prodott u s-simbolu tal-Unjoni, (filwaqt li t-tikketta li turi l-kwalità nazzjonali hija volontarja).

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Ir-reġjun fejn isir “Štajersko prekmursko bučno olje” miż-żerriegħa tal-qara' aħmar huwa delimitat b’linja li tgħaddi minn Dravograd għal Slovenj Gradec, Mislinja u Velenje (fejn it-triq prinċipali tifforma l-konfini), Šoštanj, Mozirje, Nazarje, Vransko, Prebold, Zabukovica u Laško. Minn hemm, il-konfini jibqgħu sejrin tul ix-xmajjar Savinja u Sava jaqbżu Radeče, Sevnica, Krško u Brežice sa Obrežje, u mbagħad jgħaddu tul il-fruntiera nazzjonali mal-Kroazja sal-fruntiera nazzjonali mal-Ungerija, u mal-fruntiera nazzjonali mal-Ungerija sal-fruntiera nazzjonali mal-Awstrija, u mbagħad mal-fruntiera nazzjonali tal-Awstrija (matul il-medda ta’ Karavanke) lura għal Dravograd.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

“Štajersko prekmursko bučno olje” huwa speċjalità kulinarja taż-żona ġeografika stabbilita fil-punt 4. Il-produzzjoni taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara' aħmar f’Štajerska u Prekmurje hija tradizzjoni, kif jixhdu kitbiet dwar l-ewwel għasir taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara' aħmar fi Fram sa mill-1750. Il-produzzjoni fuq skala kbira taż-żerriegħa tal-qara' aħmar fir-reġjun wasslet biex jitwaqqfu diversi fabbriki biex jipproċessaw iż-żerriegħa tal-qara' aħmar f’żejt permezz ta’ metodi artiġjanali (Slovenska Bistrica, Središče ob Dravi, Selo pri Pragerskem, eċċ.). Fl-1904, Albert Stigar waqqaf fabbrika fi Slovenska Bistrica għall-ipproċessar taż-żerriegħa tal-qara' aħmar f’żejt taż-żerriegħa tal-qara' aħmar b’metodi artiġjanali. Fi Prekmurje m’hemmx impjanti tal-ipproċessar kbar, hemm biss impjanti żgħar li jappartjenu għall-bdiewa. Bidwi minn dawn huwa Feri Vučak f’Vadarci fi Goričko. Il-mitħna, jew l-impjant tal-ipproċessar tiegħu għadha taħdem wara 130 sena u issa qed titħaddem mir-raba’ ġenerazzjoni tal-familja tiegħu.

Ir-reputazzjoni ta’ “Štajersko prekmursko bučno olje” qed tinfirex lil hinn mis-Slovenja f’pajjiżi Ewropej oħra, fl-Istati Uniti tal-Amerika, fl-Awstralja, fir-Russja eċċ., kif jidher, fost l-oħrajn, mill-premju li rebaħ fl-2007 għall-aktar prodott innovattiv waqt il-kompetizzjoni IFE07 (l-Avveniment Internazzjonali tal-ikel u x-xorb) f’Londra.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.mkgp.gov.si/fileadmin/mkgp.gov.si/pageuploads/podrocja/Kmetijstvo/zascita_kmetijskih_pridelkov_zivil/SPBO_Z_spr_24_8_15.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 268, 3.10.2012, p. 3.