31.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 114/3


Notifikazzjoni tal-bidu ta' proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta' ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos li joriġinaw mir-Repubblika tal-Belarus

(2016/C 114/04)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li importazzjonijiet ta' ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos li joriġinaw mir-Repubblika tal-Belarus (“il-Belarus”), qed ikunu oġġett ta' dumping u għalhekk qed jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment sar fil-15 ta' Frar 2016 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“Eurofer”) (“l-ilmentatur”) f'isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa żbarri u vireg ta' tip użat għar-rinforz tal-konkos, li huma żbarri u vireg magħmulin minn ħadid jew azzar mhux illigat, mhux maħdumin aktar ħlief mikwija fil-forġa, irrumblati bis-sħana, miġbudin bis-sħana jew maħruġiin bis-sħana, iżda inklużi dawk mibrumin wara l-irrumblar. Fihom forom ta' snien, kustilji, skanalaturi jew deformazzjonijiet oħrajn magħmulin waqt il-proċess tal-irrumblar jew jiġu mibrumin wara l-irrumblar (“il-prodott li qed jiġi investigat”). Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni ma jinkludix żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos tal-ħadid jew tal-azzar (2) b'reżistenza għolja għar-reħi.

3.   Allegazzjoni ta' dumping

Il-prodott li allegatament huwa l-oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mill-Belarus (“il-pajjiż ikkonċernat”), li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi(jiet) NM ex 7214 20 00, ex 7214 30 00, ex 7214 91 10, ex 7214 91 90, 7214 99 10, ex 7214 99 71, ex 7214 99 79 u ex 7214 99 95. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

Billi, fid-dawl tal-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-Belarus jitqies bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, l-ilmentatur stabbilixxa l-valur normali għall-Belarus abbażi tal-prezzijiet f'żewġ pajjiżi terzi b'ekonomija tas-suq, l-Afrika t'Isfel u l-Istati Uniti tal-Amerka. L-allegazzjoni ta' dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit għal kull pajjiż terz b'ekonomija tas-suq mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta' qabel ma jidħol fis-suq) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping ikkalkulati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

4.   Allegazzjoni ta' ħsara u kawżalità

L-ilmentatur ta evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż kkonċernat żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u/jew żdiedu f'termini tas-sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u/jew fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Wara li ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata l-inizjazzjoni ta' proċediment, il-Kummissjoni b'dan qed tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat huwiex qed ikun oġġett ta' dumping u jekk dawn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping ikkawżawx ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fl-affermattiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni tal-miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Perjodu ta' investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni tad-dumping u tal-ħsara se tkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara se ikopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Proċedura ta' kif jiġi stabbilit id-dumping

Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet kollha ta' produtturi esportaturi fil-Belarus huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, preferibbilment bil-posta elettronika, iżda sa mhux iktar tard minn 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu kwestjonarju. Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lil produtturi esportaturi magħrufa fil-Belarus, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet ta' dak il-pajjiż.

Il-produtturi esportaturi, u fejn applikabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi, iridu jippreżentaw il-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.2.2.   Proċedura addizzjonali marbuta mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

5.2.2.1.   Għażla ta' pajjiż terz b'ekonomija tas-suq

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-valur normali jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż mhux tal-UE b'ekonomija tas-suq. Għall-fini ta' din l-investigazzjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni li tinsab fit-talba, huwa previst li jintużaw l-Afrika t'Isfel jew l-Istati Uniti tal-Amerka. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, produtturi oħrajn b'ekonomija tas-suq huma, fost l-oħrajn, l-Istati Uniti tal-Amerka, it-Turkija, l-Ukrajna, il-Federazzjoni Russa, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Messiku, il-Korea, ir-Repubblika Dominicana, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Bil-għan li finalment tagħżel il-pajjiż terz b'ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott investigat f'dawk il-pajjiżi terzi b'ekonomija tas-suq li hemm indikazzjonijiet dwarhom li l-produzzjoni tal-prodott investigat qed isseħħ. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkummentaw dwar l-għażla ta' pajjiż analogu fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.2.3.   Investigazzjoni ta' importaturi mhux relatati (4) (5)

Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f'din l-investigazzjoni.

Minħabba li jista' jkun hemm għadd kbir ta' importaturi li mhumiex relatati involuti f'dan il-proċediment, u biex titlesta l-investigazzjoni fil-limiti taż-żmien statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-importaturi mhux relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta' din in-Notifikazzjoni.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta' kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta' importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.    Proċedura biex tiġi stabbilita l-ħsara u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Il-ħsara tiġi stabbilita abbażi ta' evidenza pożittiva u tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li jkunu oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Fid-dawl ta' għadd kbir ta' produtturi tal-Unjoni involuti f'dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta' produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista' jiġi vverifikat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta' kuntatt mogħtija fit-Taqsima 5.7 iktar 'l isfel). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.4.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta' dumping u ta' ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta' miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel l-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista' tingħata jew f'format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F'kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b'evidenza fattwali.

5.5.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' din in-Notifikazzjoni, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna jesprimu l-opinjoni tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.6.    Possibbiltà ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew dejta lill-Kummissjoni li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta' partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b'mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża t-tagħrif u d-dejta għall-iskop ta' dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi t-tagħrif u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f'għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'din in-Notifikazzjoni, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristrett” (6).

Partijiet interessati li jagħtu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista' tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta' ittra elettronika u jinkludu dokumenti skenjati ta' prokuri u ta' ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' tweġibiet voluminużi li għandhom jitressqu fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta' ittra reġistrata. Permezz ta' ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F'KAŻIJIET TA' DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz elettroniku validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta' kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b'mezz ieħor ta' komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta' posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika:

TRADE-REBARS-BELARUS-INJURY@ec.europa.eu u TRADE-REBARS-BELARUS-DUMPING@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu isiru sejbiet provviżorji jew finali, sew jekk hux fl-affermattiv jew negattivi, b'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati jkunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta' kooperazzjoni, dejjem jekk il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew kost addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

7.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta' żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati b'mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta ta' kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Seduta bħal din, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara d-divulgazzjoni tas-sejbiet proviżorji.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, jistgħu jiġu imposti miżuri proviżorji mhux aktar tard minn disa' xhur mill-pubblikazzjoni ta' din in-Notifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Proċessar ta' dejta personali

Kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (7).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  L-iżbarri u l-vireg tal-ħadid jew tal-azzar li jirrinforzaw il-konkos b'reżistenza għolja għar-reħi huma soġġetti għal investigazzjoni mnedija bin-Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' żbarri u vireg għall-konkrit rinfurzat tal-azzar, b'reżistenza għolja għar-reħi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2015/C-143/13) tat-30 ta' April 2015 (ĠU C 143, 30.4.2015, p. 12).

(3)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, direttament jew permezz ta' parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku, jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat.

(4)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament, huma jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(5)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħrajn ta' din l-investigazzjoni, apparti kif jiġi stabbilit id-dumping.

(6)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni

☐ Verżjoni “Ristretta” (1)

☐ Verżjoni “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTIDUMPING LI JIKKONĊERNA IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĊERTI ŻBARRI U VIREG LI JIRRINFORZAW IL-KONKOS LI JORIĠINAW MIR-REPUBBLIKA TAL-BELARUS

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni għall-kampjunar li saret fil-punt 5.2.3 tan-Notifikazzjoni tal-Bidu.

Kemm il-verżjoni Ristretta kif ukoll il-verżjoni Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati għandhom jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifikazzjoni tal-Bidu.

1. IDENTITÀ U DETTALJI TA’ KUNTATT

Agħti dawn id-dettalji dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem il-kumpanija

Indirizz

Persuna ta’ kuntatt

Indirizz elettroniku

Telefown

Faks

2. FATTURAT U VOLUM TAL-BEJGĦ

Indika l-fatturat totali tal-kumpanija f’euro (EUR), u l-fatturat u l-piż jew il-volum tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni (2) u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Belarus, matul il-perjodu tal-investigazzjoni, ta’ ċerti żbarri u vireg li jirrinforzaw il-konkos kif definit fin-Notifikazzjoni tal-Bidu u l-piż korrispondenti.

Piż f’Tunnellati

Valur f’euro (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euro (EUR)

Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mill-Belarus tal-prodott investigat

(1) Dan id-dokument huwa għall-użu intern biss. Dan huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Antidumping).

(2) It-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Kroazja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja, u r-Renju Unit.

Image

Test ta 'immaġni

3. ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u l-kumpaniji relatati kollha (jekk jogħġbok elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjoni u/jew domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu x-xiri tal-prodott li qed jiġi investigat jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott investigat, iżda mhumiex limitati għal dawn biss.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

4. INFORMAZZJONI OĦRA

Jekk jogħġbok agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis li tkun utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5. ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi l-informazzjoni indikata hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taċċetta l-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u taċċetta li ssirilha żjara fil-post sabiex jiġu vverifikati t-tweġibiet tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-possibbiltà li tiġi inkluża fil-kampjun, din titqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jissejsu fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:

(1) Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta’ kwoti ta’ ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament, huma jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.