14.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/19


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2016/C 174/09)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012  (2)

“MELANNURCA CAMPANA”

Nru tal-UE: IT-PGI-0105-01337 – 18.5.2015

DOP ( ) IĠP ( X ) STG ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

“Consorzio di Tutela Melannurca Campana” (Konsorzju għall-protezzjoni tal-Melannurca Campana)

Via Verdi 29

81100 Caserta

ITALIA

Tel. +39 08232325144

Posta elettronika: melannurcaigp@coldiretti.it

Il-“Consorzio di Tutela Melannurca Campana” [konsorzju tal-protezzjoni] huwa intitolat li jissottometti applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 13(1) tad-Digriet Numru 12511 tal-14 ta’ Ottubru 2013 tal-Ministeru għall-Politika tal-Agrikoltura, Alimentari u Forestali.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn [Referenzi legali aġġornati; entità tal-kontroll]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat.

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti).

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ STG irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

L-indikazzjoni tal-piż taż-żewġ varjetajiet tal-frotta titħassar mill-Ispeċifikazzjoni tal-prodott. Il-piż tal-frotta huwa direttament korrelat mad-dijametru, għalhekk din l-informazzjoni hija superfluwa peress li d-dijametru minimu tal-frotta huwa diġà indikat fl-Ispeċifikazzjonijiet. L-emenda proposta għandha l-għan li tiffaċilita l-operazzjonijiet wara l-ħsad minħabba li l-operaturi għandhom kalibraturi, speċjalment dawk tal-ewwel ġenerazzjoni, li mhumiex dejjem mgħammra biex jiddeterminaw kemm il-piż kif ukoll il-kejl, li jfisser li l-operaturi jkollhom spejjeż żejda.

Metodu ta’ produzzjoni

It-tielet paragrafu tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott:

“Barra mis-slavaġ tat-tuffieħ Franco [imkabbrin miż-żerriegħa tal-istess speċi bħal ta’ dik li hi mlaqqma] u mit-tipi standard li jikbru li għandhom forma ta’ vażun, is-slavaġ ikklonati u r-ringieli ta’ sġajriet jew forom imħarrġa (‘palmetta’, ‘fusetto’ u forom simili), flimkien ma’ għadd ta’ pjanti li jistgħu jvarjaw sa massimu ta’ 1 200/ettaru, huma wkoll ikkunsidrati xierqa.”

huwa emendat kif ġej:

“Is-sistema ta’ tħawwil rakkomandata hija dik ta’ ringiela waħda, biex tiżgura l-aqwa espożizzjoni għad-dawl tax-xemx dirett b’għadd ta’ pjanti li jistgħu jvarjaw sa massimu ta’ 1 666/ettaru.”

Il-kultivazzjoni tal-“Melannurca Campana” IĠP hija permessa f’ġonna b’siġar tal-frott xierqa, sakemm il-karatteristiċi eċċellenti tal-kwalità tal-prodott huma garantiti. L-emenda tad-distanzi tat-tħawwil tikkorrespondi maż-żieda fid-densità tal-pjanti minn 1 200/ettaru sa 1 666/ettaru. Din l-emenda għandha wkoll l-għan li tapplika għarfien ambjentali u fiżiku ġdid dwar ġonna b’siġar tal-frott għall-IĠP “Melannurca Campana”. Ir-relazzjoni tajba bejn parametri differenti ta’ kultivazzjoni (salvaġġ, distanzi tat-tħawwil, l-immaniġġjar tal-pjanti, eċċ.) toffri l-opportunità li jkun hemm bilanċ aħjar bejn l-istadji tat-tkabbir u ta’ meta jikber il-frott u li l-pjanti jkunu iktar kompatti b’diversi benefiċċji fir-rigward tal-kwalità tal-frotta u tal-ispejjeż tal-produzzjoni.

Ir-raba’ paragrafu tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

“Il-produzzjoni massima għal kull unità li hija permessa għat-tuffieħ ‘Melannurca Campana’ li huma intitolati għat-tikketta tal-IĠP hija ta’ 33 tunnellata/ettaru, li tippermetti li jkun hemm varjazzjonijiet annwali skont il-kundizzjonijiet tat-temp”.

huwa emendat kif ġej:

“Il-produzzjoni massima għal kull unità li hija permessa għat-tuffieħ ‘Melannurca Campana’ li huma intitolati għat-tikketta tal-IĠP hija ta’ 45 tunnellata/ettaru, li tippermetti li jkun hemm varjazzjonijiet annwali skont il-kundizzjonijiet tat-temp”.

L-emenda tad-distanza tat-tħawwil u tad-densità tal-pjanti f’kull ettaru rriżultat f’emenda tal-produzzjoni għal kull unità ta’ frott għal kull ettaru. Din l-emenda tiżgura produzzjoni aktar baxxa ta’ frott minn kull pjanti minn qabel. Id-densità ogħla tal-pjanti għal kull ettaru ppermettiet żieda fil-produzzjoni għal kull ettaru meta mqabbla mal-ispeċifikazzjoni attwali filwaqt li naqqset il-produzzjoni medja għal kull pjanta b’mod konsiderevoli (madwar 23 kg/pjanta meta mqabbla ma’ madwar 27,5 kg/pjanta). Il-produzzjoni aktar baxxa għal kull pjanta mhux biss tiżgura li l-frott jimmatura b’mod aħjar, imma hija wkoll waħda mill-istrateġiji li l-produtturi tal-“Melannurca Campana” IĠP beħsiebhom iwettqu biex jiksbu prodotti ta’ kwalità.

Il-frażi “L-ilma għat-tisqija għandu jkollu kontenut ta’ melħ li mhuwiex aktar minn 1,1 ECW” titneħħa.

Sistemi moderni għat-tisqija, li jikkunsmaw ammonti baxxi ta’ ilma, jegħlbu l-problemi kkawżati mis-salinità tal-ilma għat-tisqija billi jużaw biss l-ammont ta’ ilma li l-pjanta fil-fatt għandha bżonn; għalhekk, dan il-fatt ma jqajjem l-ebda riskju ta’ konċentrazzjonijiet għoljin ta’ melħ.

Tikkettar

Il-paragrafu li ġej tal-Artikolu 7 jitħassar:

“L-utenti tal-prodott bit-tikketta tal-indikazzjoni ġeografika tipika (indicazione geografica tipica - IGT) għandhom ikunu awtorizzati minn dawk li għandhom id-dritt ta’ proprjetà intellettwali permezz tar-reġistrazzjoni tal-IĠP, li huma membri ta’ konsorzju għall-protezzjoni deżinjata mill-Ministeru tal-Politika Agrikola. Dan il-konsorzju deżinjat għandu jkun ukoll responsabbli għar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-utenti u għall-monitoraġġ tal-użu korrett tal-indikazzjoni ġeografika tipika. Fin-nuqqas ta’ konsorzju tal-protezzjoni deżinjat, dawk l-inkarigi għandhom jitwettqu mill-Ministeru għall-Politika Agrikola u tal-Foresti bħala l-awtorità nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2081/92”.

Nemmnu li l-paragrafu ta’ hawn fuq dwar l-utenti tal-“Melannurca Campagna” IĠP fi prodotti pproċessati għandu jitneħħa mill-Ispeċifikazzjoni tal-prodott peress li ma japplikax għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Għandha tiġi inkluża rappreżentanza tal-logo tal-prodott, li tikkorrespondi mad-deskrizzjoni fl-iskeda tas-sommarju u fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Oħrajn

Referenzi legali għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jiġu aġġornati.

Referenzi għall-korp ta’ spezzjoni li jkun responsabbli għall-kontroll tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott għandhom jiġu inklużi fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott.

DOKUMENT UNIKU

“MELANNURCA CAMPANA”

Nru tal-UE: IT-PGI-0105-01337 – 18.5.2015

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Melannurca Campana”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Meta jkun lest għall-konsum, il-prodott frisk għandu jkollu l-karatteristiċi li ġejjin:

Għall-varjetà Annurca

—   forma: il-frotta tista’ tkun iċċattjata u ta’ forma tonda jew ta’ forma ta’ kon qasir u tronkat, simmetrika jew kemxejn asimmetrika;

—   dimensjonijiet: dijametru ta’ 60 mm (valuri minimi permessi); fil-każ ta’ tuffieħ mill-istokk Franco, il-frott jista’ jkollu dijametru ta’ 55 mm għal kull frotta (valuri minimi permessi);

—   qoxra (“peel”): moderatament ħoxna jew ħoxna; il-kulur fi żmien il-ħsad għandu jkun ta’ lewn isfar fl-aħdar bi strixxi ħomor fuq 50-80 % tal-qoxra u kulur tal-wiċċ aħmar fuq 90-100 % tal-qoxra wara l-perjodu ta’ ħmura mal-art; fil-każ ta’ tuffieħ mill-istokk Franco, qoxra moderatament ħoxna jew ħoxna hija permessa, il-kulur fi żmien il-ħsad għandu jkun ta’ lewn isfar fl-aħdar bi strixxi ħomor fuq 40-70 % tal-qoxra u kulur tal-wiċċ aħmar fuq 85-95 % tal-qoxra wara l-perjodu ta’ ħmura mal-art;

—   qoxra (“skin”): lixxa, qisha tax-xama’, b’għadd ta’ lentiċelli żgħar (li mhumiex daqshekk notevoli), moderatament raffa, partikularment fil-ħofra ta’ maz-zokk;

—   laħam: abjad, kompatt ħafna, iqarmeċ, mhux ħelu wisq u mhux pikkanti, pjuttost immerraq, ifuħ u b’togħma eċċellenti;

—   reżistenza għall-immaniġġjar: tajba ħafna;

—   ebusija: (imkejla permezz ta’ penetrometru bil-ponta ta’ 11 mm) fi żmien il-ħsad mhux inqas minn 8,5 kg, fl-aħħar tal-ħżin mhux inqas minn 5 kg; fil-każ ta’ stokk Franco, l-ebusija fi żmien il-ħsad hija mkejla permezz ta’ penetrometru ta’ 9 kg u fl-aħħar tal-ħżin 5 kg (valuri minimi permessi);

—   residwu ta’ rifrattometru: fi żmien il-ħsad, 11,5 °Bx, fl-aħħar tal-ħżin, 12 °Bx (valuri minimi);

—   aċidità titrabbli: fi żmien il-ħsad mhux inqas minn 9,0 meq/100 ml ta’ meraq; fl-aħħar tal-ħżin mhux inqas minn 5,6 meq/100 ml ta’ meraq.

Għall-varjetà Rossa del sud:

—   forma: il-frotta tista’ tkun iċċattjata u ta’ forma tonda jew ta’ forma ta’ kon qasir u tronkat, simmetrika jew kemxejn asimmetrika;

—   dimensjonijiet: b’dijametru ta’ mhux inqas minn 60 mm;

—   qoxra (“peel”): moderatament ħoxna, ta’ lewn isfar u b’kulur tal-wiċċ aħmar fuq 90-100 % tal-qoxra;

—   qoxra (“skin”): lixxa, qisha tax-xama’, b’għadd ta’ lentiċelli żgħar (li mhumiex daqshekk notevoli), u traċċi ta’ qoxra raffa, partikularment fil-ħofra ta’ maz-zokk;

—   laħam: abjad, kompatt, iqarmeċ, mhux ħelu wisq u mhux pikkanti, immerraq, ifuħ u b’togħma tajba;

—   reżistenza għall-immaniġġjar: tajba ħafna;

—   ebusija: (imkejla permezz ta’ penetrometru bil-ponta ta’ 11 mm) fi żmien il-ħsad mhux inqas minn 8,5 kg, fl-aħħar tal-ħżin mhux inqas minn 5 kg;

—   residwu ta’ rifrattometru: fi żmien il-ħsad, 12 °Bx, fl-aħħar tal-ħżin, 12,5 °Bx (valuri minimi);

—   aċidità titrabbli: fi żmien il-ħsad mhux inqas minn 7,7 meq/100 ml ta’ meraq, fl-aħħar tal-ħżin mhux inqas minn 5,0 meq/100 ml ta’ meraq.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-kultivazzjoni, il-ħsad manwali u l-ħmura tal-frott irid isir fit-territorju ddefinit fil-punt 4 hawn fuq.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Dawn li ġejjin għandhom jidhru fuq it-tikketti b’karattri ċari li ma jitħassrux:

il-marka “I.G.P. MELANNURCA CAMPANA”, segwita mill-isem tal-varjetà “ANNURCA” jew “ROSSA del SUD”;

l-isem, l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-produttur;

il-kwantità tal-prodott li hemm fl-ippakkjar;

il-logo tal-IĠP, tuffieħa stilizzata fuq sfond abjad, b’xifer ta’ isfel u xifer ta’ fuq tax-xellug ħomor filwaqt li x-xifer ta’ fuq tal-lemin huwa aħdar.

Image

Il-prodotti ppreparati bl-użu tal-“Melannurca Campana” IĠP, anke wara l-iżvilupp u l-ipproċessar, jistgħu jinħarġu għall-konsum f’pakketti li jkollhom referenza għal din id-denominazzjoni mingħajr iż-żieda tal-logo tal-UE sakemm:

frott li huwa b’konformità ma’ din l-Ispeċifikazzjoni biss ikun użat, ħlief għall-kejl u r-residwu ta’ rifrattometru, li jistgħu jkunu inqas minn dak stipulat fl-Artikolu 6 imma qatt b’dijametru ta’ taħt 50 mm u b’residwu ta’ taħt 10,5 °Bx;

ir-relazzjoni tal-piż ta’ bejn l-ammont ta’ “Melannurca Campana” IĠP użat u l-ammont ta’ prodott derivat huwa ddikjarat b’mod preċiż;

l-użu tal-“Melannurca Campana” IĠP jiġi attestat permezz ta’ ċertifikati ta’ produzzjoni maħruġa mill-korpi kompetenti;

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tal-IĠP “Melannurca Campana” hija magħmula minn muniċipalitajiet fil-provinċji ta’ Avellino, Benevento, Caserta, Napli u Salerno, kif spjegat fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-kultivazzjoni tat-tuffieħa Annurca dejjem ikkaratterizzat il-kampanja ta’ Campania grazzi għall-ħamrija u l-kundizzjonijiet ta’ temp favorevoli li ppermettuha tinxtered kull fejn l-art, kemm jekk minħabba l-kompożizzjoni tal-ħamrija u kemm jekk minħabba l-ammont ta’ xita (6 000-7 000 m3/ha mir-rebbiegħa sal-ħarifa), hija ta’ fond xieraq għall-għeruq, jiġifieri aktar minn 80 cm, għandha valuri tal-ġebla tal-ġir ta’ inqas minn 10 u kontenut ta’ melħ mogħti f’μs/cm ta’ inqas minn 2. It-tuffieħa Annurca tibda toħroġ iż-żahar u tiġġermina tard, għalhekk taħrab il-konsegwenzi negattivi ta’ temperaturi baxxi meta dawn jaħbtu ma’ dan iż-żmien ta’ meta joħroġ iż-żahar u ssir il-ġerminazzjoni. Iż-żona involuta fil-produzzjoni tal-IĠP hija kkaratterizzata minn tixrib tajjeb u l-art hija notevoli għall-kompożizzjoni mħallta tagħha (lom ħafif), u għal pH ta’ bejn 6,5 u 7,5. Il-fattur uman li jakkumpanja b’mod viċin iċ-ċiklu sħiħ ta’ produzzjoni tat-tuffieħa Annurca huwa fundamentali, mill-kultivazzjoni sal-ħsad u fl-aħħar sal-ħolqien ta’ melai [biċċiet ta’ raba’ fejn it-tuffieħ jinfirex mal-art] u t-tekniki għall-ħmura. Ir-relazzjoni ta’ bejn l-Annurca u Campania hija antika ħafna, rabta li bdiet fl-epoka Rumana fl-Għelieqi Flegreani (iż-żona ta’ Pozzuoli), ġiet stabbilita b’mod sod matul is-sekli u kibret b’mod progressiv billi involviet bosta żoni oħrajn fir-reġjun, żoni - magħżulin għall-adegwatezza ambjentali tagħhom - li kienu jeħtieġu sekli ta’ xogħol iebes u paċenzja min-naħa tal-ħaddiema agrikoli lokali. Sa mill-qedem u f’kull test dwar is-suġġett, it-tuffieħa Annurca kienet sinonima ma’ Campania.

F’Campania, magħrufa bħala Campania felix mir-Rumani minħabba l-pożizzjoni ġeografika straordinarja tagħha, kien hemm tradizzjoni b’saħħitha u varjata ta’ kultivazzjoni ta’ frott għal millennji; it-tuffieħa Annurca hija ferm importanti f’dan il-kuntest u tissejjaħ, bir-raġun, ir-“reġina tat-tuffieħ”. Li tikxef l-oriġini tal-Annurca jfisser li tmur lura għal elementi tal-passat antik glorjuż peress li tista’ ssibha f’pitturi f’Pompeii, u partikularment f’dawk ġol-Casa dei Cervi f’Herculaneum. Dan jissuġġerixxi li dawk li kienu jgħixu f’dawk iż-żoni fl-antik kienu qed jieklu dawn it-tuffieħ anke matul dak iż-żmien. Plinju x-Xiħ l-ewwel iddeskrivihom fl-enċiklopedija monumentali tiegħu Naturalis Historia.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

Il-Ministeru neda l-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta biex tiġi emendata l-Ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-IĠP “Melannurca Campana” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 63 tas-17 ta’ Marzu 2015.

It-test sħiħ tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew inkella:

billi żżur il-paġna uffiċjali tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, Alimentari u Forestali (www.politicheagricole.it) u tagħfas fuq “Prodotti DOP IGP” (fuq in-naħa ta’ fuq fil-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar tagħfas fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.