18.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/7


Notifikazzjoni tal-inizjazzjoni tal-proċedimenti antidumping li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mill-Korea t’Isfel

(2016/C 62/07)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa, li joriġinaw mill-Korea t’Isfel, qegħdin ikunu l-oġġett ta’ dumping u b’hekk qegħdin jikkawżaw ħsara sostanzjali lill-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment tressaq fl-4 ta’ Jannar 2016 mill-Assoċjazzjoni Ewropea Karta Termali (European Thermal Paper Association, ETPA), (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerta karta termali ħafifa.

2.   Il-prodott investigat

Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa karta termali ħafifa (lightweight thermal paper, LWTP) li jiżen 65 gr/metru kwadru jew inqas; f’rombli ta’ wisa’ ta’ 20 cm jew aktar, piż tar-roll (inkluż il-karta) ta’ 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluż il-karta) ta’ 40 cm jew aktar (“rombli jumbo”); bi jew mingħajr kisja ta’ taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; miksija b’sustanza termosensittiva (jiġifieri taħlita taż-żebgħa u l-iżviluppatur li jirreaġixxu u jifformaw immaġni meta tiġi applikata s-sħana) min-naħa waħda jew miż-żewġ naħat; u b’kisja ta’ fuq jew mingħajrha (“il-prodott investigat”).

3.   L-allegazzjoni ta’ dumping

Il-prodott li allegatament huwa soġġett għal dumping huwa l-prodott investigat, li joriġina mill-Korea t’Isfel (“il-pajjiż ikkonċernat”), li attwalment jaqa’ taħt il-Kodiċi NM ex 4811 90 00, ex 4809 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

L-allegazzjoni ta’ dumping mill-Korea t’Isfel hija bbażata fuq tqabbil tal-prezz domestiku mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabrika) tal-prodott investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

4.   L-allegazzjoni ta’ ħsara u kawżalità

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u żdiedu f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li ngħatat mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħin, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni kumplessiva, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċedura

Wara li ddeterminat, u infurmat lill-Istati Membri, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat l-inizjazzjoni ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat u li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat hux qiegħed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dawn l-importazzjonijiet ta’ dumping ikkawżawx ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu affermattivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni ta’ dumping u ħsara se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (“il-perjodu tal-investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara se jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2012 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mħeġġa biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.2.1.1.   Il-proċedura sabiex jintgħażlu l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fil-Korea t’Isfel

Il-produtturi esportaturi kollha u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi esportaturi fil-Korea t’Isfel huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, preferibbilment bil-posta elettronika, iżda sa mhux iktar tard minn 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jidentifikaw ruħhom u jitolbu l-kwestjonarju. Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lil produtturi esportaturi magħrufa fil-Korea t’Isfel, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż.

Il-produtturi esportaturi, u fejn applikabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi, iridu jissottomettu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.2.2.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (3)  (4)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott investigat, importat mill-Korea t’Isfel lejn l-Unjoni, huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Minħabba li jista’ jkun hemm għadd kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment u biex titlesta l-investigazzjoni fil-limiti taż-żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi mhux relatati li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir b’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness I ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Id-determinazzjoni tal-ħsara tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva tal-volum tal-importazzjonijiet li jkunu oġġett ta’ dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u konsegwentement l-impatt ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar jitwettaq f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista’ jiġi vverifikat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.7 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li huwa meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.4.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ta’ ħsara kkawżata minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur iridu juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.5.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.6.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkunu marbuta mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.7.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza.

It-tagħrif ippreżentat lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ ikun ħieles mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni tagħrif u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu (a) lill-Kummissjoni tuża t-tagħrif u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) tipprovdi t-tagħrif u/jew id-dejta lill-partijiet interessati għal din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti”  (5).

Partijiet interessati li jagħtu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ ittra elettronika u jinkludu dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jitressqu fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra reġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika:

(a)

TRADE-LWTP-DUMPING@ec.europa.eu, li għandu jintuża minn produtturi esportaturi, importaturi relatati, mill-assoċjazzjonijiet tagħhom u mir-rappreżentanti tal-pajjiż ikkonċernat;

(b)

TRADE-LWTP-INJURY@ec.europa.eu għandu jintuża biex jintbagħat l-Anness mimli u għal kwistjonijiet marbuta mad-determinazzjoni tal-ħsara u l-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni.

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, provviżorji jew finali, sew jekk pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas li tingħata risposta kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dejjem jekk il-parti interessata turi li biex tippreżenta r-risposta kif mitlub ikun ifisser piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jaġixxi ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti dwar kwistjonijiet li jkunu marbuta mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta ta’ kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Seduta bħal din, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara d-divulgazzjoni tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/ (bl-Ingliż)

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, jistgħu jiġu imposti miżuri provviżorji mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (6).


(1)  (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(2)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott investigat.

(3)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu li jiġu minn xulxin biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu impjegatur u impjegat; kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta’ kwoti ta’ ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament, jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(4)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

(5)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

Image

Image