26.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 187/21


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 187/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

“KORČULANSKO MASLINOVO ULJE”

Nru tal-UE: HR-PDO-0005-01351 – 1.7.2015

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Korčulansko maslinovo ulje”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Kroazja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żjut, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Korčulansko maslinovo ulje” huwa żejt taż-żebbuġa straverġni miksub direttament mill-frotta tas-siġra taż-żebbuġ permezz ta’ mezzi mekkaniċi biss.

Meta jitqiegħed fis-suq, “Korčulansko maslinovo ulje” irid ikollu dawn il-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi:

kontenut ta’ aċidu xaħmi liberu ≤ 0,6 %;

valur tal-perossidu ≤ 6 mmol O2/kg;

K232 ≤ 2,50

K270 ≤ 0,22

kulur li jvarja minn isfar dehbi għal aħdar;

aroma qawwija ta’ frott aħdar u weraq taż-żebbuġ (medja għal “togħma ta’ frott” ≥ 2,5);

togħma qawwija u omoġenja, medja sa intensa, morra u qarsa li tħalli togħma li ddum (medja għat-togħma morra u qarsa ≥ 3).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-materja prima bażika għall-produzzjoni ta’ “Korčulansko maslinovo ulje” hija ż-żebbuġ tal-kultivari indiġeni “Lastovka” u “Drobnica”, kemm individwalment jew flimkien. Mill-inqas 80 % tal-prodott huwa magħmul minn din il-materja prima. Kultivari oħra taż-żebbuġ imkabbra fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4 jikkonsistu f’mhux aktar minn 20 % taż-żebbuġ kollu pproċessat għall-produzzjoni ta’ “Korčulansko maslinovo ulje” u m’għandhomx influwenza sinifikanti fuq il-kwalità tal-prodott finali.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-produzzjoni ta’ “Korčulansko maslinovo ulje” (il-kultivazzjoni, il-ħsad u l-ipproċessar taż-żebbuġ) iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fil-punt 4.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

Il-ħżin u l-ibbottiljar taż-żejt iridu jsiru wkoll fiż-żona ġeografika ddefinita msemmija fil-punt 4 sabiex jiġu ppreservati l-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi speċifiċi u l-kwalità tal-prodott, li jistgħu jiġu affettwati ħażin mid-dikantar. Kull dikantar taż-żejt li jsir wara barra miż-żona ġeografika ddefinita, jew trasport bil-baħar fuq distanzi twal, minħabba konnessjonijiet ristretti possibbli tat-trasport bejn il-gżira ta’ Korčula u l-kontinent, fl-aħħar mill-aħħar jista’ jkollhom effett negattiv fuq il-kwalità taż-żejt. Għal dawn ir-raġunijiet il-prodott ma jistax jiġi bbottiljat barra miż-żona ġeografika ddefinita. “Korčulansko maslinovo ulje” jiġi mqiegħed fis-suq f’kontenituri tal-ħġieġ (skuri) b’volum li ma jaqbiżx il-litru (1).

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

Fuq it-tikketta tal-prodott irid ikun hemm indikata s-sena tal-ħsad. Kull kontenitur li jitqiegħed fis-suq irid ikollu l-identifikatur komuni. Id-disinn tal-identifikatur komuni jinsab hawn taħt.

Image

L-utenti kollha tad-denominazzjoni tal-oriġini li jqiegħdu l-prodott fis-suq skont l-ispeċifikazzjoni tiegħu għandhom id-dritt jużaw l-identifikatur komuni, taħt l-istess kundizzjonijiet.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni ta’ “Korčulansko maslinovo ulje” tinkludi l-gżira kollha ta’ Korčula, jiġifieri l-muniċipalitajiet katastali ta’ Vela Luka, Blato, Smokvica, Čara, Račišće, Pupnat, Žrnovo, Korčula u Lumbarda.

Lejn il-Punent, il-gżira hija mifruda mill-gżira ta’ Hvar permezz tal-Kanal ta’ Korčula li huwa wiesgħa 15-il kilometru, lejn it-Tramuntana mill-Peniżola ta’ Pelješac permezz tal-Kanal ta’ Pelješac li huwa wiesgħa 2,5-il kilometru, u lejn in-Nofsinhar mill-gżira ta’ Lastovo permezz tal-Kanal Lastovo li huwa wiesgħa 13-il kilometru.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Il-gżira ta’ Korčula hija ddominata minn art muntanjuża u mħarbta u magħmula prinċipalment minn blat, bi ftit raba’. Il-blat tneħħa mir-raba’ u r-raba’ ġie mibdul f’għelieqi mtarrġin. Il-blat li tneħħa ntuża biex jinbnew ħitan tal-ġebel niexef madwar l-għelieqi mtarrġin. Il-ħitan tal-ġebel niexef iżommu l-ħamrija fertili fl-għelieqi mtarrġin; fi kliem ieħor, dawn iżommuha milli tinġarr mix-xita. F’dik il-ħamrija fertili tal-għelieqi mtarrġin, imdawwra minn ħitan tal-ġebel niexef, jiġu mħawwla msaġar taż-żebbuġ magħmula primarjament minn siġar tal-kultivari indiġeni “Lastovka” u “Drobnica”.

It-tipi prinċipali ta’ raba’ jistgħu jiġu maqsuma f’żewġ gruppi: regosoli tal-għelieqi mtarrġin u regosoli tal-għelieqi. Ir-regosoli ħafna drabi huma magħmula minn kambisol kalkarju u minn raba’ ħamri.

Il-gżira ta’ Korčula għandha klima Mediterranja bi xtiewi moderati u sjuf sħan u niexfa. It-temperaturi medji għoljin huma r-riżultat ta’ espożizzjoni għolja għad-dawl tax-xemx. It-temperaturi medji annwali fuq il-gżira ta’ Korčula jvarjaw bejn 15,6 °C u 16,8 °C. L-aktar xahar sħun huwa Lulju, b’temperatura medja ta’ 25,9 °C, filwaqt li x-xahar l-aktar kiesaħ huwa Frar, b’temperatura medja ta’ 9,1 °C.

Mil-lat tal-espożizzjoni għad-dawl tax-xemx, Korčula hija adattata ħafna għat-tkabbir taż-żebbuġ. Lulju għandu l-aktar sigħat ta’ xemx (373,7, jew madwar 12-il siegħa ta’ xemx fil-ġurnata), filwaqt li Diċembru għandu l-inqas (125,3, jew madwar 4 sigħat fil-ġurnata).

F’termini ta’ preċipitazzjoni annwali, il-klima tal-gżira ta’ Korčula hija karatteristikament umda. L-aktar li tagħmel xita huwa fil-parti l-aktar kiesħa tas-sena, jiġifieri minn Ottubru sa Marzu, meta l-preċipitazzjoni medja fix-xahar tvarja bejn 80 mm u 150 mm. Bejn Ġunju u Awwissu l-preċipitazzjoni hija l-inqas, u tvarja bejn medja ta’ 30 mm u 45 mm.

Fatturi umani

Il-popolazzjoni tal-gżira ta’ Korčula kellha rwol ewlieni fil-formazzjoni tal-pajsaġġ tal-gżira. Il-kultivaturi taż-żebbuġ ħadmu l-art muntanjuża u mħarbta, biddluha f’raba’ mtarraġ u adattawha għall-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ imdawwra b’ħitan tal-ġebel niexef. Id-diffikultà tal-aċċess għall-għelieqi mtarrġin fl-għoljiet teskludi l-użu ta’ makkinarju kbir. Il-ħsad isir bl-idejn u b’għodod mekkaniċi tal-idejn.

Minn żminijiet preistoriċi l-gżira ta’ Korčula biddlet sidien b’mod regolari u għalhekk għadd kbir ta’ avvenimenti storiċi influwenzaw il-ħajja u l-iżvilupp tal-għelejjel fuq il-gżira. Abbundanza ta’ evidenza storika turi li l-kultivazzjoni taż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fuq il-gżira ta’ Korčula ilhom isiru minn żmien il-kolonizzazzjoni mill-Griegi tal-Antik u taħt il-ħakma Rumana u Venezjana. Sorsi miktuba li jmorru lura għaż-żmien meta Korčula kienet taħt il-ħakma Venezjana jsemmu li “l-gvern Venezjan xtara ż-żejt bi prezz baxx ħafna, li ġiegħel lill-abitanti tal-gżira biex jibdew ibigħuh b’kuntrabandu. Għalkemm ġew introdotti pieni severi, iċ-ċifri juru li ż-żejt minn Korčula rnexxielu jasal il-bogħod saħansitra sa Trieste.” (S. Dokoza, Iz gospodarske i društvene povijesti Blata do XVIII. st., Zbornik radova Blato, 2003).

Speċifiċità tal-prodott

L-ispeċifiċità ta’ “Korčulansko maslinovo ulje” ġejja mit-taħlita tal-kultivari indiġeni taż-żebbuġ “Lastovka” u “Drobnica”, li minnhom jikkonsisti 80 % taż-żebbuġ fuq il-gżira ta’ Korčula.

Fix-xogħol xjentifiku tiegħu (Elajografija otoka Korčule (1995), Pavle Bakarić jistqarr li l-kultivari indiġeni taż-żebbuġ “Lastovka” u “Drobnica” huma differenti mill-varjetajiet l-oħra li jinsabu fuq il-gżira ta’ Korčula (“velika Lastovka”, “Vrtušćica”, “Oblica”) f’termini tal-karatteristiċi morfoloġiċi, bijoloġiċi u kummerċjali tagħhom. Huwa jgħid ukoll li ż-żebbuġ frisk ta’ dawn iż-żewġ kultivari fih proporzjon akbar ta’ żejt (bejn 16,40 % u 24 %) milli fih żebbuġ frisk ta’ kultivari oħra.

L-ispeċifiċità ta’ “Korčulansko maslinovo ulje” ġejja mill-aroma tiegħu (li tfakkrek fi frott aħdar u weraq taż-żebbuġ) u mit-togħma (li hija morra u qarsa, u bejn medja u intensa b’mod omoġenju), li jirriżultaw mill-ammont kbir ta’ fenoli totali, li huma responsabbli għall-kwalitajiet sensorjali tiegħu, jiġifieri t-togħma morra u qarsa. Dan intwera permezz tar-riċerka (M. Žanetić, D. Škevin, E. Vitanović, M. Jukić Špika u S. Perica, Ispitivanje fenolnih spojeva i senzorski profil dalmatinskih djevičanskih maslinovih ulja, Pomologia croatica vol. 17, 2011), li fiha nstab li ż-żejt taż-żebbuġa tal-kultivari “Lastovka” u “Drobnica” fih proporzjon akbar ta’ fenoli totali (aktar minn 350 mg/kg) milli fih dak tal-kultivari l-oħra li ġew analizzati (“Oblica” u “Levantinka”), u li kellhom kontenut ta’ fenoli totali ta’ 161,15 mg/kg. Minn fost il-kultivari li ġew analizzati, instab ukoll li l-kultivar “Lastovka” kellu l-akbar proporzjon ta’ idrossitirosoli (214,32 mg/kg), filwaqt li l-kultivar “Drobnica” kellu l-akbar proporzjon ta’ tirosoli (84,37 mg/kg). Komposti fenoliċi mill-kultivari “Lastovka” u “Drobnica” jagħtu liż-żejt stabilità ossidattiva għolja u skadenza fit-tul. Il-proporzjon għoli ta’ komposti fenoliċi jinfluwenza t-togħma morra u qarsa ta’ “Korčulansko maslinovo ulje” (medja għat-togħma morra u qarsa ≥ 3), u l-bilanċ bejn dawn iż-żewġ attributi huwa espress l-aħjar fil-kultivari ta’ “Drobnica” u “Lastovka”, li minnhom jiġi prodott iż-żejt taż-żebbuġa msemmi hawn fuq.

Illum madwar 1 000 azjenda agrikola u 10 fabbriki taż-żebbuġ huma impenjati fil-kultivazzjoni taż-żebbuġ u fil-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fuq il-gżira ta’ Korčula. It-tkabbir taż-żebbuġ huwa attività ekonomika importanti fuq il-gżira, u l-isem “Korčulansko maslinovo ulje” għadu sal-lum jintuża fil-lingwaġġ ta’ kuljum u fuq is-suq (nota ta’ kunsinna u ta’ trasport, Presa d.o.o., Zlokić d.o.o., 2014).

Rabta kawżali

Il-kundizzjonijiet pedoklimatiċi speċifiċi tal-gżira ta’ Korčula u l-attività tal-bniedem għandhom rwol fil-ħolqien tal-ispeċifiċità ta’ “Korčulansko maslinovo ulje”.

L-abitanti lokali biddlu l-art muntanjuża u mħarbta tal-gżira f’għelieqi mtarrġin imdawwra b’ħitan tal-ġebel niexef sabiex jikkultivawha. L-għelieqi mtarrġin ġew imħawwla b’imsaġar taż-żebbuġ li jikkonsistu primarjament minn siġar taż-żebbuġ tal-kultivari “Lastovka” u “Drobnica”. L-għelieqi mtarrġin bis-siġar taż-żebbuġ imdawwrin bil-ħitan huma karatteristika awtentika tal-pajsaġġ tal-gżira.

Il-produtturi għażlu l-kultivari “Lastovka” u “Drobnica” bħala l-aktar adattati għall-kundizzjonijiet pedoklimatiċi speċifiċi. Dawn jirrappreżentaw 80 % taż-żebbuġ imkabbar fuq il-gżira ta’ Korčula.

Grazzi għall-pożizzjoni ġeografika tagħha, fil-biċċa l-kbira, matul il-jum Korčula għandha temperaturi għoljin ħafna b’għadd kbir ta’ sigħat ta’ xemx. Dan jiffavorixxi l-kultivazzjoni u t-tkabbir taż-żebbuġ, speċjalment dak tal-kultivari “Lastovka” u “Drobnica”, li huma estremament reżistenti għan-nixfa u b’mod partikolari għandhom perjodu ta’ ħsad twil (minn Ottubru sal-bidu ta’ Frar).

Il-ġbir bl-idejn taż-żebbuġ jippermetti lill-produtturi lokali sabiex jistabbilixxu ż-żmien ideali għall-ħsad tagħhom. Effett dirett ta’ dan huwa żebbuġ li għandu kontenut għoli ta’ fenoli, li jagħti lil “Korčulansko maslinovo ulje” togħma morra u qarsa bejn medja u intensa.

Il-kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi tal-gżira ta’ Korčula, li jinkludu ħafna sigħat ta’ xemx u preċipitazzjoni baxxa fix-xhur tas-sajf iwasslu wkoll, b’mod dirett, għal żieda fil-kontenut ta’ fenoli fiż-żejt tal-kultivari “Lastovka” u “Drobnica”. L-analiżijiet urew li dan il-kontenut huwa akbar minn dak ta’ varjetajiet oħra li ġew analizzati, u dan jagħti lil “Korčulansko maslinovo ulje” l-karattru speċifiku tiegħu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.mps.hr/UserDocsImages/HRANA/KORCULANSKO%20MASLINOVO%20ULJE/2016-4-6%20-%20Izmijenjena%20Specifikacija%20proizvoda.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.