1.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 115/5


AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija

(2016/C 115/05)

Sommarju

Abbażi tal-esperjenza miksuba mill-monitoraġġ u mill-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (1) matul dawn l-aħħar ħmistax-il sena, il-Kummissjoni ddeċidiet f’ġieħ it-trasparenza u ċ-ċertezza legali li tagħti interpretazzjoni dwar uħud mid-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva.

Dan l-Avviż tal-Kummissjoni huwa ppreżentat sabiex jiġu spjegati l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar kif għandhom jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet. Il-Kummissjoni mhux biħsiebha tirrevedi d-Direttiva jew tinterferixxi fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni.

L-ewwel nett l-Avviż jistabbilixxi l-obbligi prinċipali sabiex jiġu pprovduti biżżejjed faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet u kif dan għandu jiġi rifless fil-pjanijiet komprensivi tal-akkoljenza u tat-tqandil tal-iskart għal kull port skont ir-rekwiżiti msemmija fl-Anness I tad-Direttiva.

Barra minn hekk ikopri l-obbligi prinċipali dwar l-użu reali ta’ dawk il-faċilitajiet: ir-rekwiżit biex l-iskart iġġenerat mill-bastimenti jiġi kkonsenjat lill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet qabel ma bastiment ikun jista’ jitlaq minn port u l-eċċezzjoni għal dak ir-rekwiżit meta jkun hemm biżżejjed kapaċità ddedikata ta’ ħżin għall-iskart kollu ġġenerat mill-bastimenti.

Fl-aħħar nett, l-Avviż tal-Kummissjoni jipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet mill-obbligi prinċipali msemmija fid-Direttiva.

1.   INTRODUZZJONI

Id-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (minn hawn ‘il quddiem “id-Direttiva” jew “id-Direttiva PRF”) tallinja l-liġi tal-UE mal-obbligi internazzjonali msemmija fil-Konvenzjoni MARPOL. Mill-adozzjoni tagħha ‘l hawn, il-Konvenzjoni MARPOL ġiet emendata diversi drabi, filwaqt li gradwalment resqet lejn projbizzjoni totali fuq ir-rimi, u nkiseb għarfien ġdid dwar kif ir-rimi tal-iskart fil-baħar jaffettwa l-ekosistemi tal-baħar.

Il-mira prinċipali tad-Direttiva hija li jitnaqqas ir-rimi fil-baħar tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija, u b’hekk tittejjeb il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Għaldaqstant, id-Direttiva hija strument ewlieni biex jinkiseb Trasport Marittimu Iżjed Ekoloġiku, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018”, li fost ir-rakkomandazzjonijiet tagħha tinkludi għan fit-tul ta’ “skart żero, emissjonijiet żero” (2). Barra minn hekk, id-Direttiva hija l-istrument legali prinċipali tal-UE biex jitnaqqas l-iskart tal-baħar minn sorsi ibbażati fuq il-baħar skont is-Seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (3) u l-impenji internazzjonali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha.

Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni u l-effettività tad-Direttiva matul iż-żmien. Fl-2015 irnexxielha titlesta wkoll evalwazzjoni REFIT tad-Direttiva 2000/59/KE (4). L-evalwazzjoni indirizzat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, il-valur miżjud tal-UE u l-koerenza tad-Direttiva u wriet li matul is-snin l-Istati Membri żviluppaw interpretazzjonijiet u prattiki differenti fl-implimentazzjoni ta’ ċerti aspetti u rekwiżiti ewlenin tad-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunsinna obbligatorja tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti (l-Artikolu 7), l-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet (l-Artikolu 9) u l-iżvilupp tal-pjanijiet tal-akkoljenza u tat-tqandil tal-iskart (WRH) (l-Artikolu 5). L-evalwazzjoni kkonkludiet li dawn id-differenzi fl-interpretazzjoni u fl-implimentazzjoni jxekklu l-effettività tad-Direttiva.

L-Avviż preżenti tal-Kummissjoni jirrifletti l-fehma tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva skont il-liġi internazzjonali u tal-UE attwali (5). Għaldaqstant, timmira li tipprovdi gwida għall-Istati Membri dwar kif jinterpretaw u jimplimentaw dawk id-dispożizzjonijiet. Il-Kummissjoni mhux biħsiebha tirrevedi d-Direttiva jew tinterferixxi fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni.

2.   FAĊILITAJIET TAL-AKKOLJENZA FIL-PORTIJIET

2.1.   Adegwatezza

L-Artikolu 4 tad-Direttiva jitlob li l-Istati Membri jiżguraw id-disponibbiltà tal-faċilitajiet “adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet sabiex jilħqu mal-ħtiġijiet tal-bastimenti li normalment jużaw il-port mingħajr ma jikkawżaw dewmien mhux xieraq lill-bastimenti”. Sabiex tiġi stabbilita din l-adegwatezza, id-Direttiva tirreferi għall-kapaċità tal-akkoljenza tat-tipi u tal-kwantitajiet tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija minn “bastimenti li normalment jużaw il-port”, filwaqt li jitqiesu:

il-ħtiġijiet operazzjonali tal-utenti tal-port;

id-daqs u l-post ġeografiku tal-port;

it-tip ta’ bastimenti li jidħlu f’dak il-port;

l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 9.

Il-kunċett ta’ “adegwatezza” ġie elaborat iktar, kemm fuq livell internazzjonali (6) kif ukoll fuq livell reġjonali (7). Meta pprovdiet kjarifiki dwar id-diversi aspetti tal-adegwatezza tal-faċilitajiet, il-Kummissjoni qieset il-gwida pprovduta minn dawn l-organizzazzjonijiet.

Minn banda l-adegwatezza tirrigwarda l-kundizzjonijiet operazzjonali, jiġifieri li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-bastimenti li normalment iżuru l-portijiet u mhux jinħolqu ostakli għall-bastimenti li jużaw il-faċilitajiet, u mill-banda l-oħra tirrigwarda l-ġestjoni ambjentali tal-faċilitajiet.

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet operazzjonali neċessarji, il-Kummissjoni tisħaq li s-sempliċi forniment tal-faċilitajiet mhux neċessarjament ifisser li l-faċilitajiet huma adegwati. Post mhux tajjeb, proċeduri kkumplikati, disponibbiltà ristretta u kostijiet għoljin irraġonevoli għas-servizz ipprovdut huma kollha fatturi li jistgħu jnaffru l-użu tal-faċilitajiet tal-akkoljenza. Sabiex faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet tiġi kkunsidrata adegwata, il-faċilità għandha tkun disponibbli matul żjara tal-bastiment fil-port, tkun tinsab f’post konvenjenti u faċli li tintuża, taqdi kull tip ta’ fluss tal-iskart li s-soltu jidħlu fil-port u ma tkunx tiswa tant li tnaffar lill-utenti (8). Fl-istess waqt, il-Kummissjoni tenfasizza li kemm id-daqs kif ukoll il-post ġeografiku tal-port jistgħu jillimitaw dak li jista’ jiġi pprovdut teknikament u raġonevolment fir-rigward tal-akkoljenza u tat-tqandil tal-iskart.

Barra minn hekk, sabiex tissodisfa l-kriterji tal-prestazzjoni ambjentali u tikkontribwixxi għat-titjib tal-ambjent tal-baħar, il-faċilità trid tippermetti li r-rimi finali tal-iskart tal-bastimenti jseħħ b’mod ambjentalment xieraq. Skont id-Direttiva PRF, l-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-fdalijiet mill-merkanzija għandhom jitqiesu bħala skart fis-sens tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (9)  (10) (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart). B’konsegwenza ta’ dan, l-Artikolu 12(g) jitlob li t-trattament, l-irkupru jew ir-rimi tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija jitwettqu skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u skont leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE dwar l-iskart.

Il-prinċipji ta’ ġestjoni ambjentalment korretta tal-iskart li l-Partijiet għall-Konvenzjoni jridu japplikaw huma wkoll imsemmija fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-kontroll ta’ movimenti transfruntiera ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu (il-Konvenzjoni ta’ Basilea). Il-Konvenzjoni ta’ Basilea tistipula fl-Artikolu 4(2)(b) tagħha li “kull parti għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura d-disponibbiltà ta’ faċilitajiet adegwati tar-rimi, għall-ġestjoni ambjentalment korretta tal-iskart perikoluż u ta’ skart ieħor, li għandu jkun jinsab, kemm jista’ jkun, fi ħdanhom, ikun xi jkun il-post tar-rimi tagħhom.” Il-Kummissjoni tikkunsidra li minkejja li l-Konvenzjoni ma tapplikax għall-iskart iġġenerat matul is-servizz ta’ bastiment (11), ladarba l-iskart jiġi kkonsenjat f’faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet, il-Konvenzjoni ssir applikabbli, u l-faċilità trid tiġi ġestita b’mod li jħares il-prinċipji stipulati f’dik il-Konvenzjoni (12) u fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart (13).

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva jitlob li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri skont dawk maqbula mill-OMI, sabiex l-inadegwatezzi allegati tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet jiġu rrappurtati lill-Istat tal-port. Barra minn hekk, l-Artikolu 12(f) jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-Kummissjoni tingħata kopja ta’ dawn l-allegazzjonijiet.

2.2.   Pjanijiet tal-Akkoljenza u tat-Tqandil tal-Iskart

Element fundamentali tad-Direttiva fil-kuntest li jiġu pprovduti faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet huwa l-obbligu li jiġu żviluppati u ssorveljati l-pjanijiet tal-akkoljenza u tat-tqandil tal-iskart (il-“Pjanijiet WRH”) fil-portijiet kollha għall-akkoljenza u għat-trattament tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija. Il-Pjan WRH jifforma wieħed mill-mekkaniżmi prinċipali għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva fil-livell tal-portijiet. Sabiex jitfassal pjan, l-awtoritajiet kompetenti jridu l-ewwel nett jagħmlu stima tal-ħtiġijiet tal-bastimenti li jżuru l-port (normalment) fil-kompetenza tagħhom u t-tieni nett iridu jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiġu ssodisfati dawk il-ħtiġijiet. L-Artikolu 5 tad-Direttiva jitlob li pjan bħal dan jiġi żviluppat u implimentat għal kull port wara li jsiru konsultazzjonijiet mal-partijiet rilevanti filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti fl-Artikoli 4, 6, 7, 10 u 12.

2.2.1.   Elementi obbligatorji

Fl-Anness I tad-Direttiva ġew stabbiliti rekwiżiti dettaljati għall-Pjanijiet WRH. Fi Pjan WRH, firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet iridu jiġu indirizzati, inklużi dawk li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-sistema tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet u għall-implimentazzjoni tal-Pjan.

L-Anness I jiddistingwi bejn sett ta’ elementi obbligatorji li jridu jiġu inklużi f’kull Pjan WRH u sett ta’ elementi rakkomandati. Fost l-elementi obbligatorji huma inklużi d-deskrizzjonijiet tal-faċilitajiet, il-proċeduri għall-akkoljenza u għall-ġbir tal-iskart, is-sistema ta’ imposti u l-proċeduri sabiex jiġu rrappurtati l-inadegwatezzi allegati u sabiex issir konsultazzjoni. Dawn l-elementi huma parti mit-tagħrif li għandu jkun disponibbli wkoll għall-utenti kollha tal-portijiet.

Barra minn hekk, il-lista ta’ rekwiżiti tinkludi “valutazzjoni tal-ħtieġa għall-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet”. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-istatistiki disponibbli dwar it-tip u d-daqs tal-bastimenti li normalment iżuru l-port u dwar l-ammont u t-tipi ta’ skart akkolti fis-snin preċedenti (14). Il-Kummissjoni tinnota li d-“deskrizzjoni tat-tipi u tal-kwantitajiet tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-fdalijiet mill-merkanzija akkolti u mqandla mill-port” hija wkoll imsemmija bħala element obbligatorju li jrid jiġi inkluż fil-Pjan WRH. Instab li din id-deskrizzjoni ma kinitx preżenti fil-biċċa l-kbira tal-pjanijiet ivvalutati mill-Kummissjoni matul l-aħħar snin. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan it-tagħrif huwa essenzjali għal valutazzjoni kif suppost tan-neċessità u tal-adegwatezza tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet li jkun hemm fil-port, kif rifless fil-Pjan WRH.

Fl-aħħar nett, il-Pjan WRH huwa wkoll għodda importanti għall-applikazzjoni tas-sistema tal-irkupru tal-kostijiet, li mitluba tiġi stabbilita skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva. Skont l-Anness I, il-Pjan WRH irid ikopri deskrizzjoni tas-sistema ta’ imposti. Dan it-tagħrif għandu jkun disponibbli pubblikament u soġġett għal konsultazzjoni kontinwa.

2.2.2   Kamp ta’ Applikazzjoni: Il-portijiet li jrid ikollhom Pjan WRH

Id-Direttiva titlob li jiġi żviluppat Pjan WRH xieraq għal kull port, definit bħala “post jew żona ġeografika magħmula minn xogħol ta’ titjib u minn tagħmir li jippermetti, prinċipalment, l-akkoljenza tal-bastimenti, inklużi l-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni (15).

Il-portijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huma dawk li normalment iżuruhom bastimenti li huma koperti mid-Direttiva (16), jiġifieri l-bastimenti kollha li jidħlu jew li joperaw f’port ta’ Stat Membru, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe bastiment tal-gwerra, kwalunkwe bastiment navali awżiljari jew xi bastimenti oħra b’sjieda jew imħaddma minn Stat, li jintużaw f’servizz mhux kummerċjali tal-gvern (17). Il-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u b’konsegwenza ta’ dan anke l-portijiet li jżuru dawn il-bastimenti.

Għalhekk, filwaqt li jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, il-pjanijiet WRH jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti fid-dettall u fil-kopertura, minn port kummerċjali kbir għal port żgħir tas-sajd jew marina. Xi wħud mill-elementi elenkati fl-Anness I jistgħu jkunu parzjalment applikabbli biss għal portijiet iżgħar bi flussi mnaqqsa ta’ skart jew b’servizzi speċjalizzati ħafna tat-trasport bil-baħar. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li dak li jista’ jitqies bħala “xieraq” għal port ikun jiddependi fuq id-daqs, il-post ġeografiku u t-tip ta’ attivitajiet imwettqa fil-port, li jkunu jiddeterminaw ukoll il-livell ta’ dettall rikjest għal kull pjan.

Skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, il-Pjan WRH jista’ jkun ta’ natura reġjonali. Dan huwa l-każ meta l-Pjan WRH ikun stabbilit għal bosta portijiet, filwaqt li jgħaqqad flimkien l-elementi essenzjali fi pjan reġjonali wieħed. L-ippjanar tal-ġestjoni tal-iskart fil-portijiet abbażi ta’ arranġament reġjonali jista’ jipprovdi soluzzjoni meta dan isir b’tali mod li jiżgura li l-bastimenti ma jkollhomx inċentiv li jarmu l-iskart fil-baħar. Fl-iżvilupp ta’ pjanijiet reġjonali bħal dawn huwa imperattiv li l-kapaċità ddedikata ta’ ħżin tal-bastimenti involuti tkun biżżejjed biex ikun jista’ jinżamm l-iskart tagħhom fihom bejn il-portijiet tad-dħul skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva. Ippjanar bħal dan jirrikjedi kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri fl-istess reġjun (18).

Meta pjan reġjonali jiġi żviluppat b’tali mod li jkopri iżjed minn port wieħed, u jiġi implimentat f’kuntest reġjonali, l-involviment ta’ kull port għandu jkun proporzjonali għall-kummerċ tiegħu. Fil-każijiet kollha, il-ħtieġa għal faċilitjajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet u d-disponibbiltà tagħhom iridu jiġu speċifikati għal kull port individwali.

2.2.3.   Konsultazzjoni mal-partijiet rilevanti

Id-Direttiva fiha rekwiżit speċifiku fl-Artikolu 5(1) biex fil-proċess tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni tal-Pjan WRH issir konsultazzjoni mal-partijiet rilevanti, b’mod partikolari mal-utenti tal-portijiet (jew mar-rappreżentanti tagħhom). Il-proċedura ta’ konsultazzjoni, li hija inkluża wkoll bħala rekwiżit bażiku fl-Anness I, toffri lill-awtoritajiet tal-port metodu biex jifhmu u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti tagħhom. Il-Kummissjoni tikkunsidra li għall-funzjonament kif suppost tas-sistema huwa kruċjali d-djalogu kostruttiv bejn l-awtorità tal-port, il-kuntratturi tal-iskart, l-utenti tal-port u l-partijiet interessati l-oħra, b’mod partikolari sabiex jiġu stabbiliti faċilitajiet adegwati li jissodisfaw il-ħtieġa tal-bastimenti li normalment jużaw il-port. Billi jiġu vvalutati l-flussi tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti li x’aktarx irid jaffronta l-port permezz tal-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, min ifassal il-pjan jista’ jiżviluppa Pjan WRH adattat permezz ta’ analiżi xierqa ta’ din id-dejta.

Il-konsultazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1) huma definiti iktar fl-Anness I. Minkejja li l-Artikolu 5 biss jirreferi għal konsultazzjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ Pjan WRH ġdid, l-Anness I tad-Direttiva jirreferi għal konsultazzjonijiet “kontinwi”. Filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti dettaljati għal Pjanijiet WRH, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li r-referenza għal konsultazzjonijiet fl-Artikolu 5(1) għandha tinftiehem li tfisser konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-partijiet rilevanti, kemm matul it-tfassil inizjali kif ukoll wara li jkunu ġew adottati l-pjanijiet, li tipprovdi wkoll il-bażi tal-evalwazzjoni u l-approvazzjoni (mill-ġdid) tal-pjanijiet.

2.2.4.   Evalwazzjoni, approvazzjoni u monitoraġġ

L-Artikolu 5(3) tad-Direttiva jitlob li l-Istati Membri jevalwaw u japprovaw il-Pjanijiet WRH, jagħmlu monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom u jiżguraw l-approvazzjoni mill-ġdid minn tal-inqas kull tliet snin u wara bidliet sinifikanti fit-tħaddim tal-port.

—   Evalwazzjoni u approvazzjoni:

Meta jwettqu l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw il-Pjan WRH li jkun ġie ppreżentat fl-isfond tar-rekwiżiti msemmija fl-Anness I tad-Direttiva PRF. Jekk kwalunkwe wieħed mill-elementi obbligatorji tal-Anness I ma jkunx ġie indirizzat b’mod adegwat, il-Pjan WRH ma għandux jiġi approvat u l-awtoritajiet tal-port għandhom jirċievu ġustifikazzjoni sabiex minnufih ikunu jistgħu jagħmlu tajjeb għall-kwistjonijiet pendenti.

Il-portijiet għandhom iwettqu rieżami maġġuri tal-Pjanijiet WRH tagħhom kull tliet snin u wara li jsiru “bidliet sinifikanti” fit-tħaddim tal-port. F’dan il-kuntest tqajmet il-mistoqsija dwar liema tip ta’ bidliet fil-port għandhom jitqiesu li huma “sinifikanti”. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bidliet sinifikanti jistgħu jinkludu żieda jew tnaqqis strutturali importanti fl-għadd jew fit-tip ta’ bastimenti, l-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida fil-port, bidla fil-forniment tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet, jew tekniki ġodda tat-trattament abbord.

—   Monitoraġġ:

Għalkemm id-Direttiva ma tiddeskrivix fid-dettall kif għandu jitwettaq il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet, il-Kummissjoni tqis li l-monitoraġġ effettiv huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-pjan ikun implimentat kif suppost u li faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet ikunu qed jaħdmu kif rikjest. L-għan tal-monitoraġġ se jkun li jiġi vverifikat u żgurat il-funzjonament tas-sistema fil-prattika skont il-Pjan WRH approvat. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet għandu jinkludi spezzjoni ad hoc għal kull port, minn tal-inqas darba kull tliet snin sabiex jiġu allinjati mal-ħtieġa għal approvazzjoni perjodika mill-ġdid. L-ispezzjonijiet għandhom ikunu iżjed frekwenti jekk ikunu waslu lmenti regolari fi kwalunkwe port partikolari dwar l-inadegwatezza tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet. Il-Kummissjoni tagħraf li ta’ sikwit l-ispezzjoni tal-faċilitajiet tal-portijiet hija fil-kompetenza ta’ korpi differenti tal-infurzar u titwettaq f’qafas legali li huwa differenti minn dak li japplika għall-ispezzjonijiet abbord il-bastimenti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta’ qafas integrat għall-monitoraġġ tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet, kif previst fl-Artikolu 12, u ta’ kollaborazzjoni tajba bejn l-awtoritajiet tal-infurzar involuti fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Direttiva.

2.2.5.   Rapportar tal-inadegwatezzi

Minbarra l-proċeduri trasparenti ta’ konsultazzjoni, il-proċeduri effettivi sabiex jiġu rrappurtati l-inadegwatezzi allegati huma essenzjali sabiex jittejjeb it-tħaddim tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet. Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu proċeduri sabiex l-inadegwatezzi allegati tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet jiġu rrappurtati lill-Istat tal-port, f’konformità mal-proċeduri maqbula mill-OMI. L-Anness I jirrikjedi li dawn il-proċeduri jiġu inklużi fil-Pjan WRH u li jkunu disponibbli għall-utenti kollha tal-portijiet.

Ladarba l-proċeduri għar-rapportar għandhom ikunu allinjati ma’ dawk fl-OMI, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li l-format tar-rapportar tal-OMI (19) jintuża għal dak l-għan. In-notifika għandha ssir mill-iktar fis possibbli wara t-tlestija tal-format tar-rapportar u għandha tinkludi kopja tar-rapport tal-kaptan, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ sostenn. Huwa essenzjali wkoll li jkun hemm proċeduri nazzjonali fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tingħata kopja tal-allegazzjonijiet ta’ faċilitajiet inadegwati tal-akkoljenza fil-portijiet, f’konformità mal-Artikolu 12(1)(f) tad-Direttiva.

3.   KUNSINNA TAL-ISKART IĠĠENERAT MILL-BASTIMENTI

3.1.   Prinċipji prinċipali ta’ kunsinna obbligatorja

L-Artikolu 7 huwa wieħed mill-artikoli ewlenin tad-Direttiva, li jagħti kontribut sabiex jintlaħaq l-għan ġenerali tad-Direttiva li jitnaqqas ir-rimi l-baħar tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tittejjeb il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Bħala regola ġenerali jimponi li l-kaptan tal-bastiment li jidħol f’port tal-UE “jikkonsenja l-iskart kollu ġġenerat mill-bastiment lill-faċilità tal-akkoljenza fil-port” qabel ma jitlaq minn dak il-port.

Hemm eċċezzjoni waħda biss għal din ir-regola tal-kunsinna obbligatorja, jiġifieri meta jista’ jiġi stabbilit mill-formola tan-notifika obbligatorja li l-kapaċità ddedikata ta’ ħżin hija biżżejjed għall-iskart kollu ġġenerat mill-bastimenti. F’dan is-sens, id-Direttiva tmur lil hinn mill-obbligi skont il-Konvenzjoni MARPOL, li tirrikjedi biss il-forniment ta’ faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet, iżda ma timponix l-użu obbligatorju ta’ dawn il-faċilitajiet, lil hinn milli huwa impliċitament previst fin-normi dwar ir-rimi (20). Għall-fdalijiet mill-merkanzija, id-Direttiva hija allinjata mill-qrib mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni MARPOL, peress li fl-Artikolu 10 tistipula li l-kunsinna tal-fdalijiet mill-merkanzija lill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għandha sseħħ skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni MARPOL.

3.2.   Kunsinna obbligatorja tal-iskart kollu

L-Artikolu 7(1) jirrikjedi li qabel iħalli l-port, il-kaptan ta’ bastiment li jidħol f’port tal-UE jikkonsenja l-iskart kollu ġġenerat mill-bastiment lil faċilità tal-akkoljenza fil-port.

L-iskart iġġenerat mill-bastimenti ġie definit bħala “l-iskart kollu, inkluż id-drenaġġ, u l-fdalijiet għajr il-fdalijiet mill-merkanzija, li jiġu ġġenerati matul is-servizz ta’ bastiment u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Annessi I, IV u V tal-Konvenzjoni MARPOL u l-iskart assoċjat mal-merkanzija kif definit fil-Linji gwida sabiex jiġi implimentat l-Anness V tal-Konvenzjoni MARPOL (21). Fir-rigward tal-fdalijiet mill-merkanzija, il-Kummissjoni tinnota li dawn ma jaqgħux fir-rekwiżit ġenerali tal-kunsinna previst fl-Artikolu 7, iżda jridu jiġu kkonsenjati skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni MARPOL, kif preskritt fl-Artikolu 10.

Tqajmu mistoqsijiet dwar jekk l-iskart li jista’ jintrema l-baħar legalment f’konformità man-normi u mal-kundizzjonijiet tal-Konvenzjoni MARPOL dwar ir-rimi jistax jiġi eskluż mill-obbligu tal-kunsinna. Dan huwa partikolarment pertinenti fir-rigward tad-drenaġġ, li għalih il-Konvenzjoni MARPOL tippermetti r-rimi l-baħar skont ċerti kundizzjonijiet (22).

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li wieħed mill-għanijiet ikkunsidrati fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva kien l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni MARPOL (23). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħraf li l-Anness II tad-Direttiva (24) jipprevedi deroga mir-rekwiżit ta’ notifika għad-drenaġġ li jista’ jintrema l-baħar legalment skont l-Anness IV tal-Konvenzjoni MARPOL (25). Fl-istess waqt, il-Kummissjoni tisħaq li r-rekwiżit ġenerali tal-kunsinna għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva li jitnaqqas ir-rimi l-baħar tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u li tittejjeb il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Għalhekk, il-Kummissjoni tal-fehma li dak li jitħalla jintrema skont il-Konvenzjoni MARPOL ma jistax jiġi eskluż awtomatikament mir-rekwiżit tal-kunsinna li hemm fid-Direttiva. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota wkoll li d-drenaġġ mhuwiex eskluż mill-applikazzjoni tal- Artikolu 8 dwar it-tariffi għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunsinna obbligatorja fl-Artikolu 7, tqajmu mistoqsijiet dwar jekk l-iskart mill-attivitajiet tat-tiswija tal-bastimenti jaqax fl-ambitu tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għandux b’hekk jiġi kkonsenjat lil faċilità tal-akkoljenza fil-portijiet. B’mod partikolari, ġie argumentat li skart bħal dan jikkwalifika bħala “skart operazzjonali”, kopert mill-Anness V tal-Konvenzjoni MARPOL, li huwa definit bħala “kull skart solidu inkluż l-iskart likwidu li mhuwiex kopert minn Annessi oħra, li jinġabar abbord matul il-manutenzjoni jew it-tħaddim normali ta’ bastiment, jew li jintuża għall-istivar u għat-tqandil tal-merkanzija (26).

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-iskart mill-attivitajiet tat-tiswija fit-tarzni ma għandux jitqies bħala “skart iġġenerat mill-bastimenti” fis-sens tad-Direttiva, peress li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness V tal-Konvenzjoni MARPOL. Id-definizzjoni ta’ “skart operazzjonali” fl-Anness V tal-Konvenzjoni MARPOL, b’mod partikolari r-referenza għal “manutenzjoni u tħaddim normali ta’ bastiment”, teskludi l-iskart li jirriżulta mill-attivitajiet tat-tiswija tal-bastimenti li jsiru fit-tarzni. B’konsegwenza ta’ dan, l-iskart minn attivitajiet bħal dawn ikun ir-responsabbiltà konġunta tal-bastiment u tat-tarzna, li għandhom jagħmlu l-arranġamenti neċessarji għall-kunsinna u għat-tqandil ulterjuri, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti previsti fil-liġi tal-UE dwar l-iskart (27).

3.3.   Biżżejjed kapaċità ta’ ħżin

Sabiex jittaffa l-piż minn fuq il-bastimenti biex ma jkollhomx għalfejn jagħmlu kunsinna f’kull port meta l-ammonti ta’ skart abbord ma jirriżultawx f’rimi l-baħar potenzjali, l-Artikolu 7(2) jistipula eċċezzjoni mir-rekwiżit tal-kunsinna obbligatorja billi jipprevedi li l-bastiment:

…jista’ jipproċedi għall-port tad-dħul li jmiss mingħajr ma jikkunsinja l-iskart iġġenerat mill-bastiment, jekk jiġri mit-tagħrif mogħti skont l-Artikolu 6 u l-Anness II, illi jkollu kapaċità suffiċjenti ta’ ħażna ddedikata għall-iskart kollu ġġenerat mill-bastiment akkumulat u li jkun sejjer jakkumula matul il-vjaġġ maħsub tal-bastiment sal-port tal-kunsinja”.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva jikkostitwixxi eċċezzjoni mir-rekwiżit tal-kunsinna obbligatorja u hemm bżonn li ma jiġix interpretat b’mod wiesa’.

Sabiex jiġi stabbilit b’mod preċiż x’inhi l-kapaċità ddedikata ta’ ħżin abbord bastiment, jeħtieġ li jiġi vverifikat it-tagħrif li jkun ingħata fin-notifika dwar l-iskart li hija rikjesta skont l-Artikolu 6 u l-Anness II. Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva, il-kaptan ta’ bastiment (għajr ta’ bastiment tas-sajd jew ta’ rikreazzjoni) li jkun sejjer lejn port tal-UE għandu l-obbligu li jimla l-formola tan-notifika prevista fl-Anness II tad-Direttiva u li jinnotifika dan it-tagħrif lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li fih ikun jinsab il-port tad-dħul li jmiss. L-Anness II fih lista dettaljata tat-tagħrif li jrid jiġi nnotifikat, inkluża tabella bil-kategoriji differenti ta’ skart u ta’ fdalijiet tal-merkanzija li jkunu ġew ikkonsenjati fil-port preċedenti (28), kif ukoll l-iskart li jrid jiġi kkonsenjat u/jew li jibqa’ abbord, u li tindika l-persentaġġ tal-kapaċità massima ddedikata ta’ ħżin.

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx biżżejjed kapaċità ddedikata ta’ ħżin għall-vjaġġ li jkun biħsiebu jagħmel il-bastiment, huwa importanti wkoll li jitqies l-ammont ta’ skart li x’aktarx jiġi ġġenerat abbord il-bastiment bejn il-port tat-tluq u l-port tad-dħul li jmiss. Il-fatturi li jaffettwaw il-ġenerazzjoni tal-iskart ta’ bastiment huma kemm statiċi (it-tip ta’ bastiment, is-sena ta’ kostruzzjoni, l-qawwa tal-magna ewlenija, eċċ.) kif ukoll iktar volatili (l-ammont ta’ merkanzija abbord, il-kundizzjonijiet tal-vjaġġ, l-ippjanar tar-rotta, l-għadd ta’ passiġġieri abbord, eċċ.). Hemm ukoll għadd ta’ fatturi li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jitnaqqas l-iskart abbord, inkluż ir-riċiklaġġ tal-iskart, l-inċinerazzjoni abbord, l-użu ta’ Żejt tad-Diżil tal-Bastimenti (MDO), li għandhom jitqiesu wkoll meta jiġi stabbilit jekk ikunx hemm biżżejjed kapaċità ta’ ħżin.

Fir-rigward tat-trattament differenti ta’ kull fluss ta’ skart, filwaqt li jitqies li n-notifika fl-Anness II tad-Direttiva tirrikjedi l-għoti ta’ tagħrif dwar kull tip ta’ skart, flimkien mal-kapaċità massima ta’ ħżin u mal-ammont ta’ skart li jinżamm abbord għal kull tip ta’ skart, il-Kummissjoni tal-fehma li l-kapaċità ta’ ħżin trid tiġi vvalutata għal kull tip ta’ skart. L-effett ta’ dan huwa li jekk b’mod ġenerali jkun hemm kapaċità ta’ ħżin fuq il-bastiment, iżda għal tip ta’ skart jew xi tipi ta’ skart ma jkunx hemm kapaċità bħal din, il-bastiment ma jitħalliex jipproċedi lejn il-port tad-dħul li jmiss.

3.4.   Il-port li fih tkun biħsiebha ssir il-kunsinna

L-Artikolu 7(2) jirreferi għall-“port tal-kunsinna”. Għandu jiġi stabbilit jekk il-“port li fih tkun biħsiebha ssir il-kunsinna” għandhiex tinftiehem bħala l-“port tad-dħul li jmiss”.

Il-Kummissjoni tfakkar li s-sistema stabbilita fl-Artikolu 7(2) hija sistema minn port sa port. L-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 7(2) jirreferi għall-permess li l-bastiment jipproċedi lejn il-“port tad-dħul li jmiss”. Huwa abbażi ta’ dan it-tagħrif li l-awtoritajiet kompetenti jevalwaw jekk hemmx biżżejjed kapaċità ta’ ħżin abbord il-bastiment għall-iskart kollu ġġenerat mill-bastiment, sabiex jiġu evitati riskji ta’ rimi l-baħar fir-rotta lejn il-port tad-dħul li jmiss. Dan it-tagħrif jingħata wkoll fin-notifika li trid tintbagħat lill-port tad-dħul qabel il-wasla, sabiex dak il-port ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-bastiment il-faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza skont il-bżonnijiet tal-bastiment. L-awtorizzazzjoni tal-port tad-dħul imsemmi fl-Artikolu 7(2) tista’ tkopri biss li bastiment jipproċedi lejn il-port tad-dħul li jmiss, iżda mhux lil hinn minnu. Skont din il-loġika, il-“port tal-kunsinna” li ssemma fl-Artikolu 7(2) għandu jinftiehem bħala l-“port tad-dħul li jmiss”, peress li huma l-awtoritajiet tal-port tad-dħul li jmiss li jevalwaw jekk il-bastiment inkwistjoni ikunx jista’ jipproċedi lejn port ieħor, filwaqt li jqisu l-kapaċità disponibbli ta’ ħżin.

L-Artikolu 7(2) jipprevedi li “jekk ikun hemm raġunijiet tajba sabiex dak li jkun jemmen illi ma jkunux disponibbli faċilitajiet xierqa fil-port maħsub għall-kunsinja, jew jekk il-port ma jkunx magħruf, u li għalhekk ikun hemm ir-riskju li l-iskart jintrema fil-baħar, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprevjeni t-tniġġis tal-baħar, jekk meħtieġ billi l-bastiment jintalab li jikkunsinja l-iskart tiegħu”.

Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġu jivvalutaw is-sitwazzjoni fil-port li fih tkun biħsiebha ssir il-kunsinna, b’mod partikolari jekk il-faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet humiex disponibbli f’dak il-port. Il-Kummissjoni tinnota li dan jaf ikun diffiċli f’każ li l-port li fih tkun biħsiebha ssir il-kunsinna jkun jinsab ‘il barra mill-UE jew ma jkunx magħruf.

Billi l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tista’ tiġi ssorveljata fil-portijiet tal-UE fi ħdan il-qafas tas-“sistema minn port sa port”, bl-appoġġ tas-sistema tat-tagħrif u tal-monitoraġġ żviluppata f’konformità mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva (ara t-taqsima 3.5.2 ta’ hawn taħt), dan ma jkunx il-każ meta l-port tad-dħul li jmiss ikun jinsab ‘il barra mill-UE. Għalhekk, fir-rigward tal-bastimenti li jitilqu lejn portijiet li ma jkunux tal-UE, il-Kummissjoni tqis li huwa tal-ogħla importanza li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li jkun hemm biżżejjed kapaċità ta’ ħżin abbord qabel ma jħallu lil dawn il-bastimenti jitilqu bl-iskart li jkun għadu abbord, u meta t-tagħrif ikun disponibbli, jivverifikaw d-disponibbiltà tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet fil-bażi tad-dejta GISIS tal-IMO (29).

3.5.   Monitoraġġ u infurzar

3.5.1.   Monitoraġġ

L-Istati Membri huma mitluba jeżaminaw b’mod xieraq it-tagħrif innotifikat mill-bastiment fil-formola tan-notifika dwar l-iskart (30). Dan l-eżami għandu jippermetti lill-awtoritajiet biex jirranġaw sabiex il-bastiment ikollu faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet għad-dispożizzjoni tiegħu, kif ukoll jippermetti li jitwettaq il-monitoraġġ tal-kunsinni tal-iskart, inkluża l-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ħżin.

Kif urew il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni, attwalment fl-Istati Membri jiġu applikati kemm proċeduri ta’ approvazzjoni attiva kif ukoll proċeduri ta’ approvazzjoni passiva sabiex bastiment jitħalla jitlaq bl-iskart iġġenerat mill-bastimenti abbord:

Approvazzjoni Attiva – wara eżami xieraq tal-formola tan-notifika dwar l-iskart u valutazzjoni dwar jekk il-kapaċità ddedikata ta’ ħżin abbord hijiex biżżejjed, il-bastimenti jingħataw approvazzjoni espressa bil-miktub biex jitilqu mill-port. Dan isir jew b’ċertifikat jew inkella b’messaġġ sempliċi lill-bastiment li jrid jinżamm abbord; jew

Approvazzjoni Passiva – huwa previst intervent biss jekk wara eżami xieraq tan-notifika dwar l-iskart, jew fin-nuqqas ta’ notifika, ikun hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li l-bastiment ma jikkonformax mar-rekwiżit tal-kunsinna obbligatorja fid-Direttiva. Tinbeda ispezzjoni PRF u jekk jinsab li l-bastiment ikollu biżżejjed kapaċità ta’ ħżin abbord, jintalab jikkonsenja l-iskart tiegħu qabel it-tluq. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-bastiment jitħalla ibaħħar lejn il-port tad-dħul li jmiss, mingħajr approvazzjoni espressa mill-awtoritajiet bil-miktub jew f’format elettroniku.

La l-Artikolu 7(2) u lanqas l-Artikolu 11 u l-Artikolu 12(1)(d) ma jirrikjedu l-ħruġ ta’ approvazzjoni espliċita sabiex il-bastiment jipproċedi lejn il-port tad-dħul li jmiss. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li kemm il-proċedura ta’ approvazzjoni attiva kif ukoll il-proċedura ta’ approvazzjoni passiva huma permessi bid-Direttiva.

3.5.2.   Sistema ta’ Tagħrif u ta’ Monitoraġġ

L-iżvilupp ta’ sistema xierqa ta’ tagħrif u ta’ monitoraġġ huwa previst fid-Direttiva sabiex tgħin lill-Istati Membri jidentifikaw il-bastimenti li ma jkunux ikkonsenjaw l-iskart tagħhom skont id-Direttiva.

Il-Kummissjoni ħadet l-inkarigu li din is-sistema tiżviluppa fi ħdan is-SafeSeaNet eżistenti, stabbilit fid-Direttiva 2002/59/KE li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (31) u biħsiebha torbot is-sistema ma’ modulu ddedikat ta’ rappurtar u ta’ monitoraġġ fil-Bażi tad-Dejta għall-Ispezzjonijiet ta’ Kontroll tal-Istat tal-Port (THETIS) mħaddma mill-EMSA.

Mill-1 ta’ Ġunju 2015, ir-rappurtar elettroniku permezz tal-Interfaċċa Unika Nazzjonali (National Single Window) (32) sar obbligatorju għan-notifika bil-quddiem dwar l-iskart u qed jiġi skambjat bejn l-awtoritajiet nazzjonali permezz tas-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta’ Tagħrif Marittimu (SafeSeaNet) (33). Għal dan l-għan, fid-Direttiva 2010/65/UE ġie żviluppat messaġġ elettroniku dwar l-iskart bħala parti mir-Regoli tan-Negozju għall-implimentazzjoni tal-messaġġ. L-Istati Membri u l-Kummissjoni qablu wkoll li t-tagħrif dwar il-bastimenti li ma jkunux ikkonsenjaw l-iskart iġġenerat mill-bastiment u l-fdalijiet mill-merkanzija tagħhom għandu jiġi trażmess permezz tas-SafeSeaNet (34). Il-Kummissjoni qed tistenna li din is-sistema se tappoġġa kemm lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni kif suppost tad-Direttiva, kif ukoll lill-industrija billi tagħti lok għal rappurtar effiċjenti u jitnaqqas iż-żmien meħtieġ biex jitwettqu l-proċeduri fil-portijiet.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li għalkemm n-notifika dwar l-iskart fl-Anness II tirrikjedi l-firma formali mill-kaptan tal-bastiment, meta n-notifika dwar l-iskart tiġi rrappurtata b’mod elettroniku, mhix se tkun rikjesta l-ebda firma bil-miktub fuq il-formola b’mod parallel u l-kredenzjali tal-utent tal-fornitur tad-dejta se jkunu biżżejjed biex tiġi identifikata l-persuna li tkun qed tibgħat in-notifika dwar l-iskart (35).

3.5.3.   Infurzar (spezzjonijiet)

L-Artikolu 11 jistabbilixxi r-reġim ta’ spezzjonijiet skont id-Direttiva. Bħala prinċipju, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-bastimenti kollha jistgħu jkunu soġġetti għal spezzjoni u li jitwettqu għadd suffiċjenti ta’ spezzjonijiet. Il-Kummissjoni tisħaq li dan ir-rekwiżit ġenerali ta’ spezzjoni jinkludi wkoll l-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni. Madankollu, billi jaf ma jkunx possibbli fil-prattika li jiġu kkontrollati l-bastimenti kollha li ma jikkonsenjawx l-iskart tagħhom fil-portijiet, id-Direttiva tipprovdi ċerti kriterji tal-għażla sabiex jiġi deċiż liema bastimenti għandhom jiġu spezzjonati.

Skont l-Artikolu 11(2)(a) tad-Direttiva, il-bastimenti (għajr il-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni li huma awtorizzati jġorru mhux iktar minn 12-il passiġġier) li ma kkonformawx mar-rekwiżiti tan-notifika fl-Artikolu 6, jew li għalihom l-eżami tat-tagħrif ipprovdut mill-kaptan tal-bastiment ikun żvela raġunijiet biex wieħed jemmen li l-bastiment ma jikkonformax mad-Direttiva, għandhom jingħataw attenzjoni partikolari fil-proċess tal-għażla tal-bastimenti għal spezzjoni.

Kif jirriżulta mill-Artikolu 11(2)(a), il-formola tan-notifika hija l-għodda primarja biex permezz tagħha jintgħażlu/jkunu fil-mira l-bastimenti għal spezzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa għal skambju ta’ tagħrif effettiv bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi tal-infurzar. B’mod partikolari, huma essenzjali l-flussi ta’ informazzjoni li ġejjin:

L-awtorità rilevanti tal-infurzar u l-ispetturi tagħha jrid ikollhom aċċess għan-notifiki mingħajr dewmien.

Il-port għandu jirrapporta minnufih kwalunkwe inkonsistenza mad-Direttiva, inkluż in-nuqqas ta’ notifika jew in-nuqqas ta’ kunsinna, lill-awtorità li tkun qed twettaq l-Ispezzjoni PRF;

L-awtorità kompetenti f’kull Stat Membru għandha:

tirċievi r-rapporti dwar l-inkonsistenzi mill-port jew mill-partijiet terzi, speċjalment fir-rigward ta’ dawk il-bastimenti li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad-Direttiva;

tinforma lill-awtorità kompetenti tal-port tad-dħul li jmiss dwar nuqqas ta’ kunsinna li tkun ksur tal-Artikolu 7 u 10 tad-Direttiva PRF, sabiex il-bastiment ma jitħalliex jitlaq lejn dak il-port sakemm ma ssirx valutazzjoni iktar dettaljata, kif previst fl-Artikolu 11(2)(d).

3.5.3.1   Kamp ta’ Applikazzjoni tal-Ispezzjonijiet PRF:

Id-Direttiva tippermetti espressament li jitwettaq l-infurzar skont id-Direttiva dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (36). Fl-istess waqt, id-Direttiva tagħmilha ċara li fi kwalunkwe qafas jitwettqu l-ispezzjonijiet, japplika r-rekwiżit ta’ spezzjoni ta’ 25 %. Il-Kummissjoni tinnota li r-rekwiżit ta’ spezzjoni ta’ 25 % jirriżulta mir-rekwiżiti tad-Direttiva preċedenti dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port (id-Direttiva 95/21/KE) li kienet fis-seħħ fiż-żmien meta ġiet adottata d-Direttiva. Ir-reġim attwali tal-kontroll tal-Istat tal-port, introdott bid-Direttiva 2009/16/KE, issostitwixxa ir-rekwiżit ta’ 25 % b’piż konġunt ta’ spezzjoni li jiġi allokat b’mod proporzjonat lil kull Stat Membru u b’mekkaniżmu ta’ tqegħid fil-mira abbażi tar-riskji.

Il-premessi tad-Direttiva jenfasizzaw il-ħtieġa li jitwettqu spezzjonijiet immirati sabiex tiġi vverifikata l-konformità, u l-għadd ta’ spezzjonijiet għandu jkun biżżejjed biex inaffar in-nuqqas ta’ konformità mad-Direttiva (37). Dan il-prinċipju ta’ spezzjonijiet immirati huwa rifless ukoll fis-sistema ġenerali stabbilita bl-Artikolu 11, bi kriterji tal-għażla bbażati fuq it-tagħrif min-notifika jew fuq in-nuqqas ta’ notifika. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-reġim ta’ spezzjonijiet previst fid-Direttiva PRF għandu wkoll isegwi approċċ abbażi tar-riskji, simili għall-approċċ meħud fil-qafas tad-Direttiva attwali dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port, minflok jimmira li tinkiseb il-mira fissa ta’ 25 %.

Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li f’kull waqt għandhom jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-infurzar korretti tad-Direttiva PRF, b’mod partikolari l-konformità mal-kriterji tal-għażla għal spezzjonijiet li jkunu differenti minn dawk li ntużaw fil-qafas tad-Direttiva dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu ssorveljati u spezzjonati wkoll dawk il-bastimenti li mhumiex mitluba jibagħtu notifika dwar l-iskart lil port, inklużi l-bastimenti eżentati fit-traffiku regolari, il-bastimenti tas-sajd u l-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni (li huma awtorizzati jġorru mhux iktar minn 12-il passiġġier). L-Artikolu 11(3) jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu proċedura ta’ kontroll kemm għall-bastimenti tas-sajd kif ukoll għall-opri tal-baħar għar-rikreazzjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva.

Mill-banda l-oħra, il-bastimenti li jikkonformaw mad-Direttiva, iżda li jiddewmu bla bżonn minħabba l-inadegwatezza tal-faċilitajiet tal-akkoljenza, ikollhom ukoll id-dritt li jiġu kkumpensati (l-Artikolu 12(1)(h)).

3.5.3.2   “Il-bastiment ma jitħalliex jitlaq” u s-sistema ta’ skambju tat-tagħrif

F’każijiet li fihom l-awtorità rilevanti ma tkunx sodisfatta bir-riżultati tal-ispezzjoni, l-awtorità trid tiżgura li l-bastiment ma jitlaqx mill-port sakemm jikkonsenja l-iskart tiegħu. B’hekk id-Direttiva tipprovdi l-bażi ġuridika u l-kundizzjonijiet biex il-bastiment “ma jitħalliex jitlaq”, għalkemm kif spjegat hawn fuq, il-qafas, il-proċeduri u s-sistema ġenerali biex il-bastiment ma jitħalliex jitlaq jistgħu jinkisbu mill-Qafas tal-Kontroll tal-Istat tal-Port, kif previst b’mod speċifiku fl-Artikolu 11(2)(b). Għalhekk, minkejja li l-qafas jaf ikun l-istess, l-att li bih bastiment ma jitħalliex jitlaq skont id-Direttiva PRF irid ikun distint minn “detenzjoni” skont id-Direttiva dwar il-Kontroll tal-Istat tal-Port.

Id-deċiżjoni li bastiment ma jitħalliex jitlaq minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-kunsinna fl-Artikoli 7 jew 10 tista’ wkoll tiskatta minn tagħrif riċevut mill-port preċedenti, li jkun jikkostitwixxi “evidenza ċara” ta’ nuqqas ta’ kunsinna. F’każijiet bħal dawn, l-ispettur ma għandux iħalli l-bastiment jitlaq mill-port sakemm ssir valutazzjoni iktar dettaljata tal-fatturi relatati mal-konformità tal-bastiment mar-rekwiżiti tal-kunsinna tal-iskart.

Il-qofol tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-infurzar tad-Direttiva hija s-sistema ta’ rappurtar effettiv bejn il-portijiet għall-iskambju tat-tagħrif rilevanti. Sistema bħal din hija prevista fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva u l-Kummissjoni ħadet l-inkarigu li din is-sistema tiżviluppa u tintegra iktar fi ħdan is-sistemi eżistenti ta’ rappurtar tad-dejta.

4.   EŻENZJONIJIET

4.1.   Kundizzjonijiet

Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv u finanzjarju bla bżonn għall-bastimenti li jżuru l-istess portijiet b’mod frekwenti u regolari, l-Artikolu 9 jagħti s-setgħa lill-Istati Membri biex jeżentaw il-bastimenti mill-obbligi li ġejjin:

in-notifika bil-quddiem dwar l-iskart (l-Artikolu 6);

il-kunsinna obbligatorja tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti (l-Artikolu 7(1));

il-ħlas tat-tariffa tal-iskart (l-Artikolu 8).

Billi jiġi segwit il-prinċipju tal-interpretazzjoni legali “a maiore ad minus”, jirriżulta li Stat Membru, li jista’ jeżenta bastiment mir-rekwiżiti kollha, jista’ jeżentah ukoll minn rekwiżit wieħed biss. Bl-istess mod, jekk jista’ jeżenta bastiment mill-kunsinna tat-tipi kollha ta’ skart iġġenerat mill-bastiment, jista’ wkoll jeżentah mill-kunsinna ta’ tip wieħed biss jew iktar ta’ skart.

L-Artikolu 9 jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi biex jiġu permessi l-eżenzjonijiet:

(a)

il-bastiment ikun involut fi traffiku skedat b’portijiet tad-dħul frekwenti u regolari; u

(b)

ikun hemm biżżejjed evidenza ta’ arranġament biex tiġi żgurata l-kunsinna tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u tal-ħlas tat-tariffi f’port tul ir-rotta tal-bastiment.

Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx iddefiniti b’mod ċar fil-livell tal-UE sa issa, u b’hekk tħalla marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet tal-Istati Membri sabiex jiddeskrivu l-kunċetti ewlenin. B’konsegwenza ta’ dan, ir-reġimi tal-eżenzjonijiet ivarjaw ferm bejn Stat Membru u ieħor u dan iqajjem il-ħtieġa li jiġu ċċarati ċerti kunċetti ewlenin.

4.1.1.   Bastimenti involuti fi traffiku skedat f’portijiet tad-dħul frekwenti u regolari

Il-kunċett ta’ “traffiku skedat f’portijiet tad-dħul frekwenti u regolari” ma kienx ġie definit ulterjorment fid-Direttiva. Abbażi tal-aqwa prattiki identifikati fl-Istati Membri (38), il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn it-termini għandhom jiġu interpretati kif ġej:

—    Skedati :

Il-bastiment inkwistjoni irid ikollu lista ppubblikata jew ippjanata tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, bejn il-portijiet jew it-terminals identifikati, jew jaqsam b’mod rikorrenti

 (39)

il-portijiet jew it-terminals, tant li jkun jikkostitwixxi skeda rikonoxxibbli. Din l-iskeda jew l-ekwivalenti jistgħu wkoll ikollhom l-għamla ta’ dikjarazzjonijiet tal-ħinijiet tat-tbaħħir. Ta’ min jinnota li l-iskeda tal-bastiment għandha tiġi stabbilita bil-quddiem u għandha tibqa’ stabbli minn tal-inqas għal erba’ xhur sabiex jiġi inkluż it-tbaħħir staġonali.

—    Regolari :

Il-bastiment irid jopera fi vjaġġi ripetuti b’xejra kostanti bejn il-portijiet jew it-terminals identifikati u mhux oħrajn, jew jagħmel serje ta’ vjaġġi ‘l hemm u ‘l hawn għall-istess port mingħajr dħul intermedju.

—    Frekwenti :

Il-bastiment irid iżur il-port li għalih tapplika l-eżenzjoni u l-port li fih jarmi l-iskart iġġenerat mill-bastiment minn tal-inqas darba kull ħmistax.

Kwistjoni addizzjonali tikkonċerna t-tipi ta’ bastimenti li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni – b’mod partikolari jekk id-dragi, id-dgħajjes tal-bdot jew il-laneċ li jagħmlu vjaġġi qosra jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9. L-ewwel nett ta’ min jinnota li l-Artikolu 9 ma jiddistingwix bejn il-kategoriji ta’ bastimenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-bastimenti li l-port tat-tluq u l-port tal-wasla tagħhom ikunu l-istess port, għal dik ir-raġuni waħedha ma għandhomx jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9. Jidher perfettament loġiku li bastiment jidħol f’port (uniku) li minnu jopera b’mod frekwenti u regolari fil-kuntest tat-traffiku skedat, b’mod li jkun ġġustifikat li tkun permessa eżenzjoni skont l-Artikolu 9, li l-uniku skop tagħha jkun is-simplifikazzjoni. Barra minn hekk, filwaqt li titqies id-definizzjoni tal-port, il-bastimenti li jipprovdu servizzi f’din iż-żona jew bejn it-terminals tal-istess port, għandhom ikunu jistgħu jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9, diment li jikkonformaw ukoll mal-kundizzjonijiet ta’ biżżejjed arranġamenti għall-ħlas u għall-kunsinna f’intervalli xierqa.

4.1.2.   Biżżejjed evidenza ta’ arranġament

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva PRF, bħala prekundizzjoni għall-għoti ta’ eżenzjoni, jipprevedi l-eżistenza ta’ “biżżejjed evidenza ta’ arranġament sabiex tiġi żgurata l-kunsinna tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti u l-ħlas tat-tariffi f’port tul ir-rotta tal-bastiment”.

Il-kwalità tal-evidenza ta’ sostenn għat-talba ta’ eżenzjoni hija ta’ importanza ewlenija għall-funzjonament kif suppost tar-reġim tal-eżenzjonijiet.

Abbażi tal-gwida pprovduta minn organizzazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-evidenza li ġejja, meħuda flimkien, għandha titqies bħala “biżżejjed” meta tiġi ppreżentata mill-operatur tal-bastiment:

evidenza ta’ kuntratt iffirmat, jew kuntratti, li jkopru kull tip ta’ skart iġġenerat mill-bastimenti, ma’ port jew ma’ kuntrattur irreġistrat tal-iskart fil-port li fih l-iskart irid jiġi kkonsenjat, flimkien mal-frekwenza li biha l-iskart se jiġi kkonsenjat lil dawn il-faċilitajiet;

irċevuti u provi oħra li l-kuntratt jew l-arranġament huma attivi;

evidenza li dawn l-arranġamenti huma aċċettabbli għall-port li jirċievi l-iskart iġġenerat mill-bastimenti, għall-port/ijiet li għalihom qed issir applikazzjoni għal eżenzjoni u għall-portijiet oħra tul ir-rotta.

Ir-rekwiżit ta’ kuntratt jeskludi l-prattika ta’ aċċettazzjoni ta’ eżenzjoni abbażi ta’ żjarat frekwenti waħedhom. L-evidenza għandha tiġi ssupplimentata bi prova li l-kuntratt huwa f’użu attiv u implimentat fil-prattika, sabiex jiġi evitat l-abbuż tar-reġim tal-eżenzjonijiet. L-aħħar punt fih referenza għall-aċċettabbiltà tal-arranġament mill-port li fih ikun sar il-kuntratt. Dan ir-rekwiżit jgħin sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità tal-port lanqas biss tkun taf li l-bastiment kien ġie eżentat minn Stat Membru ieħor abbażi ta’ żjarat frekwenti f’port speċifiku. Il-piż li jintbagħat it-tagħrif rikjest huwa tal-operatur tal-bastiment.

Il-bastimenti li jivvjaġġaw bejn tliet portijiet jew iktar jistgħu jingħataw eżenzjoni skont id-Direttiva għal iktar minn port wieħed, diment li huma jinnotifikaw, jikkonsenjaw u jħallsu t-tariffa obbligatorja f’minn tal-inqas port wieħed tul ir-rotta tagħhom. Dan jeskludi l-prattiki li bastiment jiġi eżentat għall-portijiet kollha tul ir-rotta tiegħu, anke abbażi biss ta’ arranġament privat ma’ kuntrattur tal-iskart għall-kunsinna u għall-ħlas tal-iskart ‘il barra mill-port (arranġament ta’ parti terza), peress li arranġamenti bħal dawn għandhom isiru taħt ir-responsabbiltà/l-awtorità ta’ port tul ir-rotta tal-bastiment.

Minkejja li l-Artikolu 9 ma jirrikjedix b’mod espliċitu li l-arranġament għall-kunsinna u għall-ħlas tat-tariffa jrid isir f’port li jinsab fi Stat Membru, jista’ jkun hemm problemi minħabba l-arranġamenti li jsiru f’portijiet li mhumiex tal-UE, peress li dawn mhux neċessarjament jikkonformaw mal-kundizzjonijiet previsti fid-Direttiva u jiġu vverifikati u infurzati. Għal dik ir-raġuni, il-portijiet li jagħtu eżenzjoni abbażi ta’ arranġamenti li jkunu saru ‘l barra mill-UE, għandhom jivvalutaw dawn l-arranġamenti skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva fir-rigward ta’ biżżejjed faċilitajiet adegwati ta’ akkoljenza, il-monitoraġġ tal-kunsinna u tal-ħlas tat-tariffi, u f’każ ta’ dubju ma għandhomx jaċċettaw dawk l-arranġamenti bħala “biżżejjed evidenza” skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1).

4.2.   Proċedura ta’ eżenzjoni

Normalment l-applikazzjoni għal eżenzjoni ssir mill-aġent tal-bastiment jew mill-kumpanija/mill-operatur tat-trasport bil-baħar lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun jinsab il-port. L-awtorità maħtura titlob evidenza tat-traffiku skedat tal-bastiment, kif ukoll evidenza tal-arranġament fis-seħħ għall-ġestjoni tal-iskart.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jeżentaw bastimenti biss f’portijiet li jkunu fil-ġuriżdizzjoni tagħhom stess, iżda l-arranġament għall-ġestjoni tal-iskart li fuqu tkun ibbażata l-eżenzjoni tista’ ssir fi kwalunkwe port ieħor tul ir-rotta regolari tal-bastiment (40).

L-eżenzjoni mogħtija minn Stat Membru wieħed għal port mhijiex valida f’port ta’ Stat Membru ieħor (jiġifieri, eżenzjoni separata), peress li l-Artikolu 9(1) jipprevedi proċedura ta’ eżenzjoni “port b’port” billi jirreferi għal “Stati Membri tal-portijiet involuti”. Għalhekk, hemm bżonn li l-bastiment japplika separatament għall-eżenzjonijiet f’kull port ta’ kull Stat Membru tul ir-rotta regolari tiegħu, anke jekk il-ftehim/ftehimiet dwar il-ġestjoni tal-iskart li jiffurmaw il-bażi għall-eżenzjoni jaf ikunu l-istess.

Id-durata tal-validità tal-eżenzjonijiet tvarja ħafna fost l-Istati Membri. Sabiex jiġi evitat l-abbuż, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-perjodu massimu ta’ validità tal-eżenzjonijiet għandu jkun ta’ ħames snin, skont il-bidliet fix-xejra tat-traffiku tal-bastiment. Fi kwalunkwe każ, l-eżenzjoni ma għandhiex testendi lil hinn mid-durata tal-arranġament dwar il-ġestjoni tal-iskart. Ladarba l-eżenzjoni tkun ingħatat, jitqies li hija prassi tajba li jinħareġ ċertifikat ta’ eżenzjoni, li jista’ jkun fih it-tagħrif rilevanti kollu dwar l-eżenzjoni, bħar-referenza għall-obbligi li ġie eżentat minnhom il-bastiment, il-kundizzjonijiet tal-validità u d-data u l-post tal-ħruġ. Iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni l-aħjar li jinżamm abbord il-bastiment il-ħin kollu sabiex tintwera l-konformità.

L-Artikolu 9(2) jirrikjedi li l-Kummissjoni tiġi informata fuq bażi regolari (minn tal-inqas darba fis-sena) mill-Istati Membri dwar l-eżenzjonijiet li ngħataw. Dan jista’ jsir bil-miktub jew preferibbilment permezz ta’ rappurtar fis-SafeSeaNet, li tintuża bħala bażi għas-Sistema Komuni ta’ Tagħrif u ta’ Monitoraġġ.

4.3.   Monitoraġġ u infurzar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ il-proċeduri ta’ kontroll kif suppost għall-bastimenti eżentati u li dawn ikunu soġġetti għall-spezzjoni fuq bażi regolari (minn tal-inqas darba fis-sena), sabiex jiġi vverifikat li jsegwu l-arranġamenti ta’ kunsinna tal-iskart, kif rikjest fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva.

Għal dan l-għan, l-awtoritajiet rilevanti kollha tal-infurzar tul ir-rotta regolari ta’ bastiment għandhom jiġu mgħarrfa għalkollox dwar liema bastimenti huma eżentati, f’liema portijiet, u għal liema raġunijiet. L-iktar ħaġa importanti hija li hemm bżonn li l-awtoritajiet tal-infurzar f’port partikolari, ikunu jafu bi kwalunkwe eżenzjoni potenzjali li tkopri dak il-port partikolari. Is-soltu dan jinkiseb permezz taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni li l-operatur/l-aġent tal-bastiment jista’ jibgħat lill-awtoritajiet rilevanti bħala prova tal-eżenzjoni/eżenzjonijiet (41) mogħtija. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza ta’ skambju effettiv ta’ tagħrif dwar l-eżenzjonijiet bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri permezz ta’ Sistema Komuni ta’ Tagħrif u ta’ Monitoraġġ. It-tagħrif dwar l-eżenzjonijiet se jkun neċessarju sabiex jiġu vverifikati l-arranġamenti li jkunu saru għall-kunsinna u għall-ħlas tat-tariffi, li huma prekundizzjonijiet biex tinkiseb l-eżenzjoni.


(1)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81.

(2)  COM(2009) 8, “L-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018”.

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”.

(4)  L-evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 2000/59/KE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija, ir-rapport finali (Panteia/PwC, Mejju 2015), hija disponibbli fis-sit web: http://ec.europa.eu/transport/modes/maritime/studies/doc/2015-ex-post-evaluation-of-dir-2000-59-ec.pdf

(5)  L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), twassal gwida teknika addizzjonali u l-aqwa prattiki żviluppati fl-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva bħala parti mir-“Rakkomandazzjonijiet Tekniċi dwar id-Direttiva 2000/59/KE dwar l-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija”.

(6)  Prinċipalment fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), b’mod partikolari: Ir-Riżoluzzjoni MEPC.83(44) (Linji gwida biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-iskart fil-portijiet, 2000), ir-Riżoluzzjoni MEPC.1/Circ.834 (Gwida Konsolidata għall-fornituri u għall-utenti tal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet), u t-Taqsima 2.3.1 tal-Manwal Komprensiv dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet (Pubblikazzjoni 597E tal-OMI); Il-Gwida żviluppata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandards (ISO): L-istandard 16304 tal-ISO (2013), L-arranġament u l-ġestjoni tal-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet.

(7)  Prinċipalment fil-kuntest tal-Konvenzjoni tal-Baħar Baltiku, HELCOM: Il-Kapitolu 6 tal-Gwida temporanja dwar l-aspetti tekniċi u operazzjonali tal-kunsinna tad-drenaġġ lill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet (2013).

(8)  It-Taqsima 3 tar-Riżoluzzjoni MEPC.83(44), Linji gwida biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-iskart fil-portijiet, 2000.

(9)  L-Artikolu 2 tad-Direttiva PRF 2000/59/KE.

(10)  Li tissostitwixxi d-Direttiva 2006/12/KE, li min-naħa tagħha tissostitwixxi id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE.

(11)  L-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Basilea – il-“klawżola ta’ esklużjoni”.

(12)  L-analiżi ġuridika tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, NEP/CHW.11/INF/22, http://www.basel.int/implementation/LegalMatters/Ships/tabid/2405/Default.aspx

(13)  B’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 dwar vjeġġi tal-iskart, li jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Basilea fil-liġi tal-UE u li jirreferi għad-diversi Linji gwida għall-ġestjoni ambjentalment korretta tal-iskart fl-Anness VIII tar-Regolament.

(14)  It-Taqsima 2.3.1 tal-Manwal Komprensiv tal-OMI dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet.

(15)  L-Artikolu 2(h).

(16)  L-Artikolu 3(b).

(17)  L-Artikolu 3(a).

(18)  Il-paragrafu 5.15 tal-Linji gwida tal-OMI sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-faċilitajiet tal-akkoljenza tal-iskart fil-portijiet.

(19)  L-Appendiċi 1 tal-Anness ta’ MEPC.1/Circ.834

(20)  In-normi għar-rimi l-baħar tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti jinsabu fl-Annessi rispettivi tal-Konvenzjoni MARPOL, li jispeċifikaw l-ammonti u l-kundizzjonijiet li fihom jitħalla rimi bħal dan.

(21)  L-Artikolu 2(c).

(22)  Il-Konvenzjoni MARPOL tippermetti wkoll r-rimi ta’ tipi oħra ta’ skart iġġenerat mill-bastimenti. Madankollu, kulma jmur in-normi dwar ir-rimi għall-iskart tal-Anness I u tal-Anness V qed isiru dejjem iktar restrittivi, u jippermettu biss ir-rimi l-baħar ta’ kwantitajiet żgħar ħafna ta’ skart tal-Anness I skart, skont kundizzjonijiet speċifiċi.

(23)  Ref. Premessa 3 tad-Direttiva 2000/59/KE

(24)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/71/KE li jemenda l-Anness II tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija.

(25)  Ir-Regolament 11 tal-Anness IV tal-Konvenzjoni MARPOL.

(26)  L-Anness V tar-Regolament 1.12 tal-Konvenzjoni MARPOL.

(27)  B’mod partikolari, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

(28)  L-Anness II tad-Direttiva 2000/59/KE ġie emendat bid-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2015/2087 tat-18 ta’ Novembru 2015, sabiex jiġu inklużi t-tipi u l-kwantitajiet ta’ skart ikkonsenjati fil-port preċedenti fit-tabella tat-tagħrif li jrid jiġi nnotifikat.

(29)  L-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar it-Trasport bil-Baħar Integrat u Globali tal-OMI (GISIS) tista’ tipprovdi tagħrif dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet li jkunu disponibbli fil-portijiet differenti: https://gisis.imo.org/Public/Default.aspx.

(30)  L-Artikolu 12(d).

(31)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10.

(32)  L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).

(33)  Kif stabbilit bid-Direttiva 2002/59/KE.

(34)  Ara “SAFESEANET: Linji Gwida tar-Rapport tal-Inċidenti”.

(35)  Kif maqbul mill-grupp tal-eMS imwaqqaf bid-Direttiva 2010/65/UE, Messaġġ dwar l-iskart – Regoli tan-Negozju, verżjoni 0.9, id-19 ta’ Marzu 2012.

(36)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(37)  Il-Premessa 18 tad-Direttiva.

(38)  L-interpretazzjoni tqis id-definizzjonijiet li jintużaw attwalment mill-Pajjiżi tal-HELCOM fir-Rakkomandazzjoni 28E/10, “Linji gwida għat-twaqqif ta’ sistema armonizzata ‘mingħajr tariffi speċjali’ għall-kunsinna tal-iskart żejtni ġġenerat mill-bastimenti li joriġina mill-ispazji tal-makkinarju u għall-kunsinna tad-drenaġġ u tal-iskart, inkluż l-iskart fil-baħar li jinqabad fix-xbieki tas-sajd, lill-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet”, adottata fil-15 ta’ Novembru 2007, http://helcom.fi/Recommendations/Rec%2028E-10.pdf, u r-ref. għan-Nota ta’ Gwida tal-Baħar tar-Renju Unit MGN 387, “Gwida dwar ir-Regolamenti tal-2003 u l-emendi dwar il-Bastimenti Merkantili tat-Trasport bil-Baħar u l-Bastimenti tas-Sajd (il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza tal-Iskart fil-Portijiet)”.

(39)  Rikorrenti tirreferi għat-tip ta’ vjaġġi ‘l hemm u ‘l hawn jew “li jitilqu kif jgħabbu ammont ta’ nies” li jkollhom rotot qosra ħafna.

(40)  Pereżempju, lanċa ro-ro tal-passiġġieri li tkun qed twettaq kummerċ bejn l-Istati Membri A u B jista’ jkollha kuntratt tal-iskart ma’ kumpanija tal-ġestjoni tal-iskart fl-Istat A, kuntratt tal-iskart żejtni ma’ kumpanija tal-ġestjoni tal-iskart fl-Istat B, u kuntratt tad-drenaġġ ma’ awtorità tal-port/muniċipalità fl-Istat A.

(41)  Ir-rilevanza hija rikonoxxuta wkoll fil-Linji gwida tal-HELCOM imsemmija fin-nota 38 ta’ qiegħ il-paġna, li tipprevedi li l-Istat li jagħti l-eżenzjoni “għandu wkoll jgħarraf lill-Istati tal-port l-oħra tul ir-rotta skedata dwar l-eżenzjonijiet li nħarġu.”