18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 176/29


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 176/09)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012  (2)

“VULTURE”

Nru tal-UE: IT-PDO-0105-01390 - 21.10.2015

DOP ( X ) IĠP ( ) STG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio di Tutela della Denominazione di Origine Protetta per l’olio extravergine di oliva Vulture

Via Piano di Chiesa

85027 Rapolla (PZ)

ITALIA

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Titlu fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat mill-emenda

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: referenzi għall-entità ta’ kontroll miżjuda

4.   Tip ta’ emenda

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrat li tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-dokument uniku ppubblikat.

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrat li tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda tad-dokument uniku ppubblikat.

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrat li tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku (jew xi dokument ekwivalenti).

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ STG irreġistrat li tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda (emendi)

Deskrizzjoni tal-prodott

Kultivar

Is-sentenza li ġejja:

Iż-Żejt taż-Żebbuġa Extraverġni DOP “Vulture” jingħasar miż-żebbuġ tal-varjetajiet li ġejjin: talanqas 70 % kultivar “Ogliarola del Vulture”; jistgħu jkunu preżenti wkoll dawn il-varjetajiet: “Coratina”, “Cima di Melfi”, “Palmarola”, “Provenzale”, “Leccino”, “Frantoio”, “Cannellino”, u “Rotondella”, sakemm l-ammont tagħhom ma jaqbiżx it-30 %, individwalment jew kollha flimkien.

tinbidel bis-sentenza:

“Iż-Żejt taż-Żebbuġa Extraverġni DOP ‘Vulture’ jingħasar miż-żebbuġ tal-varjetajiet li ġejjin: talanqas 60 % kultivar ‘Ogliarola del Vulture’; jistgħu jkunu preżenti wkoll dawn il-varjetajiet: ‘Coratina’, ‘Cima di Melfi’, ‘Palmarola’, ‘Provenzale’, ‘Leccino’, ‘Frantoio’, ‘Cannellino’, u ‘Rotondella’, ‘Nocellara’, ‘Laudolia’, sakemm l-ammont tagħhom ma jaqbiżx l-40 %, individwalment jew kollha flimkien.”

Il-proporzjon tal-kultivar “Ogliarola del Vulture” jonqos minn 70 % għal 60 % tal-ammont totali ta’ żebbuġ li minnu jinkiseb iż-żejt Vulture. Għalhekk il-proporzjon tal-varjetajiet l-oħra li jistgħu jintużaw biex jinkiseb iż-żejt Vulture DOP jiżdiedu minn 30 għal 40 %. Barra min dan, il-varjetajiet Nocellara u Laudonia ġew miżjuda ma’ dawk li jistgħu jintużaw sal-limitu ta’ 40 %.

Din l-emenda tqis il-bżonn li jiġi sfruttat it-tkabbir taż-żebbuġ fiż-żona kollha u hija ġġustifikata mill-fatt li għal ħafna snin saru analiżijiet ta’ żejt prodott fiż-żona ġeografika, kemm mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Potenza, li hija l-awtorità ta’ kontroll, kif ukoll mill-Università tal-Bażilikata, u rriżulta li l-proporzjonijiet ġodda ma jaffettwawx il-kwalitajiet tal-taż-żejt Vulture. Il-karatteristiċi ta’ dan iż-żejt huma ggarantiti peress li l-kultivar Ogliarola del Vulture għadha tirrappreżenta l-akbar sehem ta’ 60 %.

Permezz ta’ din iż-żieda ta’ dawn iż-żewġ varjetajiet, in-Novellara u l-Laudolia, l-art totali tal-imsaġar fiż-żona ġeografika tista’ tiġi sfruttata aħjar, filwaqt li l-karatteristiċi ewlenin tal-prodott jibqgħu jiġu ppreżervati

Aċidità

L-aċidità espressa f’aċidu olejku tonqos minn ≤ 0,5 % sa ≤ 0,38 %

Bis-saħħa tat-titjib fil-metodi u fil-proċessi ta’ produzzjoni ta’ dawn l-aħħar snin, dan il-limitu seta’ jonqos u l-kwalità taż-żejt tjiebet.

Valur tal-perossidu

Il-valur tal-perossidi (mEq O2/Kg) naqas: minn ≤ 11 sa ≤ 10 biex titjieb il-kwalità taż-żejt;

Barra minn hekk, anki fir-rigward tal-perossidi, bis-saħħa tat-titjib fil-metodi u fil-proċessi ta’ produzzjoni ta’ dawn l-aħħar snin, dan il-limitu seta’ jonqos u l-kwalità taż-żejt tjiebet.

Evalwazzjoni organolettika

Is-sentenza li ġejja titħassar:

 

“tadam: medja 4 – 6”

Din l-emenda hija neċessarja minħabba li wara snin ta’ kontrolli u analiżi nstab li din il-karatteristika mhix dejjem preżenti fl-evalwazzjoni organolettika taż-żejt, anki jekk l-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġiet imħarsa. Probabbilment din il-karatteristika ġiet inkluża fl-ispeċifikazzjoni bi żball, abbażi ta’ analiżi magħmula fuq għadd mhux rappreżentattiv ta’ kampjuni u ta’ snin, mingħajr ma ttieħed kont tal-varjabbiltà dovuta għas-snin ta’ produzzjoni differenti.

Prova tal-oriġini:

Jiżdiedu s-sentenzi li ġejjin:

Il-pjanti ta’ Ogliarola del Vulture u ta’ varjetajiet oħra jistgħu jinstabu fuq art li tikkorrispondi għall-istess medda katastali, u fuq art mifruxa fuq diversi meded tal-istess produttur jew ta’ bosta produtturi taż-żebbuġ.

F’każ li jkun hemm diversi produtturi, dawn iridu jressqu applikazzjoni waħda konġunta biex jipparteċipaw fis-sistema ta’ kontroll, jiġbru ż-żebbuġ fl-istess jum u jġibu ż-żebbuġ fl-istess ċentru ta’ għasir sabiex jippermettu u jiffaċilitaw il-kontrolli.

Dan ifisser b’mod ċar li d-distribuzzjoni meħtieġa tal-varjetajiet tista’ tiġi ssodisfata mhux biss fil-livell tal-istess medda, iżda wkoll fil-livell ta’ diversi meded li jappartjenu għal produttur wieħed jew għal diversi produtturi. F’każ li jkun hemm diversi produtturi, dawn iridu jressqu applikazzjoni waħda konġunta biex jipparteċipaw fis-sistema ta’ kontroll, jiġbru ż-żebbuġ fl-istess jum u jġibu ż-żebbuġ fl-istess ċentru ta’ għasir sabiex jippermettu u jiffaċilitaw il-kontrolli. Imsaġar taż-żebbuġ b’varjetajiet oħra tħawlu fi żminijiet differenti u wara l-imsaġar ta’ Ogliarola del Vulture u dawn il-varjetajiet ġeneralment ma jinsabux fost is-siġar taż-żebbuġ tal-varjetà ta’ Ogliarola del Vulture iżda f’diversi meded. Minħabba dan kellhom jiġu aġġustati l-ħtiġijiet tal-qtugħ u tat-tħin.

Metodu tal-produzzjoni

Is-sentenza li ġejja:

“Il-produzzjoni massima taż-żebbuġ ma tistax taqbeż it-tmien tunnellati għal kull ettaru”

tinbidel bis-sentenza:

“Il-produzzjoni massima taż-żebbuġ ma tistax taqbeż it-tmien tunnellati għal kull ettaru +20 % fis-snin ta’ abbundanza”

Ir-raġuni għal din il-bidla hija li l-produzzjoni massima ta’ tmien tunnellati hija raġonevoli matul snin normali iżda kienet ta’ ħsara għall-produtturi fis-snin ta’ abbundanza, filwaqt li għandu jitqies ukoll li l-produzzjoni taż-żebbuġ hija bbażata fuq sena iva u sena le.

L-analiżijiet imwettqa f’dawn l-aħħar snin urew li żieda ta’ 20 % fil-produzzjoni fis-snin ta’ abbundanza ma taffettwax il-karatteristiċi tal-kwalità taż-żejt “Vulture” li jibqgħu ppreżervati f’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Tikkettar

Is-sentenza:

“Id-denominazzjoni ‘Vulture’ għandha tidher b’dawn il-karatteristiċi:

:

font

:

Korinna regular;

:

daqs ta’ barra tal-ittri

:

24,3;

:

il-kulur tas-saff ta’ fuq tal-ittri

:

deheb 872 U

:

daqs ta’ ġewwa tal-ittri

:

17,9;

:

kulur id-dell tal-ittri

:

pantone 8 580 cv;

:

kulur tal-bażi kwadranti

:

pantone 8 580 cv

Image ”;

Inbidlet:

“Id-denominazzjoni tal-oriġini protetta ‘Vulture’ trid tidher fuq it-tikketta b’ittri ċari li ma jitħassrux b’kulur li jikkuntrasta sew ma’ dak tat-tikketta innifisha, b’tali mod li tingħaraf sew mill-bqija tal-indikazzjonijiet li jidhru fl-istess tikketta, hekk kif jidher fil-logo li ġej fit-Tipa Sabon Bold:

Image

Din l-emenda tqis il-ħtieġa tal-produtturi li jkollhom logo aktar effettiv għal finijiet ta’ komunikazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni.

Żdiedet is-sentenza li ġejja:

“It-tikketta għandha turi d-dettalji mitluba mil-liġi u mir-regoli kummerċjali, is-sena ta’ produzzjoni u l-lott tal-produzzjoni.”

Din l-emenda tqis il-ħtieġa li l-ispeċifikazzjonijiet jiġu adattati għal kull bidla regolatorja.

Oħrajn

Żdiedet is-sentenza li ġejja:

Il-kontroll tal-konformità tal-prodott għall-ispeċifikazzjoni jsir minn din l-entità ta’ kontroll skont ir-regolamenti attwali tal-UE. L-awtorità pubblika ta’ kontroll magħżula hija l-Kamra tal-Kummerċ ta’Potenza; e-mail: segreteriagenerale@pz.camcom.it – pec – ccia.potenza@pz.legalmail.it – Tel. 0971 41211 – fax 0971 412226.”

Ir-referenzi dwar l-Entità ta’ Kontroll li ma kinux inklużi fl-ispeċifikazzjoni attwali, għaldaqstant ġew miżjuda.

DOKUMENT UNIKU

“VULTURE”

Nru tal-UE: IT-PDO-0105-01390 - 21.10.2015

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem

“Vulture”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Fil-mument tal-ippakkjar iż-żejt taż-żebbuġa extraverġni “Vulture” DOP għandu jkollu dawn il-karatteristiċi li ġejjin:

1 -   Karatteristiċi fiżikokimiċi

Aċidità espressa bħala aċidu olejku: ≤ 0,38 %;

Valur tal-perossidi (mEq O2/Kg): ≤ 10;

Total ta’ polifenoli: ≥ 150;

K 232: ≤ 2,0.

2 -   Kwalitajiet organolettiċi

Kulur: isfar ambra jagħti fl-aħdar;

Riħa/togħma:

element ta’ togħma ta’ frott

:

medja 4-6 b’riħa ta’ ħaxix maqtugħ kultant;

morr

:

baxx/moderat, medja 2-6;

pikkanti

:

baxx/moderat, medja 2-6.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Iż-Żejt taż-Żebbuġa Extraverġni DOP “Vulture” jingħasar miż-żebbuġ tal-varjetajiet li ġejjin: talanqas 60 % kultivar “Ogliarola del Vulture”; jistgħu jkunu preżenti wkoll dawn il-varjetajiet: “Coratina”, “Cima di Melfi”, “Palmarola”, “Provenzale”, “Leccino”, “Frantoio”, “Cannellino”, u “Rotondella”, “Nocellara”, “Laudolia”, sakemm l-ammont tagħhom ma jaqbiżx l-40 %, individwalment jew kollha flimkien.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-proċessi kollha, jiġifieri l-produzzjoni u l-ipproċessar taż-żebbuġ u l-ħażna taż-żejt li minnu jiġi prodott id-DOP “Vulture”, jridu jitwettqu fiż-żona tal-produzzjoni.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-ippakkjar jista’ jsir kemm ġewwa ż-żona tal-produzzjoni, kif ukoll barra miż-żona: f’kull każ għandhom jiġu ggarantiti l-kontroll u t-traċċabbiltà billi dejjem ikun hemm imniżżel il-kunsinna taż-żejt u l-impjant tal-għasir fuq id-dokument tat-trasferiment.

Il-kummerċjalizzazzjoni għandha ssir f’kontenituri tal-ħġieġ jew tal-landa b’kapaċità li tkun inqas minn ħames litri. Il-prodott jista’ jiġi ppakkjat ukoll f’pakketti żgħar għal użu ta’ darba.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Id-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Vulture” trid tidher fuq it-tikketta b’ittri ċari li ma jitħassrux b’kulur li jikkuntrasta sew ma’ dak tat-tikketta innifisha, b’tali mod li tingħaraf sew mill-bqija tal-indikazzjonijiet li jidhru fl-istess tikketta, hekk kif jidher fil-logo li ġej fit-Tipa Sabon Bold:

Image

Jista’ jiżdied il-kliem: “olio extravergine di oliva a denominazione di origine protetta” (żejt taż-żebbuġa extraverġni tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta), jew “olio extravergine di oliva DOP” (żejt taż-żebbuġa extraverġni DOP).

It-tikketta għandha turi d-dettalji mitluba mil-liġi u mir-regoli kummerċjali, is-sena ta’ produzzjoni u l-lott tal-produzzjoni.

L-ebda żieda mad-denominazzjoni msemmija hawn fuq hija permessa, sakemm ma tkunx stipulata espressament f’din l-ispeċifikazzjoni: il-kliem “Olio imbottigliato dal produttore all’origine”, (żejt ibbottiljat mill-produttur fil-post fejn joriġina) jew “olio imbottigliato nella zona di produzione” (żejt ibbottiljat fiż-żona tal-produzzjoni), jekk l-ibbottiljar isir minn parti terza.

Tista’ ssir referenza għal azjendi, ismijiet ta’ negozji u marki kummerċjali privati, sakemm ma jkunux b’mod li l-konsumatur jista’ jiġi mqarraq.

Tista’ ssir referenza għaż-żejt miksub bil-metodu bijoloġiku fit-tismija jew fil-logo.

Il-prodott li jinbiegħ f’ippakkjar ta’ doża waħda jrid ikollu fuqu d-denominazzjoni protetta, il-kunsinna, is-sena ta’ produzzjoni u n-numru tas-serje mogħti mill-Unità ta’ kontroll.

Tikketti sekondarji u tikketti mal-għonq tal-flixkun fl-ippakkjar huma permessi.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żebbuġ użat biex jiġi prodott iż-żejt taż-żebbuġa extraverġni “Vulture” DOP irid jiġi prodott u pproċessat fi ħdan il-limiti amministrattivi tal-muniċipalitajiet li ġejjin: Melfi, Rapolla, Barile, Rionero in Vulture, Atella, Ripacandida, Maschito, Ginestra u Venosa.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika definita hija kkaraterizzata u magħrufa bl-isem tal-għolja “Vulture”, vulkan estint li jinsab fiż-żona ċentrali fin-Nofsinhar tal-Appennini, madwar 60 km mill-baħar. L-imsaġar taż-żebbuġ użati fil-produzzjoni taż-żejt “Vulture” jinsabu fuq il-pendil tal-vulkan Vulture faċċata tal-Lvant u x-Xlokk, billi l-għolja tinfluwenza l-mikroklima u tipproteġi s-siġar taż-żebbuġ mill-irjieħ kesħin tax-xitwa. It-territorju definit jestendi bejn l-altitudni ta’ 400 u 700 m ‘il fuq mil-livell tal-baħar, u għandu mikroklima partikolarment karatterizzata minn klima tat-tip kontinentali bi xtiewi ġeneralment twal u kesħin, u sjuf qosra u ta’ sikwit nexfin.

Il-preċipitazzjoni medja tilħaq 750 mm fis-sena u tlaħħaq sa 1 000 mm fiż-żoni l-iżjed interni. Din hija kkonċentrata fil-perjodu tal-ħarifa u x-xitwa, u tissokta l-aktar fil-bidu tar-rebbiegħa; iżda il-preċipitazzjoni ma tonqosx anke tard fir-rebbiegħa u matul is-sajf.

It-temperatura medja annwali tvarja bejn l-14 u l-15 °C u l-iktar xhur kesħin huma Jannar u Frar b’temperaturi medji ta’ bejn 4 – 6 °C u li ta’ sikwit jinżlu wkoll taħt iż-żero: dawn huma kundizzjonijiet klimatiċi estremi li fihom jistgħu jitkabbru s-siġar taż-żebbuġ, infatti fil-partijiet l-iktar għoljin jikbru flimkien mas-siġar tal-qastan. Il-klima pjuttost kiesħa taż-żona tal-produzzjoni tirriżulta, kif isemmu bosta awturi, f’kontenut għoli ta’ polifenol fiż-żejt. Il-ħamrija tal-oriġini vulkanika hija partikolarment fertili minħabba li ġejja minn tufu vulkaniku lewċitiferu, b’kontenut għoli ta’ anidride fosforiku, potassju u ġebla tal-franka, li fiha wkoll kontenut tajjeb ta’ sustanza organika ta’ madwar 6 %. Skont riċerka li saret mill-Università tal-Bażilikata, minn Metapontum Agrobios u mill-istess Dipartiment Reġjonali tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-ħamrija ta’ Vulture għandha kontenut għoli ta’ elementi li jistgħu jinbidlu - potassju (ogħla minn 450 ppm bħala medja), kalċju (ogħla minn 3 000 ppm bħala medja), manjeżju (ogħla minn 170 ppm bħala medja). Il-potassju fis-siġra jinsab prinċipalment fil-kavitajiet ċellulari f’forma jonika. Għandu rwol importanti fil-formazzjoni ta’ gluċidi u protiti, fil-proċessi ta’ assimilazzjoni, respirazzjoni u moviment tal-ilma fis-siġar. Element ieħor importanti li jikkaratterizza t-territorju u d-denominazzjoni hija l-preżenza tal-varjetà “Ogliarola del Vulture”, varjetà indiġena li tnisslet matul is-sekli b’mod naturali u bl-għajnuna tal-bdiewa li jkabbru ż-żebbuġ, u issa tokkupa ż-żona ġeografika definita. Il-varjetà ma setgħetx tikber fl-għoljiet l-iktar għoljin minħabba l-qilla tax-xitwa, u fiż-żoni l-iktar sħan minħabba l-preżenza ta’ varjetà aktar produttiva b’siġar iktar b’saħħithom u li jirreżistu temperaturi għoljin. Infatti bosta awturi jsemmu li hemm rabta bejn l-oriġini tal-varjetà u t-tolleranza għat-temperatura: il-varjetajiet indiġeni tal-lokalitajiet iktar kesħin juru tolleranza anqas għal temperaturi għoljin, waqt li l-varjetajiet indiġeni tal-lokalitajiet aktar sħan huma iktar tolleranti, u viċe versa. B’riżultat ta’ dan l-Ogliarola del Vulture tokkupa biss iż-żona tal-produzzjoni taż-żejt Vulture DOP. Fuq l-għolja Vulture, is-siġra taż-żebbuġ mhux biss hija riżors produttiv, iżda hija wkoll element li jikkaratterizza l-identità tal-pajsaġġ u tal-ambjent tat-territorju, li tipproteġi l-istess żona mid-diżastri atmosferiċi li ta’ sikwit jolqtu din iż-żona. Peress li s-siġar taż-żebbuġ jikbru fuq ix-xaqlibiet esposti tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-għolja Vulture, dawn jinsabu fuq pendil u jipproteġu l-ħamrija bl-istess mod tal-foresti fuq il-muntanji. Fi kliem ieħor jipproteġu l-istabbiltà idroġeoloġika taż-żona u jagħmluha ospitabbli għall-bniedem billi jokkupaw artijiet li minħabba l-pendil tagħhom ma setgħux jintużaw għal kwalunkwe kultivazzjoni oħra. Is-siġra taż-żebbuġ ilha tikber fiż-żona tal-Vulture sa minn żminijiet antiki, kif jidher minn diversi dokumenti storiċi fl-Arkivju Statali ta’ Potenza, fejn jinżammu bosta statistiki u rapporti storiċi li jiddeskrivu t-territorju u t-tkabbir tas-siġra taż-żebbuġ. Minn din id-dokumentazzjoni jidher li s-siġra taż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żejt fiż-żona ta’ Vulture ilhom għal żmien twil, u matul is-snin saru iżjed importanti fil-kuntest ekonomiku taż-żona.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/MT/IDPagina/3335

Jew

billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u l-Forestrija (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fuq in-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fil-ġenb, fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.