Strasburgu, 7.6.2016

SWD(2016) 194 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-kundizzjoni għal dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiż terz għal fini ta' impjieg b'ħiliet għolja

{COM(2016) 378 final}
{SWD(2016) 193 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt mehmuża mal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill Riveduta 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin ("il-Karta Blu tal-UE")

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għalfejn? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata u għaliex hija problema fil-livell tal-UE?

L-UE qed tiffaċċja nuqqas ta’ kompetenzi u disparitajiet strutturali f’ċerti setturi ewlenin (eż. ICT, l-inġinerija, il-kura tas-saħħa) li ta’ spiss jeħtieġu livell għoli ta’ kompetenzi. L-UE se tiffaċċja wkoll sfidi demografiċi fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, b’popolazzjoni li qed tixjieħ b’ritmu mgħaġġel, forza tax-xogħol li iktar ma jmur iktar qed tonqos u żieda fil-proporzjon tad-dipendenza tal-età avvanzata. Dan ifixkel it-tkabbir, il-kapaċità għall-innovazzjoni u l-kompetittività tal-UE meta tikkompeti ma’ ekonomiji ewlenin oħra biex tattira t-talent: bħalissa 48 % ta’ migranti mhux Ewropej b’livell baxx ta’ edukazzjoni jagħżlu destinazzjoni Ewropea filwaqt li 68 % minn dawk b'livell għoli ta' edukazzjoni jippreferu destinazzjoni mhux Ewropea tal-OECD.

Fl-2009, id-Direttiva tal-“Karta Blu tal-UE” (KB) ġiet adottata sabiex tagħmel l-UE destinazzjoni aktar attraenti għal ħaddiema barranin b’ħiliet għolja u ssaħħaħ l-ekonomija tal-għarfien tagħha. Madankollu, l-UE tkompli tonqos milli tattira u żżomm numri suffiċjenti ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja 1 taħt iż-żewġ skemi nazzjonali u l-KB madwar l-Istati Membri 2 meta mqabbel mal-livell internazzjonali 3 . Il-problemi prinċipali jinkludu:

- in-nuqqasijiet strutturali tal-KB: kundizzjonijiet restrittivi (eż. dħul għoli minimu tas-salarju), mobbiltà intra-UE limitata u livell baxx ta’ armonizzazzjoni (l-Istati Membri għandhom flessibbiltà dwar l-aspetti ċentrali) li jwasslu għal "kummerċjalizzazzjoni" fqira;

- defiċit strutturali ta’ skemi nazzjonali paralleli għal ħaddiema b’ħiliet għolja: filwaqt li jistgħu jkunu aktar adattati għall-ispeċifiċitajiet tas-swieq nazzjonali tax-xogħol, varjazzjonijiet sinifikanti madwar l-Istati Membri juru li ftit biss jistgħu jitqiesu li huma relattivament ta’ suċċess filwaqt li min-natura tagħhom ma jistgħux joffru mobbiltà intra-UE, identifikata bħala element importanti ta’ attrazzjoni, u dan iwassal għal (ri)allokazzjoni ineffiċjenti tal-forza tax-xogħol madwar l-UE.

Dan jirriżulta f'settijiet ta’ regoli u proċeduri applikabbli differenti u paralleli għad-dħul ta’ ħaddiema b’ħiliet għolja fl-UE, li jwasslu għal sistema kumplessa u ineffiċjenti tal-immigrazzjoni għall-UE li tonqos milli tkun tista’ tirrispondi effettivament u minnufih għal talbiet dejjem jikbru għal ħaddiema b’ħiliet għolja u b'hekk tikkumpensa n-nuqqas ta’ xogħol u ħiliet. Barra minn hekk, l-UE ma ddaħħalx ċittadini ta’ pajjiżi terzi 4 oħra b’talent u ħiliet għolja. Madankollu, bosta fatturi li jaffettwaw l-attraenza tal-UE għal ħaddiema b’ħiliet għolja jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-politika dwar il-migrazzjoni, inklużi l-istandards tal-għajxien, l-opportunitajiet tal-karriera, is-sigurtà soċjali u s-sistemi fiskali, il-lingwi, il-livell tal-pagi eċċ.

X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva?

L-objettivi ġenerali huma li: (1) jiġu attirati u miżmuma ċittadini minn pajjiżi terzi b'ħiliet għolja sabiex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kompettittività tal-UE u l-indirizzar tal-konsegwenzi ta' tixjiħ demografiku, u (2) jiġu kkumpensati nuqqasijiet ta' ħila permezz ta' (ri)allokazzjoni aħjar tal-forza ta' xogħol permezz ta' flussi miżjuda, mobbiltà okkupazzjonali u intra-UE.

L-għanijiet speċifiċi huma: (1) il-ħolqien ta’ sistema ta' immigrazzjoni tal-UE li taħdem tajjeb għal ċittadini ta' pajjiżi terzi b'ħiliet għolja, (2), iż-żieda tan-numru ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi b’ħiliet għolja li jiddaħħlu abbażi tad-domanda, (3) is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tad-dħul ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi b'ħiliet għolja, (4) il-promozzjoni tal-integrazzjoni ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi b'ħiliet għolja u l-familji tagħhom b’kundizzjonijiet favorevoli għar-residenza u d-drittijiet, (5) it-titjib tal-possibilitajiet ta’ mobbiltà intra-UE, u (6) l-iżvilupp tal-marka tal-KB u l-attrazzjoni tal-UE bħala destinazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi b'ħiliet għoljin.

X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)?

Bħalissa, l-Istati Membri tal-UE jaġixxu bħala atturi individwali fl-attrazzjoni ta’ ħaddiema barranin b’ħiliet għolja u n-numri ta’ permessi maħruġa għal ħaddiema b’ħiliet għolja huma baxxi. Il-valur miżjud għall-UE ta’ Karta Blu li tiffunzjona tajjeb huwa li tipprovdi skema waħda, trasparenti, flessibbli u simplifikata għal ħaddiema b’ħiliet għolja, li tista’ tikkompeti aħjar ma' skemi ta’ pajjiżi tradizzjonalment magħrufa għall-immigrazzjoni, bħall-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja, billi tiġbor flimkien l-isforzi kollha, toffri drittijiet ta’ mobbiltà intra-UE, tagħmel użu mis-suq usa’ tal-ħaddiema, u tikkummerċjalizza l-UE globalment b’marka tal-UE attraenti u ċara.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet varji biex jinkisbu l-objettivi? Hemm xi għażla preferuta jew le? Jekk le, għaliex?

Ġew ivvalutati Tliet Pakketti ta’ Għażliet ta’ Politika (POPs):

- POP1: skema tassew inklussiva li testendi l-KB b'mod sinifikanti, ukoll lil xi ħaddiema b’ħiliet medji, bl-introduzzjoni ta’ salarju u kwalifiki bħala kundizzjonijiet alternattivi, bi ftit drittijiet addizzjonali;

- POP2: skema li tibdel il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tad-dħlu u tiffoka fuq ħaddiema b'ħiliet għoljin bi tliet sottoalternattivi: (a) skema iktar inklussiva, flessibbli u adattabbli għal grupp usa’ ta' ħaddiema b'ħiliet għoljin li tiffaċilita l-proċeduri u tagħti iktar drittijiet u mobbiltà intra-UE, (b) skema aktar selettiva għall-aħjar ħaddiema b'ħiliet għoljin li tagħti anki iktar drittijiet u mobbiltà, u (c) skema fuq żewġ livelli li tikkombina (a) u (b).

- POP3: KB standard selettiv madwar l-UE kollha b’limitu ta' salarju (għoli) uniformi u faċilitazzjoni u drittijiet estensivi, inkluża mobbiltà sħiħa.

Barra minn hekk, tliet alternattivi ta’ politika orizzontali (PO) ġew ivvalutati, bħala kumplimentari jew indipendenti:

- PO-A: azzjoni mhux leġiżlattiva (kooperazzjoni aktar b’saħħitha, promozzjoni aħjar, rikonoxximent tal-kwalifiki aktar rapidu, eċċ.);

- PO-B: estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni lil imprendituri innovattivi;

- PO-C: estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni għall-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali u dawk li jfittxu l-asil b'ħiliet għolja.

L-alternattiva ppreferuta hija POP2 (subalternattiva a) flimkien ma’ PO-A. Barra minn hekk, PO-C ġiet identifikata bħala fattibbli b’impatt pożittiv limitat, u tħalliet għal kunsiderazzjoni politika.

X’inhuma l-fehmiet tal-partijiet interessati differenti? Min jappoġġa liema għażla?

Il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati ekonomiċi jqisu li l-istatus quo mhuwiex sodisfaċenti u li miżuri mhux leġiżlattivi huma insuffiċjenti. Aktar flessibbiltà fil-kundizzjonijiet ta’ dħul u proċeduri aktar rapidi, aktar armonizzazzjoni u l-mobbiltà intra-UE msaħħa huma ġeneralment meqjusa b’mod favorevoli minn atturi ekonomiċi. Min-naħa l-oħra, il-biċċa l-kbira tal-atturi governattivi (gvernijiet u amministrazzjonijiet tal-Istati Membri b’mod partikolari) ma jikkunsidrawx reviżjoni tal-KB bħala mixtieqa u jippreferu jżommu skemi nazzjonali paralleli. Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-bidliet, il-fehmiet huma maqsuma, b’mod partikolari fir-rigward tal-estensjoni għal ħaddiema b’ħiliet medji, kif ukoll għal kategoriji oħra ta’ migranti. Anki dawk favur regoli fl-UE kollha dwar l-intraprenditorija jew fornituri tas-servizzi ġeneralment iqisu li strument immirat separat ikun aktar xieraq. Il-fehmiet tal-partijiet interessati huma maqsuma fir-rigward ta’ estensjoni għall-kategoriji ta’ migranti li jkunu applikaw għal, jew irċevew, protezzjoni internazzjonali.

Ċ. L-impatti tal-alternattiva preferuta

X'inhuma l-benefiċċji tal-alternattiva preferuta (jekk hemm, inkella dawk prinċipali)?

L-alternattiva preferuta għandha impatt ekonomiku pożittiv, peress li disponibbiltà akbar ta’ ħaddiema b'ħiliet għoljin fl-UE jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-kompetittività, u hija ferm adattata sabiex tindirizza nuqqasijiet ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet u ż-żamma ta’ talent żagħżugħ (limitu ta' salarju inqas għal xogħlijiet b'nuqqas ta' ħaddiema u gradwati riċenti).

Għandha potenzjal qawwi sabiex iżżid l-għadd ta’ ħaddiema b'ħiliet għoljin u l-mobbiltà okkupazzjoniali u intra-UE tagħhom u tippermetti reazzjoni aktar rapida u faċli meta n-nuqqasijiet ta’ ħiliet u opportunitajiet aħjar jinħolqu x’imkien ieħor. Il-kompromess meħtieġ bejn kundizzjonijiet flessibbli ta’ dħul u drittijiet estensivi hija bbilanċjata sew fl-alternattiva preferuta. Tikkombina livell għoli ta’ inklużjoni, flessibbiltà sostanzjali sabiex l-Istati Membri jadattawha għas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom, u l-potenzjal ta' sostituzzjoni għolja għal skemi nazzjonali paralleli, b’aktar faċilitazzjoni ta' proċeduri, livell ogħla ta’ drittijiet, faċilitazzjoni ulterjuri ta’ mobbiltà intra-UE u livell għoli ta’ armonizzazzjoni.

Il-benefiċċji jkunu mifruxa b’mod ugwali fl-Istati Membri kollha minħabba li l-iskema tippermetti għal adattament nazzjonali. L-impatti soċjali se jkunu pożittivi fil-biċċa l-kbira tagħhom, hekk kif iċ-ċittadini tal-UE jibbenefikaw minn tkabbir ekonomiku globali, u potenzjal ta’ effett ta’ spustament huwa mistenni li jkun limitat ħafna, jew xejn affattu. Ħaddiema b'ħiliet għoljin li jaqgħu taħt l-iskema igawdu minn drittijiet aktar estensivi u pajjiżi terzi jibbenefikaw minn kisba tal-imħuħ, migrazzjoni ċirkolari u rimessi. L-azzjonijiet mhux leġiżlattivi ta’ PO-A se jkollhom biss effett limitat weħidhom, iżda, jekk kombinati, isaħħu l-impatt pożittiv ta' POP2(a) u l-iskema ssir aktar viżibbli għal ħaddiema b'ħiliet għoljin u għal min iħaddem, u b’hekk isaħħu l-marka tal-KB.

X'inhuma l-ispejjeż tal-alternattiva preferuta (jekk hemm, inkella dawk prinċipali)?

Se jkun hemm xi spejjeż amministrattivi inizjali għall-Istati Membri sabiex jintroduċu l-iskema l-ġdida u jissostitwixxu skemi nazzjonali paralleli. Ċertu riskju ta’ eżodu ta' mħuħ jeżisti għal pajjiżi terzi, iżda hemm u se jibqgħu hemm dispożizzjonijiet fil-KB sabiex inaqqsuh. L-effett tal-ispostament vis-à-vis ħaddiema domestiċi u tal-UE huwa mistenni li jkun limitat ħafna

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Permezz ta’ KB aktar attraenti u inklussiva, kumpaniji ta’ kull daqs u struttura se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn reklutaġġ aktar faċli ta’ ħaddiema b'ħiliet għoljin u minn aċċess għal ġabra ikbar ta’ ħaddiema b'ħiliet għoljin fl-UE. L-SMEs b’mod partikolari jibbenefikaw minn netwerk iktar inklussiv (limitu iktar baxx ta' salarju) u skema ta’ dħul aktar sempliċi, minħabba li għandhom riżorsi limitati x'jinvestu fi sforzi ta’ reklutaġġ. Sistema ta’ “impjegaturi rikonoxxuti” b’mod inerenti tista’ tiffavorixxi kumpaniji akbar, u għalhekk aġġustamenti speċifiċi favur l-SMEs huma meħtieġa sabiex jinżammu f'livelli raġonevoli l-kriterji ta’ dħul u l-ispejjeż. Il-possibbiltà ta' tranżizzjoni gradwali minn impjieg għall-intraprenditorija tippromwovi l-ħolqien ta’ negozji żgħar innovattivi.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?

Se jkun hemm spejjeż amministrattivi għall-Istati Membri, peress li skemi eżistenti possibbli se jiġu sostitwiti mill-KB, bi ħtieġa tal-għoti ta’ xi taħriġ u informazzjoni. Madankollu, dawn l-ispejjeż mistennija jkunu kkumpensati malajr mill-iskema aktar sempliċi li tista' tiġi amminstrata faċilment. Filwaqt li għadd akbar ta’ applikanti jżid l-ispejjeż amministrattivi kumplessivi, l-ispiża għal kull unità se tonqos minħabba ekonomiji ta' skala u titjib fl-effiċjenza minn sistema simplifikata. Barra minn hekk, dawn l-ispejjeż ikunu kkumpensati bil-kbir minn miżati u, indirettament, mill-benefiċċji ekonomiċi għas-soċjetà ospitanti u dħul mit-taxxi miżjud.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?

B’KB aktar inklussiva jkun hemm effett pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali, hekk kif aktar persuni jkunu inklużi fir-regoli vantaġġjużi għar-riunifikazzjoni tal-familja u l-iskema ta’ mobbiltà tal-KB.

Proporzjonalità?

L-alternattiva preferuta ma tqajjimx kwistjonijiet fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, billi tibni fuq l-iskema attwali, u ttejjeb il-kapaċità tagħha sabiex tattira t-talenti u ħaddiema b’ħiliet għolja. Issaħħaħ l-armonizzazzjoni filwaqt li tippermetti l-flessibbiltà meħtieġa għall-Istati Membri sabiex jadattawha għaċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-preferenzi politiċi.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tal-Karta Blu tal-UE, tliet snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni, u kull tliet snin minn hemm 'il quddiem.

(1) Il-fluss attwali totali ta' ħaddiema b’ħiliet għolja lejn l-UE25: 23 419 fl-2012, 34 904 fl-2013 u 38 774 fl-2014.
(2) Fl-2014: 13 852 Karti Blu (inqas fis-snin preċedenti) – kważi 90 % minn Stat Membru wieħed – u madwar 25 000 permessi nazzjonali għal ħaddiema b’ħiliet għolja.
(3) Il-forza tax-xogħol tal-Istati Uniti hija ta’ madwar żewġ terzi ta' dik tal-UE, iżda ddaħħal madwar 200 000 ħaddiema tas-sengħa migranti kull sena.
(4) Intraprendituri innovattivi minn pajjiżi terzi, fornituri tas-servizzi u benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u ta’ applikanti għall-asil.