Brussell, 9.12.2016

SWD(2016) 429 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Strateġija għall-Istatistika Agrikola 2020 u lil hinn minnha u x-xenarji leġiżlattivi potenzjali sussegwenti

{COM(2016) 786 final}
{SWD(2016) 430 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar strateġija għall-Istatistika Agrikola 2020 u lil hinn minnha u x-xenarji leġiżlattivi potenzjali sussegwenti

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

Il-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-bidla soċjali qed jibdlu l-agrikoltura dinjija. B’reazzjoni għal dan, qed jinbidlu wkoll il-Politika Agrikola Komuni (il-PAK) u politiki relatati oħra tal-UE. Dan joħloq ħtiġijiet ġodda ta’ dejta għall-istatistika agrikola li bħalissa mhux qed jiġu ssodisfati minħabba l-leġiżlazzjoni stretta u l-inkoerenza bejn il-ġbir ta’ dejta. Barra minn hekk, qed tinbidel ukoll l-istatistika uffiċjali minħabba l-progress teknoloġiku u s-sorsi ġodda ta’ dejta, filwaqt li jkomplu jonqsu r-riżorsi. Dan qed joħloq pressjoni fuq il-leġiżlazzjoni dwar l-istatistika agrikola li trid tadatta biex tikseb aktar kosteffiċjenza u biex tnaqqas il-piż fuq il-ġbir ta' dejta.

Jekk dawn il-problemi ma jissolvewx, tkun qed titpoġġa f’riskju l-bażi ta’ evidenza tal-l-PAK u politiki oħra tal-UE, u b’hekk tiġi limitata l-kapaċità tal-UE li taġixxi f’oqsma importanti ħafna għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Il-partijiet ikkonċernati l-aktar affettwati b’mod dirett b’din l-inizjattiva huma d-DĠs tal-Kummissjoni responsabbli mill-politika bħal AGRI, ENV, CLIMA u SANTE u l-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) fl-Istati Membri tal-UE.

X’mistenni jinkiseb b’din l-inizjattiva?

Din l-inizjattiva għandha l-għan li ġġedded il-leġiżlazzjoni biex twieġeb b’mod flessibbli għall-ħtiġijiet ġodda ta’ dejta, iżżid l-armonizzazzjoni u l-koerenza fl-istatistika agrikola u tindirizza l-piż tal-ġbir tad-dejta billi:

tipproduċi statistika ta’ kwalità għolja li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti b’mod effiċjenti u effettiv;

iżżid il-flessibilità u l-veloċità tar-reazzjoni tas-sistema tal-istatistika agrikola;

ittejjeb l-integrazzjoni bejn l-istatistika dwar l-agrikoltura, il-forestrija, l-użu tal-art u l-ambjent;

tiżviluppa struttura ta’ governanza responsabbli u reattiva għall-istatistika agrikola;

ittejjeb l-armonizzazzjoni u l-koerenza tal-istatistika agrikola Ewropea; u

tipproduċi aktar statistika filwaqt li tnaqqas il-piż ta’ dawk li jwieġbu bl-introduzzjoni ta’ sorsi alternattivi ta’ dejta u ta’ tekniki ta’ titjib tal-effiċjenza.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Il-politiki armonizzati tal-UE bħall-PAK li tuża kważi 40% tal-baġit tal-UE, jeħtieġu dejta ipso facto ta’ kwalità għolja li tkun komparabbli fl-Istati Membri kollha biex tindirizza l-interventi politiki b’mod aktar effiċjenti, effettiv u ġust. Dan jista’ jiġi żgurat biss b’azzjoni komuni u koordinata fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS).

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva tqiesu? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?

Tqiesu erba' għażliet ewlenin:

1.Ix-xenarju bażi - L-ebda azzjoni tal-UE dwar id-dejta strutturali tal-agrikoltura. Il-ġbir ta’ dejta jitħalla f’idejn l-Istati Membri, li jirriżulta f’taħlita ta’ approċċi u ta’ kwalitajiet differenti.

2.It-tiġdid tar-Regolament (KE) Nru 1166/2008 dwar stħarriġ ta’ strutturi tal-impriżi agrikoli. B’din l-għażla jitkompla l-istatus quo.

3.Qafas legali uniku għall-istatistika agrikola kollha. Din l-għażla se tintegra l-ġbir kollu ta' dejta statistika agrikola f’regolament qafas ġdid u uniku.

4.L-integrazzjoni tal-istatistika agrikola f’żewġ stadji: Din l-għażla se żżomm il-vantaġġi tat-tielet għażla filwaqt li żżid il-flessibilità u tnaqqas il-pressjoni tal-ħin billi toħloq żewġ regolamenti qafas ġodda b’mod gradwali.

L-għażla ppreferuta hija r-raba’ waħda, peress li toffri l-aħjar opportunità biex jinkisbu l-objettivi.



Liema għażla u min jappoġġaha?

Wara konsultazzjoni estensiva, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati tal-istatistika agrikola tal-UE jappoġġaw ir-raba’ għażla. It-tielet għażla tirrappreżenta l-għażla ideali għall-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati, iżda ma tidhirx li tista’ tinkiseb sal-2020. Minoranza żgħira tal-partijiet ikkonċernati jippreferu t-tieni għażla minħabba l-kostijiet inizjali aktar baxxi.



C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)?

Il-leġiżlazzjoni statistika hija prinċipalment leġiżlazzjoni amministrattiva li taffettwa lill-utenti tad-dejta (l-aktar lid-DĠs responsabbli mill-politika), lill-produtturi tad-dejta (l-NSIs), u lil dawk li jwieġbu għall-mistoqsijiet tal-istatistika (il-bdiewa). Għaldaqstant, l-effetti diretti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħha huma limitati. L-impatti rilevanti li għandhom jitqiesu:

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)?

Il-kostijiet diretti ewlenin għall-partijiet ikkonċernati jikkonċernaw l-adattament għas-sistemi tekniċi u tal-istatistika l-ġodda. Fuq terminu medju sa twil, dawn l-azzjonijiet mistennija jwasslu għal piż kemxejn inqas u għal iffrankar tal-kostijiet bi stħarriġ ta’ inqas minn kważi waħda minn kull ħames azjendi agrikoli (li jirrappreżenta madwar EUR 56 miljun f’iffrankar mit-total stmat ta’ kostijiet ta’ EUR 320 miljun għaċ-ċensiment agrikolu tal-2010, b’kostijiet ta’ adattament fuq terminu qasir ta’ madwar EUR 26 miljun). Il-kostijiet tal-istatistika jridu jitqiesu wkoll fid-dawl tal-kost involut jekk ma jkunx hemm statistika jew jekk ikun hemm biss statistika ta’ kwalità baxxa. It-tielet u r-raba’ għażla huma għalhekk irħas mit-tieni għażla li biha jitkompla l-istatus quo. L-ewwel għażla hija x'aktarx irħas mit-tieni għażla iżda tirrappreżenta rigress meta titqabbel mal-istatus quo.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-biċċa l-kbira tal-azjendi agrikoli fl-UE huma żgħar ħafna. Id-dejta dwar dawn l-azjendi agrikoli hija meħtieġa għat-tfassil tal-politika agrikola, għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ u għall-iżvilupp rurali. Għalhekk, dawn l-azjendi agrikoli ma jistgħux ikunu eżentati mill-istħarriġ. Iżda l-inizjattiva għandha l-għan li tnaqqas dan il-piż bl-applikazzjoni ta’ limiti massimi xierqa, kampjuni immirati, eċċ.; u se jintużaw żviluppi teknoloġiċi u sorsi ġodda ta’ dejta skont il-prinċipju “iġbor darba, uża bosta drabi”.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-ġbir nazzjonali ta’ dejta statistika dwar l-agrikoltura mistennija tissokta b’mod komparabbli ma’ dak tal-lum u jinħtieġ ukoll li l-ispejjeż nazzjonali jilħqu livell simili għal dak attwali. Ladarba jitwettqu b’mod sħiħ, l-azzjonijiet ta’ tnaqqis tal-piż u tal-kostijiet kif ukoll it-tnaqqis mistenni fl-għadd ta’ azjendi agrikoli (skont ix-xejriet osservati) jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-kostijiet. B’mod ġenerali, l-istatistika hija servizz pubbliku pjuttost irħis li jittaffa malajr bil-ħafna użi importanti u versatili tiegħu.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

L-istatistika agrikola jista’ jkollha impatti indiretti sinifikanti fuq oqsma bħas-sigurtà alimentari, it-tibdil fil-klima, it-turiżmu u l-politika barranija tal-UE għaliex tippermetti t-tfassil aħjar ta’ politika bbażata fuq l-evidenza u l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ibbażati fuq dejta ta’ kwalità għolja kumparabbli bejn il-pajjiżi. Iżda dawn l-impatti huma diffiċli li jiġu previsti u mkejla. L-impatti diretti tal-leġiżlazzjoni statistika huma baxxi.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Din il-politika se tiġi rieżaminata b’valutazzjoniijiet annwali tal-konformità, bi skambji kontinwi mal-partijiet ikkonċernati u b’rapporti ta’ monitoraġġ triennali bbażati fuq diversi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. It-tieni rapport ta’ monitoraġġ triennali se jiġi sostitwit b’evalwazzjoni retrospettiva.