18.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 103/6


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2016/C 103/06)

Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1)

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (2)

“STRACHITUNT”

Nru tal-UE: PDO-IT-02092 — 24.11.2015

DOP( X ) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Consorzio per la Tutela dello Strachitunt Valtaleggio

irreġistrat fi Piazza Don Arrigoni

7 c/o Sede Comunale

24010 Vedeseta (BG)

L-ITALJA

Tel.: +39 3355754211

e-mail

:

info@strachitunt.it

consorziostv@pec.it

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Titlu fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat mill-emenda

Deskrizzjoni tal-prodott

Prova tal-oriġini

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn [għad irid jiġi ppreċiżat]

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ DOP jew IĠP rreġistrat li għandha tiġi kwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ DOP jew IĠP rreġistrat li għandha tiġi kkwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li teħtieġ emenda fid-dokument uniku ppubblikat.

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ DOP jew IĠP rreġistrat li għandha tiġi kkwalifikata bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li għaliha dokument uniku (jew l-ekwivalenti) ma ġiex ippubblikat.

Emenda fl-ispeċifiċità tal-prodott ta’ STG rreġistrata li għandha tiġi kkwalifikata bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Id-deskrizzjoni tal-prodott ġiet emendata f’dik il-parti li tirreferi għall-għoli tal-għarqub tal-forma li jrid ikun bejn 10 sa 18-il ċentimetru minflok 15 sa 18-il ċentimetru;

It-talba għal emenda hija ġġustifikata minħabba l-ħtiġijiet tas-suq li qed jinbidlu. Wara r-reġistrazzjoni tal-prodott bħala DOP f’Marzu 2014, ġie nnutat apprezzament dejjem jikber tal-ġobna Strachitunt fost il-konsumaturi u interess ikbar fost id-distributuri. Il-preżenza ta’ dan il-prodott DOP f’wied żgħir fil-muntanji ġabet aktar turiżmu, żieda fid-domanda għall-prodott lokali u fil-bejgħ dirett tiegħu u tagħat spinta lil prodotti oħra lokali, u b’hekk ħeġġet u xprunat l-ekonomija ġenerali ta’ din iż-żona fil-muntanja. Madankollu ġie nnutat li hemm iktar interess fost ix-xerrejja għall-forom li għandhom għarqub aktar baxx u li allura huma ta’ daqs ftit iżgħar. Dawn il-ġobniet iżgħar jissodisfaw il-bżonnijiet tax-xerrejja diretti, li japprezzaw porzjonijiet żgħar u fl-istess ħin ukoll dawk tal-bejjiegħa l-kbar, peress li l-ġobniet jilħqu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom għal prodotti ppakkjati minn qabel; fl-aħħar nett, huma wkoll jiġbdu l-klijenti barranin li jibqgħu affaxxinati mill-prodott iżda li ma jkunux jixtiequ jġorru d-dar ġobniet li huma tqal wisq. Sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ġodda tal-konsumaturi u tad-distributuri, huwa importanti li t-talba għal emenda minuri tintlaqa’, fid-dawl tal-fatt li din il-bidla fil-parametri ma taffettwax l-istadji ta’ wara fl-ipproċessar, il-proċess tal-maturazzjoni jew, l-iktar importanti, il-karatteristiċi tal-prodott finali, li għadhom kif stabbilit fl-ispeċifikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“STRACHITUNT”

Nru tal-UE: PDO-IT-02092 — 24.11.2015

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   L-isem

“Strachitunt”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-Istrachìtunt huwa ġobon tat-tursina magħmul mill-ħalib tal-baqra xaħmi u mhux ipproċessat, bl-użu tat-teknika antika taż-żewġ baqtiet u mmaturat għal żmien minn medju sa twil għal mill-inqas 75 jum.

L-Istrachitunt għandu qoxra rqiqa u ħarxa, ta’ ebusija medja, li xi kultant tkun fjurita, u hija ta’ kulur safrani imma li tibda tkanġi fil-griż iktar ma timmatura.

Il-forma tiegħu hija ċilindrika bil-ġnub ċatti u jvarja fid-dijametru minn 25 cm għal 28 cm b’għarqub dritt jew kemmxejn fit-tond ta’ għoli minn 10 cm sa 18-il cm. Kull ġobna tiżen bejn 4 u 6 kg.

Meta jinqatal-Istrachitunt is-sensazzjoni tiegħu hija ta’ baqta maqgħuda rħamata, li tinħall taħt il-qoxra bi strixxi kremużi u vini ħodor li jkanġu fil-blu mill-formazzjoni tat-tursina. Il-grad tat-tursina tal-baqta jvarja skont in-numru ta’ spori li huma preżenti b’mod naturali fil-ħalib u għall-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw.

It-togħma hija aromatika u intensa, u tvarja minn ħafifa għal pikkanti u tista’ żżid aktar fil-qawwa waqt l-andament tal-maturazzjoni.

Il-kontenut tax-xaħam, meħud fuq il-ġobna xotta huwa mill-anqas 48 %

3.3.   Għalf għall-annimali (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Jintuża ħalib mhux ipproċessat, miġbur minn żewġ ħalbiet separati fejn mill-anqas 90 % tat-total jittieħed minn baqar tar-razza Bruna.

Matul il-proċess tat-trasformazzjoni jiġu użati tames tal-għoġol u melħ li jistgħu jinxtraw mis-suq.

Il-ħalib għall-produzzjoni tal-Istrachitunt ġej minn irziezet fejn il-ħaxix u/jew it-tiben minn mergħat b’ħaxix imħallat jiffurmaw mill-anqas 65 % tal-materja xotta totali tad-dieta tal-bhejjem. Mill-anqas 90 % ta’ dan l-għalf, li jikkorrispondi għal madwar 60 % tad-dieta tal-bhejjem, irid jiġi miż-żona identifikata fil-punt 4 hawn taħt. Id-dieta tal-annimal tista’ tinkludi wkoll ċereali kkonċentrati (qamħirrun, xgħir, qamħ), legumi (sojja) u prodotti inċidentali tal-istess prodotti b’perċentwal taħt il-35 % tal-materja xotta, b’dożi ta’ melħ u kumplessi ta’ minerali jew vitamini bħala supplimenti.

Huwa pprojbit l-użu ta’ ħaxix tal-qamħirrum maħżun.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-istadji kollha tal-proċess tal-produzzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata deskritta fil-punt 4 hawn taħt, inkluż it-trobbija tal-baqar, il-ħlib, il-ġbir u l-ipproċessar tal-ħalib u x-xogħol u l-maturazzjoni tal-ġobon.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih tirreferi d-denominazzjoni reġistrata

It-tqattigħ f’porzjonijiet u l-ippakkjar tal-ġobna “Strachitunt” D.O.P. jista’ jsir anki barra miż-żona ġeografika ta’ produzzjoni. Il-kumpaniji li jqattgħu u jippakkjaw il-ġobon għandhom jinfurmaw il-Consorzio di Tutela (Konsorzju Superviżorju) tal-Istrachitunt qabel ma jwettqu attivitajiet bħal dawn.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih qed jirreferi l-isem irreġistrat

Il-ġobon “Strachitunt” huwa kkumerċjalizzat f’forma sħiħa u/jew mqattgħa f’porzjonijiet u huwa rilaxxat għal konsum bil-logo (Figura) stampat fuq naħa minnhom u d-data tal-produzzjoni stampata fuq l-għarqub.

Il-forom sħaħ ikkumerċjalizzati jrid ikollhom ukoll fuq in-naħa ta’ fuq, tabella ta’ identifikazzjoni bl-isem “Strachitunt” u l-logo (Figura). Jekk ikun maqtugħ f’biċċiet, l-ippakkjar estern tal-ġobon irid juri l-logo ripetutament (Figura)

Figura

Logo (simbolu grafiku)

Image

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Taleggio, Vedeseta, Gerosa u Blello, li jinsabu fil-provinċja ta’ Bergamo b’altitudini minima ta’ 700 m ‘l fuq mill-baħar. Dawn it-territorji, partijiet minhhom jew fl-intier tagħhom jiffurmaw il-Valtaleggio.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-Wied ta’ Taleggio, li jinsab fil-qalba tal-Prealpi Orobie b’parti konsiderevoli fil-park naturali tal-Orobie madwar Bergamo, m’għandhux attivitajiet industrijali jew sorsi ta’ tniġġis fi ħdan il-fruntieri tiegħu, u jgawdi minn pożizzjoni li hija iżolata b’mod suffiċjenti biżżejjed meta mqabbla mal-Pjanura Lombarda konġestjonata u żoni li huma l-aktar abitati. Din is-sitwazzjoni tippermetti lill-Wied ta’ Taleggio jżomm żoni li mhumiex kontaminati fejn in-natura tiffjorixxi, u dawn għandhom influwenza pożittiva fuq l-attivitajiet kollha ta’ produzzjoni fiż-żona.

Apparti mill-fatt li huma ġirien, id-distretti identifikati hawn fuq għandhom inkomuni wkoll karatteristiċi ġeo-antropiċi. Il-prevalenza ta’ mergħat għar-ragħa tirrappreżenta ambjent ideali għat-trobbija tal-bhejjem u r-ragħa alpin li jippermettu l-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ħalib li huwa intenzjonat għall-preparazzjoni tal-ġobon Strachitunt. Il-proporzjon għoli ta’ baqar Bruna fiż-żona huwa tipiku tat-trobbija tal-baqar f’dan ir-reġjun muntanjuż. Il-lokazzjoni taż-żona ta’ oriġini tiggarantixxi li l-annimali jkollhom mill-anqas sitt xhur jirgħu l-ħaxix kull sena, u dan itejjeb il-kwalità tal-ħalib, li huwa dipendenti ħafna fuq il-kisba ta’ livell ottimu tal-benessri tal-annimali. Il-kombinazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet u l-klima ġenerali ta’ dan ir-reġjun muntanjuż b’altitudini ta’ mill-anqas 700 m ‘l fuq mil-livell tal-baħar, flimkien mal-imħażen fejn il-ġobon jiġi mmaturat, għadhom sal-lum l-aqwaambjent għall-produzzjoni ta’ diversi tipi differenti ta’ ġobon artab. Iż-żona ġeografika tikkonsisti f’lokalitajiet bi tradizzjoni storika u ta’ trobbija tal-bhejjem tal-ħalib iddokumentata u għalhekk it-tekniki użati fil-produzzjoni u fil-maturazzjoni tal-Istrachitunt ilhom ikkonsolidati żmien twil.

Fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni, il-ħalib huwa proċessat jew direttament fis-sit alpin tar-ragħa, jew inkella fi rziezat oħra fir-reġjun: fl-ewwel każ, il-ħalib m’hemmx bżonn li jiġi ttrasportat, fit-tieni każ jiġi ttrasportat distanza żgħira biss.

Barra minn hekk, it-tħaddim ta’ tekniki tradizzjonali, bħalma hu l-metodu taż-żewġ baqtiet u l-użu tax-xorrox aċiduż bħala prodott għat-tindif taż-żjut biex jitnaddfu l-btieti tat-tisħin u l-utensili, iħares l-ambjent u l-mikroflora li hija preżenti b’mod naturali fl-ambjent tax-xogħol, filwaqt li jirrispettaw is-saħħa tal-prodott lest. Irziezet fiż-żona ta’ oriġini fil-biċċa l-kbira jużaw imħażen taħt l-art biex jimmaturaw il-ġobon, b’sistemi ta’ tkessiħ “statiċi” li fil-biċċa l-kbira jisfruttaw it-temperaturi baxxi tal-klima. Dan huwa possibbli minħabba l-forma tal-wied, fejn iż-żoni li qegħdin fuq il-lemin tan-nixxiegħa Enna għandhom esponiment għax-xemx limitat ħafna anke fil-perjodu tas-sajf. Dawn il-kundizzjonijiet jikkontribwixxu għall-grad li jvarja tat-tursina li jikkaratterizza lill-ġobon.

Il-ġobon Strachìtunt huwa l-prodott miksub mit-teknika antika tal-produzzjoni tal-ġobon taż-żewġ baqtiet. Din it-teknika teħtieġ l-użu ta’ żewġ baqtiet: waħda sħuna u l-oħra kiesħa li jinkisbu madwar 12-il siegħa ‘l bogħod minn xulxin minn żewġ ħalbiet ta’ kuljum.

Il-baqtiet jiġu magħquda ma’ xulxin u mħallta biex jiffurmaw ġobna waħda.

Il-metodu ta’ produzzjoni partikolari tiegħu, flimkien mal-preżenza tat-tursina li tvarja skont il-preżenza tal-moffa naturali (iż-żieda ta’ kwalunkwe tilqima ta’ fungu fil-ħalib hija projbita), u s-sensazzjoni tiegħu ta’ baqta, irħamata, li tinħall taħt il-qoxra, bil-preżenza ta’ strixxi kremużi, huma l-karatteristiċi speċifiċi li jiddistingwu l-Istrachitunt.

Il-metodu użat biex jiġi prodott l-Istrachitunt jitnissel mill-karatteristiċi morfoloġiċi taż-żona tal-Valtaleggio, li ffurmaw l-iżvilupp ta’ rziezet żgħar fejn ġobnijiet kienu jsiru għal konsum privat.

Barra minn hekk it-trobbija tal-baqar Bruna, bil-kapaċità eċċezzjonali tagħhom li jadattaw għall-ħamrija tal-muntanja u l-kundizzjonijiet klimatiċi, influwenzat u tkompli tinfluwenza l-karatteristiċi tal-ħalib.

Storikament, kien jeħtieġ li jiġu prodotti ġobnijiet b’ħalib mhux ipproċessat maħduma fi btieti tar-ram minħabba li l-injam kien jintuża bħala kombustibbli, li ma kienx jippermetti li l-ħalib jiġi trattat bis-sħana.

It-teknika taż-żewġ baqtiet żviluppat ukoll b’riżultat tan-neċessità tal-ipproċessar tal-ħalib immedjatament wara li jiġi maħlub, minħabba li kien impossibbli li jinżamm imkessaħ; dan il-metodu ppermetta li l-baqta sħuna tintuża malli tkun għadha kif tinkiseb flimkien mal-baqta kiesħa mill-ipproċessar preċedenti tal-ħalib.

Dan il-metodu tal-ipproċessar ifisser li l-kwalitajiet kimiċi, fiżiċi u mikrobioloġiċi tal-ħalib u tal-prodott lest jintrabtu mill-qrib ħafna. It-tursina tiġi mill-preżenza naturali tal-ispori tal-moffa fil-ħalib u fil-postijiet fejn il-ġobon jimmatura. Din il-moffa kapaċi li tiżviluppa minħabba fit-tekniki speċjali tal-produzzjoni u fil-prattika li jittaqbu toqob fil-ġobon filwaqt li jkun qed jimmatura.

L-attivitajiet kollha li jsiru matul il-produzzjoni tal-Istrachitunt huma marbuta b’mod inseparabbli mal-ambjent ġeografiku u t-tradizzjonijiet li jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra maż-żmien, li jiddeterminaw il-karatteristiċi partikolari tal-prodott lest.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-Internet li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq il-kliem “Prodotti DOP IGP” (fil-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin) imbagħad fuq “Prodotti DOP IGP STG” (fuq in-naħa tax-xellug tal-iskrin) u fl-aħħar billi jikklikkja fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 179, 19.6.2014, p. 17.

(2)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.