21.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 20/3


Pubblikazzjoni ta’ talba għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2016/C 20/03)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

TALBA GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ DENOMINAZZJONI TAL-ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Talba għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“QUESO TETILLA”/“QUEIXO TETILLA”

Nru tal-UE: ES-PDO-0117-01232 — 21.5.2014

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Kunsill Regolatorju dwar id-denominazzjoni tal-oriġini protetta:

 

“QUESO TETILLA”/“QUEIXO TETILLA”

Il-grupp applikant għandu interess leġittimu biex jitlob din l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni, bħala l-korp maniġerjali tad-DOP, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “Queso Tetilla” u l-Korp Regolatorju skont l-Artikolu 12 tal-Liġi 2/2005 tat-18 ta’ Frar 2005, dwar il-promozzjoni u s-salvagwardjar tal-kwalità tal-ikel ta’ Galicia. Il-produtturi u l-proċessuri tad-denominazzjoni tal-oriġini kollha qegħdin f’dan il-grupp.

2.   Stat membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Titlu fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwat mill-emenda

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-Oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Affarijiet oħra (qtugħ)

4.   Tip ta’ emenda (emendi)

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emendi

Ir-raġunijiet prinċipali li jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ dawn il-bidliet jistgħu jinġabru b’dan il-mod:

Bidliet soċjoekonomiċi li nħolqu fl-imaniġġjar tal-materja prima. Dawn seħħew, fost affarijiet oħra, fl-aparizzjoni ta’ figura ġdida fil-katina tal-produzzjoni tal-prodott, l-ewwel xerrejja tal-ħalib, li jistgħu jaġixxu bħala figura intermedjarja fil-kumerċjalizazzjoni tal-ħalib bejn ir-raħħala u l-produtturi tal-ġobon.

Bidliet relatati mat-titjib tal-kwalità tal-prodott protett u bl-evoluzzjoni fit-tekniki tal-produzzjoni ta’ dan l-istess prodott. Dawn il-bidliet jaffettwaw kwistjonijiet, bħal ma hi d-determinazzjoni tal-perjodu ta’ maturazzjoni jew tad-data ta’ skadenza.

Dawn huma l-bidliet introdotti fil-kategoriji differenti fl-Ispeċifikazzjoni:

5.1.   Isem il-prodott

Tiġi inkluża l-protezzjoni tad-denominazzjoni fil-lingwa ta’ Galicia (“Queixo Tetilla”), flimkien mal-isem bl-Ispanjol, għaliex it-tnejn huma modi komuni ta’ kif wieħed jista’ jirreferi għal dan il-prodott.

5.2.   Deskrizzjoni tal-prodott:

Ġew emendati dawn l-Artikoli:

—   Forma: minħabba żball fit-traskrizzjoni, fit-test attwali nsibu l-forma “konika, konvessa-konika”, meta suppost għandha tkun “konika, konkava-konvessa”.

—   Perċentwal ta’ proteina: dan il-parametru se jiġi eliminat, peress li nstab li dan l-istess perċentwal mhux fattur li jiddetermina il-karatterizzazzjoni tal-prodott. Il-ħalib użat fil-produzzjoni tal-“Queso Tetilla”/“Queixo Tetilla” huwa ħalib sħiħ mhux standardizzat, u għaldaqstant il-kompożizzjoni ta’ dan il-ħalib tbati minn ċerti fluttwazzjonijiet naturali (pereżempju fil-proporzjon tal-proteina), skont id-dieta tal-bhejjem, l-istaġun, it-temp, eċċ., madanakollu, dan ma jaffettwax il-karatteristiċi tal-prodott protett mid-DOP. Minħabba f’hekk, ġie deċiż li dan il-parametru jitħassar mill-Ispeċifikazzjoni.

—   Perċentwal ta’ estratt xott: attwalment dan għandu valur ta’ “minn 45 % sa 50 %”. Bl-emenda introdotta, se jkun hemm biss valur minimu ta’ 45 %, peress li bl-introduzzjoni tal-parametru l-ġdid tal-“perċentwal ta’ materjal mhux xaħmi”, li jikkalkula r-relazzjoni tal-estratt niexef u l-kontenut xaħmi tal-ġobon, il-kremożità tal-ġobon hija ddefinita aħjar.

—   Perċentwal tal-ilma f’materjal mhux xaħmi: jiżdied dan il-parametru ġdid, li bħalissa mhuwiex inkluż, u li għandu jkun bejn 66 % u 72 %. Dan il-parametru jiddefinixxi r-relazzjoni tal-estratt xott u tal-kontenut xaħmi fil-ġobon li tinfluwenza l-kwalità tal-prodott, billi huwa indiċi tal-kremożità.

5.3.   Prova tal-Oriġini

Jinħoloq Reġistru tal-Ewwel Xerrejja, bil-għan li jittejjeb il-kontroll tat-traċċabilità tal-prodott.

Tradizzjonalment kienu jeżistu żewġ tipi ta’ operaturi fil-produzzjoni ta’ dan il-ġobon: ir-raħħala, li jipproduċu l-materja prima, u l-proċessuri, li jbiddluha fil-prodott protett. Illum il-ġurnata, mhux il-proċessuri tal-ġobon kollha jiksbu l-materja prima direttament mingħand ir-raħħala, imma jistgħu jiksbuha mingħand dawk li huma magħrufa bħala “l-ewwel xerrejja tal-ħalib”, li jaġixxu bħala ċentri ta’ kollezzjoni għall-ħalib li ġej mill-irziezet li jinsabu fiż-żona ġeografika u li jfornu lil industriji li jipproċessaw.

5.4.   Metodu ta’ produzzjoni

Qed isiru dawn il-bidliet fid-dettalji tekniċi tal-ipproċessar:

—   It-tbaqqit: It-test li jikkonċerna l-enzimi tat-tbaqqit użati, huwa emendat. Huma emendati wkoll il-kundizzjonijiet tat-tbaqqit (il-ħin u t-temperatura). Ir-regolamentazzjoni attwali tipprevedi temperaturi bejn it-28 u t-32 °C u perjodi ta’ mhux inqas minn 20 minuta u mhux aktar minn 40. Bl-emenda proposta, il-firxa tat-temperatura tista’ tvarja minn 30 °C għal 34 °C, u jiżdied il-ħin ukoll, fejn il-minimu jibqa’ 30 minuta, filwaqt li l-massimu jsir 60 minuta.

Din il-bidla ġejja minħabba l-avvanzi fil-produzzjoni ta’ tames industrijali b’kontenut għoli ta’ kimożina, li ppermettew li dan isir jixbah lill-kompożizzjoni naturali tal-estratti tat-tames, inkluż proporzjon ogħla ta’ kimożina.

Barra minn hekk, f’dawn l-aħħar snin, il-kwalità tal-ħalib tjiebet u issa hija inqas aċiduża. Dan ifisser li kellhom jiżdiedu t-temperatura u l-perjodi tat-tbaqqit sabiex tinkiseb il-konsistenza adekwata.

—   L-iskular (tal-baqta): tiżdied id-definizzjoni ta’ dan il-proċess, li għalkemm kien isir ma kienx jidher fl-Ispeċifikazzjoni attwali. L-iskular jikkonsisti sempliċiment fit-tneħħija tax-xorrox li joħrog miż-żerriegħa tal-baqta meta din tinqata’.

—   Il-ħasil (tal-baqta): it-test tiegħu huwa emendat biex jiġi ppreċiżat aktar il-proċess u biex jiġi indikat li din il-prattika hija fakultattiva. L-esperjenza miksuba matul is-snin uriet li din il-fażi tal-proċess tista’ ma tkunx neċessarja.

—   It-tisħin mill-ġdid (tal-baqta): b’mod inkorrett, ir-regolament fis-seħħ jinkludi din il-fażi, li tikkonsisti fil-“ħasil tal-baqta b’ilma b’temperatura ta’ żewġ gradi ogħla mit-temperatura tat-tbaqqit”. Dan il-ħasil mhuwiex propjament tisħin, u b’hekk din ir-referenza għandha titħassar, u jibqa’ l-ħasil tal-baqta għall-ġudizzju tal-produttur tal-ġobon, bħalma jingħad hawn fuq.

—   It-tagħsir: ir-referenza tinbidel minn “ħin minimu ta’ 3 sigħat” għal waħda aktar ġenerali “il-ħin neċessarju”, abbażi tal-għarfien tal-produttur tal-ġobon.

Ma hemmx bżonn li jiġi stabbilit ħin minimu ta’ tagħsir peress li dan jiddependi minn varjabbli differenti, bħalma hi t-teknoloġija użata, it-temperatura tal-kamra, iż-żmien tas-sena, u l-iżvilvilupp tal-pH, eċċ.

—   It-tmelliħ: jinbidel it-test. Qabel, it-test kien jgħid hekk: “Fis-salmura, b’konċentrazzjoni ta’ bejn 17 u 18-il grad Baumé, b’ħin massimu ta’ immersjoni ta’ 24 siegħa”. Bil-bidliet introdotti, dan it-test isir hekk: “Kif ikun meħtieġ biex jinkisbu l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott, b’ħin massimu ta’ immersjoni ta’ 24 siegħa. Dan jista’ jsir f’tank jew fis-salmura”.

Ir-raġunijiet huma l-istess bħall-każ preċedenti.

—   Iż-żmien ta’ maturazzjoni: Il-perjodu minimu ta’ maturazzjoni qed jiżdied b’ġurnata (minn sebgħa għal tmint ijiem). Dan isir sabiex tiġi omoġenizzata l-kwalità tal-prodott. Din iż-żieda ċkejkna fil-perjodu minimimu ta’ maturazzjoni ma tbiddilx il-karatteristiċi tal-prodott, speċjalment minħabba li qed nitkellmu dwar il-perjodu minimu, b’tali mod li anke qabel l-emenda, il-maturazzjoni setgħet iddum tmint ijiem jew aktar. Din iż-żieda tiżgura l-aqwa kwalità tal-prodott.

Barra minn hekk, id-data ta’ skadenza, li bħalissa hija ta’ 60 ġurnata mid-data ta’ preparazzjoni għad-dispaċċ, hija emendata wkoll. Bl-emenda jiġu stabbiliti żewġ dati ta’ skadenza skont il-piż tal-ġobon: mhux aktar minn 60 ġurnata għal ġobon li jiżen bejn 0,5 u 0,7 kilogrammi; u mhux aktar minn 90 ġurnata għal ġobon li jiżen aktar minn 0,7 kilogrammi. Fiż-żewġ każijiet, id-data hija kkalkulata mid-data ta’ produzzjoni.

L-ewwel nett, id-data ta’ referenza għall-kalkolu inbidlet għal dik li issa hija d-data tal-produzzjoni. Dan huwa aktar addattat, peress li l-ġobon jibda l-“maturazzjoni” tiegħu mill-mument tal-produzzjoni, u huwa minn hawnhekk li għandu jibda jiġi kkalkulat l-aħjar mument tal-konsum, u mhux mill-mument li jiġi ppreparat għad-dispaċċ.

It-tieni nett, ma jibqax jiġi ffisat numru speċifiku ta’ ġranet, iżda limiti massimi (bejn 60 u 90 ġurnata skont il-piż), li huwa aktar addattat, peress li l-produttur jistà jagħżel data ta’ skadenza iqsar, jekk jaħseb li huwa aktar addattat hekk.

Fl-aħħar nett, għall-ġobon b’piż aktar minn 0,7 kilogrammi, il-perjodu jiżdied għal 90 ġurnata, billi ġobon ta’ dan id-daqs ikun fl-aħjar kundizzjonijiet għall-konsum matul dan il-perjodu.

5.5.   Tikkettar

Huwa stipulat li d-denominazzjoni protetta fit-tikkettar tal-prodotti, tistà tinkiteb kemm bl-Ispanjol, “Queso Tetilla”, kif ukoll bil-lingwa Gallega, “Queixo Tetilla”, b’konformità mar-reġistru.

5.6.   Affarijiet oħra (qtugħ)

Il-ħwienet self-service qed tingħatalhom il-possibilità li jaqsmu l-ġobna fi tnejn fil-punt tal-bejgħ, taħt ċerti kundizzjonijiet.

Il-“Queso Tetilla” jinbiegħ mingħajr imballaġġar artifiċjali, bil-qoxra tiegħu stess li sservi bħala protezzjoni naturali. Meta l-ġobna tinqata’, waħda min-naħat tal-porzjonijiet imqattgħin titlef il-qoxra protettiva naturali tagħha. Minħabba f’hekk, sabiex tiġi ffaċilitata l-kumerċjalizazzjoni tal-porzjonijiet tal-“Queso Tetilla” fi ħwienet self-service, il-ġobon li jiżen aktar minn 0,7 kg jistà jinqasam fl-istabbilimenti tal-bejgħ u jitpoġġà għall-bejgħ, imgeżwer f’film tal-ikel trasparenti.

F’dawn il-każijiet, il-ġobna tistà tinqasam biss fi tnejn biex tibqa’ żżomm id-dehra tal-forma li l-konsumatur jirrikonoxxi bħala karatteristika ta’ dan il-ġobon.

Il-ġobon li jiżen inqas minn 0,7 kg irid jinbiegħ sħiħ.

DOKUMENT UNIKU

“QUESO TETILLA”/“QUEIXO TETILLA”

Nru tal-UE: ES-PDO-0117-01232 — 21.5.2014

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem

“Queso Tetilla”/“Queixo Tetilla”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. — Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Ġobon magħmul mill-ħalib tal-baqar tar-razez Rubia Gallega, Friesian, jew Pardo-Alpina, jew tal-inkroċjar ta’ dawn ir-razez, li wara proċess ta’ produzzjoni li jinkludi l-koagulazzjoni, il-qtugħ, l-iskular u (b’mod volontarju) il-ħasil tal-baqta, l-iffurmar, it-tagħsir, it-tmelliħ u l-maturazzjoni, jippreżenta dawn il-karatteristiċi:

Karatteristiċi fiżiċi:

—   Forma: konika, konkava-konvessa.

—   Piż: minn 0,50 sa 1,5 kg.

—   Dimensjonijiet: l-għoli huwa aktar mir-radjus tal-bażi u inqas mid-dijametru. Massimu: 150 mm (l-għoli u d-dijametru tal-bażi). Minimu: 90 mm (l-għoli u d-dijametru tal-bażi).

Karatteristiċi organolettiċi:

—   Il-Qoxra: Notevoli, fina u elastika, ħoxna inqas minn 3 mm, ta’ kulur isfar lewn it-tiben, naturali u mingħajr moffa. Il-ġobna tistà tiġi ppreżentata miksija b’emulsjoni ta’ kontra l-moffa, trasparenti u mingħajr kulur.

—   Il-konsistenza: Ratba, kremuża u uniformi, mingħajr toqob, jew bi ftit toqob żgħar u li huma mifrudin minn xulxin b’mod regolari; ta’ kulur abjad lewn l-avorju jagħti fl-isfar.

—   Ir-riħa: Ħafifa, kemxejn aċiduża u li tfakkar lil dak li jkun fil-ħalib li minnu ssir il-ġobna.

—   It-togħma u l-aroma: ta’ ħalib, tixbah lil dik tal-butir, kemxejn aċiduża u kemxejn mielħa.

Karatteristiċi fiżikokimiċi:

—   Perċentwal ta’ xaħam fl-estratt xott: Mill-anqas 45 %.

—   Perċentwal ta’ estratt xott: minimu ta’ 45 %.

—   pH: minn 5,0 sa 5,5.

—   Perċentwal ta’ ilma fil-materjal mhux xaħmi (ikkalkulat bejn tmienja u 15-il ġurnata wara l-produzzjoni): minn 66 % sa 72 %.

Il-“Queso Tetilla” hija denominazzjoni tradizzjonali u mhux ġeografika, li tagħmel referenza għall-forma partikolari tal-prodott, il-forma ta’ sider femminili, bil-karatteristiċi fiżiċi deskritti f’dan il-punt.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

(a)   Għalf: Il-bur u l-uċuħ tar-raba’ għall-għalf taż-żona ta’ produzzjoni huma bażi importanti fid-dieta tal-baqra. Ir-rwol tal-mergħat estensivi huwa importanti wkoll (il-bur u l-mergħat tal-arbuxelli), fejn l-annimali jistgħu jirgħu fil-libertà, meta l-kundizzjonijiet jippermetu.

Jintuża wkoll għalf konċentrat ta’ oriġini veġetali bħala suppliment alimentari biex ikopri l-bżonnijiet enerġetiċi tal-bhejjem. Kemm jista’ jkun, il-materja prima għall-produzzjoni ta’ dan l-għalf għandha toriġina fiż-żona ġeografika ddefinita.

(b)   Materja prima: Il-“Queso Tetilla” jsir mill-ħalib tal-baqra; mill-baqta tal-annimali u enzimi koagulanti oħrajn, li jkunu speċifikament awtorizzati għall-produzzjoni ta’ dan il-ġobon; il-fermenti lattiċi: Lactococcus lactis subsp. lactis, Lactococcus lactis subsp. Cremoris u kwalunke materjal ieħor li ma jbiddilx il-karatteristiċi tal-ġobon protett, u li huwa awtorizzat għall-produzzjoni tal-ġobon ta’ din id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta; melħ, u (b’mod volontarju) il-klorur tal-kalċju. Il-konċessjoni ta’ dawn l-awtorizazzjonijiet issir mill-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ talba mill-grupp applikanti. L-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza l-użu tal-enzimi koagulanti ġodda u l-fermenti lattiċi wara li jiġi vverifikat li l-ġobon prodott jirrispetta l-karatteristiċi li jiddefinixxu l-“Queso Tetilla”.

Il-ħalib użat fil-produzzjoni tal-“Queso Tetilla” huwa ħalib naturali frisk, li ġej mill-ħalib ta’ baqar tar-razez Rubia Gallega, Friesian jew Pardo-Alpina, jew ta’ baqar li jiġu mill-inkroċjar ta’ dawn ir-razez, f’azjendi agrikoli fiż-żona ġeografika definita.

Il-ħalib ma għandux ikollu kolostru u lanqas preservattivi. Mhumiex permessi proċeduri ta’ standardizazzjoni jew xi tip ta’ manipulazzjoni li tbidddel il-kompożizzjoni inizjali tal-ħalib.

Mhuwiex permess it-taħlit ma’ ħalib ieħor li ma jiġix minn azjendi rreġistrati jew minn ħalib ta’ baqar li ma jkunux tar-razez imniżżlin fl-ispeċifikazzjoni tal-kundizzjonijiet.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni tal-ħalib, l-operazzjonijiet preliminari li l-produzzjoni hija suġġetta għalihom, bħall-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobon, iridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita fil-punt numru 4. Għaldaqstant, il-passi kollha tal-produzzjoni jridu jsiru f’din iż-żona.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ., tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

Il-“Queso Tetilla” jista’ jkun ikkumerċjalizzat biss jekk il-qoxra tiegħu turi l-karatteristiċi esterni naturali tal-maturazzjoni.

Il-qoxra hija l-protezzjoni naturali tal-“Queso Tetilla”. Għaldaqstant, il-“Queso Tetilla” jinbiegħ mingħajr imballaġġar artifiċjali. Madanakollu, il-“Queso Tetilla” jista’ jiġi ippakkjat, dejjem jekk l-imballaġġ ma jbiddilx il-karatteristiċi tal-prodott bl-ebda mod, la fil-karatteristiċi fiżiċi u lanqas dawk organolettiċi u fiżikokimiċi deskritti fit-taqsima 3.2; ikun suġġett għall-verifika mill-bord superviżorju u wara, għall-awtorizazzjoni tal-imballaġġ.

Barra minn hekk, huwa permess li l-ġobon jinkesa b’emulsjoni ta’ kontra l-moffa, trasparenti u bla kulur.

Il-“Queso Tetilla” jintbagħat sħiħ mill-produtturi tal-ġobon. Fil-każ ta’ ġobon li jiżen aktar minn 0,7 Kg, dan jista’ jinbiegħ ukoll fi ħwienet self-service, maqsum fi tnejn. F’dan il-każ il-ġobon irid ikollu żewġ kontratikketi, waħda mwaħħla ma’ kull naħa tal-ġobna, u żewġ settijiet tal-bqija tal-elementi li jigarrantixxu l-awtentiċità tal-prodott; b’tali mod li wara li l-ġobna tinqasam fi tnejn, iż-żewġ nofsijiet jibqgħu juru l-elementi ta’ identifikazzjoni.

Għall-ġobon li jinbiegħ f’żewġ nofsijiet, peress li waħda mill-uċuħ ta’ ġewwa ta’ kull nofs ma jkollhiex il-protezzjoni naturali magħmula mill-qoxra tagħha stess, il-qsim fi tnejn tal-ġobna għandu jsir fl-istabbiliment tal-bejgħ lill-konsumatur finali u ż-żewġ nofsijiet jistgħu jitgħattew b’film tal-ikel trasparenti.

Il-qtugħ tal-ġobon fil-punt tal-bejgħ tiegħu, jiżgura li l-prodott ikun espost fil-ħanut, bl-imballaġġ artifiċjali tiegħu (il-film tal-ikel trasparenti) għall-inqas ħin possibli u b’hekk tinżamm il-kwalità tal-prodott.

Il-qtugħ jista’ jsir biss fi tnejn, peress li b’dan il-mod il-prodott jibqa’ jżomm id-dehra tiegħu, il-forma karatteristika tiegħu ta’ sider ta’ mara, u li minnha jingħaraf mill-konsumatur.

Madankollu, il-“Queso Tetilla”, irrelevanti mill-piż tiegħu, jista’ jitqatta’ fi kwalunkwe daqs fil-ħwienet fejn jinbiegħ, sakemm dan isir quddiem il-konsumatur fil-ħin tal-bejgħ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem irreġistrat

Il-ġobon bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Queso Tetilla” għandu tikketta partikolari tad-denominazzjoni (il-kontratikketta) li tiżgura l-awtentiċità tal-prodott. Il-kontratikketta tikkonsisti minn kodiċi alfanumeriku korrelattiv u uniku għal kull prodott, barra mill-logo tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Queso Tetilla” kif jidher hawnhekk:

Image

Barra minn hekk, it-tikketti kummerċjali ta’ kull produttur għandu jkollhom fuqhom il-kitba, li tidher b’mod prominenti, “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” u l-isem “Queso Tetilla” jew “Queixo Tetilla”, kif ukoll il-logo Ewropew li jiddentifika d-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta.

Sabiex tiġi żgurata l-awtentiċità tal-prodott u wkoll biex tinżamm it-traċċabbiltà, il-kontratikketi tal-garanzija u t-tikketti kummerċjali li juru id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Queso Tetilla” għandhom jitwaħħlu mal-prodott fil-post tal-produzzjoni u b’tali mod li ma jkunux jistgħu jerġgħu jintużaw.

Kif stabbilit fis-subparagrafu 3.5, il-ġobon maħsub għall-bejgħ maqsum fi tnejn, irid ikollu żewg kontratikketi, waħda mwaħħla ma’ kull naħa tal-ġobna, u żewġ settijiet tal-bqija tal-elementi li jigarrantixxu l-awtentiċità tal-prodott; b’tali mod li wara li l-ġobna tinqasam fi tnejn, iż-żewġ nofsijiet jibqgħu juru l-elementi ta’ identifikazzjoni.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-produzzjoni tal-ġobon koperta mid-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Queso Tetilla”, tinkludi t-territorju kollu tal-Komunità Awtonoma ta’ Galicia.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

—   Speċifiċità taż-żona ġeografika

L-orografija ta’ Galicia hija ffurmata minn muntanji baxxi u sistema ta’ xmajjar importanti. Din l-orografija, flimkien ma’ klima tal-Atlantiku li tipprevalixxi (karaterizzata minn ħafna xita), jiffavorixxu l-iżvilupp tal-bur (kemm naturali, kif ukoll dawk ikkultivati) u l-produzzjoni għolja ta’ foraġġ u ta’ kultivazzjoni agrikola. Din il-produttività tal-art tippermetti l-iżvilupp tal-attività tat-trobbija intensa tal-annimali, u bħala konsegwenza ta’ dan, l-iżvilupp ta’ industrija importanti tal-produzzjoni ta’ prodotti tal-ħalib.

Ta’ min jiffoka wkoll fuq il-fattur uman, kemm fil-produzzjoni tal-ħalib ibbażata fl-irziezet tal-familji u b’ġestjoni tradizzjonali, kif ukoll fil-produzzjoni tal-ġobon li ssir skont il-prattiċi tradizzjonali li ġew adattati għall-avanzi teknoloġiċi u għall-eżiġenzi legali fir-rigward tal-iġjene u tas-sigurtà alimentari.

—   Speċifiċità tal-prodott

Mir-repertorju gastronomiku vast ta’ Galicia, il-“Queso Tetilla”, huwa wieħed mill-prodotti li l-aktar jidentifika ma’ dan ir-reġjun.

Huwa ġobon artab, u l-aktar karatteristiċi organolettiċi tiegħu huma l-kremożità; ir-riħa ħafifa tiegħu ta’ ħalib; it-togħma tiegħu kemmxejn aċiduża u tikka mielħa; l-aroma ta’ ħalib tiegħu u tixbah lil dik tal-butir; li lkoll flimkien ifakkru lil dak li jkun fil-ħalib li minnu ġejja l-ġobna. Huwa ġobon li jinħall faċilment u faċli biex tiddiġerieh.

Fl-aħħar nett, il-forma unika tiegħu, dik ta’ sider femminili, hija l-akbar karatterstika li minnha ħa l-isem tiegħu u jingħaraf mill-konsumaturi filwaqt li ssir id-distinzjoni bejn il-“Queso Tetilla” u ġobon ieħor.

—   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiki tal-prodott

L-ambjent ġeografiku jiffavorixxi ħafna t-tkabbir ta’ mergħat u bur estensivi tal-iprem kwalità, vantaġġi li ġew intensifikati f’dawn l-aħħar żewġ deċenji. L-importanza kwantitattiva ta’ dan il-foraġġ fid-dieta tal-baqar tal-ħalib ta’ Galicia, u l-profil tal-ispeċi li jagħmlu parti minn din id-dieta (speċjalment il-ħafna pjanti leguminużi) jaffettwaw il-kompożizzjoni tal-ħalib, u flimkien mal-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobon jagħtu l-karatteristici organolettiċi u nutrittivi tiegħu, b’mod speċjali l-kremożità, il-kulur tat-taħlita u l-qoxra tiegħu.

Barra minn hekk, il-produzzjoni tal-ħalib hija bbażżata fi rziezet tal-familja, bl-użu ta’ metodi razzjonali għat-trobbija tal-annimali” Il-karatteristiċi ta’ dawn l-irziezet jgħinu fil-produzzjoni ta’ ħalib ta’ kwalità ideali biex isir dan il-ġobon.

Il-proċess tal-produzzjoni tradizzjonali, fejn l-għarfien tal-produtturi tar-reġjun bi tradizzjoni twila tal-produzzjoni ta’ dan il-ġobon għandu rwol importanti, u li huwa kkaratterizzat minn perjodu qasir ta’ maturazzjoni, jagħti lill-ġobon il-kremożità u t-togħma ħafifa tiegħu, li huma karatteristiċi tal-prodott.

Fl-aħħar nett, il-forma unika ta’ sider femminili li l-prodott jikseb wara l-iffurmar u l-ippressar, tingħaraf mal-ewwel mill-konsumaturi, li jassoċċjawh direttament mal-oriġini Gallega tiegħu, fejn dan il-ġobon partikolari ilu jsir esklussivament f’din iż-żona sa minn qabel is-seklu XVIII, għalkemm l-ewwel referenzi bil-kitba magħrufa ta’ dan il-ġobon huma ta’ dan is-seklu. Sussegwentement, wara s-seklu XIX saru ħafna referenzi għal dan il-ġobon fil-letteratura, kif ukoll f’kitbiet oħra ġenerali, u b’mod aktar speċifiku f’kitbiet xjentifiċi-tekniċi u gastronomiċi. B’mod speċjali ta’ min jinnota, minħabba n-natura internazzjonali tiegħu, ir-referenza fl-OShea Guide to Spain and Portugal, ippublikat ġewwa Londra fl-1889, li jirrakomanda ħafna lill-vjaġġaturi biex jippruvaw u jikkunsmaw il-“ġobon uniku ta’ Galicia, ‘queso de teta’, prodott prinċipali tal-gastronomija Gallega”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni:

(it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://medioruralemar.xunta.es/fileadmin/uploads/media/Queso_Tetilla_Pliego_condiciones_Septiembre_2015.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.