|
21.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 20/10 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2016/C 20/04)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
“ALLGÄUER SENNALPKÄSE”
Nru UE: DE-PDO-0005-0897-11.10.2011
DOP ( X ) IĠP ( )
1. Isem (ismijiet)
“Allgäuer Sennalpkäse”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Il-Ġermanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.3. Ġobnijiet
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
L-“Allgäuer Sennalpkäse” huwa ġobon iebes b’data ta’ skadenza twila, li jiġi prodott bl-użu ta’ metodi tradizzjonali u artiġjanali direttament fis-“Sennalpen” (azjendi tal-ħalib tas-sajf tal-Alpi) fl-Allgäu mill-ħalib naturali tal-baqar mhux pasturizzat u pproċessat bl-idejn. Huwa prodott tipiku tal-biedja tal-Alpi fl-Allgäu.
L-“Allgäuer Sennalpkäse” huwa ġobon iebes, f’forma tonda, magħmul f’ċilindri li jiżnu bejn 5-35 kg u b’dijametru ta’ bejn 70 cm u 30 cm, u b’għoli ta’ mhux aktar minn 15-il cm.
Il-qoxra hija mnixxfa u l-kulur huwa bejn isfar fl-oranġjo u kannella. Il-ġobon huwa ta’ konsistenza bejn soda u ratba u tipikament għandu distribuzzjoni moderata ta’ toqob daqs ta’piżella. Il-kulur tiegħu huwa bejn avorju u isfar.
Il-biċċiet ċilindriċi li jiżnu bejn 5-15-il kg jistgħu jinqatgħu u jinbigħu bħala “Allgäuer Sennalpkäse” mhux maturi ħafna wara li jkunu mmaturaw għal tliet xhur. Il-kontenut ta’ materja niexfa tal-“Allgäuer Sennalpkäse” mhux maturi ħafna huwa tal-inqas 55 %, filwaqt li l-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa ma jistax ikun inqas minn 45 %. L-“Allgäuer Sennalpkäse” mhux matur ħafna għandu togħma li tfakkar fil-ġewż, aroma delikata, u konsistenza ratba fil-ħalq.
Is-Sennalpkäse li jiżen aktar minn 15-il kg huwa mmaturat għal mill-anqas erba’ xhur. Il-kontenut ta’ materja niexfa tal-“Allgäuer Sennalpkäse” għandu jkun ta’ mill-inqas 62 %, filwaqt li l-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa huwa tal-inqas 45 %. Għandu togħma pikkanti u li tfakkar fil-ġewż, u jista’ wkoll ikun xi ftit affumikat f’xi każijiet.
Huwa u jimmatura l-“Allgäuer Sennalpkäse”, isir iktar pikkanti u qawwi fit-togħma tiegħu u jkollu konsistenza iktar soda, b’aroma aktar żviluppata u b’togħma, riħa u kulur aktar intensi.
3.3. Għalf għall-annimali (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
Matul il-perjodu ta’ manifattura tal-“Allgäuer Sennalpkäse”, mill-inqas 60 % tal-għalf tal-baqar għandu jiġi miż-żona ta’ produzzjoni.
Billi l-“Allgäuer Sennalpkäse” huwa mmanifatturat fl-Alpi, matul l-istaġun tar-ragħa minn Mejju sa Ottubru (180 jum) biss, is-sors ewlieni ta’ għalf għall-baqar huwa meta jirgħu fuq il-mergħat tal-muntanji. Huma għandhom jirgħu fuq l-Alpi għal mill-inqas 80 jum. Ma jistgħux jittieħdu lura fl-irziezet tagħhom jew biex jinżlu jirgħu kuljum fil-mergħat tal-widien. Il-ħaxix tal-mergħat jista’ jiġi ssupplimentat bil-ħuxlief, li jista’ jkun importanti f’ċirkustanzi mhux previsti ta’ skarsezza ta’ għalf (minħabba silġ, pereżempju) jew ta’ aġġustamenti strutturali meħtieġa fl-għalf tal-merħla.
Il-magħlef jista’ jiġi mtejjeb b’elementi li għandhom livelli għoljin ta’ enerġija jew ta’ proteina, bħal ċereali, uċuħ tal-proteina (qamħirrum aħdar, ħuxlief tal-alfalfa), bil-prodotti sekondarji prodotti fl-mtieħen tal-qamħirrum u taż-żejt, bl-għalf għall-produzzjoni tal-ħalib adattat għall-ġobon iebes u b’għalf ieħor; dawn is-supplimenti djetetiċi jistgħu jingħataw separatament jew jitħalltu flimkien; ma’ jistgħux ikunu ta’ aktar minn 30 % tat-total tal-għalf li jingħata kuljum għal kull annimal.
Mhuwiex ġeneralment permess li l-baqar tal-ħalib jitgħalfu fuq il-ħuxlief u fuq l-għaf tas-sajlo.
Il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-“Allgäuer Sennalpkäse” ġej minn baqar tar-razza tipika “Braunvieh” tar-reġjun u mir-razez imħalltin tagħhom.
Jista jintuża biss il-ħalib mhux ipproċessat minn teħliba waħda jew aktar fuq l-Alp rispettiv, imkessaħ fejn meħtieġ. Il-ħalib ta’ filgħaxija tat-teħlib normalment huwa xkumat. It-tames naturali u l-kulturi tal-batterji tal-aċidu lattiku biss jistgħu jintużaw għat-tibqit tal-ħalib. It-tames prodott minn mikroorganiżmi modifikati ġenetikament ma jistax jintuża. L-ebda addittiv jew preservattiv kimiku ma jiġi miżjud mal-ġobon, ħlief il-melħ (obbligatorju) u l-batterji tal-“qoxra ħamra” (fakultattiv) biex jgħinu fl-iżvilupp tat-togħma u tal-qoxra.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-produzzjoni kollha (il-manifattura, it-tibqit tal-ħalib, l-ipproċessar tal-baqta, l-iffurmar, il-banju tal-melħ, il-kura u l-maturazzjoni) għandha ssir fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt 4.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih qed tirreferi d-denominazzjoni
It-tikketta għandu jkollha l-isem “Allgäuer Sennalpkäse”. Barra minn hekk, it-terminu “Bergkäse” jista’ jiddaħħal fit-tikketta, jekk dan ikun konformi mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-użu tat-terminu tal-kwalità mhux obbligatorju “prodott tal-muntanji”.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Allgäuer Sennalpkäse” qiegħda f’tarf ir-reġjun amministrattiv ta’ Schwaben tal-Bavarja fl-Alpi f’altitudni ta’ mill-inqas 800 m 'l fuq mil-livell tal-baħar. Din tkopri l-qasam tad-distretti rurali ta’ Allgäu Ostallgäu, Oberallgäu u Lindau.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Il-klima u l-ġeografija taż-żona ta’ produzzjoni tal-“Allgäuer Sennalpkäse” huma tipiċi fl-Alpi tal-Bavarja u fl-għoljiet baxxi tal-Alpi. It-temperatura medja annwali tvarja bejn 4 °C u 6 °C, skont l-altitudni. Il-preċipitazzjoni hija bejn 1 000 u 2 400 mm fis-sena; ma hemmx perjodi twal ta’ nixfa. Is-sottostrat ġeoloġiku li jikkonsisti minn melassa, helveticum, blat sedimentarju sinoroġeniku (flysch) u blat tal-ġir tal-Alpi (prinċipalment il-mineral tad-dolomit), infuwenzati miz-żmien is-silġ. It-tipi ta’ ħamrija ewlenin huma rendżini predominatament baxxi, ħamrija kannella u ħamrija ta’ konsistenza taflija “pseudo-gley”, kif ukoll luvisoli f’siti moreni b’ħafna nutrijenti. F’livelli aktar baxxi jinsabu konfigurazzjonjiet ta’ moxiet mistagħdra.
Il-kundizzjonijiet klimatiċi u l-art irregolari jiffavorixxu l-biedja tal-mergħat. Il-mergħat li jiffurmaw aktar minn 70 % tal-art agrikola fl-Allgäu jaqdu rwol deċiżiv (f’reġjuni oħra tal-Bavarja ta’ spiss jammontaw għal inqas minn 10 %). Għoljiet u mergħat weqfin li jitilgħu 'l fuq mll-altitudni ta’ 2 000 m u b’mod korrispondenti staġun qasir tat-tkabbir ifissru li l-art spiss hija adattata biss għar-ragħa fil-muntanji. Għal sekli sħaħ ir-ragħa fl-Alpi għamilha possibbli li jintużaw mergħat tal-muntanji bħala sors ta’ ikel, li joffri serħan għall-irziezet tal-bhejjem ta’ oriġini li jinsabu fil-widien. Il-biedja Alpina tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-preżervazzjoni tal-pajsaġġ rurali tal-Allgäu.
Il-kundizzjonijiet lokali speċifiċi (bħalma huma l-klima, l-art u l-ħamrija) flimkien mar-ragħa estensiv jippermettu t-tkabbir ta’ veġetazzjoni tipika għall-mergħat tal-muntanji, li fil-kompożizzjoni tagħha fiha proporzjon konsiderevolment għoli ta’ ħxejjex aromatiċi meta mqabbla maż-żoni tal-widien, kif ukoll bijodiversità partikolari kkundizzjonata mill-pożizzjoni u mill-użu tagħha.
Ir-rigħi fil-mergħat Alpini għoljin jagħmel il-ħalib tal-baqar rikk f’sustanzi bħal karotenojdi, terpeni u aċidi grassi poliinsaturati li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-kulur isfar, għar-riħa aromatika u intensa, u għat-togħma tal-“Allgäuer Sennalpkäse”. L-“Allgäuer Sennalpkäse” huwa magħmul minn ħalib mhux ipproċessat mhux ittrattat, bl-użu biss ta’ tames naturali. Dan, flimkien mal-għalf speċifiku msemmi hawn fuq mimli ħxejjex, jagħtih it-togħma bejn pikkanti, u robusta, imħawra, li tfakkar fil-ġewż u (jekk imsajjar bil-ħruq tal-ħatab) togħma ximindaqqiet kemxejn affumikat. Huwa u jimmatura, il-ġobon isir aktar pikkanti u aktar rikk fit-togħma. Fatturi speċjali oħrajn huma l-konsistenza kumpatta u lixxa, it-toqob żgħar, il-kulur u l-aroma intensa.
Ir-razza “Braunvieh” hija razza tradizzjonali fil-Bavarja, partikolarment fiż-żona ġeografika tar-reġjun tal-Allgäu; Ir-razza hija klassika u tgħix fit-tul, tagħti produzzjoni għolja u għandha użu doppju, b’rendiment tajjeb kemm ta’ ħalib kif ukoll ta’ laħam. L-annimali oriġinarjament tad-daqs bejn pjuttost żgħir u medju bil-kapaċità tagħhom ta’ adattament kif ukoll ta’ rigħi konsiderevoli, b’kostituzzjoni robusta u manjiera li tagħmilhom sodi fuq saqajhom, jagħmluhom partikolarment adatti għal ħafna azjendi tal-biedja fir-reġjuni muntanjużi. Ta’ min isemmi wkoll il-kontenut għoli ta’ proteina tal-ħalib mill-baqar Braunvieh, estremament adattat għall-produzzjoni tal-ġobon. Dan ifisser li huwa element essenzjali li jagħti lill-“Allgäuer Sennalpkäse” l-karatteristika speċifika ħafna tagħha. L-użu ta’ razza bovina tipika tar-reġjun itejjeb l-assoċjazzjoni qawwija u l-konnessjoni mill-qrib tal-ġobon mar-reġjun.
Sa minn żmien ir-Rumani, il-ġobon kien prodott biex jinżamm il-ħalib li, dak iż-żmien ma setax jew anki issa ma jistax, jitniżżel mill-Alpi kuljum. Dokumenti antiki juru li l-metodi ta’ produzzjoni tal-ġobon tradizzjonali li jiffurmaw il-bażi għall-produzzjoni tal-“Allgäuer Sennalpkäse” kienu diġà qegħdin jintużaw fi żmien il-Gwerra tat-Tletin Sena. Il-produzzjoni ta’ ġobon kbir iebes u tond, li oriġina fl-Allgäu wara l-introduzzjoni tal-ġobon mill-Appenzell Żvizzeru madwar l-1820, fisser li l-ġobon seta’ jinżamm għal żmien itwal. Barra minn hekk, il-bejgħ ta’ ġobon iebes kien iktar attraenti. Ir-reġjun għandu tradizzjoni twila ta’ għarfien fil-produzzjoni tal-“Allgäuer Sennalpkäse”, li spiss intirtet fil-familji għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-bdiewa tal-Allgäu wkoll kellhom skambji intensivi ta’ tagħrif permezz ta’ laqgħat regolari u ta’ inizjattivi ta’ taħriġ konġunt, li kkontribwixxew b’mod sinifikanti għall-preservazzjoni tal-għarfien dwar il-produzzjoni tal-“Allgäuer Sennalpkäse”.
Ma hemm l-ebda produzzjoni industrijali tal-“Allgäuer Sennalpkäse”, li tenfasizza l-importanza tal-element uman u tal-ħiliet artiġjanali. Kull pass fl-ipproċessar isir biss manwalment u l-iktar bl-użu tradizzjonali ta’ tagħmir tax-xogħol, bħal taljaturi tal-ġobon jew pjanċi tal-injam għall-ippressar tal-baqta. Il-ħalib tradizzjonalment jissaħħan fi ktieli tar-ram, li għandu effett pożittiv fuq kif il-ġobon jimmatura u fuq it-togħma tiegħu.
Il-manifattur tal-ġobon għandu jimmonitorja kull pass mill-qrib ħafna u għandu jkun jaf il-ħin propizju għal kull stadju tal-ipproċessar. Wara t-tibqit, matul il-proċess tat-tgħollija l-ħalib użat għall-produzzjoni tal-“Allgäuer Sennalpkäse” jissaħħan b’attenzjoni sa mill-inqas 52 °C (jiġifieri temperatura relattivament għolja). Dan il-proċess hu importanti biex il-ġobon ikollu ħajja ta’ ħżin twila, li hija importanti fl-Alpi. Fl-istess ħin, il-ħalib għandu jiġi ttrattat b’attenzjoni sabiex jiġi żgurat li tinżamm il-parti kbira tal-karatteristiċi u l-komponenti aromatiċi u mikrobijoloġiċi u b’hekk ukoll il-kwalitajiet speċifiċi tal-ħalib. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet ta’ għalf fuq il-mergħat tal-muntanji li jinbidlu b’mod naturali jfissru li l-ħalib ma għandux xi karatteristiċi standard, iżda pjuttost li l-kwalità tiegħu (f’termini ta’ kontenut ta’ proteina jew ta’ kompożizzjoni ta’ aċidi grassi, pereżempju) tvarja. L-esperjenza vasta tagħhom tippermetti lill-produtturi tal-“Allgäuer Sennalpkäse” jikkumpensaw għal dawn il-fluttwazzjonijiet naturali.
Din l-esperjenza hija essenzjali wkoll għat-tqattigħ tal-ħalib magħqud fid-daqsijiet meħtieġa biex l-“Allgäuer Sennalpkäse” jingħata l-konsistenza kompatta, lixxa tiegħu. It-tibqit isir ukoll bl-idejn, normalment permezz ta’ bord tal-injam u tal-forom għaċ-ċilindri tal-ġobon. L-użu kawt mill-manifattur tal-ġobon ta’ dawn l-istadji fil-proċess huwa deċiżiv għall-bqija tal-proċess ta’ maturazzjoni u b’hekk għall-kwalità tal-prodott aħħari. L-“Allgäuer Sennalpkäse” huwa mgħaddas f’banju tal-melħ għal tlett ijiem qabel jimmatura. Il-banju tal-melħ jiżgura li l-ġobon minnufih jissiġilla ermetikament minn barra u jimmatura b’mod tajjeb u uniformi fuq ġewwa, u għalhekk l-“Allgäuer Sennalpkäse” jikseb il-konsistenza regolari u kumpatta.
Matul il-proċess tal-maturazzjoni għandha tingħata attenzjoni partikolari liċ-ċilindri tal-ġobon, għaliex dan l-istadju isir ukoll fl-Alpi f’temperaturi iktar kesħin b’livelli ogħla (ħafna drabi varjabbli) ta’ umdità. Il-ġobon spiss jimmatura matul ix-xitwa f’kantini naturali, fejn jeħtieġ b’mod partikolari monitoraġġ bir-reqqa mill-bdiewa tal-ħalib tal-Alpi, minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ maturazzjoni ma jistgħux ikunu standardizzati teknoloġikament. Il-bidwi jiddeċiedi billi josserva mill-esperjenza meta huma lesti biex jinqalbu, jinħaslu jew jitnaddfu bi xkupilja, u b’hekk jikkontribwixxi b’mod sinifikanti lill-kwalità tal-ġobon. Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lill-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Alp, u lill-kundizzjonijiet lokali u l-faċilitajiet tekniċi tiegħu.
Ir-rabta mill-qrib tal-ġobon maż-żona tal-produzzjoni tiegħu hija wkoll murija biċ-ċar min-nuqqas kważi totali ta’ trasport matul il-fażi tal-produzzjoni. Il-ħalib huwa prodott fuq l-Alpi u pproċessat direttament fuq il-post, bl-idejn biss. Porzjon sinifikanti ħafna ta’ bejgħ iseħħ ukoll direttament fuq il-post.
L-“Allgäuer Sennalpkäse” għandu għalhekk jitqies bħala prodott li huwa influwenzat ħafna mir-reġjun li huwa ċentrali għall-identità tiegħu.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/41099
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.