|
Għall-benefiċċji tal-kura fit-tul, tqiesu żewġ alternattivi ta’ politika leġiżlattivi (b’2 subalternattivi):
1.L-Istat Membru kompetenti jipprovdi benefiċċji tal-kura fit-tul u jħallas lura in natura l-ispiża tal-benefiċċji pprovduta mill-Istat Membru ta’ residenza (billi jsegwi l-prinċipji eżistenti għall-benefiċċji tal-mard, bil-kjarifiki),
2.L-Istat Membru tar-residenza jipprovdi l-benefiċċji kollha tal-kura fit-tul b’rimborż mill-Istat Membru kompetenti 2a) l-ebda suppliment mill-Istat Membru kompetenti 2b) b’suppliment.
Ġew skartati tliet alternattivi: (1) l-introduzzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ salvagwardja, (2) li l-Istat ta’ residenza jsir responsabbli għall-għoti tal-benefiċċji kollha tal-kura fit-tul mingħajr rimborż u (3) li l-Istat Membru kompetenti jsir responsabbli għall-għoti tal-benefiċċji kollha tal-kura fit-tul (esportazzjoni).
Ġiet ippreferuta l-alternattiva 1 sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni stabbli tar-regoli.
Għall-benefiċċji tal-qgħad: Tqiesu tliet alternattivi ta’ politika leġiżlattivi sabiex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-aggregazzjoni u tal-kalkolu għall-benefiċċji tal-qgħad:
1.Aggregazzjoni wara jum biss ta’ impjieg,
2.Aggregazzjoni wara perjodu ta’ a)xahar jew b)tliet xhur ta’ impjieg,
3.Bl-użu ta’ dħul ta’ referenza rċevut fl-Istat Membru tal-impjieg preċedenti għall-kalkolu tal-benefiċċji tal-qgħad wara jew a) xahar jew b) tliet xhur ta’ impjieg fl-Istat Membru kompetenti,
4.alternattiva orizzontali għall-għarfien tal-perjodi tal-assigurazzjoni għall-aggregazzjoni.
L-alternattiva 2b preferuta se tingħaqad ma’ obbligu għall-Istat Membru tal-aħħar impjieg biex jipprovdi benefiċċji tal-qgħad fejn din il-kundizzjoni ma tkunx twettqet, u l-alternattiva orizzontali. Dan jiżgura livell minimu ta’ integrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti qabel l-intitolament għall-pretensjoni tal-benefiċċji tal-qgħad u approċċ konsistenti mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-ħaddiema mobbli se jiġu protetti meta ma jwettqux dan il-perjodu fl-Istat Membru tal-aħħar attività.
Tqiesu żewġ alternattivi ta’ politika leġiżlattivi biex jestendu l-perjodu minimu ta’ esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad:
1.L-estensjoni tal-perjodu minimu għall-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-impjieg minn tlieta sa sitt xhur b’diskrezzjoni għall-esportazzjoni tal-benefiċċju għall-perjodu sħiħ tal-intitolament,
2.L-estensjoni tal-perjodu tal-esportazzjoni tal-benefiċċju tal-impjieg għall-perjodu kollu tal-intitolament,
L-alternattiva preferuta hija l-1 magħquda ma’ mekkaniżmu msaħħaħ ta’ kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjieg ikkonċernati bl-appoġġ lit-tiftix ta’ xogħol transfruntier.
Tqiesu tliet alternattivi politiċi għall-benefiċċji tal-qgħad għal ħaddiema fuq il-fruntiera u ħaddiema transfruntiera oħra:
1.L-għoti ta’ għażla lill-ħaddiema tal-fruntiera dwar fejn iridu jikklejmjaw il-benefiċċji tal-qgħad bl-istess mod ta’ ħaddiema transfruntiera oħra,
2.Li l-Istat tal-aħħar attività jkun responsabbli għall-ħlas tal-benefiċċji tal-qgħad bis-subalternattivi li a) jeħtieġu lill-ħaddiema tal-fruntiera jirreġistraw mas-servizz tal-impjiegi tal-Istat responsabbli jew b) jagħtuhom għażla bejn ir-reġistrazzjoni mas-servizz tal-impjiegi tal-Istat kompetenti jew l-Istat ta’ residenza tagħhom,
3.Li l-Istat tal-aħħar attività jkun responsabbli mill-ħlas tal-benefiċċji tal-qgħad meta l-ħaddiem tal-fruntiera jkun ħadem hemm għal mill-inqas 12-il xahar jew inkella l-attribuzzjoni tar-responsabbiltà lill-Istat Membru ta’ residenza bis-subalternattivi ta’ a) il-ħaddiema tal-fruntiera jkunu meħtieġa jirreġistraw mas-servizz tal-impjiegi tal-Istat responsabbli jew b) jingħataw għażla bejn ir-reġistrazzjoni mas-servizz tal-impjiegi tal-Istat kompetenti jew l-Istat ta’ residenza tagħhom,
L-alternattiva 3a preferuta toffri l-aħjar kompromess fir-rigward ta’ qsim tal-piż ekwu u amministrattivament kosteffikaċi.
Għall-benefiċċji soċjali, l-alternattivi ikkontemplati kienu leġiżlattivi (emendar tar-regolament):
1.a) Tiġi permessa deroga għall-prinċipju tat-trattament ugwali fl-Artikolu 4 dwar l-assistenza soċjali biss,
b) Tiġi permessa deroga għall-prinċipju tat-trattament ugwali fl-Artikolu 4 dwar firxa akbar ta’ benefiċċji ffinanzjati mit-taxxa,
C) Tiġi permessa deroga preċiża għall-prinċipju tat-trattament ugwali fir-rigward tal-benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus fl-Artikolu 70;
2.It-tneħħija ta’ benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus li jipprovdu dħul għall-għajxien mir-Regolament 883/2004,
3.Tqieset ukoll alternattiva mhux leġiżlattiva (li tiċċara r-regoli permezz ta’ komunikazzjoni).
Sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza ġuridika u t-trasparenza bl-aktar mod effiċjenti u effettiv, l-alternattiva preferuta hija tagħqida ta’ 1a u 1b.
Għall-benefiċċji tal-familji, bħala alternattiva għall-istatus quo, tqiesu żewġ alternattivi leġiżlattivi fir-rigward tar-rabta bejn il-livell tal-benefiċċji tal-familja rċevuti u l-ispejjeż imġarrba:
1.L-indiċjar tal-benefiċċji tal-familja esportati lill-Istat ta’ residenza tal-wild a) aġġustament ’il fuq jew ’l isfel u b) ’l isfel biss,
2.L-Istat tar-residenza ikollu l-kompetenza primarja biex iħallas il-benefiċċji tal-familja.
Tqieset l-alternattiva tat-tneħħija tal-obbligu tal-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-familja, imma ġiet skartata għal raġunijiet legali.
Barra minn hekk, tqieset alternattiva leġiżlattiva orizzontali għall-koordinazzjoni ta’ allowances għat-trobbija tat-tfal. Din għandha tliet varjanti a) drittijiet individwali għall-allowances għat-trobbija tat-tfal marbuta mas-salarju b’obbligu mandatorju biex l-Istat Membru kompetenti sekondarju jidderoga mir-regoli dwar l-anti-overlapping (i.e. jitħallas il-benefiċċju bis-sħiħ), b) l-istess metodu bħal (a) imma għall-allowances kollha għat-trobbija tat-tfal (marbuta mas-salarju u rata fissa) u c) l-istess metodu bħal (b) iżda b’deroga fakultattiva mir-regoli dwar l-anti-overlapping (i.e. stat sekondarju kompetenti jista’ jew iħallas is-somma sħiħa jew iħallas “top-up” biss fejn il-benefiċċji jkunu ogħla minn tal-Istat bil-kompetenza primarja)
L-alternattiva preferuta hija li jinżamm l-istatus quo flimkien mal-alternattiva orizzontali c. Din tiżgura li r-responsabbiltà primarja għall-benefiċċji tal-familja tinżamm mill-Istat Membru tal-attività ekonomika fejn ġenitur iħallas it-taxxi u l-kontributi tas-sigurtà soċjali; dan jipproteġi lill-membri tal-familja u jaħdem fl-aħjar interessi tat-tfal. Bl-introduzzjoni tal-alternattiva orizzontali c, huwa wkoll possibbli li jiġi promoss bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja familjari waqt perjodi ta’ trobbija tat-tfal, billi titqiegħed enfasi akbar fuq id-drittijiet individwali u jiġu appoġġati dawk l-Istati Membri li attivament jippromowovu bilanċ akbar bejn is-sessi mingħajr ma jimponu dan l-obbligu.
|