Brussell, 28.9.2016

SWD(2016) 314 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Rapport dwar l-Analiżi tal-Politika ta' Kontroll tal-Esportazzjoni tal-UE

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi reġim għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija, l-assistenza teknika u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (tfassil mill-ġdid)

{COM(2016) 616 final}
{SWD(2016) 315 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-Analiżi tal-Politika ta' Kontroll tal-Esportazzjoni tal-UE

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

Is-sistema attwali ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE mhijiex kompletament adattata biex tibqa' aġġornata mar-riskji għas-sigurtà li qed jevolvu u ġodda tal-lum, l-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi mgħaġġlin kif ukoll it-trasformazzjonijiet fil-kummerċ u fil-proċessi ekonomiċi. Barra minn hekk, is-sistema attwali ma tqisx b'mod ċar il-kummerċ emerġenti fit-teknoloġija tas-sorveljanza ċibernetika u r-riskji li toħloq għas-sigurtà internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem. Minn perspettiva ekonomika, din is-sistema timponi piż amministrattiv kbir kemm fuq l-industrija kif ukoll fuq l-awtoritajiet, u xi kultant hija nieqsa miċ-ċarezza ġuridika. Barra minn hekk, id-diverġenzi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni bejn l-Istati Membri jirriżultaw f’implimentazzjoni asimmetrika u joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-Suq Uniku. Il-problema taffettwa firxa ta' atturi ekonomiċi f'diversi industriji, inklużi l-SMEs, filwaqt li l-aspetti tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem huma rilevanti għal kategoriji speċifiċi bħad-dissidenti jew l-attivisti f’pajjiżi terzi, kif ukoll il-popolazzjoni tal-UE kollha kemm hi.

X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva?

L-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-UE għandha l-għan li tappoġġja l-objettivi globali tal-politika tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 3 tat-TUE, jiġifieri “tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà, kif ukoll il-kummerċ liberu u ġust u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem”. L-objettivi speċifiċi ta’ politika huma: l-aġġustament għar-riskji u t-theddid fil-qasam tas-sigurtà li qed jevolvu; l-adattament għal żviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi mgħaġġlin; il-prevenzjoni tal-esportazzjoni ta’ teknoloġija għas-sorveljanza ċibernetika li tikser id-drittijiet tal-bniedem; it-tnaqqis tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-ispejjeż amministrattivi fis-Suq Uniku; il-ħolqien ta' ambjent b’kundizzjonijiet ekwi globali; u l-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-kontrolli fl-UE.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE?

Il-kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti b’użu doppju jiffurmaw parti mill-Politika Kummerċjali Komuni. Għaldaqstant, l-UE għandha d-dritt li taġixxi fuq il-bażi tal-kompetenza esklużiva skont l-Artikolu 207 tat-TFUE. L-objettivi jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ azzjoni tal-UE sabiex tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jaġixxu b’kollaborazzjoni mill-qrib u japplikaw il-kontrolli b’mod konsistenti. L-intervent tal-UE huwa meħtieġ ukoll biex isolvi d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-Suq Uniku, u jippromwovi d-djalogu mas-sħab kummerċjali ewlenin biex joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fil-livell globali. Barra minn hekk, l-azzjoni tal-UE hija meħtieġa biex tipproteġi d-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-għażliet ta’ analiżi identifikati jikkonformaw mal-prinċipji tal-proporzjonalità, fis-sens li huma limitati għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex?

Fid-dawl tal-inizjattivi previsti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2014)244, ġew identifikati ħames għażliet li jvarjaw minn xenarju bażi (l-ebda bidla fil-politika) għal bidla radikali u armonizzazzjoni sħiħa tas-sistema ta’ kontroll fuq l-esportazzjoni.

Saret analiżi bir-reqqa sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-għażliet differenti ta’ analiżi. L-Għażliet 2 (Implimentazzjoni u Appoġġ għall-Infurzar), 3 (Aġġornament tas-Sistema tal-UE) u 4 (Modernizzazzjoni tas-sistema tal-UE) tqabblu mal-Għażla 1 — il-linja bażi. Il-valutazzjoni kienet ibbażata fuq l-analiżi proprja u l-esperjenza prattika tas-servizzi tal-Kummissjoni stess, fuq id-dejta u l-kontribuzzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri, fuq il-konklużjonijiet ta’ studju estern tal-ġbir tad-dejta, u fuq ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati. L-Għażla 5 (Bidla Radikali tas-Sistema tal-UE), li tbiddel b’mod radikali l-approċċ tal-UE għall-kontrolli tal-esportazzjoni, kellha oppożizzjoni qawwija mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati u għaldaqstant ma ġietx ivvalutata ulterjorment.

Jidher li l-Għażla 3 hija l-aktar għażla effiċjenti u effettiva fid-dawl tal-kriterji ekonomiċi u ta’ sigurtà tal-impatt. Madankollu, jidher li l-Għażla 4 hija indispensabbli sabiex jinkiseb l-objettiv li jiġi evitat ksur tad-drittijiet tal-bniedem ikkawżat min-nuqqas ta’ kontrolli xierqa ta’ teknoloġija ta' sorveljanza ċibernetika. Għaldaqstant, l-"għażla preferuta" hija taħlita tal-Għażliet 3 u 4.

Min jappoġġa liema għażla?

L-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-industrija u s-soċjetà ċivili għarfu l-bżonn li s-sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni tiġi modernizzata kif ġie ppreżentat b'mod ġenerali fl-Għażliet 2 u 3, għalkemm il-pożizzjoni tagħhom taf tvarja rigward kwistjonijiet speċifiċi.

Il-Parlament Ewropew u s-soċjetà ċivili esprimew ruħhom favur azzjoni qawwija mill-UE biex tiġi kkontrollata l-esportazzjoni ta’ teknoloġija ta' sorveljanza ċibernetika (l-Għażla 4). Il-Kummissjoni u l-Kunsill irrikonoxxew il-bżonn ta’ azzjoni mill-UE f’dan ir-rigward.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk prinċipali)?

Billi ma hemm l-ebda statistika uffiċjali dwar il-produzzjoni u l-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju u d-dejta kwantitattiva rilevanti tirrigwarda, essenzjalment, il-valur u l-volum tal-liċenzjar, il-valutazzjoni tal-impatti relatata ma’ azzjonijiet speċifiċi kienet ibbażata prinċipalment fuq l-analiżi kwalitattiva.

L-Għażla 3 tiffoka fuq l-immodernizzar ta’ dispożizzjonijiet regolatorji eżistenti. Din tikkontribwixxi għal bosta objettivi speċifiċi u hija l-aktar waħda xierqa biex isir progress sinifikanti dwar l-objettivi ġenerali ħlief dik relatata mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Hija twassal għal tnaqqis fil-piż amministrattiv għall-esportaturi u għall-awtoritajiet, filwaqt li ssaħħaħ iċ-ċarezza tad-dispożizzjonijiet legali ewlenin. Din l-Għażla żżid ukoll l-effettività u l-konsistenza tal-kontrolli fl-UE kollha u b’hekk issaħħaħ is-sigurtà, u tippromwovi kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni mal-kompetituri b'mod globali.

L-Għażla 4 tindirizza l-proliferazzjoni ta’ teknoloġiji ta' sorveljanza ċibernetika li l-użu ħażin tagħhom joħloq riskju għas-sigurtà internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem. Hija tipprovdi mekkaniżmi ta’ kontroll robusti u flessibbli ta’ dawn it-teknoloġiji u tista’ tkun mistennija li tħalli impatt pożittiv sinifikanti fuq is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem.

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, jew inkella dawk ewlenin)?

L-Għażla 3 tinvolvi kostijiet amministrattivi tranżitorji addizzjonali għall-awtoritajiet tal-Istati Membri fuq terminu qasir, li, madankollu, għandhom jiġu rkuprati permezz ta’ titjib fl-effiċjenza u tnaqqis ta’ kostijiet amministrattivi ladarba d-dispożizzjonijiet ġodda jitpoġġew fil-prattika. Għall-operaturi, l-Għażla 3 għandha tirriżulta fi tnaqqis tal-kostijiet amministrattivi.

L-Għażla 4 tista’ tirriżulta f’piż amministrattiv akbar għall-operaturi u l-awtoritajiet, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, billi jiżdied livell ġdid ta’ kontroll. Tista’ wkoll tagħti lok għal distorsjonijiet ġodda fil-kompetizzjoni fil-livell globali, billi ma jistax ikun żgurat li fornituri ewlenin ta’ teknoloġija oħra (pereżempju ċ-Ċina u l-Istati Uniti) jintroduċu kontrolli simili. Madankollu, sa fejn l-Għażla 4 tiffoka fuq teknoloġiji speċifiċi ħafna, l-impatt ekonomiku negattiv jiġi limitat għal industrija speċjalizzata b'volum tan-negozju żgħir.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju jikkonċernaw varjetà ta’ ditti f'setturi differenti, inklużi l-esportaturi u l-produtturi, fost l-oħrajn, fl-industriji tal-enerġija, tal-ajruspazju, tad-difiża u s-sigurtà, tat-trasport u n-navigazzjoni, tat-telekomunikazzjonijiet, dawk kimiċi, elettroniċi, semikondutturi u tal-kompjuter. Għadd ta’ SMEs huma attivi f’dan is-settur. Bħala eżempju, fl-industrija tad-difiża (li tipproduċi wkoll oġġetti b’użu doppju), fl-2012, ditti b’inqas minn 10 impjegati rrappreżentaw 76,7 % tal-għadd totali tad-ditti.

 

Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika jaqblu li analiżi tal-politika ta’ kontroll tal-esportazzjoni “x’aktarx tiffaċilita l-esportazzjonijiet ta' oġġetti b’użu doppju mill-SMEs. Huwa importanti li l-partijiet ikkonċernati tal-industrija se jiġu affettwati minn tibdil fil-kontrolli fuq l-esportazzjoni biss sa fejn japplikaw għat-tip ta’ oġġetti b’użu doppju li jinnegozjaw.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

L-Għażla 3 hija mistennija li tirriżulta fi tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-awtoritajiet li joħorġu l-liċenzji tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta’ kontrolli tal-esportazzjoni fuq teknoloġija ta' sorveljanza ċibernetika skont l-Għażla 4 teħtieġ riżorsi amministrattivi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

Huwa mistenni li jkun hemm impatt pożittiv f’termini ta’ prevenzjoni ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, tnaqqis tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-Suq Uniku, kundizzjonijiet ekwi globali u sigurtà.

D. Segwitu

Meta se tiġi analizzata l-politika?

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni se jsir b'kooperazzjoni mal-Istati Membri. Ir-rappurtar annwali u l-ġbir tad-dejta se jipprovdu bażi għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u tant biex jinfurmaw lill-Parlament u lill-Kunsill.

Il-Kummissjoni se timpenja ruħha li tevalwa din l-inizjattiva ġdida fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tagħha sabiex jiġi vvalutat l-impatt reali u tiġi evalwata l-effiċjenza u l-effettività tagħha.