Brussell, 7.9.2016

SWD(2016) 287 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill


li jemenda r-Regolament (UE) Nru 99/2013 dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013-2017, billi jestendih għall-2018-2020

{COM(2016) 557 final}
{SWD(2016) 288 final}


Skeda tas-sommarju eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (UE) Nru 99/2013 dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013-2017, billi jestendih għall-2018-2020

A. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għalfejn? X’inhi l-problema li qiegħda tiġi indirizzata?

Jeżisti livell għoli ta’ domanda għal statistika uffiċjali Ewropea, għaliex hija prodotta u disseminata skont prinċipji speċifiċi u għalhekk għandha “valur miżjud” għall-utent, meta mqabbla ma’ sorsi oħra ta’ informazzjoni. Numru ta’ lakuni fl-istatistika jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex l-istatistika tkun kapaċi tappoġġja l-politiki tal-UE. Il-puntwalità ta’ xi statistika teħtieġ titjib b’mod urġenti, sabiex tkun tista’ tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew. Il-ħtiġijiet għall-istatistika li jirriżultaw mill-10 prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni u mill-kumplessità dejjem tiżdied tas-soċjetajiet qed iqajmu dubju dwar ir-rilevanza tal-istatistika Ewropea kurrenti.

Minkejja li s-sistemi nazzjonali tal-istatistika għamlu sforz sinifikanti biex jimmodernizzaw il-metodi tal-produzzjoni tagħhom bl-appoġġ tal-Programm Ewropew tal-Istatistika (ESP) tal-2013-2017, l-infrastruttura tal-istatistika kurrenti għadha mhix flessibbli biżżejjed biex twassal statistika ġdida meta meħtieġa, filwaqt li tillimita l-ispiża assoċjata u l-piż amministrattiv ukoll. Sakemm ma jiżdiedx il-livell kurrenti ta’ investiment, is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) mhux se tkun f’pożizzjoni li tissodisfa d-domanda dejjem tikber għall-istatistika jew il-ħtieġa li din issir disponibbli aktar malajr.

Il-partijiet li se jkunu affettwati bl-aktar mod dirett mill-proposta huma l-utenti tal-istatistika (eż. dawk li jfasslu l-politika, il-midja u r-riċerkaturi), il-produtturi tal-istatistika (l-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs) u l-awtoritajiet nazzjonali oħra (ONAs)) u dawk li jwieġbu (familji u negozji).

X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva?

Din l-inizjattiva hija ddisinjata biex tistabbilixxi l-qafas leġiżlattiv għall-ESP tul il-perjodu kollu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u tipprovdi l-appoġġ finanzjarju li l-ESS teħtieġ sabiex tkun kapaċi:

tipprovdi informazzjoni statistika ta’ kwalità għolja u tagħlaq il-lakuni fl-istatistika li jeħtieġ li jiġu indirizzati bl-aktar mod urġenti, billi tiffoka fuq numru ta’ oqsma prijoritarji li jirriflettu l-10 prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni;

tibni l-kapaċità permanenti meħtieġa biex twieġeb aktar malajr għall-ħtiġijiet emerġenti u tadatta l-infrastruttura tal-istatistika sabiex tisfrutta l-potenzjal ta’ sorsi ta’ data ġodda; u

ssaħħaħ is-sħubija fl-ESS u lil hinn minnha sabiex tkompli żżid il-produttività tagħha u tiżgura r-rwol ta’ tmexxija tagħha fl-istatistika uffiċjali madwar id-dinja kollha.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Id-disinn, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki tal-UE jiddependu fuq evidenza statistika imparzjali, affidabbli u rilevanti li tista’ tiġi pprovduta biss permezz tal-ESP. Huwa biss permezz ta’ approċċ koordinat għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ statistika Ewropea, kif previst fl-ESP, li l-konsistenza u l-komparabbiltà meħtieġa tal-istatistika rilevanti għall-oqsma tal-attività tal-UE jistgħu jiġu ggarantiti. L-azzjoni fil-livell tal-UE, kif proposta, tikkontribwixxi wkoll għal użu effettiv tar-riżorsi (minħabba l-ekonomiji ta’ skala) u tappoġġja l-awtoritajiet nazzjonali fl-iżvilupp tal-kapaċità tagħhom, f’termini, pereżempju, ta’ armonizzazzjoni u metodoloġiji.

B. Is-soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għalfejn?

Skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea, it-tul ta’ żmien tal-ESP għandu jikkorrispondi għal dak tal-QFP (attwalment 2014-2020). L-ESP għandu jiskadi fl-2017 u għalhekk hija meħtieġa estensjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt ma teżaminax jekk għandux jiġi estiż l-ESP, imma kif l-aħjar li dan isir. Ġew ikkunsidrati l-alternattivi li ġejjin:

1.Linja bażi — l-ESP kurrenti (2013-2017) jiġi estiż għal tliet snin oħra (2018-2020);

2.Estensjoni tal-ESP attwali b’adattamenti:

2a: Emendi għall-ESP attwali u baġit annwali mnaqqas;

2b: Programm emendat, inklużi riżultati mtejba tal-istatistika f’konformità mal-10 prijoritajiet politiċi, ibbilanċjati minn prijoritizzazzjoni mill-ġdid b’saħħitha (bl-istess baġit annwali);

2c: Programm emendat li jinkludi riżultati ġodda tal-istatistika f’konformità mal-10 prijoritajiet politiċi, ikkomplementat minn investiment fl-infrastruttura tal-istatistika u sorsi ġodda ta’ statistika (b’baġit miżjud);

1.Żewġ programmi separati.

L-għażla 2c irriżultat bħala l-għażla ta’ politika ppreferuta, għaliex toffri l-aħjar opportunità biex jinkisbu l-objettivi t’hawn fuq, meta jitqiesu r-rekwiżiti, l-obbligi u l-limiti kollha.

Liema għażla u min jappoġġaha?

Fuq in-naħa tal-produtturi, il-Kumitat tal-ESS stieden b’mod ripetut tkattir fl-investiment. Il-Kumitat Konsultattiv Ewropew tal-Istatistika, bħala l-forum li jirrappreżenta lill-utenti tal-istatistika, dawk li jwieġbu, is-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-komunità xjentifika, enfasizza l-ħtieġa ta’ finanzjament xieraq, minħabba li l-ħolqien tal-kapaċità tal-produzzjoni ta’ statistika u indikaturi ġodda se tkun teħtieġ investiment addizzjonali. Il-Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza tal-Istatistika qajjem tħassib ukoll dwar l-investiment insuffiċjenti, li jħoss li qed ifixkel il-kapaċità tal-ESS li tieħu vantaġġ mir-rivoluzzjoni fid-data. Il-partijiet rilevanti kemm min-naħa tal-utenti kif ukoll tal-produtturi għalhekk jappoġġjaw miżuri ġodda li jtejbu l-istatistika uffiċjali, kif stabbilit skont l-għażla 2c.

C. L-impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji  tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-għażla 2c se jkollha l-akbar impatt minħabba li se tkun kapaċi tipproduċi data aktar malajr, li hija essenzjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fundamentali tal-utenti. Din tinkludi miżuri ġodda biex jingħalqu l-lakuni li fadal fid-data u biex titjieb il-puntwalità f’oqsma ewlenin bħall-istatistika dwar l-enerġija. Barra minn hekk, l-utenti jibbenefikaw mill-isfruttament aħjar tal-“big data”.

-    Il-komparabbiltà tal-istatistika fil-livell Ewropew hija mistennija tiżdied f’oqsma li se jiġu koperti għall-ewwel darba mill-ESP.

-    Se jkun possibbli li tiġi mmodernizzata aktar l-ESS u li jsir użu akbar minn sorsi ġodda (eż. “big data”).

-    Il-piż tar-rispons huwa mistenni jonqos minħabba użu aħjar tad-data amministrattiva u ta’ sorsi ġodda.

-    Billi l-leġiżlazzjoni dwar l-istatistika taffettwa primarjament lill-utenti tad-data, lill-produtturi tad-data u lil dawk li jwieġbu għall-istħarriġ, l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali diretti tagħha huma limitati ħafna.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm)? 

Il-baġit attwalment allokat għall-ESP (madwar EUR 60 miljun fis-sena) huwa relattivament żgħir meta mqabbel mal-baġit totali tal-UE u ż-żieda proposta tkun fil-limiti tal-limitazzjonijiet baġitarji globali eżistenti. L-ispejjeż tal-produzzjoni tal-istatistika għandhom jitqiesu wkoll fid-dawl tal-ispiża involuta jekk ma jkunx hemm statistika, jew li jkun hemm biss statistika ta’ kwalità insuffiċjenti. L-ispejjeż diretti prinċipali tal-għażla 2c jirrigwardjaw l-aktar il-kofinanzjament mill-UE ta’ għotjiet għall-azzjonijiet statistiċi tal-NSIs, imma għandhom jitqiesu bħala investiment. Dawn huma mistennija jħallsu l-prezz tagħhom stess, grazzi għall-iffrankar li jsir b’riżultat ta’ tnaqqis fil-piż amministrattiv u metodi tal-produzzjoni tad-data aktar effettivi u effiċjenti.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-miżuri stabbiliti fil-programm propost (bħall-organizzazzjoni mill-ġdid tal-produzzjoni tal-istatistika u l-użu aħjar tad-data amministrattiva u tal-“big data”) għandhom iwasslu għal simplifikazzjoni tal-proċeduri u tnaqqis fil-piż amministrattiv, biex b’hekk jibbenefikaw in-negozji u l-individwi.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

L-inizjattiva se jkollha impatt fuq l-NSIs u l-ONAs. L-ESP se jippermetti l-investiment fi proġetti mnedija b’reazzjoni għal sfidi ġodda ffaċċjati mill-istatistika Ewropea (eż. l-implimentazzjoni tal-Viżjoni 2020 tal-ESS, it-tisħiħ tal-infrastruttura Ewropea tal-istatistika u l-użu aħjar tal-“big data” u l-infrastruttura komuni). Hekk kif il-finanzjament tal-UE jiġi pprovdut fuq il-bażi ta’ kofinanzjament, baġit ogħla għall-ESP fil-livell tal-UE jimplika wkoll spejjeż baġitarji ogħla għall-NSIs. Il-proġetti tal-iżvilupp spiss ikunu jeħtieġu wkoll speċjalizzazzjoni bi kwalifiki għoljin.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

L-inizjattiva se tappoġġja l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-bini tal-kapaċità f’pajjiżi mhux tal-UE, bil-għan li tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data ta’ kwalità tajba. Dan imbagħad se jippermetti lill-UE timmonitorja r-riżultati tat-tkabbir u l-politiki Ewropej tal-viċinat u tkejjel il-konformità tal-pajjiżi kandidati (potenzjali) mal-istandards tal-UE fil-qasam tal-istatistika.

D. Is-segwitu

Meta se terġa’ tiġi eżaminata l-politika?

L-evalwazzjoni finali tal-programm hija skedata għall-2021.