Brussell, 1.12.2016

SWD(2016) 393 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Kunsll

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi

{COM(2016) 758 final}
{SWD(2016) 392 final}


Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt fuq ir-rati tal-VAT applikati fuq il-kotba, il-gazzetti u l-perjodiċi

A. Hemm bżonn ta’ azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (id-Direttiva dwar il-VAT) teskludi b’mod espliċitu s-servizzi pprovduti elettronikament, fost dawn il-kotba, il-gazzetti u l-perjodiċi pprovduti elettronikament (“il-pubblikazzjonijiet-e”), mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-rati tal-VAT imnaqqsin, filwaqt li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata tal-VAT imnaqqsa għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi li jkollhom kwalunkwe mezz ta’ appoġġ fiżiku.

Dan iwassal għal sitwazzjoni fejn l-Istati Membri għandhom il-fakultà li japplikaw rati mnaqqsa ta’ VAT, jew anki rati aktar baxxi minn 5% (rati mnaqqsin ħafna u rati żero), fuq ċerti pubblikazzjonijiet stampati, filwaqt li jkollhom japplikaw ir-rata ta’ VAT standard għall-pubblikazzjonijiet-e. Dan jirriżulta fi trattament ħafna inqas favorevoli tal-pubblikazzjonijiet-e meta mqabbel mat-trattament tal-pubblikazzjonijiet stampati. Barra minn hekk, minħabba t-tħaddim ta’ għadd ta’ derogi għad-Direttiva dwar il-VAT, minn 28 Stat Membru, 10 biss jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsin ħafna u r-rati żero fuq ċerti pubblikazzjonijiet stampati, filwaqt li l-Istati Membri l-oħrajn ma għandhomx din il-fakultà.

In-nuqqas ta’ trattament ugwali bejn il-formati jifforma parti integrali tad-Direttiva dwar il-VAT u ma jippermettix li l-Istati Membri jbaxxu r-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e.

X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva?

L-għan speċifiku ta’ din l-inizjattiva huwa li tagħti l-fakultà lill-Istati Membri li jallinjaw ir-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e mar-rati tal-VAT li japplikaw attwalment għall-pubblikazzjonijiet stampati.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE? 

L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkonformaw mad-Direttiva dwar il-VAT, u hija d-Direttiva dwar il-VAT li ma tippermettilhomx li jagħtu l-istess rati ta’ VAT lill-pubblikazzjonijiet-e li attwalment japplikaw għall-pubblikazzjonijiet stampati. Dan ġie kkonfermat mill-QtĠ-UE fis-sentenzi C-479/13 u C-502/13 tagħha tal-5 ta’ Marzu 2015. Il-Qorti ddikjarat biċ-ċar li l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw rata tal-VAT imnaqqsa għall-kotba-e skont id-Direttiva dwar il-VAT attwali, u għaldaqstant interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT waħedha, jew inizjattivi ta’ liġi mhux vinkolanti ma jistgħux jirmedjaw is-sitwazzjoni. B’hekk, biex din il-problema tiġi megħluba hija indispensabbli inizjattiva leġiżlattiva fil-livell tal-UE li temenda d-Direttiva dwar il-VAT.

B. Soluzzjonijiet

Liema huma l-alternattivi leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi li ġew ikkunsidrati? Teżisti xi għażla preferuta, jew le? Għaliex?

Ġew ikkonsidrati żewġ alternattivi ta’ politika. Kif inhu spjegat fit-taqsima preċedenti, l-alternattivi ta’ politika mhux leġiżlattivi mhumiex effettivi, għalhekk kull alternattiva teħtieġ bidla fid-Direttiva dwar il-VAT.

L-Alternattiva 1 tippermetti lill-Istati Membri japplikaw rati mnaqqsa għall-pubblikazzjonijiet-e u tagħti l-fakultà lil 19 mit-28 Stat Membru jallinjaw ir-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet. Skont l-alternattiva 2, li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw rati mnaqqsin ħafna u rati żero għall-pubblikazzjonijiet-e wkoll, it-28 Stat Membru li huma, kollha jkunu jistgħu jallinjaw ir-rati tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet. It-tieni alternattiva li ntgħażlet għandha l-vantaġġ miżjud li taqbel perfettament mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, jiġifieri li d-derogi (rati mnaqqsin ħafna u rati żero) li fil-preżent huma disponibbli biss għal għadd żgħir ta’ Stati Membri, jingħataw lill-Istati Membri kollha b’reġim ta’ VAT definittiv.

Min jaqbel ma’ alternattiva, u min jaqbel mal-oħra?

Ir-rispondenti tal-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa kważi b’mod unanimu kienu favur li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li japplikaw rati tal-VAT imnaqqsa għall-pubblikazzjonijiet-e, li tingħata miż-żewġ alternattivi li huma. 40% biss tar-rispondenti qablu li l-Istati Membri kollha jingħataw il-fakultà li japplikaw rati mnaqqsin ħafna jew rati żero għall-pubblikazzjonijiet kollha, iżda xorta waħda din kienet l-alternattiva ppreferuta, b’mod partikolari mill-partijiet ikkonċernati fl-industrija tal-istampar u tal-pubblikazzjoni (66%).

C. L-impatti tal-alternattiva ppreferuta

X’inhuma l-vantaġġi tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella, x’inhuma l-vantaġġi ewlenin)?.............................................

L-alternattiva li ntgħażlet jirnexxilha tneħħi r-restrizzjonijiet li m’għadhomx ġustifikabbli skont it-tassazzjoni bbażata fuq id-destinazzjoni (it-tassazzjoni imposta mill-pajjiż fejn jgħix il-klijent) minn fuq l-Istati Membri, u tippermettilhom jallinjaw ir-rati tal-VAT tal-pubblikazzjonijiet kollha, ikun x’ikun il-format tagħhom.

X’inhuma l-ispejjeż involuti fl-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella, x’inhuma l-ispejjeż ewlenin)?

Jekk l-Istati Membri jnaqqsu r-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e, id-dħul mill-VAT se jonqos. Kieku l-Istati Membri kollha kellhom japplikaw l-istess rati għal dawn li attwalment japplikaw għall-pubblikazzjonijiet stampati, it-telf tad-dħul mill-VAT skont l-alternattiva li ntgħażlet jammonta għal massimu ta’ 4.7 biljun euro fis-sena.

Ma hemm ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-UE.

Kif se jiġu affettwati n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

B’rati tal-VAT iktar baxxi, in-negozji fl-industrija tal-pubblikazzjoni, li 99% minnhom huma SMEs, ikollhom iktar profitti. Jekk ikun hemm xi ftit pubblikazzjonijiet stampati li jiġu sostitwiti minn pubblikazzjonijiet elettroniċi x’aktarx li jkun hemm xi ftit pressjoni fuq is-settur tal-istampar u fuq dak tal-bejgħ bl-imnut (mhux diġitali), iżda dawn iż-żewġ setturi diġà ilhom jistabbilixxu l-istrateġiji biex jilqgħu l-isfidi li jippreżentawlhom il-pubblikazzjonijiet-e.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Kif jidher hawn fuq, l-Istati Membri jkollhom tnaqqis ta’ dħul mill-VAT jekk jiddeċiedu li jallinjaw ir-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet-e ma’ dawk li hemm attwalment fis-seħħ fuq il-pubblikazzjonijiet stampati. Madankollu, l-alternattiva li ntgħażlet ma tobbligahomx ibiddlu r-rati tal-VAT. B’hekk ikunu l-Istati Membri li jiddeterminaw l-impatt fuq il-baġit, jew jistgħu wkoll jevitawh kompletament.

Se jkun hemm xi impatti sinifikanti oħrajn? 

L-implimentazzjoni ta’ kull waħda miż-żewġ alternattivi twassal għal żieda fil-kumplessità tas-sistema tal-VAT, speċjalment l-alternattiva li ntgħażlet, billi ma jkunx hemm daqshekk armonizzazzjoni tar-rati tal-VAT fil-livell tal-UE.

D. Segwitu

Meta se tiġi riveduta l-politika?

L-applikazzjoni korretta tad-Direttiva dwar il-VAT se tiġi ssorveljata, u fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT il-Kummissjoni ħabbret diġà li se jkun hemm proposta favur riforma ġenerali tar-rati tal-VAT għal tmiem l-2017.