16.1.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 15/2 |
NOTIFIKA TAL-KUMMISSJONI
Dokument ta’ gwida: Esportazzjoni, riesportazzjoni, importazzjoni u kummerċ fi ħdan l-UE, ta’ qrun tar-rinoċeronti
(2016/C 15/02)
1. Informazzjoni ta’ sfond dwar il-konservazzjoni tar-rinoċeronti u t-theddidiet maħluqa biż-żieda riċenti fil-kaċċa illegali u l-kummerċ illegali
L-ispeċi tar-rinoċeronti huma inklużi fl-Appendiċi I tar-Regolament CITES, bl-eċċezzjoni tal-popolazzjonijiet tar-rinoċeronti abjad tan-Nofsinhar (Ceratotherium simum simum) mill-Afrika ta’ Isfel u s-Swaziland, li huma elenkati fl-Appendiċi II.
It-traffikar illeċitu ta’ prodotti tar-rinoċeronti (speċjalment qrun) huwa waħda mit-theddidiet prinċipali għas-sopravivenza tal-ispeċi. Fl-2007 fl-Afrika ta’ Isfel inqatlu biss 13-il rinoċeronti, madankollu matul dawn l-aħħar tmien snin, il-kaċċa illegali tar-rinoċeronti żdiedet b’mod drammatiku, b’1 004 rinoċeronti kkaċċjati illegalment fl-2013 u 1 215 fl-2014 (1).
Fid-dawl tas-16-il laqgħa tas-CoP tas-CITES, is-Segretarjat tas-CITES f’Marzu 2013 iddikjara li:
“In-numru ta’ rinoċeronti maqtula illegalment fl-Afrika ta’ Isfel laħaq l-ogħla livelli tiegħu fl-istorja riċenti u t-tnaqqis eventwalment se jsir insostenibbli jekk l-inċidenti ta’ kaċċa illegali jkomplu jiżdiedu bir-rati attwali. It-tweġibiet riċevuti wara n-Notifiki segwenti lill-Partijiet Nri. 2012/014 u 2012/053 jindikaw varjetà ta’ miżuri implimentati mill-Partijiet sabiex itemmu l-livelli għolja preżenti ta’ kaċċa illegali tar-rinoċeronti u l-kummerċ illegali assoċjat tal-qrun tar-rinoċeronti. Minkejja dawn il-miżuri u r-riżorsi sinifikanti li qed jiġu investiti sabiex jiġu miġġielda l-kaċċa illegali tar-rinoċeronti u l-kummerċ illegali tal-qrun tar-rinoċeronti u l-isforzi ta’ min ifaħħarhom mill-awtoritajiet tal-infurzar f’numru ta’ pajjiżi, in-numru ta’ rinoċeronti kkaċċjati illegalment kull sena baqa’ jiżdied b’rata allarmanti.
Il-kummerċ illegali tal-qrun tar-rinoċeronti għadu waħda mill-aktar attivitajiet kriminali strutturati ffaċċjati bħalissa mis-CITES. Hemm indikazzjonijiet ċari li gruppi tal-kriminalità organizzata huma involuti fil-kaċċa illegali tar-rinoċeronti u fil-kummerċ illegali tal-qrun tar-rinoċeronti. Dawn il-gruppi joperaw fi Stati tad-distribuzzjoni kif ukoll fl-Ewropa, fejn seħħew serqiet ta’ qrun tar-rinoċeronti minn mużewijiet, djar tal-irkanti, ħwienet tal-antikitajiet u tassidermisti. Saru qabdiet ukoll fl-Awstralja, il-Ħong Kong SAR u l-Filippini. Fl-Istati Uniti tal-Amerika, kienu arrestati seba’ persuni fuq akkużi ta’ traffikar illegali ta’ qrun tar-rinoċeronti fi Frar 2012. Il-kummerċ illegali ta’ qrun tar-rinoċeronti għalhekk sar problema kbira u għandu impatt fuq diversi kontinenti. Huma meħtieġa kooperazzjoni internazzjonali akbar u infurzar tal-liġi kkoordinat sewwa biex din it-theddida tiġi indirizzata b’mod effettiv” (2).
B’mod parallel ma’ din iż-żieda fil-kaċċa illegali, kien hemm indikazzjonijiet li l-operaturi tal-kriminalità organizzata kienu attivi madwar l-UE biex jiksbu u jinnegozjaw qrun tar-rinoċeronti. Dan wassal lill-Europol biex tniedi azzjoni speċifika dwar il-kummerċ illegali tal-qrun tar-rinoċeronti fi ħdan l-Unjoni (3).
Qabel l-adozzjoni tal-ewwel verżjoni ta’ dan id-dokument ta’ gwida fi Frar 2011, numru ta’ Stati Membri nnotaw żieda fl-applikazzjonijiet għal ċertifikati għal kummerċ intra-UE u għar-riesportazzjoni ta’ qrun tar-rinoċeronti ppreżentati bħala “antikitajiet” jew “kampjuni maħduma”. F’ħafna każijiet, l-investigazzjonijiet urew li l-motivazzjoni tax-xerrejja ftit kienet marbuta man-natura artistika tal-oġġetti. Indikazzjoni għal dan kienet li l-prezzijiet offruti għal tali prodotti fid-djar tal-irkanti kienu korrelatati prinċipalment mal-piż tagħhom, pjuttost milli ma’ xi element ieħor. Dawk il-prezzijiet laħqu livelli għolja ħafna li ma għandhom l-ebda rabta mal-valur artistiku tagħhom.
Wara li r-Renju Unit u l-Ġermanja adottaw interpretazzjoni stretta tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-Kummerċ barra mill-Unjoni, ta’ tali prodotti, f’Settembru u Ottubru 2010, Stati Membri oħra nnotaw li rċevew applikazzjonijiet għar-riesportazzjoni jew talba għall-informazzjoni dwar kif tali applikazzjonijiet jiġu ttrattati minnhom, li jissuġġerixxi li xi kummerċjanti kienu qegħdin jippruvaw jaħarbu r-reġim tar-Renju Unit u Ġermaniż u jsibu l-eħfef mod biex jerġgħu jesportaw mill-ġdid dawk l-oġġetti mill-UE.
Barra minn hekk, matul din l-aħħar sena fl-UE sar serq b’rata li qatt ma rajna bħala ta’ qrun tar-rinoċeronti f’mużewijiet, fi djar tal-irkant jew fi ħwienet tal-antikitajiet jew ta’ tassidermisti. Il-Europol irreġistrat ħamsin każ ta’ serq (inkluż 10 attentati) fi tlettax-il Stat Membru tal-UE, li rriżultaw f’60 kampjun misruqa. Huwa probabbli li ħafna aktar serqiet ma ġewx irrappurtati lill-Europol għal diversi raġunijiet.
Hemm indikazzjonijiet li grupp tal-kriminalità organizzata (OCG) partikolari jista’ jkun responsabbli għall-maġġoranza ta’ dawn ir-reati. Terz tal-qrun irrappurtati misruqin kienu attribwiti direttament lil dan l-OCG u sa issa ma ġiex identifikat li kien hemm xi OCG ieħor involut f’dan il-qasam ta’ kriminalità.
Dan l-OCG ħafna drabi jbigħ lil intermedjarji li milli jidher huma responsabbli għaż-żieda fl-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikati u l-permessi għall-kummerċ tal-qrun tar-rinoċeronti.
Il-membri tal-OCG jattendu regolarment għall-irkanti u jżuru negozjanti tal-antikitajiet bil-għan li jixtru jekk mhux ukoll jisirqu qrun tar-rinoċeronti mmuntati jew qrun maħduma. Hemm suspett li dawn jgħadduhom lill-intermedjarji li mbagħad ibigħuhom lis-suq Ċiniż u Vjetnamiż.
Ġie nnotat li mir-restrizzjonijiet ‘l hawn fuq il-bejgħ tal-qrun tar-rinoċeronti f’irkanti fir-Renju Unit, l-OCG ikkonċentra fuq ċentri tal-irkanti fi Stati Membri oħra.
Hemm suppożizzjoni qawwija li l-qrun tar-rinoċeronti, b’mod partikolari dawk ippreżentati bħala antikitajiet jew kampjuni maħduma, jistgħu jiġu riesportati mill-UE sabiex jalimentaw id-domanda għall-qrun tar-rinoċeronti għall-mediċina fl-Asja. Dan il-kummerċ jista’ jistimula aktar id-domanda għal tali prodotti f’dan ir-reġjun u jżomm il-prezzijiet f’livell għoli jew jimbuttahom ‘il fuq. Min-naħa tagħha, domanda għolja bħal din għal prodotti ta’ valur għoli tirrappreżenta suq lukrattiv li huwa attraenti ħafna għall-kaċċaturi illegali u n-negozjanti illegali. Din is-sitwazzjoni tista’ tinkoraġġihom sabiex iwettqu l-attivitajiet kriminali tagħhom, li jipperikolaw aktar il-konservazzjoni tal-popolazzjonijiet li fadal tar-rinoċeronti.
Dan jissottolinja l-ħtieġa li l-Istati Membri jkomplu japplikaw il-leġislazzjoni tal-UE dwar il-kummerċ tal-ispeċijiet selvaġġi b’mod li jipproteġi l-ispeċi u jiggarantixxi l-konservazzjoni tagħha. Jista’ jkun li b’riżultat ta’ dan l-OCG jasal f’punt li akkost ta’ kollox jipprova jakkwista l-qrun tar-rinoċeronti u konsegwentement ikun aktar suxxettibbli għal azzjoni ta’ infurzar tal-liġi.
Skont id-Deċiżjoni 16.84 li ġiet adottata fis-CoP16 tas-CITES, il-partijiet għandhom:
“(f) |
jintroduċu miżuri nazzjonali, kif ikun xieraq, b’appoġġ għall-implimentazzjoni tas-CITES, sabiex jirregolaw il-kummerċ intern f’kampjuni tar-rinoċeronti, inkluż kwalunkwe kampjun li minn dokument ta’ akkumpanjament, l-imballaġġ, marka jew tikketta, jew minn kwalunkwe ċirkustanza oħra, jidher li jkun parti jew derivattiv ta’ rinoċeronti; |
(g) |
jikkunsidraw li jintroduċu miżuri domestiċi aktar stretti sabiex jirregolaw ir-riesportazzjoni ta’ prodotti tal-qrun tar-rinoċeronti minn kwalunkwe sors”. |
Is-Segretarjat sejjaħ laqgħa tat-Task Force tas-CITES għall-Infurzar dwar ir-Rinoċeronti f’Nairobi, il-Kenja, mit-28 sad-29 ta’ Ottubru 2013 (4). Il-laqgħa laqqgħet flimkien varjetà ta’ esperti, u rappreżentanti minn 21 pajjiż affettwat mill-kaċċa illegali tar-rinoċeronti u l-kummerċ illegali tal-qrun tar-rinoċeronti. Skont l-istrateġiji u l-azzjonijiet proposti:
“1. |
Il-Partijiet kollha għandhom: (…)
|
Il-qafas regolatorju tal-Unjoni dwar il-kummerċ tal-flora u l-fawna selvaġġa jrid jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, u b’konsiderazzjoni xierqa għall-għarfien tal-iżviluppi riċenti. Barra minn hekk, billi jidher li f’bosta Stati Membri hemm attentati koordinati minn xi negozjanti biex jiksbu qrun tar-rinoċeronti fi ħdan l-Unjoni qabel ma (jerġgħu) jesportawhom lejn l-Asja tal-Lvant, hija meħtieġa gwida sabiex ikun assigurat li jiġi segwit approċċ komuni mill-Istati Membri kollha għall-esportazzjoni u r-riesportazzjoni ta’ tali prodotti (ara s-sezzjoni (3) hawn isfel).
L-Istati Membri huma mistiedna jagħtu attenzjoni partikolari lill-applikazzjonijiet għall-kummerċ intra-Unjoni, tal-qrun tar-rinoċeronti, minħabba li dawn jistgħu jintużaw ukoll mill-operaturi sabiex jakkwistawhom u jinnegozjawhom ulterjorment b’mod illegali lejn l-Asja, jew biex jirċievu ċertifikati li mbagħad jintużaw ħażin. Ir-rakkomandazzjonijiet għall-immaniġġar ta’ dawk l-applikazzjonijiet huma ppreżentati taħt is-sezzjoni (4) hawn isfel.
Hija meħtieġa gwida wkoll fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-importazzjoni fl-UE, ta’ prodotti tar-rinoċeronti ppreżentati bħala “trofej tal-kaċċa” (sezzjoni (5)).
2. L-istatus ta’ dan id-dokument
Dan huwa dokument ta’ gwida ppreparat mis-servizzi tal-Kummissjoni u approvat b’mod unanimu mill-Kumitat tal-Unjoni dwar il-Kummerċ tal-Fawna u l-Flora Selvaġġi, stabbilit skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 (5), u għalhekk mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Unjoni.
Filwaqt li huwa jikkostitwixxi espressjoni ta’ kif is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri jinterpretaw u beħsiebhom japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 338/97, u tal-miżuri li huma jikkunsidraw li jikkostitwixxu l-aqwa prattika, m’għandux is-saħħa ta’ liġi. Huwa jibqa’ soġġett għal-liġi tal-Unjoni, u b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 338/97.
Id-dokument għandu jiġi ppubblikat b’mod elettroniku mis-servizzi tal-Kummissjoni, u jista’ jiġi ppubblikat mill-Istati Membri.
Id-dokument se jiġi rieżaminat mill-Kumitat tal-Unjoni dwar il-Kummerċ tal-Fawna u l-Flora Selvaġġi fit-tieni semestru tal-2016.
3. Gwida dwar l-interpretazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-esportazzjoni u r-riesportazzjoni ta’ qrun tar-rinoċeronti: applikazzjonijiet għall-permessi skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 338/97
L-atti tad-dritt tal-Unjoni jridu jiġu interpretati skont l-għanijiet tagħhom. L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 338/97 jipprovdi li l-għan ta’ dak ir-Regolament huwa li “jipproteġi l-ispeċi ta’ fawna u flora salvaġġi u li jiggarantixxi l-konservazzjoni tagħhom billi jirregola l-kummerċ fihom”. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għalhekk iridu jiġu interpretati b’mod konsistenti ma’ dak il-għan.
Barra minn hekk, l-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi li l-politika ambjentali tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni. Skont dak il-prinċipju, jekk azzjoni jew politika jkollha r-riskju ssuspettat li tikkawża ħsara lill-pubbliku jew lill-ambjent, fin-nuqqas ta’ kunsens xjentifiku li l-azzjoni jew il-politika tagħmel ħsara, l-oneru tal-provi li din ma tagħmilx ħsara jaqa’ fuq dawk li jieħdu l-azzjoni. Il-prinċipju għandu l-għan li jassigura livell ogħla ta’ protezzjoni ambjentali permezz ta’ teħid preventiv ta’ deċiżjonijiet fil-każ ta’ riskju. Fil-prattika, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju huwa wiesa’ u jkopri wkoll il-politika dwar il-konsumatur, il-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-ikel, u s-saħħa tal-bniedem, l-annimali u l-pjanti.
Skont il-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ prekawzjoni japplika fost l-oħrajn fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-acquis ambjentali tal-Unjoni, u għalhekk anki għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 338/97.
L-Istati Membri għandhom japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 338/97. F’dan ir-rigward, huma għandhom jirreferu għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2000 dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni (6), li tispjega l-konsiderazzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni korretta tiegħu.
Skont l-Artikolu 5(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 338/97, meta jkunu qegħdin jivvalutaw l-applikazzjonijiet għall-esportazzjoni u r-riesportazzjoni ta’ qrun tar-rinoċeronti, l-Awtoritajiet Amministrattivi jridu jkunu sodisfatti, wara konsultazzjoni mal-awtorità xjentifika kompetenti, li ma jkunx hemm fatturi oħra li għandhom x’jaqsmu mal-konservazzjoni tal-ispeċi li jistgħu jiskoraġġixxu l-ħruġ tal-permess ta’ importazzjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-applikazzjonijiet għall-permessi ta’ esportazzjoni kif ukoll għar-riesportazzjoni ta’ kampjuni tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness A u fl-Anness B.
Din il-kundizzjoni tapplika għall-kampjuni kollha ta’ qrun tar-rinoċeronti, indipendentement minn jekk ikunux ikkunsidrati bħala “kampjun maħdum” jew le.
Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Kumitat tal-Unjoni dwar il-Kummerċ tal-Fawna u l-Flora Selvaġġi jqis li, fiċ-ċirkustanzi preżenti, fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, u sakemm ma jiġix ippruvat xjentifikament u konlużivament bil-kontra, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li hemm fatturi serji relatati mal-konservazzjoni tal-ispeċi tar-rinoċeronti li jistgħu jiskoraġġixxu l-ħruġ ta’ permessi għall-esportazzjoni u r-riesportazzjoni.
Minħabba f’hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Kumitat tal-Unjoni dwar il-Kummerċ tal-Fawna u l-Flora Selvaġġi jqisu li l-Istati Membri għandhom id-dritt jassiguraw li, bħala miżura temporanja, ma jinħarġux permessi ta’ esportazzjoni jew riesportazzjoni għall-qrun tar-rinoċeronti, għajr f’każijiet fejn ikun ċar biżżejjed li l-permess ikun ser jintuża għal għanijiet leġittimi, bħal f’każijiet fejn:
1. |
l-oġġett ikun parti minn skambju ġenwin ta’ oġġetti kulturali jew artistiċi bejn istituzzjonijiet ta’ reputazzjoni tajba (jiġifieri mużewijiet); |
2. |
l-Awtorità Amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat tkun sodisfatta li l-oġġett ikun biċċa arti rikonoxxuta u tkun kunfidenti li l-valur tagħha jassigura li ma tintużax għal skopijiet oħra; |
3. |
l-oġġett ma jkunx inbiegħ u jkun wirt li jiċċaqlaq bħala parti mir-rilokazzjoni ta’ familja jew bħala parti minn legat; jew |
4. |
l-oġġett ikun parti minn proġett ta’ riċerka bona fide. |
Għandhom japplikaw rekwiżiti addizzjonali fir-rigward tal-esportazzjoni jew ir-riesportazzjoni lejn iċ-Ċina: l-applikazzjonijiet għall-permessi ta’ esportazzjoni jew riesportazzjoni ta’ qrun tar-rinoċeronti lejn iċ-Ċina għandhom jiġu rifjutati minħabba li l-leġislazzjoni domestika fiċ-Ċina tipprojbixxi l-importazzjoni u l-kummerċ intern ta’ qrun tar-rinoċeronti (7). Dan jinkludi oġġetti ta’ qabel il-Konvenzjoni u oġġetti artistiċi. L-unika eċċezzjoni għal din il-projbizzjoni tirrigwarda qrun immuntati u impurtati bħala parti minn trofew tal-kaċċa (8).
Dan ir-reġim japplika fir-rigward taċ-Ċina kontinentali, iżda mhux għal Ħong Kong, il-Makao jew it-Tajwan, li l-leġislazzjoni tagħhom tawtorizza l-kummerċ tal-qrun tar-rinoċeronti f’konformità mar-regoli CITES.
Qabel ma joħroġ permess ta’ esportazzjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din is-sezzjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-awtoritajiet CITES tal-pajjiż tad-destinazzjoni dwar dan u jivverifika li dawn jaqblu mal-importazzjoni ta’ dak il-kampjun. L-identitajiet tal-esportatur u tal-importatur iridu jiġu verifikati u rreġistrati (eż. billi tinżamm kopja tad-dokumenti tal-identifikazzjoni tagħhom).
4. Kummerċ intra-UE: gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 338/97 għall-qrun tar-rinoċeronti
Qabel l-adozzjoni tal-ewwel verżjoni ta’ dan id-dokument ta’ gwida, l-Istati Membri kienu qegħdin jirċievu numru dejjem jiżdied ta’ applikazzjonijiet għal ċertifikati ta’ kummerċ intra-UE għall-qrun tar-rinoċeronti skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 338/97. Hija neċessarja gwida fuq livell tal-UE sabiex ikun assigurat li dawk l-applikazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod konsistenti madwar l-UE kollha.
1. |
Qabel xejn huwa essenzjali li tiġi sottolinjata r-regola ġenerali li l-kummerċ intra-UE, tal-kampjuni msemmija fl-Anness A, huwa pprojbit skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 338/97. L-Artikolu 8(3) jawtorizza lill-Istati Membri li jidderogaw minn din il-projbizzjoni jekk ikunu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet (elenkati fis-subparagrafi (a) sa (h)) (9). Madankollu, mill-użu tat-terminu “jistgħu” fl-Artikolu 8(3) jidher ċar li l-Istati Membri mhumiex obbligati jagħtu ċertifikat għall-kummerċ intra-UE meta jintlaħqu dawk il-kundizzjonijiet (ħlief jekk ikun meħtieġ mod ieħor mid-dritt tal-Unjoni, bħal preżempju l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità). Meta tkun qed tiddeċiedi jekk tagħtix jew le ċ-ċertifikat, l-awtorità trid tuża s-setgħat diskrezzjonarji tagħha b’mod xieraq. Konsegwentement ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 8(3) jagħti dritt għal ċertifikat għall-kummerċ intra-UE lill-applikanti, anki meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi (a) sa (h). Barra minn hekk, l-Artikolu 8(3) huwa soġġett għall-prinċipju ta’ prekawzjoni u, kif diskuss aktar ’il fuq, l-oneru tal-provi sabiex jintwerew il-leġittimità u l-konsistenza ta’ tranżazzjoni mal-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 338/97 għalhekk jaqa’ fuq l-applikant. Meta jirċievi applikazzjoni għall-użu kummerċjali tal-qrun tar-rinoċeronti fi ħdan l-UE skont l-Artikolu 8(3), Stat Membru għandu d-dritt skont il-liġi tal-Unjoni li jirrifjuta li jagħti ċertifikat, anki meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi (a) sa (h), bil-kundizzjoni li r-rifjut ikun kompatibbli mal-prinċipju tal-proporzjonalità (jiġifieri r-rifjut ikun xieraq sabiex tiġi protetta speċi ta’ fawna jew flora selvaġġa jew sabiex tiġi garantita l-konservazzjoni tagħhom, u r-rifjut ma jmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan). Is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Kumitat tal-Unjoni dwar il-Kummerċ tal-Fawna u l-Flora Selvaġġi huma tal-fehma li dan se jkun il-każ meta l-leġittimità u l-konsistenza ta’ tranżazzjoni mal-għanijiet tar-Regolament (KE) Nru 338/97 ma jkunux intwerew b’mod konklussiv mill-applikant. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu ta’ qabel, u minħabba ċ-ċirkustanzi deskritti fl-ewwel sezzjoni tad-dokument preżenti, l-Istati Membri, bħala miżura temporanja, fil-prinċipju ma għandhom jagħtu l-ebda ċertifikat għall-qrun tar-rinoċeronti skont l-Artikolu 8(3). |
2. |
Fejn, minkejja r-rakkomandazzjonijiet speċifikati hawn fuq, id-dispożizzjonijiet skont il-liġi domestika ta’ Stat Membru ma jippermettux lill-awtoritajiet tiegħu li jirrifjutaw applikazzjonijiet għal ċertifikati intra-UE għall-qrun tar-rinoċeronti kif stipulat hawn fuq, għandhom jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt. Minħabba ż-żieda fl-attivitajiet illegali relatati mal-qrun tar-rinoċeronti fl-UE u l-involviment tal-kriminalità organizzata li tfittex li tikseb u tikkummerċjalizza dawn il-prodotti, l-Istati Membri huma rakkomandati li jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju u jassiguraw skrutinju massimu fl-immaniġġar tal-applikazzjonijiet għal ċertifikati intra-UE. F’dak il-kuntest, huwa ta’ rilevanza partikolari li gruppi involuti f’attivitajiet kriminali relatati mal-qrun tar-rinoċeronti kienu qegħdin jużaw b’mod frodulenti ċertifikati tal-Unjoni għal kummerċ intra-UE maħruġa skont l-Artikolu 8(3) bħala dokumenti mfassla sabiex jattestaw il-legalità tal-kampjuni misruqa. Barra minn hekk, dan l-aħħar kienu proposti għall-bejgħ kampjuni misruqa, b’mod partikolari fi djar tal-irkanti fi ħdan l-Unjoni. Għalhekk hemm riskju li ċ-ċertifikati tal-Unjoni għall-kummerċ intra-UE jintużaw minn dawk il-gruppi bħala parti mill-istrateġija globali tagħhom biex jakkwistaw u jinnegozjaw b’mod illegali qrun tar-rinoċeronti. L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jevitaw li joħorġu ċertifikati li jistgħu jiffaċilitaw tali attivitajiet u għalhekk għandhom jimmaniġġaw dawk l-applikazzjonijiet għall-kummerċ fl-Unjoni b’mod li jnaqqsu dan ir-riskju għall-minimu possibbli. |
3. |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 338/97, l-esportazzjoni jew ir-riesportazzjoni mill-Unjoni, ta’ kampjuni tal-ispeċi elenkati fl-Anness A, hija permessa biss fuq bażi eċċezzjonali. F’dak ir-rigward, fejn, wara li jwettqu valutazzjoni xierqa tar-riskju kif stabbilit hawn fuq, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jħossu li ma hemm l-ebda riskju li l-ħruġ ta’ permess jista’ jkun ta’ benefiċċju għal persuni involuti fl-akkwist jew fil-kummerċ illegali ta’ qrun tar-rinoċeronti, il-kundizzjonijiet li jawtorizzawhom joħorġu permess skont l-Artikolu 8(3) xorta jridu jkunu soġġetti għal interpretazzjoni stretta (10). Ir-reġim applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni tal-qrun tar-rinoċeronti jvarja skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafi (a), (b) u (c) tal-Artikolu 8(3). Skont l-Artikolu 8(3)(a) (jiġifieri kampjuni li “nkisbu, jew (…) iddaħħlu fil-Komunità qabel ma d-dispożizzjonijiet dwar l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jew fl-Anness C1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3626/82 (11) jew fl-Anness A, kienu saru applikabbli għall-kampjuni”), element fundamentali huwa li hija r-responsabbiltà tal-applikant li juri li l-kampjuni kienu nkisbu jew iddaħħlu fl-UE qabel l-4 ta’ Frar 1977 għall-ispeċijiet kollha ta’ rinoċeronti ħlief għar-rinoċeronti bojod (li d-data għalihom hija l-1 ta’ Lulju 1975). Jekk l-applikant ma jkunx jista’ jipprovdi din l-informazzjoni, f’dak il-każ m’għandu jinħareġ l-ebda ċertifikat. Jidher li numru ta’ oġġetti huma ppreżentati bħala “kampjuni maħduma”, li l-użu kummerċjali tagħhom huwa regolat skont l-Artikolu 8(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 338/97 u l-Artikolu 62(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 (12). Jekk oġġett jissodisfa l-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 2(w) tar-Regolament tal-Kunsill sabiex jitqies bħala kampjun maħdum, f’dak il-każ ma jkun meħtieġ l-ebda ċertifikat għall-użu kummerċjali tiegħu fi ħdan l-Unjoni. Madankollu, d-definizzjoni ta’ “kampjuni maħduma” wkoll trid tiġi interpretata b’mod strett.
Meta jsiru applikazzjonijiet għall-kummerċ intra-Unjoni ta’ qrun tar-rinoċeronti skont l-Artikolu 8(3)(c), l-Istati Membri huma mfakkra li, billi l-importazzjoni ta’ qrun tar-rinoċeronti (bħala oġġetti personali, b’mod partikolari trofej tal-kaċċa) hija possibbli biss għal raġunijiet mhux kummerċjali, ma hemm l-ebda possibbiltà li s-sidien tagħhom jingħataw ċertifikat għal għan kummerċjali fi ħdan l-Unjoni skont l-Artikolu 8(3)(c). |
4. |
Jekk jingħata, iċ-ċertifikat għandu jiddeskrivi l-oġġett f’dettall suffiċjenti sabiex ikun ċar li jista’ jintuża biss għall-kampjun ikkonċernat u ma jistax jiġi riċiklat għall-użu għal kampjuni oħra. Barra minn hekk u fejn il-leġislazzjoni tippermetti, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jiġbru, jivverifikaw u jirreġistraw l-identitajiet tal-applikant u tax-xerrej (eż. billi jżommu kopja tad-dokumenti tal-identifikazzjoni tagħhom). Għandha tiġi stabbilita kundizzjoni li tobbliga lill-bejjiegħ li jinforma lill-awtoritajiet dwar l-identità tax-xerrej. Barra minn hekk, iċ-ċertifikati tal-Unjoni għall-kummerċ intra-UE għandhom jinħarġu fuq bażi speċifika għat-tranżazzjoni — li tippermetti tranżazzjoni waħda biss - li jfisser ukoll li ċ-ċertifikat se jkun validu biss għad-detentur imsemmi fil-kaxxa 1 ta’ dak iċ-ċertifikat. Dan huwa bbażat fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 865/2006 li jippermetti lill-Istati Membri li joħorġu ċertifikati speċifiċi għat-tranżazzjonijiet fejn huwa kkunsidrat li hemm fatturi oħrajn relatati mal-konservazzjoni tal-ispeċi li jistgħu jiskoraġġixxu l-ħruġ ta’ ċertifikat speċifiku għall-kampjuni. |
5. Importazzjoni ta’ “trofej tal-kaċċa” tar-rinoċeronti fl-UE
Filwaqt li l-introduzzjoni fl-UE, ta’ rinoċeronti u prodotti derivati, mhijiex permessa għal skopijiet kummerċjali, l-introduzzjoni fl-UE tista’ tiġi awtorizzata taħt ċerti kundizzjonijiet għat-trofej tal-kaċċa (13), li huma kkunsidrati bħala oġġetti personali u domestiċi skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 865/2006.
Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/870 (14) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 865/2006, l-ewwel introduzzjoni fl-UE, ta’ trofej tal-kaċċa ta’ kampjuni mill-ispeċijiet kollha tar-rinoċeronti, hija kondizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ permess tal-importazzjoni mill-Istat Membru tal-UE li jkun qiegħed jagħmel l-importazzjoni. Skont id-dritt tal-UE, tali trofej tal-kaċċa huma oġġetti personali u domestiċi u għandhom jibqgħu l-proprjetà tas-sidien wara l-importazzjoni. Huma ma jistgħux jinbiegħu jew jintużaw mod ieħor għal skopijiet kummerċjali.
F’dawn l-aħħar snin, id-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ tat-trofej tal-kaċċa għal kampjuni tar-rinoċeronti ntużaw ħażin apposta min-netwerks li jqabbdu persuni fil-pajjiżi importaturi, jħallsulhom il-vjaġġ lejn l-Afrika ta’ Isfel kif ukoll is-safaris għall-kaċċa tar-rinoċeronti tagħhom, biex wara jieħdu l-qrun u jinnegozjawhom illegalment lejn pajjiżi Asjatiċi. Apparti mill-użu ħażin mifrux ta’ trofej tal-kaċċa tar-rinoċeronti għal skopijiet kummerċjali illegali fir-Repubblika Ċeka, l-investigazzjonijiet imwettqa fis-Slovakkja, iżda wkoll fi Stati terzi (l-Istati Uniti tal-Amerika), juru li modus operandi simili tal-ingaġġar ta’ “psewdo-kaċċaturi” u anki “kaċċaturi bona fede” intuża b’mod estensiv minn netwerks kriminali sabiex jidderieġu l-qrun tar-rinoċeronti mill-Afrika ta’ Isfel sal-Asja.
Sabiex tiġi indirizzata dik il-problema, fil-laqgħa tat-Task Force tas-CITES għall-Infurzar dwar ir-Rinoċeronti (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4) ġie rrakkomandat li “jiġu implimentati kontrolli leġislattivi u ta’ infurzar sabiex jiġi evitat li qrun li jkunu parti minn trofej miksuba legalment jintużaw għal skopijiet oħra għajr trofej tal-kaċċa, u sabiex ikun assigurat li dawn it-trofej jibqgħu fil-pussess tas-sidien tagħhom għall-iskop indikat fil-permess tal-esportazzjoni tas-CITES”.
F’dak il-kuntest, huwa rakkomandat li l-Istati Membri tal-UE:
1. |
meta jiddeċiedu dwar il-ħruġ ta’ applikazzjoni għall-importazzjoni għal trofew tal-kaċċa ta’ eżemplari tar-rinoċeronti:
|
2. |
meta (wara li jivverifikaw sewwa li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha skont ir-Regolament Nru 338/97 u r-Regolamenti assoċjati tal-Kummissjoni) joħorġu l-permess tal-importazzjoni, jinkludu fil-permess is-sentenza segwenti: “L-importazzjoni ta’ dan it-trofew tal-kaċċa hija għall-użu personali biss. L-oġġett għandu jibqa’ fil-pussess tad-detentur ta’ dan il-permess. Huwa għandu jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet kompetenti fuq it-talba tagħhom”; |
3. |
meta jkun possibbli skont il-liġi nazzjonali, iwettqu kontrolli bbażati fuq ir-riskju fost il-persuni li jkunu impurtaw trofej tal-kaċċa tar-rinoċeronti mill-2009 ‘il quddiem (15) sabiex jivverifikaw li jkunu għadhom fil-pussess tagħhom, u jaqsmu r-riżultati ta’ dawk il-kontrolli mal-Istati Membri l-oħra tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarjat tas-CITES. |
(1) https://www.environment.gov.za/mediarelease/molewa_waragainstpoaching2015
(2) http://www.cites.org/eng/cop/16/doc/E-CoP16-54-02.pdf
(3) https://www.europol.europa.eu/content/press/europol-and-ireland-identify-organised-crime-group-active-illegal-trading-rhino-horn-9
(4) Ara http://cites.org/sites/default/files/notif/E-Notif-2014-006A.pdf
(6) COM(2000) 1 final (Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Din il-projbizzjoni hija stabbilita biċ-Ċirkulari tal-Kunsill tal-Istat dwar il-projbizzjoni tal-kummerċ tal-qrun tar-rinoċeronti u tal-għadam tat-tigra Nru 39/1993 tad-29 ta’ Mejju 1993.
(8) Estratt mill-avviż 41 tas-CITES (Frar 2012): “Iċ-Ċina tipprojbixxi l-importazzjoni ta’ qrun li ma jkunux immuntati bħala parti minn trofew tal-kaċċa. Dan jimplika li qarn waħdu ma jistax jiġi impurtat fiċ-Ċina. Din il-miżura kienet implimentata mill-awtoritajiet Ċiniżi b’appoġġ għall-inizjattivi meħuda minn pajjiżi oħra sabiex inaqqsu l-kummerċ illegali. Din il-projbizzjoni madankollu ma tapplikax għal trofej tal-kaċċa fejn il-qarn tar-rinoċeronti jkun parti mit-trofew. Il-muntatura tar-ras, il-muntatura tal-ispalla u l-muntatura tal-ġisem sħiħ bil-qrun bħala trofew tal-kaċċa tista’ tiġi impurtata fiċ-Ċina minn kwalunkwe pajjiż tal-oriġini. Naturalment, din il-projbizzjoni ma tapplikax ukoll għall-qrun fuq rinoċeronti ħajjin li jkunu awtorizzati għall-importazzjoni”.
(9) Cf. il-paragrafi 32 sa 34 tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża C-10/99 (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:61999CJ0510:EN:HTML)
(10) Skont id-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjonijiet għar-regoli fid-dritt tal-Unjoni dejjem iridu jiġu interpretati b’mod strett.
(11) ĠU L 384, 31.12.1982, p. 1.
(12) ĠU L 166, 19.6.2006, p. 1.
(13) Trofew tal-kaċċa huwa definit fl-Artikolu 1(4b) tar-Regolament (KE) Nru 865/2006.
(15) Għall-importazzjoni ta’ trofej tal-kaċċa tar-rinoċeronti li seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tar-rekwiżit ta’ permess tal-importazzjoni, l-informazzjoni dwar l-applikanti għal trofej tal-kaċċa tar-rinoċeronti tista’ tinkiseb fuq talba mingħand il-pajjiżi esportaturi